Kawża C-396/09

Interedil Srl, fi stralċ

vs

Fallimento Interedil Srl

u

Intesa Gestione Crediti SpA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Bari)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Setgħa ta’ qorti inferjuri li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja — Regolament (KE) Nru 1346/2000 — Proċeduri ta’ falliment — Ġurisdizzjoni internazzjonali — Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor — Kunċett ta’ ‘stabbiliment’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Att adottat abbażi tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat KE

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Dritt tal-Unjoni — Supremazija — Dritt nazzjonali kuntrarju — Inapplikabbiltà ipso jure tar-regoli eżistenti — Obbligu li jiġu osservati l-istruzzjonijiet ta’ qorti superjuri mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Artikolu 267 TFUE)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ falliment — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(1))

4.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ falliment — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment — Qrati tal-Istat Membru taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur — Kriterji ta’ determinazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1))

5.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Proċeduri ta’ falliment — Regolament Nru 1346/2000 — Ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment — Proċedura sekondarja

(Regolament tal-Kunsill Nru 1346/2000, Artikolu 3(2))

1.        Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali għandhom mill-1 ta’ Diċembru 2009 id-dritt li jressqu rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jkunu inkwistjoni atti adottati fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat.

Fid-dawl tal-għan ta’ kooperazzjoni effettiva bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li jsegwi l-Artikolu 267 TFUE u tal-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-ġurisdizzjoni li tittratta talba għal deċiżjoni preliminari li tirriżulta minn qorti li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali, u dan anki jekk it-talba tressqet qabel din id-data.

(ara l-punti 19, 20)

2.        Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tkun marbuta minn regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri nazzjonali huma imposti fuqha, meta jidher li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn din il-qorti superjuri ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif intepretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-fatt, l-ewwel nett, l-eżistenza ta’ regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-qrati li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza huma marbuta minn kunsiderazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri, ma tistax tikkontesta s-setgħa li għandhom il-qrati nazzjonali li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta għandhom dubji fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

It-tieni nett, sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja torbot lill-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra.

(ara l-punti 35, 36, 38, 39, id-dispożittiv 1)

3.        Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni.

Fil-fatt, dan huwa kunċett li joriġina mir-Regolament li għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali.

(ara l-punti 43, 44, id-dispożittiv 2)

4.        Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandha tiġi interpretata fis-sens li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi għandu jiġi ddeterminat billi jiġi pprivileġġat il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ din il-kumpannija, kif jista’ jiġi stabbilit minn elementi oġġettivi u aċċertabbli mit-terzi. Fil-każ li l-korpi tal-amministrazzjoni u ta’ kontroll jinsabu fl-uffiċċju rreġistrat tagħha u li d-deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il-kumpannnija huma meħuda, b’mod aċċertabbli mit-terzi, f’dan il-post, il-preżunzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkonfutata. Fil-każ li l-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jinsabx fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-preżenza ta’ attivi tal-kumpannija bħall-eżistenza ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-operat finanzjarju tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jistgħu jitqiesu bħala elementi biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni biss jekk evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod aċċertabbli mit-terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-imsemmija kumpannija kif ukoll tat-tmexxija tal-interessi tagħha jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

Fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija debitriċi qabel it-tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija huwa preżunt li jinsab fl-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha.

(ara l-punt 59, id-dispożittiv 3)

5.        Il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 1346/2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeħtieġ il-preżenza ta’ struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Il-preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, fil-prinċipju, din id-definizzjoni.

(ara l-punt 64, id-dispożittiv 4)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Setgħa ta’ qorti inferjuri li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja – Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Proċeduri ta’ falliment – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur – Trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru ieħor – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’”

Fil-Kawża C‑396/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Bari (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura

Interedil Srl, fi stralċ

vs

Fallimento Interedil Srl,

Intesa Gestione Crediti SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, A. Borg Barthet, M. Ilešič, u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Interedil Srl, fi stralċ minn P. Troianiello, avukat,

–        għal Fallimento Interedil Srl, minn G. Labanca, avukat,

–        għal Intesa Gestione Crediti SpA, minn G. Costantino, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Bambara u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn minn naħa Interedil Srl, fi stralċ (iktar ’il quddiem “Interedil”), u min-naħa l-oħra Fallimento Interedil Srl u Intesa Gestione Crediti SpA. (iktar ’il quddiem “Intesa”), li Italfondario SpA., hija s-suċċessur tagħha, dwar azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ falliment mibdija minn Intesa kontra Interedil.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament kien ġie adottat abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 61(ċ) KE u 67(1) KE.

4        L-Artikolu 2 tar-Regolament, dwar id-definizzjonijiet, jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‘proċedimenti ta’ falliment’ għandu jfisser il-proċedimenti kollettivi msemmija fl-Artikolu 1(1). Dawn il-proċedimenti huma mniżżla f’L-Anness A;

      […]

h)      ‘stabbiliment’ għandu jfisser xi post ta’ operazzjonijiet fejn id‑debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’meżżi umani jew oġġetti.”

5        Il-lista li tinsab fl-Anness A tar-Regolament issemmi b’mod partikolari, sa fejn jikkonċerna l-Italja, il-proċedura ta’ “fallimento”.

6        L-Artikolu 3 tar-Regolament, li jittratta l-ġuridizzjoni internazzjonali, jipprovdi li:

“1.      Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l‑interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il‑proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.      Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

[…]”

7        Il-premessa 13 tar-Regolament tipprovdi li ċ-“ċentru prinċipali ta’ interessi [ċentru ta’ l-interessi prinċipali] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l-interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”.

 Id-dritt nazzjonali

8        L-Artikolu 382 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljana (Codice di Procedura Civile), li jikkonċerna r-riżoluzzjoni mill-Corte suprema di cassazione tal-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, jipprovdi li:

“Il-Corte, meta tiddeċiedi fuq kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni, tiddeċiedi fuqha billi tiddetermina, skont il-każ, il-qorti kompetenti […]”

9        Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni mogħtija mill-Corte suprema di cassazione abbażi ta’ din id-dispożizzjoni hija definittiva u vinkolanti għall-qorti li quddiemha tressqet il-kawża sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Interedil kienet ġiet ikkostitwita taħt il-forma legali ta’ “società a responsabilità limitata” taħt id-dritt Taljan u l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien stabbilit f’Monopoli (l-Italja). Fit-18 ta’ Lulju 2001, l-uffiċċju rreġistrat tagħha kien ġie ttrasferit f’Londra (ir-Renju Unit). F’din l-istess data, hija kienet tħassret mir-reġistru tal-impriżi tal-Istat Taljan. Wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, Interedil ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji tar-Renju Unit bir-riferiment “FC” (“Foreign Company”, kumpannija barranija).

11      Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ Interedil, kif riprodotti fid-deċiżjoni tar-rinviju, din il-kumpannija wettqet, fl-istess żmien tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, tranżazzjonijiet li kienu jikkonsistu fl-akkwist tagħha mill-grupp Brittaniku Canopus kif ukoll fin-negozjar u fil-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ ċessjoni ta’ impriżi. Skont Interedil, xi ftit xhur wara t-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-proprjetà tal-immobbli li hija kellha f’Taranto (l-Italja) kienet ġiet ittrasferita lil Windowmist Limited, bħala elementi li kienu jifformaw parti mill-impriża ttrasferita. Interedil iddikjarat ukoll li kienet tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji tar-Renju Unit fit-22 ta’ Lulju 2002.

12      Fit-28 ta’ Ottubru 2003, Intesa talbet lit-Tribunale di Bari sabiex tinfetaħ proċedura ta’ falliment (“fallimento”) kontra Interedil.

13      Interedil ikkontestat il-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti għar-raġuni li, minħabba t‑trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat tagħha fir-Renju Unit, biss il-qrati ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedura ta’ falliment. Fit-13 ta’ Diċembru 2003, Interedil talbet li l-Corte suprema di cassazione tiddeċiedi b’mod preliminari fuq il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.

14      Fl-24 ta’ Mejju 2004, mingħajr ma stenna id-deċiżjoni tal-Corte suprema di cassazione, it-Tribunale di Bari, billi qies li l-eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani kienet manifestament infondata u l-falliment tal-impriża inkwistjoni kien stabbilit, iddikjara l-falliment ta’ Interedil.

15      Fit-18 ta’ Ġunju 2004, Interedil ippreżentat appell kontra din is-sentenza li ddikjarat il-falliment quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Fl-20 ta’ Mejju 2005, il-Corte suprema di cassazione ddeċidiet, permezz ta’ digriet, fuq il-kwistjoni preliminari ta’ ġurisdizzjoni li kienet ġiet irrinvijata quddiemha u ddeċidiet li l-qrati Taljana kellhom ġurisdizzjoni. Hija kkunsidrat li l-preżunzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, li tipprovdi li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali jikkorrispondi għall-uffiċċju rreġistrat, setgħet tiġi kkonfutata minħabba diversi ċirkustanzi, jiġifieri l-preżenza, fl-Italja, ta’ beni immobbli li jappartjenu lil Interedil, l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kiri fir-rigward ta’ żewġ kumplessi ta’ lukandi u ta’ kuntratt iffirmat ma’ istituzzjoni bankarja kif ukoll in-nuqqas ta’ notifika tat-trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat lir-reġistru tal-impriżi ta’ Bari.

17      Peress li kellu dubji fuq il-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni tal-Corte suprema di cassazione, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC (C‑341/04, Ġabra p. I‑3813), it‑Tribunale di Bari ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id‑domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur” imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament […]għandu jiġi interpretat skont id-dritt Komunitarju jew skont id-dritt nazzjonali u, f’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel parti tal-alternattiva, dan il-kunċett fiex jikkonsisti u liema huma l-fatturi jew kunsiderazzjonijiet determinanti sabiex jiġi identifikat iċ‑“ċentru ta’ l-interessi prinċipali”?

2)      Il-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament […], li abbażi tagħha “[f]il-każ ta’ kumpannija […] il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju” hija konfutabbli fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta’ attività imprenditorjali effettiva fl-Istat li ma huwiex dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, jew, sabiex il-preżunzjoni tkun tista’ tiġi kkonfutata huwa neċessarju li jiġi kkonstatat li l-kumpannija ma eżerċitat ebda attività imprenditorjali fl-Istat li fih hija għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha?

3)      L-eżistenza, fi Stat Membru ieħor għajr dak li fih jinstab l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija, ta’ beni immobbli tal-kumpannija, ta’ kuntratt ta’ kiri relatat ma’ żewġ kumplessi ta’ lukandi, konkluż mill-kumpannija debitriċi ma’ kumpannija oħra, kif ukoll ta’ kuntratt konkluż mill-kumpannija ma’ istituzzjoni bankarja huma kunsiderazzjonijiet jew fatturi suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata kkonfutata l-preżunzjoni prevista mill-Artikolu 3 tar-Regolament […] favur l-“uffiċċju rreġistrat” tal-kumpannija u dawn iċ‑ċirkustanzi huma suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-kumpannija għandha “stabbiliment” f’dan l-Istat, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament […]?

4)      Fil-każ fejn id-deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni mogħtija mill-Corte [suprema] di Cassazione fid-Digriet […] iċċitat iktar ’il fuq tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament […] differenti minn dik tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 382 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Taljan, li abbażi tiegħu l-Corte [suprema] di Cassazione għandha tiddeċiedi dwar il‑ġurisdizzjoni permezz ta’ sentenza definittiva u vinkolanti, jipprekludi l‑applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni Komunitarja, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Il-Kummissjoni Ewropea tesprimi dubji rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Hija tirrileva li l-imsemmija talba kienet tressqet taħt il-forma ta’ digriet tas-6 ta’ Lulju 2009, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2009. Skont l-Artikolu 68(1) KE, li kien fis-seħħ f’din id-data tal-aħħar, huma biss il-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma setgħux ikunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali li setgħu jressqu rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinkiseb interpretazzjoni tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq il-bażi tat-Titolu IV tat Trattat KE. Madankollu, filwaqt li r-Regolament kien ġie adottat abbażi tal-Artikoli 61(ċ) KE u 67(1) KE, li jaqgħu taħt it-Titolu IV tat-Trattat, id-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju jistgħu, skont il-Kummissjoni, ikunu is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali.

19      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Artikolu 68 KE tneħħa wara d‑dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, fl-1 ta’ Diċembru 2009, u l-limitazzjoni tad-dritt għal rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa kien jipprovdi ma baqgħatx teżisti. Skont l-Artikolu 267 TFU, il-qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali għandhom, minn din id-data, id-dritt li jressqu rinviju preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta jkunu inkwistjoni atti adottati fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Weryński, C‑283/09, Ġabra p. I‑601, punti 28 u 29).

20      Fil-punti 30 u 31 tas-sentenza Weryński, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan ta’ kooperazzjoni effettiva bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li jsegwi l-Artikolu 267 TFUE u tal-prinċipju tal-ekonomija tal-ġudizzju, hemm lok li jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha, sa mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-ġurisdizzjoni li tittratta talba għal deċiżjoni preliminari li tirriżulta minn qorti li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja taħt id-dritt nazzjonali, u dan anki jekk it-talba tressqet qabel din id‑data.

21      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Gustizzja għandha, fi kwalunkwe każ, ġurisdizzjoni li tiddeċiedi fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

 Fuq ir-rabta tad-domandi preliminari mal-kawża prinċipali

22      Billi rreferiet għal kwistjoni mqajma mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Interedil sostniet waqt is-seduta li, peress li tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji tar-Renju Unit f’Lulju 2002, hija ma baqgħatx teżisti minn dik id‑data. Konsegwentement, it-talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment imressqa kontriha fix-xahar ta’ Ottubru 2003 quddiem it-Tribunale di Bari hija mingħajr skop u d-domandi preliminari huma inammissibbli.

23      Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss meta, b’mod partikolari, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mill-qorti nazzjonali ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew anki meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji biex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li huma magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, VEBIC, C‑439/08, Ġabra p. I‑12471, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament sempliċement jistabbilixxi regoli uniformi fuq il-ġurisdizzjoni internazzjonali, ir-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet u d-dritt applikabbli fil-qasam tal-proċeduri ta’ falliment li għandhom effetti transkonfinali. Il-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ talba għal dikjrazzjoni ta’ falliment fir-rigward ta’ debitur tibqa’ rregolata bid-dritt nazzjonali applikabbli.

25      Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li din tal-aħħar kienet ġiet informata, minn Interedil, bil-fatt li din il-kumpannija kienet tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji tar-Renju Unit fix-xahar ta’ Lulju 2002. Min-naħa l‑oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dan il-fatt huwa, skont id-dritt nazzjonali, ta’ natura li jimpedixxi l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li d-dritt nazzjonali jipprovdi l-possibbiltà ta’ ftuħ ta’ tali proċedura għall-finijiet li jiġi organizzat il-ħlas tal-kredituri ta’ kumpannija likwidata.

26      Għaldaqstant, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika.

27      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Interedil għandha għaldaqstant tiġi miċħuda.

 Fuq l-għan tad-domandi preliminari

28      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li d-domandi huma inammissibbli minħabba l-għan tagħhom. Fil-fehma tagħhom, l-ewwel u r-raba’ domandi ma juru l-ebda differenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u l‑applikazzjoni tagħhom mill-qrati nazzjonali, filwaqt li t-tieni u t-tielet domandi jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għall-każ speċifiku li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju.

29      Fil-kuntest ta’ rinviju preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tal-Unjoni abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti tar-rinviju, li min-naħa tagħha għandha tapplika l‑imsemmija regola għall-każ partikolari li għandha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Price, C‑149/05, Ġabra p. I‑7691, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Issa, l-ewwel tliet domandi jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament. Fid-dawl tal-għan tagħhom, dawn id‑domandi huma ammissibbli.

31      Ir-raba’ domanda tirrigwarda l-possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li teskludi l‑kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri fl-ipoteżi fejn hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn il‑kunsiderazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Din id-domanda, li tikkonċerna l-mekkaniżmu tar-rinviju preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija għaldaqstant ukoll ammissibbli.

 Fuq l-allegat nuqqas ta’ kawża

32      Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qrati Taljani biex jiftħu proċedura ta’ falliment kienet ġiet deċiża mill-Corte suprema di cassazione b’deċiżjoni li, fil-fehma tagħhom, kisbet saħħa ta’ res judicata. Minn dan huma jiddeduċu li għaldaqstant ma jeżistix “każ pendenti” quddiem il-qorti tar-rinviju, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija, għal din ir-raġuni, inammissibbli.

33      Dan l-argument għandu jiġi eżaminat mar-raba’ domanda, li biha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf sa fejn hija marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Corte suprema di cassazione.

 Fuq ir-raba’ domanda

34      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li qorti nazzjonali tkun marbuta minn regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri nazzjonali huma imposti fuqha, meta jidher li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn din il-qorti superjuri ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif intepretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

35      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza ta’ regola tal-proċedura nazzjonali ma tistax tikkontesta s-setgħa li għandhom il-qrati nazzjonali li ma jiddeċidux fl-aħħar istanza li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari meta għandhom dubji, bħal fil-kawża prinċipali, fuq l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, Ġabra p. I‑8889, punt 25).

36      Skont ġurisprudenza stabbilita, sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja torbot lill-qorti nazzjonali, fir-rigward tal-interpretazzjoni jew tal-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

37      Minn dan isegwi li l-qorti nazzjonali, peress li eżerċitat is-setgħa mogħtija lilha mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, hija marbuta, għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, bl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u għandha, jekk ikun il-każ, twarrab il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti superjuri jekk tikkunsidra, fid-dawl ta’ din l-interpetazzjoni, li dawn ma jikkonformawx mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il‑qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandha l-obbligu li tiżgura l‑effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi ma tapplikax, fejn huwa neċessarju, fuq awtorità tagħha stess, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, jiġifieri, f’dan il‑każ, ir-regola tal-proċedura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elchinov, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

39      Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, hemm lok li r-risposta għar-raba’ domanda tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tkun marbuta b’regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri nazzjonali huma imposti fuqha, meta jidher li l‑kunsiderazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif intepretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

40      Għall-istess motivi, hemm lok li tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata mill-konvenuti fil-kawża prinċipali fuq allegat nuqqas ta’ kawża.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel domanda

41      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il‑kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, għandux jiġu interpretati b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni jew għad-dritt nazzjonali.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C‑174/08, Ġabra p. I‑10567, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Għal dak li jikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 31 tas-sentenza tagħha Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, li dan huwa kunċett li joriġina mir-Regolament li, għaldaqstant, għandu tifsira awtonoma u għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod uniformi u indipendenti mil-liġijiet nazzjonali.

44      Għaldaqstant ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l‑kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament, għandu jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel domanda, fuq it-tieni domanda u fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

45      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda, tat-tieni domanda u tal-ewwel parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tiġi interpretata t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi.

46      Fid-dawl tal-fatt li Interedil, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, ittrasferiet l-uffiċċju rreġistrat tagħha mill-Italja għar-Renju Unit matul is‑sena 2001, u sussegwentement kienet tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji ta’ dan l-aħħar Stat Membru matul is-sena 2002, jeħtieġ ukoll, sabiex tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, li tiġi ppreċiżata d-data rilevanti sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur bil-għan li tiġi identifikata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiftaħ il-proċedura prinċipali ta’ falliment.

 Il-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur

47      Għalkemm ir-Regolament ma jipprovdix definizzjoni tal-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, il-portata ta’ dan il-kunċett hija madankollu, kif ukoll irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 32 tas-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, iċċarata permezz tal-premessa 13 tar-regolament, li tipprovdi li “[iċ]-‘ċentru prinċipali ta’ interessi’ [ċentru tal-interessi prinċipali] għandu jikkoresspondi mal-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni ta’ l‑interessi tiegħu fuq bażi regolari u huwa għalhekk aċċertabbli minn partijiet terzi”.

48      Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, il‑preżunzjoni favur l-uffiċċju rreġistrat prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament u r-riferiment magħmul fil-kliem tal-premessa 13 ta’ dan tal-aħħar għall-post tal-amministrazzjoni tal-interessi jirriflettu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jipprivileġġa l-post tal-amministrazzjoni ċentrali tal-kumpannija bħala kriterju ta’ ġurisdizzjoni.

49      B’riferiment għall-istess premessa, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk speċifikat, fil-punt 33 tas-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkun identifikat abbażi ta’ kriterji kemm oġġettivi kif ukoll aċċertabbli minn terzi, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-previdibbiltà li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-qorti kompetenti sabiex tiftaħ il-proċedura prinċipali ta’ falliment. Għandu jiġi kkunsidrat li dan ir-rekwiżit ta’ oġġettività u din il-possibbiltà ta’ verifika huma sodisfatti meta l-elementi materjali meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-post fejn il-kumpannija debitriċi normalment tamministra l-interessi tagħha kienu s-suġġett ta’ reklamar jew, għall-inqas, kienu mdawra b’trasparenza biżżejjed sabiex it-terzi, jiġifieri b’mod partikolari l-kredituri ta’ din il-kumpannija, setgħu jkunu jafu bihom.

50      Minn dan isegwi li, fil-każ fejn il-korpi ta’ tmexxija u ta’ kontroll ta’ kumpannija jinsabu fil-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħha u d-deċiżjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ din il-kumpannija jittieħdu, b’mod aċċertabbli minn terzi, f’dan il-post, il‑preżunzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1), tar-Regolament, li tipprovdi li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tal-kumpannija jinsab f’dan il-post, tapplika totalment. F’tali każ, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tagħha, post ieħor tal-interessi prinċipali tal-kumpannija debitriċi huwa eskluż.

51      Inverżjoni tal-preżunzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament hija, madankollu possibbli meta, mill-perspettiva ta’ terzi, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jinsabx fl-uffiċċju rreġistrat. Kif il‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 34 tas-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, il-preżunzjoni sempliċi prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni favur l‑uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija tista’ tiġi eskluża jekk elementi oġġettivi u aċċertabbli minn terzi jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sitwazzjoni reali differenti min dik li l-post tal-imsemmi uffiċċju rreġistrat mistenni li juri.

52      Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jidhru, b’mod partikolari, il-postijiet kollha fejn il-kumpannija debitriċi teżerċita attività ekonomika u dawk fejn għandha beni, sa fejn dawn il-postijiet huma viżibbli għal terzi. Kif irrilevat l‑Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, l-evalwazzjoni li dawn l‑elementi jeħtieġu għandha ssir b’mod globali, b’kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanza ta’ kull sitwazzjoni.

53      F’dan il-kuntest, il-post, fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat, ta’ beni immobbli tal-kumpannija debitriċi, li għalihom din tal-aħħar ikkonkludiet kuntratti ta’ kera, kif ukoll l-eżistenza, f’dan l-istess Stat Membru, ta’ kuntratt konkluż ma’ stabbiliment finanzjarju, fatti invokati mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jitqiesu bħala elementi oġġettivi u, fid-dawl tar-reklamar li dawn jistgħu jkollhom, bħala elementi aċċertabbli mit-terzi. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-preżenza ta’ attivi tal-kumpannija, bħall-eżistenza ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-operat finanzjarju tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jistgħu jitqiesu bħala elementi biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata l‑preżunzjoni magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni biss jekk evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod aċċertabbli għat-terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ tmexxija u ta’ kontroll tal-imsemmija kumpannija kif ukoll tal-amministrazzjoni tal-interessi tagħha jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor.

 Id-data rilevanti għall-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur

54      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ma jinkludix dispożizzjonijiet espliċiti għal dak li jikkonċerna l-każ speċifiku ta’ trasferiment taċ-ċentru tal-interessi tad-debitur. Fid-dawl tal-kliem ġenerali li bihom huwa redatt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament, jeħtieġ għaldaqstant li jitqies li huwa l‑aħħar post fejn jinsab dan iċ-ċentru li għandu jitqies bħala rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiftaħ proċedura prinċipali ta’ falliment.

55      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt din iddeċidiet li, f’każ ta’ trasferiment taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur wara t-tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, iżda qabel il-bidu tal-ftuħ tal-imsemmija proċedura, il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali fil-mument tat-tressiq tat-talba jibqgħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuqha (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2006, Staubitz-Schreiber, C‑1/04, Ġabra p. I‑701, punt 29). Minn dan għandu jiġi dedott li, fil-prinċipju, huwa l-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur fid-data tat-tressiq tat-talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment li huwa rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-qorti kompetenti.

56      Fil-każ, bħal fil-kawża prinċipali, ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat qabel it‑tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, huwa għaldaqstant fl-uffiċċju rreġistrat il-ġdid li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament, huwa preżunt li jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur u, konsegwentement, huma l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab dan l-uffiċċju rreġistrat il-ġdid li, fil-prinċipju, ikollhom ġurisdizzjoni biex jiftħu proċedura prinċipali ta’ falliment, sakemm il-preżunzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ma tiġix ikkonfutata bil-prova li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ma segwiex il-bidla tal-uffiċċju rreġistrat.

57      L-istess regoli għandhom japplikaw fil-każ meta, fid-data tat-tressiq tat-talba għal ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kumpannija debitriċi kienet ikkanċellata mir-reġistru tal-kumpanniji jew meta, kif issostni Interedil fl-osservazzjonijiet tagħha, hija kienet waqqfet kull attività.

58      Fil-fatt, kif ukoll jirriżulta mill-punti 47 sa 51 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ ċentru tal-interessi prinċipali jissodisfa l-ħtieġa li tiġi stabbilita rabta mal-post li miegħu l-kumpannija għandha, oġġettivament u b’mod viżibbli għat-terzi, ir‑relazzjonijiet l-iktar stretti. Għaldaqstant, huwa loġiku li jiġi pprivileġat, f’tali każ, il-post tal-aħħar ċentru tal-interessi prinċipali fil-mument tat-tħassir tal-kumpannija debitriċi u tat-twaqqif ta’ kull attività min-naħa tagħha.

59      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda, għat-tieni domanda u għall-ewwel parti tat-tielet domanda għandha tkun li, sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament għandha tiġi interpretata b’dan il-mod:

–        iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi għandu jiġi ddeterminat billi jiġi pprivileġġat il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ din il-kumpannija, kif jista’ jiġi stabbilit minn elementi oġġettivi u aċċertabbli mit-terzi. Fil-każ li l-korpi tal-amministrazzjoni u ta’ kontroll jinsabu fl-uffiċċju rreġistrat tagħha u li d-deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il‑kumpannnija huma meħuda, b’mod aċċertabbli mit-terzi, f’dan il-post, il‑preżunzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkonfutata. Fil-każ li l-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jinsabx fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-preżenza ta’ attivi tal-kumpannija bħall-eżistenza ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-operat finanzjarju tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jistgħu jitqiesu bħala elementi biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni biss jekk evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod aċċertabbli mit-terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-imsemmija kumpannija kif ukoll tat-tmexxija tal-interessi tagħha jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor;

–        fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija debitriċi qabel it-tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija huwa preżunt li jinsab fl-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda

60      Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(h) tar-Regolament jiddefinixxi l‑kunċett ta’ stabbiliment bħala kull post tal-operazzjonijiet fejn id-debitur iwettaq l-attività ekonomika tiegħu mhux tranżitorja b’mezzi umani jew oġġetti.

62      Il-fatt li din id-definizzjoni torbot l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika mal-preżenza ta’ riżorsi umani juri li livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà huma neċessarji. Minn dan isegwi li, a contrario, il-preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti meħtieġa għall-kwalifikazzjoni ta’ “stabbiliment”.

63      Sa fejn, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, il-preżenza ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ Stat Membru tikkonferixxi lill-qrati ta’ dan l-Istat Membru ġurisdizzjoni sabiex jiftħu proċedura sekondarja ta’ falliment fir-rigward tad-debitur, għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l‑previdibbiltà li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-qrati kompetenti, l-eżistenza ta’ stabbiliment għandha tiġi kkunsidrata, bħall-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali, fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u aċċertabbli mit-terzi.

64      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda għandha tkun li l‑kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeħtieġ il-preżenza ta’ struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Il‑preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, fil-prinċipju, din id-definizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali tkun marbuta b’regola tal-proċedura nazzjonali, li tipprovdi li l-kunsiderazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri nazzjonali huma imposti fuqha, meta jidher li l‑kunsiderazzjonijiet magħmula mill-qorti superjuri ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, kif intepretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2)      Il-kunċett ta’ “ċentru ta’ l-interessi prinċipali” tad-debitur, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat b’riferiment għad-dritt tal-Unjoni.

3)      Sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi, it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 għandha tiġi interpretata b’dan il-mod:

–        iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ kumpannija debitriċi għandu jiġi ddeterminat billi jiġi pprivileġġat il-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ din il-kumpannija, kif jista’ jiġi stabbilit minn elementi oġġettivi u aċċertabbli mit-terzi. Fil-każ li l-korpi tal-amministrazzjoni u ta’ kontroll jinsabu fl-uffiċċju rreġistrat tagħha u li d-deċiżjonijiet ta’ tmexxija ta’ din il-kumpannnija huma meħuda, b’mod aċċertabbli mit-terzi, f’dan il-post, il‑preżunzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi kkonfutata. Fil-każ li l-post tal-amministrazzjoni ċentrali ta’ kumpannija ma jinsabx fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, il-preżenza ta’ attivi tal-kumpannija bħall-eżistenza ta’ kuntratti li jirrigwardaw l-operat finanzjarju tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak tal-uffiċċju rreġistrat ta’ din il-kumpannija jistgħu jitqiesu bħala elementi biżżejjed sabiex tiġi kkonfutata din il-preżunzjoni biss jekk evalwazzjoni globali tal-elementi kollha rilevanti tippermetti li jiġi stabbilit li, b’mod aċċertabbli mit-terzi, iċ-ċentru effettiv ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll tal-imsemmija kumpannija kif ukoll tat-tmexxija tal-interessi tagħha jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor;

–        Fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat ta’ kumpannija debitriċi qabel it-tressiq ta’ talba għal ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-kumpannija huwa preżunt li jinsab fl-uffiċċju rreġistrat il-ġdid tagħha.

4)      Il-kunċett ta’ “stabbiliment” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-istess Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeħtieġ il-preżenza ta’ struttura li tinkludi livell minimu ta’ organizzazzjoni u ċerta stabbiltà sabiex tiġi eżerċitata attività ekonomika. Il-preżenza biss ta’ beni individwali jew ta’ kontijiet bankarji ma tissodisfax, fil-prinċipju, din id-definizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.