Kawża C-463/09

CLECE SA

vs

María Socorro Martín Valor

u

Ayuntamiento de Cobisa

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha)

“Politika soċjali — Direttiva 2001/23/KE — Trasferiment ta’ impriżi — Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema — Kunċett ta’ ‘trasferiment’ — Attivitajiet ta’ tindif — Attività żgurata direttament minn kunsill lokali bir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid”

Sommarju tas-sentenza

Politika soċjali — Approssimazzjoni tal-liġijiet — Trasferiment ta’ impriżi — Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema — Direttiva 2001/23 — Kamp ta’ applikazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 2001/23, Artikolu 1(1)(a) u (b))

L-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma tapplikax għal sitwazzjoni fejn kunsill lokali, li kien iħalli t-tindif tal-bini tiegħu f’idejn impriża privata, jiddeċiedi li jittermina l-kuntratt li ntrabat bih ma’ din tal-aħħar u li jeżerċita huwa stess l-attività ta’ tindif tal-imsemmi bini, billi jimpjega persunal ġdid għal dan il-għan.

Huwa minnu li attività ta’ tindif tista’ tiġi kkunsidrata bħala attività li hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiem u, konsegwentement, grupp ta’ ħaddiema li jwettqu b’mod stabbli attività komuni ta’ tindif jista’, fin-nuqqas ta’ fatturi oħra tal-produzzjoni, jikkorrispondi għal entità ekonomika. Madankollu, huwa meħtieġ ukoll li l-identità ta’ din tal-aħħar tinżamm wara t-tranżazzjoni kkonċernata. Issa, is-sempliċi fatt li l-attività eżerċitata minn impriża privata u dik eżerċitata mill-kunsill lokali huma simili, jekk mhux ukoll identiċi, ma jippermettix li jiġi konkluż li nżammet l-identità ta’ entità ekonomika. Fil-fatt, entità ma tistax tiġi limitata għall-attività li ġiet fdata lilha. L-identità tagħha tirriżulta minn pluralità inseparabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-qafas tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi tagħha ta’ kif tiffunzjona jew anki, fejn xieraq, ir-riżorsi operattivi disponibbli għaliha. B’mod partikolari, l-identità ta’ entità ekonomika ma tistax tinżamm jekk il-maġġoranza tal-persunal tagħha ma jitteħidx minn dak li lilu jsir it-trasferiment.

(ara l-punti 39, 41, 43 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Jannar 2011 (*)

“Politika soċjali – Direttiva 2001/23/KE – Trasferiment ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kunċett ta’ ‘trasferiment’ – Attivitajiet ta’ tindif – Attività żgurata direttament minn kunsill lokali bir-reklutaġġ ta’ persunal ġdid”

Fil-Kawża C‑463/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

CLECE SA

vs

María Socorro Martín Valor,

Ayuntamiento de Cobisa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat‑12 ta’ Marzu 2001, dwar l‑approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad‑drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 98).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, CLECE SA (iktar ’il quddiem “CLECE”) u, min-naħa l-oħra, M.‑S. Martín Valor u l-Ayuntamiento de Cobisa (kunsill lokali ta’ Cobisa) dwar it-tkeċċija ta’ M.‑S. Martín Valor.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id‑Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi l‑kodifikazzjoni tad‑Direttiva tal‑Kunsill 77/187/KE, tal‑14 ta’ Frar 1977, dwar l‑approssimazzjoni tal‑liġijiet tal‑Istati Membri relatati mas‑salvagwardja tad‑drittijiet tal‑impjegati fil‑każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU L 61, p. 26), kif emendata bid‑Direttiva tal‑Kunsill 98/50/KE, tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 201, p. 88).

4        It-tielet premessa tad-Direttiva 2001/23 tiddikjara li “[h]uwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati”.

5        Skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva:

“a)       Din id‑Direttiva għandha tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li timpjega bħala riżultat ta’ trasferiment jew inkorporazzjoni legali

b)      Bla ħsara għas-subparagrafu (a) u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin ta’ dan l-Artikolu, ikun hemm trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jkun hemm trasferiment ta’ xi entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari.

ċ)       Din id-Direttiva għandha tapplika għal impriżi pubbliċi u privati li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu għall-qligħ kemm jekk le. Ir-riorganizzazzjoni amministrattiva ta’ l-awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, jew it-trasferiment ta’ funzjonijiet amministrattivi bejn awtoritajiet pubbliċi amministrattivi, mhijiex trasferiment fis-sens ta’ din id-Direttiva.”

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid‑data tat‑trasferiment għandhom, minħabba dan it‑trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment”.

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23 huwa redatt kif ġej:

“It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”.

 Id-dritt nazzjonali

8        Id-Direttiva 2001/23/KE ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tal-Artikolu 44 tad-Digriet Irjali leġiżlattiv 1/1995, li japprova t-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi Statut tal-Impjegati (Real Decreto Legislativo 1/1995, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores), tal‑24 ta’ Marzu 1995 (BOE n° 75, tad‑29 ta’ Marzu 1995, p. 9654, iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Impjegati”).

9        L-Artikolu 44(1) u (2) tal-Istatut tal-Impjegati jipprevedi:

“1.      It-trasferiment ta’ impriża, ta’ ċentru tax-xogħol jew ta’ unità ta’ produzzjoni awtonoma ta’ din l-impriża ma jtemmx, fih innifsu, ir-relazzjoni ta’ impjieg; il-persuna ġdida li tħaddem tiġi ssurrogata fid-drittijiet u fl-obbligi tal-persuna li tħaddem preċedenti rigward il-kuntratt ta’ impjieg u s-sigurtà soċjali, inklużi l-obbligi rigward il-pensjonijiet, taħt il-kundizzjonijiet previsti fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli u, b’mod ġenerali, fl-obbligi kollha addizzjonali fil-qasam tal-protezzjoni soċjali li jkun daħal għalihom min jagħmel it-trasferiment.

2.      Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, ikun hemm trasferiment ta’ impriża meta t-trasferiment ikollu bħala suġġett entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha, jiġifieri għaqda organizzata ta’ riżorsi bl-objettiv li twettaq attività ekonomika, kemm jekk l-attività hija ċentrali jew anċillari kemm jekk le.”

10      L-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet tal-provinċja ta’ Toledo jipprevedi:

“Fil-każ li impriża, li fiha s-servizz ta’ tindif kien isir minn impriża kontraenti, tassumi personalment ir-responsabbiltà sabiex twettaq tali servizz, ma hijiex obbligata żżomm l-impjegati li qabel kienu jagħmlu dan ix-xogħol għad-ditta msemmija, meta hija tagħmel dan ix-xogħol ta’ tindif permezz ta’ impjegati tagħha stess; min-naħa l-oħra, l-impriża inkwistjoni hija obbligata timpjega lill-impjegati inkwistjoni meta, għal dan is-servizz ta’ tindif, tkun trid timpjega nies ġodda”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      CLECE, impriza li tipprovdi servizzi ta’ tindif, ikkonkludiet mal-Ayuntamiento de Cobisa, fis‑27 ta’ Mejju 2003, kuntratt li għandu bħala s-suġġett it-tindif ta’ skejjel u ta’ bini muniċipali, mingħajr ma ġie stabbilit li s-servizzi kkonċernati kellhom jinvolvu n-neċessità tal-użu ta’ “elementi materjali speċifiċi”.

12      Abbażi ta’ dan il-kuntratt, M.‑S. Martín Valor kienet taħdem għal CLECE, bħala mara li tnaddaf, mill‑25 ta’ Marzu 2004.

13      Fid‑9 ta’ Novembru 2007, l-Ayuntamiento de Cobisa nnotifika lil CLECE bid-deċiżjoni tiegħu li jittermina, b’effett mill‑31 ta’ Diċembru 2007, il-kuntratt li ntrabat bih ma’dik il-kumpannija.

14      Fit‑2 ta’ Jannar 2008, CLECE informat lil M.‑S. Martín Valor li hija kienet ġiet, mill‑1 ta’ Jannar 2008, integrata fil-persunal tal-Ayuntamiento de Cobisa, peress li issa kien dan tal-aħħar li kellu jwettaq it-tindif tal-bini kkonċernat. Fil-fatt, skont CLECE, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet tal-provinċja ta’ Toledo, l-Ayuntamiento de Cobisa ssostitwixxa lil dik il-kumpannija fid-drittijiet u l-obbligi kollha dwar ir-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża priniċipali.

15      Fl-istess ġurnata, M.‑S. Martín Valor ippreżentat ruħha fil-bini tal-Ayuntamiento de Cobisa, iżda ma ġietx awtorizzata biex taħdem. CLECE, min-naħa tagħha, ma assenjatilha l-ebda post ta’ xogħol ieħor.

16      L-Ayuntamiento de Cobisa, fl‑10 ta’ Jannar 2008, impjega, permezz tal-uffiċċju pubbliku għall-impjiegi, ħames impjegati għat-tindif tal-bini tiegħu.

17      Għaldaqstant, M.‑S. Martín Valor ippreżentat, quddiem il-Juzgado de lo Social n° 2 ta’ Toledo, kawża kontra CLECE u l-Ayuntamiento de Cobisa, bil-għan li tiġi kkonstatata n-natura abbużiva tat-tkeċċija tagħha.

18      Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2008, il-Juzgado de lo Social n° 2 ta’ Toledo kkunsidrat li l-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet tal-provinċja ta’ Toledo ma kienx applikabbli u li, konsegwentement, l-Ayuntamiento de Cobisa ma kellux il-kwalità sabiex jitressaq bħala konvenut. Barra minn dan, l-imsemmija qorti ddikjarat li M.‑S. Martín Valor kienet ġiet mkeċċija mix-xogħol b’mod abbużiv minn CLECE u kkundannat lil din tal-aħħar sabiex timpjega mill-ġdid lill-persuna kkonċernata fl-istess kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel it-tkeċċija jew ġħall-ħlas tad-danni ta’ EUR 6 507,10. Kull waħda minn dawn iż-żewġ ipoteżijiet kienet tinkludi wkoll il-ħlas tal-pagi normali li ma ngħatawx lil M.‑S. Martín Valor.

19      Fis‑26 ta’ Diċembru 2008, CLECE ippreżentat appell mill-imsemmija sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha. Permezz tal-appell tagħha, CLECE ssostni b’mod partikolari li l-Ayuntamiento de Cobisa huwa ssurrogat fir-relazzjoni ta’ xogħol konkluża ma’ M.‑S. Martín Valor, bis-saħħa tal-Artikolu 14 tal-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet tal-provinċja ta’ Toledo, moqri flimkien mal-Artikolu 44 tal-Istatut tal-Impjegati u flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata minnha.

20      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li minn ġurisprudenza miġbura permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Supremo, tal‑10 ta’ Diċembru 2008, jirriżulta, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet ma humiex applikabbli għal impriża prinċipali, li teżerċita attività distinta u li billi ttemm kuntratt konkluż ma’ impriża ta’ tindif, tiddeċiedi li twettaq hija stess direttament it-tindif tal-bini tagħha, peress li dik l-impriża prinċipali ma tistax titqies li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-ftehim kollettiv.

21      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhiex tqis bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23, sitwazzjoni fejn kunsill lokali jiddeċiedi li jwettaq permezz tal-persunal impjegat minnu t-tindif tal-bini tiegħu, meta din l-attività kienet preċedentement eżerċitata minn impriża ta’ tindif bis-saħħa ta’ kuntratt li ġie tterminat, meta l-imsemmija impriża prinċipali impjegat persunal ġdid sabiex twettaq dan ix-xogħol ta’ tindif u meta l-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u postijiet, li jistabbilixxi obbligu ta’ surroga f’tali sitwazzjoni, ma huwiex applikabbli għaliha.

22      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kawża prinċipali, hemmx lok li jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23, minkejja li l-ftehim kollettiv fis-settur tat-tindif ta’ bini u edifiċji tal-provinċja ta’ Toledo ma huwiex applikabbli fil-konfront tal-Ayuntamiento de Cobisa u li dik l-entità għandha l-partikolarità li hija entità pubblika li timpjega, li għandha bħala konsegwenza l-inklużjoni ta’ karatteristiċi speċifiċi fir-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħha, skont l-Artikolu 103(3) tal-Kostituzzjoni Spanjola.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Castilla-La Mancha ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Każ fejn kunsill lokali jieħu lura jew jieħu f’idejh l-attività ta’ tindif tad-diversi bini tiegħu, li preċedentement kienet ipprovduta minn impriża kontraenti, u li għalih il-kunsill lokali impjega persunal ġdid, għandu jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2001/23], kif iddefinit mill-Artikolu 1(1)(a) u (b) tagħha?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar tapplika f’sitwazzjoni fejn kunsill lokali, li kien iħalli t-tindif tal-bini tiegħu f’idejn impriża privata, jiddeċiedi li jittermina l-kuntratt li ntrabat bih ma’ din tal-aħħar u li jeżerċita huwa stess dawk l-attivitajiet ta’ tindif billi jimpjega persunal ġdid għal dan il-għan.

25      Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għal impriżi pubbliċi li huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi kemm jekk jaħdmu bi skop ta’ lukru u kemm jekk le.

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sempliċi fatt li l-persuna li favura jsir it-trasferiment tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku, f’dan il-każ kunsill lokali, ma jippermettix li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ trasferiment li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Mayeur, C‑175/99, Ġabra p. I-7755, punti 29, 33 u 34, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2010, UGT-FSP, C‑151/09, Ġabra p. I-00000, punt 23).

27      Għaldaqstant, il-fatt li, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali, waħda mill-partijiet ikkonċernati tkun kunsill lokali ma jipprekludix, fih inniffsu, li d-Direttiva 2001/23 tkun applikabbli.

28      It-tieni nett, skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li tħaddem bħala riżultat ta’ trasferiment jew ta’ inkorporazzjoni legali.

29      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-portata tal-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi evalwata abbażi biss ta’ interpretazzjoni testwali. Minħabba d-differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva kif ukoll id-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fuq il-kunċett ta’ trasferiment legali, il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni biżżejjed flessibbli lil dan il-kunċett sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva li huwa, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha, li jiġu protetti l-impjegati f’każ ta’ trasferiment tal-impriża tagħhom (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2007, Jouini et C‑458/05, Ġabra p. I‑7301, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-Direttiva 77/187, kif ikkodifikata bid-Direttiva 2001/23, kienet applikabbli għal kwalunkwe każ ta’ tibdil, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, tal-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-impriża li tassumi l-obbligi ta’ min iħaddem favur l-impjegati tal-impriża (ara s-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C‑171/94 u C‑172/94, Ġabra p. I‑1253, punt 28, kif ukoll tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hernández Vidal et, C‑127/96, C-229/96 u C-74/97, Ġabra p. I-8179, punt 23).

31      Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 sitwazzjoni fejn impriża li kienet tirrikorri għal impriża oħra għat-tindif tal-bini tagħha jew parti minnhom, tiddeċiedi li tittermina l-kuntratt li kien jorbotha ma’ din tal-aħħar u li minn dakinhar twettaq hija stess dawn ix-xogħolijiet (ara s-sentenza Hernández Vidal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

32      Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż a priori li d-Direttiva 2001/23 tapplika f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn kunsill lokali jiddeċiedi unilateralment li jittermina l-kuntratt li ntrabat bih ma’ impriża privata u li jeżerċita huwa stess l-attivitajiet ta’ tindif li awtorizzaha li twettaq.

33      Sabiex tkun applikabbli d-Direttiva 2001/23, it-trasferiment għandu, madankollu, skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ dik id-direttiva, ikun jirrigwarda entità ekonomika li żżomm l-identità tagħha wara l-bidla ta’ min iħaddem.

34      Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali entità iżżommx l-identità tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni, fosthom, b’mod partikolari, it-tip ta’ impriża jew negozju inkwistjoni, it-trasferiment jew nuqqas ta’ trasferiment ta’ elementi korporali, bħal bini jew beni mobbli, il-valur tal-elementi inkorporali meta seħħ it-trasferiment, l-impjieg jew in-nuqqas ta’ impjieg tal-maġġoranza tal-persunal mill-proprjetarju l-ġdid, it-trasferiment jew in-nuqqas ta’ trasferiment tal-klijentela, kif ukoll il-livell ta’ xebh bejn l-attivitajiet imwettqa qabel u dawk imwettqa wara t-trasferiment u t-tul ta’ eventwali sospensjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Dawn l-elementi madankollu jikkostitwixxu biss aspetti parzjali tal-evalwazzjoni komplessiva li għandha ssir u ma jistgħux għaldaqstant jiġu evalwati b’mod iżolat (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 1986, Spijkers, 24/85, Ġabra p. 1119, punt 13; tad‑19 ta’ Mejju 1992, Redmond Stichting, C-29/91, Ġabra p. I-3189, punt 24; tal‑11 ta’ Marzu 1997, Süzen, C-13/95, Ġabra p. I-1259, punt 14, kif ukoll tal‑20 ta’ Novembru 2003, Abler et, C-340/01, Ġabra p. I-14023, punt 33).

35      Preċedentement il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li entità ekonomika tista’, f’ċerti setturi, tiffunzjona mingħajr ebda assi tanġibbli jew mhux tanġibbli sinjifikattivi, b’tali mod li ż-żamma tal-identità tagħha wara t-tranżazzjoni li taffettwaha ma tistax, loġikament, tiddependi fuq it-trasferiment ta’ tali assi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Süzen, punt 18; Hernández Vidal et, punt 31, u UGT-FSP, punt 28).

36      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sa fejn, f’ċerti setturi li fihom l-attività hija essenzjalment ibbażata fuq il-ħaddiema, grupp ta’ ħaddiema li jwettaq fit-tul attività ekonomika jista’ jikkostitwixxi entità ekonomika, tali entità tista’ żżomm l-identità tagħha wara t-trasferiment tagħha meta l-proprjetarju l-ġdid ma jillimitax ruħu li jkompli l-attività inkwistjoni iżda jieħu wkoll il-maġġoranza, f’termini ta’ numru u ta’ kompetenzi, tal-persunal li l-predeċessur tiegħu kien speċifikament jiddedika għal din il-funzjoni. F’dan il-każ, il-proprjetarju l-ġdid effettivament jikseb il-grupp organizzat ta’ elementi li jippermettilu li b’mod stabbli jkompli l-attivitajiet jew uħud mill-attivitajiet tal-proprjetarju preċedenti (ara s-sentenzi Süzen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21; Hernández Vidal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32; tal‑10 ta’ Diċembru 1998, Hidalgo et, C-173/96 u C-247/96, Ġabra p. I-8237, punt 32; tal‑24 ta’ Jannar 2002, Temco, C-51/00, Ġabra p. I-969, punt 33, kif ukoll UGT-FSP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

37      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-punt 31 ta’ din is-sentenza, ma huwiex importanti jekk it-teħid tal-maġġoranza tal-persunal isirx fil-kuntest tat-trasferiment legali nnegozzjat bejn min jagħmel it-trasferiment u min isirlu t-trasferiment jew jekk dan jirriżultax minn deċiżjoni unilaterali tal-proprjetarju preċedenti tal-impriża li jittermina l-kuntratti ta’ xogħol tal-persunal ittrasferiti, segwita minn deċiżjoni unilaterali tal-proprejtaru l-ġdid tal-impriża li jimpjega l-maġġoranza tal-istess persunal sabiex jeżeġwixxi l-istess kompiti.

38      Fil-fatt, jekk, f’każ ta’ impjieg mill-ġdid ta’ parti essenzjali tal-persunal, l-eżistenza ta’ trasferiment, fis-sens tad-Direttiva 2001/23, tkun subordinata għall-oriġini kuntrattwali biss ta’ tali impjieg, il-protezzjoni tal-ħaddiema, mixtieqa minn dik id-direttiva, titħalla fid-diskrezzjoni tal-proprjetarji tal-impriżi u dawn tal-aħħar jitpoġġew f’pożizzjoni li jevitaw, billi ma jikkonkludux kuntratt, l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, bi ħsara għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema ttrasferiti li huma madankollu ggarantiti mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23.

39      Huwa minnu li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, attività ta’ tindif, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ tiġi kkunsidrata bħala attività li hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hernández Vidal et, punt 27; Hidalgo et, punt 26, kif ukoll Jouini et, punt 32) u, konsegwentement, grupp ta’ ħaddiema li jwettqu b’mod stabbli attività komuni ta’ tindif jista’, fin-nuqqas ta’ fatturi oħra tal-produzzjoni, jikkorrispondi għal entità ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Hernández Vidal et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27). Huwa meħtieġ ukoll, madankollu, li l-identità ta’ din tal-aħħar tinżamm wara t-tranżazzjoni kkonċernata.

40      F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Ayuntamiento de Cobisa, bil-għan li jeżerċita huwa stess l-attivitajiet ta’ tindif tal-iskejjel u l-bini tiegħu, preċedentement imwettaq minn CLECE, impjega persunal ġdid, mingħar ma impjega lill-ħaddiema preċedentement inkarigati minn CLECE sabiex iwettqu dawk l-attivitajiet, u barra minn hekk lanqas ħa l-elementi ta’ assi materjali jew mhux materjali ta’ dik l-impriża. F’dawk il-kundizzjonijiet, l-uniku element li jistabbilixxi rabta bejn l-attivitajiet eżerċitati minn CLECE u dawk assunti mill-Ayuntamiento de Cobisa huwa kkostitwit mis-suġġett tal-attività kkonċernata, jiġifieri t-tindif tal-bini.

41      Issa, is-sempliċi fatt li l-attività eżerċitata minn CLECE u dik eżerċitata mill-Ayuntamiento de Cobisa huma simili, jekk mhux ukoll identiċi, ma jippremettix li jiġi konkluż li nżammet l-identità ta’ entità ekonomika. Fil-fatt, entità ma tistax tiġi limitata għall-attività li ġiet fdata lilha. L-identità tagħha tirriżulta minn pluralità inseparabbli ta’ elementi bħall-persunal li jikkomponiha, il-persunal ta’ sorveljanza tagħha, l-organizzazzjoni tax-xogħol tagħha, il-metodi tagħha ta’ kif tiffunzjona jew anki, fejn xieraq, ir-riżorsi operazzjonali disponibili għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Süzen, punt 15; Hernández Vidal et, punt 30, kif ukoll Hidalgo et, punt 30). B’mod partikolari, l-identità ta’ entità ekonomika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija bbażata essenzjalment fuq il-ħaddiem, ma tistax tinżamm jekk il-maġġoranza tal-persunal tagħha ma jittieħedx minn dak li lilu jsir it-trasferiment.

42      Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-applikabbiltà eventwali ta’ regoli ta’ protezzjoni nazzjonali, is-sempliċi teħid, fil-kawża prinċipali, mill-Ayuntamiento de Cobisa, tal-attivitajiet ta’ tindif preċedentement mwettqa minn CLECE ma jistax, fih innifsu, jirrileva l-eżistenza ta’ trasferiment fis-sens tad-Direttiva 2001/23.

43      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 1(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma tapplikax għal sitwazzjoni fejn kunsill lokali, li kien iħalli t-tindif tal-bini tiegħu f’idejn impriża privata, jiddeċiedi li jittermina l-kuntratt li ntrabat bih ma’ din tal-aħħar u li jeżerċita huwa stess l-attività ta’ tindif tal-imsemmi bini, billi jimpjega persunal ġdid għal dan il-għan.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(1)(a) u (b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE, tat‑12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma tapplikax għal sitwazzjoni fejn kunsill lokali, li kien iħalli t-tindif tal-bini tiegħu f’idejn impriża privata, jiddeċiedi li jittermina l-kuntratt li ntrabat bih ma’ din tal-aħħar u li jeżerċita huwa stess l-attività ta’ tindif tal-imsemmi bini, billi jimpjega persunal ġdid għal dan il-għan.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.