Kawża C-272/09 P

KME Germany AG et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-pajpijiet industrijali tar-ram — Multi — Daqs tas-suq, tul tal-ksur u kooperazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — Rimedju ġudizzjarju effettiv”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq — Natura kalkolabbli — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni 98/C 9/03, l-ewwel paragrafu tal-punt 1(A))

2.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata — Dħul mill-bejgħ imwettaq bil-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni rispettiv — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

3.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur — Żieda tal-ammont minħabba t-tul tal-ksur — Assenza ta’ neċessità li tiġi stabbilita relazzjoni diretta bejn dan it-tul u ksur akkumulat tar-regoli ta’ kompetizzjoni

(Artikolu 81(1) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1(B))

4.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Stħarriġ ta’ legalità — Portata

(Artikolu 263 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

5.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità u tul tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

6.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi — Motivazzjoni tad-deċiżjoni — Portata

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni — Portata

(Artikolu 261 TFUE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 17, u Nru 1/2003, Artikolu 31)

8.        Dritt tal-Unjoni — Prinċipji — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni — Stħarriġ ta’ legalità u ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, kemm fid-dritt kif ukoll fil-fatt — Ksur — Assenza

(Artikolu 263 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.        Skont il-punt 1 A tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt reali tagħha fuq is-suq biss meta dan ikun jista’ jitkejjel. Id-determinazzjoni tal-impatt reali ta’ akkordju fuq is-suq jippresupponi fil-fatt li titqabbel is-sitwazzjoni tas-suq li tirriżulta mill-akkordju ma’ dik li tirriżulta mill-kompetizzjoni libera. Tali tqabbil jimplika neċessarjament ir-rikors għal ipoteżiijiet, minħabba l-ammont ta’ varjabbli li jista’ jkollhom impatt fuq is-suq.

(ara l-punti 30, 31)

2.        Jekk huwa permess, fid-determinazzjoni tal-multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn din iċ-ċifra li toriġina mill-merkanzija suġġett tal-ksur u li għalhekk hija ta’ natura li tindika l-portata tagħha, madankollu id-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża jikkostitwixxi biss indikazzjoni approssimattiva u imperfetta tad-daqs ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata la lil waħda u lanqas lil oħra minn dawn iċ-ċifri meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 50, 51)

3.        Meta, skont il-punt 1B tal-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, l-ammont deċiż minħabba l-gravità tal-ksur jiżdied sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita effettivament relazzjoni diretta bejn dan it-tul u ksur akkumulat ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji intiżi mir-regoli ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti minn meta jkun jidher li għandu l-għan li jillimita, jfixkel jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, dan huwa l-każ tal-ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq.

(ara l-punti 64, 65)

4.        Għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, bħad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, fil-kuntest tal-isħrarriġ ta’ legalità, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom.

Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ ta’ legalità abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji dwar il-kalkolu ta’ multa msemmija fil-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

(ara l-punti 94, 102

5.        Għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li ħadu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Komunità Ewropea. L-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, l-estensjoni tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva.

(ara l-punti 96, 97)

6.        Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, fejn indikat fuq liema bażi se tikkunsidra tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnhom fuq l-ammont tal-multa. Dawn il-Linji Gwida li jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax taħrab minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91), sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa. Hija l-Kummissjoni, meta timmotiva d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari, li tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni

(ara l-punti 99-101)

7.        F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rrikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta.

Għaldaqstant, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, tali nuqqas ta’ motivazzjoni huwa r-rikorrent li għandu jqajmu kontra d-deċiżjoni kkontestata u għandu jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi tiegħu. Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati.

(ara l-punti 103-105)

8.        L-istħarriġ previst mit-trattati għad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni jimplika li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk ma jidhirx li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li tinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punt 106)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-pajpijiet industrijali tar-ram – Multi – Daqs tas-suq, tul tal-ksur u kooperazzjoni li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni – Rimedju ġudizzjarju effettiv”

Fil-Kawża C‑272/09 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-15 ta’ Lulju 2009,

KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG, stabbilita f’Osnabrück (il-Ġermanja),

KME France SAS, li kienet Tréfimétaux SA, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA, stabbilita f’Firenze (l‑Italja),

irrappreżentati minn M. Siragusa, avukat, A. Winckler, avukat, G. C. Rizza, avukat, T. Graf, avukat, u M. Piergiovanni, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Gippini Fournier u J. Bourke, bħala aġenti, assistiti minn C. Thomas, solicitor, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Ottubru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom KME Germany AG, li kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li kienet Tréfimétaux SA, u KME Italy SpA, li kienet Europa Metalli SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, “KME”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li saret il-Qorti Ġenerali), tas-6 ta’ Mejju 2009, KME Germany et vs Il-Kummissjoni (T‑127/04, Ġabra p. II‑1167, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba tagħhom għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multi imposti fuqhom skont l-Artikolu 2(c) sa (e) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 4820 finali, tas-16 ta’ Diċembru 2003, dwar proċedimenti skont l-Artikolu 81[KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.240 – Pajpijiet industrijali) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kien jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ permess ta’ deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta’ rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta’ negozju preċedenti ta’ kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b’ negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81](1) [KE] jew l-Artikolu [82 KE], jew

b)      dawn jikkommettu ksur ta’ obligazzjoni imposta skond l-Artikolu 8(1).

Fl-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravita kif ukoll id-dewmien tal-ksur.”

3        L-Artikolu 17 tar-Regolament 17 kien jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fit-tifsira ta’ l-Artikolu [229 KE] li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew pagament ta’ penalita perjodiku; din tista’ tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalita perjodiku impost.”

4        Ir-Regolament 17 ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004. L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament huwa ekwivalenti għall-Artikolu 17 tar-Regolament 17.

5        L-Avviż tal-Kummissjoni intitolat “Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”), applikabbli meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, fil-preambolu tiegħu, jistabbilixxi:

“Il-prinċipji indikati [mil-linji gwida] għandhom jiżguraw t-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f’għajnejn kemm ta’ l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġislazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta’ 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma’ l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta’ multa għandu jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravanti jew imnaqqsa biex jieħdu f’kunsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità [attenwanti].”

6        Skont il-punt 1 tal-Linji Gwida “[dan] l-ammont bażiku tal-multa għandu jiġi ddeterminat skont il-gravità u t-tul tal-ksur, li huma l-uniċi kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 [traduzzjoni mhux uffiċjali].”

7        F’dak li jikkonċerna l-gravità, il-punt 1 A tal-Linji Gwida jipprovdi li l-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura proprja tal-ksur, l-impatt reali fuq is-suq meta jkun kalkolabbli u l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat. Il-ksur huwa kklassifikat taħt tliet kategoriji, ksur minuri, ksur serju u ksur serju ħafna.

8        Skont il-Linji Gwida, il-ksur serju ħafna huwa b’mod partikolari r-restrizzjonijiet orizzontali tat-tip “kartell tal-prezzijiet” u kwoti ta’ tqassim tas-swieq. L-ammont bażiku tal-multa possibbli huwa ta’ “aktar minn [EUR]20 miljun”. Il-Linji Gwida juru n-neċessità li dan l-ammont bażiku jiġi ddifferenzjat sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura tal-ksur imwettaq, il-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l-oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, l-effett dissważiv tal-multa kif ukoll l-għarfien u l-infrastrutturi legali-ekonomiċi tal-impriżi li jippermettulhom li jevalwaw in-natura illegali tal-aġir tagħhom. Huwa ppreċiżat ukoll li fil-każ ta’ ksur li jinvolvi diversi impriżi, jista’ jkun jaqbel li jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta tkun teżisti differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura.

9        F’dak li jikkonċerna t-tul tal-ksur, il-Linji Gwida jiddistingwu l-ksur għal tul qasir, b’mod ġenerali ta’ inqas minn sena, u l-ksur għal tul medju, b’mod ġenerali ta’ bejn sena u ħames snin u l-ksur għal żmien twil, b’mod ġenerali ta’ iktar minn ħames snin. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, huwa previst ammont addizzjonali tal-multa li jista’ jiġi stabbilit għal kull sena għal 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur. Il-Linji Gwida jipprovdu wkoll tkabbir fiż-żieda għall-ksur għal żmien twil, sabiex jiġu realment issanzjonati r-restrizzjonijiet li jkunu pproduċew għal żmien twil l-effetti dannużi tagħhom fil-konfronti tal-konsumaturi u sabiex tiżdied l-inċentiva sabiex jinkixef il-ksur jew għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

10      Skont il-punt 2 tal-Linji Gwida, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied fil-każ ta’ ċirkustanzi aggravanti bħal, b’mod partikolari, il-ksur ripetut tal-istess impriża jew tal-istess impriżi għal ksur tal-istess tip. Skont il-punt 3 tal-imsemmija Linji Gwida, dan l-ammont bażiku jista’ jitnaqqas f’każ ta’ ċirkustanzi attenwanti partikolari bħar-rwol esklużivament passiv jew emulattiv ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur, in-nuqqas ta’ implementazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew il-kooperazzjoni effettiva mill-impriża fil-proċeduri, barra mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”).

11      Il-Linji Gwida ġew sostitwiti, mill-1 ta’ Settembru 2006, bil-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

12      Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni matul investigazzjoni tagħha dwar akkordju jkunu jistgħu jiġi eżentati minn multi jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa li kieku kien ikollhom iħallsu. Skont it-Titolu B ta’ din il-komunikazzjoni, tibbenefika minn tnaqqis tal-inqas ta’ 75 % tal-ammont tal-multa jew minn nuqqas ta’ impożizzjoni totali ta’ multa b’mod partikolari l-impriża li tgħarraf lill-Kummissjoni bl-akkordju qabel ma din tagħmel verifika u mingħajr ma jkollha informazzjoni biżżejjed sabiex tagħti prova tal-eżistenza tal-akkordju mikxuf jew li tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ dan l-akkordju. Skont it-Titolu D tal-imsemmija komunikazzjoni, impriża tista’ tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 % sa 50 % tal-ammont tal-multa b’mod partikolari meta, qabel ma tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, din tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq.

13      Il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni ġiet issostitwita mill-14 ta’ Frar 2002 permezz tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u t-tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155). Il-Kummissjoni madankollu f’dan il-każ applikat il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, peress li l-impriżi ħadu inkunsiderazzjoni din il-komunikazzjoni meta kkollaboraw magħha.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

14      Flimkien ma’ impriżi oħra, jiġifieri Wieland Werke AG kif ukoll Outokumpu Oyj u Outokumpu Copper Products Oy (iktar ’il quddiem, flimkien, “Outokumpu”), produtturi ta’ prodotti semi-manifatturati tar-ram u ta’ liegi tar-ram, l-appellanti pparteċipaw għal akkordju intiż għall-iffissar tal-prezzijiet u sabiex jaqsmu bejniethom is-swieq fis-settur tal-pajpijiet industrijali, b’mod iktar partikolari l-pajpijiet tar-ram ittemprati jew ikkoljati.

15      Wara verifiki u investigazzjonijiet, fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni, adottat id-deċiżjoni kkontestata, li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

16      Għal dan l-appell, il-punti rilevanti fejn il-Qorti Ġenerali għamlet sinteżi tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata dwar il-kalkolu tal-multa huma dawn li ġejjin:

“11      Fl-ewwel lok, rigward l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ksur, li sostanzjalment kien jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim tas-swieq, kien minnu nnifsu, ksur serju ħafna (premessa 294 tad-Deċiżjoni kkontestata).

12      Sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kartell kien affettwa t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni barra minn hekk eżaminat l-effetti reali tal-ksur u kkonstatat li l-akkordju kien “globalment, ipproduċa effetti fuq is-suq (premessa 314 tad-Deċiżjoni kkontestata).

[...]

14      Fl-aħħar nett, dejjem fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-suq tat-tubi industrijali tar-ram kien jikkostitwixxi settur importanti, li l-valur tiegħu ġie stmat għal EUR 288 miljun f’dak li jikkonċerna ż-ŻEE (premessa 318 tad-deċiżjoni kkontestata).

15.      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ksur inkwistjoni kellu jkun ikkunsidrat bħala serju ħafna (premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata).

[...]

19      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni kklassifikat id-dewmien tal-ksur, li dam mit-3 ta’ Mejju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001, bħala “twil”. Il-Kummissjoni għalhekk iġġudikat xieraq li żżid b’10 % għal kull sena ta’ parteċipazzjoni fil-kartell l-ammont inizjali tal-multi imposti fuq l-impriżi kkonċernati. [...]

[...]

21      Fis-sitt lok, fir-rigward ta’ ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni rrilevat li, mingħajr il-kooperazzjoni ta’ Outokumpu, hija setgħet tistabilixxi l-eżistenza tal-komportament li jikkostitwixxi ksur biss għal perijodu ta’ erba’ snin u għalhekk naqqset l-ammont bażiku tal-multa tagħha bi EUR 22.22 miljun, b’mod li l-l-ammont bażiku jikkorrispondi għall-multa li kieku kienet tkun imposta fuqha għal dan il-perijodu (premessa 386 tad-Deċiżjoni kkontestata).

22      Fis-seba’ u l-aħħar lok, il-Kummissjoni, bis-saħħa tat-Titolu D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, naqqset l-ammont tal-multi b’50 % għal Outokumpu, b’20 % għal Wieland [Werke AG], u bi 30 % għal [...] KME (premessi 402, 408 u 423 tad-Deċiżjoni kkontestata).”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17      L-appellanti jinvokaw ħames motivi, kollha relatati mal-iffissar tal-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom. Huma bbażati, rispettivament, fuq teħid inkunsiderazzjoni inadegwat tal-impatt reali tal-akkordju għall-kalkolu tal-ammont inizjali tal-multa, ta’ evalwazzjoni inadegwata tad-daqs tas-settur affettwat mill-ksur, ta’ żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-ksur, tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont tal-multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni.

18      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet kull wieħed minn dawn il-motivi u r-rikors fl-intier tiegħu.

 It-talbiet tal-partijiet

19      Permezz tal-appell tagħha, KME titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        sa fejn huwa possibbli fir-rigward tal-fatti esposti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas il-multa imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll għal dawk quddiem il-Qorti Ġenerali, jew

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, inkluż sa fejn tikkonċerna l-kundanna tagħha għall-ispejjeż mill-Qorti Ġenerali, u tirrinvija l-kawża quddiemha.

20      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell tagħha, u

–        tikkundanna lil KME għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

21      KME tqajjem ħames aggravvji, ibbażati, rispettivament, fuq diversi żbalji ta’ liġi relatati mal-impatt tal-ksur fuq is-suq, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ, it-tul tal-ksur kif ukoll il-kooperazzjoni tal-appellanti u, fl-aħħar nett, il-ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi relatai mal-impatt tal-ksur fuq is-suq

 L-argumenti tal-partijiet

22      L-appellanti jindikaw li l-ewwel aggravju jirreferi għall-punti 60 sa 74 tas-sentenza appellata. Dawn il-punti huma ppreċeduti minn sintesi tal-argumenti tal-partijiet u minn teħid ta’ pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissibbiltà ta’ żewġ rapporti ekonomiċi ġodda prodotti mill-appellanti sabiex juru n-nuqqas ta’ impatt reali tal-ksur fuq is-suq, fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, għall-ammissibbiltà tal-imsemmija rapporti.

23      Il-punti 60 sa 74 tas-sentenza appellata jipprovdu kif ġej:

“60      Rigward il-fondatezza ta’ dan il-motiv, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jikkontestaw, permezz tiegħu, kemm l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, tal-gravità tal-ksur [...] kif ukoll it-trattament differenzjat li għamlet din tal-aħħar abbażi tal-ishma mis-suq tal-impriżi kkonċernati [...].

61      Qabel kollox, fir-rigward tat-trattament differenzjat tal-impriżi inkwistjoni, il-motivazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar dan tirreferi b’mod partikolari għal ħsieb li jittieħed inkunsiderazzjoni l-“piż speċifiku ta’ kull impriża, u għaldaqstant tal-effett reali tal-komportament illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 322 tad-Deċiżjoni kkontestata). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, anki fin-nuqqas ta’ prova ta’ effett reali tal-ksur fuq is-suq, il-Kummissjoni għandha dritt tagħmel trattament differenzjat, skont l-ishma miżmuma fis-suq ikkonċernat, bħal dak imsemmi fil-premessi 326 sa 329 tad-Deċiżjoni kkontestata.

62      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sehem mis-suq ta’ kull waħda mill-impriżi kkonċernati fis-suq li kien is-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jikkwantifika b’mod tajjeb ir-responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom f’dak li jikkonċerna d-dannu potenzjali tal-imsemmija prattika fir-rigward tal-andament normali tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, punt 197).

63      Bl-istess mod, rigward l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandu wkoll jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni ma kinitx ippruvat li l-akkordju kellu impatt reali fuq is-suq, dan ma kellux effett fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala “serju ħafna” u għaldaqstant fuq l-ammont tal-multa.

64      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mis-sistema Komunitarja tas-sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif stabbilita bir-Regolament Nru 17 u interpretata mill-ġurisprudenza, li l-akkordji jistħoqqilhom, minħabba n-natura tagħhom, il-multi l-iktar iebsin. L-eventwali impatt reali tagħhom fuq is-suq, b’mod partikolari l-kwistjoni sa fejn ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni wasslet għal prezz tas-suq għola minn dak li kien jipprevali fil-każ tan-nuqqas tal-kartell, mhuwiex kriterju determinanti sabiex jiġi stabbilit il-livell tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punti 120 u 129; tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 33; tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punti 68 sa 77, u tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, P, Ġabra p. I‑829, punti 129 u 130; is-sentenza Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, punt 62 iktar ’il fuq, punt 225, ara, ukoll, il-konklużjonijiet tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punti 95 sa 101).

65      Għandu jingħad li mil-Linji gwida jirriżulta li l-ftehim jew il-prattiki miftehma intiżi b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, sabiex jiffissaw il-prezzijiet u għat-tqassim tal-klijentela jistgħu jiġu kklassifikati, abbażi tan-natura tagħhom stess, bħala “serji ħafna”, mingħajr mhuwa neċessarju li tali komportamenti jkunu kkaratterizzati minn impatt jew daqs ġeografiku partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, filwaqt li d-deskrizzjoni tal-ksur “serju” tirreferi espliċitament għall-impatt fuq is-suq u għall-effetti fuq żoni wiesgħa tas-suq komuni, dik ta’ ksur “serju ħafna”, min-naħa l-oħra, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt reali fuq is-suq u lanqas ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T‑38/02, Ġabra p. II‑4407, punt 150).

66      Għal finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-Kummissjoni ppruvat suffiċjentement skont il-liġi impatt reali tal-akkordju fuq is-suq kkonċernat.

67      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-premessa tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fil-każ li hija tinvoka impatt reali tal-akkordju sabiex tiffissa l-ammont tal-multa, tkun meħtieġa turi b’mod xjentifiku l-eżistenza ta’ effett ekonomiku tanġibbli fuq is-suq u rabta kawżali bejn l-impatt u l-ksur, kienet ġiet miċħuda mill-ġurisprudenza.

68      Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-impatt reali ta’ akkordju fuq is-suq għandu jitqies bħala suffiċjentement ippruvat jekk il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tagħti provi konkreti u kredibbli li jindikaw, bi probabbiltà raġonevoli, li l-akkordju kellu impatt fuq is-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, punt 36 iktar ’il fuq, punt 122, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, Ġabra p. II‑3627, punti 159 sa 161; Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, T‑43/02, Ġabra p. II‑3435, punti 153 sa 155; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, Ġabra p. II‑3255, punti 176 sa 178; Roquette Frères vs Il-Kummissjoni, T‑322/01, Ġabra p. II‑3137, punti 73 sa 75).

69      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti, imsemmija fil-punt 13 iktar ’il fuq, li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiddikjara l-eżistenza ta’ impatt reali tal-akkordju fuq is-suq, jiġifieri l-fatt li l-prezzijiet tnaqqsu fil-perijodu meta l-akkordju kollużiv ma ġiex osservat ħafna u żdiedu sewwa f’perijodi oħra, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ skambju ta’ data dwar il-volumi ta’ bejgħ u l-livelli tal-prezzijiet, is-sehem mis-suq sinjifikanti li l-membri kollha tal-akkordju kellhom u l-fatt li l-ishma mis-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju baqgħu relattivament stabbli matul id-dewmien kollu tal-ksur. Ir-rikorrenti sostnew biss li l-imsemmija fatti ma setgħux juru li l-ksur inkwistjoni kellu impatt reali fuq is-suq.

70      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tiddeduċi, abbażi tal-provi ċċitati fil-punt preċedenti, li l-ksur kellu impatt reali fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 78, tas-27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑59/02, punt 68 iktar ’il fuq, punt 165; Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, T‑329/01, punt 68 iktar ’il fuq, punt 181; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il-Kummissjoni, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punti 285 sa 287).

71      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-fajl jinkludi eżempji ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kollużivi, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-ftehim ma kinux dejjem ġew osservati mill-membri tal-akkordju mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż impatt fuq is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, punt 65, iktar’il fuq, punt 148).

72      L-argumenti bbażati mir-rikorrenti fuq il-komportament tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, il-komportament effettiv li impriża tallega li kellha mhuwiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt ta’ akkordju fuq is-suq, għandhom biss jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti li jirriżultaw mill-ksur inġenerali (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, punt 167). Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li kkonstatat, fil-premessa 303 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport inizjali ma kienx jippermetti li jiġu rribattuti l-konklużjonijiet tagħha dwar l-effetti reali tal-ksur fuq is-suq. Fil-fatt, l-analiżi ekonometrika inkluża fih tikkonċerna biss id-data ċifrata relattiva għar-rikorrenti.

73      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

74      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li mhemmx lok li titqiegħed fid-dubju l-evalwazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa stabbilita skont il-gravità, kif magħmula mill-Kummissjoni.”

24      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod illoġiku u inadegwat is-sentenza appellata u wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, sabiex tistabbilixxi l-ammont inizjali tal-multa minħabba l-gravità tal-ksur, tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tal-akkordju fuq is-suq rilevanti mingħajr ma tkun obbligata turi li l-ftehim kellhom realment tali impatt u, fi kwalunkwe każ, li tiddeduċi tali impatt minn sempliċi indikaturi. Barra minn hekk, billi ddeċidiet li l-Kummissjoni wriet biżżejjed skont il-liġi li l-ftehim kellhom impatt fuq is-suq, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-fatti u l-provi ta’ natura ekonomika li KME pprovditilha.

25      Il-Kummissjoni ssostni qabel xejn li l-ewwel aggravju huwa mingħajr effett. Fil-fatt, l-appellanti ma żviluppawx argument kontra l-punti 60 sa 65 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jintwera l-effett konkret tal-ksur fuq is-suq, kemm jekk dan ikun għal dak li jikkonċerna t-trattament differenzjat tal-impriżi inkwistjoni jew il-gravità tal-ksur. Huma jattakkaw biss raġunament sussidjarju tal-Qorti Ġenerali li permezz tiegħu, fil-punti 67 et seq, din tqis li l-Kummissjoni kienet uriet skont il-liġi impatt reali tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat.

26      Il-Kummissjoni tirreleva li, fi kwalunkwe każ, l-ewwel aggravju huwa inammissibbli peress li huwa dwar l-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi.

27      Sussegwentement hija ssostni li, skontha, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-provi b’mod korrett.

28      Fl-aħħar nett hija ssostni li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod korrett is-sentenza appellata b’mod partikolari l-punt 72 tagħha, li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti u l-provi mressqa mill-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29      L-appellanti ma jikkontestawx il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur fost il-“ksur serju ħafna” fis-sens tal-Linji Gwida u lanqas id-differenza li ssir bejn l-impriżi, skont is-sehem li għandhom fuq is-suq ikkonċernat, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku ta’ kull impriża u għalhekk tal-effett reali tal-aġir illegali tagħha fuq il-kompetizzjoni. Huma jikkontestaw unikament il-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar l-impatt reali tal-akkordju bħala element meħud inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa.

30      Skont il-punt 1 A tal-Linji Gwida, l-evalwazzjoni tal-kriterju tal-gravità tal-ksur għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt reali tagħha fuq is-suq biss meta dan ikun kalkolabbli.

31      Id-determinazzjoni tal-impatt reali ta’ akkordju fuq is-suq jippresupponi fil-fatt li titqabbel is-sitwazzjoni tas-suq li tirriżulta mill-akkordju ma’ dik li tirriżulta mill-kompetizzjoni libera. Tali tqabbil jimplika neċessarjament ir-rikors għal ipoteżijiet, minħabba l-ammont ta’ varjabbli li jista’ jkollhom impatt fuq is-suq.

32      Fil-premessa 300 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni enfasizzat l-impossibbiltà li jiġi ddeterminat il-mod kif il-prezzijiet evolvew, fin-nuqqas ta’ akkordju, matul il-perijodu ta’ iktar minn tnax-il sena li dam għaddej il-ksur. Wara li rrifjutat l-argumenti sostnuti mill-appellanti, hija pproduċiet indizji li ppermettewlha li tikkonkludi, fil-premessa 314 ta’ din id-deċiżjoni, li s-sistema antikompetittiva pproduċiet, globalment, effetti fuq is-suq, anki jekk huwa impossibbli li jiġu kkwantifikati b’mod preċiż.

33      Għalhekk mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma qisitx possibbli, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni dan l-element fakultattiv li huwa l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq, peress li ma kienx kalkolabbli. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata fis-sentenza appellata.

34      Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 68 u 70 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza relatata mal-eżiġenzi ta’ prova tal-impatt reali ta’ impriża fuq is-suq. Barra minn hekk, hija stħarrġet, fil-punti 69 u 71 sa 73 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni kienet uriet skont il-liġi impatt reali tal-akkordju fuq is-suq ikkonċernat. Madankollu, hija għamlet dan l-istħarriġ b’mod sussidjarju, kif indikat fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, u wara li fakkret korrettament, fil-punt 64 tagħha, li l-impatt reali tal-akkordji fuq is-suq ma kienx kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-livell tal-multi. Minn dan isegwi li l-aggravju intiż mill-appellanti kontra din il-parti tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa ineffettiv.

35      Fi kwalunkwe każ, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirrispondi għall-argument tar-rikorrenti, miġbur fl-aħħar sentenza tal-punt 38 tas-sentenza appellata, li jgħid li r-raġunament u l-konklużjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata jikkonċernaw l-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq huma żbaljati, mhux ikkorraborati u ta’ natura kontradittorja. Il-Qorti Ġenerali sabet provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali impatt, iżda ma kkontestatx l-impossibbiltà li tkejjel dan l-impatt b’mod preċiż.

36      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx ruħha meta, minn naħa, fakkret il-prinċipju li l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq ma huwiex kriterju deċiżiv għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi u, min-naħa l-oħra stħarrġet il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata relatata mal-eżistenza ta’ tali impatt.

37      Konsegwentement, huwa żbaljat li l-appellanti jiddeduċu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel aggravju, mill-istħarriġ li għamlet il-Qorti Ġenerali l-konsegwenza li l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq kellu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont inizjali impost fuqhom. Dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata.

38      Fir-rigward tal-kritika ta’ żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi ekonomiċi li l-appellanti pproduċew quddiemha, ma huwiex allegat li l-Qorti Ġenerali interpretat ir-rapporti ekonomiċi fis-sens li jmur manifestament kontra l-formulazzjoni tagħhom [f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Activision Blizzard Germany (li kienet CD-Contact Data) vs Il-Kummissjoni, C‑260/09 P, Ġabra p. I‑0419, punt 57] iżda pjuttost li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni tal-kontenut ta’ dawn ir-rapporti. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma jindikawx b’mod preċiż il-partijiet ta’ dawn ir-rapporti li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat is-sens ċar u preċiż tagħhom. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli.

39      Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ

 L-argumenti tal-partijiet

40      It-tieni aggravju jikkonċerna l-punti 85 sa 94 tas-sentenza appellata. Dan jirreferi essenzjalment għall-punti 90 sa 94 tagħha, li huma fformulati kif ġej:

“90      Ir-rikorrenti jallegaw f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-prezz tar-ram ma jaqax taħt il-kontroll tal-manufatturi tat-tubi industrijali minħabba li dan huwa ffissat skont l-LME u, min-naħa l-oħra, li huma x-xerrejja tat-tubi industrijali li jiddeċiedu huma stess b’liema prezz il-metal huwa mixtri. Ir-rikorrenti jenfasizzaw ukoll li l-fluttwazzjonijiet tal-prezz tal-metall m’għandhom l-ebda effett fuq il-qligħ tagħhom.

91      Għalhekk għandu jkun ikkonstatat li ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jkun ikkalkolat billi jkunu esklużi ċerti spejjeż ta’ manufattura. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, fis-setturi industrijali kollha jeżistu spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, imma li jikkostitwixxu xorta waħda element essenzjali tal-attivitajiet kollha tiegħu u li, għaldaqstant, ma jistgħux ikunu eskluzi mid-dħul mill-bejgħ tiegħu meta jkun iffissat l-ammont inizjali tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T‑32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T‑65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II‑491 punti 5030 u 5031). Il-fatt li l-prezz tar-ram jikkostitwixxi parti sinjifikanti mill-prezz finali tat-tubi industrijali jew li r-riskju ta’ fluttwazzjonijiet fil-prezzijiet tar-ram huwa ħafna iżjed għoli milli għal materji primi oħra ma jannullax din il-konklużjoni.

92      Fl-aħħar nett, rigward id-diversi ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jaffermaw li, minflok wieħed jirrikorri għall-kriterju tad-dħul mill-bejgħ tas-suq rilevanti, ikun iktar opportun, fid-dawl tal-għan dissważiv tal-multi u tal-prinċpji ta’ ugwaljanza fit-trattament, li l-ammont tagħhom jiġi ffissat skont il-qligħ tas-settur affettwat jew il-valur miżjud relatat magħhom, għandu jiġi kkonstatat li dawn mhumiex rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-gravità tal-ksur hija stabbilita b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 65), peress li l-ebda lista vinkolanti jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom obbligatorjament jittieħdu inkunsiderazzjoni ma kienet ġiet stabbilta f’dan ir-rigward (sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 129) mhijiex il-qorti Komunitarja, iżda l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha u skont il-limiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mir-Regolament Nru 17, il-fatturi u d-data ċċifrata li hija tieħu inkunsiderazzjoi sabiex timplementa politika li tassigura l-osservanza tal-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81 KE.

93      Sussegwentement huwa inkontestabbli li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża jew ta’ suq huwa, inkwantu fattur tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, neċessarjament vag u imperfett. Ma ssirx distinzjoni la bejn is-setturi b’valur miżjud qawwi u s-setturi b’valur miżjud dgħajjef, u lanqas bejn l-impriżi li jrendu qligħ u dawk li jrendu inqas. Madankollu, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, d-dħul mill-bejgħ huwa meqjus, fil-preżent, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni bħala kriterju adatt, fil-kunest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-setgħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati [ara, b’mod partikolari, is-sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 67 iktar ’il fuq, punt 121, l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-premessa 10 u l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, p. 1)].

94      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni kienet korretta meta ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq ikkonċernat.”

41      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt Komunitarju u mmotivat b’mod inadegwat is-sentenza appellata meta approvat ir-riferiment li tagħmel il-Kummissjoni, sabiex tevalwa d-daqs tas-suq affettwat mill-ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-element ta’ gravità tal-multa, għal valur tas-suq li jinkludi, b’mod żbaljat, id-dħul mill-bejgħ effettwat fi ħdan suq upstream distint mis-suq “tal-kartell”, minkejja li l-membri tal-kartell ma humiex vertikalment integrati fis-suq upstream.

42      Huma jsostnu li l-industrija tal-ipproċessar tar-ram għandha karatteristiċi speċifiċi. B’mod partikolari, huwa l-klijent li jiddetermina l-mument tax-xiri tal-metall fuq il-London Metal Exchange, u għalhekk il-prezz tiegħu. Anki jekk dan il-prezz huwa ffatturat mill-produttur tal-pajpijiet lill-klijent bil-marġni tal-ipproċessar, li jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża jkun ifisser li r-realtà ekonomika tas-suq tkun interpretata b’mod ħażin, li huwa kkaratterizzat b’mod partikolari mill-parti importanti li tirrappreżenta l-materja prima fl-ispiża tal-prodott u l-varjazzjonijiet importanti ħafna tal-prezz ta’ din il-materja prima. Dawn il-fatti ġew stabbiliti mill-Qorti Ġenerali.

43      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali u tal-prattika deċiżjonali tagħha stess, li jgħidu li meta l-Kummissjoni tikkalkola l-ammont inizjali tal-multa u/jew meta tapplika l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq inkwistjoni.

44      Barra minn hekk, huma jsostnu li, billi ma ddistingwietx lill-appellanti minn impriżi oħra li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ma kienx influwenzat ukoll mill-prezz tal-materja prima, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jimponi li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod differenti.

45      Fl-aħħar nett l-appellanti jikkontestaw il-ġurisprudenza li serrħet fuqha l-Qorti Ġenerali, ibbażata fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni. Huma jqisu li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-gravità tal-kartell kinux rilevanti u adegwati.

46      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn l-appellanti jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel evalwazzjoni differenti minn dik tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura unika jew le tas-settur tal-pajpijiet industrijali, l-aggravju huwa inammissibbli. Barra minn hekk hija tikkontesta l-fatti kif deskritti minn KME, jiġifieri li l-produtturi tal-pajpijiet jaġixxu sikwit fi kwalità ta’ aġenti ta’ klijent fix-xiri tar-ram, u tikkontesta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar dan is-suġġett.

47      Fi kwalunkwe każ, ġustament il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li jeżistu fis-setturi industrijali spejjeż inerenti għall-prodott finali li l-produttur ma jistax jikkontrolla, iżda jikkostitwixxu madankollu element essenzjali tal-attivitajiet kollha u li, għaldaqstant, ma jistgħux jiġi esklużi mid-dħul mill-bejgħ tagħha fl-iffissar tal-ammont inizjali tal-multa.

48      Bl-istess mod, ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 93 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li, minkejja n-natura approssimattiva tiegħu, id-dħul mill-bejgħ huwa kkunsidrat, f’dan il-mument, kemm mil-leġiżlatur Komunitarju kif ukoll mill-Kummissjoni u mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala kriterju adegwat, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, sabiex jiġu evalwati d-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-natura u l-importanza tagħhom tvarja skont it-tip ta’ ksur u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi jista’ jkun hemm, skont il-każ, il-volum u l-valur tal-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriża u, għaldaqstant, l-influwenza li din setgħet teżerċita fuq is-suq (f’dan is-sens, is-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 120).

50      Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li huwa permess, fid-determinazzjoni tal-multa, li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża, li jikkostitwixxi indikazzjoni tad-daqs tagħha u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll il-parti minn din iċ-ċifra li toriġina mill-merkanzija suġġett tal-ksur u li għalhekk hija ta’ natura li tindika l-portata tagħha, hija madankollu rrikonoxxiet li d-dħul mill-bejgħ globali ta’ impriża jikkostitwixxi biss indikazzjoni approssimattiva u imperfetta tad-daqs ta’ din tal-aħħar (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 121; tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 139; tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 243; tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 100, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C‑510/06 P, Ġabra p. I‑1843, punt 74).

51      Barra minn hekk enfasizzat diversi drabi li ma għandhiex tingħata importanza sproporzjonata la lil waħda u lanqas lil oħra minn dawn iċ-ċifri meta mqabbla mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 121; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 243; Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, punt 100, kif ukoll Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, punt 74).

52      Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta fakkret fil-punt 93 tas-sentenza appellata, li d-dħul mill-bejgħ, minkejja li vag u imperfett, jibqa’ kriterju adegwat għall-evalwazzjoni tad-daqs u s-saħħa ekonomika tal-impriżi kkonċernati.

53      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi lanqas meta ddeċidiet, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li l-ebda raġuni valida ma timponi li d-dħul mill-bejgħ ta’ suq rilevanti jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi ċerti spejjeż ta’ produzzjoni. Kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 141 tal-konklużjonijiet tagħha, li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ gross f’ċerti każijiet iżda li jiġi kkunsidrat f’każijiet oħra jimponi li jiġi ddeterminat livell, f’forma ta’ relazzjoni bejn id-dħul mill-bejgħ nett u d-dħul mill-bejgħ gross, li huwa diffiċli li jiġi applikat u jiftaħ il-bieb għal kawżi mingħajr tmiem u mingħajr soluzzjoni, inkluż allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

54      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata b’mod adegwat u għamlet l-istħarriġ li kellha tagħmel. Għalhekk, peress li l-appellanti kkontestaw l-użu tad-dħul mill-bejgħ għall-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq ikkonċernat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq l-appellanti ma kienx neċessarjament ikun inqas minn EUR 35 miljun kieku l-prezz tar-ram kien ġie mnaqqas mid-dħul mill-bejgħ tas-suq. Sussegwentement, hija vverifikat, fil-punti 90 u 91 tas-sentenza appellata, jekk huwiex bi żball li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tad-daqs tas-suq, ħadet inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram.

55      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għamlet l-istħarriġ li kellha tagħmel, li rrispondiet għall-motiv invokat mir-rikorrenti u li ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha raġun li tieħu inkunsiderazzjoni l-prezz tar-ram għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-daqs tas-suq ikkonċernat.

56      Fir-rigward tal-kritika li tgħid li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk il-kriterji użati mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-gravità tal-kartell kinux rilevanti u adegwati, għandu jitfakkar li, f’rikors intiż kontra deċiżjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni, huwa r-rikorrent li għandu jifformula l-motivi f’dan ir-rigward u ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tistħarreġ ex officio l-evalwazzjoni tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa.

57      Għaldaqstant it-tieni aggravju huwa infondat.

 Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi relatati mat-teħid inkunsiderazzjoni tat-tul tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

58      L-appellanti jindikaw li t-tielet aggravju jirreferi għall-punti 100 sa 105 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt Komunitarju u mmotivat b’mod konfuż, illoġiku u inadegwat din is-sentenza, filwaqt li kkonfermat il-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament billi imponiet il-perċentwali massimu ta’ żieda tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-ksur.

59      Skont l-appellanti, mill-punt 1 B tal-Linji Gwida jirriżulta “li l-għan taż-żieda tal-multa minħabba t-tul tal-ksur huwa li jiġu mposti sanzjonijiet effettivi fuq restrizzjonijiet li kellhom impatt negattiv [dannuż] fuq konsumaturi għal perijodu twil”. Ir-rabta li għandha teżisti bejn it-tul tal-ksur u l-effett dannuż tiegħu tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza. Issa, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni, meta evalwat il-gravità tal-ksur, realment tatx l-importanza li kellha tagħti għall-fatt li l-intensità u l-effettività tal-kartell varjaw matul iż-żmien. Għalhekk, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li ż-żieda ta’ 125 % tal-ammont inizjali tal-multa ma hijiex manifestament sproporzjonata.

60      Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex kompetenza sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-ammont tal-multa għal dik tal-Qorti Ġenerali. Għalhekk l-aggravju huwa inammissibbli.

61      Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali pprovdiet spjegazzjoni ċara u loġika tal-evalwazzjoni tagħha, li tirrispondi għall-motivi ta’ liġi invokati minn KME.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom l-appellanti jikkontestaw kemm il-prinċipju ta’ żieda tal-multa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u r-riżultat tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju sa fejn jikkonċernahom, jiġifieri ż-żieda tal-ammont bażiku tal-multa, stabbilta għal EUR 35 miljun, b’125 % sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur ta’ 12-il sena u għaxar xhur, fejn kull sena ta’ parteċipazzjoni tikkorrispondi għal 10 % żieda. Għalhekk l-ammont bażiku tela’ għal EUR 56.88 miljun.

63      Kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 162 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kritika tar-riżultat hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li r-rata ta’ żieda kienet ta’ 125 %, meta din kienet biss ta’ 62.51 % (56.88/35 = 1.6251).

64      Fir-rigward tal-prinċipju taż-żieda tal-multa sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur, ma huwiex neċessarju li tiġi stabbilita effettivament relazzjoni diretta bejn dan it-tul u dannu akkumulat ikkawżat lill-għanijiet Komunitarji intiżi mir-regoli tal-kompetizzjoni.

65      Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ ftehim huwa irrilevanti minn meta jkun jidher li għandu l-għan li jillimita, ifixkel jew joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il‑Kummissjoni, 56 u 58/64, Ġabra p. 429). B’mod partikolari, hekk hija s-sitwazzjoni, bħal f’dan il-każ, tal-ftehim li jinkludu restrizzjonijiet evidenti tal-kompetizzjoni bħall-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq. Jekk akkordju jiffissa l-istat tas-suq fil-mument meta jiġi konkluż, it-tul tiegħu jista’ jrendi riġidi l-istrutturi, u jnaqqas il-ħeġġa għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tal-parteċipanti għall-akkordju. Ir-ritorn għall-istat ħieles ta’ kompetizzjoni jkun għalhekk diffiċli u twil skont kemm kien dam l-akkordju nnifsu.

66      Anki jekk l-intensità u l-effettività tal-kartell ivarjaw fiż-żmien, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi kartell ikompli jeżisti u, għaldaqstant, ikompli jirriġidixxi l-istrutturi tas-suq.

67      Għall-ipoteżi ta’ nuqqas totali tal-implementazzjoni ta’ ftehim, għandu jitfakkar li l-punt 3 tal-Linji Gwida jipprovdi li n-nuqqas ta’ applikazzjoni effettiva tal-ftehim jew tal-prattiki li jikkostitwixxu ksur jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti li twassal għal tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Madankollu ma jidhirx li dan kien il-każ fiċ-ċirkustanzi preżenti, peress li r-rikorrenti kkontestaw mhux l-implementazzjoni tal-akkordju sa fejn jikkonċernahom, iżda unikament in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-intensità varjabbli ta’ din l-implementazzjoni u l-impatt reali u oġġettiv tal-akkordju fuq il-konsumaturi.

68      Barra minn hekk, jista’ jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat dannu reali għall-konsumatur, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ fatturi varjabbli possibbli, b’mod partikolari fil-formazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodott immanifatturat.

69      Fi kwalunkwe każ, it-tul tal-ksur huwa msemmi mil-leġiżlatur bħala element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multi.

70      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, kellha raġun il-Qorti Ġenerali, fil-punt 105 tas-sentenza appellata, li tiċħad bħala infondat il-motiv dwar iż-żieda tal-ammont tal-multa skont it-tul tal-akkordju.

71      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li t-tielet aggravju huwa infondat.

 Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji ta’ liġi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kooperazzjoni tal-appellanti

 L-argumenti tal-partijiet

72      L-appellanti jindikaw li r-raba’ aggravju tagħhom huwa dwar il-punti 123 sa 134 tas-sentenza appellata. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt Komunitarju meta kkonfermat il-parti tad-deċiżjoni kkontestata fejn il-Kummissjoni rrifjutatilhom il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni tagħhom barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, u dan bi ksur tas-sitt inċiż tal-punt 3 tal-Linji Gwida kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

73      Skont l-appellanti, huma biss kellhom jibbenefikaw mit-tnaqqis tal-multa, minħabba li kienu pproduċew prova tat-tul tal-ksur, kuntrarjament għal Outokumpu, li kienet ipproduċiet biss informazzjoni dwar it-tul totali tal-kartell.

74      Il-Kummissjoni ssostni li, sa fejn KME tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti Ġenerali, l-aggravju huwa inammissibbli.

75      Barra minn hekk, l-aggravju huwa infondat. Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali pprovdiet spjegazzjoni ċara u loġika tal-evalwazzjoni tagħha tal-każijiet fejn tista’ tingħata immunità parzjali, b’risposta għall-argumenti kollha ta’ liġi mressqa minn KME.

76      Fir-rigward tal-għoti ta’ tnaqqis tal-multa ta’ Outokumpu, il-Kummissjoni tosserva li l-informazzjoni kkomunikata minn din ippermettitilha li tinvestiga u tfittex il-provi. L-appellanti ffaċilitaw dan ix-xogħol billi pproduċew provi, iktar minn sittax-il xahar wara Outokumpu, iżda xejn iktar. Kuntrarjament għal dak li jagħtu x’jifhmu l-appellanti fl-appell tagħhom, huma ma bbenefikaw lanqas minn immunità parzjali skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi dwar l-akkordji, peress li tali immunità hija relatata ma’ provi ta’ “fatti li qabel kienu ġew injorati mill-Kummissjoni”, li ma kienx il-każ tat-tul totali tal-kartell.

77      Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tenfasizza li l-applikazzjoni ta’ immunità parzjali fl-ipoteżi invokata mill-appellanti tmur kontra t-Titolu D tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni li tipprovdi diġà tnaqqis tal-multa meta l-impriża tipprovdi lill-Kummissjoni xi informazzjoni, dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Għandu jitfakkar li, skont il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, tibbenefika minn nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa jew ta’ tnaqqis sostanzjali mill-ammont tagħha dik l-impriża biss li tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi determinanti għall-prova tal-eżistenza tal-akkordju.

79      Huwa fil-punti 144 u 145 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-kooperazzjoni tal-appellanti u dik ta’ Outokumpu. Madankollu dawn huwa osservazzjonijiet u evalwazzjonijiet ta’ fatt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ fil-kuntest ta’ appell.

80      Barra minn hekk, fid-dawl tal-konstatazzjoni li tgħid li tali kooperazzjoni tal-appellanti ġiet wara dik ta’ Outokumpu, kellha raġun il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 147 tas-sentenza appellata, li l-appellanti ma kinux f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ Outokumpu u, konsegwentement, ma kinux ġew diskriminati.

81      Fl-aħħar nett, l-appellanti ma jindikawx kif il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fir-raġunament żviluppat fil-punti 130 u 131 tas-sentenza appellata u, b’mod partikolari, ma jispjegawx kif il-produzzjoni ta’ provi li l-Kummissjoni kienet diġà taf bihom tiġġustifika iktar it-tnaqqis tal-multa għal ċirkustanzi attenwanti milli l-produzzjoni preċedenti ta’ informazzjoni ġdida għall-Kummissjoni. Minn dan isegwi li dan l-argument huwa inammissibbli peress li huwa wisq impreċiż.

82      Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li r-raba’ aggravju huwa pazjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv

 L-argumenti tal-partijiet

83      L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt Komunitarju u d-dritt fundamentali tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv u mingħajr ostakoli, sa fejn ma eżaminatx b’attenzjoni u kura l-argumenti tagħhom u straħet b’mod eċċessiv u mhux raġonevoli fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni.

84      Huma jsostnu li d-duttrina tal-“marġni ta’ diskrezzjoni” u s-“sottomissjoni ġudizzjarja” ma għadx għandhom jiġu applikati issa, peress li d-dritt Komunitarju issa huwa kkaratterizzat bl-ammont enormi ta’ multi imposti mill-Kummissjoni, żvilupp li huwa spiss imsejjaħ il-“penalizzazzjoni” de facto tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni.

85      Barra minn hekk, l-applikabbiltà diretta tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 81(3) KE introdotta bir-Regolament Nru 1/2003, bħala sostitut tas-sistema preċedenti ta’ awtorizzazzjoni, teskludi, b’definizzjoni, il-marġni ta’ diskrezzjoni kollu tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u għalhekk timponi biss grad imnaqqas ħafna ta’ sottomissjoni ġudizzjarja mill-qrati li jistħarrġu l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni fil-każ ta’ individwi.

86      L-appellanti jsostnu wkoll li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni ma għandux jiġi ġġustifikat bl-allegata kompetenza ikbar tal-Kummissjoni sabiex tevalwa l-fatti kumplessi jew kwistjonijiet ekonomiċi. Huma jirrelevaw f’dan ir-rigward li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Qorti Ġenerali għamlu b’suċċess stħarriġ ġuridiku partikolarment intens tal-każijiet kumplessi.

87      Bl-istess mod, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-Qorti Ġenerali mill-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali ma għandha tirrikonoxxi lill-Kummissjoni l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni, mhux biss f’dak li jikkonċerna n-natura xierqa u proporzjonata tal-multa, iżda wkoll għall-metodu ta’ xogħol adottat mill-Kummissjoni sabiex tagħmel il-kalkoli tagħha. Skont ir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina kif, f’kull każ partikolari, il-Kummissjoni evalwat il-gravità u t-tul ta’ aġir illegali u għalhekk tista’ tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni billi tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa.

88      L-appellanti jfakkru wkoll li, għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-implementazzjoni tad-dritt amministrattiv permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi u multi ma tiksirx fiha nfisha l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Madankollu din għandha tkun irregolata b’garanziji proċedurali b’saħħithom biżżejjed, u miżjuda b’sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv, li tinkludi kompetenza sħiħa għall-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet amministrattivi. Id-dritt għal “rimedju effettiv quddiem qorti” ġie inkluż ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

89      Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel nett li l-ħames aggravju huwa wisq ġeneriku u impreċiż sabiex jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija ssostni wkoll li KME ma tikkontestax l-istruttura fundamentali tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni u ma tforni l-ebda element li jispjega kif ir-riferiment tal-Qorti Ġenerali għall-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni jipprova li l-Qorti Ġenerali ma stħarrġitx b’mod adegwat il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fid-dawl tat-tieni u r-raba’ aggravji invokati minn KME quddiem il-Qorti Ġenerali.

90      Fl-aħħar nett, skont il-Kummissjoni, KME tillimita ruħha għal allużjoni għall-“akkużi kriminali” u għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB, iżda ma teżaminax il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minnhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Permezz tal-ħames aggravju tagħhom l-appellanti jikkontestaw kemm il-mod kif il-Qorti Ġenerali ddikjarat li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-Kummissjoni u l-mod kif effettivament stħarrġet id-deċiżjoni kkontestata. Huma jinvokaw l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll il-Karta, mingħajr madankollu ma stabbilixxew b’mod preċiż jekk jikkontestawx f’dan ir-rigward il-prinċipji tal-istħarriġ ġudizzjarju jew il-mod kif il-Qorti Ġenerali eżerċitat dan l-istħarriġ f’dan il-każ.

92      Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum huwa espress fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, Ġabra p. I‑13894, punti 30 u 31; digriet tal-1 ta’ Marzu 2011, Chartry, C‑457/09, Ġabra p. I‑0819, punt 25, kif ukoll is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Samba Diouf, C-69/10, Ġabra 1‑0000, punt 49).

93      L-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet ġie rregolat mit-trattati fundaturi. Minbarra l-istħarriġ tal-legalità, previst attwalment fl-Artikolu 263 TFUE, ġie previst stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet previsti minn regolamenti.

94      Fir-rigward tal-istħarriġ tal-legalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, fil-każijiet li jwasslu għal evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku, dan ma jimplikax li l-qorti tal-Unjoni għandha tonqos milli tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ natura ekonomika. Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha b’mod partikolari tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, Ġabra p. I‑987, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lensing, C-525/04 P, Ġabra p. I‑9947, punti 56 u 57).

95      Għal dak li jikkonċerna s-sanzjoni tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, minbarra l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu.

96      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul tal-ksur u tal-elementi kollha ta’ natura tali li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tagħhom, bħall-aġir ta’ kull waħda mill-impriżi, ir-rwol li kellha kull waħda minnhom fl-istabbiliment tal-prattiki miftiehma, il-profitt li ħadu minn dawn il-prattiki, id-daqs tagħhom u l-valur tal-merkanzija kkonċernata kif ukoll ir-riskju li l-ksur ta’ dan it-tip jirrappreżenta għall-Komunità Ewropea (sentenzi Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 129; Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 242, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2009, Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, Ġabra p. I‑7415, punt 96).

97      Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi bħall-kontenut u t-tul tal-aġir antikompetittiv, in-numru u l-intensità tagħhom, l-estensjoni tas-suq affettwat u d-deterjorazzjoni subita mill-ordni pubbliku ekonomiku. L-analiżi għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza relativa u s-sehem tas-suq tal-impriżi responsabbli kif ukoll eventwali reċidiva (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 91).

98      Dan in-numru kbir ta’ elementi jimponi fuq il-Kummissjoni eżami fil-fond taċ-ċirkustanzi tal-ksur.

99      Fl-interess tat-trasparenza, il-Kummissjoni adottat il-Linji Gwida, fejn indikat fuq liema bażi se tikkunsidra tali jew tali ċirkustanza tal-ksur u l-konsegwenzi li jistgħu jinsiltu minnhom fuq l-ammont tal-multa.

100    Il-Linji Gwida, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jistabbilixxu regola ta’ kondotta indikattiva tal-prattika li għandha tiġi adottata u li l-amministrazzjoni ma tistax taħrab minnhom, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li jkunu kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91), sempliċement jiddeskrivu l-metodu ta’ eżami tal-ksur li ssegwi l-Kummissjoni u l-kriterji li din tobbliga ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa.

101    Huwa importanti li jitfakkar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti Komunitarji. F’dan il-każ, dan l-obbligu jerġa’ għandu importanza partikolari. Hija l-Kummissjoni li għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha u, b’mod partikolari li tispjega r-riflessjoni u l-evalwazzjoni li tkun għamlet tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 87). Il-preżenza ta’ motivazzjoni għandha tiġi vverifikata ex officio mill-qorti.

102    Barra minn hekk, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel l-istħarriġ tal-legalità abbażi tal-provi mressqa mir-rikorrent insostenn tal-motivi invokati. Waqt dan l-istħarriġ, il-qorti ma tistax tistrieħ fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni la f’dak li jikkonċerna l-għażla tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida u lanqas f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi sabiex tirrinunzja li teżerċita stħarriġ fil-fond kemm ta’ liġi kif ukoll ta’ fatt.

103    L-istħarriġ ta’ legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet rikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 u li issa hija rikonoxxuta mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE. Din il-kompetenza tagħti s-setgħa lill-qorti, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 692).

104    Għaldaqstant huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u għandu jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni ssegwi l-prinċipju tal-kontradittorju. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti għandha tqajjem ex officio, tali nuqqas ta’ motivazzjoni huwa r-rikorrent li għandu jqajmu kontra d-deċiżjoni kkontestata u għandu jipproduċi l-provi insostenn tal-motivi tiegħu.

105    Din l-eżiġenza ta’ natura proċedurali ma tmurx kontra r-regola li tgħid li, fir-rigward tal-ksur tal-regoli tal-kompetizzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tagħti l-provi tal-ksur li hija tikkonstata u li għandha tistabbilixxi l-provi tagħha sabiex turi, skont il-liġi, l-eżistenza ta’ fatti li jikkostitwixxu ksur. Dak li fil-fatt huwa mitlub minn rikorrent fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku, huwa li jiġu identifikati l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li jifformula lmenti f’dan ir-rigward u li jipproduċi provi, li jistgħu jkunu indizji serji li juru li l-ilmenti tiegħu huma fondati.

106    L-istħarriġ previst mit-trattati jimplika għalhekk li l-qorti tal-Unjoni teżerċita stħarriġ kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt u li għandha s-setgħa li tevalwa l-provi, li tannulla d-deċiżjoni kkontestata u li temenda l-ammont tal-multi. Għalhekk ma jidhirx li l-istħarriġ ta’ legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, ikkompletat bil-ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tal-ammont tal-multa, previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, huwa kuntrarju għall-eżiġenzi tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta.

107    Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna r-regoli tal-istħarriġ ġuridiku fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġuridika effettiva, il-ħames aggravju huwa infondat.

108    Sa fejn jikkonċerna l-mod kif il-Qorti Ġenerali għamlet l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata, il-ħames aggravju huwa magħqud mat-tieni sar-raba’ aggravji tal-appell u għalhekk diġà ġie eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

109    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrelevat li, anki jekk, diversi drabi, b’mod partikolari fil-punti 35 sa 37, 92, 103, 115, 118, 129 u 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għas-“setgħa diskrezzjonali”, għall-“marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali” u għall-“marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa” tal-Kummissjoni, tali riferimenti ma fixklux lill-Qorti Ġenerali milli teżerċita l-istħarriġ sħiħ, fil-liġi u fil-fatt, kif għandha tagħmel.

110    Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li l-ħames aggravju huwa infondat.

111    Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-aggravji invokati minn KME insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jintlaqa’ u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li KME tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      KME Germany AG, KME France SAS u KME Italy SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.