Kawża C‑122/10

Konsumentombudsmannen

vs

Ving Sverige AB

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Marknadsdomstolen)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2005/29/KE — Artikoli 2(i) u 7(4) — Komunikazzjoni kummerċjali ppubblikata f’gazzetta — Kunċett ta’ stedina għax-xiri — Prezz inizjali — Informazzjoni li għandha tkun inkluża fl-istedina għax-xiri”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Stedina għax-xiri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikoli 2(i) u 7(4))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Stedina għax-xiri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 2(i))

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Stedina għax-xiri

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 2(i))

4.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Ommissjonijiet qarrieqa

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 7(4)(a))

5.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi — Direttiva 2005/29 — Ommissjonijiet qarrieqa

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/29, Artikolu 7(4)(c))

1.        L-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” fl‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65, u r-Regolament Nru 2006/2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli biex il‑konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, mingħajr il‑ħtieġa li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi wkoll mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz.

Fil-fatt, l‑istedina għax-xiri hija forma partikolari ta’ reklamar li miegħu hemm marbut obbligu elevat ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad‑Direttiva 2005/29. Interpretazzjoni mhux restrittiva tal-kunċett ta’ stedina għax-xiri hija l-unika waħda konsistenti mal-għanijiet ta’ din id-direttiva li, skont l‑Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal‑konsumatur. Għalhekk, l-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” għandha tiġi analizzata mhux bħala li tinvolvi kundizzjoni supplimentari meħtieġa għall-klassifikazzjoni bħala stedina għax-xiri, iżda bħala li tindika l-għan tar-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward tal-karatteristiċi u tal‑prezz tal-prodott hekk li l-konsumatur ikollu informazzjoni biżżejjed biex tippermettilu li jagħmel xirja.

(ara l-punti 28-30, 33 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 2(i) tad Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65, u r-Regolament Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-prezz tal‑prodott tista’ tkun sodisfatta jekk il-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha prezz inizjali, jiġifieri, il-prezz l-iktar baxx li għalih jista’ jinxtara l-prodott jew il‑kategorija ta’ prodotti kkummerċjalizzati, minkejja li huma disponibbli f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut ieħor, bi prezzijiet li ma humiex indikati. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, skont in‑natura u l‑karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz tal-komunikazzjoni kummerċjali użat, jekk riferiment għal prezz inizjali jippermettix lill-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

(ara l-punt 41 u d-dispożittiv 2)

3.        L‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65, u r-Regolament Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa l‑kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott, inkluż f’każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tintuża biex jiġi deskritt prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet.

F’dan ir-rigward, sa fejn l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 jeżiġi li l-karatteristiċi tal‑prodott ikunu indikati, f’mod adegwat għall-mezz użat, il-mezz tal‑komunikazzjoni kummerċjali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Ma jistax ikun meħtieġ l-istess grad ta’ preċiżjoni fid-deskrizzjoni ta’ prodott irrispettivament mill-forma - radjufonika, televiżiva, elettronika jew stampata ‑ li tieħu l‑komunikazzjoni kummerċjali.

Rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tista’ tippermetti lill-konsumatur jifforma opinjoni dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, biex ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, inkluż fil-każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni tiddeskrivi prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal‑prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jekk il-konsumatur għandux biżżejjed informazzjoni biex jidentifika u jiddistingwi l-prodott bil-għan li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

(ara l-punti 45, 46, 49 u d-dispożittiv 3)

4.        L‑Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65, u r-Regolament Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit ikun fih informazzjoni importanti dwar il karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l‑kundizzjonijiet l-oħrajn skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(4)(a) tal-imsemmija Direttiva 2005/29, jirreferi għall-karatteristiċi ewlenin tal-prodott mingħajr, madankollu, ma jiddefinixxi dan il-kunċett jew jipprovdi lista eżawrjenti. Madankollu, huwa ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat u, min-naħa l-oħra, il-prodott ikkonċernat. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id‑direttiva, li jgħid li l-prattika kummerċjali għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali tagħha kif ukoll il‑limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi espressament li sabiex jiġi ddeterminat jekk xi informazzjoni tħallietx barra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ żmien tal-mezz tal-komunikazzjoni użati kif ukoll il-miżuri meħuda mill‑kummerċjant sabiex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall‑konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra.

Għalhekk, il-portata tal-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott li għandha tiġi kkomunikata minn kummerċjant, bħala parti minn stedina għax-xiri, għandha tiġi evalwata skont il-kuntest ta’ din l-istedina, in-natura u l‑karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk is-sempliċi riferiment għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott jippermettix lill‑konsumatur jieħu, b’mod informat, deċiżjoni kummerċjali.

(ara l-punti 52-56, 58, 59 u d-dispożittiv 4)

5.        L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttivi 84/450, 97/7, 98/27 u 2002/65 u r-Regolament Nru 2006/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali fl-istedina għax‑xiri ma tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa.

Is-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali tista’ tiġi ġġustifikata f’sitwazzjonijiet fejn il-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott. Hija l‑qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ta’ prezz inizjali hijiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżiti dwar li jissemma l-prezz, kif stabbilit fl-imsemmi Artikolu 7(4)(ċ), jitqiesu li ġew sodisfatti. Din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l-ommissjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali tipprekludix lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u, konsegwentement, li ma twasslux sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inerenti fil-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il‑miżuri l‑oħra li l-kummerċjant effettivament ħa biex jagħmel l‑informazzjoni disponibbli għall-konsumatur.

(ara l-punti 64, 69-72 u d-dispożittiv 5)








SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Mejju 2011(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2005/29/KE – Artikoli 2(i) u 7(4) – Komunikazzjoni kummerċjali ppubblikata f’gazzetta – Kunċett ta’ stedina għax-xiri – Prezz inizjali – Informazzjoni li għandha tkun inkluża fl-istedina għax-xiri”

Fil-Kawża C‑122/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Marknadsdomstolen (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2010, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Konsumentombudsmannen

vs

Ving Sverige AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Konsumentombudsmannen, minn G. Wikström, bħala aġent,

–        għal Ving Sverige AB, minn D. Tornberg, avukat,

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz u S. Johannesson, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Penlington, bħala aġent,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u I. Thue, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Wils u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 2(i) u 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin‑negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal‑Kunsill 84/450/KEE, id‑Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r‑Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, p. 22).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il‑Konsumentombudsmannen (Ombudsman għad-Difiża tal‑Konsumaturi) u Ving Sverige AB (iktar ’il quddiem “Ving”) dwar il‑kompatibbiltà ta’ komunikazzjoni kummerċjali mal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 6 tad-Direttiva 2005/29 tistabbilixxi li hija “għalhekk tapprossima l‑liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jagħmel ħsara b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal-kompetituri leġittimi.”

4        Skont il-premessa 7 tagħha d-Direttiva 2005/29 “tindirizza prattiċi kummerċjali konnessi direttament ma’ l-influwenza fuq id-deċiżjonijiet transazzjonali [kummerċjali] tal-konsumaturi fir-rigward ta’ prodotti”.

5        Il-premessa 14 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi li fir‑rigward ta’ ommissjonijiet qarrieqa din telenka “numru limitat ta’ elementi ewlenin ta’ tagħrif li l‑konsumatur għandu bżonn ikollu sabiex jagħmel deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] informata. Dan it-tagħrif m’għandux jiġi mogħti f’kull reklam, iżda biss fejn il‑kummerċjant jagħmel stedina għax-xiri”.

6        Il-premessa 15 tal-imsemmija direttiva tispeċifika li “[f]ejn il-liġi Komunitarja tistabbilixxi rekwiżiti ta’ informazzjoni fir-rigward ta’ komunikazzjoni kummerċjali, reklamar u kummerċjalizzazzjoni, dak it‑tagħrif huwa meqjus bħala importanti fis-sens ta’ din id-Direttiva”.

7        Mill-premessa 18 tal-istess direttiva jirriżulta li “[k]onformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjonijiet kontenuti fiha, din id-direttiva tieħu bħala punt ta’ riferiment il-konsumatur medju, li huwa infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt, billi tieħu kont ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi”.

8        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29 jistabbilixxi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”

9        Skont l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva “prodott”; tfisser “kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”.

10      Skont l-Artikolu 2(d), tal-imsemmija direttiva “prattiċi kummerċjali fin‑negozju mal-konsumatur” tfisser “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal‑promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.

11      L-Artikolu 2(i) tal-istess direttiva jiddefinixxi “stedina għax-xiri” bħala “komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”.

12      L-Artikolu 2(k) tad-Direttiva 2005/29 jikklassifika bħala “deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali]” “kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn konsumatur dwar jekk, kif u taħt liema kondizzjonijiet jixtri, iħallas il-prezz sħiħ jew parti mill-prezz ta’ prodott, iżomm jew jiddisponi minn prodott jew jeżerċita xi dritt kontrattwali fir‑rigward tal-prodott, kemm jekk il-konsumatur jiddeċiedi li jieħu jew ma jiħux xi azzjoni”.

13      Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29:

“1.      Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l‑konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali [kummerċjali] informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

2.      Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.

3.      Fejn il-mezz użat għall-komunikazzjoni tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, għandu jittieħed kont ta’ dawn il‑limitazzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżuri meħuda mill‑kummerċjant sabiex jagħmel it-tagħrif disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra meta jiġi deċiż jekk xi tagħrif ġiex imħolli barra.

4.      F’każ ta’ stedina għax-xiri, it-tagħrif li ġej għandu jitqies bħala importanti, jekk ma jkunx diġà apparenti mill-kuntest:

a)      il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, safejn xieraq għall-mezz u l‑prodott;

b)      l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu u, fejn ikun applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu qiegħed jaġixxi;

ċ)      il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l‑prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il‑mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l‑ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il‑fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti;

d)      l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni u għat-trattament ta’ l‑ilmenti, jekk dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tad‑diliġenza professjonali;

e)      għal prodotti u tranżazzjonijiet li jinvolvu d-dritt ta’ rtirar jew ta’ kanċellazzjoni, l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

5.      Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il‑kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

 Id-dritt nazzjonali

14      Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tal‑Liġi 2008:486 dwar il-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni, li l‑Artikolu 12 tagħha jipprovdi li:

“Il-miżura ta’ kummerċjalizzazzjoni hija qarrieqa meta l-kummerċjant jistieden, fil-komunikazzjoni kummerċjali, lil konsumaturi biex jixtru prodott speċifiku billi jindika l-prezz, iżda mingħajr ma l-imsemmija komunikazzjoni tkun tinkludi l‑informazzjoni importanti segwenti:

1)      il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, fil-miżura meħtieġa u fid-dawl tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat u tal-prodott ikkonċernat,

2)      il-prezz u l-prezz tal-prodott individwali, indikati kif stabbilit fl‑Artikoli 7 sa 10 tal-Liġi 2004:347 dwar l-informazzjoni fuq il‑prezz,

3)      l-identità u l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant,

4)      il-kundizzjonijiet għall-ħlas, kunsinna, għemil u trattament tal‑ilmenti, jekk dawn ikunu differenti mill-użu normali fis-settur jew jikkonċernaw il‑prodott inkwistjoni,

5)      l-informazzjoni relatata mad-dritt tal-irtirar jew kanċellazzjoni tax-xirja, li skont il-liġi għandha tiġi kkomunikata lil konsumatur.

Il-miżura ta’ kummerċjalizzazzjoni hija wkoll qarrieqa jekk il‑kummerċjant jistieden lil konsumaturi, permezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali, jixtru għadd ta’ prodotti speċifiċi bl-indikazzjoni ta’ prezz globali, mingħajr ma l-istedina jkun fiha l-informazzjoni importanti, stabbilita fil-punti 1 sa 5 tal-ewwel paragrafu”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Ving hija aġenzija tal-ivjaġġar li torganizza vjaġġi regolari fuq titjiriet mikrija, bi prezz li jkun jinkludi kollox. Ving tbigħ ukoll, lill‑persuni li jkunu qed jivjaġġaw individwalment, il-biljetti tal-ajru u l‑akkomodazzjoni fil-lukandi. Il-vjaġġi jinbiegħu fuq l-internet, permezz tat-telefon, mill-postijiet tal-bejgħ tal-impriża kif ukoll minn numru ta’ aġenziji tal-ivjaġġar fl-Isvezja kollha.

16      Fit-13 ta’ Awwissu 2008, Ving ippubblikat komunikazzjoni kummerċjali f’gazzetta Svediża li toħroġ kuljum, li kienet tipproponi vjaġġi lejn New York (l‑Istati Uniti tal-Amerka) għal perijodu li jibda mix-xahar ta’ Settembru sax-xahar ta’ Diċembru 2008. Fuq l-imsemmi reklam kien hemm ċerta informazzjoni, b’ittri kbar, partikolarment “New York minn SEK 7 820”, taħt dan it‑test b’ittri iżgħar, “Titjiriet minn Arlanda ma’ British Airways u żewġt iljieli fil-lukanda Bedford – Prezz għal kull persuna f’kamra għal tnejn, taxxi tal-ajruport inklużi. Lejl supplementari minn SEK 1 320. Tapplika għal ċerti vjaġġi bejn Settembru -Diċembru. Numru limitat ta’ postijiet”, u isfel nett fuq in-naħa tax-xellug tar-reklam kien hemm indikat “Vingflex.se Tel. 0771‑995995”.

17      Fis-27 ta’ Frar 2009 il-Konsumentombudsmannen ippreżenta rikors kontra Ving quddiem il-qorti tar-rinviju fuq il-bażi li din il-komunikazzjoni kummerċjali kienet stedina għax-xiri b’ommissjoni qarrieqa, sa fejn l‑informazzjoni dwar il‑karatteristiċi ewlenin tal-vjaġġ, b’mod partikolari, il-prezz tiegħu, kienu insuffiċjenti jew neqsin. Il‑Konsumentombudsmannen talab li Ving tiġi ordnata tindika prezz fiss fir-reklam tagħha u li tiġi pprojbita, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, milli tindika prezz iniżjali. Huwa talab ukoll sabiex din l-aġenzija tal-ivvjaġġar tiġi ordnata tiċċara iktar kif u b’liema mod il-karatteristiċi ewlenin tal-vjaġġ, pereżempju, id‑dati, l-għażliet disponibbli għall-konsumatur jew karatteristiċi simili, jaffettwaw il-prezz inizjali indikat fil‑komunikazzjoni kummerċjali u kif dan jiġi affettwat.

18      Ving tikkontesta li l-komunikazzjoni kummerċjali inkwistjoni hija stedina għax-xiri. Sussidjarjament, hija ssostni li l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott ġew identifikati b’mod xieraq fid-dawl tal-mezz ta’ kommunikazzjoni użat u l‑prodott ikkonċernat u li l-prezz kien imsemmi bil-mod previst mil-Liġi Nru 2004:347 dwar l‑informazzjoni fuq il-prezzijiet.

19      Ving tikkontesta, barra minn hekk, li l-imsemmija komunikazzjoni kummerċjali tikkostitwixxi prattika żleali u li hija naqset milli tipprovdi informazzjoni importanti u ċara. Sussidjarjament, Ving tallega li l-ommissjoni tal‑informazzjoni kkontestata ma bidlitx u ma setgħetx tbiddel l-abbiltà tad-destinatarju li jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

20      Billi qieset li s-soluzzjoni tal-kawża quddiemha tiddependi fuq l‑interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29, il-Marknadsdomstolen iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kundizzjoni espressa bil-kliem ’li għalhekk tippermetti l‑konsumatur jagħmel xirja’, fl-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29/KE […], għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l‑informazzjoni dwar il‑prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni li jixtri, jew jeħtieġ li l-komunikazzjoni kummerċjali tinkludi wkoll mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott (pereżempju, formula tal-ordni) jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz (pereżempju, reklam barra l‑ħanut)?

2)      Jekk ir-risposta għa[ll-ewwel]domanda tkun li l‑komunikazzjoni kummerċjali għandha tinkludi mezz konkret sabiex jinxtara l-prodott, din il‑kundizzjoni għandha titqies li hija sodisfatta bis-sempliċi fatt li l‑komunikazzjoni tirreferi għal numru tat-telefon jew għal indirizz tal‑internet fejn il-prodott jista’ jiġi ordnat?

3)      L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni tal-prezz hija sodisfatta jekk il‑komunikazzjoni kummerċjali tinkludi prezz inizjali, jiġifieri l‑prezz l-iktar baxx li bih il-prodott jew it-tip ta’ prodotti kkummerċjalizzati jista’ jinxtara, meta dan jeżisti f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut differenti, bi prezzijiet li mhumiex indikati?

4)      L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis‑sens li l‑kundizzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott hija sodisfatta mill-mument li l‑komunikazzjoni kummerċjali tinkludi rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott [...], b’tali mod li dan jiġi identifikat mingħajr ma jiġi deskritt b’mod ulterjuri?

5)      Jekk għa[r-raba’] domanda tingħata risposta affermattiva, din tapplika wkoll fil-każ li l-prodott ikkummerċjalizzat jiġi offrut f’verżjonijiet differenti, meta l-komunikazzjoni kummerċjali tirreferi għalihom biss b’isem wieħed komuni?

6)      Fil-każ ta’ stedina għax-xiri, l-Artikolu 7(4)(a) tad‑Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit tal-internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi l-informazzjoni essenzjali dwar il-karatteristiċi ewlenin tal‑prodotti, il-prezz u l‑kundizzjonijiet l-oħrajn, skont ir-rekwiżiti tal‑[imsemmi] Artikolu 7(4)?

7)      L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva [2005/29] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, sabiex ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il‑prezz jitqiesu sodisfatti, jiġi ddikjarat prezz inizjali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

21      Id-Direttiva 2005/29 għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar prattiki kummerċjali żleali, inkluż ir-reklamar żleali, li jippreġudika b’mod dirett lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi u b’hekk jagħmel ħsara b’mod indirett lill-interessi ekonomiċi tal‑kompetituri leġittimi.

22      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29, il‑kunċett ta’ konsumatur għandu importanza kbira. Din id‑direttiva tieħu bħala kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju, li huwa normalment informat u raġonevolment attent u kawt, fid-dawl ta’ fatturi soċjali, kulturali u lingwistici.

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda n-natura qarrieqa tar-reklamar, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l‑perċezzjoni tal-konsumatur medju, li huwa informat raġonevolment tajjeb u raġonevolment attent u kawt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Lidl Belgium, C‑356/04, Ġabra p. I‑8501, punt 78, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C‑159/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

24      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li prattika kummerċjali kklassifikata preċedentement bħala minn stedina għax-xiri biss taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29, filwaqt li l-prattiki kummerċjali kollha, inkluż l-istediniet għax-xiri huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 7(1), (2), (3) u (5) ta’ din id-direttiva. L-istedina għax-xiri, kif iddefinita fl-Artikolu 2(i) tal-imsemmija direttiva, għandha tinkorpora ammont ta’ informazzjoni essenzjali elenkata fl‑Artikolu 7(4) tal-istess direttiva, li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, ikklassifikata bħala importanti minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, stedina għax-xiri hija meqjusa bħala qarrieqa u għaldaqstant żleali, kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5(4) u 7 tad-Direttiva 2005/29.

25      Finalment għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 15 u l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29, l-informazzjoni li hija prevista mid-dritt tal-Unjoni u li tirrelata mal-komunikazzjonijiet kummerċjali, inkluż ir-reklamar jew il‑kummerċjalizzazzjoni, huma wkoll meqjusa bħala importanti. Lista mhux eżawrjenti ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tidher fl-anness II tad-Direttiva 2005/29 tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat‑13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il‑vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 10, p. 132).

26      Ir-rilevanza ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha għalhekk tiġi eżaminata mill-qorti nazzjonali, anki jekk il-kwistjonijiet relatati la jkunu ġew invokati u lanqas ma jkunu s‑suġġett ta’ dibattitu quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja.

 Fuq l-ewwel domanda

27      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l‑espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” fl-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29, għandhiex tiġi interpretat fis-sens li hija tissuġġetta l‑klassifikazzjoni ta’ stedina għax-xiri għall-eżistenza ta’ mezz konkret biex jinxtara l-prodott ikkummerċjalizzat jew fis-sens li teżisti stedina għax‑xiri mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott inkwistjoni u l-prezz ta’ dan ikun disponibbli sabiex il-konsumaturi jagħmlu deċiżjoni kummerċjali.

28      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 22 tal-konklużjonijiet tiegħu, l‑istedina għax-xiri hija forma partikolari ta’ reklamar li miegħu hemm marbut obbligu elevat ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad‑Direttiva 2005/29.

29      Interpretazzjoni mhux restrittiva tal-kunċett ta’ stedina għax-xiri hija l-unika waħda konsistenti mal-għanijiet ta’ din id-direttiva li, skont l‑Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal‑konsumatur.

30      Fid-dawl ta’ din il-kjarifika, l-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” għandha tiġi analizzata mhux bħala li tinvolvi kundizzjoni supplimentari meħtieġa għall-klassifikazzjoni bħala stedina għax-xiri, iżda bħala li tindika l-għan tar-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward tal-karatteristiċi u tal‑prezz tal-prodott hekk li l-konsumatur ikollu informazzjoni biżżejjed biex tippermettilu li jagħmel xirja

31      Din il-konklużjoni hija kkorroborata minn interpretazzjoni litterali bbażata fuq l‑użu tal-avverbju “għalhekk” u tingħaqad fl-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29.

32      Minn dan isegwi li biex komunikazzjoni kummerċjali tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala stedina għax-xiri, mhux neċessarju li tkun tinkludi mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz.

33      F’dawn iċ-ċirkostanzi ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l‑espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli biex il‑konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, mingħajr il‑ħtieġa li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi wkoll mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz.

 Fuq it-tieni domanda

34      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq it-tielet domanda

35      Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar l‑indikazzjoni tal-prezz tal-prodott hija sodisfatta jekk il‑komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha prezz inizjali, jiġifieri, il‑prezz l-iktar baxx li għalih jista’ jinxtara l-prodott jew il-kategorija ta’ prodotti ikkummerċjalizzati, minkeja li huma disponibbli f’verżjonijiet oħra jew b’kontenut ieħor bi prezzijiet li ma humiex indikati.

36      Peress li l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 ma jeżiġix l-indikazzjoni ta’ prezz finali, ma jistax jiġi eskluż mill-bidu nett li l-kundizzjoni dwar l‑indikazzjoni tal-prezz tal-prodott tkun sodisfatta b’riferiment għal prezz inizjali.

37      Din id-dispożizzjoni tipprevedi li stedina għax-xiri għandha tindika l‑prezz tal-prodott f’mod adegwat għall-mezzi tal-komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li, skont il-mezz użat, ikun diffiċli biex jintwera l-prezz tal-prodott li jikkorrispondi għal kull verżjoni tiegħu.

38      Barra minn hekk, l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 jammetti huwa stess, fir-rigward tal-ommissjonijiet qarrieqa li, fid-dawl tan‑natura tal-prodott, negozzjant jista’ ma jkunx raġonevolment f’pożizzjoni li jipprovdi, minn qabel, il-prezz finali.

39      Jekk, barra minn hekk, ir-riferiment għal prezz inizjali kellu jitqies bħala li ma jissodisfax il-kundizzjoni tal-indikazzjoni tal-prezz imsemmija fl-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29, ikun faċli għall‑kummerċjanti li jindikaw prezz inizjali biss sabiex jevitaw lill‑komunikazzjoni kummerċjali inkwistjoni milli tiġi kklassifikata bħala stedina għax-xiri, u għalhekk milli tosserva r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva. Tali interpretazzjoni tippreġudika l-effettività ta’ din id-direttiva, kif tfakkar fil-punti [28 u 29] ta’ din is-sentenza.

40      Minn dak li ntqal jirriżulta li prezz inizjali jista’ jissodisfa l-kundizzjoni ta’ riferiment għall-prezz tal-prodott fis-sens tal-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29, peress li, skont in-natura u l-karatteristiċi tal‑prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntuża, dan ir‑riferiment jippermetti lill-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

41      Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(i) tad‑Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni dwar l‑indikazzjoni tal-prezz tal-prodott tista’ tkun sodisfatta jekk il‑komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha prezz inizjali, jiġifieri, il-prezz l-iktar baxx li għalih jista’ jinxtara l-prodott jew il-kategorija tal-prodotti kkummerċjalizzati, minkejja li huma disponibbli f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut ieħor, bi prezzijiet li ma humiex indikati. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont in-natura u l‑karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz tal‑komunikazzjoni kummerċjali użat, jekk riferiment għal prezz inizjali jippermettix lill-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domanda

42      Permezz tar-raba’ u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis‑sens li rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa il-kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott, inkluż fil‑każ fejn l-istess rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tintuża biex jiġi deskritt prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet.

43      Il-kunċett ta’ prodott kif iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva japplika għal kwalunkwe merkanzija jew servizz inkluża proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi

44      L-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-prodott jistgħu, madankollu, ivarjaw b’mod kunsiderevoli skont in-natura ta’ dan tal-aħħar.

45      Sa fejn l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 jeżiġi li l-karatteristiċi tal‑prodott ikunu indikati, b’mod adegwat għall-mezz użat, il-mezz tal‑komunikazzjoni kummerċjali għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Ma jistax ikun meħtieġ l-istess grad ta’ preċiżjoni fid-deskrizzjoni ta’ prodott irrispettivament mill-forma – radjufonika, televiżiva, elettronika jew stampata – li tieħu l‑komunikazzjoni kummerċjali.

46      Rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tista’ tippermetti lill-konsumatur jifforma opinjoni dwar in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, biex ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, inkluż fil-każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni tiddeskrivi prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet.

47      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal‑konklużjonijiet tiegħu, il-prezz inizjali jippermetti lill‑konsumatur jifhem li l-prodott li huwa kien kapaċi jidentifika, jeżisti f’verżjonijiet oħra.

48      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jekk il-konsumatur għandux biżżejjed informazzjoni biex jidentifika u jiddistingwi l-prodott bil-għan li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

49      Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda għandha tkun li l‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa l‑kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-karatteristiċi tal-prodott, inkluż f’każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tintuża biex jiġi deskritt prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jekk il-konsumatur għandux biżżejjed informazzjoni biex jidentifika u jiddistingwi l-prodott bil-għan li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

 Fuq is-sitt domanda

50      Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l‑Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal‑prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi informazzjoni importanti dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva.

51      Għandu jitfakkar li l-prattiki kummerċjali skont l-Artikolu 7(4) tad‑Direttiva 2005/29, jeħtieġu evalwazzjoni każ b’każ, filwaqt li l‑prattiki kummerċjali msemmija fl-Anness I għal dik id-direttiva jitqiesu żleali fis-sitwazzjonijiet kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’April 2009, VTB-VAB, C‑261/07 u C‑299/07, Ġabra p. I‑2949, punt 56, u tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, Ġabra p. I-00217, punt 45).

52      L-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 jirreferi għall-karatteristiċi ewlenin tal-prodott mingħajr, madankollu, ma jiddefinixxi dan il-kunċett jew jipprovdi lista eżawrjenti. Madankollu, huwa ppreċiżat li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-mezz ta’ komunikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-prodott ikkonċernat.

53      Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, li jgħid li l-prattika kummerċjali għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest fattwali tagħha kif ukoll il‑limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat.

54      Għandu jiġi wkoll irrilevat li l-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi espressament li sabiex jiġi ddeterminat jekk xi informazzjoni tħallietx barra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ żmien tal-mezz tal-kommunikazzjoni użati kif ukoll il-miżuri meħuda mill‑kummerċjant sabiex jagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall‑konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra.

55      Minn dan isegwi li l-portata tal-informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin ta’ prodott li għandha tiġi kkomunikata minn kummerċjant, bħala parti minn stedina għax-xiri, għandha tiġi evalwata skont il-kuntest ta’ din l-istedina, in-natura u l‑karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat.

56      Minn dak li ntqal jirriżluta li l-Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 ma jipprekludix li ċerti karatteristiċi ewlenin tal‑prodott biss jiġu indikati fi stedina għax-xiri, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi informazzjoni importanti dwar il‑karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn,. skont ir‑rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva

57      Madankollu għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29, hija meqjusa bħala importanti, informazzjoni prevista mid‑dritt tal-Unjoni dwar il‑komunikazzjonijiet kummerċjali, u li tagħhom hemm lista mhux eżawrjenti fl-Anness II ta’ din id-direttiva. Fost dak li jissemma f’dan l-anness, hemm l‑Artikolu 3 tad-Direttiva 90/314 dwar il‑vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t‑tours kollox kompriż, li l-paragrafu 2 tiegħu fih għadd ta’ informazzjoni li għandha tingħata f’fuljett dwar dan it-tip ta’ vjaġġi, ta’ vakanzi u ta’ tours.

58      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tal-istedina għax-xiri, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, jekk is-sempliċi riferiment għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott jippermetti lill‑konsumatur li jieħu, b’mod informat, deċiżjoni kummerċjali.

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l‑Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit jinkludi informazzjoni importanti dwar il‑karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l-kundizzjonijiet l-oħrajn skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tevalwa, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tal-istedina għax-xiri, il-mezz ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll in-natura u l‑karatteristiċi tal-prodott, jekk is‑sempliċi riferiment għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott jippermetti lill konsumatur li jieħu, b’mod informat, deċiżjoni kummerċjali

 Fuq is-seba’ domanda

60      Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l‑Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa biżżejjed li, sabiex ir-rekwiżiti li jirrigwardaw il-prezz jitqiesu sodisfatti, jiġi indikat prezz inizjali.

61      Kuntrarjament għat-tielet domanda, hija tinħtieġ kunsiderazzjonijiet differenti.

62      Fil-fatt, filwaqt li l-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 huwa intiż sabiex jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ stedina għax-xiri, l-Artikolu 7(4)(ċ) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi informazzjoni li, meta jkun hemm stedina għax-xiri, għandha tiġi kkunsidrata importanti.

63      Għalkemm huwa minnu li l-informazzjoni dwar il-prezz hija kkunsidrata fl-Artikolu 7(4), tal-imsemmija direttiva bħala, fil-prinċipju, importanti, il-fatt jibqa’ li l-punt ċ ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fejn in-natura tal-prodott timplika li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, l‑informazzjoni għandha tinkludi l-mod kif għandu jiġi kkalkolat il-prezz, kif ukoll, fejn xieraq, l-ispejjeż kollha addizzjonali ta’ trasport, tal-konsenja u spejjeż postali, jew, fejn spejjeż bħal dawn ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, għandu jintqal li dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu addebitati lill-konsumatur.

64      Is-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali tista’ għalhekk tiġi ġġustifikata f’sitwazzjonijiet fejn il-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott. Mill-proċess jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat il-prezz finali ta’ vjaġġ, għadd ta’ fatturi varjabbli jistgħu jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, iż-żmien tal-prenotazzjoni u kemm hija attraenti d-destinazzjoni minħabba l-eżistenza ta’ avvenimenti reliġjużi, artistiċi jew sportivi, il‑kundizzjonijiet staġjonali speċifiċi kif ukoll id-dati u l-ħinijiet tal‑vjaġġ.

65      Madankollu, meta jiġi indikat biss il-prezz inizjali fl-istedina għax-xiri, mingħajr ma jiġu indikati l-metodu ta’ kalkolu tal-prezz finali u, fejn xieraq, l-ispejjeż addizzjonali jew dikjarazzjoni li dawn l-ispejjeż jistgħu jiġu addebitati lill‑konsumatur, għandha ssir il-mistoqsija jekk din l‑informazzjoni hijiex biżżejjed sabiex tippermetti lill-konsumatur jieħu deċiżjoni kummerċjali informata jew jekk għandux jiġi kkonstatat li jeżistu ommissjonijiet qarrieqa fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

66      Huwa importanti li jitqies li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29 jispeċifika li meta l-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-finijiet tal-prattika kummerċjali jimponi limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ żmien, ikun jaqbel, sabiex jiġi ddeterminat jekk tħallietx barra xi informazzjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-limitazzjonijiet kif ukoll kull miżuri meħuda mill-kummerċjant sabiex jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra.

67      L-indikazzjonijiet ipprovduti minn din id-dispożizzjoni dwar l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il‑prattika kummerċjali għandhiex tiġi kklassifikata bħala ommissjoni qarrieqa japplikaw għall-istediniet għax-xiri msemmija fl-Artikolu 7(4) tal‑imsemmija direttiva.

68      Il-portata tal-informazzjoni dwar il-prezz ser tkun iddeterminata abbażi tan‑natura u tal-karatteristiċi tal-prodott iżda wkoll abbażi tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat għall-istedina għax-xiri u b’kunsiderazzjoni għall‑informazzjoni addizzjonali eventwalment fornita mill-kummerċjant.

69      Is-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali fl-istedina għax-xiri ma tistax għaldaqstant tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa.

70      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ta’ prezz inizjali hijiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżiti dwar li jissemma l-prezz, kif stabbilit fl-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29, jitqiesu li ġew sodisfatti.

71      Il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l-ommissjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali tipprekludix lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u, konsegwentement, li ma twasslux sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inerenti fil‑mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-miżuri l‑oħra li l-kummerċjant effettivament ħa biex jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-konsumatur.

72      Għalhekk, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l‑Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali fl-istedina għax-xiri ma tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa. Hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ta’ prezz inizjali hijiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżiti dwar li jissemma l-prezz, kif stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, jitqiesu li ġew sodisfatti. Din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l-ommissjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali tipprekludix lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u, konsegwentement, li ma twasslux sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inerenti fil-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il‑miżuri l‑oħra li l-kummerċjant effettivament ħa biex jagħmel l‑informazzjoni disponibbli għall-konsumatur.

 Fuq l-ispejjeż

73      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-espressjoni “li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja” fl‑Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”), għandha tiġi interpretata fis-sens li stedina għax-xiri teżisti mill-mument li l-informazzjoni dwar il-prodott ikkummerċjalizzat u l-prezz tiegħu jkunu disponibbli biex il‑konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni kummerċjali, mingħajr il‑ħtieġa li l-komunikazzjoni kummerċjali tkun tinkludi wkoll mezz konkret biex jinxtara l-prodott jew li din tidher viċin tali mezz jew meta jkun hemm tali mezz.

2)      L-Artikolu 2(i) tad Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l‑kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal-prezz tal‑prodott tista’ tkun sodisfatta jekk il-komunikazzjoni kummerċjali jkun fiha prezz inizjali, jiġifieri, il-prezz l-iktar baxx li għalih jista’ jinxtara l-prodott jew il‑kategorija ta’ prodotti kkummerċjalizzati, minkejja li huma disponibbli f’verżjonijiet oħra, jew b’kontenut ieħor, bi prezzijiet li ma humiex indikati. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tivverifika, skont in‑natura u l‑karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz tal-komunikazzjoni kummerċjali użat, jekk riferiment għal prezz inizjali jippermettix lill-konsumatur li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

3)      L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tal-prodott tista’ tissodisfa l‑kundizzjoni dwar l-indikazzjoni tal‑karatteristiċi tal-prodott, inkluż f’każ fejn din l-istess rappreżentazzjoni verbali jew viżwali tintuża biex jiġi deskritt prodott disponibbli f’diversi verżjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-karatteristiċi tal‑prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jekk il-konsumatur għandux biżżejjed informazzjoni biex jidentifika u jiddistingwi l-prodott bil-għan li jieħu deċiżjoni kummerċjali.

4)      L‑Artikolu 7(4)(a) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun biżżejjed li jiġu indikati biss ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott, jekk fir-rigward tal-kumplament il‑kummerċjant jirreferi għas-sit internet tiegħu, sakemm dan is-sit ikun fih informazzjoni importanti dwar il karatteristiċi ewlenin tal-prodott, il-prezz u l‑kundizzjonijiet l-oħrajn skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-istedina għax-xiri, il‑mezz ta’ komunikazzjoni użat, kif ukoll in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott, jekk is-sempliċi riferiment għal ċerti karatteristiċi ewlenin tal-prodott jippermetti lill-konsumatur li jieħu, b’mod informat, deċiżjoni kummerċjali.

5)      L-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sempliċi indikazzjoni ta’ prezz inizjali fl-istedina għax‑xiri ma tistax tiġi kkunsidrata, fiha nnifisha, li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-indikazzjoni ta’ prezz inizjali hijiex biżżejjed sabiex ir-rekwiżiti dwar li jissemma l‑prezz, kif stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni, jitqiesu li ġew sodisfatti. Din il-qorti għandha tivverifika b’mod partikolari jekk l‑ommissjoni ta’ metodi ta’ kalkolu tal-prezz finali tipprekludix lill-konsumatur milli jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u, konsegwentement, li ma twasslux sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Hija għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet inerenti fil-mezz ta’ komunikazzjoni użat, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il miżuri l-oħra li l‑kummerċjant effettivament ħa biex jagħmel l‑informazzjoni disponibbli għall‑konsumatur.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.