KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-27 ta’ Jannar 2011 (1)

Kawża C‑401/09 P

Evropaïki Dynamiki ‑ Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

vs

Il‑Bank Ċentrali Ewropew

“Appell – Kuntratt pubbliku għal servizzi – Bank Ċentrali Ewropew – Gruppi – Dritt għal rikors tal-membri individwali ta’ konsorzju – Stħarriġ ġudizzjarju dwar l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”





1.        Permezz ta’ dan l-appell, il-kumpannija Evropaïki Dynamiki (iktar ’il quddiem l-“appellanti”) qed titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tat-2 ta’ Lulju 2009, Evropaïki Dynamiki vs Il‑BĊE (T‑279/06) (2). Dan id-digriet ċaħad, għaliex parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat, ir-rikors ippreżentat mill-appellanti kontra l-ittra tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li permezz tagħha, fil-31 ta’ Lulju 2006, il-BĊE informaha li kienet ġiet eskluża mill-fażijiet sussegwenti ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi tal-informatika.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-regoli li jirregolaw l-għoti tal-kuntratti tal-BĊE

2.        Il-kuntratti tal-BĊE kienu regolati, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, miċ-ċirkulari amministrattiva Nru 8/2003, tas-16 ta’ Settembru 2003. La kienu direttament applikabbli d-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi, indirizzati min-natura tagħhom stess lill-Istati Membri, u lanqas ir-regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet, inklużi b’mod partikolari fir-regolament Finanzjarju (3) u fir-regolament relatat ta’ implementazzjoni (4).

3.        Id-dispożizzjonijiet taċ-ċirkulari amministrattiva Nru 8/2003 ma humiex direttament rilevanti f’dan l-appell: għaldaqstant, kull ma ser nagħmel huwa li nagħmel riferiment għalihom, jekk dan jeħtieġ, iktar ’il quddiem fil-konklużjonijiet.

2.      Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

4.        L-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li:

“Talba minn waħda mill-partijiet li titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar ammissibbiltà, inkompetenza jew fuq kwistjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta’ att separat.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata, it-talbiet u, annessi magħha, id-dokumenti invokati in sostenn tagħha”.

B –    Id-dritt Ġermaniż

5.        Kif se jirriżulta mir-rikostruzzjoni tal-fatti inkwistjoni, is-soluzzjoni ta’ din il-kawża tiddependi, parzjalment, mill-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt li l-BĊE kellu l-ħsieb li jikkonkludi mar-rebbieħ tas-sejħa għal offerti. Eżattament, din hija l-Liġi, tas-7 ta’ Awwissu 1972, dwar il-provvista ta’ ħaddiema (Arbeitnehmerüberlassungsgesetz; iktar ’il quddiem l-“AÜG”).

6.        L-Artikolu 1 tal-AÜG jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“1.      Persuni li jħaddmu li għandhom il-ħsieb li jipprovdu b’mod kummerċjali ħaddiema […] lil terzi […] sabiex iwettqu xogħol, għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni biex jagħmlu dan.

[…]”.

II – Il-fatti

7.        Fid-19 ta’ Lulju 2005, il-BĊE ppubblika avviż (5) dwar proċedura nnegozjata għall-“provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ żvilupp” (6) fil-qasam tal-informatika.

8.        Il-verżjoni oriġinali tal-avviż kienet teskludi, fil-punt III.1.3, il-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ gruppi ta’ impriżi u ta’ konsorzja. Fil-11 ta’ Awwissu 2005, madankollu ġie ppubblikat corrigendum (7) li mmodifika l-punt inkwistjoni, fejn ġiet ammessa l-parteċipazzjoni kemm ta’ konsorzji kif ukoll ta’ gruppi temporanji.

9.        L-appellanti pparteċipat fil-proċedura bħala parti mill-konsorzju E2Bank, magħmul minnha u mill-kumpannija Taljana Engineering Ingegneria Informatica SpA.

10.      Id-dokumenti mibgħuta mill-BĊE lill-parteċipanti, u b’mod partikolari l-istedina biex jippreżentaw offerta u l-annessi relatati, kienu jindikaw, fost l-oħrajn, l-obbligu li l-kompetituri kollha jkollhom l-awtorizzazzjoni prevista mill-Artikolu 1 tal-AÜG (iktar ’il quddiem l-“awtorizzazzjoni”). Dan il-pussess tal-awtorizzazzjoni, madankollu, kien jeħtieġ biss fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt eventwali: l-offerta tal-konsorzju E2Bank, għaldaqstant, ġiet ikkunsidrata bħala kompluta u regolari peress li, minkejja li ż-żewġ kumpanniji li kienu jifformaw il-konsorzju ma kellhomx id-dokument inkwistjoni, huma kienu ħadu l-impenn li jiksbuh fil-ħin.

11.      Il-konsorzju E2Bank għadda l-ewwel fażi tal-proċedura kompetittiva, u ddaħħal fix-“shortlist” tal-aħjar offerenti. Sussegwentement, però, l-offerta tiegħu tqiegħdet fir-raba’ pożizzjoni u, konsegwentement eskluża mill-fażi finali tal-għażla, li kienet irriżervata għall-aħjar tliet offerenti. L-appellanta ġiet informata b’dan il-fatt b’nota tal-31 ta’ Lulju 2006, li hija kkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-deċiżjoni kkontestata

12.      Ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mill-appellanti, li aġixxiet f’isem il-konsorzju E2Bank, kien ibbażat fuq tmien motivi.

13.      Madankollu, qabel ma eżaminat il-motivi mqajma mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali ċaħdet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE, ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-appellanti, ikkawżat mill-fatt li hija ma kellhiex l-awtorizzazzjoni biex tipprovdi ħaddiema temporanji, u kif ammettiet hija stess, qatt ma setgħet tiksibha. Il-Qorti Ġenerali rrilevat li, fost il-motivi mqajma mill-appellanti, wieħed kien propju dwar l-obbligu tal-pussess tal-imsemmija awtorizzazzjoni: konsegwentement, ir-rikors kellu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli, minħabba li kellu eżattament l-għan li jikseb l-eliminazzjoni tar-rekwiżit relatat mal-awtorizzazzjoni.

14.      Wara dan, il-Qorti Ġenerali għaddiet għall-eżami tal-motivi tar-rikors, billi bdiet mill-aħħar wieħed, dak relatat mal-allegata illegalità tal-klawżola dwar l-obbligu tal-pussess tal-awtorizzazzjoni. Fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti minbarra li sostniet l-illegalità tar-rekwiżit, affermat li fil-proċedura skopriet, li ma setgħetx tikseb l-awtorizzazzjoni. Ir-raġuni għal dan kienet li l-awtoritajiet Ġermaniżi, fil-każ ta’ impriżi stabbiliti f’pajjiżi oħra, jagħtu l-awtorizzazzjoni biss lil impriżi li diġà jkollhom waħda fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u d-dritt tal-Istat Membru ta’ stabbiliment tal-appellanti (il-Greċja), din l-awtorizzazzjoni jagħtiha biss lill-impriżi li jieħdu ħsieb esklużivament il-provvista ta’ ħaddiema temporanji. Peress li l-provvista ta’ ħaddiema temporanji ma hijiex l-attività esklużiva tal-appellanti, hija qatt ma setgħet tikseb l-awtorizzazzjoni fil-Greċja, u għaldaqstant lanqas fil-Ġermanja.

15.      Meta eżaminat il-motiv, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret li fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti kien indikat b’mod ċar li l-kuntratt kien se jkun regolat bid-dritt Ġermaniż, mingħajr ma dan l-aspett kien b’xi mod ikkontestat mill-appellanti, hija kkunsidrat bħala korretta l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ta l-BĊE, u b’hekk ikkunsidrat li d-dritt Ġermaniż jimponi tabilħaqq il-pussess tal-awtorizzazzjoni biex jitwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-avviż tas-sejħa għal offerti. Dwar il-problemi li jirriżultaw mill-fatt li l-appellanti hija stabbilita fil-Greċja u konsegwentement ma setgħetx tikseb l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Ġermaniżi, il-Qorti Ġenerali osservat li rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 230 KE ma huwiex il-lok fejn tista’ tiġi eżaminata n-natura possibbilment diskriminatorja, jew b’mod iktar ġenerali, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, ta’ regola nazzjonali.

16.      Wara li ċaħdet b’dan il-mod it-tmien motiv, il-Qorti Ġenerali osservat li, kif ammettiet hija stess, l-appellanti ma setgħetx tikseb l-awtorizzazzjoni biex tipprovdi ħaddiema temporanji. Konsegwentement, wara li aċċertat il-legalità tal-klawżola relatata, ikkonkludiet li ma jeħtieġx li teżamina s-seba’ motivi l-oħra, peress li f’kull każ huma xorta ma setgħux iwasslu biex il-kuntratt jingħata lill-appellanti, minħabba li din ma kellhiex l-awtorizzazzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ewwel seba’ motivi tar-rikors kienu manifestament inammissibbli. Fiċ-ċirkustanzi, ir-rikors inċaħad fl-intier tiegħu.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

17.      Dan l-appell ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ottubru 2009. Permezz tiegħu, l-appellanti, f’isem il-konsorzju E2Bank, qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla d-digriet appellat;

–        tannulla l-atti li permezz tagħhom il-BĊE eskluda lill-appellanti mill-proċedura u ta l-kuntratt lil offerent ieħor;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-ewwel istanza.

18.      Min-naħa l-oħra, il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V –    Dwar l-ammissibbiltà tal-appell

19.      Il-BĊE qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell: għal raġunijiet ovvji, din l-eċċezzjoni se tkun l-ewwel punt li ser neżamina.

A –    Il-pożizzjonijiet tal-partijiet

20.      Il-BĊE jsostni li l-mandat biex jiġi ppreżentat ir-rikors mogħti lill-appellanti mill-kumpannija l-oħra li tikkostitwixxi l-konsorzju E2Bank, mandat ippreżentat flimkien mar-rikors fl-ewwel istanza, kien biss dwar il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u għaldaqstant ma għandux jiġi kkunsidrat bħala applikabbli għall-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, l-appellanti ma għandhiex drittijiet sabiex tippreżenta appell f’isem il-konsorzju.

21.      Barra minn hekk, skont il-BĊE, il-membri individwali ta’ grupp ta’ impriżi ma għandhomx dritt awtonomu biex jikkontestaw id-deċiżjonijiet dwar il-grupp fl-intier tiegħu: Evropaïki Dynamiki għaldaqstant ma għandhiex dritt li tippreżenta l-appell fuq bażi individwali, bħala sempliċi membru tal-konsorzju.

22.      Konsegwentement, l-appell għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli fl-intier tiegħu.

23.      Fir-replika tagħha, l-appellanti kkontestat iż-żewġ partijiet tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE.

24.      Minn naħa waħda, il-mandat mogħti lill-appellanti bl-ebda mod ma huwa limitat għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali biss, imma jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ proċedura tat-tieni istanza.

25.      Min-naħa l-oħra, il-komponenti individwali ta’ konsorzju għandhom dritt awtonomu li jieħdu azzjoni fir-rigward tal-atti li jwettqu ħsara lill-istess konsorzju. L-appellanti tenfasizza wkoll li l-konsorzju E2Bank ma kellux personalità ġuridika, u li hija kellha r-rwol ta’ sieħeb prinċipali fil-konsorzju, filwaqt li l-kumpannija l-oħra li kienet membru fil-konsorzju kellha pożizzjoni għalkollox subordinata, paragunabbli għal dik ta’ subkuntrattur.

B –    Kunsiderazzjonijiet

26.      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-BĊE, fil-fehma tiegħi, ma għandhiex tintlaqa’. Fil-punti li ġejjin biħsiebni nispjega r-raġunijiet għaliex ħadt din il-pożizzjoni, fejn se nittratta separatament l-interpretazzjoni tal-mandat u d-dritt għal rikors tal-membri individwali ta’ grupp ta’ impriżi.

1.      L-interpretazzjoni tal-mandat mogħti lill-appellanti

27.      L-ewwel nett, l-abbozzar stess tal-mandat mogħti lill-appellanti, fil-11 ta’ Settembru 2006, ma jeskludix kategorikament il-possibbiltà li dan jgħodd mhux biss għall-proċedura ta’ quddiem il-Qorti Ġenerali imma anki għall-fażi ta’ appell eventwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Huwa minnu li, fl-ewwel parti tal-mandat, il-kumpannija Evropaïki Dynamiki tiġi awtorizzata “twettaq l-azzjonijiet legali neċessarji kollha, f’isimha stess jew f’isem il-konsorzju E2Bank, permezz tal-avukati li tagħżel hija, quddiem il-Qorti Ġenerali”. Madankollu, immedjatament wara jiġi ppreċiżat li “dan il-mandat […] għandu jibqa’ validu sakemm ikun neċessarju sabiex jitlestew l-azzjonijiet legali kollha, kif inhu previst mir-regoli applikabbli”.

29.      Ma hemmx dubju li l-abbozzar iċċitat iktar ’il fuq ma tantx huwa feliċi. Madankollu, il-preżenza tal-klawżola finali li tagħmel riferiment għall-fatt li l-azzjonijiet legali kollha għandhom jitlestew ma tagħtix lok li l-validità tal-mandat tiġi eskluża b’mod assolut anki għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Mill-perspettiva ta’ parteċipant f’sejħa għal offerti li jiddeċiedi li jippreżenta rikors, ir-riferiment għall-Qorti Ġenerali jista’ jiġi interpretat anki bħala indikazzjoni ġenerika u kważi żejda, li tindika l-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat ir-rikors, fil-bidu ta’ proċedura li tista’ tintemm, f’każ ta’ appell, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Minn din il-perspettiva, il-klawżola finali tista’ tiġi interpretata bħala konferma tal-applikabbiltà tal-mandat fiż-żewġ istanzi.

30.      Għaldaqstant, inqis li l-mandat mogħti lill-appellanti biex tieħu azzjoni f’isem il-konsorzju E2Bank jista’ jitqies bħala validu anki għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

2.      Dwar is-setgħa awtonoma ta’ rikors tal-membri ta’ grupp

31.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-interpretazzjoni wiesgħa tal-mandat kif minni żviluppata fil-punti preċedenti, u f’kull każ għal finijiet ta’ tlestija, issa biħsiebni neżamina l-kwistjoni dwar il-possibbiltà li l-membri ta’ grupp ta’ impriżi, b’mod ġenerali, ikunu jistgħu jikkontestaw b’mod awtonomu att indirizzat lill-grupp stess.

32.      Din ma hijiex kwistjoni għalkollox ġdida, imma li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni f’ċirkustanzi simili għal dawk ta’ din il-kawża. Sa issa, fil-fatt, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji kienu kkonċentrati fuq il-problema tal-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali f’dan il-qasam mad-Direttiva 89/665 (l-hekk imsejħa “Direttiva ta’ reviżjoni”) (8).

33.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-possibbiltà li tikkunsidra bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju kemm regola nazzjonali li kienet tammetti biss ir-rikors ippreżentat mill-membri kollha ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi (9), kif ukoll regola li, bil-kontra, kienet tippermetti anki rikors min-naħa ta’ impriża individwali assoċjata (10). Dan minħabba li kull ma tagħmel id-Direttiva 89/665 huwa li tistabbilixxi r-“rekwiżiti minimi li l-proċeduri ta’ rikors previsti mis-sistemi legali nazzjonali għandhom josservaw biex tiggarantixxi l-osservanza tad-dispożizzjonijiet Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (11).

34.      Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-kumpens għad-danni, dritt għal azzjoni individwali għall-impriżi individwali li jikkostitwixxu assoċjazzjoni temporanja jiġi kkunsidrat bħala impost mid-dritt tal-Unjoni (12).

35.      Id-Direttiva 89/665 ma hijiex applikabbli, bħala tali, għas-sejħiet għal offerti mnedija mill-istituzzjonijiet jew mill-BĊE, peress li dan huwa att indirizzat lill-Istati Membri. Madankollu, id-direttiva hija l-espressjoni, applikata għal kuntest speċifiku, tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (13). Dan il-prinċipju llum huwa stabbilit ukoll, kif inhu magħruf, fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li għandha, fis-sens tal-Artikolu 6 TUE, l-istess valur ġuridiku tat-Trattati (14).

36.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 89/665 hija kkaratterizzata, b’mod ġenerali, minn tendenza ċara u evidenti favur id-dritt ta’ azzjoni ġudizzjarja. Hija tindika livell minimu ta’ protezzjoni ġudizzjarja li għandu jiġi rrikonoxxut, biex b’hekk pereżempju l-Istati Membri jkunu jistgħu jiggarantixxu, kif ingħad iktar ’il fuq, id-dritt għal azzjoni lil firxa ta’ persuni iktar wiesgħa minn dak li tipprovdi d-Direttiva. Mill-bqija dan jidher evidenti diġà meta jinqara t-test, li fl-Artikolu 1 jipprovdi li l-possibbiltà ta’ dritt ta’ azzjoni għandha tiżgura “ta’ l-anqas” lil dawk il-persuni li ntlaqtu minn miżura sfavorevoli (15).

37.      F’dan il-każ, ma hemmx dubju dwar il-fatt li d-destinatarju tal-att ikkontestat huwa l-konsorzju fl-intier tiegħu, l-istess kif kienu l-assoċjazzjonijiet temporanji fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati iktar ’il fuq. Madankollu, bl-istess mod, ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-kumpannija Evropaïki Dynamiki, bħala membru ta’ dan il-konsorzju, għandha interess prattiku li tikseb l-annullament ta’ att li, fil-fehma tagħha, ikkawża illegalment ħsara lill-konsorzju li hija kienet parti minnu.

38.      Issa, fin-nuqqas ta’ limitu espliċitu għad-dritt għal azzjoni, naħseb li dan id-dritt għandu jiġi rrikonoxxut, minbarra lill-konsorzju bħala tali, anki lill-impriżi individwali parteċipanti tiegħu. Li kieku l-leġiżlatur iddeċieda li jirriżerva d-dritt għal rikors, fil-każ tas-sejħiet għal offerti mnedija minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, għall-konsorzju biss fl-intier tiegħu, huwa kellu jagħmel dan b’mod espliċitu. Peress li dan ma sarx, għandu jipprevali l-prinċipju favur it-teħid ta’ azzjoni.

39.      Mill-bqija, fid-digriet iċċitat iktar ’il fuq mogħti fil-kawża Consorzio Elisoccorso San Raffaele, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li regola nazzjonali li tħalli r-rikors għal annullament individwali mill-membri individwali ta’ konsorzju, mhux talli ma hijiex kuntrarja għad-Direttiva, iżda talli tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha (16).

40.      Lanqas ma għandu jiġi ttraskurat il-fatt li, fil-każ inkwistjoni, jidher li l-konsorzju ma kellux personalità ġuridika. F’dan il-kuntest, id-dritt għal rikors individwali tal-kumpanniji membri tal-konsorzju jista’ jissaħħaħ bin-natura “trasparenti” tal-konsorzju (17).

41.      Ma nasħibx li għandha tintlaqa’ l-oġġezzjoni tal-BĊE, jiġifieri li jekk jiġi rrikonoxxut dritt għal rikors individwali lill-membri ta’ konsorzju dan se jġib miegħu riskju inaċċettabbli ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji kunfliġġenti. Fil-fatt huwa inerenti fin-natura stess ta’ kwalunkwe sitwazzjoni ġuridika r-riskju li b’relazzjoni għaliha jista’ jkun hemm diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji, eventwalment anki f’sens differenti. Barra minn hekk, fl-ispirtu tad-Direttiva 89/665, l-għan prinċipali huwa dak li, fl-ikbar numru ta’ każijiet possibbli, ikun jista’ jinkiseb l-annullament tal-proċeduri irregolari: dan l-għan, b’mod ġenerali, jidher moqdi aħjar b’interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal rikors, iktar milli b’waħda restrittiva.

42.      Wieħed lanqas ma jista’ jistrieħ, fil-fehma tiegħi, fuq il-fatt li xi parteċipanti fil-konsorzju jista’ ma jkollhomx iktar interess ġuridiku, biex b’hekk l-ammissjoni ta’ rikors individwali ta’ impriża tista’ twassal għar-riskju li jingħata bidu għal proċedura li ma (għadhiex) tikkorrispondi għall-interessi tal-impriżi l-oħrajn membri tal-konsorzju. Oġġezzjoni simili diġà nċaħdet mill-Qorti tal-Ġustizzja (18), u jkun xi jkun il-każ, din tista’ tintuża anki f’sens oppost għal dak imsemmi mill-BĊE. Jekk fil-fatt, in-nuqqas ta’ qbil min-naħa ta’ membru wieħed tal-konsorzju dwar it-teħid ta’ azzjoni jista’ jorbot anki lill-membri l-oħra kollha tal-konsorzju, dan iwitti t-triq għall-possibbiltà ta’ abbużi, peress li l-offerent rebbieħ ta’ sejħa għal offerti jista’ dejjem iwaqqaf it-teħid ta’ azzjoni billi jagħmel mod li tal-anqas membru wieħed tal-konsorzji kompetituri ma jkollux iktar interess li jieħu azzjoni: dan, pereżempju, b’konsegwenza għall-offerta ta’ subkuntratt min-naħa tal-offerent rebbieħ.

43.      Fl-aħħar nett, anki jekk il-mandat mogħti lil Evropaïki Dynamiki mill-konsorzju E2Bank għandu jiġi interpretat bħala li huwa validu biss għall-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, xorta għandu jiġi rrikonoxxut lill-appellanti l-kapaċità li tieħu azzjoni b’mod awtonomu kontra deċiżjoni dwar il-konsorzju li hija tagħmel parti minnu.

44.      Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.

VI – Dwar il-mertu

45.      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti qed tressaq erba’ aggravji, relatati rispettivament mal-ksur tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, mal-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ interess ġuridiku, mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tax-xogħol temporanju u mal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-punti li ġejjin biħsiebni niddiskuti l-aggravji fl-ordni li jidhirli li huwa l-iktar wieħed xieraq biex niżviluppa b’mod loġiku l-argumenti tiegħi: b’mod partikolari, it-tielet aggravju għandu jiġi eżaminat qabel it-tieni wieħed.

A –    Dwar l-ewwel aggravju, li huwa dwar il-ksur tal-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

1.      L-argumenti tal-partijiet

46.      Bl-ewwel aggravju, Evropaïki Dynamiki ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha meta kkunsidrat bħala ammissibbli l-oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-BĊE, minkejja li din ma tressqitx b’att separat.

47.      Il-BĊE jikkunsidra l-aggravju infondat, peress li l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jimponi li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha titressaq permezz ta’ att separat biss jekk issir talba lill-Qorti Ġenerali biex tagħti deċiżjoni dwar dan l-aspett separatament minn dak fuq il-mertu tal-kawża.

2.      Kunsiderazzjonijiet

48.      Qabel xejn, wieħed irid jistaqsi jekk l-aggravju huwiex ammissibbli. Fil-fatt, huwa ma għandux l-għan li jikseb modifika fid-dispożittiv tad-digriet appellat: mil-lat prattiku, fil-fatt, li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tinċaħad, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, jew li tiġi ddikjarata inammissibbli, kif l-appellanti ssostni li missu sar, ikollha l-istess riżultat.

49.      Fis-sentenza Franza vs Comafrica et, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li lil min il-Qorti Ġenerali ċaħditlu eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jista’ jappella minn dik il-parti tas-sentenza anki jekk jikseb raġun fuq il-mertu (19). Madankollu, f’dan il-każ, il-parti li qed titlob li tiġi mmodifikata l-parti tad-digriet relatata mal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex il-parti li kienet ressqitha (il-BĊE), imma l-appellanti, li fil-fehma tagħha, l-eċċezzjoni missha ġiet iddikjarata inammissibbli.

50.      Issa, mill-perspettiva tal-appellanti, jidhirli li l-fatt li eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi ddikjarata inammissibbli huwa ekwivalenti għal li tinċaħad. Jekk fil-fatt jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ kawża waħda, il-kwistjoni tal-ammissibbiltà u dik tal-mertu jkunu s-suġġett ta’ żewġ deċiżjonijiet separati, jidher ċar kif is-sitwazzjoni attwali u dik tas-sentenza Franza vs Comafrica et, iċċitata fil-punt preċedenti, huma differenti. Tabilħaqq, filwaqt li f’dik is-sentenza l-appell kellu l-għan li jaqleb id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà (rikors iddikjarat inammissibbli, minflok ma nċaħad fuq il-mertu), fil-każ attwali d-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà xorta tibqa’ l-istess (eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà miċħuda għaliex inammissibbli, minflok għaliex infondata). Fi kliem ieħor, il-possibbiltà li l-aggravju inkwistjoni jintlaqa’ xorta ma hijiex se tbiddel il-fatt li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tinċaħad.

51.      Għaldaqstant, naħseb li l-appellanti ma tistax b’mod effettiv tinvoka l-ewwel aggravju tagħha. B’mod partikolari, jidhirli li din is-sitwazzjoni sa ċertu punt hija simili għal dik fejn persuna li rebħet kawża fuq il-mertu tikkontesta l-fatt li l-qorti tal-prim’istanza naqset milli tagħti deċiżjoni dwar eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha. Huwa magħruf li, f’każijiet bħal dawn, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma taċċettax li jkun hemm interess ġuridiku (20). Dan minħabba li, tabilħaqq, ma kienx hemm deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà li tista’ tinqaleb. F’dan il-każ huwa minnu li ngħatat deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà, imma ma talbitx sabiex din tinqaleb. Jista’ jikkontestaha biss min ħareġ tellief fir-rigward ta’ dan l-aspett, jiġifieri l-BĊE.

52.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

53.      Ikun xi jkun il-każ, irrispettivament mill-ammissibbiltà tiegħu, l-aggravju huwa infondat. Għandu jiġi osservat, fil-fatt, li l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-istess bħall-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jimponix li kull eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi ppreżentata b’att separat. Anzi, il-preżentata b’att separat hija neċessarja, kif jirriżulta b’mod ċar mir-regola, biss f’każ li l-parti li qed tagħmel il-preżentata biħsiebha titlob lill-qorti biex tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà “mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża”. Inċidentalment, dan huwa rifless fil-prassi kemm tal-Qorti Ġenerali kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn huma spissi l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà inklużi fl-atti li l-partijiet ikunu pproċedew bħala difiża, maħsuba sabiex jiġu ttrattati flimkien mal-mertu tal-kawżi.

54.      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju tar-rikors għandu jinċaħad.

B –    Dwar it-tielet aggravju, li huwa dwar l-obbligu tal-pussess tal-awtorizzazzjoni biex ikunu pprovduti ħaddiema temporanji

1.      L-argumenti tal-partijiet

55.      Bit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat qieset validu l-obbligu impost mill-BĊE fuq il-partijiet kontraenti li jkollhom jew li jiksbu l-awtorizzazzjoni prevista mid-dritt Ġermaniż għall-provvista ta’ ħaddiema temporanji. L-appellanti tafferma li, fil-fatt, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma timponi l-ebda formalità ta’ din ix-xorta f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni. L-appellanti diġà kkonkludiet kuntratti oħrajn mal-istess BĊE, u qatt qabel ma imponewlha li tikseb l-awtorizzazzjoni.

56.      Min-naħa tiegħu, il-BĊE qed isostni li parti mis-servizzi li għandhom jiġu pprovduti sabiex jimplementa l-kuntratt jaqgħu b’mod ċar fil-kuntest ta’ applikazzjoni tal-AÜG, bil-konsegwenza tal-obbligu, li jkollu l-awtorizzazzjoni għal min jipprovdi ħaddiema temporanji. Il-Qorti Ġenerali, għaldaqstant, ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi f’dan ir-rigward.

2.      Kunsiderazzjonijiet

a)      Dwar l-ammissibbiltà tal-aggravju

57.      Minkejja li l-partijiet ma semmewx dan l-aspett, qabel xejn wieħed għandu jistaqsi jekk l-aggravju, li essenzjalment jirrepeti t-tmien motiv imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, huwiex ammissibbli.

58.      Hawnhekk mhux qed nirreferi għall-inammissibbiltà li, skont id-difiża tal-BĊE fl-ewwel istanza, ikkaratterizzat ir-rikors kollu tal-appellanti minħabba li din tal-aħħar ma kellhiex l-awtorizzazzjoni. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq, din l-eċċezzjoni nċaħdet ġustament mill-Qorti Ġenerali.

59.      L-inammissibbiltà li għandha tiġi diskussa hawnhekk minflok speċifikament dwar l-aggravju relatat mal-obbligu tal-pussess tal-awtorizzazzjoni, u ġejja mill-fatt, li kif jirriżulta b’mod ċar u mingħajr ma ġie kkontestat mill-partijiet, l-appellanti ma ġietx eskluża mis-sejħa għal offerti minħabba li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni. Kif deher ċar mir-rikostruzzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża, fil-fatt, il-konsorzju li kienet tagħmel parti minnu Evropaïki Dynamiki qatt ma kien eskluż mill-proċedura minħabba li ma kellux ir-rekwiżiti neċessarji, peress li l-pussess tal-awtorizzazzjoni kien se jeħtieġ biss fil-mument tal-iffirmar possibbli tal-kuntratt mal-BĊE. Anzi, dak li ġara huwa li, wara l-ewwel fażi ta’ għażla tal-kandidati, li fiha l-appellanti ġiet ammessa, l-offerta tagħha ma ġietx ikkunsidrata bħala waħda mill-aħjar tlieta li ġew ammessi għall-fażi finali tal-għażla.

60.      B’hekk, il-Qorti Ġenerali setgħet ikkunsidrat li, peress li l-klawżoli tas-sejħa għal offerti li imponew il-pussess tal-awtorizzazzjoni ma kienu kkawżaw l-ebda dannu prattiku lill-appellanti, hija ma kellha l-ebda interess li tikkontestahom. F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti tal-Unjoni tista’ tivverifika anki ex officio l-eżistenza ta’ interess ġuridiku (21).

61.      Madankollu, nikkunsidra li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-għażla tal-Qorti Ġenerali li tittratta l-mertu tal-motiv kienet waħda korretta. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li dikjarazzjoni possibbli ta’ inammissibbiltà tat-tmien motiv tar-rikors imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali xorta kien se jkollha r-riżultat li twassal għad-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà tal-ewwel seba’ motivi, peress li l-appellanti kienet indikat fir-rikors tagħha li ma setgħetx tikseb l-awtorizzazzjoni biex tipprovdi ħaddiema temporanji. Fi kliem ieħor, inħolqot is-sitwazzjoni paradossali fejn ċerti motivi (l-ewwel sebgħa) ġew iddikjarati inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ rekwiżit li l-obbligu tiegħu, is-suġġett tat-tmien motiv, ma setax jiġi kkontestat għaliex tabilħaqq ma kien ikkawża l-ebda ħsara lill-appellanti.

62.      Għaldaqstant, minkejja li l-konsorzju li tiegħu kienet tagħmel parti Evropaïki Dynamiki ma ġiex eskluż minħabba li ma wettaqx l-obbligu li jikseb l-awtorizzazzjoni, il-Qorti Ġenerali għamlet sewwa li eżaminat il-mertu tat-tmien motiv. Mill-bqija huwa relattivament frekwenti l-każ fejn il-qorti tal-Unjoni, minflok ma tikkunsidra l-ammissibbiltà, tiċħad direttament motiv fuq il-mertu (22).

b)      Dwar il-mertu tal-aggravju

63.      Minkejja li l-kwistjoni ma ġietx diskussa mill-partijiet b’mod espliċitu u ddettaljat, l-eżami tal-mertu tat-tielet aggravju jimponi li jiġu żviluppati ċerti kunsiderazzjonijiet dwar it-tip ta’ stħarriġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħmel, b’mod ġenerali, dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-qofol ta’ dan l-aggravju fil-fatt qiegħed, kif ingħad iktar ’il fuq, f’kunflitt fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-provvista ta’ ħaddiema temporanji.

i)      B’mod ġenerali, dwar id-dritt nazzjonali quddiem il-qorti tal-Unjoni

64.      Is-settur tal-kuntratti mniedi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaqa’ mingħajr dubju fost l-oqsma fejn huwa iktar faċli li jiġi osservat taħlit bejn id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet nazzjonali. B’mod ġenerali, fil-fatt, fis-sejħiet għal offerti mnedija mill-istituzzjonijiet ta’ spiss ikunu previsti klawżoli dwar l-osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat fejn għandhom jitwettqu l-attivitajiet li huma s-suġġett tal-kuntratt (23). Sakemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew tal-protokolli annessi magħhom ma jipprovdux eċċezzjonijiet jew regoli partikolari, ma jidhirx kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jevitaw milli japplikaw ir-regoli fis-seħħ fl-imkejjen fejn joperaw. Jista’ anki jiġi osservat li r-regolament ta’ implementazzjoni (li għandu jitfakkar li ma huwiex applikabbli għal dan il-każ), kif ġie emendat bir-Regolament Nru 478/2007 (24), fl-Artikolu 130(4)(ċ) jipprovdi li “meta l-awtoritajiet kontraenti jkunu l-istituzzjonijiet, fir-rigward tal-kuntratt għandu jiġi applikat id-dritt Komunitarju, jekk jeħtieġ integrat mad-dritt nazzjonali msemmi fl-istess kuntratt” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (25).

65.      Il-kuntratt li l-offerent rebbieħ kien jikkonkludi mal-BĊE fil-każ inkwistjoni kien jinkludi żewġ tipi ta’ attivitajiet manifestament distinti. Waħda minnhom kienet provvista klassika ta’ servizzi ta’ konsulenza u ta’ żvilupp; madankollu, l-oħra kienet dwar il-provvista ta’ persunal, maħsub sabiex jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-BĊE, abbażi tal-ħtiġijiet speċifiċi murija kull darba minn dan tal-aħħar, sabiex iwettaq attivitajiet ta’ ħidma fis-sede tiegħu. Il-ħtieġa tal-pussess tal-awtorizzazzjoni prevista mill-AÜG tintrabat, naturalment, ma’ dan it-tieni tip ta’ attività.

66.      L-eżami tal-aggravju għalhekk jimponi li l-qorti tal-Unjoni, sa ċertu punt, tinterpreta dritt nazzjonali, f’dan il-każ dak Ġermaniż. U ma hemmx dubji dwar il-fatt li sitwazzjoni bħal din hija pjuttost delikata. Mill-bidu nett, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat b’mod ċar li d-dmir tagħha kien li tinterpreta d-dritt Komunitarju, mhux dak nazzjonali (26). Barra minn hekk, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi, b’mod espliċitu fl-Artikolu 58, li l-appell mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jirrigwarda, minbarra l-irregolaritajiet ta’ kompetenza u ta’ proċedura, il-“ksur tad-dritt ta’ l-Unjoni mill-Qorti Ġenerali”. Min-naħa l-oħra, madankollu, il-fatt stess li proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija minn istituzzjoni tista’ tinkludi riferiment għad-dritt nazzjonali jagħmel inevitabbli li l-qrati tal-Unjoni jiġu “f’kuntatt” miegħu. Barra minn hekk, din hija sitwazzjoni fejn il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tapplika d-dritt nazzjonali, imma biss tivverifika l-interpretazzjoni li tingħatalu minn istituzzjoni tal-Unjoni, f’fażi (dik tal-proċedura amministrattiva għall-għoti ta’ kuntratti) fejn il-qrati nazzjonali ma għandhomx il-possibbiltà li jintervjenu. F’każijiet bħal dawn, kif għandha taġixxi l-qorti tal-Unjoni (27)?

67.      Soluzzjoni possibbli għall-problema hija dik li tinsab f’ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, li hija riflessa sa ċertu punt anki fis-sentenza appellata, jiġifieri li l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni ma jkoprix l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali per se, imma kull ma jagħmel huwa li jivverifika l-fatt li l-istituzzjoni kkonċernata ma tkunx wettqet żbalji gravi u manifesti fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġ li jiġu osservati sabiex jimplementa l-kuntratt (28). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma jidhirlix li hija għalkollox konvinċenti, peress li tista’ tagħmel ċerti partijiet mill-prassi amministrattiva tal-istituzzjonijiet Komunitarji għall-inqas parzjalment eżenti mill-istħarriġ ġudizzjarju.

68.      Għandu jiġi osservat ukoll li, b’mod ġenerali, il-qorti tal-Unjoni ta’ spiss tintalab tinterpreta d-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru.

69.      L-ewwel nett, dan iseħħ, kif inhu ovvju, fil-każ ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jinvolvu evalwazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa ta’ regola nazzjonali. F’każijiet bħal dawn, huwa evidenti li tali regola nazzjonali għandha tiġi evalwata, u b’hekk interpretata.

70.      It-tieni nett, l-Artikolu 272 TFUE, li jikkorrispondi għall-Artikolu 238 KE preċedenti, jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi “bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha”. F’dawn il-każijiet, huwa għalkollox normali li l-qorti tal-Unjoni tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli, eventwalment billi tieħu inkunsiderazzjoni anki l-ġurisprudenza nazzjonali relatata miegħu (29).

71.      Fil-każ inkwistjoni, is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju huwa att li ġie adottat minn istituzzjoni tal-Unjoni. F’dan il-kuntest nikkunsidra li, minkejja bil-kawteli kollha meħtieġa, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tastjeni mill-obbligu li teżamina l-atti amministrattivi kollha li jkunu suġġetti għall-istħarriġ tagħha, inklużi dawk fosthom fejn saret evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali.

72.      B’mod partikolari, naħseb li jkun simplistiku li jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li ssir mill-istituzzjonijiet tista’ tistħarreġ mill-qorti tal-Unjoni biss biex tkun ivverifikata l-preżenza possibbli ta’ żnaturament jew ta’ żball manifest. Fil-fehma tiegħi, jekk id-dritt nazzjonali ġie “inkorporat” minn istituzzjoni f’att ġuridiku tagħha, dan id-dritt nazzjonali jsir parti mill-kuntest ġuridiku li l-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha.

73.      Dan ma jivvizzjax il-prinċipju li l-interpretu naturali tad-dritt nazzjonali hija ovvjament il-qorti nazzjonali. Din l-ispeċi ta’ “inkorporazzjoni” tad-dritt nazzjonali fid-dritt tal-Unjoni li ddeskrivejt fil-punt preċedenti tgħaddi mill-inklużjoni tiegħu f’att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp ieħor tal-Unjoni, u għalhekk tapplika biss għall-każ speċifiku, bla ebda possibbiltà ta’ ġeneralizzazzjoni. Barra minn hekk, kif diġà osservajt, hawn hekk is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni ma huwiex id-dritt nazzjonali per se, imma biss att ġuridiku ta’ korp tal-Unjoni li jinkludi fih evalwazzjoni/interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali.

74.      Barra minn hekk, fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali, il-qorti tal-Unjoni għandha dejjem iżżomm quddiem għajnejha l-mod li bih dan id-dritt huwa interpretat u applikat mill-qrati tal-Istat Membru li ta’ dan id-dritt huwa l-awtur (30).

75.      Fil-fehma tiegħi, li ma jiġix permess l-istħarriġ tal-interpretazzjoni li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jagħtu lid-dritt nazzjonali jwassal għar-riskju li jikkomprometti anki d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni llum stabbilit anki mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (31).

76.      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali aġixxiet b’mod korrett meta eżaminat b’mod iddettaljat il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikata mill-BĊE, billi ħadet ukoll inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza nazzjonali f’dan il-qasam.

ii)    Dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Ġermaniż mill-Qorti Ġenerali

77.      F’dan il-każ, nikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-kuntest ġuridiku Ġermaniż li tat il-Qorti Ġenerali hija konvinċenti, u li l-argumenti użati kontriha mill-appellanti ma jistgħux jintlaqgħu.

78.      Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-provvista tal-ħaddiema, kif ġiet interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, timponi l-pussess tal-awtorizzazzjoni, b’differenza għal dak li sostniet l-appellanti, kemm minn naħa tal-persuni li għalihom il-provvista tal-ħaddiema ma hijiex l-attività prinċipali (32), kif ukoll min-naħa tal-persuni stabbiliti barra mill-pajjiż li jipprovdu ħaddiema fil-Ġermanja, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedi l-ebda eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, u dan ma jistax ma jiġix innotat, dan huwa konformi mal-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, minħabba d-delikatezza tal-qasam tal-provvista tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ din l-attività fit-territorju tagħhom għall-pussess ta’ awtorizzazzjoni nazzjonali speċifika (33).

79.      Min-naħa l-oħra, li kieku l-appellanti wriet li kellha r-rekwiżiti sabiex tipprovdi l-ħaddiema skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, u b’mod partikolari tal-Istat ta’ stabbiliment tagħha (setgħet tkun jew awtorizzazzjoni espliċita jew inkella awtorizzazzjoni rrikonoxxuta b’mod impliċitu lill-operaturi ekonomiċi kollha ta’ dak l-Istat), u li kieku sostniet ukoll l-ekwivalenza ta’ dawn ir-rekwiżiti għal dawk imposti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt preċedenti, il-BĊE eventwalment seta’ anki jqajjem il-problema tal-aċċettabbiltà jew le tal-offerta tagħha anki fin-nuqqas tal-awtorizzazzjoni prevista mid-dritt Ġermaniż. L-appellanti, madankollu, ipprovdiet biss indikazzjonijiet ġeneriċi, u fil-fatt ċaħdet ukoll li kellha l-awtorizzazzjoni prevista mid-dritt Grieg.

80.      Min-naħa l-oħra, anki jekk wieħed irid jammetti l-eżistenza ta’ dubji interpretattivi dwar il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, l-għażla tal-BĊE li jintalab il-pussess tal-awtorizzazzjoni xorta ma għandhiex għalfejn tiġi kkritikata. Li kieku, fil-fatt, ikun hemm anki possibbiltà waħda li l-amministrazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tikkunsidra l-attività li għandha titwettaq bħala suġġetta għall-obbligu tal-awtorizzazzjoni, l-aġir tal-istituzzjoni tal-Unjoni li timponi l-pussess tagħha fuq il-kompetituri tas-sejħa għal offerti relatata, fil-fehma tiegħi, ikun wieħed prudenti u għalkollox kompatibbli mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

81.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, kif anki enfasizzat korrettament il-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, il-fatt li l-appellanti diġà ngħatat kuntratti fil-Ġermanja mingħajr ma qatt kellha tikseb l-awtorizzazzjoni huwa għalkollox irrilevanti. Min-naħa l-waħda, kif ingħad iktar ’il fuq, l-awtorizzazzjoni meħtieġa biss sabiex ikunu pprovduti l-ħaddiema, u mhux għas-sempliċi provvista ta’ servizzi, li bla ebda dubju hija l-iktar attività komuni ta’ impriża bħall-appellanti. It-tieni nett, il-fatt li ċerti kuntratti preċedenti setgħu ngħataw mingħajr ma eventwalment ġiet osservata l-liġi żgur li ma jeżentax lill-BĊE milli josservaha.

82.      Għaldaqstant, nikkunsidra, filwaqt li ntemm din il-parti tar-raġunament tiegħi, li anki t-tielet aggravju tal-appellanti għandu jinċaħad.

C –    Dwar it-tieni aggravju, li huwa dwar l-eżistenza ta’ interess ġuridiku tal-appellanti anki wara ċ-ċaħda tat-tmien motiv min-naħa tal-Qorti Ġenerali

1.      L-argumenti tal-partijiet

83.      Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina l-ewwel seba’ motivi tar-rikors anki wara li ċaħdet it-tmien wieħed, u li ma kellhiex tikkunsidra li kien hemm nuqqas ta’ interess ġuridiku. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li l-kunċett ta’ interess ġuridiku għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. L-istess Direttiva ta’ reviżjoni tikkonferma dan l-approċċ.

84.      L-appellanti ssostni wkoll (34) li, anki jekk jiġi aċċettat li t-tmien motiv kellu jinċaħad, u għalhekk il-legalità tar-rekwiżit tal-awtorizzazzjoni tiġi kkonfermata, l-awtorizzazzjoni stess setgħet tinkiseb, minflok mill-appellanti, minn kumpannija sussidjarja tagħha stabbilita fil-Ġermanja.

85.      Min-naħa tiegħu, il-BĊE isostni l-korrettezza tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali. Kemm l-analiżi tal-leġiżlazzjoni kif ukoll dik tal-ġurisprudenza juru li, f’każ bħal dan inkwistjoni, l-appellanti ma kellhiex iktar interess ġuridiku ladarba nċaħad it-tmien motiv tar-rikors, peress li hija stess irrikonoxxiet li ma kellhiex u li ma setgħetx tikseb l-awtorizzazzjoni mitluba.

2.      Kunsiderazzjonijiet

86.      Fil-fehma tiegħi, għandu jiġi osservat mill-ewwel li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod korrett li, f’każ li t-tmien motiv jinċaħad, ma kienx hemm iktar il-ħtieġa li s-sebgħa l-oħra jitwieġbu. Kif fil-fatt ġie osservat fid-digriet appellat, il-ġurisprudenza hija stabbilita f’dan ir-rigward. Meta nċaħad it-tmien motiv, u b’hekk ġie kkonfermat l-obbligu tal-pussess tal-awtorizzazzjoni biex ikun konkluż il-kuntratt, l-appellanti ma kellhiex iktar il-possibbiltà li tikseb sodisfazzjon permezz tal-azzjoni ġudizzjarja tagħha stess (35).

87.      Madankollu, wieħed jista’ jistaqsi jekk, f’każ bħal dan inkwistjoni, iktar milli l-inammissibbiltà tal-ewwel seba’ motivi minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku ma jkunx iktar korrett li wieħed jitkellem dwar in-natura ineffettiva tagħhom. Fil-fatt, b’mod ġenerali, skont il-ġurisprudenza, il-motiv li, anki jekk jintlaqa’, ma jistax iwassal għall-eżitu li jixtieq ir-rikorrent huwa ineffettiv. In-natura ineffettiva ta’ motiv hija indipendenti mill-ammissibbiltà tiegħu (36).

88.      Madankollu, nikkunsidra li l-kwalifika tal-ewwel seba’ motivi bħala inammissibbli hawn hekk hija preferibbli għal dik li tikkunsidrahom ineffettivi. Fil-fatt, b’mod ġenerali, in-natura ineffettiva ta’ motiv hija l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ ħila tiegħu li jimmodifika l-att ikkontestat. Tipikament, ikun ineffettiv motiv li jikkritika aspett ta’ att, pereżempju parti mill-motivazzjoni, fil-każijiet fejn l-att jista’ jkun leġittimament ibbażat anki biss fuq aspetti oħrajn, pereżempju partijiet oħrajn tal-motivazzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, l-ewwel seba’ motivi, li kieku ntlaqgħu, setgħu anki jwasslu għall-annullament tal-att, u għas-sostituzzjoni tiegħu b’att li anki fih kontenut differenti: f’kull każ, madankollu, in-nuqqas tal-awtorizzazzjoni kien ikollha l-konsegwenza li fl-ebda każ l-appellanti ma setgħet tingħata l-kuntratt. Fi kliem ieħor, l-inutilità li jiġu eżaminati l-ewwel seba’ motivi ma hijiex ġejja min-natura tal-motivi per se, iżda mis-sitwazzjoni speċifika u individwali tal-appellanti.

89.      Min-naħa l-oħra, anki jekk l-ewwel seba’ motivi kellhom jiġu kklassifikati bħala ineffettivi minflok bħala inammissibbli, it-tieni aggravju xorta għandu jinċaħad. Tabilħaqq, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, “jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġenerali juru ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi ta’ dritt oħra, l-appell għandu jinċaħad” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (37). Fi kliem ieħor, anki li kieku l-ewwel seba’ motivi kellhom jiġu ddikjarati ineffettivi, kull ma tista’ tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li twettaq sostituzzjoni tal-motivi.

90.      L-argument tal-appellanti, jiġifieri li hija kien għad kellha interess fir-rigward tal-ewwel seba’ motivi peress li xorta setgħet tikseb l-awtorizzazzjoni prevista, eventwalment billi tistabbilixxi kumpannija sussidjarja fit-territorju Ġermaniż, ma jistax jintlaqa’.

91.      F’dan ir-rigward, fil-fatt għandu jiġi osservat li, fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti kienet iddeskriviet b’mod ċar sitwazzjoni fejn kien assolutament impossibbli li tikseb l-awtorizzazzjoni. Fl-ebda punt ta’ dan ir-rikors, l-appellanti ma kienet indikat li hija xorta setgħet tikseb id-dokument inkwistjoni jew li l-membru l-ieħor tal-konsorzju seta’ jagħmel dan. Anzi, ir-rikors kien jindika li l-awtorizzazzjoni ma setgħetx tinkiseb. Ma huwiex possibbli li l-Qorti Ġenerali tiġi kkritikata għaliex ittrattat motiv hekk kif ressqitu l-appellanti, li għandha l-oneru li tressaq l-argumenti tagħha b’mod diliġenti u korrett.

92.      Konsegwentement, anki t-tieni aggravju għandu jinċaħad.

D –    Dwar ir-raba’ aggravju, li huwa dwar ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

93.      Ir-raba’ aggravju tal-appellant huwa intitolat “Nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-awtorità kontraenti [Artikolu 253 KE, Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/50, Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, Artikolu 149(2) tar-regolament ta’ implementazzjoni]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fih, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett, fil-każ inkwistjoni, ir-regoli dwar mal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-atti tal-Unjoni, b’mod partikolari b’riferiment għall-fatt li l-BĊE ma pprovdiex lill-appellanti informazzjoni biżżejjed dwar id-deċiżjoni li ma jikkunsidrax l-offerta tagħha bħala l-iktar waħda xierqa.

94.      L-aggravju, spjegat ferm fil-qosor mill-appellanti, fil-fehma tiegħi għandu jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli.

95.      L-ewwel nett, ma huwiex ċar liema parti mid-digriet appellat qed tiġi kkritikata. Kif ingħad iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ttrattat biss il-motiv dwar l-obbligu li tinkiseb l-awtorizzazzjoni biex ikunu pprovduti ħaddiema mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi, biex imbagħad ikkunsidrat bħala inammissibbli l-motivi l-oħra tar-rikors. Il-kwistjoni tan-natura biżżejjed jew mhux biżżejjed tal-informazzjoni pprovduta mill-BĊE lill-appellanti ma kinitx ittrattata – ġustament – mill-Qorti Ġenerali.

96.      It-tieni nett, ir-rikors ġie spjegat tant fil-qosor u b’mod tant konfuż, fejn indika wkoll sensiela sħiħa ta’ regoli li, kif ingħad iktar ’il fuq, ma humiex applikabbli f’dan il-każ, li huwa ma jilħaqx, fil-fehma tiegħi, il-kriterji minimi biex il-Qorti tal-Ġustizzju tkun tista’ tifhmu u tagħti deċiżjoni dwaru. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi indikazzjoni astratta ta’ motiv ta’ rikors, mingħajr ma tissaħħaħ minn indikazzjoni iktar preċiża, ma tistax tkun biżżejjed biex jitwettaq l-obbligu li r-rikors jiġi mmotivat (38).

97.      Min-naħa l-oħra, jekk minħabba finijiet ta’ premura l-motiv jiġi interpretat fis-sens li huwa jikkritika l-għażla tal-Qorti Ġenerali li ma weġbitx għal ċerti argumenti sostnuti mill-appellanti fl-ewwel istanza (qed nirreferi, b’mod partikolari, għall-ħames motiv tar-rikors, li jidher tal-anqas parzjalment simili), ikun biżżejjed li jsir riferiment għal dak li osservajt iktar ’il fuq dwar it-trattament min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-ewwel seba’ motivi tar-rikors oriġinali (39). Kif ingħad iktar ’il fuq, l-għażla tal-Qorti Ġenerali li ma teżaminahomx fuq il-mertu kienet waħda korretta.

98.      Fl-aħħar nett, lanqas ir-raba’ aggravju ma għandu jintlaqa’.

VII – Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssemmew iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2 – Ġabra p. II-99*.


3 – Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).


4 – Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145).


5 – ĠU S 137, avviż Nru 2005/S 137-135354.


6 – Fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż, it-titolu tal-avviż jirreferi għal “provision of IT consultancy and IT development services”.


7 – ĠU S 154, avviż Nru 2005/S 154-153356.


8 – Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1 , p. 246).


9 – Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Espace Trianon u Sofibail (C-129/04, Ġabra p. I‑7805, punt 26).


10 – Digriet tal-4 ta’ Ottubru 2007, Consorzio Elisoccorso San Raffaele (C‑492/06, Ġabra p. I‑8189, punt 31).


11 – Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Santex (C-327/00, Ġabra p. I-1877, punt 47).


12 – Sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Club Hotel Loutraki et (C-145/08 u C-149/08, Ġabra p. I‑4165, punt 80).


13 – Dwar in-natura tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal eżempju ta’ applikazzjoni tal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 89/665 għal kuntest li fih, bħala tali, ma kinitx applikabbli, ara s-sentenza Club Hotel Loutraki et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punti 69 sa 74).


14 – Ara pereżempju, għal applikazzjoni tal-Karta fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni l-ġdida tagħha, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke (C-92/09 u C-93/09, Ġabra p. I‑0000, punti 45 et seq).


15 – Għandu jiġi nnotat li l-verżjoni bit-Taljan tad-direttiva, wara l-emendi li saru bid-Direttiva 2007/66/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 335, p. 31), fl-Artikolu 1(3) ma tinkludix iktar il-frażi “ta’ l-anqas”. Jidher, madankollu, li dan huwa żball fl-abbozzar, kif jikkonferma l-paragun mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, fejn il-frażi baqgħet hemm. Dwar l-interpretazzjoni ta’ testi ġuridiċi tal-Unjoni, fil-każ ta’ verżjoni lingwistika waħda li ma taqbilx mal-oħrajn, ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Cricket St. Thomas (C-372/88, Ġabra p. I-1345, punt 18), u tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien (C-455/05, Ġabra p. I-3225, punt 19).


16 – Digriet Consorzio Elisoccorso San Raffaele, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 30).


17 – Dawn huwa r-raġunament li segwiet il-Qorti Ġenerali li, f’każ simili li għal darba oħra hu dwar l-appellanti attwali, ammettiet id-dritt għal rikors individwali: sentenza tad-19 ta’ Marzu 2010, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T-50/05, Ġabra p. II‑1071, punt 40).


18 – Digriet Consorzio Elisoccorso San Raffaele, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 30). F’dik l-okkażjoni, l-oġġezzjoni kienet tressqet mill-Gvern Ċiprijott.


19 – Sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Franza vs Comafrica et (C‑73/97 P, Ġabra p. I‑185). Għad-diskussjoni speċifika tal-kwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo ppreżentati fil-25 ta’ Ġunju 1998 (punti 11 sa 16).


20 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer (C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punt 52); u tat-22 ta’ Novembru 2007, Cofradía de pescadores “San Pedro” de Bermeo et vs Il-Kunsill (C‑6/06 P, Ġabra p. I‑164*, punt 21).


21 – Il-possibbiltà li tqajjem ex officio, wara li tkun semgħet lill-partijiet, l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku hija prevista mill-Artikolu 92(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Minn dan, il-ġurisprudenza ddeduċiet il-possibbiltà li jitqajjem ex officio, fis-sede ta’ appell minn sentenza tal-Qorti Ġenerali, in-nuqqas ta’ interess ġuridiku, kif ukoll li seħħ sussegwentement. Ara s-sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C‑19/93 P, Ġabra p. I‑3319, punt 13); u tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill (C‑535/06 P, Ġabra p. I‑7051, punt 24).


22 – Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 20. Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, Sviluppo Italia Basilicata vs Il-Kummissjoni (C‑414/08 P, Ġabra p. I‑2559, punti 51 u 52).


23 – F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali elaborat ġurisprudenza li tistabbilixxi li “skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-kundizzjonijiet previsti minn sejħa għall-offerti ma jwasslux lill-offerenti potenzjali sabiex jiksru l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-attività tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2000, AICS vs Il-Parlament (T‑139/99, Ġabra p. II‑2849, punt 41). Sa fejn naf jiena, il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa għad ma kellhiex l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar dan il-punt.


24 – Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007, tat-23 ta’ April 2007, li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tal-Kummissjoni li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-eżekuzzjoni tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [ĠU L 56M, p. 337 (MT)].


25 – Enfasi miżjuda. Inċidentalment, għandu jitfakkar li fil-każ inkwistjoni kien previst li, ladarba jingħata l-kuntratt, dan kellu jkun irregolat totalment mid-dritt Ġermaniż, u l-ġurisdizzjoni relatata kellha tkun dik tal-qrati Ġermaniżi.


26 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1960, Präsident et vs L‑Awtorità Għolja (36/59 sa 38/59 u 40/59, Ġabra p. 827, b’mod partikolari p. 859). Għal raġunijiet ovvji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat b’mod partikolari din il-ħtieġa fil-kuntest tal-kawżi relatati ma’ domandi preliminari. Ara, għall-essenzjali, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze (C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27 – Għandu jiġi osservat ukoll li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija pendenti kawża oħra li tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġi ċċarat il-kuntest tas-sitwazzjoni inkwistjoni: is-suġġett prinċipali tal-kawża f’dak il-każ huwa l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tat-trade marks. Din hija l-kawża Edwin vs UAMI (C-263/09 P; ara l-komunikazzjoni tar-rikors ippubblikata fil-ĠU tat-12 ta’ Settembru 2009, C 220, p. 25).


28 – Sentenza tal-Qorti Ġenerali AICS vs Il‑Parlament [iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 (punti 40 sa 42)].


29 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Il‑Kummissjoni vs CO.DE.MI. (Ġabra p. 3693, punt 24).


30 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29.


31 – Ara wkoll iktar ’il fuq, il-punt 12.


32 – Ara s-sentenza tal-Bundesarbeitsgericht tat-8 ta’ Novembru 1978, 5 AZR 261/77.


33 – Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, Ġabra p. 3305, punti 18 sa 21). Barra minn hekk, l-appellanti ċaħdet b’mod espliċitu, fl-osservazzjonijiet tagħha, li qiegħdet f’dubju l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar il-provvista tal-ħaddiema mad-dritt tal-Unjoni.


34 – Dan l-argument ġie żviluppat mill-appellanti fil-kuntest tat-tielet aggravju tagħha, imma mil-lat loġiku jidher iktar marbut mat-tieni wieħed.


35 – Għal każ li jixbah lil dan inkwistjoni, fejn in-nuqqas ta’ interess ġuridiku kien konsegwenza taċ-ċaħda ta’ parti mill-motivi, ara s-sentenza tal-20 ta’ Mejju 1987, Souna vs Il‑Kummissjoni (432/85, Ġabra p. 2229, punt 20).


36 – Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2000, EFMA vs Il‑Kunsill (C‑46/98 P, Ġabra p. I‑7079, punt 38), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il‑Kunsill (C‑76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 52).


37 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il‑Kummissjoni (C‑30/91 P, Ġabra p. I‑3755, punt 28). Ara anki s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il‑Kummissjoni (C-320/92 P, Ġabra p. I‑5697, punt 37).


38 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 113).


39 – Ara iktar ’il fuq, il-punt 86.