SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

28 ta’ Frar 2012 ( *1 )

“Protezzjoni tal-ambjent — Direttiva 2001/42/KE — Artikoli 2 u 3 — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent — Protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli — Pjan jew programm — Assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali preliminari — Annullament ta’ pjan jew programm — Possibbiltà li jinżammu l-effetti tal-pjan jew programm — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C-41/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Inter-Environnement Wallonie ASBL,

Terre wallonne ASBL

vs

Région wallonne,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Inter-Environnement Wallonie ASBL, minn J. Sambon, avukat,

għal Terre wallonne ASBL, minn A. Lebrun, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, assistit minn A. Gillain, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, A. Adam u S. Menez, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver, A. Marghelis u B. D. Simon, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157), li ma jkunx ġie ssuġġettat għal evalwazzjoni ambjentali kif prevista b’din id-direttiva, jista’ provviżorjament jibqa’ fis-seħħ.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawżi bejn Inter-Environnement Wallonie ASBL (iktar ’il quddiem “Inter-Environnement Wallonie”) u Terre wallonne ASBL (iktar ’il quddiem “Terre wallonne”) kontra Région wallonne u għandha bħala suġġett l-annullament tad-digriet tal-Gvern tal-Wallonie, tal-15 ta’ Frar 2007, li jemenda l-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Ambjent li jikkostitwixxi l-Kodiċi tal-Ilma f’dak li jikkonċerna l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura (Moniteur belge tas-7 ta’ Marzu 2007, p. 11118, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 91/676/KEE

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68), din id-direttiva hija intiża li tnaqqas it-tniġġis tal-ilma kkawżat jew introdott bin-nitrati minn sorsi agrikoli kif ukoll li tipprevjeni kull tniġġis ġdid ta’ dan it-tip.

4

L-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.   L-ilmijiet effettwati bit-tniġġis u l-ilmijiet li jistgħu jiġu effettwati bit-tniġġis jekk ma titteħidx azzjoni skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri skond il-kriterji stabbiliti f’l-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmin ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jinominaw bħala żoni vulnerabbli ż-żoni kollha ta’ l-art fit-territorji tagħhom li jxaqilbu lejn l-ilmijiet identifikati skond il-paragrafu I u li jikkontribwixxu għat-tniġġis. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’din in-nominazzjoni inizjali fi żmien sitt xhur.”

5

L-Artikolu 4(1)(a) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li, “[b]il-għan li jipprovdu għall-ilmijiet kollha livell ġenerali ta’ protezzjoni kontra t-tniġġis, l-Istati Membri għandhom, f’perjodu taż-żmien ta’ sentejn wara n-notifika ta’ din id-Direttiva […] jistabbilixxu kodiċi jew kodiċijiet ta’ prattika agrikola tajba, li għandhom jiġu mħaddma mill-bdiewa fuq bażi volontarja, li għandu jkun fihom dispożizzjonijiet li jkopru mill-inqas l-intestaturi msemmija f’L-Anness II A”.

6

Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva:

“1.   Bl-iskop li jilħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, […] l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programmi ta’ azzjoni rigward iż-żoni nnominati vulnerabbli.

2   Programm ta’ azzjoni jista’ jkollu x’jaqsam maż-żoni vulnerabbli kollha fit-territorju ta’ Istat Membru jew, meta l-Istat Membru jqisha ħaġa xierqa, jistgħu jiġu stabbiliti programmi differenti għal żoni vulnerabbli differenti jew partijiet ta’ żoni.

3.   Il-Programmi ta’ azzjoni għandhom iqisu:

a)

l-informazzjoni xjentifika u teknika disponibbli, b’mod partikolari b’riferiment għall-kontribuzzjonijiet tan-nitroġenu rispettivi ġejjin minn sorsi agrikoli jew minn sorsi oħra;

b)

il-kondizzjonijiet ambjentali fir-reġjuni rilevanti ta’ l-Istat Membru interessat.

4.   Il-programmi ta’ azzjoni għandhom jiġu implimentati fi żmien erba’ snin minn meta jiġu stabbiliti u għandhom jikkonsistu mill-miżuri obbligatorji li ġejjin:

a)

il-miżuri f’L-Anness III;

b)

dawk il-miżuri li l-Istati Membri jkunu stabbilew fil-kodiċi/jiet ta’ prattika agrikola tajba stabbiliti skond l-Artikolu 4, għajr dawk li posthom ikun ġie meħud mill-miżuri f’l-Anness III.

5.   L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu, fil-qafas tal-programmi ta’ azzjoni, dawk il-miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa li jqisu li huma meħtieġa jekk, fil-bidu jew fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ azzjoni, ikun jidher biċ-ċar illi l-miżuri msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux biżżejjed għalbiex jinkisbu l-miri speċifikati fl-Artikolu 1. Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri jew azzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu l-effiċjenza tagħhom u l-ispejjeż tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-miżuri preventivi l-oħra possibili.

[…]”

7

L-Anness III tad-Direttiva 91/676, dwar “il-miżuri li għandhom jiġu nklużi fil-programmi ta’ azzjoni skond l-Artikolu 5(4)(a)”, jistabbilixxi, b’mod partikolari, li dawn il-miżuri għandhom jinkludu regoli dwar, fost l-oħrajn, il-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tal-effluwenti tal-annimali.

Id-Direttiva 2001/42

8

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42 jistabbilixxi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern; u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)

‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

9

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha:

a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE [tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 15, Vol. 1, p. 248) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 15, Vol. 3, p. 151, iktar ’il quddiem id-‘Direttiva 85/337’]; jew

b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE [tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu. 15, Vol. 2, p. 102);

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[...]”

Id-Direttiva 85/337

10

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337, il-proġetti msemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent filwaqt li dan japplika wkoll għal dawk elenkati fl-Anness II, iżda abbażi tal-livelli stabbiliti mill-Istati Membri jew abbażi ta’ eżami individwali ta’ kull każ.

11

L-Anness I tad-Direttiva 85/337 isemmi b’mod partikolari l-“stallazzjoni għat-tkabbir intensiv tat-tjur jew tal-ħnieżer b’iktar minn […] 85 000 post għall-kapuċċelli, 60 000 post għat-tiġieġ ; […] 3000 post għall-produzzjoni tal-ħnieżer (ta’ iktar minn 30 kg) jew […] 900 post għall-majjaliet” filwaqt li l-Anness II ta’ din id-direttiva jsemmi, min-naħa tiegħu, l-attivtajiet ta’ biedja, ta’ silvikultura u ta’ akwakultura, b’mod partikolari l-proġetti għall-użu ta’ raba’ mhux ikkultivat jew ta’ żoni semi-naturali bil-għan ta’ biedja intensiva kif ukoll il-proġetti ta’ impjanti għat-tkabbir b’mod intensiv tal-annimali tal-irziezet li ma humiex imsemmija fl-Anness I tal-imsemmija direttiva.

Id-dritt nazzjonali

Il-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2001/42

12

Id-Direttiva 2001/42 ġiet trasposta fid-dritt tar-Reġjun tal-Wallonie permezz tal-Artikoli D. 52 et seq tal-Ktieb I tal-Kodiċi tal-Ambjent (Moniteur belge tad-9 ta’ Lulju 2004, p. 54654).

13

L-Artikolu D. 53 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“1.

Evalwazzjoni tal-effetti tal-pjanijiet u programmi fuq l-ambjent għandha ssir, skont l-Artikoli 52 sa 61, għall-pjanijiet u programmi kif ukoll għall-emendi tagħhom li jinsabu fil-lista I stabbilita mill-Gvern, li

1.

huma mfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tas-silvikoltura, tas-sajd, […] tal-industrija, […] tal-ġestjoni tal-ilma, tal-artijiet […] u li jistabbilixxu l-qafas li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fil-lista stabblita taħt l-Artikolu 66(2), tista’ tiġi awtorizzata fil-futur;

2.

huma suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikolu 29 tal-liġi tat-12 ta’ Lulju 1973 fuq il-ħarsien tan-natura.

[…]

3.

Il-Gvern jista’ jissuġġetta għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent taħt dan il-Kapitolu l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti mhux insinjifikattivi fuq l-ambjent u li ma humiex previsti minn digriet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi.

[…]”

14

L-Artikolu R. 47 tal-imsemmi kodiċi jistabbilixxi:

“Il-lista tal-pjanijiet u programmi msemmija fl-Artikolu 53[(1)] tal-parti li tirrigwarda d-digrieti hija ddeterminata fl-Anness V.”

15

L-imsemmi Anness V, stabbilit bid-digriet tal-Gvern tal-Wallonie tas-17 ta’ Marzu 2005, dwar il-Ktieb I tal-Kodiċi tal-Ambjent (Moniteur belge tal-4 ta’ Mejju 2005, p. 21184), jiġbor fih b’mod partikolari l-programm ta’ azzjoni għall-kwalità tal-arja, il-programm ta’ azzjoni għall-kwalità tal-art u l-programm ta’ azzjoni għall-protezzjoni tan-natura. Madankollu dan l-anness ma jinkludix il-programm ta’ azzjoni għall-ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura fiż-żoni vulnerabbli li kien ġie inizjalment stabbilit fid-dritt tar-Reġjun tal-Wallonie b’digriet tal-10 ta’ Ottubru 2002.

Il-liġijiet marbuta mad-Direttiva 91/676

16

Għal dak li jikkonċerna speċifikament dan l-aħħar programm ta’ azzjoni, id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tar-Reġjun tal-Wallonie jinsabu fid-digriet ikkontestat. Dan id-digriet jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura fit-territorju kollu tar-Reġjun tal-Wallonie. Dan jirrigwarda wkoll il-ġestjoni tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli u, f’dan ir-rigward, jikkostitwixxi l-programm ta’ azzjoni stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676. Iż-żoni vulnerabbli jirrappreżentaw 42 % tat-territorju tal-imsemmi reġjun u 54 % tal-wiċċ agrikolu utli tiegħu.

Il-liġijiet dwar il-kontenzjuż ippreżentat quddiem il-Conseil d’État

17

L-Artikolu 14B tal-liġijiet ikkonsolidati dwar il-Conseil d’État jistabbilixxi:

“Jekk is-sezzjoni tal-kontenzjuż amministrattiv tqis meħtieġ, hija għandha tindika, permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali, dawk l-effetti tad-dispożizzjonijiet ta’ atti regolamentari annullati li għandhom jitqiesu bħala finali jew li għandhom provviżorjament jinżammu għal terminu ffissat minnha.”

Il-kawża prinċipali u l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi magħquda C-105/09 u C-110/09

18

Permezz tas-sentenza tagħha tat-22 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-221/03, p. I-8307), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari kkonstatat li, billi ma adottax, fit-terminu stabbilit, il-miżuri meħtieġa biex jimplementa b’mod sħiħ u korrettament l-Artikoli 3(1) u (2), kif ukoll 5 u 10 tad-Direttiva 91/676 fir-Reġjun tal-Wallonie, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva.

19

Fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, il-Gvern tal-Wallonie adotta, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676, id-digriet ikkontestat. L-imsemmi digriet jemenda l-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Ambjent, li jikkostitwixxi l-Kodiċi tal-Ilma fir-rigward tal-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura, u jinkludi riferiment espress għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq.

20

Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie talbu lill-Conseil d’État l-annullament tal-imsemmi digriet billi allegaw, b’mod partikolari, li dan kien jikkostitwixxi “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 u li dan kellu, għalhekk, ikun is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali skont din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, il-Gvern tal-Wallonie sostna li l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu fl-agrikoltura ma kienx jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42.

21

Barra minn hekk, Terre wallonne kienet talbet bħala miżura provviżorja s-sospensjoni tad-digriet ikkontestat. Madankollu, b’sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2007, il-qorti tar-rinviju ċaħdet din it-talba billi qieset li “s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat ma għandhiex ikollha bħala effett li ttawwal in-nuqqas tal-parti l-oħra, preċedenti għal dan il-att,” u li, barra minn hekk, din l-assoċjazzjoni ma kinitx stabbilixxiet fl-ilment tagħha l-konkretizzazzjoni tal-kundizzjoni marbuta ma’ riskju ta’ dannu gravi li huwa diffiċilment reparabbli kkawżat bl-eżekuzzjoni immedjata tal-att ikkontestat.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État, b’deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2009, kien iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(a) tad-[Direttiva 2001/42], li hu ppreparat għall-agrikoltura, l-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar tal-iskart, l-amministrazzjoni tal-ilma, t-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, l-ippjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art u li jistabbilixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-[Direttiva 85/337]?

2)

Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(b) tad-[Direttiva 2001/42] li, peress li l-effetti li huwa jista’ jkollu fuq is-siti, jeħtieġ evalwazzjoni skont l-Artikoli 6 u 7 tad-[Direttiva 92/43], b’mod partikolari meta l-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu inkwistjoni japplika għaż-żoni vulnerabbli indikati kollha tar-Reġjun tal-Vallonja?

3)

Il-programm ta’ ġestjoni tan-nitroġenu rigward iż-żoni vulnerabbli indikati, li huwa stabbilit skont l-Artikolu 5(1) tad-[Direttiva 91/676] huwa pjan jew programm differenti minn dawk koperti mill-Artikolu 3(2) tad-direttiva [2001/42], li jiddefinixxi l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti, li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, skont l-Artikolu 3(4) tad-[Direttiva 2001/42], jekk huma jistax ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, skont il-paragrafu 5?”

23

Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari taw lok għas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C-105/09 u C-110/09, Ġabra p. I-5611), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“Programm ta’ azzjoni adottat taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676/[…] huwa bħala prinċipju pjan jew programm imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/[…], meta dan jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ din l-aħħar direttiva u meta fih miżuri li l-osservanza tagħhom tikkundizzjona l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni li tista’ tingħata għat-twettiq tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337[…].”

L-iżviluppi li seħħew fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari magħmula f’din il-kawża

24

Permezz tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2009, li biha l-Conseil d’État kien staqsa lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari fil-Kawża Inter-Environment Wallonie (C-110/09), din tal-aħħar kienet annullat ukoll ċerti artikoli tad-digriet ikkontestat, filwaqt li żammet fir-rigward ta’ wħud mill-imsemmija artikoli l-effetti tagħhom fir-rigward tad-derogi mogħtija kif ukoll l-effetti marbuta mad-deċiżjonijiet meħuda preċedentement. Konsegwentement, il-kawża prinċipali issa prinċipalment tirrigwarda r-rikorsi ppreżentati minn Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne inkwantu dawn huma intiżi li jannullaw is-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 3 tad-digriet ikkontestat dwar il-“ġestjoni tan-nitroġenu fiż-żoni vulnerabbli”.

25

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Inter-Environnement Wallonie qiegħdet inkwistjoni biss il-legalità tad-digriet ikkontestat f’dak li jirrigwarda ż-żoni vulnerabbli, li huma s-suġġett tas-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 3 ta’ dan id-digriet. Madankollu, peress illi qieset li l-imsemmi digriet, li jistabbilixxi kapitolu tal-Kodiċi tal-ilma, jiġbor fih dispożizzjonijiet indissoċjabbli, hija talbet l-annullament tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-istess digriet, inklużi dawk li eventwalment ma jaqgħux taħt “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 jew eventwalment ma jikkostitwixxux tali programm. Terre Wallonne wkoll sostniet favur l-annullament tad-digriet fl-intier tiegħu minħabba n-natura indissoċjabbli tad-dispożizzjonijiet inklużi fih. Madankollu, din ir-rikorrenti ammettiet quddiem il-qorti tar-rinviju li l-annullament seta’ jiġi deċiż mingħajr effett retroattiv bil-kundizzjoni li ż-żamma tal-effetti tal-att ikkontestat jiġi limitat ratione temporis.

26

Min-naħa tagħha, Région wallonne tqis li l-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet inklużi fid-digriet ikkontestat ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ programm adottat taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 u, konsegwentement, taħt il-kunċett ta’ “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42, b’mod partikolari għaliex l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiddefinixxux l-implementazzjoni tal-proġetti bħalma huma dawk elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337. Għalhekk, skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, hija biss is-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 3 tad-digriet ikkontestat, inkwantu tirrigwarda l-ġestjoni tan-nitroġenu f’żoni vulnerabbli, li tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ programm ta’ azzjoni imposta bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 u, għalhekk, taħt “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42. Minn dan jirriżulta li, minħabba l-assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali magħmula skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42, hija biss din is-sottotaqsima li għandha tiġi annullata, peress li, skont Région wallonne, din tal-aħħar ma hijiex marbuta mad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-digriet ikkontestat li jikkostitwixxu l-parti essenzjali tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676.

27

Wara s-sentenza Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, il-Conseil d’État qis li d-digriet ikkontestat kien jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42. Konsegwentement, sa fejn, minn naħa, dan id-digriet ma kienx, qabel ma ġie adottat, is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali kif previst b’din id-direttiva, u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ipprovdiet limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tagħha Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, dan id-digriet għandu jiġi annullat.

28

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-annullament b’effett retroattiv iċaħħad, fir-Reġjun tal-Wallonie, l-ordinament ġuridiku Belġjan minn kull miżura ta’ transpożizzjoni tad-Direttiva 91/676 sal-mument li fih l-att annullat jiġi emendat u b’hekk joħloq sitwazzjoni li fiha r-Renju tal-Belġju jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din l-aħħar direttiva.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-Conseil d’État,

li quddiemu jiġi ppreżentat rikors għall-annullament ta’ digriet [ikkontestat],

li jikkonstata li dan id-digriet ġie adottat mingħajr osservanza tal-proċedura pprovduta fid-Direttiva 2001/42 [...] u li, għal din ir-raġuni, imur kontra d-dritt tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi annullat,

iżda li fl-istess waqt jikkonstata li d-digriet ikkontestat jipprovdi implementazzjoni xierqa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/[...],

jista’ jipposponi fiż-żmien l-effetti tal-annullament ġudizzjarju għall-perijodu qasir li huwa neċessarju għat-tfassil mill-ġdid tal-att annullat sabiex iżomm fid-dritt ambjentali tal-Unjoni ċerta implementazzjoni konkreta mingħajr interruzzjoni tal-kontinwità?”

L-iżviluppi li seħħew wara l-introduzzjoni tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30

Mill-informazzjoni pprovduta fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Terre wallonne, tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni, li ġiet ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li l-Gvern tal-Wallonie adotta, fil-31 ta’ Marzu 2011, digriet li jemenda l-Ktieb II tal-Kodiċi tal-Ambjent li jinkludi l-Kodiċi tal-Ilma f’dak li jirrigwarda l-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura (iktar ’il quddiem id-“digriet ġdid”).

31

Mill-għanijiet ta’ dan id-digriet jirriżulta li dan ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Parti V tal-Ktieb I tal-Kodiċi tal-Ambjent, dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u wara, minn naħa, parir fuq ir-rapport strateġiku ta’ evalwazzjoni ambjentali mogħti fil-5 ta’ Marzu 2009 mill-Conseil wallon de l’environnement pour le développement durable u, min-naħa l-oħra, investigazzjoni pubblika mwettqa mill-5 ta’ Jannar sad-19 ta’ Frar 2009 inklużi.

32

L-Artikolu 1 tad-digriet ġdid jindika li dan tal-aħħar jittrasponi d-Direttiva 91/676 filwaqt li l-Artikolu 4 jistabbilixxi li d-digriet ikkontestat huwa annullat. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet ġdid jipprovdi li d-digrieti ta’ eżekuzzjoni tad-digriet ikkontestat għandhom jinżammu fis-seħħ sat-tneħħija tagħhom mill-awtur tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-kontenut tal-Artikolu R. 460 tal-Kodiċi tal-Ambjent, dwar il-Kodiċi tal-Ilma, b’test li jistabbilixxi t-tqegħid f’konformità ta’ ċerti infrastrutturi agrikoli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ħażna tal-fertilizzanti, tal-effluwenti tal-annimali, tal-fertilizzant likwidu kif ukoll tad-demel likwidu. Id-dati li fihom għandu jseħħ dan it-tqegħid f’konformità huma l-31 ta’ Diċembru 2008, il-31 ta’ Diċembru 2009 jew il-31 ta’ Diċembru 2010, jiġifieri dati li jippreċedu d-data tal-adozzjoni tad-digriet ġdid, u huma ddeterminati prinċipalment skont ċerti livelli ta’ produzzjoni ta’ nitroġenu, b’mod partikolari mill-bhejjem. Madankollu, dawn l-iskadenzi jistgħu jiġu posposti f’każ ta’ forza maġġuri jew ta’ fatti eċċezzjonali.

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

33

Il-Kummissjoni prinċipalment issostni li, fid-dawl tad-digriet ġdid adottat, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma għadx għandha skop u għalhekk għandha titqies li hija inammissibbli.

34

B’risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Conseil d’État madankollu sostna li huwa kien ser jissokta bid-domanda preliminari tiegħu sa fejn id-digriet ġdid ma kellux effett fuq ir-rikors imressaq quddiemu, peress illi l-imsemmi digriet ma jirregolax il-perijodu kkonċernat mill-imsemmi digriet sa fejn, skont din il-qorti, dan id-digriet ġdid ma għandux effett retroattiv.

35

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest legali u fattwali li għandhom jiġu ddefiniti mill-imsemmija qorti nazzjonali, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew saħansitra meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C-188/10 u C-189/10, Ġabra p. I-5667, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati nazzjonali aditi b’kawża li għandhom jevalwaw kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, Ġabra p. I-4501, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Issa, f’dan ir-rigward, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-domandi magħmula minnha huma rilevanti fir-rigward tal-kawża li biha din il-qorti hija adita u li risposta għal din id-domanda hija meħtieġa għaliha sabiex tiddeċiedi l-imsemmija kawża.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-Conseil d’État għandha tingħata risposta.

Fuq id-domanda preliminari

39

Permezz tad-domanda tagħha u fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn hija hi adita b’rikors intiż għall-annullament ta’ att nazzjonali li jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 u fejn hija tikkonstata li tali pjan jew programm ġie adottat bi ksur tal-obbligu previst b’din id-direttiva li jistabbilixxi li għandha ssir evalwazzjoni ambjentali preliminari, din il-qorti, li madankollu tikkonstata li l-att ikkontestat jikkostitwixxi eżekuzzjoni xierqa tad-Direttiva 91/676, tistax tuża dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tagħha li tippermettilha li żżomm ċerti effetti tal-passat tal-imsemmi att sad-data li fiha jidħlu fis-seħħ il-miżuri intiżi li jipprovdu rimedju għall-irregolarità kkonstatata.

40

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-għan ewlieni tad-Direttiva 2001/42, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li jissuġġetta l-pjanijiet u l-programmi li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, matul it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom, għal evalwazzjoni ambjentali (sentenzi Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32, kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et, C-295/10, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

41

Din id-direttiva tistabbilixxi r-regoli minimi li jirrigwardaw ir-redazzjoni tar-rapport fuq l-effetti ambjentali, l-implementazzjoni tal-proċess ta’ konsultazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni ambjentali kif ukoll il-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar id-deċiżjoni adottata wara l-evalwazzjoni (sentenza Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

42

Fin-nuqqas, f’din id-direttiva, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu minn ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali li hija tistabbilixxi, huma l-Istati Membri li għandhom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari sabiex il-“pjanijiet” u “programmi” kollha li jistgħu jkollhom “effett sinjifikattiv fuq l-ambjent” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 jiġu, qabel l-adozzjoni tagħhom, suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, skont il-modalitajiet proċedurali u l-kriterji previsti bl-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 61; tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 70, kif ukoll tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 65).

43

Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs L-Istat Belġjan, 6/60, Ġabra p. 1125, 1146, kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punt 36). Tali obbligu huwa impost, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu, fuq kull korp tal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-8/88, Ġabra p. I-2321, punt 13, kif ukoll Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Minn dan jirriżulta li, meta “pjan” jew “programm” kellu qabel l-adozzjoni tiegħu jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jipprovdu rimedju għall-assenza ta’ tali evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

45

Obbligu bħal dan huwa impost ukoll fuq il-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra tali att nazzjonali u, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-modalitajiet proċedurali applikabbli għal tali rikors jistgħu jiġu ppreżentati kontra tali “pjanijiet” jew “programmi” li jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru abbażi tal-prinċipju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li, fil-prattika, ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Konsegwentement, il-qrati aditi f’dan ir-rigward għandhom jadottaw, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, il-miżuri intiżi għas-sospensjoni jew għall-annullament tal-“pjan” jew tal-“programm” adottat bi ksur tal-obbligu li ssir l-evalwazzjoni ambjentali (ara, b’analoġija, is-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

47

Fil-fatt, ikun hemm ksur tal-għan fundamentali tad-Direttiva 2001/42 jekk, aditi f’dan ir-rigward, il-qrati nazzjonali ma jadottawx, fil-kuntest ta’ tali rikors u fil-limiti tal-awtonomija proċedurali, il-miżuri, previsti bid-dritt nazzjonali tagħhom, xierqa biex jimpedixxu li tali pjan jew programm, inkluż il-proġetti li għandhom jiġu implementati fil-kuntest ta’ dan il-programm, ikun jista’ jiġi implementat mingħajr ma tkun saret evalwazzjoni ambjentali.

48

Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors ta’ din in-natura. Madankollu, huwa meħtieġ li jsir magħruf jekk, fil-kuntest ta’ tali rikors u bl-annullament tad-digriet ikkontestat, hija tistax, b’mod eċċezzjonali u fid-dawl tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, tuża dispożizzjoni nazzjonali li tippermettilha żżomm l-effetti tal-passat tal-imsemmi digriet sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri li jippermettu li l-irregolarità kkonstatata tiġi rrimedjata.

49

Skont il-qorti tar-rinviju, iż-żamma tal-effetti tad-digriet ikkontestat, adottat bi ksur tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2001/42, minn-naħa, tista’ tiġi ġġustifikata sa fejn l-annullament ta’ dan id-digriet b’effett retroattiv iċaħħad l-ordinament ġuridiku Belġjan minn kull miżura intiża biex tittrasponi, fir-Reġjun tal-Wallonie, id-Direttiva 91/676. Min-naħa l-oħra, din iż-żamma hija relattivament limitata fiż-żmien għaliex tkopri biss il-perijodu li għadda sad-data tad-dħul fis-seħħ tad-digriet ġdid.

50

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li, mingħajr ma huwa stabbilit b’mod ċert, il-konformità tad-digriet ikkontestat mad-Direttiva 91/676 tidher li tirriżulta b’mod partikolari mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/96/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li tagħti deroga mitluba mill-Belġju li tirreferi għar-reġjun tal-Vallonja skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikolu (ĠU 2008, L 32, p. 21). Fil-fatt, il-Kummissjoni, għall-finijiet li tawtorizza lil dan l-Istat Membru sabiex jippermetti l-applikazzjoni ta’ kwantità ta’ effluwenti mill-bhejjem ogħla minn dik indikata fl-ewwel sentenza (a) tat-tieni subparagrafu tal-Punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676, kienet ipproċediet b’eżami tal-imsemmi digriet, li huwa msemmi fil-premessa 6 u fl-Artikolu 10 ta’ din id-deċiżjoni, u mingħajr ma oġġezzjonat la għall-mod ta’ kif din l-aħħar direttiva kienet ġiet trasposta fir-reġjun tal-Wallonie permezz tad-digriet ikkontestat, u lanqas għall-fatt li l-programm ta’ azzjoni fir-rigward tan-nitrati f’żoni vulnerabbli, kif impost bl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u kkostitwit bis-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 3 tad-digriet ikkontestat, ma kienx ġie adottat wara evalwazzjoni ambjentali fis-sens tad-Direttiva 2001/42.

51

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li d-digriet ikkontestat, f’dak li jirrigwarda ż-żoni vulnerabbli, jikkostitwixxi “programm” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/42, peress li huwa impost bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/676 u tfassal minn awtorità f’livell nazzjonali jew reġjonali.

52

Barra minn hekk, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Terre Wallonne u Inter-Environnement Wallonie, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet biss fir-rigward tal-programmi ta’ azzjoni imposti bl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/676, bħalma huma dawk ikkostitwiti bis-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 3 tad-digriet ikkontestat, il-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tqis, peress illi d-digriet ikkontestat jimponi fiż-żoni kollha, inklużi ż-żoni vulnerabbli, miżuri u azzjonijiet ta’ tip bħal dawk elenkati fl-Artikolu 5 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676 u peress illi huma intiżi għall-ġlieda kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati, li dan id-digriet fl-intier tiegħu jikkostitwixxi qafas li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337 jistgħu jiġu awtorizzati, u għalhekk dan għandu jitqies li huwa “pjan” jew “programm” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 li għalih evalwazzjoni ambjentali hija obbligatorja u ma jiddependix fuq il-konstatazzjonijiet preliminari tal-effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

53

Barra minn hekk, din il-qorti tikkonstata li d-digriet ikkonstatat jikkostitwixxi sistema organizzata u indissoċjabbli b’mod li ma huwiex possibbli li tiġi annullata biss il-parti ta’ dan id-digriet dwar l-użu tan-nitrati f’żoni vulnerabbli, jiġifieri f’din il-kawża s-Sottotaqsima 6 tat-Taqsima 4 tal-imsemmi digriet.

54

Għalhekk, il-Conseil d’État jindika li huwa għandu, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, jannulla d-digriet ikkontestat għaliex, minkejja li dan tal-aħħar kien is-suġġett ta’ investigazzjoni pubblika li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li dawn tal-aħħar ma kinux f’pożizzjoni li juru li Région wallonne ma kienx ikkunsidra l-osservazzjonijiet li huma ssottomettew matul din l-investigazzjoni, dan, madankollu, ma kienx is-suġġett ta’ evalwazzjoni ambjentali kif stabbilit bid-Direttiva 2001/42. Madankollu, jekk jagħmel hekk, huwa jkun qed joħloq lakuna legali f’dak li jirrigwarda l-implementazzjoni tad-Direttiva 91/676 minkejja li din l-aħħar direttiva, li ġiet adottata bi ħsieb li ttejjeb il-kwalità tal-ambjent, timponi l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni u li, barra minn hekk, l-imsemmi digriet kien ġie adottat bi ħsieb li jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq.

55

Issa, skont din il-qorti, ma jistax jiġi eskluż li l-għan ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, li, skont l-Artikolu 191 TFUE, huwa mfittex bil-politika tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, jista’, fil-kawża prinċipali, jintlaħaq b’mod aħjar permezz taż-żamma tal-effetti tad-digriet annullat matul perijodu qasir meħtieġ biex jiġi emendat pjuttost permezz tal-annullament retroattiv.

56

Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża preżenti kif esposti fil-punti 50 sa 55 ta’ din is-sentenza, hemm riskju li, billi tiġi rrimedjata l-irregolarità li taffettwa l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan id-digriet fir-rigward tad-Direttiva 2001/42 permezz tal-annullament tad-digriet ikkontestat, il-qorti tar-rinviju tkun qed toħloq lakuna legali inkompatibbli mal-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jadotta miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 u dan japplika wkoll għall-miżuri li jwasslu lil dan l-Istat biex jeżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma tinvokax motivi ta’ natura ekonomika għall-finijiet li tiġi awtorizzata tipproċedi b’tali żamma tal-effetti tad-digriet ikkontestat, iżda tirreferi biss għall-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Unjoni u għandu natura kemm trażversali kif ukoll fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-176/03, Ġabra 2005 p. I-7879, punti 41 u 42).

58

Fir-rigward ta’ dan il-għan, il-qorti tar-rinviju tista’, fid-dawl tal-fatt li teżisti kunsiderazzjoni vinkolanti marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa li żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat, kemm-il darba l-kundizzjonijiet segwenti jiġu osservati.

59

L-ewwel nett, id-digriet ikkontestat għandu jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676.

60

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa jekk l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tad-digriet ġdid, li jistabbilixxi, b’mod partikolari fl-Artikolu 8 tiegħu, iż-żamma ta’ ċerti atti adottati fuq il-bażi tad-digriet ikkontestat, jippermettux li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tad-digriet ikkontestat.

61

It-tielet nett, u dan għandu jiġi kkonstatat mill-qorti tar-rinviju, l-annullament tad-digriet ikkontesta għandu jkollu, fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676, bħala konsegwenza l-ħolqien ta’ lakuna legali li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent. Dan ikun il-każ jekk tali annullament iwassal biex tonqos il-protezzjoni mogħtija lill-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, peress illi dan imur kontra l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva li huwa li tipprevjeni tali tniġġis.

62

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, żamma eċċezzjonali tal-effetti ta’ tali att nazzjonali tista’ tiġi ġġustifikata biss għall-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li l-irregolarità kkonstatata tiġi rrimedjata.

63

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali għandha tkun li, meta qorti nazzjonali tiġi adita, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħha, b’rikors intiż għall-annullament ta’ att nazzjonali li jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 u li tikkonstata li tali “pjan” jew “programm” ġie adottat bi ksur tal-obbligu previst b’din id-direttiva li jistabbilixxi l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ambjentali preliminari, din il-qorti għandha tadotta l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari previsti fid-dritt nazzjonali tagħha sabiex tipprovdi rimedju għan-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni, inkluż l-eventwali sospensjoni jew annullament tal-“pjan” jew “programm” ikkontestat. Madankollu, fid-dawl tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat kemm-il darba:

dan l-att nazzjonali jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 91/676;

l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-att nazzjonali ġdid li jinkludi l-programm ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tal-att ikkontestat;

l-annullament ta’ dan l-att ikkontestat ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna legali fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent fis-sens li dan l-annullament iwassal biex tonqos il-protezzjoni mogħtija lill-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u b’hekk imur kontra l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva; u

iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti ta’ tali att tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

Fuq l-ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi,

Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

Meta qorti nazzjonali tiġi adita, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali tagħha, b’rikors intiż għall-annullament ta’ att nazzjonali li jikkostitwixxi “pjan” jew “programm” fis-sens tad-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima [evalwazzjoni] tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, u li tikkonstata li tali “pjan” jew “programm” ġie adottat bi ksur tal-obbligu previst b’din id-direttiva li jistabbilixxi l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni ambjentali preliminari, din il-qorti għandha tadotta l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari previsti fid-dritt nazzjonali tagħha sabiex tipprovdi rimedju għan-nuqqas ta’ tali evalwazzjoni, inkluż l-eventwali sospensjoni jew annullament tal-“pjan” jew “programm” ikkontestat. Madankollu, fid-dawl tal-fatti speċifiċi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tista’ eċċezzjonalment tiġi awtorizzata tuża d-dispożizzjoni nazzjonali tagħha li tagħtiha s-setgħa żżomm ċerti effetti ta’ att nazzjonali annullat kemm-il darba:

 

dan l-att nazzjonali jikkostitwixxi miżura ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli;

 

l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-att nazzjonali ġdid li jinkludi l-programm ta’ azzjoni fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva ma jkunux jippermettu li jiġu evitati l-effetti dannużi fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-annullament tal-att ikkontestat;

 

l-annullament ta’ dan l-att ikkontestat ikollu bħala konsegwenza li joħloq lakuna legali fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 91/676 li tkun ta’ dannu ikbar għall-ambjent fis-sens li dan l-annullament iwassal biex tonqos il-protezzjoni mogħtija lill-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli u b’hekk imur kontra l-għan essenzjali ta’ din id-direttiva; u

 

iż-żamma eċċezzjonali tal-effetti ta’ tali att tkun tkopri biss il-perijodu ta’ żmien strettament meħtieġ għall-adozzjoni tal-miżuri li jippermettu li tiġi rrimedjata l-irregolarità kkonstatata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.