Kawża C-138/10

DP grup EOOD

vs

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

“Unjoni doganali — Dikjarazzjoni doganali — Aċċettazzjoni mill-awtorità doganali ta’ din id-dikjarazzjoni — Invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali diġà aċċettata — Konsegwenzi fuq il-miżuri kriminali”

Sommarju tas-sentenza

Unjoni doganali — Dikjarazzjonijiet doganali — Stħarriġ a posteriori

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 66, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1791/2006)

Id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarant ma jistax jitlob lil qorti tannula d-dikjarazzjoni doganali li jkun fassal meta din tkun ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali. Min-naħa l-oħra, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament Nru 1791/2006, dan id-dikjarant jista’ jitlob lil dawn l-awtoritajiet sabiex jinvalidaw din id-dikjarazzjoni, u dan anki wara li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija. Fi tmiem l-evalwazzjoni tagħhom, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, bħal ħsara għall-possibiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew jgħaddu għall-invalidazzjoni mitluba.

(ara l-punt 48 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Settembru 2011 (*)

“Unjoni doganali – Dikjarazzjoni doganali – Aċċettazzjoni mill-awtorità doganali ta’ din id-dikjarazzjoni – Invalidazzjoni ta’ dikjarazzjoni doganali diġà aċċettata– Konsegwenzi fuq il-miżuri kriminali”

Fil-Kawża C‑138/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

DP grup EOOD

vs

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.-J. Kasel, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Direktor na Agentsia “Mitnitsi”, minn V. Tanov kif ukoll minn S. Valkova, N. Yotsova u S. Yordanova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn E. Petranova u T. Ivanov, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u V. Štencel, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Mihaylova u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5), tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikoli 62, 63 u 68 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DP grup EOOD (iktar ’il quddiem “DP grup”) u d-Direktor na Agentsia “Mitnitsi” (Direttur tal-aġenzija tad-dwana) fir-rigward ta’ rikors ippreżentat minn din il-kumpannija għall-annullament ta’ dikjarazzjoni doganali magħmula għan-nom tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kodiċi Doganali

3        Is-sitt premessa tal-Kodiċi Doganali hija redatta kif ġej:

“Billi minħabba l-importanza kbira ferm tal-kummerċ estern għall-Komunità, formalitajiet u kontrolli doganali għandhom jiġu aboliti jew għallinqas jinżammu f’livell minimu”.

4        L-Artikolu 4 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan il-Kodiċi, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5)      ‘Deċiżjoni’ tfisser kull att uffiċjali mill-awtoritajiet doganali li għandu x’jaqsam ma/ regoli doganali li jagħtu deċiżjoni dwar każ partikolari, dan l-att ikollu effetti legali fuq persuna waħda jew persuni speċifiċi u identifikabbli; dan it-terminu jkopri fost oħrajn informazzjoni li torbot dwar it-tariffa skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 12;

[…]

17)      ‘Dikjarazzjoni doganali’ tfisser att li bih persuna tindika bil-forma u mod preskritti xewqa li tqiegħed merkanzija taħt proċedura partikolari doganali;

[…]”

5        L-Artikolu 59(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-merkanzija kollha maħsuba biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tkun koperta b’dikjarazzjoni għal dik il-proċedura doganali.”

6        L-Artikolu 62 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.      Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

2.      Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

7        Skont l-Artikolu 63 tal-Kodiċi Doganali:

“Dikjarazzjonijiet li josservaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 62 għandhom jiġu aċċettati immedjatament mill-awtoritajiet doganali, sakemm il-merkanzija li għaliha jirreferu jiġu preżentati lid-dwana.”

8        L-Artikolu 66 ta’ dan il-kodiċi jistipula kif ġej:

“1.      L-awtoritajiet doganali għandhom, fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jinvalidaw dikjarazzjoni diġà milqugħa meta min jagħmel id-dikjarazzjoni jippreżenta prova li merkanzija ġiet dikjarata bi żball għall-proċedura doganali koperta b’dik id-dikjarazzjoni jew li, b’riżultat ta’ ċirkostanzi speċjali, it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali li għaliha ġiet dikjarata m’għadux ġustifikat.

Madankollu, meta l-awtoritajiet doganali jkunu informaw lil min jagħmel id-dikjarazzjoni bil-ħsieb tagħhom li jeżaminaw il-merkanzija, talba għal invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni m’għandhiex tiġi aċċettata sa wara li jkun sar l-eżami.

2.      Id-dikjarazzjoni m’għandhiex tiġi invalidata wara li l-merkanzija tkun ġiet meħlusa, ħlief f’każijiet definiti skond il-proċedura tal-kumitat.

3.      L-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet penali fis-seħħ.”

9        L-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:

a)      jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex jippreżenta dokumenti oħra bl-iskop li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni;

b)      jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.”

10      L-Artikolu 71 tal-imsemmi kodiċi jistipula:

“1.      Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija.

2.      Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.”

 Ir-Regolament ta’ implementazzjoni

11      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2007, tat-28 ta’ Frar 2007 (ĠU L 327M, p. 879, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), jipprovdi, fl-Artikolu 199(1), li:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli ta’ dispożizzjonijiet penali il-preżentazzjoni fl-uffiċju doganali ta’ dikjarazzjoni ffermata mid-dikjarant jew ir-rappreżentant tiegħu għandha tirrendih responsabbli skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għal:

–        l-eżatezza ta’ l-informazzjoni mgħotija fid-dikjarazzjoni,

–        l-awtentiċità tad-dokumenti mehmuża

u

–        konformità ma’ l-obbligi kollha li jirrelataw mad-dħul tal-merkanzija in kwistjoni taħt il-proċedura kkonċernata.”

12      L-Artikolu 251 ta’ dan ir-regolament jipprvodi:

“B’deroga mill-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi [Doganali], dikjarazzjoni doganali tista’ tiġi invalidata wara li l-merkanzija tkunu ġiet rilaxxati, kif previst hawn taħt:

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fit-13 ta’ Marzu 2007, DP grup, permezz ta’ mandatarju, ippreżentat, lill-Mitnichesko byuro Kremikovtsi (uffiċċju doganali ta’ Kremikovtsi) f’Sofija (il-Bulgarija) dikjarazzjoni doganali dwar l-importazzjoni mill-Brażil, ta’ “koxox tad-dundjan mingħajr għadam u ffriżati, ippreparati bil-bżar abjad”, sabiex jiġu rilaxxati għal ċirkulazzjoni libera.

14      Din id-dikjarazzjoni doganali ġiet aċċettata mill-amministrazzjoni doganali dakinhar stess. Aġent doganali ffirmaha u kiteb dan li ġej fuq in-naħa ta’ wara tad-dokument:

“Saret verifika tad-dokumenti dwar il-kaxxa nru 44, skont l-Artikolu 218 tar-[Regolament ta’ implementazzjoni]. Il-kodiċi tal-merkanzija fil-kaxxa 33 jikkorrispondi mad-deskrizzjoni tal-merkanzija fil-kaxxa nru 31 u mat-[tariffa intergrata tal-Komunitajiet Ewropej istitwita mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p, 382)]. Valur doganali stabbilit skont l-Artikolu 29 tal-Kodiċi Doganali. Il-merkanzija ma tibbenefikax minn trattament preferenzjali. Ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet biex il-merkanzija titpoġġa taħt sistema ta’ ‘rilaxx għall-konsum’. Verbal nru 120/13.03.2007, dwar verifika doganali fil-fond fl-ajruport ta’ Sofia. Billi ġiet issuspettata klassifikazzjoni tariffarja skorretta, ittieħdu kampjuni biex jiġu analizzati mil-laboratorju kimiku ċentrali […]”

15      Il-verbal nru 120/13.03.2007, dwar il-verifika tal-merkanzija, jippreċiża, fil-punt 13, li l-merkanzija ppreżentata tikkorrispondi, fid-dawl tat-tip u l-kwantità tagħha, għal dik indikata fid-dikjarazzjoni doganali u li ttieħdu xi kampjuni sabiex issir analiżi f’laboratorju.

16      L-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni kkalkolat skont l-intestatura tariffarja ddikjarata minn DP grup, jiġifieri BGN 22 646.88, iddaħħal fil-kaxxa rilevanti tad-dikjarazzjoni doganali.

17      Fil-25 ta’ Marzu 2007, l-amministrazzjoni doganali rrilaxxat il-merkanzija importata.

18      Abbażi tar-riżultat tar-rapport, l-amministrazzjoni doganali, b’ittra tas-17 ta’ April 2007, informat lil DP grup li kkunsidrat il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ din il-merkanzija bħala żbaljata u li dan kien jikkostitwixxi ksur tal-leġiżlazzjoni doganali.

19      Konsegwentement, l-amministrazzjoni doganali ffissat krediti addizzjonali, jiġifieri l-ammont ta’ BGN 49 754.31 BGN bħala dazji doganali u ta’ BGN 11 293.75 bħala taxxa fuq il-valur miżjud, kif ukoll interessi moratorji fuq dawn l-ammonti, u stiednet lil DP grup sabiex tħallashom.

20      DP grup b’hekk ippreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad, li permezz tiegħu talbet l-annullament tad-dikjarazzjoni doganali tat-13 ta’ Marzu 2007, għar-raġuni li d-dazji fuq l-importazzjoni fl-ammont totali ta’ BGN 22 646.88 BGN, indikati fiha, ġew ikkalkolati b’mod żbaljat.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li DP grup sostniet quddiem din il-qorti li d-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, din il-kumpannija, filwaqt li tirrikonoxxi li ma kinitx indikat l-intestatura tarrifarja t-tajba, tikkunsidra li, peress li din l-intestatura ġiet aċċettata mill-amministrazzjoni doganali, minħabba l-firma tal-aġent meta aċċetta din id-dikjarazzjoni, l-imsemmija intestatura ġiet “ikkonfermata” minn din l-amministrazzjoni. B’hekk, id-dikjarazzjoni doganali tikkostitwixxi dikjarazzjoni espressa tal-intenzjoni tal-awtoritajiet doganali u ġġib magħha drittijiet u obbligi għad-dikjarant, ħaġa li tagħtiha n-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.

22      Insostenn tar-rikors tagħha, DP grup sostniet li l-intestatura tariffarja żbaljata indikata fid-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġġib magħha n-nullità tagħha. Hija sostniet ukoll li d-dazji doganali kkalkolati abbażi tad-dikjarazzjoni illegali ma kinux konformi mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni doganali Bulgara u, b’hekk, kienu kkawżawlha danni.

23      Fil-21 ta’ Lulju 2008, l-Administrativen sad Sofia-grad adottat digriet li kkonstata l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba n-nuqqas ta’ att amministrattiv li jista’ jiġi kkontestat, peress li d-dikjarazzjoni doganali li mela d-dikjarant u li ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali ma hijiex, skontha, att li jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qrati.

24      DP grup ippreżentat rikors kontra dan id-digriet quddiem il-Varhoven administrativen sad (Qorti amministrattiva suprema) li kkunsidrat li, anki jekk imtliet mid-dikjarant stess, id-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi, għar-raġunijiet esposti fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, att amministrattiv individwali li bla dubju jaffettwa l-interessi tad-dikjarant. Il-Varhoven administrativen sad, li l-indikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi huma, skont il-liġi Bulgara, vinkolanti meta tiġi eżaminata ulterjorment il-kawża, irrinvijatha quddiem l-istess sezzjoni tal-Administrativen sad Sofia-grad, sabiex titkompla l-proċedura.

25      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam doganali u li l-imsemmija kawża tqajjem, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-portata u tal-kontenut tal-verifika tal-konformità tad-dikjarazzjonijiet doganali mal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali u, b’mod iżjed konkret, il-kwistjoni jekk, fil-kuntest ta’ din il-verifika, l-awtoritajiet doganali humiex marbutin jivverifikaw jekk l-intestatura tariffarja indikata minn dikjarant hijiex korretta.

26      Hija tispeċifika, barra minn hekk, li meta l-intestatura indikata ma hijiex korretta u meta sussegwentement ma tiġix irrettifikata konformement mal-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali għandhom id-dritt li jimponu sanzjonijiet fuq id-dikjarant għall-ksur doganali kommess, u b’mod partikolari li jaqbdu l-merkanzija u jiddisponu minnha skont il-proċedura prevista għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont din il-qorti, huwa ċar li l-għan tar-rikors miġjub quddiemha huwa li jiġu evitati konsegwenzi legali sfavorevoli għal DP grup, bħal dawk indikati iktar ’il fuq.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 63 tal-[Kodiċi Doganali] għandu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità doganali l-obbligu li tillimita ruħha għall-verifika tal-konformità tad-dikjarazzjoni doganali mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, billi tivverifika biss id-dokumenti kif stipulat fl-Artikolu 68 ta’ dan [il-kodiċi], u [billi] tibbaża ruħha biss fuq id-dokumenti ppreżentati sabiex tiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, meta jkun hemm xi dubju dwar ir-rilevanza tal-kodiċi tariffarju tal-merkanzija u meta evalwazzjoni speċjalizzata hija neċessarja sabiex jiġi ddeterminat dan il-kodiċi?

2)      Id-deċiżjoni tal-awtorità doganali dwar l-aċċettazzjoni immedjata tad-dikjarazzjoni doganali skont l-Artikolu 63 [tal-Kodiċi Doganali] għandha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ awtorità doganali fis-sens tal-Artikolu 4(5) flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1) tal-[imsemmi kodiċi], u dan b’mod partikolari sa fejn tirrigwarda il-kontenut kollu tad-dikjarazzjoni doganali, fejn ikun hemm preżenti, fl-istess ħin, [iċ-]ċirkustanzi li ġejjin:

a)      id-deċiżjoni tal-awtorità doganali, relatata mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, ittieħdet biss abbażi tad-dokumenti ppreżentati flimkien mad-dikjarazzjoni;

b)      fit-twettiq tal-verifiki meħtieġa qabel l-aċċettazzjoni tad- dikjarazzjoni doganali, kien hemm suspett dwar l-ineżatezza tal-kodiċi tariffarju ddikjarata għall-merkanzija;

c)      fit-twettiq tal-verifiki meħtieġa qabel l-aċċettazzjoni tad- dikjarazzjoni doganali, l-elementi dwar il-kontenut tal-merkanzija ddikjarata u li huma rilevanti għad-determinazzjoni korretta tal-kodiċi tariffarja kienu inkompleti;

d)      fil-verifika qabel l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, ittieħed kampjun sabiex jiġi eżaminat fid-dawl tad-determinazzjoni korretta tal-kodiċi tariffarja tal-merkanzija?

3)      L-Artikolu 63 [tal-Kodiċi Doganali] għandu, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li:

a)      huwa permess li tiġi kkontestata ġudizzjarjament il-legalità tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, wara li l-merkanzija titqiegħed fil-libera ċirkulazzjoni, jew

b)      l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ma tistax tkun suġġetta għal rikors, minħabba li din tirreġistra biss id-dikjarazzjoni tal-merkanzija lill-awtoritajiet doganali u tiddetermina l-mument meta jibda d-dejn doganali għall-importazzjoni u li ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ awtorità doganali dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tariffarja korretta u l-ammont tad-dazji doganali dovuti skont din id-dikjarazzjoni?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 2009, Elshani, C‑459/07, Ġabra p. I‑2759, punt 40, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, Skoma-Lux, C‑339/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).

29      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-missjoni li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, Ġabra p. I‑2089, punti 30 u 31; tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, Ġabra p. I‑4635, punt 45, kif ukoll tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C‑243/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

30      F’dan ir-rigward, minn naħa, mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikors miġjub quddiemha huwa intiż għall-annullament tad-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mhux għall-annullament tal-aċċettazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni, per se. Min-naħa l-oħra, mill-proċess jirriżulta li DP grup talbet l-annullament tal-imsemmija dikjarazzjoni wara li ġiet rilaxxata l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali mill-amministrazzjoni doganali.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju qed tipprova ssir taf jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam doganali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dikjarant jista’, wara li l-awtoritajiet doganali jkunu rrilaxxaw il-merkanzija, jitlob lil qorti tannula d-dikjarazzjoni doganali li tirrigwarda din il-merkanzija.

32      Sabiex tingħata risposta għad-domandi rriformulati b’dan il-mod, għandhom jiġu kkunsidrati n-natura u l-portata tad-dikjarazzjoni doganali.

33      Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 59(1) tal-Kodiċi Doganali, id-dritt doganali tal-Unjoni jistabbilixxi l-prinċipju li kull merkanzija intiża biex titqiegħed taħt proċedura doganali għandha tiġi ddikjarata.

34      Id-determinazzjoni tal-elementi neċessarji sabiex il-leġiżlazzjoni doganali tiġi applikata għall-merkanzija b’hekk ma ssirx abbażi tal-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet doganali, iżda abbażi tal-informazzjoni mogħtija mid-dikjarant.

35      Id-dikjarazzjoni doganali b’hekk tikkostitwixxi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 4(17) tal-Kodiċi Doganali, l-att li permezz tiegħu d-dikjarant juri, fil-forom u l-modalitajiet preskritti, ir-rieda li merkanzija titqiegħed taħt proċedura doganali partikolari. B’dan il-mod, din id-dikjarazzjoni, li hija att unilaterali, ma tikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(5) tal-imsemmi kodiċi.

36      Għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet doganali magħmulin bil-miktub, l-Artikolu 68 ta’ dan il-kodiċi jagħti lill-awtoritajiet doganali l-possibbiltà li jivverifikaw l-informazzjoni mogħtija mid-dikjarant.

37      Bil-għan, espress fis-sitt premessa tal-Kodiċi Doganali, li jiġu limitati kemm jista’ jkun il-formalitajiet u l-kontrolli doganali, dan il-kodiċi ma jimponix fuq l-awtoritajiet doganali l-obbligu li jwettqu dawn il-verifiki sistematikament. B’hekk, skont l-Artikolu 71(2) tal-imsemmi kodiċi, meta ma ssirx il-verifika tad-dikjarazzjoni doganali, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha titqiegħed il-merkanzija ssir skont l-informazzjoni li tinsab f’din id-dikjarazzjoni.

38      Il-proċedura deskritta iktar ’il fuq, li ma tipprovdix li d-dikjarazzjonijiet doganali għandhom dejjem jiġu vverifikati, tassumi li d-dikjarant ikun ipprovda lill-awtoritajiet doganali informazzjoni eżatta u kompluta. Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 199(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprovdi li l-preżentazzjoni f’uffiċċju doganali ta’ dikjarazzjoni ffirmata mid-dikjarant jew mir-rappreżentant tiegħu għandha tirrendih responsabbli skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ għall-eżatezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif speċifika l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu u għall-kuntrarju tal-argument invokat minn DP grup quddiem il-qorti tar-rinviju, meta l-awtoritajiet doganali jaċċettaw dikjarazzjoni doganali ffirmata mid-dikjarant jew mir-rappreżentant tiegħu, l-Artikolu 63 tal-Kodiċi Doganali jimponi fuqhom l-obbligu li jillimitaw ruħhom għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u fl-Artikolu 62 ta’ dan il-kodiċi. Konsegwentement, meta tiġi aċċettata dikjarazzjoni doganali, dawn l-awtoritajiet ma jiddeċidux dwar l-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija mid-dikjarant, u huwa d-dikjarant li jassumi r-responsabbiltà għall-eżattezza tal-informazzjoni. Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 68 tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ma ċċaħħadx lill-imsemmija awtoritajiet mill-possibbiltà li sussegwentement u, jekk ikun hemm bżonn anki wara r-rilaxx tal-merkanzija, jivverifikaw l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni.

40      L-obbligu impost fuq id-dikjarant li jagħti informazzjoni eżatta jestendi wkoll għad-determinazzjoni tas-subintestatura korretta meta ssir il-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1989, Top Hit Holzvertrieb vs Il-Kummissjoni, 378/87, Ġabra p. 1359, punt 26), u f’każ ta’ dubju d-dikjarant jista’ jitlob minn qabel lill-awtoritajiet doganali sabiex joħorġu informazzjoni li torbot dwar it-tariffa, skont l-Artikolu 12 tal-Kodiċi Doganali.

41      Il-korollarju tal-imsemmi obbligu huwa l-prinċipju tal-irrevokabbiltà tad-dikjarazzjoni doganali malli din tiġi aċċettata, prinċipju li l-eċċezzjonijiet għalih huma ddefiniti strettament mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam.

42      B’hekk, għalkemm il-Kodiċi Doganali ma jipprovdix għall-possibbiltà għad-dikjarant li jikseb l-annullament tad-dikjarazzjoni doganali li jkun fassal, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 66(1) ta’ dan il-kodiċi jippermetti lid-dikjarant jitlob lill-awtoritajiet doganali sabiex jinvalidaw dikjarazzjoni li jkunu diġà aċċettaw, sakemm iġib il-prova li l-merkanzija ġiet iddikjarata bi żball għall-proċedura doganali li tikkorrispondi għal din id-dikjarazzjoni jew sakemm, minħabba ċirkustanzi partikolari, it-tqegħid tal-merkanzija taħt il-proċedura doganali li għaliha ġiet iddikjarata ma huwiex iġġustifikat.

43      L-Artikolu 66(2) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi li d-dikjarazzjoni ma tistax tiġi invalidata wara r-rilaxx, ħlief f’ċerti każijiet. Dawn il-każijiet huma ddefiniti fl-Artikolu 251 tar-Regolament ta’ implementazzjoni.

44      Mill-kliem tal-imsemmi Artikolu 66 jirriżulta li, meta d-dikjarant, sua sponte, jitlob li tiġi invalidata d-dikjarazzjoni doganali, it-talba tiegħu għandha tiġi indirizzata lill-awtoritajiet doganali u mhux lill-qrati.

45      Fi tmiem l-evalwazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet doganali għalhekk għandhom, bħal ħsara għall-possibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew jgħaddu għall-invalidazzjoni mitluba (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, Ġabra p. I‑8937, punt 50).

46      Għal dak li jirrigwarda l-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, l-għan tar-rikors ippreżentat quddiemha minn DP grup huwa li jiġi evitat li sanzjonijiet eventwali jiġu imposti fuq din il-kumpannija minħabba l-ksur fir-rigward tal-klassifikazzjoni tariffarja żbaljata tal-merkanzija importata li saret meta tfasslet id-dikjarazzjoni doganali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, biżżejjed jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 66(3) tal-Kodiċi Doganali, l-invalidazzjoni tad-dikjarazzjoni ma taffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet penali fis-seħħ.

47      Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-istruzzjonijiet mogħtija lill-qorti tar-rinviju mill-Varhoven administrativen sad, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi li qorti nazzjonali, li għandha tiddeċiedi l-kawża wara li din tkun ġiet irrinvijata lilha minn qorti superjuri adita b’appell, tkun marbuta, skont id-dritt proċedurali nazzjonali, b’evalwazzjonijiet legali magħmula mill-qorti superjuri, jekk hija tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni li tkun talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-imsemmija evalwazzjonijiet ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

48      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarant ma jistax jitlob lil qorti tannulla d-dikjarazzjoni doganali li jkun fassal meta din tkun ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali. Min-naħa l-oħra, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 66 tal-Kodiċi Doganali, dan id-dikjarant jista’ jitlob lil dawn l-awtoritajiet jinvalidaw din id-dikjarazzjoni, u dan anki wara li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija. Fi tmiem l-evalwazzjoni tagħhom, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, bħal ħsara għall-possibiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew jgħaddu għall-invalidazzjoni mitluba.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam doganali għandhom jiġu interpretati fis-sens li dikjarant ma jistax jitlob lil qorti tannulla d-dikjarazzjoni doganali li jkun fassal meta din tkun ġiet aċċettata mill-awtoritajiet doganali. Min-naħa l-oħra, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 66 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, dan id-dikjarant jista’ jitlob lil dawn l-awtoritajiet jinvalidaw din id-dikjarazzjoni, u dan anki wara li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija. Fi tmiem l-evalwazzjoni tagħhom, l-imsemmija awtoritajiet għandhom, bħal ħsara għall-possibiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja, jew jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata, jew jgħaddu għall-invalidazzjoni mitluba.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.