Kawża C-123/10
Waltraud Brachner
vs
Pensionsversicherungsanstalt
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof)
“Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7/KEE — Artikoli 3(1) u 4(1) — Skema nazzjonali ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet — Żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet għas-sena 2008 — Esklużjoni minn din iż-żieda tal-pensjonijiet li l-ammont tagħhom huwa inqas mill-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju — Żieda eċċezzjonali mill-ġdid ta’ dan l-ammont standard għas-sena 2008 — Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ suppliment kumpensatorju tal-pensjonanti li d-dħul tagħhom, li jinkludi dak tal-konjuġi li jifforma parti mid-dar, jaqbeż l-imsemmi ammont standard — Kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva — Diskriminazzjoni indiretta kontra n-nisa — Ġustifikazzjoni — Assenza”
Sommarju tas-sentenza
1. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 79/7 — Aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar — Inklużjoni
(Direttiva tal-Kunsill 79/7, Artikoli 3(1) u 4(1))
2. Politika soċjali — Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali — Direttiva 79/7 — Skema nazzjonali ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar
(Direttiva tal-Kunsill 79/7, Artikolu 4(1))
1. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija għalhekk suġġetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4(1) tagħha.
Fil-fatt, bħall-pensjoni stess, l-aġġustament ulterjuri tagħha huwa intiż li jipproteġi l-persuni li kisbu l-età legali tal-irtirar kontra r-riskju ta’ xjuħija, billi jiggarantixxi li dawn il-persuni jkunu jistgħu jiddisponu minn mezzi neċessarji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħtiġijiet tagħhom inkwantu persuni rtirati.
(ara l-punti 44, 53, id-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali li twassal biex teskludi minn żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet, prevista minn skema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet tal-irtirar, perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel.
Din id-differenza hija suffiċjentement kbira biex tikkostitwixxi ħjiel sinjifikattiv f’dan ir-rigwad peress li perċentwali ta’ 75 % tal-pensjonanti rġiel setgħu jibbenefikaw miż-żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet filwaqt li dan kien biss il-każ għal 43 % tal-pensjonanti nisa. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tislet din il-konklużjoni fid-dawl tad-data mressqa quddiemha.
Jekk, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li tipprovdi li, fil-verità, perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel jista’ jġarrab żvantaġġ minħabba l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali, dan l-iżvantaġġ ma jista’ jiġi ġġustifikat la mill-fatt li n-nisa li kienu ħadmu jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni iktar kmieni, la mill-fatt li dawn jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal, u lanqas minħabba l-fatt li l-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju kien ukoll is-suġġett ta’ żieda eċċezzjonali għal dik l-istess sena.
(ara l-punti 60, 62, 63, 68,104, id-dispożittiv 2, 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
20 ta’ Ottubru 2011 (*)
“Politika soċjali – Trattament ugwali bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikoli 3(1) u 4(1) – Skema nazzjonali ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet – Żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet għas-sena 2008 – Esklużjoni minn din iż-żieda tal-pensjonijiet li l-ammont tagħhom huwa inqas mill-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju – Żieda eċċezzjonali mill-ġdid ta’ dan l-ammont standard għas-sena 2008 – Esklużjoni mill-benefiċċju ta’ suppliment kumpensatorju tal-pensjonanti li d-dħul tagħhom, li jinkludi dak tal-konjuġi li jifforma parti mid-dar, jaqbeż l-imsemmi ammont standard – Kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva – Diskriminazzjoni indiretta kontra n-nisa – Ġustifikazzjoni – Assenza”
Fil-Kawża C‑123/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura
Waltraud Brachner
vs
Pensionsversicherungsanstalt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) K. Schiemann, L. Bay Larsen, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,
wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Awstrijak minn G. Hesse, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u N. Travers, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 215).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn W. Brachner u l-Pensionsversicherungsanstalt (korp tal-assigurazzjoni ta’ xjuħija) dwar iż-żieda fl-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar li ngħatatilha skont l-iskema ta’ aġġustament tal-pensjonijiet prevista għas-sena 2008.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7 jistabbilixxi:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implementazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’”.
4 L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:
a) l-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:
[…]
– anzjanità,
[…]
b) assistenza soċjali, sal-punt li hija maħsuba li żżid jew tieħu l-post ta’ l-iskemi msemmija f’(a).”
5 Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva:
“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:
[…]
– il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”
Id-dritt nazzjonali
6 L-Artikolu 108(5) tal-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali (Allgemeines Sozialversicherungsgesetz) tad-9 ta’ Settembru 1955 (BGBl. 189/1955), fil-verżjoni li kienet tapplika għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ASVG”) jistabbilixxi:
“Koeffiċjent ta’ aġġustament: il-Ministru Federali għas-Sigurtà Soċjali, għall-Ġenerazzjonijiet u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandu jistabbilixxi kull sena b’digriet, għas-sena ċivili sussegwenti, il-koeffiċjent ta’ aġġustament (l-Artikolu 108 f), sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena. Id-digriet għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni tal-Gvern Federali. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jipprovdu xorta oħra, il-koeffiċjent ta’ aġġustament għandu jintuża għaż-żieda tar-renti u tal-pensjonijiet kif ukoll għall-ammonti stabbiliti, relatati ma’ benefiċċji fil-kuntest tas-sigurtà soċjali”.
7 L-Artikolu 108 f tal-ASVG huwa redatt kif ġej:
“(1) Il-Ministru Federali għas-Sigurtà Soċjali, għall-Ġenerazzjonijiet u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi għandu jistabbilixxi l-koeffiċjent ta’ aġġustament għal kull sena ċivili billi jieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ referenza stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 108e(9).
(2) Il-valur ta’ referenza għandu jiġi stabbilit b’mod illi ż-żieda fil-pensjonijiet li tirriżulta mill-adattament mal-valur ta’ referenza, tikkorrispondi għaż-żieda fil-prezzijiet tal-konsum, skont il-paragrafu 3. Għandu jitressaq għal tliet punti deċimali.
(3) Iż-żieda fil-prezzijiet tal-konsum għandha tiġi ddeterminata abbażi taż-żieda medja fuq tnax-il xahar ċivili, sax-xahar ta’ Lulju tas-sena li tippreċedi s-sena tal-adattament, b’referenza għall-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum għall-2000 jew għal kwalunkwe indiċi ieħor li jkun isosstitwieh. […]”.
8 Skont l-Artikolu 108h(1) tal-ASVG:
“B’effett mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena,
a) il-pensjonijiet kollha mogħtija mis-sigurtà soċjali li għandhom ġurnata ta’ referenza […] qabel l-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena
[…]
għandhom jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent tal-aġġustament. […]”.
9 Għas-sena 2008, il-koeffiċjent għall-aġġustament tal-pensjonijiet mogħtija abbażi tal-ASVG kien ġie stabbilit għal 1.017 permezz ta’ deċiżjoni tal-Ministru Federali għall-Affarijiet Soċjali u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi (BGBl. II, 337/2007).
10 L-Artikolu 634(10) tal-ASVG, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Federali li temenda l-liġijiet skont il-ftehim konkluż skont l-Artikolu 15a tal-BV-G dwar l-organizzazzjoni u l-finanzjament tas-sistema tas-saħħa għas-snin 2008 sa 2013 (Bundesgesetz zur Anpassung von Rechtsvorschriften an die Vereinbarung gemäß Art. 15a B-VG über die Organisation und Finanzierung des Gesundheitswesen für die Jahre 2008 bis 2013, BGBl. I, 101/2007, iktar ’il quddiem il-“liġi li temenda tal-2007”), jistabbilixxi żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet għas-sena 2008 wara l-ftehim milqugħ mal-Österreichischen Seniorenrat (il-Kunsill tal-Anzjani Awstrijaki).
11 Skont l-imsemmija dispożizzjoni:
“B’deroga mill-ewwel sentenza tal-paragrafu 1, tal-Artikolu 108 h, il-pensjonijiet li huma ogħla minn EUR 746.99 fix-xahar ma għandhomx jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent tal-aġġustament matul is-sena ċivili 2008, iżda miżjuda skont l-indikazzjonijiet segwenti: jekk il-pensjoni fix-xahar hija
1. bejn EUR 746.99 u EUR 1 050, din għandha tiżdied b’EUR˚21;
2. bejn EUR 1 050 u EUR 1 700, din għandha tiġi mmultiplikata bil-fattur ta’ 1.020;
3. bejn EUR 1 700 u EUR 2 161.50, din għandha tiżdied b’rata li tonqos b’mod lineari bejn il-valuri ċċitati iktar ’il fuq, ta’ 2.0 % sa 1.7 %,
4. ogħla minn EUR 2 161.50, għandha tiżdied b’EUR 36.57.”
12 Il-persuni residenti fit-territorju tal-Awstrija u li jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar jew tas-superstiti li d-dħul minnha huwa talment fqir li ma jkoprix il-minimu għall-għaxjien, għaliex il-perijodi ta’ assigurazzjoni li jkunu ħallsu ma jkunux biżżejjed jew għaliex il-bażi ta’ kalkolu għall-pensjoni tagħhom huwa wisq baxx, għandhom bħala regola d-dritt għal suppliment kumpensatorju sakemm id-dħul tagħhom li għandu jiġi kkunsidrat ma jaqbiżx l-ammont standard għall-għoti ta’ dan is-suppliment.
13 F’dan ir-rigwad, l-Artikolu 292(2) tal-ASVG jistabbilixxi li d-dħul globali nett tal-konjuġi li tkun qed tgħix mal-pensjonant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi ddeterminat jekk, fir-rigward ta’ dan l-ammont standard, dan tal-aħħar għandux id-dritt għal suppliment kumpensatorju.
14 Meta l-ammont gross tal-pensjoni u d-dħul l-ieħor nett ta’ persuna u tal-konjuġi li jgħix magħha huma inqas mill-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju, din il-persuna għandha dritt għall-imsemmi suppliment flimkien ma’ ammont li jkun daqs id-differenza bejn id-dħul globali tagħha u dan l-ammont standard.
15 L-Artikolu 293 tal-ASVG, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li temenda tal-2007, jistabbilixxi żieda eċċezzjonali tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju, li permezz tagħha dan tela’ minn EUR 726 għal EUR 747 għall-pensjonanti li jgħixu waħedhom u minn EUR 1 091.14 għal EUR 1 120 għall-pensjonanti li jgħixu mal-konjuġi tagħhom.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 W. Brachner, li twieldet fit-8 ta’ Ġunju 1947, tirċievi mingħand il-Pensionsversicherungsanstalt pensjoni ta’ rtirar skont l-ASVG li għas-sena 2007 ammontat għal EUR 368.16 gross fix-xahar. Hija ma għandhiex dritt għal suppliment kumpensatorju għaliex il-konjuġi tagħha jibbenefika minn pensjoni fix-xahar ta’ EUR 1 340.33 nett li, meta tiżdied mad-dħul tagħha, jwassal għal ammont li jeċċedi l-ammont stabbilit mill-ammont standard tal-imsemmi suppliment.
17 B’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008, il-Pensionsversicherungsanstalt ddeċieda li l-pensjoni ta’ W. Brachner mill-1 ta’ Jannar 2008 ser tammonta għal EUR 374.42 gross fix-xahar skont il-koeffiċjent ta’ aġġustament stabbilit għal 1.017 għas-sena 2008, jiġifieri żieda ta’ 1.7 % tal-ammont tal-pensjoni tagħha.
18 W. Brachner ippreżentat rikors quddiem il-Landesgericht Linz (qorti reġjonali ta’ Linz) kontra din id-deċiżjoni, billi talbet l-għoti ta’ pensjoni li l-ammont tagħha huwa ta’ EUR 389.16 gross fix-xahar u li tibda tiddekori mill-1 ta’ Jannar 2008, jiġifieri ż-żieda ta’ EUR 21 prevista bl-Artikolu 634(10) tal-ASVG, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li temenda tal-2007, għall-pensjonijiet li l-ammont fix-xahar tagħhom huwa ta’ bejn EUR 746.99 u EUR 1 050.
19 Insostenn tar-rikors tagħha, hija tenniet li l-aġġustament applikat mil-leġiżlatur Awstrijak għas-sena 2008 huwa inkompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza, li jikser il-garanzija kostituzzjonali tad-dritt ta’ proprjetà u jinkludi diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tan-nisa bi ksur tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7.
20 B’sentenza tat-8 ta’ Lulju 2008, il-Landesgericht Linz laqgħet ir-rikors ta’ W. Brachner, billi ddeċidiet li l-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2008 kien iwassal għal diskriminazzjoni indiretta illeċita fir-rigward tan-nisa.
21 Din is-sentenza ġiet irriveduta b’sentenza tat-13 ta’ Awwissu 2008 tal-Oberlandesgericht Linz (Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz) li ddeċidiet inkwantu qorti tal-appell fil-qasam tad-dritt industrijali u tad-dritt soċjali. Għaldaqstant, W. Brachner ippreżentat rikors ta’ “Reviżjoni” quddiem l-Oberster Gerichtshof (Qorti Suprema).
22 B’sentenza tal-24 ta’ Settembru 2009, il-Verfassungsgerichtshof (Qorti Kostituzzjonali) ċaħdet it-talbiet, li fosthom kien hemm dik imressqa mill-Oberster Gerichtshof fil-kawża li tikkonċerna lil W. Brachner, li kienu intiżi li jiksbu l-annullament tad-dispożizzjonijiet tal-ASVG dwar l-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2008, sa fejn il-liġi li temenda tal-2007 tirriżerva ż-żieda eċċezzjonali fil-pensjonijiet għal dik is-sena biss għall-pensjonijiet ogħla minn EUR 746.99. Dawn it-talbiet kienu msejsa fuq motivi ta’ dritt kostituzzjonali bbażati fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ dritt ta’ proprjetà.
23 Peress li l-Verfassungsgerichtshof kien ċaħad dawn it-talbiet, l-Oberster Gerichtshof kompliet ex officio l-proċedura ta’ “Reviżjoni” fil-kawża prinċipali.
24 Il-qorti tar-rinviju tinnota li issa l-għan tal-proċedura pendenti quddiemha, li għandha kontenzjuża bejn il-partijiet, huwa li tissolva l-kwistjoni dwar jekk l-aġġustament tal-pensjonijiet adottat mil-leġiżlatur Awstrijak għas-sena 2008 jiksirx l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 minħabba li hemm diskriminazzjoni indiretta fir-rigward tan-nisa.
25 F’dan ir-rigward, l-Oberster Gerichtshof tikkonstata, fl-ewwel lok, li l-partijiet mhux qed jaqblu fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sistema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 u, b’mod partikolari, fuq il-kunċett ta’ “kalkolu tal-benefiċċji” li jinsab fl-imsemmi artikolu.
26 Fit-tieni lok, fir-rigward tad-diskriminazzjoni indiretta li W. Brachner setgħet ġarrbet, l-imsemmija qorti tqis li l-aġġustament tal-pensjonijiet implementat għas-sena 2008 jwassal għal nuqqas ta’ trattament ugwali tal-pensjonanti kkonċernati sa fejn il-pensjonijiet inqas mill-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju żdiedu biss b’ 1.7 % filwaqt li l-pensjonijiet ta’ bejn EUR 747 u 2 160 bbenefikaw minn żieda ikbar.
27 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali jwassalx għal żvantaġġ li jolqot numru sostanzjalment ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel.
28 Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward għall-fatti segwenti li jirriżultaw mill-istatistika dwar il-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ASVG għax-xahar ta’ Diċembru 2007:
– 1 325 762 persuna, li minnhom hemm 614 293 raġel u 711 469 mara, tibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar abbażi tal-attività professjonali tagħha;
– 562 463 persuna, li minnhom hemm 408 910 mara u 153 553 raġel, irċeviet pensjoni daqs jew inqas mill-ammont ta’ EUR 750 fix-xahar (iktar ’il quddiem il-“pensjoni minima”), jiġifieri hemm 57 % pensjonant mara u 25 % pensjonant raġel.
29 Skont l-imsemmija qorti, minn dan isegwi li l-perċentwali ta’ nisa żvantaġġjati mill-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2008 huwa bejn wieħed u ieħor 2.3 darba iktar mill-perċentwali ta’ rġiel żvantaġġjati.
30 Fit-tielet lok, l-Oberster Gerichtshof tirrileva li l-Pensionsversicherungsanstalt sostna li dan in-nuqqas ta’ trattament ugwali jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat għaliex, l-ewwel nett, in-nisa jipprovdu kontribuzzjoni għal żmien iqsar mill-irġiel peress li huma jirtiraw iktar kmien minn dawn tal-aħħar; it-tieni nett, għaliex in-nisa jirċievu l-pensjoni tagħhom għal perijodu itwal mill-irġiel minħabba li l-aspettattiva tat-tul ta’ ħajjithom hija, bħala medja, itwal minn dik tal-irġiel, u, fl-aħħar nett, minħabba ż-żieda fl-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju għas-sena 2008 li hija ta’ EUR 21 fix-xahar għall-pensjonanti li jgħixu waħedhom u ta’ madwar EUR 29 fix-xahar għall-pensjonanti li jgħixu ma’ persuna oħra.
31 Qabelxejn, f’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq it-tul iqsar ta’ kontribuzzjoni min-nisa għandha tiġi miċħuda għaliex l-aġġustament annwali inkwistjoni huwa intiż li jsostni l-kapaċità ta’ xiri tal-persuni intitolati għal pensjoni permezz tal-indiċi tal-ammonti tagħhom skont l-iżvilupp tal-prezzijiet u li dan l-aġġustament ma huwiex għalhekk element ta’ għoti li l-ammont tiegħu jista’ jkun marbut ma’ dak tal-kontribuzzjonijiet u mat-tul tagħhom.
32 Sussegwentement, l-Oberster Gerichtshof tqis li l-fatt li, bħala medja, in-nisa jirċievu l-pensjoni tagħhom għal perijodu itwal minħabba li l-aspettattiva tat-tul ta’ ħajjithom hija itwal minn dik tal-irġiel lanqas ma jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni, għaliex dan jirrigwarda fattur li huwa direttament ibbażat fuq is-sess li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax, minħabba n-natura tiegħu stess, jiġi kkunsidrat (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, Nolte, C‑317/93, Ġabra p. I‑4625, punt 28).
33 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-argument tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju, il-qorti tar-rinviju tinnota li mill-istatistika jirriżulta li 136 771 persuna, li minnhom hemm 64 166 raġel u 72 605 mara, irċevew suppliment kumpensatorju flimkien mal-pensjoni ta’ rtirar tagħhom.
34 Issa, peress illi, fir-rigward tal-persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ASVG, 57 % huma pensjonanti nisa li jirċievu pensjoni minima, filwaqt li dan huwa biss il-każ għal 25 % tal-pensjonanti rġiel, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ irġiel li ma jirċievux is-suppliment kumpensatorju u ma jistgħux għalhekk jibbenefikaw miż-żieda fl-ammont standard ta’ dan is-suppliment previst fil-kuntest tal-aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2008.
35 Barra minn hekk, l-Oberster Gerichtshof tqis li għalkemm it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-konjuġi fl-iffissar tad-dritt għal suppliment kumpensatorju jidher, b’mod ċert, iġġustifikat għaliex dan il-benefiċċju huwa intiż li jiżgura minimu bażiku ta’ għajxien (sentenza tad-19 ta’ Novembru 1992, Molenbroek, C‑226/91, Ġabra p. I‑5943), dan ma jfissirx li dan it-teħid inkunsiderazzjoni jista’ wkoll jiġi ġġustifikat fil-kuntest ta’ miżura ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet.
36 Fil-fatt, skont l-imsemmija qorti, l-għan essenzjali tal-aġġustament annwali tal-pensjonijiet huwa li jsostni l-kapaċità ta’ xiri tal-pensjoni u jsegwi għalhekk għan li huwa totalment differenti minn dak segwiet mis-suppliment kumpensatorju.
37 Il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tqum il-kwistjoni dwar jekk iż-żieda tal-ammont standard tas-suppliment biex jikkkumpensa tistax tiġġustifika ż-żieda żgħira li l-aġġustament tal-2008 stabbilixxa għall-pensjonijiet minimi u l-fatt li numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli rġiel jinsabu f’sitwazzjoni żvantaġġjata għaliex, skont ir-regoli dwar dan is-suppliment kumpensatorju, id-dħul l-ieħor tal-persuna intitolata għal pensjoni u dak tal-konjuġi li jgħix magħha huma biss ikkunsidrati fil-każ tal-pensjonijiet minimi, filwaqt li l-persuni intitolati għal pensjonijiet ogħla jibbenefikaw minn żieda superjuri, mingħajr ma huwa kkunsidrat id-dħul l-ieħor tagħhom jew dak tal-konjuġi tagħhom.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ aġġustament annwali tal-pensjoni (indiċjar) prevista mil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-irtirar obbligatorja hija wkoll suġġetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni msemmija fil-paragarafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni?
2) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali ta’ sistema ta’ aġġustament annwali tal-pensjoni li tipprovdi, għal grupp speċifiku ta’ persuni intitolati għall-pensjoni li jirċievu pensjoni minima, żieda potenzjalment inqas miż-żieda applikabbli għal persuni oħra intitolati għal pensjoni sa fejn din il-leġiżlazzjoni għandha effetti sfavorevoli għal 25 % tal-pensjonanti rġiel iżda effett sfavorevoli għal 57 % tal-pensjonanti nisa, u dan fin-nuqqas ta’ kwalunkwe motiv oġġettiv ta’ ġustifikazzjoni?
3) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: trattament sfavorevoli tan-nisa fiż-żieda annwali tal-pensjoni tagħhom jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-fatt li huma jirċievu iktar kmieni l-pensjoni, permezz tal-fatt li huma jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal jew permezz tal-fatt li l-ammont standard għal qligħ minimu previst mid-dritt soċjali (ammont standard tas-suppliment kumpensatorju) ġie miżjud b’mod proporzjonalment ogħla jew inkella permezz tat-tliet motivi flimkien meta d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-qligħ minimu tad-dritt soċjali (suppliment kumpensatorju) jipprovdu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-qligħ l-ieħor tal-persuna intitolata għall-pensjoni kif ukoll il-qligħ tal-konjuġi tagħha li joqgħod magħha filwaqt li l-pensjonijiet tal-pensjonanti l-oħra huma miżjuda mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-qligħ tal-persuna intitolata għall-pensjoni jew il-qligħ tal-konjuġi tagħha?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
39 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’mod li d-dispożizzjonijiet dwar din l-iskema huma suggetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva.
40 Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex benefiċċju jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, dan għandu totalment jew parzjalment jifforma parti minn skema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, jew ikun forma ta’ għajnuna soċjali li jsegwi l-istess għan, u jkun direttament u effettivament marbut mal-protezzjoni kontra wieħed minn dawn ir-riskji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, Taylor, C‑382/98, Ġabra p. I‑8955, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Peress li huwa paċifiku li l-benefiċċju inkwistjoni fil-kawża prinċipali jifforma parti minn skema legali sa fejn din hija stabbilita b’liġi, jiġifieri d-dispożizzjonijiet tal-ASVG li jinkludu skema ta’ aġġustament tal-pensjonijiet għas-sena 2008, għad hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dan il-benefiċċju huwiex direttament u effettivament marbut mal-protezzjoni kontra kwalunkwe riskju elenkat fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7.
42 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li pensjoni mogħtija abbażi tal-ASVG, bħal dik li tibbenefika minnha W. Brachner, tikkostitwixxi benefiċċju li, manifestament, huwa direttament u effettivament marbut ma’ wieħed mir-riskji, jiġifieri dak marbut mal-anzjanità.
43 Dan jgħodd ukoll għal skema ta’ aġġusttament annwali ta’ pensjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
44 Fil-fatt, bħall-pensjoni stess, l-aġġustament ulterjuri tagħha huwa intiż li jipproteġi l-persuni li kisbu l-età legali tal-irtirar kontra r-riskju ta’ xjuħija, billi jiggarantixxi li dawn il-persuni jkunu jistgħu jiddisponu minn mezzi neċessarji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħtiġijiet tagħhom inkwantu persuni rtirati.
45 Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li ssostni l-kapaċità ta’ xiri tal-pensjoni permezz tal-indiċjar tal-ammont tagħha skont l-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsum.
46 Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif ġie spjegat mill-qorti tar-rinviju, li jikkonsisti fil-ħarsien tal-kapaċità ta’ xiri tal-pensjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsum, ma jistax jiġi kkunsidrat li din hija skema li tiżgura, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-persuni li r-riżorsi tagħhom huma inqas minn ċertu ammont stabbilit bil-liġi, benefiċċju speċjali intiż li jippermettulhom li jilħqu mal-ħajja u li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma tidħolx taħt l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 79/7 (sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Jackson u Creswell, C‑63/91 u C‑64/91, Ġabra p. I‑4737, punt 17).
47 Fil-fatt, iż-żieda eċċezzjonali stabbilita bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tingħata minkejja li l-pensjonanti mhux qed jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji u materjali. Barra minn hekk, huma biss il-persuni li jilħqu l-età legali tal-irtirar li jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema ta’ aġġustament, b’mod li l-għoti ta’ żieda abbażi tagħha huwa f’kull każ suġġett għat-twettiq tar-riskju ta’ xjuħija (ara, b’analoġija, sentenzaTaylor, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 sa 25).
48 L-imsemmija skema ta’ aġġustament hija għalhekk differenti wkoll mill-iskema l-oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja għarblet, li kienu jikkonċernaw aġġustamenti mogħtija minħabba t-twettiq ta’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, u li dwarhom hija ddeċidiet li dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed biex il-benefiċċji bażiċi marbuta ma’ dawn l-aġġustamenti u li ma kinux jirrigwardaw wieħed mit-tali riskji, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jackson u Creswell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).
49 Din il-kawża lanqas ma tirrigwarda skema kkaratterizzata mill-fatt li l-liġi tistabbilixxi ammont għall-ħtiġijiet teoriċi tal-persuni kkonċernati, li jservi ta’ bażi għall-iffissar tal-benefiċċju, irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni dwar it-twettiq ta’ wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, skema li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fl-ebda każ ma taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza Jackson u Creswell, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
50 Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tal-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tibdil ulterjuri tal-ammont tal-pensjonijiet li hija tistabbilixxi jista’ jitqies bħala li jaqa’ taħt “kalkolu tal-benefiċċji” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.
51 Interpretazzjoni kuntrarja, li tipprovdi li huwa biss il-kalkolu inizjali ta’ benefiċċju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, meta din tirrigwarda wieħed mir-riskji msemmija fl-Artikolu 3(1) tagħha, li jista’ jiġi kopert mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, ma tistax tiġi milqugħa.
52 Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tagħha, interpretazzjoni restrittiva bħal din, li timplika r-rikonoxximent, mingħajr ġustifikazzjoni ċara, ta’ lakuna sinjifikattiva fil-portata tal-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni fir-rigward tan-nies, tippreġudika kemm l-għan tad-Direttiva 79/7, li huwa li jiżgura, kif stabbilit fl-ewwel premessa tagħha, l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat l-importanza fundamentali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 Novembru 2010, Kleist, C‑356/09, Ġabra p. I‑11939, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l-effettività ta’ din l-istess direttiva.
53 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija għalhekk suġġetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4(1) tagħha.
Fuq it-tieni domanda
54 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi nazzjonali li twassal biex teskludi minn żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet grupp partikolari ta’ persuni intitolati għal pensjonijiet minimi u li tistabbilixxi għal dawn tal-aħħar żieda li hija inqas mill-aġġustament applikabbli għall-persuni l-oħra intitolati għal pensjoni, fatt li jwassal biex iqiegħed f’sitwazzjoni żvantaġġjata ħafna iktar nisa minn irġiel.
55 Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex direttament diskriminatorja, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għal ħaddiema rġiel u għal ħaddiema nisa. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk hija tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta.
56 Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li teżisti diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, fil-fatt tqiegħed fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Gómez-Limón Sánchez-Camacho, C‑537/07, Ġabra p. I‑6525, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, mid-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ aġġustament tal-pensjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta, b’mod partikolari mill-Artikolu 634(10) tal-ASVG fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li temenda tal-2007, li persuni bħal W. Brachner, li jirċievu pensjoni minima, jiġifieri pensjoni li l-ammont tagħha jinsab taħt l-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju, iġarrbu żvantaġġ, peress illi huma esklużi miż-żieda eċċezzjonali mogħtija lill-persuni li jibbenefikaw minn pensjonijiet ogħla u li bħal regola huma ma għandhomx dritt għaż-żieda minima prevista fl-Artikolu 108 h(1) tal-ASVG, li għas-sena 2008 ġiet iffissata għal 1.7 %.
58 Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-iżvantaġġ jolqotx fil-fatt numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel.
59 Sabiex din id-domanda tingħata risposta, għandu jiġi eżaminat, kif spejgat il-qorti tar-rinviju, jekk il-kategorija ta’ rtirati li jġarrbu l-imsemmi żvantaġġ huwiex kompost minn numru kunsiderevolment ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel.
60 L-ewwel ħjiel li jindika li dan l-iżvantaġġ jolqot numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel, ħjiel li għandu jingħata piż notevoli u li barra minn hekk jikkostitwixxi element indispensabbli għall-analiżi [ara, f’dan il-kuntest id-Direttiva tal-Kunsill, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez, C‑167/97, Ġabra p. I‑623, punti 59 u 60], jikkonċerna d-differenza bejn in-numru ta’ nisa li jirċievu l-pensjoni minima, espressa f’termini ta’ perċentwali meta mqabbla man-numru totali ta’ nisa li jirċievu pensjoni abbażi tal-ASVG, u dan l-istess perċentwali li jikkonċerna lill-pensjonanti rġiel.
61 Issa, dejjem skont l-istatistika użata mill-qorti tar-rinviju, dawn il-perċentwali jaqraw rispettivament hekk: 57 % pensjonanti nisa u 25 % pensjonanti rġiel.
62 Fi kliem ieħor, fir-rigward tal-persuni li jaqgħu taħt l-ASVG, 75 % tal-pensjonanti rġiel setgħu jibbenefikaw miż-żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet filwaqt li dan kien biss il-każ għal 43 % tal-pensjonanti nisa.
63 Din id-differenza hija suffiċjentement kbira biex tikkostitwixxi ħjiel sinjifikattiv li fuqu tista’ tiġi bbażata l-konklużjoni, li madankollu tista’ tasal għaliha biss il-qorti tar-rinviju, li tipprovdi li l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali stabbilita mill-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżvantaġġja fil-fatt perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel.
64 Billi jiġi aċċettat li din l-istatistika tista’ tiġi użata b’mod definittiv mill-qorti tar-rinviju, il-ħjilijiet li jirriżultaw minnha ma jistgħux jiġu invalidati li kieku, f’din l-analiżi, ġiet ukoll ikkunsidrata ż-żieda eċċezzjonali tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju għas-sena 2008, li hija wkoll stabbilita bil-liġi li temenda tal-2007, li minnha setgħu bħala regola jibbenefikaw il-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi.
65 Paragun bejn il-perċentwali rispettivi ta’ pensjonanti rġiel u nisa li jirċievu pensjoni minima mingħajr ma jistgħu jistennew benefiċċju ta’ suppliment kumpensatorju minħabba li, essenzjalment, jeżistu riżorsi globali tan-nukleju familjari li jkunu ogħla mill-ammont standard stabbilit biex jibbenefikaw minn dan is-suppliment, meta mqabbel man-numru totali ta’ pensjonanti ta’ kull sess li jingħatalhom pensjoni abbażi tal-ASVG, juri fil-fatt li, skont l-istatistika użata mill-qorti tar-rinviju, dan il-perċentwali huwa ta’ 47 % għall-pensjonanti nisa u ta’ 14 % għall-pensjonanti rġiel.
66 Barra minn hekk, minn din l-istess data jirriżulta li 82 % tan-nisa li jirċievu pensjoni minima ma jirċivux is-suppliment kumpensatorju prinċipalment minħabba r-regola tal-ġbir flimkien tad-dħul, filwaqt li dan huwa biss il-każ għal 58 % tal-irġiel li jirċievu l-imsemmija pensjoni minima.
67 Dawn il-konklużjonijiet ta’ natura ta’ statistika, jekk jiġu kkonfermati mill-qorti tar-rinviju, jindikaw li, fil-każ li tiġi kkunsidrata ż-żieda eċċezzjonali tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju għas-sena 2008 kif stabbilit bil-liġi li temenda tal-2007, id-differenza kkonstatata bejn il-perċentwali ta’ pensjonanti nisa li ġarrbu żvantaġġ minħabba l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali prevista b’din l-istess liġi u l-perċentwali rispettiva tal-pensjonanti rġiel ma hijiex qed tonqos iżda, bil-kontra, qiegħda dejjem issir iżjed kunsiderevoli.
68 Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-istatistika ppreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju u fin-nuqqas ta’ elementi kuntrarji, hija tista’ ġustament tikkunsidra li din id-dispożizzjoni tipprekludi liġi nazzjonali li twassal biex teskludi minn żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel.
Fuq it-tielet domanda
69 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li, fil-kuntest tal-eżami li hija għandha tagħmel sabiex twieġeb it-tieni domanda, hija kellha tasal għall-konklużjoni li tipprovdi li, fil-verità, perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel seta’ ġarrab żvantaġġ minħabba l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali prevista minn din l-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-iżvantaġġ jista’ jiġi ġġustifikat mill-fatt li n-nisa li ħadmu jirċievu iktar kmieni l-benefiċċju tal-pensjoni, li dawn jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal jew minħabba l-fatt li l-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju kien ukoll is-suġġett ta’ żieda eċċezzjonali għall-istess sena 2008.
70 F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura nazzjonali tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta meta, minkejja li hija fformulata b’mod newtrali, l-applikazzjoni tagħha fil-fatt tqiegħed fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel, sakemm din il-miżura ma tiġix iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u li ma huma bl-ebda mod ibbażati fuq is-sess. Dan huwa l-każ jekk il-mezzi użati jissodisfaw għan leġittimu ta’ politika soċjali tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija inkwistjoni, huma adatti biex jilħqu l-għan imfittex minnha u huma meħtieġa għal dan il-għan (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 1996, Laperre, C‑8/94, Ġabra p. I‑ 273, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).
71 Barra minn hekk, tali fattur jista biss jitqies li huwa xieraq biex jiggarantixxi l-għan invokat jekk jissodisfa fil-verità l-għan li jrid jintlaħaq u jekk huwa implementat b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 Novembru 2010, Georgiev, C‑250/09 u C‑268/09, Ġabra p. I‑11869, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
72 Isegwi, li mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali, li hija biss hi kompetenti biex tevalwa l-fatti u biex tinterpreta l-liġi nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk u sa fejn id-dispożizzjoni leġiżlattiva hija ġġustifikata mit-tali fattur oġġettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa biex tipprovdi lill-qorti nazzjonali risposti utli fil-kuntest ta’ deċiżjoni preliminari, hija kompetenti li tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq l-osservazzjonijiet bil-miktub u orali sottomessi lilha, b’mod li jippermettu li l-qorti nazzjonali tasal għal deċiżjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Seymour-Smith u Perez, iċċitata iktar ’il fuq, punti 67 u 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
73 Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa meta jiġu biex jagħżlu l-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom tal-politika soċjali u tal-impjieg (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Seymour-Smith u Perez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
74 Madankollu, huwa l-kompitu tal-Istat Membru, bħala l-awtur tar-regola allegatament diskriminatorja, li juri li l-imsemmija regola tissodisfa għan leġittimu tal-politika soċjali tiegħu, li dan l-għan ma huwa bl-ebda mod marbut ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u li seta’ raġonevolament iqis li l-mezzi użati kienu adatti għat-twettiq tal-imsemmi għan (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Seymour-Smith u Perez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).
75 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji mnissla mill-ġurisprudenza, wieħed mit-tliet motivi invokati quddiem il-qorti tar-rinviju, kif riprodotti fil-formulazzjoni tat-tielet domanda preliminari, jistax jiġġustifika d-diskriminazzjoni indiretta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, preżunt li l-qorti tar-rinviju tasal għal din il-konklużjoni wara l-eżami li hija għandha tagħmel billi tqis l-elementi pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja meta rrispondiet it-tieni domanda.
76 Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni bbażat fuq il-fatt li l-ħaddiema femminili jirċievu l-benefiċċju ta’ pensjoni f’età inqas avvanzata b’mod li l-livell tagħhom ta’ kontribuzzjonijiet huwa ġeneralment iktar baxx minn dak tal-ħaddiema maskili, dan il-fatt, li huwa marbut mal-bilanċ li għandu jkun hemm f’sistema ta’ assigurazzjoni soċjali ta’ natura kontributtiva bejn il-kontribuzzjonijiet mħallsa u l-benefiċċji rċevuti, huwa wieħed mill-fatturi li jispjega l-livell medju iktar baxx tal-ammont tal-pensjonijiet li l-ħaddiema femminili jirċievu.
77 Madankollu, din ir-raġuni bl-ebda mod ma tiġġustifika l-esklużjoni tan-nisa li jirċievu pensjoni minima mill-benefiċċju taż-żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet prevista bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
78 Fil-fatt, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, din l-iskema ta’ aġġustament tistabbilixxi aġġustament tal-pensjonijiet intiż li jsostni l-kapaċità ta’ xiri tal-pensjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsum.
79 Barra minn hekk, huwa manifest li dan l-aġġustament ma jikkostitwixxix benefiċċju li jirrappreżenta kontropartita għall-kontribuzzjonijiet imħallsa. Għalhekk, dan ma jistax jiġi invokat biex jiġġustifika l-esklużjoni tal-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi mill-benefiċċju tal-aġġustament tal-pensjonijiet tagħhom.
80 Għaldaqstant, raġuni bbażata fuq il-fatt li n-nisa ġeneralment jipprovdu inqas kontribuzzjonijiet mill-irġiel ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ eżami dwar il-ġustifikazzjoni eventwali tal-esklużjoni ta’ dawn tal-aħħar mill-miżura ta’ aġġustament bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
81 Minn dan isegwi li għandu jiġi eżaminat il-fatt li n-nisa li ħadmu jirċievu l-pensjonijiet tagħhom għal żmien itwal minħabba li l-aspettattiva ta’ ħajja hija itwal għan-nisa.
82 Din ir-raġuni, bħal dik dwar il-livell minimu meħtieġ ta’ kontribuzzjonijiet mħallsa mill-pensjonanti nisa, hija intiża li toħloq il-bilanċ, li għandu jkun hemm f’sistema ta’ assigurazzjoni ta’ natura kontributtiva, bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji meta jiġi ffissat il-livell ta’ dawn tal-aħħar.
83 Madankollu, ma hemm l-ebda relazzjoni bejn din ir-raġuni u l-esklużjoni tal-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi mill-benefiċċju taż-żieda eċċezzjonali prevista bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
84 Fil-fatt, kif osservat il-qorti tar-rinviju u kif intqal fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, l-għan tal-iskema ta’ aġġustament huwa li jiggarantixxi li l-kapaċità ta’ xiri tal-pensjoni tinżamm fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsum.
85 Issa, dan l-għan huwa differenti minn dak li fuqu huwa bbażat il-motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat li, minn naħa tiegħu, huwa intiż li jiżgura l-bilanċ finanzjarju bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċju meta dawn tal-aħħar jiġu ffissati.
86 Għalhekk, l-aspettattiva medja ta’ ħajja itwal għan-nisa ma tistax tiġi invokata bħala raġuni li tista’ tiġġustifika l-esklużjoni tal-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi mill-benefiċċju ta’ żieda eċċezzjonali li hija intiża li tiggarantixxi l-kapaċità ta’ xiri tal-pensjonijiet.
87 Fl-aħħar nett, għandha tiġi eżaminata t-tielet raġuni intiża li tiġġustifika l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi mill-benefiċċju taż-żieda eċċezzjonali stabbilita għas-sena 2008 bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari mill-Artikolu 634(1) tal-ASVG fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi li temenda tal-2007, jiġifieri ż-żieda eċċezzjonali, li hija prevista wkoll għas-sena 2008 minn din l-istess liġi li temenda, tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju li bħala regola għandhom jibbenefikaw minnu l-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi.
88 Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni, għandu, skont il-qorti tar-rinviju, jiġi kkunsidrat il-fatt li din iż-żieda eċċezzjonali tagħti lok għal żieda effettiva fis-suppliment kumpensatorju biss jekk din tissodisfa l-kundizzjoni relatata mal-ġbir flimkien tad-dħul, jiġifieri li l-ammont gross tal-pensjoni flimkien mad-dħul nett l-ieħor tal-pensjonant u tal-konjuġi koabitanti miegħu ma għandux jeċċedi l-ammont rilevanti tal-imsemmi ammont standard, filwaqt li l-għoti taż-żieda eċċezzjonali ma huwiex suġġett għal din il-kundizzjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul l-ieħor fil-każ tal-pensjonijiet ta’ livell ogħla.
89 F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, is-suppliment kumpensatorju huwa benefiċċju li huwa intiż li jiżgura li l-benefiċjarju tiegħu jingħata minimu vitali fil-każ li l-pensjoni ma tkunx biżżejjed (is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Skalka, Ġabra p. I‑5613, punt 26).
90 L-imsemmi benefiċċju jsegwi għalhekk għan leġittimu ta’ politika soċjali li ma huwa marbut mal-ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara f’dan is-sens, fir-rigward ta’ żieda ta’ benefiċċju minimu ta’ sigurtà soċjali, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1987, Teuling, 30/85, Ġabra p. 2497, punti 15 sa 17).
91 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għoti ta’ dħul li jkun daqs l-ammont minimu soċjali jifforma parti integrali mill-politika soċjali tal-Istati Membri u li dawn igawdu minn setgħa diskrezzjonali raġonevoli f’dak li jikkonċerna n-natura tal-miżuri ta’ protezzjoni soċjali u tal-modalitajiet konkreti tat-twettiq tagħhom (sentenza Molenbroek, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).
92 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-iskemi nazzjonali li jinvolvu benefiċċju minimu ta’ sigurtà soċjali, li ż-żidiet ta’ tali benefiċċju, minkejja li prinċipalment huma l-irġiel li jibbenefikaw minnhom minħabba l-applikazzjoni tar-regoli li jistipulaw t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul tal-konjuġi, kienu bħala regola ġustifikabbli fid-dawl tad-Direttiva 79/7 (sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Teuling, punt 17, kif ukoll Molenbroek, punti 16 u 17).
93 Bl-istess mod, l-esklużjoni mill-benefiċċju tas-suppliment kumpensatorju li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regola tal-ġbir flimkien tad-dħul tal-konjuġi, minkejja li tolqot fil-parti l-kbira lill-pensjonanti nisa, tista’ tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-għan li jikkonsisti f’li jiġi żgurat li l-pensjoni ma tinżilx inqas mill-minimu soċjali.
94 Madankollu, peress li ż-żieda eċċezzjonali tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju hija invokata bħala ġustifikazzjoni għall-esklużjoni tal-benefiċjarji ta’ pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali stabbilita mill-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li din iż-żieda hija intiża li tikkumpensa l-effetti ta’ din l-esklużjoni, tali regola ta’ ġbir flimkien tad-dħul għandha wkoll tiġi ġġustifikata fir-rigward tal-għan ta’ din l-iskema ta’ aġġustament.
95 Issa, dan ma huwiex il-każ meta ma hemmx rabta bejn din ir-regola ta’ ġbir flimkien tad-dħul u l-għan tal-imsemmija skema ta’ aġġustament, li kif diġà ntqal, huwa li jiżgura ż-żamma tal-kapaċità ta’ xiri tal-pensjonijiet fir-rigward tal-iżvilupp tal-prezzijiet għall-konsum.
96 Bil-kontra, il-fatt li l-benefiċjarju ta’ pensjoni minima jew l-konjuġi tiegħu jiddisponu minn dħul ieħor bl-ebda mod ma jimplika li l-ammont tat-tali pensjoni ma għandux, bħal fil-każ tal-pensjonijiet ta’ ammont ogħla, jibbenefika miż-żieda eċċezzjonali sabiex tiġi ggarantita l-kapaċità ta’ xiri ta’ dawn il-pensjonijiet.
97 L-argument li jipprovdi li ma hemmx bżonn li tingħata żieda eċċezzjonali fil-każijiet fejn il-persuni intitolati għal pensjoni u l-konjuġi tagħhom għandhom globalment biżżejjed riżorsi biex ma jaqgħux taħt il-minimu soċjali ma jistax jiġi invokat bħala ġustifikazzjoni oġġettiva għad-differenza fit-trattament bejn il-persuni li jibbenefikaw minn pensjoni minima u dawk li huma intitolati għal pensjoni ta’ ammont ogħla, sa fejn dawn tal-aħħar għandhom bħala regola, minħabba l-ammont stess tal-pensjonijiet tagħhom, riżorsi suffiċjenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1989, Ruzius-Wilbrink, C-102/88, Ġabra p. 4311, punt 16).
98 Peress li huma biss il-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi li huma suġġetta għall-kundizzjoni dwar il-ġbir flimkien tad-dħul meta jiġi evalwat id-dritt eventwali tagħhom għall-benefiċċju ta’ suppliment kumpensatorju, li ż-żieda tiegħu tista’ tinnewtralizza l-effetti tal-esklużjoni ta’ miżura ta’ aġġustament li tkun ta’ benefiċċju għall-persuni intitolati għal kull pensjoni oħra, ma jistax jiġi kkunsidrat, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 70 sa 74 ta’ din is-sentenza, li l-Istat Membru, bħala l-awtur tar-regola allegatament diskriminatorja, stabbilixxa li huwa seta’ raġonevolment iqis li ż-żieda eċċezzjonali tas-suppliment kumpensatorju, invokata bħala motiv ta’ ġustifikazzjoni abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, kienet tissodisfa fil-verità l-għan mistenni mill-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kien li jiġġarantixxi ż-żamma tal-kapaċità ta’ xiri tal-pensjonijiet, u li kienet għal dan il-għan implementata b’mod koerenti u sistematiku.
99 Barra minn hekk, elementi oħra jikkoroboraw din il-konklużjoni.
100 Fil-fatt, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, mill-istatistika ppreżentata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li 82 % tan-nisa li jirċievu pensjoni minima ma jirċivux is-suppliment kumpensatorju skont ir-regola tal-ġbir flimkien tad-dħul, filwaqt li dan huwa l-każ biss għal 58 % tal-irġiel li jirċievu pensjoni minima.
101 Fil-fatt, minn dan jirriżulta li għall-parti l-kbira tan-nisa li jirċievu pensjoni minima, iż-żieda tal-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju ma hijiex ta’ natura li tinnewtralizza l-effetti tal-esklużjoni mill-benefiċċju taż-żieda eċċezzjonali stabbilita għall-persuni intitolati għal pensjonijiet minimi.
102 Din id-data tindika, bil-kontra, li, peress li perċentwali ikbar sew ta’ rġiel li jirċievu pensjoni fix-xahar jirċievu s-suppliment kumpensatorju, iż-żieda eċċezzjonali tal-imsemmi ammont standard jista’ jkun ta’ benefiċċju ħafna ikbar għalihom, b’mod li din il-miżura tkompli taggrava d-differenza ta’ trattament li tagħha huma vittmi n-nisa li tingħatalhom pensjoni minima.
103 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta’ liġi jistgħu f’ċerti każijiet jippreġudikaw il-koerenza tagħha, b’mod partikolari meta, minħabba l-portata tagħhom, dawn iwasslu għal riżultat li jkun kuntrarju għall-għan imfittex mill-imsemmija liġi (sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C-341/08, Ġabra p. I‑47, punt 61 kif ukoll tat-21 ta’ Lulju 2011, Fuchs u Köhler, C-159/10 u C-160/10, Ġabra p. I‑0000, punt 86).
104 Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li fil-kuntest tal-eżami li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel sabiex twieġeb it-tieni domanda, hija tasal għall-konklużjoni li tipprovdi li, fil-verità, perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti irġiel jista’ jġarrab żvantaġġ minħabba l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali stabbilita bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-iżvantaġġ ma jista’ jiġi ġġustifikat la mill-fatt li n-nisa li kienu ħadmu jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni iktar kmieni, la mill-fatt li dawn jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal, u lanqas minħabba l-fatt li l-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju kien ukoll is-suġġett ta’ żieda eċċezzjonali għall-istess sena tal-2008.
Fuq l-ispejjeż
105 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ aġġustament annwali tal-pensjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u hija għalhekk suġġetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni stabbilita bl-Artikolu 4(1) tagħha.
2) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-istatistika ppreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju u fin-nuqqas ta’ elementi kuntrarji, hija tista’ ġustament tikkunsidra li din id-dispożizzjoni tipprekludi liġi nazzjonali li twassal biex teskludi minn żieda eċċezzjonali tal-pensjonijiet perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti rġiel.
3) L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li fil-kuntest tal-eżami li l-qorti tar-rinviju għandha tagħmel sabiex twieġeb it-tieni domanda, hija tasal għall-konklużjoni li tipprovdi li, fil-verità, perċentwali kunsiderevolment ogħla ta’ pensjonanti nisa milli ta’ pensjonanti irġiel jista’ jġarrab żvantaġġ minħabba l-esklużjoni tal-pensjonijiet minimi miż-żieda eċċezzjonali stabbilita bl-iskema ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-iżvantaġġ ma jista’ jiġi ġġustifikat la mill-fatt li n-nisa li kienu ħadmu jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni iktar kmieni, la mill-fatt li dawn jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal, u lanqas minħabba l-fatt li l-ammont standard tas-suppliment kumpensatorju kien ukoll is-suġġett ta’ żieda eċċezzjonali għall-istess sena tal-2008.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.