Kawżi magħquda C-344/10 P u C-345/10 P

Freixenet SA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appelli — Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji li jirrappreżentaw flixkun bl-iżmerill abjad kif ukoll flixkun bl-iżmerill iswed matt — Rifjut ta’ reġistrazzjoni — Assenza ta’ karattru distintiv”

Sommarju tas-sentenza

Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv — Trade mark komposta minn aspett speċifiku tal-parti esterna tal-ippakkjar ta’ prodott likwidu

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta’ trade marks.

Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, ma hijiex neċessarjament l-istess bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl-assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx id-drawwa li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma u mid-drawwiet tas-settur u, minħabba f’hekk, li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dwar it trade mark Komunitarja.

Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess jew mill-ippakkjar tal-prodotti, bħal-likwidi, li huma ppakkjati fil-kummerċ għal raġunijiet relatati man-natura tal-prodott stess, hija valida wkoll meta t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark “oħra” li tikkonsisti fl-aspett speċifiku tal-parti esterna tal-ippakkjar ta’ prodott likwidu. Fil-fatt, f’każijiet bħal dawn, it-trade mark lanqas ma tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-ippakkjar meħtieġ tal-prodotti li hija tirrappreżenta.

(ara l-punti 45-48)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Appelli – Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji li jirrappreżentaw flixkun bl-iżmerill abjad kif ukoll flixkun bl-iżmerill iswed matt – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Assenza ta’ karattru distintiv”

Fil-Kawżi magħquda C-344/10 P u C-345/10 P,

li għandhom bħala suġġett appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2010,

Freixenet SA, stabbilita f’Sant Sadurní d’Anoia (Spanja), irrappreżentata minn F. de Visscher, E. Cornu u D. Moreau, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis (Relatur), u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Mejju 2011,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħha, Freixenet SA (iktar ’il quddiem “Freixenet”) titlob l‑annullament tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2010, Freixenet vs UASI (forma ta’ flixkun bl-iżmerill abjad) (T‑109/08, iktar ’il quddiem is-“sentenza T‑109/08”), u Freixenet vs UASI (flixkun bl-iżmerill iswed matt) (T‑110/08, iktar ’il quddiem is‑“sentenza T‑110/08”) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir‑rikorsi tagħha ppreżentati kontra, rispettivament, id-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal‑Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-30 ta’ Ottubru 2007 (Każ R 97/2001‑1) u tal-20 ta’ Novembru 2007 (Każ R 104/2001‑1), dwar l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jirrappreżentaw flixkun bl-iżmerill abjad kif ukoll flixkun bl-iżmerill iswed matt bħala trade marks Komunitarji (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 364) ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit‑13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, il-kawżi preżenti jibqgħu rregolati mir-Regolament Nru 40/94.

3        Skont l-Artikoli 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni tiġi rrifjutata fir-rigward ta’ trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.

4        Skont l-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament, ir-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament ma tipprekludix ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din, għal prodotti li għalihom tkun intalbet ir‑reġistrazzjoni, tkun kisbet karattru distintiv minħabba l-użu li jkun sar minnha.

5        L-Artikolu 38(3) tal-istess regolament jipprevedi li l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda biss wara li l-applikant ikun ingħata l-opportunità li jirtira jew jemenda l‑applikazzjoni tiegħu jew li jissottometti l‑osservazzjonijiet tiegħu.

6        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet [tal-UASI] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il‑kummenti tagħhom.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Fl-1 ta’ April 1996, Freixenet ssottomettiet żewġ applikazzjonijiet lill‑UASI għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji għar‑rappreżentazzjonijiet ikkontestati. F’dawn l‑applikazzjonijiet, Freixenet indikat li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu fil-kategorija ta’ “oħrajn” u jikkonsistu fil-forma ta’ preżentazzjoni ta’ prodott. Fl-applikazzjoni li wasslet għas-sentenza T‑109/08, Freixenet invokat il-kulur “deheb matt” u ddeskriviet it-trade mark bħala “flixkun bl-iżmerill abjad li, meta jimtela bl‑inbid, jieħu dehra ta’ deheb matt bħallikieku jkun imkessaħ”. Fl‑applikazzjoni li wasslet għas-sentenza T‑110/08, Freixenet invokat il-kulur “iswed matt” u ddeskriviet it-trade mark bħala “flixkun bl-iżmerill iswed matt”. Ma’ dawn l‑applikazzjonijiet kienet ukoll annessa dikjarazzjoni li fiha Freixenet stqarret li “t-trade mark ma [kinitx] intiża biex tikseb il-protezzjoni privata u esklużiv tal-forma tal-flixkun, iżda tal-aspett speċifiku tal-wiċċ tiegħu”.

8        Il-prodotti li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma fil‑klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il‑klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-registrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu għad‑deskrizzjoni segwenti, jiġifieri: “Inbid frizzanti”.

9        Permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Novembru 2000, l-eżaminatur tal‑UASI ċaħad l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ trade marks magħmula minħabba li t-trade marks ikkonċernati kienu neqsin minn karattru distintiv u li l-provi prodotti minn Freixenet ma kinux jagħmluha possibbli li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ karattru distintiv tal-imsemmija trade marks miksub permezz ta’ użu, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94.

10      Permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Frar 2004, mogħtija fil-Każijiet R 97/2001‑4 u R 104/2001‑4, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appelli ppreżentati minn Freixenet kontra d-deċiżjonijiet tal-imsemmi eżaminatur.

11      Permezz tas-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2006, Freixenet vs UASI (Forma ta’ flixkun bl-iżmerill abjad) (T‑190/04) u Freixenet vs UASI (forma ta’ flixkun bl-iżmerill iswed matt) (T‑188/04), il-Qorti Ġenerali annullat dawn id‑deċiżjonijiet billi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kiser l‑Artikolu 73 tar‑Regolament Nru 40/94 u l‑prinċipju ta’ rispett għad‑drittijiet tad‑difiża.

12      Permezz tad-deċiżjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2006, il-Presidju tal‑Bordijiet tal-Appell tal-UASI rrinvija dawn il-każijiet quddiem l-Ewwel Bord tal‑Appell.

13      Permezz ta’ ittri tat-18 ta’ Ġunju 2007, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l‑Qorti Ġenerali kienet ikkritikat lir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI li bbaża d‑deċiżjionijiet tiegħu fuq provi li ma kinux ġew l-ewwel miġjuba għall‑attenzjoni ta’ Freixenet, l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI bagħat lil din tal-aħħar l‑illustrazzjonijiet tal-fliexken imsemmija fid‑deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell annullati mill-Qorti Ġenerali kif ukoll l-indirizzi tal-links tal-internet iċċitati fid-deċiżjonijiet tal-eżaminatur tad-29 ta’ Novembru 2000.

14      Permezz ta’ ittri tad-9 ta’ Awissu 2007, Freixenet ressqet l‑osservazzjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni hawn fuq imsemmija.

15      Permezz tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Ewwel Bord tal-Appell tal‑UASI ċaħad l‑appelli mressqa quddiemu.

 Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

16      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Frar 2008, Freixenet ressqet żewġ rikorsi li fihom talbet lil din tal-aħħar tannulla d‑deċiżjonijiet ikkontestati u tiddeċiedi li l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji dwar ir-rappreżentazzjonijiet ikkontestati jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 40/94.

17      Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, Freixenet ressqet tliet motivi, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, tal‑Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament.

18      Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn it-tliet motivi u ċaħdet l-imsemmija rikorsi fl-intier tagħhom.

19      B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil‑punti 20 tas-sentenzi appellati, li l-Bord tal-Appell ma kienx għamel riferimenti speċifiċi għal elementi tal-proċess meta rrefera espliċitament għall-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill‑kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali biex jikkonkludi li t-trade marks li ntalbet ir-reġistrazzjoni tagħhom kienu nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 21 ta’ dawn is‑sentenzi, din l‑ewwel parti.

20      Fil-kuntest ta’ din l-istess parti, fil‑punti 22 tas-sentenzi l-Qorti Ġenerali indikat ukoll li l-Bord tal-Appell issostanzja l-argument tiegħu li jgħid li l‑esperjenza ta’ kuljum tikkonferma l-idea li t-trade mark vera tal-inbid frizzanti hija rrappreżentata mit-tikketta peress li kien irrileva li “[l‑]illustrazzjonijiet iċċitati fid-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell, mibgħuta lil [Freixenet], u dawk li [Freixenet] [setgħet] hija stess issib matul ir-riċerka tagħha, [kienu jikkostitwixxu] l-aħjar prova”. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 23 ta’ dawn is-sentenzi, li dawn l-illustrazzjonijiet kollha jikkonfermaw l-idea li t-trade mark vera tal-inbid frizzanti huwa rrappreżentat mit-tikketta u mhux mill-forma tal-ippakkjar tiegħu, li kienet tikkostitwixxi l-motivazzjoni li fuqha l-Bord tal‑Appell ibbaża d‑deċiżjonijiet ikkontestati.

21      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, fil-punti 44 tas-sentenzi l-Qorti Ġenerali nnotat li skont l‑Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, l‑element essenzjali li jippermetti li tiġi identifikata l‑oriġini tal-prodott mill-konsumatur ikkonċernat huwa t‑tikketta fuq il‑flixkun tal-inbid frizzanti iktar milli l-forma tal-flixkun jew id-dehra esterna tiegħu. Il-Qorti Ġenerali speċifikat, fil-punti 45 ta’ dawn is-senetnzi, li din l-evalwazzjoni kienet tirrappreżenta l‑pożizzjoni finali adottata mill-UASI u li din ma kellhiex, bħala prinċipju, tiġi suġġetta għall-osservazzjonijiet lil Freixenet. Skont il‑Qorti Ġenerali, l‑imsemmija evalwazzjoni ma kinitx ibbażata fuq fatti miġbura ex officio mill-Bord tal-Appell, iżda kienet parti mill-estensjoni tal-argumenti mqajma mill-eżaminatur fid-19 ta’ Novembru 1998, li indikat lil Freixenet, li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kellha d-dehra komuni ta’ flixkun ta’ nbid frizzanti u kienet għalhekk nieqsa minn kull karattru distintiv skont l‑Artikolu 7(1)(b) tal‑imsemmi regolament.

22      Fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll, fil-punti 46 tal-imsemmija sentenzi, li d‑deduzzjonijiet magħmula mill-esperjenza prattika, jiġifieri l-importanza tat-tikketta mwaħħla fuq l-inbid frizzanti bħala element li jippermetti li tiġi stabbilita l-oriġini tal-prodott għall‑konsumaturi kkonċernati u l-varjetà ta’ modi differenti kif jintwerew, setgħu jitqiesu li huma magħrufa minn kulħadd u, b’mod partikolari, minn Freixenet. Skont il-Qorti Ġenerali, dawn id‑deduzzjonijiet jappartjenu għall‑kategorija ta’ fatti magħrufa, fejn l‑eżattezza tagħhom ma kellhiex tiġi stabbilita mill-UASI. Il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll li dan l-argument żviluppat prinċipalment mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati jifforma parti mid-diskussjonijiet li seħħew bejn Freixenet u l-UASI fir‑rigward tal-elementi li għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tat-trade marks li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

23      Fil-punti 47 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali indikat li l-idea li t‑tikketta hija l-element ta’ riferiment għall-konsumatur tal-inbid frizzanti, li ma hijiex ibbażata fuq elementi oħra, bħall-kulur tal-ħġieġ tal-flixkun jew id‑dehra tal-wiċċ tiegħu, hija l-qofol tal-argument tal-UASI u hija sempliċement konstatazzjoni li tirriżulta mill-esperjenza prattika. Peress li qies li din l-idea ma setgħetx ma tkunx magħrufa minn Freixenet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li għalhekk din tal-aħħar kienet perfettament f’pożizzjoni li tiċħad l-idea sostnuta mill‑eżaminatur, imbagħad użata mill-Ewwel Bord tal‑Appell tal-UASI, biex tiġi stabbilita l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u setgħet għalhekk issostni li ma kinitx it-tikketta, iżda l-ippakkjar tal-inbid frizzanti li kien ġeneralment ikkunsidrat mill-konsumatur ikkonċernat fl-għażla ta’ dan il‑prodott.

24      Barra minn hekk, filwaqt li kkonstatat li Freixenet tabilħaqq kellha l-opportunità li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-illustrazzjonijiet tal‑fliexken imsemmija fid-deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal‑UASI, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 48 ta’ dawn is-sentenzi, li hija ma kinitx għalhekk iġġustifikata li tinvoka, f’dan ir-rigward, il-ksur tat‑tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

25      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 49 tas-sentenzi appellati, li Freixenet kienet instemgħet skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn hija setgħet tieħu pożizzjoni dwar ir-raġunijiet li għalihom l‑UASI kellu l-intenzjoni jiċħad l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni tat-trade marks peress li dawn ma kellhomx il-karattru distintiv meħtieġ f’dan ir-rigward. Il‑Qorti Ġenerali mbagħad iddeċidiet, fil-punti 50 ta’ dawn is-sentenzi, li għalhekk Freixenet kienet żbaljata meta sostniet li l-Bord tal-Appell kien kiser din id‑dispożizzjoni billi ma stedinhiex tressaq l‑osservazzjonijiet tagħha fuq fatti magħrufa li hija ma setgħetx ma tkunx taf dwarhom u li jikkostitwixxu l‑pożizzjoni finali tal-UASI jew dwar l-imsemmija illustrazzjonijiet tal-fliexken. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni parti tal-ewwel motiv.

26      Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali nnotat, b’mod partikolari, fil-punti 75 u 74 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li fir‑rigward tal-evalwazzjoni vera u proprja tal-karattru distintiv tat-trade marks li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Bord tal-Appell tal-UASI kien qies li l-kulur u l-lostru tal-ħġieġ tal-flixkun ma jistgħux “jaħdmu bħala trade mark” għall-inbid frizzanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punti 76 u 75 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li f’dan il-kuntest, Freixenet kienet qed tinvoka l-karattru oriġinali ta’ dawn it-trade marks fid-data tal-1 ta’ April 1996, fatt li bħala tali ma kienx ikkontestat mill-imsemmi Bord tal-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Skont il-Qorti Ġenerali, madankollu, tali oriġinalità ma hijiex biżżejjed biex jiġi stabbilit il-karattru distintiv tal-imsemmija trade marks fir-rigward tal-prodotti kkonċernati u l-pubbliku rilevanti.

27      Fil-punti 79 u 78 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li ż-żewġ evalwazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell tal-UASI, li ma humiex ikkontestati bħala tali minn Freixenet u li huma bbażati, minn naħa, fuq il-fatt li l-ebda flixkun ma nbiegħ mingħajr tikketta jew l‑ekwivalenti u, min-naħa l-oħra, li Freixenet innifisha kienet tuża t-trade mark FREIXENET fuq il-fliexken li għalihom hija applikat għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, jippermettu li tiġi kkonfermata l-idea bbażata fuq esperjenza prattika, li tgħid li l‑kulur u l-lostru tal-ħġieġ tal-flixkun ma setgħux “jaħdmu bħala trade mark” għall-inbid frizzanti f’dak li jirrigwarda l-pubbliku rilevanti.

28      Fil-kuntest ta’ dan it-tieni motiv, il-Qorti Ġenerali nnotat ukoll, fil-punti 81 u 80 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li d‑dehra oriġinali tat-trade marks li għalihom kienet saret applikazzjoni għar‑reġistrazzjoni ma kinitx ikkontestata. Dak li kien ikkontestat hemmhekk kien jirrigwarda l-fatt li l‑maġġoranza kbira tal-konsumaturi ma jarawx id-dehra tal‑flixkun bħala element utli għad-determinazzjoni tal‑oriġini tal-inbid frizzanti kkonċernat, iżda jippreferu jirreferu għat‑tikketta.

29      Barra minn hekk, fil-punti 82 u 81 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward tal‑argument ibbażat fuq il-fatt li l-ebda waħda mill-illustrazzjonijiet ta’ fliexken ta’ nbejjed frizzanti msemmija fid-deċiżjonijiet ikkontestati ma tirreferi għal flixkun ikkummerċjalizzat fiż-żmien ta’ meta saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade marks, kien biżżejjed li wieħed jinnota li dan l-argument kien ineffettiv peress li l-Bord tal-Appell tal-UASI kien ġustament osserva, fid‑deċiżjonijiet tiegħu, li “ma [kien] jeżisti l-ebda preċedent ta’ impriża li tagħmel l-inbid li offriet inbid lill-pubbliku fi fliexken mingħajr kitba, billi tafda biss jew prinċipalment fuq l-aspett formali tal-flixkun bħala indikatur tal-oriġini industrijali jew kummerċjali tal‑prodott”. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fi kwalunkwe każ, anki jekk Freixenet kienet l‑ewwel li użat l-ippakkjar li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark, il-fatt jibqa’ li l-oriġinalità ta’ dan l-ippakkjar ma hijiex biżżejjed, peress li l‑konsumatur kien jieħu inkunsiderazzjoni, u dan irrispettivament miż-żmien, element ieħor biex jiddeċiedi li jixtri, speċjalment fid-dawl tal-varjetà wiesgħa ta’ preżentazzjonijiet offruti fil‑ħwienet.

30      Konsegwentement, fil-punti 85 u 84 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l‑Bord tal-Appell kien korrett meta kkunsidra li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu nieqsa minn karattru distintiv, u għalhekk huwa ċaħad it-tieni aggravju.

31      Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(3) tar‑Regolament Nru 40/94, il-Qorti Ġenerali nnotat b’mod partikolari, fil-punti 113 u 108 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li ma jistax jiġi kkontestat li disgħa minn ħmistax-il Stat Membru li kienu jifformaw il-Komunità Ewropea fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal‑applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ma kinux koperti mir-riċerka tas-suq ippreżentat minn Freixenet.

32      Il-Qorti Ġenerali indikat ukoll, fil-punti 122 u 118 rispettivament tas‑sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li peress li t-trade marks li għalihom kienet saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma magħmula mill-preżentazzjoni ta’ prodott, ma kien hemm ebda ostakolu lingwistiku għar-reġistrazzjoni tagħhom u li għalhekk il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu sabiex dawn it-trade marks ikunu jistgħu jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 kellha, bħala prinċipju, tiġi stabbilita fil-parti kollha tal-Komunità fejn il‑karattru distintiv intrinsiku kien nieqes.

33      Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 123 u 119 rispettivament tas‑sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li fl-assenza ta’ provi li għandhom valur suffiċjentement probatorju għal erbatax minn ħmistax-il Stat Membru konċernat, il-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu fi Spanja ma setgħetx għalhekk titqies biżżejjed biex tinkiseb ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, li kellha karattru unitarju u li kellha effett fil‑Komunità kollha. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ukoll li Freixenet ma setgħetx tibbaża ruħha għal dan il-għan u b’analoġija fuq is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C‑301/07, Ġabra p. I‑9429), li tirrigwarda talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-Artikolu 9(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 40/94 u l-kwistjoni tal-protezzjoni mogħtija minħabba r‑reputazzjoni lil trade mark Komunitarja diġà rreġistrata. Konsegwentement, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal‑UASI kien korrett meta kkunsidra li l-provi prodotti minn Freixenet ma kinux biżżejjed biex jiġi stabbilit karattru distintiv miksub permezz tal-użu tas-sinjali li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, għaldaqstant, ċaħdet it-tielet motiv.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

34      Freixenet titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenzi appellati;

–        tilqa’ t-talbiet li hija ressqet quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

35      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lil Freixenet għall-ispejjeż.

36      B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2010, il-Kawżi C‑344/10 P u C‑345/10 P ngħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq l-Appelli

37      Insostenn tal-appelli tagħha, Freixenet ressqet tliet aggravji, ibbażati rispettivament, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 38(3) u 73 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, it-tieni wieħed, fuq ksur tal‑Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament, u t-tielet wieħed, fuq ksur tal‑Artikolu 7(3) tal-imsemmi regolament. Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, it‑tieni aggravju.

 L-argumenti tal-partijiet

38      Bit-tieni aggravju tagħha, Freixenet issostni li l-Qorti Ġenerali kisret l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 billi ddeċidiet, fis-sentenzi appellati, li l-Bord tal-Appell tal-UASI ma kienx obbligat li jipproduċi elementi konkreti insostenn tar-rifjut tiegħu tar-reġistrazzjoni u seta’ jillimita ruħu għall-affermazzjoni ta’ fatt allegatament magħruf biex jiċħad il‑karattru distintiv tat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, filwaqt li hija kienet ipprovdiet indikazzjonijiet konkreti u ssostanzjati li juru l-karattru oriġinali ta’ dawn it-trade marks fid-data rilevanti, b’tali mod li dawn kienu differenti b’mod sinjifikattiv min‑norma jew mid-drawwiet tas‑settur ikkonċernat. Peress li, skont il‑ġurisprudenza, l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv għandha tkun konkreta, l-UASI huwa obbligat li jwieġeb konkretament għall-elementi konkreti prodotti mill-applikant u ma jistax jissodisfa ruħu b’rifjuti vagi u ġenerali, hekk kif żbaljatament ammettiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi appellati.

39      Barra minn hekk, Freixenet tinsisti fuq il-fatt li t-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienu jiddistingwu ruħhom b’mod sostanzjali mill-istandards tal‑industrija fl-1 ta’ April 1996 u tinnota li, f’dan ir-rigward, il‑karattru oriġinali ta’ dawn it-trade marks ġie rrikonoxxut kemm mill‑Bord tal-Appell tal-UASI kif ukoll mill-Qorti Ġenerali fil‑punti 76 u 81 tas-sentenza T‑109/08 kif ukoll fil-punti 75 u 80 tas‑sentenza T‑110/08. Hija ssostni li, sa fejn, skont il-ġurisprudenza, il-fatt biss li s-sinjal ikun xieraq sabiex jiddistingwi l-oriġini tal-prodott huwa biżżejed sabiex ma tiġix applikata r-raġuni ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u fid-dawl tal-fatt li dawn it‑trade marks kellhom karattru distintiv minimu, fatt li ġie rrikonoxxut mill-Qorti Ġenerali meta kklassifikathom bħala oriġinali, din tal-aħħar wetqet żball ta’ liġi, bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni, meta ċaħdet karattru distintiv lill-imsemmija trade marks, minkejja li l-kriterju ta’ protezzjoni kien sodisfatt.

40      Freixenet tikkritika lill-Qorti Ġenerali wkoll talli kisret l‑Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 minħabba l-importanza li hija tat lin-neċessità li tikkombina element verbali mat-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni, billi aċċettat, fil-punti 82 u 81 rispettivament tas‑sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, il-kunsiderazzjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI li “ma [kien] jeżisti l‑ebda preċedent ta’ impriża li tagħmel l-inbid li offriet inbid lill-pubbliku fi fliexken mingħajr kitba, billi tafda biss jew prinċipalment fuq l-aspett formali tal-flixkun bħala indikatur tal‑oriġini industrijali jew kummerċjali tal-prodott”. Il‑Qorti Ġenerali għalhekk assumiet b’mod żbaljat li sinjal li ma huwiex verbali ma kellu l-ebda setgħa distintiva meta ma kienx użat flimkien ma’ element verbali, filwaqt li la dan ir-regolament u lanqas il-ġurisprudenza ma ssuġġettaw ir‑reġistrazzjoni ta’ trade mark li tikkonsisti fil-format tal‑preżentazzjoni ta’ prodott jew tal-preżentazzjoni tal-ippakkjar tiegħu għall-preżenza ta’ kitba jew elementi verbali.

41      L-UASI jikkuntesta l-argument ta’ Freixenet u jsostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-karattru distintiv ta’ trade mark fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nr 40/94 jfisser li din it-trade mark tippermetti li l-prodott li għalih issir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jiġi identifikat bħala li jkun provenjenti minn impriża partikolari u li b’hekk tagħmel distinzjoni bejn dan il-prodott u dawk ta’ impriżi oħra (ara b’mod partikolari, is‑sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punt 34; tas-7 ta’ Ottubru 2004, Mag Instrument vs UASI, C‑136/02 P, Ġabra p. I‑9165, punt 29, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C‑238/06 P, Ġabra p. I‑9375, punt 79).

43      Dan il-karattru distintiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min- naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l‑pubbliku rilevanti għandu ta’ dan il‑karattru distintiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq punt 35; tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C‑25/05 P, Ġabra p. I‑5719, punt 25, u Develey vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

44      F’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punti 69 u 68 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, huwa paċifiku li l‑prodotti kkonċernati, jiġifieri nbid frizzanti, huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum u l-pubbliku kkonċernat huwa l-pubbliku ġenerali tal-ħmistax-il Stat Membru li kienu jikkostitwixxu l‑Komunità fiż-żmien tas‑sottomissjoni tal‑applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni.

45      Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal‑karattru distintiv ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess ma humiex differenti minn dawk applikabbli għall‑kategoriji l-oħra ta’ trade marks (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi Mag Instrument vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq punt 30; tat‑12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 27; Storck vs UASI, iċċitati iktar ’il fuq, punt 26, u tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, C‑144/06 P, Ġabra p. I‑8109, punt 36).

46      Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-perċezzjoni tal-konsumatur medju fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, ma hijiex neċessarjament l-istess bħalma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal‑prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fl‑assenza ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, ma għandhomx id‑drawwa li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il‑forma tagħhom jew fuq il-forma tal-ippakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv ta’ tali trade mark tridimensjonali milli dak ta’ trade mark verbali jew figurattiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Mag Instrument vs UASI, punt 30, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, punt 28, u Storck vs UASI, punt 27).

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss trade mark li, b’mod sinjifikattiv, tmur lil hinn min-norma u mid-drawwiet tas-settur u, minħabba f’hekk, li tkun kapaċi tissodisfa l-funzjoni essenzjali tagħha ta’ oriġini, li ma tkunx nieqsa minn karattru distintiv skont l-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 (ara b’mod partikolari, is‑sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mag Instrument vs UASI, punt 30, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, punt 31, u Storck vs UASI, punt 28).

48      Din il-ġurisprudenza, żviluppata fir-rigward tat-trade marks tridimensjonali li jikkonsistu fid-dehra tal-prodott stess jew mill-ippakkjar tal-prodotti, bħal-likwidi, li huma ppakkjati fil-kummerċ għal raġunijiet relatati man-natura tal‑prodott stess (ara s-sentenzi Deutsche SiSi-Werke vs UASI, iċċitati iktar ’il fuq, punt 29, u tal-4 ta’ Ottubru 2007, Henkel vs UASI, punt 38), hija valida wkoll meta, bħal f’dan il-każ, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija trade mark “oħra” li tikkonsisti fl‑aspett speċifiku tal-parti esterna tal-ippakkjar ta’ prodott likwidu. Fil-fatt, f’każijiet bħal dawn, it-trade mark lanqas ma tikkonsisti f’sinjal indipendenti mid-dehra tal-ippakkjar maħtieġ tal-prodotti li hija tirrappreżenta. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Storck vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

49      Għalkemm il-Qorti Ġenerali identifikat b’mod korrett, fil-punti 63 sa 67 u 62 sa 66 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza, madankollu minn dawn is‑sentenzi jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma segwietx din il-ġurisprudenza fl‑evalwazzjoni tal-każ inkwistjoni.

50      Fil-fatt, minflok ivverifikat jekk it-trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kinux differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat b’mod ġenerali, fil-punti 79 u 78 rispettivament tas-sentenzi T‑109/08 u T‑110/08, li peress li ebda flixkun ma jinbiegħ mingħajr tikketta jew kliem ekwivalenti, huwa biss dan l‑element verbali li jippermetti li tiġi ddeterminata l‑oriġini tal-inbid frizzanti kkonċernat b’tali mod li l-kulur u l-lostru tal-ħġieġ tal-flixkun ma setgħux “jaħdmu bħala trade mark” għall-inbid frizzanti fir‑rigward tal-pubbliku rilevanti meta ma jintużawx flimkien ma’ element verbali.

51      Din l-evalwazzjoni twassal sabiex it-trade marks li jikkonsistu mid-dehra tal-ippakkjar tal-prodott innifsu u li ma jinkludux sinjali jew element verbali jiġu sistematikament esklużi mill‑protezzjoni li tista’ tingħata mir-Regolament Nru 40/94.

52      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wetqet ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, Ġabra p. I‑6251, punt 45).

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju mqajjem minn Freixenet u li s-sentenzi appellati jiġu annullati, mingħajr il‑ħtieġa li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appelli.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

54      Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi annullata, tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Għandu jiġi osservat li dan huwa l-każ f’din il-kawża.

55      Fir-rigward tat-talbiet ta’ Freixenet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, dawn għandhom jiġu milqugħa għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 45 sa 52 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell tal-UASI wettaq l-istess żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali billi evalwa, fil-punti 34 u 37 kif ukoll 31 u 34 rispettivament tad-deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru u tal-20 ta’ Novembru 2007, li “l-aspett formali ma [kienx] jissodisfa l-funzjoni ta’ trade mark, iżda t‑tikketta, iva”, u billi ma eżaminax, għalhekk, jekk it‑trade marks li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kinux differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mid-drawwiet tas-settur li għandhom karattru distintiv.

56      Skont dawn iċ-ċirkstanzi, hemm lok li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati, mingħajr ma hemm il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-motivi l‑oħra mqajma minn Freixenet fil-kuntest tar-rikorsi tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq l-ispejjeż

57      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall‑proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Freixenet talbet li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż u peress li dan tal-aħħar tilef, huwa għandu jiġi kkundannat kemm għall-ispejjeż tal‑ewwel istanza kif ukoll għal dawk tal-appelli.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2010, Freixenet vs UASI (flixkun bl-iżmerill abjad) (T‑109/08), u Freixenet vs UASI (flixkun bl-iżmerill iswed matt) (T‑110/08), huma annullati.

2)      Id-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-30 ta’ Ottubru 2007 (Każ R 97/2001‑1) u tal-20 ta’ Novembru 2007 (Każ R 104/2001‑1), huma annullati.

3)      L-Uffiċċju għall‑Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) huwa kkundannat għall-ispejjeż relatati mal‑proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll dawk relati mal-appelli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.