Kawża C-352/09 P

ThyssenKrupp Nirosta GmbH, li kienet ThyssenKrupp Stainless AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Komunitarju tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 — Kompetenza tal-Kummissjoni — Prinċipji ta’ nulla poena sine lege u ta’ awtorità ta’ res judicata — Drittijiet tad-difiża — Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur — Trasferiment tar-responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni — Preskrizzjoni — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Akkordji — Akkordji suġġetti ratione materiae u ratione temporis għas-sistema legali tat-Trattat KEFA — Skadenza tat-Trattat KEFA — Żamma ta’ kontroll mill-Kummissjoni li taġixxi abbażi tar-Regolament Nru 1/2003

(Artikolu 65(1) KEFA; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Skadenza tat-Trattat KEFA — Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-konfront ta’ impriża wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA u li tirrigwarda fatti li seħħew qabel l-iskadenza ta’ dan it-trattat — Prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni — Prinċipju tal-aspettattivi leġittimi — Portata — Responsabbiltà tal-impriżi għall-aġir tagħhom li jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tas-suċċessjoni tal-qafas ġuridiku tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA — Regoli sostantivi — Regoli proċedurali

(Artikolu 65(1) u (5) KEFA; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 49(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 7(1) u 23(2))

3.        Rikors għal annullament — Sentenza ta’ annullament — Portata — Awtorità assoluta ta’ res judicata — Portata

4.        Appell — Aggravji — Raġunijiet ta’ sentenza vvizzjati minn ksur tad-dritt tal-Unjoni — Dispożittiv ibbażat fuq raġunijiet oħra ta’ dritt — Ċaħda

5.        Kompetizzjoni — Regoli tal-Unjoni — Ksur — Imputazzjoni — Ksur imwettaq minn entità li għadha teżisti u li tressqet azzjoni kontriha minn entità oħra suċċessur tagħha fl-attività ekonomika fis-suq ikkonċernat — Imputazzjoni tal-ksur kollu lil din l-entità l-oħra

(Artikolu 81(1) u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

6.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Preskrizzjoni fil-qasam tal-proċedimenti — Imputazzjoni tal-ksur lil persuna ġuridika differenti mill-persuna responsabbli mit-tmexxija tal-impriża matul il-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 25(1) sa (6); Deċiżjoni ġenerali Nru 715/78, Artikolu 1(1) sa (3))

7.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

8.        Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Artikoli 225(1) u 229 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31)

1.        Skont il-prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, li l-oriġini jmorru lura sad-dritt Ruman, hemm lok, fil-każ ta’ bidla fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li jiġi espress mod ieħor mil-leġiżlatur, il-kontinwità tal-istrutturi legali. Dan il-prinċipju japplika għall-emendi fid-dritt primarju tal-Unjoni.

Ma teżisti, f’dan ir-rigward, ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-aġir kollużiv ipprojbit taħt it-Trattat KEFA jaħrab mill-applikazzjoni ta’ kull sanzjoni wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar. Is-suċċessjoni tat-Trattati KEFA, KE u FUE jiżguraw, sabiex jiggarantixxu kompetizzjoni libera, illi kull aġir li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt stipulat fl-Artikolu 65(1) KEFA, kemm jekk sar qabel kif ukoll wara l-iskadenza tat-Trattat, fit-23 ta’ Lulju 2002 seta’ jiġi ssanzjonat mill-Kummissjoni u għadu jista’ jiġi ssanzjonat.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kontra l-għan u l-koerenza tat-Trattati u irrikonċiljabbli mal-kontinwità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jekk il-Kummissjoni ma tkunx kompetenti sabiex tiżgura applikazzjoni uniformi tar-regoli marbuta mat-Trattat KEFA u li jibqgħu jipproduċu effetti anki wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma twettaqx żball ta’ liġi meta tinterpreta r-Regolament Nru 1/2003 fis-sens li jippermetti lill-Kummissjoni li tikkonstata u li tissanzjona, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, l-akkordji mwettqa fl-oqsma li jifformaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis.

(ara l-punti 72, 74, 77, 78)

2.        Il-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni, kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet. Barra minn hekk, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jeħtieġ li tali leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-firxa tal-obbligi li din timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu jsiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jadottaw l-aġir tagħhom b’mod konsegwenti. F’dan ir-rigward, peress li t-Trattati jistabbilixxu b’mod ċar il-ksur kif ukoll in-natura u d-daqs tas-sanzjonijiet li setgħu jiġu imposti fuq l-impriżi abbażi tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni u l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma humiex intiżi sabiex jiżguraw lill-impriżi li bidliet ulterjuri fil-bażi legali u fid-dispożizzjonijiet proċedurali jippermettulhom li jevitaw kull sanzjoni relattiva għall-aġir illegali tagħhom imwettaq fil-passat.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar sitwazzjoni legali adottata b’mod definittiv wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA u li ġiet adottata kontra impriża, wara l-iskadenza tat-Trattat imsemmi, il-Qorti Ġenerali ma twettaqx żball meta tikkonkludi, min-naħa waħda, li l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien kif ukoll il-ħtiġijiet relattivi għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 65(1) u (5) KEFA għall-fatti li seħħew qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA u li jiffurmaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ratione materiæ u ratione temporis ta’ dan it-trattat. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 65(1) u (5) KEFA kien jipprovdi bażi legali ċara għas-sanzjoni imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, b’tali mod li impriża diliġenti ma setgħet f’ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha u lanqas tistrieħ fuq il-fatt li s-suċċessjoni tal-qafas legali tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA jkollha bħala konsegwenza li tevitalha kull sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq fil-passat.

F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tmexxi l-proċedura b’mod konformi mal-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, id-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att u r-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw mill-mument meta dawn jidħlu fis-seħħ.

(ara l-punti 79-83, 86-88)

3.        Il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata għandu importanza fundamentali, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali. Il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata japplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi li kienu effettivament jew neċessarjament deċiżi bid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni.

Meta l-Qorti tal-Unjoni jkollha tillimita ruħha sabiex tiddetermina l-kontenut ta’ dikjarazzjoni magħmula minn impriża, biex tikkonstata li d-dikjarazzjoni msemmija hija intiża sabiex twettaq trasferiment ta’ responsabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur minn kumpannija għal oħra, id-deċiżjoni dwar il-legalità ta’ din l-operazzjoni tikkostitwixxi obiter dictum ippronunzjat lil hinn mil-limiti tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Unjoni li ma tiddeċiedi la effettivament u lanqas neċessarjament punt ta’ liġi. Għaldaqstant, din ma tistax tkun suġġetta għall-awtorità ta’ res judicata.

(ara l-punti 123, 131, 132)

4.        Jekk mir-raġunijiet ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ raġunijiet oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud.

(ara l-punt 136)

5.        Bħala prinċipju, huwa obbligu tal-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża fil-mument meta twettaq il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li tirrispondi għal dan il-ksur, anki jekk, fil-ġurnata tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, it-tmexxija tal-impriża tkun tqiegħdet taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra. Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi entità li ma hijiex l-awtur tal-ksur tista’ xorta waħda tiġi ssanzjonata għalih, tali ipoteżi tqum f’sitwazzjoni fejn l-entità li wettqet il-ksur waqfet milli teżisti ġuridikament jew ekonomikament, peress li sanzjoni imposta fuq impriża li ma teżerċitax iktar attivitajiet ekonomiċi, tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv.

Meta impriża, li nħolqot mill-konċentrazzjoni tal-attivitajiet ta’ żewġ impriżi, tikkonferma b’mod espress, permezz ta’ dikjarazzjoni, li trid tassumi, bħala impriża li twettaq l-attivitajiet ekonomiċi involuti f’akkordju, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ entità li tappartjeni lil waħda min dawn il-kumpanniji, minħabba l-multa li l-Kummissjoni tista’ timponi fuqha fil-kuntest tal-azzjonijiet ippreżentati minħabba l-imsemmi akkordju, il-konsegwenza legali tat-trasferiment tar-responsabbiltà li l-impriża assumiet permezz tad-dikjarazzjoni msemmija hija perfettament preċiża u prevedibbli għaliha.

L-impriża li assumiet din ir-responsabbiltà ma tistax titlob ir-revoka tad-dikjarazzjoni tagħha f’mument meta l-Kummissjoni, abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, tkun effettivament imponitilha multa. Madankollu, l-irrevokabbiltà sussegwenti ta’ din id-dikjarazzjoni ma tipprekludix lill-impriża msemmija milli tikkontesta, permezz ta’ rikors quddiem il-Qrati tal-Unjoni, l-interpretazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni jew ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, peress li din l-irrevokabbiltà ma tistax tillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 143, 144, 149, 150, 153-155)

6.        Kemm l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Ġenerali Nru 715/78, dwar il-perijodi ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-proċedimenti u tal-infurzar ta’ sanzjonijiet skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar, kif ukoll l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jissuġġettaw is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Dan it-terminu qasir, b’mod konformi mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 715/78 u mal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq jew jintemm il-ksur u jista, abbażi tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 u tal-Artikolu 25(3) sa (6) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġi interrott u sospiż.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni fuq impriża li assumiet, bħala akkwirent ta’ entità ekonomika, ir-responsabbiltà għall-aġir li jikkostitwixxi ksur tal-entità msemmija, il-preskrizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward tal-impriża li tassumi r-responsabbiltà, peress li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni timponi multa biss fir-rigward tagħha. B’mod partikolari, għalkemm huwa minnu li ċerti atti tal-entità ttrasferita jistgħu jibqgħu joħolqu effetti fir-rigward tal-impriża li tassumi r-responsabbiltà u li preskrizzjoni konkluża fir-rigward ta’ din l-impriża ma tistax tiġi eskluża permezz ta’ trasferiment tar-responsabbiltà, minn dan ma jirriżultax li l-preskrizzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-impriża msemmija.

(ara l-punti 166-168)

7.        It-tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell, jista’ jkun iġġustifikat biss meta l-informazzjoni pprovduta u l-aġir tal-impriża inkwistjoni jkunu jistgħu jitqiesu li juru kooperazzjoni reali min-naħa tagħha.

(ara l-punt 176)

8.        Meta l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li impriża ma kellhiex tibbenefika minn tnaqqis addizzjonali tal-multa ’l fuq mill-20 % diġà mogħti, hija twettaq, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, mogħtija lilha, b’applikazzjoni tal-Artikolu 229 KE, mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, evalwazzjoni ta’ natura fattwali, suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ appell.

F’dan ir-rigward, mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżatezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-fajl li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali. L-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief fil-każ ta’ interpretazzjoni ħażina tal-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali.

(ara l-punti 179, 180)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

29 ta’ Marzu 2011 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Komunitarju tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 65 KEFA wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Kompetenza tal-Kummissjoni – Prinċipji ta’ nulla poena sine lege u ta’ awtorità ta’ res judicata – Drittijiet tad-difiża – Imputabbiltà tal-aġir li jikkostitwixxi ksur – Trasferiment tar-responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni – Preskrizzjoni – Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva”


Werrej


I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

B –  Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

C –  Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

D –  Id-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

“Artikolu 1

Artikolu 2

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

IV –  It-talbiet tal-partijiet

V –  Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

VI –  Fuq l-appell

A –  Fuq l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ nulla poena sine lege u “ta’ preċiżjoni” kif ukoll fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

B –  Fuq it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju

1.  Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi li tolqot l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

2.  Fuq l-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-prinċipju ta’ awtoritŕ ta’ res judicata u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)  Fuq l-ammissibbiltà tal-imsemmi argument

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

b)  Fuq il-mertu

i)  L-argumenti tal-partijiet

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

3.  Fuq it-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tat-tieni parti tat-tielet aggravju bbażati fuq in-nuqqas ta’ trasferiment tar-responsabbiltŕ li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 u fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni”

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

C –  Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

D –  Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

VII –  Fuq l-ispejjeż

Fil-Kawża C‑352/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-2 ta’ Settembru 2009,

ThyssenKrupp Nirosta GmbH, li kienet ThyssenKrupp Stainless AG, stabbilita f’Duisburg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn M. Klusmann, Rechtsanwalt, u S. Thomas, Universitätsprofessor,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre u R. Sauer, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, K. Schiemann, A. Arabadjiev (Relatur) u J.-J. Kasel, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, T. von Danwitz u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, ThyssenKrupp Nirosta GmbH (li kienet ThyssenKrupp Stainless AG) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej tal-1 ta’ Lulju 2009, ThyssenKrupp Stainless vs Il‑Kummissjoni (T‑24/07, Ġabra p. II-2309, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet kemm it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [KEFA] (Każ COMP/F/39.234 − Ħlas addizzjonali fuq il-liga, adozzjoni mill-ġdid) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), kif ukoll it-talba sussidjarja tagħha intiża għat-tnaqqis tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha bid-deċiżjoni kkontestata.

2        Bid-deċiżjoni msemmija, il-Kummissjoni kkunsidrat li Thyssen Stahl AG (iktar ’il quddiem “Thyssen Stahl”) kienet kisret, mis-16 ta’ Diċembru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994, l-Artikolu 65(1) KEFA billi bidlet u applikat b’mod miftiehem il-valuri ta’ riferenza tal-formula ta’ kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga u imponiet, minħabba f’hekk, multa ta’ EUR 3 168 000 fuq ThyssenKrupp Stainless AG.

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KEFA

3        L-Artikolu 65 KEFA kien jipprovdi:

“1.      Għandhom ikunu pprojbiti l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li, direttament jew indirettament, jista’ jkollhom bħala effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u b’mod partikolari dawk li jinvolvu:

a)      l-iffissar tal-prezzijiet;

b)      il-limitazzjoni jew il-kontroll tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment;

ċ)      it-tqassim tas-swieq, tal-prodotti, tal-klijenti jew tal-fonti ta’ provvista.

[…]

4.      L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli u ma jistgħu jiġu invokati quddiem ebda qorti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha kompetenza esklużiva, bla ħsara għad-dritt li jitressqu proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, biex tiddeċiedi jekk l-imsemmija akkordji jew deċiżjonijiet humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

5.      Fuq l-impriżi li jkunu kkonkludew akkordju li huwa awtomatikament null, jew li jkunu applikaw jew ippruvaw japplikaw, permezz ta’ arbitraġġ, penali, bojkott jew b’xi mezz ieħor, akkordju jew deċiżjoni li huma awtomatikament nulli jew akkordju li l-approvazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata jew revokata, jew li jkunu kisbu awtorizzazzjoni permezz ta’ informazzjoni xjentement falza jew qarrieqa, jew li jwettqu prattiki li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ timponi multi jew penali perjodiċi li ma jistgħux jeċċedu d-doppju tad-dħul mill-bejgħ magħmul fuq il-prodotti li kienu s-suġġett tal-akkordju, tad-deċiżjoni jew tal-prattika li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu; madankollu, jekk l-għan tal-akkordju jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-produzzjoni, tal-iżvilupp tekniku jew tal-investiment, dan il-massimu jista’ jiżdied sa 10 % tad-dħul mill-bejgħ annwali tal-impriżi inkwistjoni, fir-rigward tal-multa, u sa 20 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ kuljum, fir-rigward tal-penali perjodiċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        B’mod konformi mal-Artikolu 97 KEFA, it-Trattat KEFA skada fit-23 ta’ Lulju 2002.

B –  Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

5        L-Artikolu 305(1) KE kien jipprovdi:

“Id-disposizzjonijiet ta’ dan it-Trattat m’għandhomx jolqtu l-dawk tat-Trattat li stabilixxa il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, b’mod partikolari għal dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet u l-obbligi ta’ l-Istati Membri, is-setgħat ta’ l-istituzzjonijiet ta’ dik il-Komunità, u r-regoli stipulati minn dak it-Trattat għall-funzjonament tas-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar.”

C –  Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

6        Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1), “[g]ħal għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE], il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa prevista minn dan ir-Regolament”.

7        L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Is-sejba u t-temm tal-ksur”, jipprovdi:

“1.      Fejn il-Kummissjoni, taggixxi fuq ilment jew fuq l-inizjattiva proprja tagħha, issib li hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 [KE] jew ta’ l-Artikolu 82 [KE] tat-Trattat, tista’ b’deċiżjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża konċernata li itemm dan il-ksur. […] Jekk il-Kummissjoni għandha interessi leġittimi li tagħmel hekk, hija tista issib li kien hemm xi ksur li sar fil-passat.

[…]”

8        Skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi meta, jew b’intenzjoni jew b’negliġenza jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE.

D –  Id-dispożizzjonijiet dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa

9        Il-punt D tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar ‘il quddiem “il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”) jipprovdi:

“1.      Meta impriża tikkopera mingħajr ma’ l-kundizzjonijiet esposti fil-[punti] B u C jiġu kollha sodisfatti, hija tibbenefika minn riduzzjoni bejn 10 sa 50% ta’ l-ammont li kien jiġi mpost fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2.      Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk:

–        qabel ma tiġi mibgħuta komunikazzjoni ta’ l-ilmenti, impriża tressaq lill-Kummissjoni l-informazzjoni, id-dokumenti jew provi oħra li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur kommess,

–        wara li tkun rċeviet il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti, l-impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija ma tikkontestax il-mertu tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-akkużi tagħha.”

II –  Il-fatti li wasslu għall-kawża

10      Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif esposti fil-punti 10 sa 32 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej.

11      Fl-1 ta’ Jannar 1995, Krupp Thyssen Nirosta GmbH, kumpannija rregolata taħt il-liġi Ġermaniża, ġiet stabbilita bħala riżultat tal-fużjoni tal-attivitajiet fis-settur tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli ta’ Thyssen Stahl u ta’ Fried Krupp AG Hoesch-Krupp. Thyssen Stahl kompliet teżerċita l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti f’setturi oħra. Wara diversi bidliet fl-isem tal-kumpannija, Krupp Thyssen Nirosta GmbH saret ThyssenKrupp Stainless AG u, finalment, ThyssenKrupp Nirosta GmbH.

12      L-azzar inossidabbli huwa tip ta’ azzar speċjali li l-kwalità prinċipali tiegħu hija r-reżistenza tiegħu għall-korrużjoni minħabba l-użu ta’ elementi differenti ta’ liga (nikil, kromju u molibdenu). Dan jintuża fil-forma ta’ prodotti ċatti (folji jew rukkelli; laminati bis-sħana jew bil-kesħa) jew ta’ prodotti twal (twavel, virga tal-wajer, sezzjonijiet; laminati bis-sħana jew lesti), li l-maġġorparti tagħhom taqa’ taħt it-Trattat KEFA.

13      Fis-16 ta’ Marzu 1995, il-Kummissjoni talbet lil diversi produtturi tal-azzar inossidabbli jgħaddulha informazzjoni fuq żieda fil-prezzijiet, magħrufa bl-isem ta’ “ħlas addizzjonali fuq il-liga”, u kkalkolata fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-komponenti tal-liga, li jiġi miżjud mal-prezz bażiku tal-azzar inossidabbli. Il-valur tal-komponenti tal-liga msemmija jirrappreżenta parti sostanzjali u varjabbli ħafna mill-ispejjeż ta’ produzzjoni. Fid-19 ta’ Diċembru 1995, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 19-il impriża.

14      Matul ix-xhur minn Diċembru 1996 sa Jannar 1997, ċerti impriżi, fosthom l-appellanti u Thyssen Stahl, għarrfu lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jikkooperaw. Fl-24 ta’ April 1997, din tal-aħħar ikkomunikat lil kull waħda mill-impriżi kkonċernati, fosthom lill-appellanti u lil Thyssen Stahl, dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida, li dawn iż-żewġ impriżi rrispondew għaliha b’mod individwali.

15      B’ittra tat-23 ta’ Lulju 1997 indirizzata lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997”), l-appellanti indikat dan li ġej:

“Fir-rigward tal-proċedura msemmija fis-suġġett [Każ IV/35.814 – ThyssenKrupp Stainless], inti tlabt lir-rappreżentant legali ta’ [Thyssen Stahl] sabiex [l-appellanti] tikkonferma espressament li hija kienet qed tassumi r-responsabbiltà għal kwalunkwe atti imwettqa minn [Thyssen Stahl], wara t-trasferiment tas-settur ta’ attività tal-prodotti ċatti inossidabbli ta’ [Thyssen Stahl], inkwantu huma kkonċernati l-prodotti ċatti inossidabbli, li huma s-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, u dan ukoll għall-perijodu li jmur lura sal-1993. Bil-preżenti, aħna nikkonfermawlek dan espressament.”

16      Bid-Deċiżjoni 98/247/KEFA, tal-21 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura skont l-Artikolu 65  tat-Trattat KEFA (Każ IV/35.814 – Ħlas addizzjonali fuq il-liga) (ĠU L 100, p. 55, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-maġġorparti tal-produtturi ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli, fosthom l-appellanti u Thyssen Stahl, qablu, matul laqgħa miżmuma f’Madrid (Spanja) fis-16 ta’ Diċembru 1993, li jgħollu b’mod miftiehem il-prezzijiet tagħhom billi jibdlu l-parametri tal-kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga mill-1 ta’ Frar 1994. Hija kkunsidrat li minħabba dan il-fatt l-impriżi kkonċernati kienu kisru l-Artikolu 65(1) KEFA.

17      Id-deċiżjoni inizjali kienet ġiet innotifikata lill-appellanti u mhux lil Thyssen Stahl għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat, abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li l-appellanti kienet responsabbli għall-aġir ta’ Thyssen Stahl. Għaldaqstant, hija imponiet fuqha multa anki minħabba l-fatti lmentati kontra Thyssen Stahl u li jirrigwardaw il-perijodu inkluż bejn Diċembru 1993 u l-1 ta’ Jannar 1995.

18      Fil-11 ta’ Marzu 1998, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, b’mod partikolari, għall-anullament tad-deċiżjoni inizjali.

19      Bis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni (T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inizjali sa fejn din kienet timputa lill-appellanti r-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA mwettaq minn Thyssen Stahl u bħala konsegwenza naqqset il-multa. Din qieset li l-Kummissjoni ma kinitx poġġiet lill-appellanti f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-fatti lmentati kontra Thyssen Stahl u għalhekk, kienet kisret id-drittijiet tad-difiża.

20      Bis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni (C‑65/02 P u C‑73/02 P, Ġabra p. I-6773), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-appellanti u mill-Kummissjoni kontra din is-sentenza.

21      Wara skambji ta’ korrispondenza mal-appellanti u ma’ Thyssen Stahl, il-Kummissjoni, fil-5 ta’ April 2006, bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-appellanti. B’ittra tas-17 ta’ Mejju 2006, l-appellanti rrispondiet għal din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fil-15 ta’ Settembru 2006 inżammet seduta pubblika.

22      Fl-20 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Mill-preambolu ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li din hija bbażata, b’mod partikolari, fuq it-Trattat KEFA, partikolarment fuq l-Artikolu 65 KEFA, kif ukoll fuq it-Trattat KE u r-Regolament Nru 1/2003. B’mod partikolari, il-parti dispożittiva tad-deċiżjoni msemmija tipprovdi:

 “Artikolu 1

[Thyssen Stahl] kisret l-Artikolu 65(1) KEFA mis-16 ta’ Settembru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994 billi mmodifikat u applikat il-valuri ta’ referenza tal-formula ta’ kalkolu tal-ħlas addizzjonali fuq il-liga, prattika li kellha bħala għan u effett li tirristrinġi u twassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni normali fis-suq komuni.

 Artikolu 2

1.      Għall-ksur msemmi fl-Artikolu [1], multa ta’ EUR 3 168 000 hija imposta.

2.      Minħabba li b[id-dikjarazzjoni] tat-23 ta’ Lulju 1997 [l-appellanti] assumiet ir-responsabbiltà għall-aġir ta’ [Thyssen Stahl], il-multa hija imposta fuq [l-appellanti].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

23      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Frar 2007, l-appellanti ppreżentat kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod konformi mal-Artikoli 225 KE u 230 KE.

24      Bl-ewwel motiv tagħha, l-appellanti invokat ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA wara li kien skada t-Trattat KEFA. It-tieni motiv tagħha kien jirrigwarda n-natura illegali tal-applikazzjoni fl-istess ħin tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 65 KEFA. Bit-tielet motiv tagħha, l-appellanti invokat ksur tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija ma kinitx responsabbli għall-aġir ta’ Thyssen Stahl.

25      Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, l-appellanti osservat li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx tkun il-bażi tar-responsabbiltà tagħha, u lanqas tat-trasferiment tal-oneru tal-ħlas tal-multa. Bil-ħames motiv tagħha, hija sostniet li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-“prinċipju ta’ preċiżjoni”, peress li la l-bażi legali sabiex tiġi imposta sanzjoni u lanqas il-kunċett ta’ “teħid tar-responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni privata” ma kienu ġew stabbiliti b’mod ċar biżżejjed.

26      Is-sitt motiv tar-rikors kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem minħabba t-trasferiment tar-responsabbiltà permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ natura privata. Bis-seba’ motiv tagħha, l-appellanti ppretendiet li l-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl kien preskritt. It-tmien u d-disa’ motivi tar-rikors kienu bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba, min-naħa waħda, ksur tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u, min-naħa l-oħra, l-irregolarità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

27      Sussidjarjament, l-appellanti sostniet, fil-kuntest tal-għaxar motiv, li l-ammont tal-multa kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa tagħha tar-realtà tal-ksur b’mod sħiħ.

28      Fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, huwa ppreċiżat li t-trattazzjonijiet tal-partijiet instemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2008 u li, matul din is-seduta, l-appellanti indikat li kienet qiegħda tirrevoka d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, liema att tniżżel fil-proċess verbal tas-seduta.

29      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors u kkundannat lill-appellanti għall-ispejjeż.

30      Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset qabel kollox li l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA, wara t-23 ta’ Lulju 2002, għal fatti li seħħew qabel din id-data ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u li, għall-finijiet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni setgħet tibbaża l-kompetenza tagħha fuq ir-Regolament Nru 1/2003. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonstatat, fis-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, liema sentenza għandha l-awtorità ta’ res judicata, li l-appellanti kienet, bis-saħħa tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, responsabbli għall-aġir ta’ Thyssen Stahl.

31      Sussegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, il-bażijiet legali tas-sanzjoni u tal-imsemmi trasferiment tar-responsabbiltà kienu ddeterminati b’mod ċar biżżejjed, min-naħa waħda, fl-Artikoli 7(1) u 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u, min-naħa l-oħra, fid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997. L-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ġie miċħud peress li, abbażi tad-dikjarazzjoni msemmija, il-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl kien imputabbli għall-appellanti. Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-ksur ma kienx preskritt peress li l-preskrizzjoni kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-appellanti u peress li din kienet sospiża matul il-proċedura ġudizzjarja fir-rigward tad-deċiżjoni inizjali.

32      Finalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet regolari u li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-dritt tal-appellanti li taċċedi għall-fajl u lanqas ma wettqet żball meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-allegat nuqqas ta’ kontestazzjoni tar-realtà tal-ksur imsemmi.

IV –  It-talbiet tal-partijiet

33      L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

34      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u tikkonferma s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V –  Fuq it-talba intiża għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

35      B’att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn din kellha tevalwa l-kwistjonijiet dwar “restrizzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata bil-prinċipju tal-kontradittorju”, dwar il-possibbiltà li l-Kummissjoni timponi multa fuq Thyssen Stahl, f’fażi amministrattiva sussegwenti għall-adozzjoni ta’ din is-sentenza u għall-aġir ikkontestat, jew dwar il-konsegwenzi tal-annullament tad-deċiżjoni inizjali fuq is-sospensjoni tal-preskrizzjoni. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, dawn il-kwistjonijiet diġà ġew eżaminati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 155, 174 sa 176 u 198 sa 212 tal-konklużjonijiet tiegħu, iżda ma humiex is-suġġett tal-kwistjoni u ma ġewx diskussi bejn il-partijiet.

36      Skont l-imsemmija dispożizzjoni, instema’ l-Avukat Ġenerali fir-rigward ta’ din it-talba.

37      Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C‑42/07, Ġabra p. I‑7633, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha, f’dan il-każ, il-provi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi l-kwistjoni u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fir-rigward ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

39      Għalhekk, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

VI –  Fuq l-appell

40      L-appellanti tinvoka ħames aggravji. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, minħabba l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA wara t-23 ta’ Lulju 2002, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għal ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, fuq ksur tas-sovranità tal-Istati firmatarji tat-Trattat KEFA u fuq il-karattru inapplikabbli tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, González y Díez vs Il‑Kummissjoni (T‑25/04, Ġabra p. II‑3121) għall-fatti tal-każ.

41      Bit-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tosserva li l-imputazzjoni li saret fil-konfront tagħha tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Thyssen Stahl ma kinitx is-suġġett ta’ konstatazzjoni li kellha l-awtorità ta’ res judicata fis-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, li din kisret id-drittijiet tad-difiża u li din iddeċidiet b’mod żbaljat li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kienet ittrasferixxiet fuqha r-responsabbiltà ta’ Thyssen Stahl.

42      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ preċiżjoni, kemm tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tal-imsemmi trasferiment tar-responsabbiltà, li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrileva b’mod żbaljat. Bir-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni. Il-ħames aggravju tal-appell huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji dwar il-kalkolu tal-ammont tal-multa.

A –  Fuq l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ nulla poena sine lege u “ta’ preċiżjoni” kif ukoll fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

43      Bl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tosserva, fl-ewwel lok, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA wara t-23 ta’ Lulju 2002 tikser il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, it-Trattat KEFA u l-kompetenzi li dan jagħti lill-Kummissjoni li skada f’din id-data, abbażi tal-Artikolu 97 KEFA. Hija tenfasizza li l-preklużjoni, mid-dritt Komunitarju u mid-dritt internazzjonali, li dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali u dispożizzjonijiet dwar il-multi jiġu interpretati per analogia, teħtieġ li l-bażi legali tas-sanzjoni tkun tirriżulta b’mod ċar u mhux ekwivoku mil-liġi miktuba.

44      Skont l-appellanti, il-fatt li wara t-23 ta’ Lulju 2002, ċerti prattiċi li qabel kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA jistgħu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE ma jippermetti ebda tnaqqis fil-possibbiltà li jingħataw sanzjonijiet, wara din id-data, abbażi tal-Artikolu 65(1) KEFA, fuq il-ksur li ntemm qabel din id-data.

45      Il-Qorti Ġenerali wettqet konfużjoni bejn il-kunċetti ta’ unità u ta’ kontinwità tas-sistema legali Komunitarja meta minn dawn il-kunċetti kkonkludiet li t-Trattat KEFA seta’ japplika taħt it-Trattat KE. Peress li t-trattati KEFA u KE huma trattati tad-dritt pubbliku internazzjonali, japplikaw fil-konfront tagħhom il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 70 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969, li jgħid li ebda obbligu kuntrattwali u ebda kompetenza ma jistgħu jirriżultaw minn trattat tad-dritt internazzjonali li jkun skada.

46      Jekk jitqies li t-trattati Komunitajri għandhom jiġu interpretati skont prinċipji unifikati, dan ma jkunx ifisser li l-Kummissjoni għandha kompetenza ġenerali għall-eżekuzzjoni tagħhom, indipendenti mill-eżistenza tad-diversi sistemi legali li jirriżultaw mid-diversi trattati. Fil-fatt, minn diversi atti legali tad-dritt Komunitarju jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom biss kompetenzi ta’ attribuzzjoni speċifiċi li jirriżultaw minn trattati legalment awtonomi.

47      Għalhekk, peress li l-Kummissjoni ma għandhiex iktar kompetenza bbażata fuq it-Trattat KEFA, il-kwistjoni dwar jekk l-elementi li jikkostitwixxu ksur prekluż mill-Artikoli 65 KEFA u 81 KE humiex korrispondenti u humiex interpretati bl-istess mod hija, skont l-appellanti, irrilevanti. Effettivament, il-fatt li, f’ċerti liġijiet nazzjonali, elementi li jikkostitwixxu akkordji huma interpretati bl-istess mod bħal dawk previsti fl-Artikoli 81 KE u 82 KE ma jimplikax li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati.

48      L-appellanti tirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-karattru ta’ lex specialis tat-Trattat KEFA meta mqabbel mat-Trattat KE ma jistax ikun il-bażi ta’ kompetenza tal-Kummissjoni fuq l-Artikolu 65(5) KEFA, wara li jiskadi t-Trattat KEFA. Hija tqis li din l-osservazzjoni għandha tiġi estiża għall-Artikolu 65(1) KEFA, peress li dan tal-aħħar jifforma parti mill-bażi legali tas-sanzjoni. B’hekk, il-prinċipju lex specialis derogat legi generali ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(1) KEFA li ma għadux fis-seħħ, peress li dan il-prinċipju jirregola biss ir-relazzjoni eżistenti bejn żewġ liġijiet li huma fis-seħħ.

49      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji li għandhom il-valur ta’ dispożizzjonijiet legali – li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, adottata fit-18 ta’ Ġunju 2002 (ĠU C 152, p. 5) – u li jippermettu lill-Kummissjoni li tissanzjona l-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA wara t-23 ta’ Lulju 2002, ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat jew tad-dritt derivat ma tipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta wara t-23 ta’ Lulju 2002, deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

50      Fit-tieni lok, l-appellanti tenfasizza li, minn wara li skada t-Trattat KEFA, ma teżisti ebda dispożizzjoni legali li tipprevedi sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, peress li l-paragrafu (5) ta’ dan l-Artikolu skada mat-Trattat KEFA, ċirkustanza li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha.

51      Skont l-appellanti, meta qieset li l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 kellu jiġi interpretat fis-sens li kien jippermetti lill-Kummissjoni li tissanzjona l-ksur tat-Trattat KEFA u dan minkejja li din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 65 KEFA, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege, li minnu jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali ma jistgħux jiġu interpretati lil hinn mis-sens litterali tat-termini tagħhom. Dawn tal-aħħar ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni storika, sistematika jew teleoloġika estensiva għaliex dan ikun ekwivalenti għal applikazzjoni per analogia, prekluża fil-qasam tad-dritt tas-sanzjonijiet.

52      F’dan ir-rigward, l-appellanti tosserva li mill-ġurisprudenza jirriżulta li sanzjoni tista’ tiġi imposta biss jekk din ikollha bażi legali ċara u mhux ambigwa, li tipprevedi b’mod espliċitu l-impożizzjoni ta’ sanzjoni għall-fatti inkwistjoni. Minn dan, hija tikkonkludi li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet, fil-qasam tad-dritt tas-sanzjonijiet, kull interpretazzjoni sistematika jew teleoloġika estensiva li tmur lil hinn mis-sens litterali tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Issa, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni per analogia pprojbita.

53      Fit-tielet lok, l-appellanti tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni per analogia tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għal ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA ma humiex sodisfatti. Fil-fatt, huwa neċessarju li l-fatti jkunu simili għal dawk koperti mill-imsemmi Artikolu 23 u li tkun teżisti lakuna li tmur kontra l-għan segwit mil-leġiżlatur.

54      Issa, skont l-appellanti, anki jekk jitqies li l-Artikolu 65(1) KEFA huwa identiku għall-Artikolu 81 KE mill-aspetti rilevanti kollha, liema ħaġa ma hijiex il-każ, peress li l-istati ta’ fatt huma distinti minn diversi aspetti, ma hemmx lakuna li tmur kontra l-għan segwit mil-leġiżlatur. Fil-fatt, b’mod konformi mal-prinċipji demokratiċi u mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, il-qorti tista’ biss timla lakuni li jkunu ġew injorati mil-leġiżlatur b’mod kuntrarju għall-għan imfittex. Il-qorti ma hijiex kompetenti biex tirranġa l-atti tal-leġiżlatur bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jidhrulha li huma iktar adegwati minn dik fis-seħħ.

55      L-appellanti tqis li f’dan il-każ, insostenn kontra l-eżistenza ta’ tali lakuna hemm il-fatt li l-leġiżlatur ma ppreveda ebda dispożizzjoni tranżitorja, filwaqt li f’diversi oqsma oħra tat-Trattat KEFA ġew adottati dispożizzjonijiet ta’ proroga jew ta’ tranżizzjoni u li, b’riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, miġbura fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-iskadenza tat-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU C 247, p. 5), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-rappreżentanti msemmija kienu stiednu lill-Kummissjoni, billi indikaw li kienu lesti li jadottaw kull miżura neċessarja sabiex jiġu affrontati l-konsegwenzi tal-iskadenza tat-trattat imsemmi, biex tressaq proposti dwar oqsma oħra milquta minn din l-iskadenza, mingħajr ma l-Kummissjoni wieġbet għal din l-istedina fir-rigward tad-dritt tal-akkordji.

56      Fir-raba’ lok, l-appellanti tqis li l-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għal ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA tikser l-Artikoli 5 KE, 7(1) KE u 83 KE, peress li l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 23 ma tistax tmur lil hinn minn dak li tippermetti l-bażi ta’ abilitazzjoni tal-imsemmi regolament. Anki jekk jitqies li l-Kunsill xtaq ifassal l-imsemmi Artikolu 23 b’tali mod li jippermetti li jiġi sanzjonat ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, dan ma kienx ikun possibbli, peress li t-Trattat KE jagħti biss kompetenza għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu stess.

57      L-appellanti tirrileva li mill-Artikolu 5 KE, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) KE u mill-Artikolu 211 KE jirriżulta li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi tal-istituzzjonijiet Komunitarji skont it-Trattat KE, il-kompetenzi u attribuzzjonijiet tal-Kummissjoni huma strettament limitati għat-Trattat KE u dan minn dan tal-aħħar. Peress li l-elementi kostituttivi tal-ksur u l-konsegwenzi legali tiegħu jifformaw flimkien il-bażi legali tas-sanzjoni, din il-loġika tapplika kemm għall-konsegwenzi legali diretti tal-ksur kif ukoll għall-elementi kostituttivi tiegħu.

58      L-appellanti tippreċiża li l-Artikolu 83 KE jawtorizza biss li l-Kunsill jadotta regolament għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Konsegwentement, il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE ma tikkostitwixxix żball fit-tfassil li jista’ jiġi kkoreġut minn applikazzjoni per analogia tal-imsemmi Artikolu 23 għall-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA.

59      Meta kkunsidrat li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jistabbilixxi regola proċedurali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, skont l-appellanti, l-imsemmi Artikolu 23 jikkostitwixxi regola sostantiva li tikkonferixxi setgħa ta’ sanzjoni billi jawtorizza lill-Kummissjoni biex timponi multi, li ma humiex direttament previsti fit-Trattat KE, abbażi tal-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

60      L-appellanti tqis li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ loġika meta ġġustifikat l-applikabbiltà tal-Artikolu 65(1) KEFA bid-dispożizzjoni li tirregola l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien, li tgħid li għandhom jiġu applikati r-regoli sostantivi li kienu fis-seħħ fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Fil-fatt, l-applikazzjoni fiż-żmien ta’ dispożizzjoni skaduta tippresupponi li l-Kummissjoni żammet, liema ħaġa ma hijiex il-każ hawnhekk, il-kompetenza tagħha għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema legali inkwistjoni.

61      Fil-ħames lok, l-appellanti ssostni li s-sentenza appellata tikser is-sovranità tal-Istati firmatarji tat-Trattat KEFA, peress li, bl-iskadenza ta’ dan it-trattat, il-kompetenza biex jiġu imposti sanzjonijiet fil-qasam ikkonċernat ġiet mogħtija lura lill-Istati Membri, peress li l-Istati firmatarji kkonferixxew is-setgħa ta’ sanzjoni lill-Kummissjoni biss sad-data ta’ din l-iskadenza.

62      Fis-sitt lok, l-appellanti ssostni, min-naħa waħda, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta rreferiet għall-punti 57 u s-segwenti tas-sentenza tagħha González y Díez vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Anki jekk jitqies li din is-sentenza hija fondata, din ġiet adottata fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Issa, fil-qasam tal-akkordji, il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege jimponi regoli iktar stretti għall-impożizzjoni ta’ multi.

63      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tista’ testendi l-effetti fiż-żmien tagħha wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Min-naħa l-oħra, din il-kawża tikkonċerna, skont l-appellanti, ksur tal-Artikolu 65 KEFA, li ntemm f’Jannar 1998, u li għalhekk, fid-data li fiha ġiet imposta l-multa, fl-20 ta’ Diċembru 2006, ma kien jipproduċi ebda effett li seta’ jiġi evitat biss bl-impożizzjoni ta’ multa.

64      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tosserva li, meta ddeċidiet li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tgħaqqad flimkien l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 65(1) KEFA, il-Qorti Ġenerali injorat il-“prinċipju ta’ preċiżjoni tal-bażi legali” li jeħtieġ li sanzjoni tista’ tiġi imposta biss jekk din għandha bażi legali ċara u mhux ambigwa li tipprevedi sanzjoni għall-każ inkwistjoni. Issa, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi sanzjonijiet mhux f’każ ta’ ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, iżda biss f’każ ta’ ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Preliminarjament, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li kull ftehim li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt previst mill-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew eżegwit qabel l-iskadenza, fit-23 ta’ Lulju 2002, tat-Trattat KEFA, seta’ jwassal, sa din id-data inkluża, għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi li ħadu sehem fl-imsemmi ftehim jew fl-eżekuzzjoni tiegħu, ibbażata fuq l-Artikolu 65(5) KEFA.

66      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li kull ftehim li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt previst fl-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew eżegwit bejn l-24 ta’ Lulju 2002 u t-30 ta’ Novembru 2009, seta’ jwassal għal tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 81 KE u l-Artikoli 15(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), jew 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

67      Finalment, huwa stabbilit ukoll li kull ftehim li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt previst fl-Artikolu 65(1) KEFA, konkluż jew eżegwit wara l-1 ta’ Diċembru 2009, jista’ jwassal għal tali deċiżjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-Artikoli 101 TFUE u 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

68      Issa, f’dan il-każ, l-appellanti tikkontesta, essenzjalment, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-Kummissjoni setgħet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata adottata wara t-23 ta’ Lulju 2002, timponi fuqha, abbażi tal-applikazzjoni flimkien tal-Artikolu 65(1) u (5) KEFA u tal-Artikoli 7(1) u 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, multa talli ħadet sehem qabel it-23 ta’ Lulju 2002 għall-konklużjoni u għall-eżekuzzjoni ta’ ftehim li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt previst fl-Artikolu 65(1) KEFA.

69      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni tiegħu, li huwa l-każ tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

70      Fil-punti 76 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li t-Trattat KEFA kien jikkostitwixxi, abbażi tal-Artikolu 305(1) KE, lex specialis li kienet tidderoga mil-lex generalis li tikkonsisti fit-Trattat KE u li, minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-23 ta’ Lulju 2002, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ġenerali li tirriżulta mit-Trattat KE ġiet estiża, fl-24 ta’ Lulju 2002, għall-oqsma li kienu inizjalment irregolati mit-Trattat KEFA.

71      Fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li s-suċċessjoni tal-qafas legali tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA hija stabbilita fil-kuntest tal-kontinwità tas-sistema legali tal-Unjoni u tal-għanijiet tagħha, peress li l-istabbiliment u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni ħielsa jikkostitwixxu wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA. F’dan ir-rigward, din ippreċiżat li l-kunċetti ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma taħt l-Artikolu 65(1) KEFA jirriflettu dawk ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma interpretati bl-istess mod mill-Qrati tal-Unjoni.

72      B’hekk, fil-punti 83 u 84 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-kontinwità tas-sistema legali tal-Unjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li bdew taħt it-Trattat KEFA, l-osservanza tad-drittijiet u tal-obbligi li kienu jorbtu eo tempore kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-individwi abbażi tat-Trattat KEFA u li, konsegwentement, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Kummissjoni li tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji mwettqa fl-oqsma li jiffurmaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiæ u ratione temporis.

73      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ dritt. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta, min-naħa waħda, li b’mod konformi ma’ prinċipju komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri, li l-oriġini tiegħu tinsab fid-dritt Ruman, hemm lok, f’każ ta’ bdil fil-leġiżlazzjoni, li tiġi żgurata, ħlief fil-każ li l-leġiżlatur jesprimi rieda kontrarja, il-kontinwità tal-istrutturi legali u, min-naħa l-oħra, li dan il-prinċipju japplika għall-emendi fid-dritt primarju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1969, Klomp, 23/68, Ġabra p. 43, punt 13).

74      Issa, hekk kif sewwa rrilevat il-Kummissjoni, ma teżisti ebda indikazzjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq li l-aġir kollużiv ipprojbit taħt it-Trattat KEFA jaħrab mill-applikazzjoni ta’ kull sanzjoni wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar.

75      Fil-fatt, min-naħa waħda, hekk kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, l-appellanti stess enfasizzat li l-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri kienu indikaw li kienu lesti li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jaffrontaw il-konsegwenzi tal-iskadenza tal-imsemmi trattat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kellha tressaq proposti ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji biss kieku tali proċedura kienet meqjusa bħala neċessarja u li, fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli, hija kienet tqis li tali neċessità ma kinitx teżisti fil-qasam tad-dritt tal-akkordji.

76      Isegwi li l-appellanti ma tista’ tinvoka ebda argument validu min-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji f’dan ir-rigward.

77      Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li s-suċċessjoni tat-Trattati KEFA, KE u TFUE tiżgura, bil-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni ħielsa, li kull aġir li jikkorrispondi għall-istat ta’ fatt previst fl-Artikolu 65(1) KEFA, kemm jekk seħħ qabel kif ukoll wara t-23 ta’ Lulju 2002, seta’ jiġi ssanzjonat mill-Kummissjoni u jista’ jkompli jiġi ssanzjonat.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa kuntrarju għall-għan kif ukoll għall-koerenza tat-Trattati u inkompatibbli mal-kontinwità tas-sistema legali tal-Unjoni li l-Kummissjoni ma jkollhiex il-kapaċità li tiżgura l-applikazzjoni uniformi tar-regoli stabbiliti fit-Trattat KEFA li jibqgħu joħolqu effetti anki wara l-iskadenza ta’ dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, Ġabra p. I‑6199, punt 41).

79      Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament fil-punti 85, 86 u 89 tas-sentenza appellata, li l-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien kif ukoll il-ħtiġijiet relattivi għall-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tar-regoli sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 65(1) u (5) KEFA għall-fatti tal-każ, li jifformaw parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ratione materiæ u ratione temporis.

80      B’mod partikolari, sa fejn l-appellanti tosserva li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u allegat “prinċipju ta’ preċiżjoni”, b’mod partikolari sa fejn la r-Regolament Nru 1/2003 u lanqas l-Artikolu 83 KE ma jirreferu għall-Artikolu 65 KEFA, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ legalità tad-delitti u tal-pieni (nullum crimen, nulla poena sine lege), kif stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li leġiżlazzjoni tal-Unjoni tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u s-sanzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C‑303/05, Ġabra p. I‑3633, punti 49 u 50).

81      Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeħtieġ li tali leġiżlazzjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu b’eżattezza l-firxa tal-obbligi li din timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar għandhom ikunu jistgħu isiru jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jadottaw l-aġir tagħhom b’mod konsegwenti (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C‑345/06, Ġabra p. I‑1659, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-Artikolu 65(1) u (5) KEFA kien jipprovdi bażi legali ċara għas-sanzjoni imposta f’dan il-każ, b’tali mod li l-appellanti ma setgħetx tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha. Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet li saru fil-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dan l-istess aġir kien ikun ukoll suġġett, f’kull mument sussegwenti, għal tali sanzjoni imposta mill-Kummissjoni.

83      Issa, peress li t-Trattati kienu jistabbilixxu b’mod ċar, sa minn qabel id-data tal-fatti, il-ksur kif ukoll in-natura u d-daqs tas-sanzjonijiet li setgħu jiġu imposti abbażi tal-ksur, l-imsemmija prinċipji ma humiex intiżi sabiex jiżguraw lill-impriżi li bidliet ulterjuri fil-bażi legali u fid-dispożizzjonijiet proċedurali jippermettulhom li jevitaw kull sanzjoni relattiva għall-aġir illegali mwettaq fil-passat.

84      Għandu jingħad ukoll li l-Kummissjoni rrilevat, sa minn qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, in-nuqqas ta’ possibbiltà li tiġi evitata tali sanzjoni, billi ppreċiżat, fil-punt 31 tal-komunikazzjoni tagħha fuq ċerti aspetti tat-trattament ta’ każijiet ta’ kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, adottata fit-18 ta’ Ġunju 2002, li, jekk hija tikkonstata ksur f’qasam li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, id-dritt sostantiv applikabbli huwa, tkun liema tkun id-data ta’ applikazzjoni, dak fis-seħħ fil-mument meta seħħew il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u d-dritt proċedurali applikabbli huwa, wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, dak stabbilit mit-Trattat KE.

85      Qabel kollox, il-prinċipju lex mitior ma jipprekludix, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 65(5) KEFA, peress li l-multa imposta mid-deċiżjoni kkontestata hija, f’kull każ, inqas mil-limitu stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għall-impożizzjoni ta’ multa minħabba l-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni.

86      Miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li impriża diliġenti li tinsab fis-sitwazzjoni tal-appellanti ma setgħet fl-ebda mument tinjora l-konsegwenzi tal-aġir tagħha u lanqas tistrieħ fuq il-fatt li s-suċċessjoni tal-qafas legali tat-Trattat KE għal dak tat-Trattat KEFA jkollha bħala konsegwenza li tevitalha kull sanzjoni għall-ksur tal-Artikolu 65 KEFA mwettaq fil-passat.

87      Fir-rigward tal-bażi legali u tad-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament ukoll, fil-punti 84 u 87 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza tal-Kummissjoni biex timponi, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa inkwistjoni kienet tirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-proċedura kellha titmexxa b’mod konformi ma’ dan ir-regolament.

88      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ att u li tawtorizza lill-istituzzjoni tal-Unjoni li tadotta l-att inkwistjoni għandha tkun fis-seħħ fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑269/97, Ġabra p. I‑2257, punt 45) u li r-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw mill-mument meta dawn jidħlu fis-seħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punt 9, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, Ġabra p. I‑2049, punt 31).

89      Għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tar-Regolament Nru 1/2003 ma naqsitx, iżda pjuttost kienet tali li testendi, il-garanziji proċedurali offruti fil-qafas legali tat-Trattat KEFA lill-impriżi li nfetħu proċeduri kontrihom, liema ħaġa wara kollox ma hijiex ikkontestata mill-appellanti.

90      Isegwi li mingħajr ma wettqet żbalji ta’ dritt, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fil-punti 87 u 89 tas-sentenza appellata, min-naħa waħda, li l-kompetenza tal-Kummissjoni biex timponi, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-multa inkwistjoni kienet tirriżulta mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-proċedura kellha titmexxa b’mod konformi ma’ dan ir-regolament, u, min-naħa l-oħra, li d-dritt sostantiv li jipprovdi s-sanzjoni applikabbli kien jikkonsisti fl-Artikolu 65(1) u (5) KEFA.

91      Konsegwentement, l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tielet aggravju tal-appell għandhom jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-tieni aggravju u t-tieni parti tat-tielet aggravju

1.     Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi li tolqot l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni

a)     L-argumenti tal-partijiet

92      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Qorti tal-Ġustizzja attribwixxiet lilha, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl. B’mod kuntrarju, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat, permezz ta’ motivazzjoni supplimentari, li tattribwixxi lilha din ir-responsabbiltà. Il-kuntest proċedurali li tirreferi għalih il-Qorti Ġenerali insostenn tal-interpretazzjoni tagħha, ma jippermettix li jingħata sens ieħor lill-kliem tal-imsemmi punt 88. Għaldaqstant, sabiex tadotta l-interpretazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali kellha tressaq talba għall-interpretazzjoni, b’mod konformi mal-Artikolu 102 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

93      Barra minn hekk, peress li l-imsemmi punt 88 jirreferi għad-dikjarazzjonijiet kollha msemmija fil-punti 85 u 86 tal-istess sentenza u peress li huwa integrat fl-istess raġunament, l-appellanti tqis li l-esklużjoni mill-Qorti Ġenerali tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma tagħmilx sens. Bl-istess mod, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li din id-dikjarazzjoni ma setgħetx tkun ikkonċernata peress li din ma kinitx tirrigwarda l-attivitajiet ta’ Thyssen Stahl, l-appellanti tosserva li d-dikjarazzjoni msemmija kienet tirrigwarda preċiżament l-attivitajiet ta’ din tal-aħħar.

94      Finalment, fir-rigward tar-raġunijiet tas-sentenza appellata li jgħidu li, kieku l-imsemmi punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kellu jiġi interpretat fis-sens propost mill-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kien ikollha ebda raġuni għalfejn tippronunzja ruħha fuq it-tieni u t-tielet aggravji tal-appell inċidentali, l-appellanti tenfasizza li l-Qrati tal-Unjoni jippronunzjaw ruħhom b’mod regolari, minbarra fuq motiv milqugħ, fuq motivi oħrajn.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, fir-rigward tal-allegati ċirkustanzi eċċezzjonali invokati mill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 79 ta’ dik is-sentenza, kien biżżejjed li jiġi mfakkar qabel kollox li l-appellanti ma hijiex is-suċċessur ekonomiku ta’ Thyssen Stahl, peress li din kompliet teżisti bħala persuna ġuridika distinta sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u li l-unità ta’ azzjoni li setgħet tikkaratterizza l-imġiba ta’ Thyssen Stahl u tal-appellanti wara l-1 ta’ Jannar 1995 ma kinitx biżżejjed sabiex tiġġustifika li l-imġiba ħażina ta’ Thyssen Stahl li seħħet qabel dik id-data tiġi imputata lill-appellanti, minħabba l-prinċipju mfakkar fil-punt 82 tas-sentenza msemmija, li jgħid li persuna ġuridika tista’ tiġi ssanzjonata biss għal dawk il-fatti li huma speċifikament imputati lilha. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li f’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, id-dikjarazzjonijiet li saru mill-appellanti dwar l-attivitajiet ta’ Thyssen Stahl matul il-proċedura amministrattiva, diġà kien ġie indikat, fil-punti 85 u 86 tal-istess sentenza, li dawn ma jippermettux li r-responsabbiltà għall-imġiba ta’ Thyssen Stahl li seħħet qabel l-imsemmija data tiġi imputata lill-appellanti.

96      Fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-appell tal-appellanti li wassal għas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienx ittratta l-interpretazzjoni mill-Qorti Ġenerali tat-trasferiment fuqha tar-responsabbiltà ta’ Thyssen Stahl. Din il-konstatazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ma hijiex ikkontestata f’din il-proċedura.

97      Fil-punti 119 sa 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, b’risposta għall-appell imsemmi, il-Kummissjoni kienet ippreżentat appell inċidentali li permezz tiegħu din osservat, b’mod partikolari, l-iżnaturament ta’ ċerti dokumenti ta’ prova u l-iżball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-imsemmi trasferiment ta’ responsabbiltà. Din ippreċiżat li hija l-interpretazzjoni tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tidher fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, għal dan l-aggravju tal-appell inċidentali li kienet is-suġġett tal-argument bejn il-partijiet. Il-Qorti Ġenerali qieset li din l-interpretazzjoni hija marbuta mal-portata tal-imsemmi aggravju u mal-kliem preċiż tal-argument żviluppat mill-Kummissjoni insostenn tiegħu.

98      Fil-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li mill-punti 73 sa 79 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien jirriżulta li l-Kummissjoni ma riditx, bl-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tagħha, tikkontesta r-rikonoxximent mill-Qorti Ġenerali tat-trasferiment tar-responsabbiltà kkontestat abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 iżda biss il-konklużjoni sussegwenti tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-imsemmija dikjarazzjoni ma setgħetx tiġi interpretata bħala li timplika wkoll rinunzja mill-appellanti għad-dritt għal smigħ tagħha fir-rigward tal-fatti li kienet akkużata bihom Thyssen Stahl.

99      Fil-punti 126 sa 128 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li fil-punti 81 u 82 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fakkret u kkonfermat il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma kinitx timplika rinunzja mill-appellanti għad-dritt għas-smiegħ tagħha u li, fil-punti 83 sa 86 ta’ din is-sentenza, hija kienet eżaminat u ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali ta’ provi oħra b’relazzjoni mad-dikjarazzjoni msemmija u fuq l-iżnaturament sussegwenti tagħhom. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li ma kienx hemm żnaturament mill-Qorti Ġenerali kemm tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kif ukoll ta’ dawn il-provi l-oħra.

100    Fil-punt 129 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-uniku suġġett tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien l-eżami u r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ “argument ieħor tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, ibbażati fuq allegata suċċessjoni ekonomika ta’ Thyssen [Stahl] minn [l-appellanti], unità ta’ azzjoni evidenti bejn dawn iż-żewġ opertaturi u d-dikjarazzjonijiet magħmulin minn [l-appellanti] f’isem Thyssen [Stahl] matul il-proċedura amministrattiva”.

101    Fil-punti 131 sa 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fid-dawl tas-suġġett tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni, mill-qari tat-tielet frażi tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kien jirriżulta li din il-frażi kienet limitata sabiex tirreferi għall-evalwazzjoni, imwettqa fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva fir-rigward tal-attivitajiet ta’ Thyssen Stahl minbarra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, jiġifieri r-risposti tal-appellanti għaż-żewġ dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet u l-ittra tagħha tas-17 ta’ Diċembru 1996.

102    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni tal-imsemmi punt 88 sostnuta mill-appellanti “tammonta għal li jkun aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ebda motivazzjoni u b’sempliċi referenza, bidlet konstatazzjoni dwar il-ksur tad-dritt għal smigħ f’konstatazzjoni fuq it-trasferiment ta’ responsabbiltà, fatt li ma jistax ikun aċċettat” u għalhekk, fil-punt 138 ta’ din is-sentenza, din ċaħdet it-tielet motiv tal-appellanti bħala derivanti minn qari żbaljat tal-istess punt 88.

103    Dawn il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata ma huma vvizzjati minn ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, l-ewwel nett, b’mod kuntrarju għal dak li tippretendi l-appellanti, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl tiġi imputata lill-appellanti. B’mod kuntrarju, din ikkonstatat, fil-punti 118 u 122 tas-sentenza appellata, min-naħa waħda, li l-appell tal-appellanti li wassal għas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienx jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar it-trasferiment fuq l-appellanti tar-responsabbiltà tal-aġir illegali lmentat kontra Thyssen Stahl u, min-naħa l-oħra, li l-punt 88 ta’ din l-aħħar sentenza jirreferi għall-appell inċidentali tal-Kummissjoni li lanqas ma jqiegħed indiskussjoni tali trasferiment tar-responsabbiltà.

104    It-tieni nett, hekk kif sewwa rrilevat il-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, irrispondiet b’mod speċifiku għall-argumenti tal-Kummissjoni esposti fil-punt 79 tas-sentenza msemmija. Issa, dan l-aħħar punt jillimita ruħu sabiex jiġbor fil-qosor l-argumenti msemmija fil-punti 84 sa 87 tal-appell inċidentali, li jirreferu għall-punti 60 sa 64 ta’ dan tal-aħħar.

105    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-argumenti kollha mressqa mill-Kummissjoni għall-imsemmija punti tal-appell inċidentali kienu jirrigwardaw b’mod esklużiv id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-appellanti matul il-proċedura amministrattiva minbarra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

106    Isegwi li la l-Kummissjoni u lanqas l-appellanti ma invokaw quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tiġi imputata fuq l-appellanti, abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-responsabbiltà għall-aġir ikkontestat ta’ Thyssen Stahl. Barra minn hekk, fil-punt 83 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ provi differenti mill-imsemmija dikjarazzjoni. Għaldaqstant, ir-riferiment fl-aħħar frażi tal-punt 88 tas-sentenza msemmija għad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punti 85 u 86 tal-istess sentenza tirreferi b’mod esklużiv għad-dikjarazzjonijiet tal-appellanti minbarra dik tat-23 ta’ Lulju 1997.

107    Isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-appell għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq l-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali injorat il-portata tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

a)     Fuq l-ammissibbiltà tal-imsemmi argument

i)     L-argumenti tal-partijiet

108    Il-Kummissjoni tosserva li l-argumentazzjoni tal-appellanti tikkontradixxi l-osservazzjonijiet ippreżentati minnha fl-ewwel istanza, fejn hija sostniet li l-Qorti tal-Unjoni kienet diġà ddeċidiet b’mod definittiv il-kwistjoni tat-trasferiment tar-responsabbiltà. Għalhekk, dan l-argument huwa ġdid u minħabba f’hekk inammissibbli fl-istadju tal-appell.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109    Mill-punti 105 sa 109 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-appellanti kienet osservat quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz tar-raba’ motiv tagħha invokat insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx twassal għal trasferiment tar-responsabbiltà lejha għall-aġir ikkontestat ta’ Thyssen Stahl.

110    Issa, jidher li l-appellanti kienet invokat dan il-motiv fil-każ fejn il-Qorti Ġenerali tiċħad l-interpretazzjoni tal-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija sostniet fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha u fejn ebda awtorità ta’ res judicata ma ġiet marbuta f’dan ir-rigward, la mas-sentenza msemmija u lanqas mas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

111    Fil-punti 139 sa 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi raba’ motiv, mingħajr ma eżaminatu fil-fond, billi bbażat ruħha fuq l-awtorità ta’ res judicata stabbilita għall-konstatazzjoni li din kienet għamlet fil-punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li l-Kummissjoni kellha, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, b’mod eċċezzjonali d-dritt li timputa fuq l-appellanti r-responsabbiltà għall-aġir ikkontestat.

112    Għaldaqstant, l-appellanti ma tistax tiġi prekluża milli tqiegħed indiskussjoni, permezz tal-appell tagħha, din l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, għall-ewwel darba, fis-sentenza appellata u li tikkostitwixxi l-bażi tar-rifjut tar-raba’ motiv tagħha invokat insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

113    Konsegwentement, l-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell hija ammissibbli.

b)     Fuq il-mertu

i)     L-argumenti tal-partijiet

114    Fl-ewwel lok, l-appellanti tosserva li l-Qorti Ġenerali injorat il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Peress li dan il-prinċipju jistabbilixxi l-impossibbiltà li titressaq azzjoni ġudizzjarja ġdida li tkun tirrigwarda l-istess suġġett, il-portata tiegħu ma tistax testendi lil hinn mis-suġġett tal-kawża relatata mal-proċedura preċedenti. Issa, peress li s-suġġett tal-kawża huwa stabbilit mit-talbiet u mill-fatti sottostanti, il-prinċipju msemmi jirrigwarda b’mod esklużiv id-deċiżjoni kkontestata, f’każ ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva. Skont l-appellanti, isegwi li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jistax jipprekludi azzjoni diretta kontra deċiżjoni ġdida, anki jekk iż-żewġ deċiżjonijiet ikkonċernati jirrigwardaw l-istess suġġett.

115    Għalhekk, f’dan il-każ, l-awtorità ta’ res judicata tirrigwarda biss, f’kull każ, id-deċiżjoni inizjali. Skont l-appellanti, il-kwistjoni dwar jekk l-aġir ta’ Thyssen Stahl setax jiġi imputat lilha kellha għalhekk tiġi eżaminata mill-ġdid fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, l-appellanti tenfasizza li, fil-proċeduri ġudizzjarji preċedenti, hija llimitat ruħha sabiex tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Għalhekk, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata adottata mill-Qorti Ġenerali ċċaħħadha mill-possibbiltà li tinvoka motivi li hija kienet għadha ma invokatx.

116    Barra minn hekk, l-appellanti kkunsidrat li, minħabba l-fatt li hija rrevokat id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, il-fatti relattivi għall-allegat trasferiment lilha tar-responsabbiltà għall-aġir ta’ Thyssen Stahl inbidlu, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali. Issa, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 147 tas-sentenza appellata, bidla sussegwenti fiċ-ċirkustanzi ta’ fatt jew ta’ dritt ma tista’ f’ebda każ tiġi injorata mill-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata.

117    Fit-tieni lok, l-appellanti tosserva li l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata adottata mill-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża. Peress li d-deċiżjoni inizjali ġiet annullata għaliex id-dritt għal smiegħ ma ġiex osservat fir-rigward tal-imputazzjoni li saret fil-konfront tagħha tal-aġir ta’ Thyssen Stahl, hija tqis li dan id-dritt kellu jiġi żgurat permezz tal-proċedura l-ġdida. Issa, kieku hija setgħet tiġi imputata r-responsabbiltà għall-imsemmi aġir fuq il-bażi biss tal-awtorità ta’ res judicata, ma jkun hemm ebda interess sabiex titressaq azzjoni ġdida, u d-dritt għal smiegħ ikun b’hekk mingħajr sustanza.

118    Il-Kummissjoni tosserva li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità ta’ res judicata hija marbuta mal-punti ta’ fatt u ta’ dritt li ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi mis-sentenza inkwistjoni. Il-Kummissjoni tippreċiża li kemm il-proċedura kontenzjuża diretta kontra d-deċiżjoni inizjali kif ukoll dik li wasslet għas-sentenza appellata kienu jeħtieġu l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk hija setgħetx timputa fuq l-appellanti, abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl.

119    Għalhekk, din id-dikjarazzjoni kienet is-suġġett tal-kawża dwar dawn il-proċeduri u fil-punti 59 u 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali wettqet il-konstatazzjoni tal-imputabbiltà inkwistjoni, li ma ġietx ikkontestata fil-kuntest tal-appell li kienet is-suġġett tiegħu din is-sentenza u barra minn hekk, ġiet ikkonfermata fil-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Peress li hija marbuta, skont l-Artikolu 233 KE, li tadotta l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kienet obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-konstatazzjonijiet. Barra minn hekk, peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata saret fl-istess proċedura amministrattiva bħal dik li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali, l-appellanti ma tistax tippreżenta affermazzjonijiet differenti fuq l-istess fatti.

120    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrileva li, għalkemm l-awtorità ta’ res judicata setgħet tiġi invokata biss f’dak li jirrigwarda rikors ġdid għall-annullament tal-istess deċiżjoni, din tkun tapplika biss fil-każ ta’ konferma tad-deċiżjoni fil-kuntest tal-ewwel proċedura. Issa, dan il-prinċipju japplika wkoll f’każ ta’ annullament minħabba difett proċedurali, jekk ċerti kwistjonijiet preliminari jkunu ġew deċiżi f’dan il-kuntest.

121    Skont il-Kummissjoni, ir-revoka tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 li saret, għall-ewwel darba, waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx għadha legalment possibbli għaliex sadanittant kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, l-adozzjoni tar-responsabbiltà ma tistax iktar tiġi miċħuda bħala bażi għal din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, l-appellanti tikkontradixxi ruħha meta hija ssostni fl-istess ħin li l-awtorità ta’ res judicata hija relatata biss mal-konsegwenzi tas-sentenzi preċedenti fuq id-deċiżjoni inizjali u li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet b’mod definittiv fil-punt 88 tas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li hija ma kinitx responsabbli abbażi tad-dritt sostantiv.

122    Finalment, peress li d-deċiżjoni inizjali ġiet annullata minħabba difett proċedurali, l-adozzjoni valida tar-responsabbiltà ta’ Thyssen Stahl ma teħtieġx l-għoti tad-dritt għal smiegħ, għaliex l-appellanti kienet hija stess iddikjarat li qed tassumi l-imsemmija adozzjoni b’għarfien tal-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni tagħha.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

123    Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret kemm-il darba, min-naħa waħda l-importanza li għandu, kemm fis-sistema legali tal-Unjoni kif ukoll fis-sistemi legali nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 38; tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C-234/04, Ġabra p. I-2585, punt 20, u tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, C-526/08, Ġabra p. I‑6151, punt 26) u, min-naħa l-oħra, li l-awtorità ta’ res judicata tapplika biss għall-punti ta’ fatt u ta’ dritt li kienu effettivament jew neċessarjament deċiżi bid-deċiżjoni ġudizzjarja inkwistjoni (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li fil-punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet is-segwenti:

“Għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex ikkontestat li, fid-dawl tad-dikjarazzjoni pprovduta mil[l-appellanti] fit-23 ta’ Lulju 1997, il-Kummissjoni kienet b’mod eċċezzjonali fid-dritt li timputa lil din tal-aħħar ir-responsabbiltà għall-aġir illegali lmentat kontra Thyssen Stahl bejn Diċembru 1993 u l-1 ta’ Jannar 1995. Fil-fatt, għandu jitqies li tali dikjarazzjoni, li b’mod partikolari twieġeb għal kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li jappartjenu għall-operazzjonijiet ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, timplika li l-persuna ġuridika li tpoġġew taħt ir-responsabbiltà tagħha l-attivitajiet ta’ persuna ġuridika oħra, sussegwentement għad-data tal-ksur li rriżulta mill-attivitajiet imsemmija, tkun marbuta li twieġeb għal dan il-ksur, anki jekk, bħala prinċipju, hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi l-impriża kkonċernata fil-mument meta twettaq il-ksur li għandha twieġeb għal dan il-ksur.”

125    Isegwi li l-Qorti Ġenerali ppronunzjat ruħha, fl-imsemmi punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fuq il-legalità tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-aġir illegali inkwistjoni mwettaq mid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

126    Fil-punti 139 u 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalhekk, dan il-punt ta’ liġi għandu l-awtorità ta’ res judicata, peress li ġie effettivament deċiż mill-Qorti tal-Unjoni.

127    Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 115 ta’ din is-sentenza, l-appellanti tosserva li, fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni kif ukoll ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, hija llimitat ruħha sabiex tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u li, konsegwentement, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata adottata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata ċċaħħadha mill-possibbiltà li tinvoka motivi li hija kienet għadha ma invokatx.

128    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali stess kienet ikkonstatat, fil-punt 51 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-appellanti kienet limitat ruħha sabiex issostni “li d-dritt għal smiegħ tagħha fir-rigward tal-aġir lmentat kontra Thyssen Stahl ma [kienx] ġie osservat” u li hija kienet “aċċettat li tassumi, bħala akkwirenti, ir-responsabbiltà għall-ksur eventwalment imwettaq minn [Thyssen Stahl]”. Barra minn hekk, fil-punt 62 tas-sentenza msemmija, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li t-trasferiment, permezz tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, tar-responsabbiltà ta’ Thyssen Stahl fuq l-appellanti ma kienx ikkontestat.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-legalità tat-trasferiment tar-responsabbiltà mwettaq mid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma kinitx is-suġġett tal-kawża li wasslet għas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

130    Fil-fatt, fid-dawl tal-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali f’din il-kawża, l-inkarigu ta’ din tal-aħħar kien limitat għall-evalwazzjoni dwar jekk l-appellanti kinitx irrinunzjat jew le, permezz tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, għad-dritt għal smiegħ tagħha b’mod speċifiku dwar l-aġir illegali ta’ Thyssen Stahl.

131    Kieku l-Qorti Ġenerali kellha, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, tiddetermina l-kontenut tad-dikjarazzjoni msemmija u setgħet b’hekk tikkonstata li din kienet intiża sabiex twettaq dan it-trasferiment ta’ responsabbiltà, hija ma kinitx tkun kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din l-operazzjoni, mingħajr ma tieħu deċiżjoni, jekk ikun il-każ, ultra petita.

132    Isegwi li, peress li l-legalità tal-imsemmi trasferiment tar-responsabbiltà abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma tressqitx quddiem il-Qorti Ġenerali, il-konstatazzjoni mwettqa fil-punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tikkostitwixxi obiter dictum ippronunzjat lil hinn mil-limiti tal-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma ddeċidiet la effettivament u lanqas neċessarjament punt ta’ liġi. Għaldaqstant, din ma tistax tkun suġġetta għall-awtorità ta’ res judicata.

133    Barra minn hekk, fil-punti 96 u 102 sa 106 ta’ din is-sentenza ġie rrilevat li la l-appell tal-appellanti u lanqas l-appell inċidentali tal-Kummissjoni, li wasslu għas-sentenza ThyssenKrupp vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienu jirrigwardaw il-kwistjoni tal-legalità tat-trasferiment tar-responsabbiltà abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997. Għaldaqstant, sa llum, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma adottatx deċiżjoni dwar dan il-punt ta’ liġi.

134    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 139 sa 145 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tal-imsemmi trasferiment tar-responsabbiltà fil-punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet suġġetta għall-awtorità ta’ res judicata.

135    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, mingħajr ma hemm il-bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellanti, l-ewwel argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell għandu jiġi milqugħ.

136    Madankollu għandu jiġi mfakkar li, jekk ir-raġunijiet ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fid-dawl ta’ raġunijiet oħra ta’ dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 58).

137    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, meta ddeċidiet li l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-legalità tat-trasferiment tar-responsabbiltà inkwistjoni, fil-punt 62 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet suġġetta għall-awtorità ta’ res judicata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv invokat quddiemha, li kien jirrigwarda l-legalità ta’ dan it-trasferiment tar-responsabbiltà mwettaq mid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

138    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat it-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell li essenzjalment jirrepeti r-raba’ motiv invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali.

3.     Fuq it-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tat-tieni parti tat-tielet aggravju bbażati fuq in-nuqqas ta’ trasferiment tar-responsabbiltà li jirriżulta mid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 u fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni”

a)     L-argumenti tal-partijiet

139    Bit-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tfakkar li hija osservat quddiem il-Qorti Ġenerali li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, hija ma setgħetx tinżamm responsabbli bħala impriża li kienet għadha kif tadotta d-drittijiet u l-obbligi ta’ Thyssen Stahl, peress li din tal-aħħar kompliet teżisti. Sa fejn il-Qorti Ġenerali attribwixxitilha din ir-responsabbiltà abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, l-appellanti tosserva li hija llimitat ruħha sabiex tiddikjara li hija kienet qiegħda tassumi ċivilment ir-responsabbiltà għad-djun ta’ Thyssen Stahl u li din id-dikjarazzjoni – kieku kienet għadha tapplika, liema ħaġa ma hijiex il-każ – ma tippermettix li tiġi imputata lilha r-responsabbiltà li tirriżulta mid-dritt tal-multi.

140    L-appellanti tippreċiża li l-Kummissjoni kienet talbitha tagħmel dikjarazzjoni mingħajr ma informatha bl-intenzjoni tagħha li tużaha insostenn tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa. Din it-talba kienet inftiehmet bħala intiża biss fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili. Sabiex twaqqaf l-interpretazzjoni żbaljata tad-dikjarazzjoni msemmija min-naħa tal-Kummissjoni, l-appellanti talbet li fil-proċess verbal tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali tiddaħħal nota li hija kienet qiegħda tirrevoka din l-istess dikjarazzjoni.

141    F’kull każ, tali dikjarazzjoni ta’ natura privata, magħmula minn impriża, ma tistax, skont l-appellanti, tittrasferixxi r-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-akkordji, peress li l-multa tikkostitwixxi sanzjoni imposta mill-awtoritajiet pubbliċi abbażi tal-liġi, inkluż f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-persuna ssanzjonata. Skont il-prinċipju ius publicum privatorum pactis mutari non potest, la l-awtoritajiet u lanqas l-impriżi ma jistgħu jidderogaw mill-obbligu legali ta’ ħlas tal-multa permezz ta’ trasferiment tar-responsabbiltà.

142    Finalment, permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tqis li, meta ddeċidiet li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kienet ibbażat ir-responsabbiltà tagħha fuq id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, il-Qorti Ġenerali kisret il-“prinċipju ta’ preċiżjoni”, peress li ma teżisti ebda indikazzjoni fil-lex lata, li tgħid li dikjarazzjoni ta’ natura privata, magħmula minn impriża, tista’ twassal għal trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas ta’ multa, u li lanqas ma huma ddefiniti l-portata u l-limitazzjonijiet ta’ tali trasferiment.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143    Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju hija l-persuna fiżika jew ġuridika li kienet tmexxi lill-impriża inkwistjoni fil-mument tal-ksur li għandha twieġeb għalih, anki jekk, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur, it-tmexxija tal-impriża ma tkunx għadha taħt ir-responsabbiltà tagħha (sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il‑Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 71; Cascades vs Il‑Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punt 78; Stora Kopparbergs Bergslags vs Il‑Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, punt 37, u SCA Holding vs Il‑Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 27).

144    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema ċirkustanzi entità li ma hijiex l-awtur tal-ksur tista’ xorta waħda tiġi ssanzjonata għalih, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li tali ipoteżi tqum f’sitwazzjoni fejn l-entità li wettqet il-ksur waqfet milli teżisti ġuridikament jew ekonomikament, peress li sanzjoni imposta fuq impriża li ma teżerċitax iktar attivitajiet ekonomiċi, tirriskja li ma jkollhiex effett dissważiv (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, Ġabra p. I‑10893, punt 40).

145    F’dan il-każ, min-naħa waħda, huwa stabbilit li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, l-entità li ġie attribwit lilha l-aġir illegali kienet tikkostitwixxi parti minn Thyssen Stahl u kienet topera taħt il-kontroll ta’ din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, ma huwiex ikkontestat li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, Thyssen Stahl kienet għadha kemm teżisti legalment kif ukoll teżerċita attivitajiet ekonomiċi. Isegwi li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 143 u 144 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni kienet, bħala prinċipju, marbuta li timponi l-multa inkwistjoni fuq Thyssen Stahl.

146    F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li l-kawżi mressqa mill-Kummissjoni minħabba l-aġir illegali inkwistjoni kienu inizjalment diretti kontra Thyssen Stahl u li, anki wara t-trasferiment tal-entità kkonċernata lill-appellanti, il-Kummissjoni kompliet tipproċedi kontra Thyssen Stahl għall-aġir imsemmi.

147    Il-Kummissjoni ppreċiżat li, wara t-trasferiment lill-appellanti tal-entità msemmija, kemm l-appellanti kif ukoll Thyssen Stahl kienu insistew magħha sabiex il-proċedura tiġi diretta biss kontra l-appellanti. Issa, hija qieset li l-egħluq tal-proċeduri mressqa fir-rigward ta’ Thyssen Stahl kien jiġi kkunsidrat biss jekk l-appellanti tieħu r-responsabbiltà tal-ksur bil-miktub.

148    Hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, l-appellanti għamlet din id-dikjarazzjoni b’risposta għat-talba għall-adozzjoni bil-miktub tar-responsabbiltà għall-aġir illegali lmentat kontra Thyssen Stahl. Fil-fatt, din id-dikjarazzjoni, skont it-termini tagħha stess, min-naħa waħda, saret fl-istess ħin f’dak li jirrigwarda l-proċedura dwar il-kawżi mressqa abbażi tal-akkordju inkwistjoni u t-talba tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, kienet tirrigwarda r-responsabbiltà tal-appellanti, sussegwentement għat-trasferiment tas-settur tal-attività inkwistjoni, minħabba l-atti mwettqa minn Thyssen Stahl.

149    Fid-dawl ta’ dan il-kliem, il-pretensjonijiet tal-appellanti li jgħidu li l-Kummissjoni kienet talbitha sabiex tagħmel dikjarazzjoni mingħajr ma informatha bl-intenzjoni tagħha li tuża din insostenn tat-trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa, b’tali mod li din it-talba ġiet mifhuma bħala intiża biss għar-responsabbiltà ċivili, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, l-appellanti kienet espressament ikkonfermat li trid tassumi, bħala l-impriża li twettaq l-attivitajiet ekonomiċi involuti fl-akkordju, ir-responsabbiltà għall-aġir illegali fid-dawl tal-multa li l-Kummissjoni setgħet timponi fil-kuntest tal-kawżi mressqa minħabba l-imsemmi akkordju.

150    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsegwenza legali tat-trasferiment tar-responsabbiltà li l-appellanti adottat bid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 kienet perfettament preċiża u prevedibbli minnha, kuntrarjament għal dak li hija tippretendi.

151    Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta, min-naħa waħda, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq din id-dikjarazzjoni sabiex timponi fuq l-appellanti l-multa li, bħala prinċipju, kienet suġġetta għaliha Thyssen Stahl u, min-naħa l-oħra, li fir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni inizjali, l-appellanti la attakkat din l-operazzjoni legali tal-Kummissjoni u lanqas ma poġġiet indiskussjoni, fl-appell tagħha dirett kontra s-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punt 62 tas-sentenza msemmija, li tgħid li, fid-dawl tad-dikjarazzjoni msemmija, il-Kummissjoni kellha eċċezzjonalment id-dritt li timputalha r-responsabbiltà għall-aġir illegali ta’ Thyssen Stahl.

152    Fil-fatt, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, jidher li l-appellanti sostniet li hija ma kinitx qiegħda tassumi, bid-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, ir-responsabbiltà għall-aġir illegali ta’ Thyssen Stahl, għall-ewwel darba fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imressqa fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata u għalhekk fi stadju fejn il-preskrizzjoni għall-proċeduri dwar l-aġir illegali kienet għaddiet fir-rigward ta’ Thyssen Stahl. Barra minn hekk, l-appellanti ddikjarat li kienet qiegħda tirrevoka d-dikjarazzjoni għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali fil-proċedura li wasslet għas-sentenza appellata.

153    F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari u speċifiċi tal-każ inkwistjoni, jiġifieri, l-ewwel nett, it-trasferiment lill-appellanti tal-entità li tappartjeni lil Thyssen Stahl li kienet attiva fis-suq tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli, it-tieni nett, id-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li permezz tagħha l-appellanti kkonfermat espressament lill-Kummissjoni li riedet tassumi, bħala akkwirent tal-entità msemmija, ir-responsabbiltà għall-aġir illegali fid-dawl tal-multa li l-Kummissjoni setgħet timponi u, it-tielet nett, il-fatt li l-appellanti ma opponietx ruħha, għalkemm kellha l-opportunità li tagħmel dan diversi drabi, għall-interpretazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjoni adottata mill-Kummissjoni qabel ma għaddiet il-preskrizzjoni għall-proċeduri fir-rigward tal-aġir illegali ta’ Thyssen Stahl, għandu jitqies li l-Kummissjoni setgħet timputa lill-appellanti r-responsabbiltà għall-aġir ilmentat kontra Thyssen Stahl u timponilha l-multa inkwistjoni.

154    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tippretendi l-appellanti, ir-revoka tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma kinitx għadha possibbli fl-istadju tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-kontenut tad-dikjarazzjoni msemmija, li kien intiż sabiex jippermetti lill-Kummissjoni li timponi l-multa msemmija fuq l-appellanti pjuttost milli fuq Thyssen Stahl, kien jipprekludi tali possibbiltà f’mument fejn il-Kummissjoni, abbażi ta’ din id-dikjarazzjoni, kienet effettivament imponiet multa fuq l-appellanti bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

155    F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-irrevokabbiltà sussegwenti tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma tipprekludix lill-appellanti milli tikkontesta, permezz ta’ rikors quddiem il-Qrati tal-Unjoni, l-interpretazzjoni tal-kontenut tad-dikjarazzjoni, hekk kif tirriżulta mill-punti 64 sa 66 tas-sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jew ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni, peress li dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt għal rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 KE (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 90).

156    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni argument invokat insostenn tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-appell, li jirrepeti, essenzjalment, ir-raba’ motiv invokat mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, u t-tieni parti tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda.

157    F’dawn iċ-ċirkustanzi u peress li r-raġunijiet tas-sentenza kkontestata juru ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv ta’ din is-sentenza huwa fondat minħabba raġunijiet oħra ta’ liġi tant li l-appell għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58), l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali u kkonstatat fil-punt 134 ta’ din is-sentenza jibqa’ mingħajr konsegwenza fl-eżami ta’ dan l-appell.

C –  Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-preskrizzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

158    L-appellanti tosserva li, meta fil-punti 193 sa 214 tas-sentenza appellata ċaħdet is-seba’ motiv tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 715/78/KEFA, tas-6 ta’ April 1978, dwar il-perijodi ta’ limitazzjoni fil-proċeduri u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU L 94, p. 22).

159    L-appellanti tqis li peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-preskrizzjoni tal-proċeduri ħames snin wara l-waqfien tal-ksur, u peress li l-ksur inkwistjoni waqaf fil-31 ta’ Diċembru 1994 bit-trasferiment tal-attività ta’ Thyssen Stahl li hija bbenefikat minnu, il-ksur sar preskritt fl-1999. Hija żżid li, kieku d-data tal-imsemmi waqfien ġiet iffissata għad-data li fiha l-parteċipanti l-oħra waqfu l-ksur, jiġifieri matul l-1998, il-preskrizzjoni kienet isseħħ matul l-2003. Hija tippreċiża li l-istess ikun jgħodd f’każ ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 jew tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2988/74, tas-26 ta’ Novembru 1974, li jikkonċerna l-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61).

160    L-appellanti ssostni li ebda att li jinterrompi l-preskrizzjoni stabbilit mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 715/78 ma sar fir-rigward ta’ Thyssen Stahl. Barra minn hekk, il-preskrizzjoni ma ġietx sospiża abbażi tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni msemmija, peress li Thyssen Stahl ma ressqitx rikors kontra d-deċiżjoni inizjali u r-rikors li ressqet l-appellanti ma kienx jinvolvi sospensjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward ta’ Thyssen Stahl, peress li s-sospensjoni toħloq biss effetti inter partes.

161    Sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien hemm lok li tiġi evalwata s-sospensjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward tal-appellanti għaliex din tal-aħħar kienet meqjusa, fid-dawl tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, li wettqet hija stess il-ksur inkwistjoni, din tfakkar li, skont hija, ir-responsabbiltà li ġiet imputata lilha ma hijiex responsabbiltà tat-tip bħal dik li tiġi imputata fuq impriża li ħadet il-kontroll ta’ impriża oħra, iżda, l-iktar l-iktar, responsabbiltà permezz ta’ sostituzzjoni. Issa, il-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl huwa ksur distint li r-responsabbiltà għalih ġiet sussegwentement ittrasferita lill-appellanti.

162    F’dan ir-rigward, l-appellanti tirrileva li l-Qorti Ġenerali stess ikkonstatat li l-adozzjoni tar-responsabbiltà ta’ Thyssen Stahl abbażi tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma kinitx tippermetti li ż-żewġ okkorrenzi ta’ aġir illegali mwettqa minnha stess u minn Thyssen Stahl jitqiesu bħala ksur uniku. Minn dan, hija kkonkludiet li, fir-rigward tal-preskrizzjoni, iż-żewġ okkorrenzi ta’ aġir illegali lanqas ma jistgħu jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ksur uniku li l-effett legali tiegħu jiddependi biss mill-atti proċedurali mwettqa minnha.

163    Barra minn hekk, ir-riferiment li sar mill-Qorti Ġenerali għas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il‑Kummissjoni (C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065) huwa, skont l-appellanti, inapplikabbli għaliex, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar il-possibbiltà li timponi in solidum multa fuq żewġ impriżi minħabba l-eżistenza ta’ unità ekonomika bejniethom. Issa, dawn iċ-ċirkustanzi ma għandhom ebda rabta ma’ dawk ta’ dan il-każ, li jirrigwarda l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà biss minħabba d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997.

164    Finalment, anki jekk jitqies li l-appellanti tista’ tkun meqjusa bħala li wettqet hija stess il-ksur inkwistjoni, dan il-fatt ma jkollu ebda effett fuq il-preskrizzjoni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li fid-dritt tal-akkordji, it-trasferiment tar-responsabbiltà jippresupponi li persuna tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-aġir antikompetittiv adottat minn persuna oħra. Minn dan, l-appellanti tikkonkludi li, anki jekk l-obbligu li titħallas il-multa jiġi ttrasferit, il-konsegwenzi legali mogħtija lil din ir-responsabbiltà għall-aġir ta’ ħaddieħor jibqgħu jiddependu mill-atti proċedurali tal-awtur inizjali tal-ksur.

165    L-appellanti tippreċiża li huwa minħabba dan il-fatt li l-atti tal-awtur inizjali tal-ksur li jippermettu li tiġi eskluża jew li titnaqqas ir-responsabbiltà tiegħu, bħat-talbiet għall-klemenza, jorbtu u joħolqu effett fuq it-terzi li lilhom tiġi ttrasferita ir-responsabbiltà. Bl-istess mod, jekk il-ksur imwettaq mill-awtur inizjali msemmi jkun preskritt fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, din il-konsegwenza legali ma tkunx tista’ tiġi eskluża minn trasferiment tar-responsabbiltà lil terz.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

166    Min-naħa waħda, għandu jiġi mfakkar li kemm l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 715/78 kif ukoll l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jissuġġettaw is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin li jibda jiddekorri, b’mod konformi mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 715/78 u mal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003, mill-jum meta jitwettaq jew jintemm il-ksur u li jista’, abbażi tal-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 715/78 u tal-Artikolu 25(3) u (6) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġi interrott u sospiż.

167    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata timponi multa biss fir-rigward tal-appellanti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preskrizzjoni tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

168    B’mod partikolari, għalkemm l-appellanti tirrileva ġustament li ċerti atti ta’ Thyssen Stahl jistgħu jibqgħu joħolqu effetti fir-rigward tagħha u li preskrizzjoni konkluża fir-rigward ta’ din l-impriża ma tistax tiġi eskluża permezz ta’ trasferiment tar-responsabbiltà, minn dan ma jirriżultax li l-preskrizzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-impriża msemmija.

169    Isegwi li għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tal-appellanti li tgħid li l-Qorti Ġenerali kellha tiddeċiedi fuq il-preskrizzjoni fir-rigward ta’ Thyssen Stahl.

170    Konsegwentement, peress li l-appellanti ma tikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inizjali fir-rigward tagħha fit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin u peress li ma invokat ebda argument fir-rigward ta’ żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-perijodi ta’ interruzzjoni u ta’ sospensjoni tal-preskrizzjoni fir-rigward tagħha, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

D –  Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji li jirregolaw il-kalkolu tal-ammont tal-multa

1.     L-argumenti tal-partijiet

171    L-appellanti ssostni li, meta fil-punti 295 sa 315 tas-sentenza appellata ċaħdet l-għaxar motiv, il-Qorti Ġenerali wettqet ksur tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Skont din, il-kooperazzjoni totali tagħha matul il-proċedura kellha twassal għal tnaqqis addizzjonali tal-multa ’il fuq mill-20 % adottat abbażi tal-punt D tal-komunikazzjoni msemmija għall-kooperazzjoni tagħha fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inizjali. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li hija rrikonoxxiet il-materjalità tal-fatti u l-ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA.

172    Ebda waħda mill-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali għall-konklużjoni li l-aġir tal-appellanti ma weriex spirtu reali ta’ kooperazzjoni ma tista’ jxejjen l-argumentazzjoni tal-appellanti.

173    Fir-rigward tal-argument li jgħid li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti ma kienx jirrigwarda l-perijodu 1993/1994 u ma kien jippreżenta ebda utilità, peress li l-appellanti ma rrikonoxxietx ir-responsabbiltà tagħha li tirriżulta mill-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl, min-naħa waħda, l-appellanti tirrileva li sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tagħha kien jirrigwarda dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li l-prova tal-ksur inkwistjoni kellha titressaq fil-kuntest tat-tieni proċedura u li għalhekk, l-imsemmi nuqqas ta’ kontestazzjoni ffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-fatti.

174    Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li tgħid li l-appellanti kkontestat il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex timponi, wara t-23 ta’ Lulju 2002, sanzjoni abbażi tal-Artikolu 65(1) KEFA, l-appellanti tenfasizza li din il-kwistjoni tirrigwarda mhux il-provi tal-fatti, iżda evalwazzjoni ta’ natura legali, u għaldaqstant, kwistjoni ta’ liġi. Issa, peress li l-Kummissjoni għandha, f’kull każ, twettaq evalwazzjoni legali korretta tal-fatti kkonstatati, il-kontestazzjoni jew le ta’ din l-evalwazzjoni mill-persuni kkonċernati ma tista’ tippreżenta la żvantaġġi u lanqas utilità.

175    F’dak li jirrigwarda l-fatt skont liema l-appellanti ċaħdet għall-ewwel darba mill-ftuħ tal-proċedura inizjali l-validità tad-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997, min-naħa waħda, l-appellanti tirrileva li hija ma kkontestatx l-eżistenza ta’ din id-dikjarazzjoni iżda li hija llimitat ruħha sabiex tiddefendi l-evalwazzjoni legali li tgħid li d-dikjarazzjoni msemmija ma kinitx tippermetti li tiġi imputata lilha r-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn Thyssen Stahl. Min-naħa l-oħra, hija tippretendi li sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li, sa mill-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inizjali, hija kienet indikat li d-dikjarazzjoni msemmija ma setgħetx tiġi interpretata bħala li tiġġustifika trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

176    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li tnaqqis fl-ammont tal-multa fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat ħlief meta l-informazzjoni pprovduta u l-aġir tal-impriża inkwistjoni jkunu jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li juru kooperazzjoni reali min-naħa tagħha (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 395).

177    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, abbażi tal-Artikoli 229 KE u 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali tista’ tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew penali imposta, peress li hija għandha ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tiddeċiedi rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew penali.

178    Għaldaqstant, meta l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 305 sa 314 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ġustament ikkunsidrat li l-appellanti ma kellhiex tibbenefika minn tnaqqis supplimentari tal-multa superjuri għall-20 % diġà mogħti, hija wettqet, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, evalwazzjoni ta’ natura fattwali. Huwa għalhekk ġustament li l-Kummissjoni tosserva, permezz ta’ dan l-aggravju, li l-appellanti tqiegħed indiskussjoni konstatazzjonijiet ta’ fatt u evalwazzjonijiet ta’ provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

179    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, bis-saħħa tal-Artikolu 225 KE, stħarriġ dwar il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun waslet għalihom il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ dawn il-fatti (sentenza tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il‑Kummissjoni, C‑551/03 P, Ġabra p. I‑3173, punt 51, kif ukoll id-digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il‑Kummissjoni, C‑74/10 P u C‑75/10 P, punt 41).

180    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 85, kif ukoll id-digriet EREF vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 42).

181    Issa, l-appellanti ma ppreżentat ebda argument li jista’ jistabbilixxi żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

182    Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-argument li jgħid li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti ma kienx jirrigwarda l-perijodu 1993/1994, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 306 u mill-ewwel paragrafu tal-punt 307 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz tat-tieni frażi tal-imsemmi punt 307, il-Qorti Ġenerali qieset mhux li l-punt 75 tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx testendi għal dan il-perijodu, iżda li dan il-punt 75 ma kienx speċifiku u ċar biżżejjed sabiex ikun utli għall-Kummissjoni.

183    Barra minn hekk, sa fejn l-appellanti tosserva li hija kienet sostniet, sa mill-ftuħ tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inizjali, li d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Lulju 1997 ma setgħetx tiġi interpretata bħala li tiġġustifika trasferiment tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-multa inkwistjoni, diġà ġie kkonstatat fil-punt 152 ta’ din is-sentenza li dan ma kienx il-każ.

184    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud.

185    Minn dan isegwi li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VII –  Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      ThyssenKrupp Nirosta GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.