Kawża C-155/10
Williams et
vs
British Airways plc
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom, li kienet il-House of Lords)
“Kundizzjonijiet tax-xogħol — Direttiva 2003/88/KE — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Dritt għal-leave annwali — Piloti tal-linji tal-ajru”
Sommarju tas-sentenza
Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol — Dritt għal-leave annwali mħallas — Piloti tal-linji tal-ajru
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/88, Artikolu 7; Direttiva tal-Kunsill 2000/79, Ftehim anness, Klawżola 3)
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, kif ukoll il-Klawżola 3 tal-Ftehim anness għad-Direttiva 2000/79, dwar l-implementazzjoni tal-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili, għandhom jiġu interpretati fis-sens li pilota tal-linji tal-ajru, matul il-leave annwali tiegħu, mhux biss għandu d-dritt li jżomm is-salarju bażiku tiegħu, iżda wkoll, minn naħa, l-elementi kollha marbuta b’mod intrinsiku mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu taħt il-kuntratt tax-xogħol tiegħu u li huma kkumpensati b’ammont ta’ flus inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni globali tiegħu u, min-naħa l-oħra, l elementi kollha relatati mal-istatus personali u professjonali tal-pilota tal-linji tal-ajru.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-diversi elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem jissodisfawx dawn il-kriterji.
(ara l-punt 31 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Settembru 2011 (*)
“Kundizzjonijiet tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Dritt għal-leave annwali – Piloti tal-linji tal-ajru”
Fil-Kawża C‑155/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom, li qabel kienet il-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ April 2010, fil-proċeduri
Williams et
vs
British Airways plc,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur), u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ April 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Williams et minn J. McNeill, QC, u M. Ford, barrister,
– għal British Airways plc, minn C. Jeans u A. Short, QC,
– għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u C. Vang, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Van Beek u N. Yerrell, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 2003/88”), kif ukoll il-klawżola 3 tal-Ftehim anness għad-Direttiva tal‑Kunsill 2000/79/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl-Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il‑Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 75, iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn impjegati, Williams et, u min jimpjegahom, British Airways plc (iktar ’il quddiem “British Airways”), dwar remunerazzjonijiet li rċevew matul il-leave annwali bil-ħlas tagħhom.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, bit-titolu “Leave annwali” jistabbilixxi:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.
2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l impieg tkun ġiet itterminata.”
4 Il-klawżola 3 tal-Ftehim Qafas tipprovdi:
“1. Il-persunal mobbli fl-avjazzjoni ċivili huwa intitolat għal mill-inqas erba’ ġimgħat ta’ leave bi ħlas, skont il-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u għoti ta’, leave bħal dan stabbilit permezz ta’ leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali.
2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bi ħlas ma jistax jiġi sostitwit b’allowance in lieu, għajr meta r-relazzjoni ta’ l-impjieg tispiċċa”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Ir-Regolament tal-2004 dwar l-Avjazzjoni Ċivili [Civil Aviation (Working Time) Regulations 2004 (SI 2004 N 756, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”)] jiddisponi:
“4. (1) Membru tal-ekwipaġġ huwa ntitolat għal leave annwali bil-ħlas ta’ għallinqas erba’ ġimgħat, jew għal parti minn erba’ ġimgħat fir-rigward ta’ perijodu ta’ impjieg li jkun ta’ inqas minn sena.
(2) Leave li għalih membru tal-ekwipaġġ huwa ntitolat:
(a) jista’ jittieħed f’perijodi varji;
(b) ma jistax ikun mibdul bi ħlas, ħlief meta l-impjieg tal-membru tal-ekwipaġġ ikun ġie mitmum.”
6 Skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, kull min jimpjega għandu jiżgura li:
“[...]fi kwalunkwe xahar
a) l-ebda persuna mpjegata minnu ma għandha tagħmilha ta’ membru tal-ekwipaġġ matul il-ħin tax-xogħol tagħha, jekk matul il-perijodu ta’ 12-il xahar li jagħlqu fl-aħħar tax-xahar qabel ix-xahar inkwistjoni, il-ħin totali aggregat ta’ titjir ta’ dik il-persuna jkun jeċċedi d-900 siegħa; u
b) l-ebda membru tal-ekwipaġġ impjegat minnu ma għandu jkollu ħin totali tax-xogħol annwali ta’ iktar minn 2 000 siegħa matul il-perijodu ta’ 12-il xahar li jiskadu fi tmiem ix-xahar qabel ix-xahar inkwistjoni.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 Williams et huma piloti impjegati mal-British Airways (iktar ’il quddiem il-“piloti”). Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom jiġu nnegozjati mal-British Airways mis-sindakat tal-piloti, “British Air Line Pilots Association” (iktar ’il quddiem il-“BALPA”). Dawn il-kundizzjonijiet huma inklużi f’Memorandum ta’ Ftehim (Memorandum of agreement) tal-1 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem il-“MTF”).
8 Skont l-MTF, ir-remunerazzjoni tal-piloti tinkludi tliet elementi. L-ewwel element huwa somma annwali fissa. It-tieni u t-tielet elementi huma pagamenti supplimentari li jvarjaw skont il-ħin li pilota jkun għamel f’titjir, imħallas bir-rata ta’ GBP 10 għal kull siegħa ta’ titjir ippjanata u l-ħin li pilota jkun għamel ’il bogħod mill-bażi, imħallas bir-rata ta’ GBP 2.73 fis-siegħa. Il-pagament supplimentari bbażat fuq il-ħin li pilota jkun għamel f’titjir huwa remunerazzjoni kollha kemm huwa taxxabbli, filwaqt li, dak tal-ħin li pilota jkun għamel ’il bogħod mill-bażi, 82 % huma kkunsidrati bħala mħallsa akkont tal-ispejjeż u 18 % biss huma kkunsidrati bħala remunerazzjoni taxxabbli.
9 L-ammont ta’ ħin li pilota jagħmel f’titjir jiddependi fuq ir-rotta u r-roster tiegħu. Skont is-Supreme Court of the United Kingdom, b’mod ġenerali, dan huwa tipikament madwar 15-il ġurnata fix-xahar.
10 Skont l-MTF, l-ammont imħallas għal-leave annwali bil-ħlas huwa biss ibbażat fuq il-bażi tal-ewwel element tar-remunerazzjoni, jiġifieri fuq dak tas-somma annwali fissa.
11 Il-piloti jsostnu li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-ammont imħallas għal-leave annwali għandu jkun ibbażat fuq it-total tar-remunerazzjoni tagħhom, inklużi l-pagamenti supplimentari.
12 L-Employment Tribunal u l-Employment Appeal Tribunal laqgħu din it-talba. Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) qablet mal-pożizzjoni opposta, dik tal-British Airways, billi qieset li hija biss is-somma fissa annwali li tikkostitwixxi r-remunerazzjoni.
13 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji fuq it-tifsira tal-espressjoni “leave annwali bil-ħlas” u l-portata tal-libertà mogħtija lil-leġiżlazzjoni jew lill-prattika nazzjonali sabiex tiddetermina l-“kundizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, tali leave”.
14 Kien f’dan il-kuntest li s-Supreme Court of the United Kingdom iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Taħt (a) l-Artikol[u] 7 tad-Direttiva tal-Kunsill [93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/104”) kif ukoll, id-Direttiva] 2003/88/KE […] u (b) il-klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew […]:
a) sa fejn, jekk inhu l-każ, id-dritt Ewropew jiddefinixxi jew jistipula rekwiżiti fir-rigward tan-natura u/jew il-livell tal-ħlas meħtieġa fir-rigward tal-perijodi ta’ leave annwali bi ħlas; u
b) sa fejn, jekk inhu l-każ, jistgħu l-Istati Membri jiddeterminaw kif dan il-ħlas għandu jiġi kkalkolat?
2) B’mod partikolari, huwa biżżejjed li, taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew il-prattika u/jew il-ftehim kollettivi u/jew l-arranġamenti kuntrattwali nnegozjati bejn min iħaddem u l-ħaddiema, il-ħlas li jsir jippermetti u jinkoraġġixxi lill-ħaddiem sabiex jieħu u jgawdi, fis-sens sħiħ ta’ dan il-kliem, il-leave annwali tiegħu; u ma jinvolvix xi riskju sinjifikattiv li l-ħaddiem ma jagħmilx dan?
3) Jew huwa meħtieġ li l-ħlas ikun:
a) ekwivalenti b’mod preċiż għal, jew
b) paragunabbli mal-paga “normali” tal-ħaddiem?
4) Barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda (iii)(a) jew (b) il-miżura rilevanti jew paragun hija:
a) paga li l-ħaddiem kien jirċievi matul il-perijodu partikolari ta’ leave kieku kien qed jaħdem, u mhux bil-leave, jew
b) paga li huwa kien qed jirċievi matul xi perijodu ieħor, u f’dan il-każ liema, meta huwa kien qed jaħdem?
5) Kif għandha l-paga “normali” jew “paragunabbli” tiġi evalwata f’ċirkustanzi:
a) fejn ikun hemm żieda mas-salarju ta’ ħaddiem meta qed jaħdem, kemm-il darba u sa fejn huwa jimpenja ruħu f’attività partikolari;
b) fejn ikun hemm limitu annwali jew limitu ieħor sa fejn jew [sakemm], il-ħaddiem jista’ jimpenja ruħu f’dik l-attività, u dak il-limitu jkun diġà nqabeż jew kważi nqabeż fiż-żmien meta l-leave annwali jittieħed, biex b’hekk il-ħaddiem ma kienx fil-fatt jitħalla jimpenja ruħu f’dik l-attività li kieku kien qed jaħdem, u mhux bil-leave?”
Fuq id-domandi preliminari
15 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll mill-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew, jirriżultawx indikazzjonijiet, u jekk ikun il-każ liema, fir-rigward tar-remunerazzjoni li għandu dritt għaliha pilota tal-linji tal-ajru matul il-leave annwali tiegħu.
16 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, id-Direttivi 2000/79 u 2003/88 għandhom l-istess skop li jorganizzaw il-ħin tax-xogħol fl-interess tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem u li, min-naħa l-oħra, il-kliem tal-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew huwa essenzjalment, kważi identiku għal dak tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Minn dan jirriżulta li hekk kif qieset l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, il-prinċipji tal-ġurisprudenza żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni huma trasposti għall-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew. Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward tal-fomulazzjoni tiegħu kif ukoll tal-għan imfittex minnu.
17 Il-kliem tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jagħtu l-ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward tar-remunerazzjoni li ħaddiem għandu dritt għaliha matul il-leave annwali. Madankollu, il-ġurisprudenza fakkret li mill-kliem stess tal-Artikolu 7(1), dispożizzjoni li fuqha din id-direttiva ma tippermettix deroga, jirriżulta li kull ħaddiem għandu jibbenefika minn leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat u li dan id-dritt għal-leave annwali bil-ħlas għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ta’ dritt soċjali Komunitarju li għandu importanza partikolari (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz‑Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, Ġabra p. I‑179, punti 22 u 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
18 Id-dritt għal tali perijodu annwali ta’ leave imħallas huwa għalhekk espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fl-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali bħat-Trattati.
19 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li l-espressjoni “leave annwali bil-ħlas” li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 tfisser li, matul il-perijodu ta’ “leave annwali” fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas u li fi kliem ieħor il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (ara, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson‑Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, Ġabra p. I‑2531, punt 50, kif ukoll Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).
20 Fil-fatt, l-għan tan-neċessità li dan il-leave jitħallas huwa li jqiegħed lill-ħaddiem, matul dan il-leave, f’sitwazzjoni li hija, f’dak li jikkonċerna s-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta’ xogħol (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Robinson‑Steele et, punt 58, kif ukol Schultz‑Hoff et, punt 60).
21 Hekk kif l-Avukat Ġenerali ppreċiżat fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-remunerazzjoni mħallsa għal-leave annwali għandha fil-prinċipju tiġi kkalkulata b’mod li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni regolari li jirċievi l-ħaddiem. Minn dan jirriżulta wkoll li kumpens, li l-ammont tiegħu sempliċement jippermetti li jiġi eskluż kull riskju sinjifikattiv li l-ħaddiem ma jiħux l-leave tiegħu, ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.
22 Iżda meta r-remunerazzjoni li kull ħaddiem jirċievi tkun tikkonsisti minn diversi elementi, id-determinazzjoni ta’ din ir-remunerazzjoni regolari u għalhekk tal-ammont li l-ħaddiem għandu dritt għalih matul il-leave annwali tiegħu, jeħtieġ analiżi speċifika. Tali huwa l-każ tar-remunerazzjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru bħala membru tal-persunal li jtir ta’ kumpannija tat-trasport bl-ajru li jikkonsisti f’somma annwali fissa u pagamenti supplimentari varjabbli relatati mal-ħin li pilota jkun għamel f’titjir u l-ħin li pilota jkun għamel ’il bogħod mill-bażi.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jekk l-istruttura tar-remunerazzjoni regolari ta’ ħaddiem tirriżulta, bħala tali, mid-dispożizzjonijiet u mill-prattiki rregolati mid-dritt tal-Istati Membri, dan mhux ser ikollu impatt fuq id-dritt tal-ħaddiem, imsemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, li jgawdi, matul il-perijodu ta’ mistrieħ u serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi simili għal dawk li jirrigwardaw l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu.
24 Għalhekk, kull nuqqas ta’ qbil li huwa intrinsikament marbut mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tal-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u kkumpensat minn ammont ta’ flus użat sabiex tiġi kkalkulata r-remunerazzjoni globali ta’ ħaddiem, bħal, fil-każ tal-piloti tal-linji tal-ajru, il-ħin li pilota jkun għamel f’titjir għandu neċessarjament ikun parti mill-ammont li għalih il-ħaddiem huwa intitolat matul il-leave annwali tiegħu.
25 Madankollu, l-elementi tar-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem li jfittex esklużivament li jkopri l-ispejjeż okkażjonali jew inċidentali li jinqalgħu b’rabta mal-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-ħaddiem skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, bħall-ispejjeż relatati maż-żmien li l-piloti għandhom bilfors jagħmlu ’il bogħod mill-bażi, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi kkalkulat il-ħlas li għandu jitħallas matul il-leave annwali.
26 F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa r-rabta intrinsika tad-diversi elementi li jiffurmaw ir-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem mal-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu skont il-kuntratt tax-xogħol. Din l-evalwazzjoni għandha tapplika fuq il-bażi ta’ medja matul perijodu ta’ referenza meqjus bħala rappreżentattiv u fid-dawl tal-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li d-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal leave annwali u d-dritt għall-ħlas f’dan ir-rigward bħala żewġ partijiet ta’ dritt wieħed (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Robinson‑Steele et, punt 58, kif ukoll Schultz‑Hoff et, punt 60).
27 Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li impjegata, li taħdem bħala purser għal linja tat-trasport bl-ajru u li minħabba t-tqala tagħha, hija temporanjament assenjata għal xogħol fuq l-art, matul din l-assenjazzjoni temporanja tagħha, kellha d-dritt mhux biss iżżomm is-salarju bażiku tagħha, iżda wkoll l-elementi ta’ remunerazzjoni jew pagamenti supplimentari relatati mal-istatus professjonali tal-impjegata. Għalhekk, il-pagamenti supplimentari relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha għandhom jinżammu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Parviainen, C‑471/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 73). Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għal ħaddiema tqila li tkun ngħatat leave (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr, C‑194/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 65).
28 Minn dan isegwi li, minbarra l-elementi tar-remunerazzjoni globali msemmija fil‑punt 24 ta’ din is-sentenza, dak kollu li huwa relatat mal-istatus personali u professjonali tal-pilota tal-linji tal-ajru għandhom jinżammu matul il-leave annwali bil-ħlas ta’ dan il-ħaddiem.
29 Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li kemm id-Direttiva 2003/88 kif ukoll il‑Ftehim Ewropew jipprevedu biss protezzjoni minima fir-rigward tad-dritt għal dħul ta’ ħaddiema fuq leave annwali.
30 Għalhekk, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tostakola lill-Istati Membri jew, fejn xieraq, lill-imsieħba soċjali, milli jmorru lil hinn mill-protezzjoni minima tal-ħaddiema, iggarantiti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li jipprovdu għaż‑żamma tal-elementi kollha ta’ remunerazzjoni globali li għalih dan huwa intitolat matul il-perijodu tax-xogħol tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Parviainen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
31 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad‑domandi magħmula hija li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u l-Klawżola 3 tal-Ftehim Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li pilota tal-linji tal-ajru, matul il-leave annwali tiegħu, mhux biss għandu d-dritt li jżomm is-salarju bażiku tiegħu, iżda wkoll, minn naħa, l-elementi kollha marbuta b’mod intrinsiku mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu taħt il-kuntratt tax-xogħol tiegħu u li huma kkumpensati b’ammont ta’ flus inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni globali tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-elementi kollha relatati mal-istatus personali u professjonali tal-pilota tal-linji tal-ajru. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-diversi elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem jissodisfawx dawn il-kriterji.
Fuq l-ispejjeż
32 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal‑ħin tax-xogħol, kif ukoll il-klawżola 3 tal-Ftehim anness għad-Direttiva tal‑Kunsill 2000/79/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, dwar il-Ftehim Ewropew fuq l-Organizzazzjoni tal-Ħinijiet tax-Xogħol ta’ Ħaddiema Mobbli fl‑Avjazzjoni Ċivili konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej (AEA), il‑Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), l‑Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kabini tal-Piloti (ECA), l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali (ERA) u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasportazzjoni bl-Ajru (IACA), għandhom jiġu interpretati fis-sens li pilota tal-linji tal-ajru, matul il-leave annwali tiegħu, mhux biss għandu d‑dritt li jżomm is-salarju bażiku tiegħu, iżda wkoll, minn naħa, l-elementi kollha marbuta b’mod intrinsiku mal-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu taħt il‑kuntratt tax-xogħol tiegħu u li huma kkumpensati b’ammont ta’ flus inkluż fil-kalkolu tar-remunerazzjoni globali tiegħu u, min-naħa l-oħra, l‑elementi kollha relatati mal-istatus personali u professjonali tal-pilota tal‑linji tal-ajru.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk id-diversi elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni globali tal-ħaddiem jissodisfawx dawn il-kriterji.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.