Kawża C-206/10
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 4(1)(a) — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Artikolu 7(2) — Benefiċċji mogħtija mil-Länder Ġermaniżi lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbilità — Kundizzjoni ta’ residenza”
Sommarju tas-sentenza
1. Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Leġiżlazzjoni tal-Unjoni — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Benefiċċji tal-mard — Kunċett
(Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, Artikolu 4(1)(a))
2. Moviment liberu tal-persuni — Ħaddiema — Trattament ugwali — Vantaġġi soċjali
(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 7(2))
1. Benefiċċju jista’ jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u meta jkun relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolment Nru 1408/71. Il‑benefiċċji mogħtija, b’mod oġġettiv, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat tas‑saħħa kif ukoll il-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment l-għan li jikkompletaw il‑benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u għandhom għalhekk jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard [għall-mard]” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal‑imsemmi regolament. Dan huwa l-każ ta’ benefiċċji mħallsa minn ċerti Länder tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà sa fejn huma intiżi li jkopru, fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ somma f’daqqa, l-ispejjeż addizzjonali tal-ħajja ta’ kuljum ikkawżati mid-diżabbiltà tagħhom.
(ara l-punti 27-29)
2. Ir-regola tal-uġwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal‑moviment għall-ħaddiema fi ħdan il‑Komunità, tipprojbixxi mhux biss id‑diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, skont il-kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat. Sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja, meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli l-ħaddiema nazzjonali u li konsegwentement tista’ toħloq riskju li tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel. Dan huwa l-każ ta’ kundizzjoni ta’ residenza meħtieġa minn leġiżlazzjoni nazzjonali għall-għoti, inkwantu vantaġġ soċjali, ta’ benefiċċji lill-għomja, lit-torox u lill‑persuni b’diżabbiltà, li hija iktar faċli li tiġi sodisfatta mill-ħaddiema nazzjonali milli minn dawk ta’ Stati Membri oħrajn.
(ara l-punti 34-38)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
5 ta’ Mejju 2011 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 4(1)(a) – Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Artikolu 7(2) – Benefiċċji mogħtija mil-Länder Ġermaniżi lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbilità – Kundizzjoni ta’ residenza”
Fil-Kawża C‑206/10,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fid‑29 ta’ April 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Kreuschitz, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u C. Blaschke, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. Noort, bħala aġent,
intervenjent,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.-J. Kasel, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li, billi tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji lill‑għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbilità mogħtija taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Länder (iktar ’il quddiem il-“liġijiet ikkontestati”), lil persuni li għalihom ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja hija l-Istat Membru kompetenti, għall-kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ residenza abitwali fil-Land ikkonċernat, ir-Republika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 7(2), tar‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 01, p. 15), u l‑Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal‑14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l‑iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 03, p. 3), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), flimkien mal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
2 Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68:
“1. Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.
2. Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.
[...]”
3 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Materji koperti”, jipprovdi:
“1. Dan ir-Regolament jkun japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali
(a) il-benefiċċji tal-mard [għall-mard] u tal-maternità [għall-maternità];
[...]
2 a. [...]
‘Benefiċċji ta’ flus speċjali u mhux kontributorji’; tfisser dawk li:
(a) huma ntiżi sabiex jipprovdu jew:
(i) assigurazzjoni supplimentari, sostituttiva jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-oqsma tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1, u li jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati dħul minimu għas-sussistenza waqt li jittieħed kont tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru ikkonċernat; jew
(ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b’diżabbiltà, li jkollha x’taqsam mill-qrib ma’ l-ambjent soċjali tal-persuna msemmija fl-Istat Membru kkonċernat [...]
[...]
2b. Dan ir-Regolament ma jkunx japplika għad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istat Membru rigward l-benefiċċji speċjali non-kontributorji [mhux kontributorji], li għalihom saret riferenza fl-Anness II, It-taqsima III, li l-validità tiegħu hija konfinata għall-parti mit-territorju tiegħu.
[...]”
4 It-Taqsima III tal-Anness II, tar-Regolament Nru 1408/71 intitolat “Benefiċċji speċjali non-kontributorji [mhux kontributorji] fl-ambitu tat-tifsira ta’ l-Artikolu 4(2b) li ma jaqgħux fl-iskop tar-Regolament”, issemmi, għall-Ġermanja:
“(a) Benefiċċji mogħtija taħt il-leġislazzjoni Länder għall-inkapaċitati, partikolarment l-għomja.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 Il-leġiżlazzjoni kkontestata tipprevedi l-għoti ta’ benefiċċji lill‑għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà intiżi li jikkumpensawhom għall-ispejjeż addizzjonali relatati mad-diżabbiltà tagħhom. Dawn il‑benefiċċji jingħataw biss lil persuni li għandhom ir‑residenza jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Land ikkonċernat.
6 Dawn il-liġijiet jipprevedu li l-benefiċċji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali Federali li għandhom l-istess għan tal-benefiċċji mogħtija mil-Länder għandhom jitnaqqsu minn dawn tal-aħħar. Ir-rata ta’ tnaqqis tiddependi fuq il-leġiżlazzjoni tal-Land ikkonċernat.
7 F’każ li l-persuna tkun akkolta f’dar jew istituzzjoni, id-dritt għall-benefiċċji jibqa’ jingħata f’xi Länder, sakemm d-dar tkun tinsab fit-territorju Federali u li, fil-mument tal-akkoljenza fid-dar, il-persuna kkonċernata jkollha r-residenza tagħha fil‑Land inkwistjoni.
Il-proċedura prekontenzjuża
8 Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni ġibdet l‑attenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-ħtieġa li tippermetti lill-ħaddiema li huma impjegati fil-Ġermanja filwaqt li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom, li jesportaw il-benefiċċji mogħtija taħt il‑leġiżlazzjoni inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza tmur kontra l-Artikolu 39 KE u l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
9 Permezz ta’ ittra, tat-22 ta’ April 2002, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja wieġbet li dawn il-benefiċċji jikkostitwixxu vantaġġi soċjali fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, iżda li dawn ma għandhomx jiġu esportati, sa fejn huma jingħataw indipendentement mill-kwalità tal-ħaddiem u huma suġġetti biss għall-post ta’ residenza.
10 Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tad-9 ta’ Lulju 2004, il‑Kummissjoni informat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja bid-dubji tagħha dwar il‑kompatibbilità tal-liġijiet ikkontestati mar-Regolamenti Nru 1612/68 u Nru 1408/71. B’mod partikolari rigward ir-Regolament Nru 1408/71, il‑Kummissjoni argumentat li l-benefiċċji kkonċernati ma kinux benefiċċji speċjali mhux kontributorji, fis-sens tal-Artikolu 4(2b) ta’ dan ir-regolament, iżda benefiċċji għal mard fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tal-istess Regolament, b’tali mod li l-esportazzjoni tal-imsemmija benefiċċji ma setgħatx tiġi miċħuda lill-ħaddiema transkonfinali
11 Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2004, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja wieġbet li ma kinitx taqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni. Fir‑rigward tar‑Regolament Nru 1408/71, hija indikat li l-benefiċċji inkwistjoni kienu ġġustifikati mill-ispejjeż addizzjonali relatati mal-għama jew mad-diżabbiltà, sew jekk il‑benefiċjarju jkun dipendenti jew le.
12 Fil-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata bbażata biss fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, waqt li rriżervat id-dritt li terġa’ tibda l‑proċedura għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà tal-liġijiet ikkontestati mar-Regolament Nru 1408/71 wara li tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Hosse (sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, C‑286/03, Ġabra p. I‑1771).
13 Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja kkonfermat il-pożizzjoni tagħha.
14 Il-proċedura mbagħad ġiet sospiża sakemm ġew deċiżi s-sentenzi li l‑Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti fl-imsemmija kawża u fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il‑Parlament u l-Kunsill (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, C‑299/05, Ġabra p. I‑8695). F’dawn is-sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑benefiċċji inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienu benefiċċji għall-mard.
15 Fit-3 ta’ Ġunju 2008, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “Xogħol, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet dwar il‑Konsumatur” laħaq ftehim dwar il-kontenut tal‑Annessi X u XI tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 05, Vol. 05, p. 72), li ħassar ir-Regolament Nru 1408/71 mid-dħul fis-seħħ tiegħu, fl-1 ta’ Mejju 2010. Skont dan il-Ftehim, il-benefiċċji Ġermaniżi previsti mil-liġijiet ikkontestati ma jidhrux fl-imsemmija annessi.
16 Fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja opinjoni motivata supplimentari bbażata fuq in‑nuqqas ta’ kompatibbiltà tal-liġijiet ikkontestati mar-Regolament Nru 1408/71 peress li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hosse kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, xeħtu dubju dwar in-natura speċjali tal-benefiċċji kkonċernati.
17 Fir-risposta tagħha tal-1 ta’ April 2009, ir-Repubblika Federali tal‑Ġermanja rreferiet għad-dħul fis-seħħ matul is-sena 2010 tar‑Regolament Nru 883/2004. Peress li dan ir-regolament huwa applikabbli wkoll għal-benefiċċji kkonċernati, hija talbet is-sospensjoni tal‑proċedura.
18 Fid-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.
19 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Novembru 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
20 Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Ottubru 2010, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrinunzja għad-dritt li jippreżenta nota ta’ intervent.
Fuq ir-rikors
Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1408/71
L-argumenti tal-partijiet
21 Il-Kummissjoni tqis li għalkemm il-benefiċċji inkwistjoni huma elenkati fit-Taqsima III tal-Anness II tar-Regolament Nru 1408/71, dawn ma humiex benefiċċji speċjali mhux kontributorji fis-sens tal-Artikolu 4(2b) ta’ dan ir-regolament, iżda benefiċċji għall-mard fis-sens tal‑Artikolu 4(1)(a) ta’ dan ir-regolament, u għalhekk jistgħu jiġu esportati.
22 Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, in-natura speċjali tal-benefiċċji inkwistjoni ma hijiex stabbilita sa fejn, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, benefiċċju speċjali għandu jingħata minflok jew flimkien ma’ benefiċċju ta’ sigurtà soċjali, filwaqt li jibqa’ distint minnu, u għandu jkollu n-natura ta’ għajnuna soċjali ġġustifikata minn raġunijiet ekonomiċi u soċjali u deċiż minn liġi li tistabbilixxi kriterji oġġettivi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55). Madankollu, il-benefiċċji inkwistjoni jingħataw fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment mingħajr ebda evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali, għandhom l-għan li jtejbu l-istat tas-saħħa u l-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà u għalhekk għandhom essenzjalment l-għan li jissupplimentaw il‑benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard.
23 Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, fil-kuntest tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, id-delegazzjoni Ġermaniża rrinunzjat għall-inklużjoni tal‑benefiċċji inkwistjoni tal-Länder, għall-għomja, għat-torox u għall-persuni b’diżabbiltà fl‑Annessi X u XI ta’ dan ir‑regolament. Għalhekk huwa inkonsistenti, fil-fehma tagħha, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li dawn il-benefiċċji għandhom jiġu kklassifikati bħala “benefiċċji speċjali non-kontributorji [mhux kontributorji]” fis-sens tal-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71.
24 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, filwaqt li tenfasizza li l-Kummissjoni stess kellha dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-benefiċċji inkwistjoni sal‑għoti tas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hosse kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, tindika li l-Länder kienu ħadu miżuri biex jikkonformaw il‑liġijiet ikkontestati mad-dritt tal-Unjoni. L-emendi legali meħtieġa probabbilment ser iseħħu fl-2010 jew l-iktar tard fl-2011.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħu wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑9/07, punt 8, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-48/10, punt 30).
26 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li, fit-tmiem tat‑terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplimentari, il-liġijiet ikkontestati ma kinux konformi mar-Regolament Nru 1408/71.
27 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li benefiċċju huwa kkunsidrat bħala benefiċċju ta’ sigurtà soċjali meta jingħata, mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, u meta jkun relatat ma’ wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hosse, punt 37 kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l‑Kunsill, punt 56).
28 Minn dan jirriżulta li benefiċċji mogħtija, b’mod oġġettiv, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u li huma intiżi sabiex itejbu l-istat tas‑saħħa kif ukoll il-ħajja tal-persuni dipendenti għandhom essenzjalment l-għan li jikkompletaw il-benefiċċji tal-assigurazzjoni għall-mard u għandhom għalhekk jitqiesu bħala “benefiċċji tal-mard [għall-mard]” fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hosse, punt 38, u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, punt 61).
29 Dan huwa l-każ inkwistjoni, ta’ benefiċċji mħallsa mil‑Länder lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà sa fejn huma intiżi li jkopru, fil-forma ta’ kontribuzzjoni ta’ somma f'daqqa, l-ispejjeż addizzjonali tal-ħajja ta’ kuljum ikkawżati mid-diżabbiltà tagħhom.
30 Peress li dawn il-benefiċċji huma benefiċċji għall-mard fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, għandhom għaldaqstant jiġu mogħtija indipendentement mill-Istat Membru li fih jgħix il‑benefiċjarju, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir-regolament.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jitqies bħala fondat.
Fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1612/68
L-argumenti tal-partijiet
32 Il-Kummissjoni ssostni li l-għoti tal-benefiċċji inkwistjoni bbażat biss fuq il‑kriterju ta’ residenza fil-Land ikkonċernat ma huwiex iġġustifikat. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, kull benefiċċju mogħti minn Stat Membru liċ-ċittadini tiegħu fil-kwalità oġġettiva tagħhom bħala ħaddiema jew sempliċement minħabba r-residenza tagħhom fit‑territorju nazzjonali huwa kopert mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 b’tali mod li l-ħaddiema transkonfinali ghandhom jibbenefikaw ukoll minn dawn il-vantaġġi bħal kull ħaddiem ieħor li jirrisjedi fl-Istat Membru tal-impjieg.
33 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sempliċement tikkonstata li r‑Regolamenti Nru 1612/68 u Nru 1408/71 għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti u għalhekk joperaw indipendentement minn xulxin.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
34 Huwa paċifiku li l-benefiċċji mogħtija mil-Länder lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà jikkostitwixxu vantaġġ soċjali fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
35 Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax f’dan ir-rigward li l‑għoti tal-imsemmija benefiċċji huwa suġġett għall-kundizzjoni li l‑benefiċjarju jkollu r-residenza tiegħu jew il-post ta’ residenza abitwali fil-Land ikkonċernat.
36 Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 tipprojbixxi mhux biss id‑diskriminazzjoni ċara, ibbażata fuq iċ-ċittadinanza, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, skont il-kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C‑57/96, Ġabra p. I‑6689, punt 44, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummisjoni vs Il‑Ġermanja, C‑269/07, Ġabra p. I‑7811, punt 53).
37 Sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja, meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti milli l-ħaddiema nazzjonali u li konsegwentement tista’ toħloq riskju li tqiegħed fi żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Meints, punt 45; u Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, punt 54).
38 Dan huwa l-każ tal-kundizzjoni ta’ residenza meħtieġa mil-liġijiet ikkontestati għall-għoti tal-benefiċċji lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà, li hija iktar faċli li tiġi sodisfatta mill-ħaddiema Ġermaniżi milli minn dawk tal-Istati Membri barra mir-Repubblika Federali Ġermaniża.
39 Rigward l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażat fuq il-kamp ta’ applikazzjoni differenti tar-Regolamenti Nru 1612/68 u Nru 1408/71, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li għalkemm huwa veru li dawn iż‑żewġ regolamenti ma għandhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni ratione personæ, il-fatt jibqa’ madankollu li peress li r-Regolament Nru 1612/68 għandu portata ġenerali f’dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, l-Artikolu 7(2), ta’ dan ir-regolament jista’ japplika għall-vantaġġi soċjali li jaqgħu simultanjament fil-qasam ta’ applikazzjoni speċifiku tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu C-111/91, Ġabra p. I‑817, punti 20 u 21, u tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I-2691, punt 27).
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1612/68 għandu jitqies bħala fondat.
41 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi tissuġġetta l‑għoti ta’ benefiċċji mogħtija taħt il-liġijiet ikkontestati lill-persuni li għalihom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja huwa l-Istat Membru responsabbli, għall-kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ residenza abitwali fil‑Land ikkonċernat, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1)(a) tar‑Regolament Nru 1408/71, flimkien mal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir‑regolament u l‑Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68.
Fuq l-ispejjeż
42 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet il-kawża, hemm lok li hija tiġi kkundannata tħallas l‑ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4), ir-Renju tal-Pajjiżi l‑Baxxi, li intervjena f’din il‑kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi tissuġġetta l-għoti ta’ benefiċċji lill-għomja, lit-torox u lill-persuni b’diżabbiltà, mogħtija taħt il-leġiżlazzjoni tal‑Länder lil persuni li jaqgħu fil-kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-kundizzjoni ta’ residenza jew ta’ residenza abitwali fil-Land ikkonċernat, ir-Republika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 4(1)(a), tar Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendata bir‑Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, flimkien mal-Kapitolu 1 tat-Titolu III ta’ dan ir‑regolament u l-Artikolu 7(2), tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal‑moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità
2) Ir-Repubbliku Federali tal-Ġermanja hija kkundannata għall‑ispejjeż.
3) Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.