Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-18 ta’ Marzu 2011 – Montoya Medina vs Fondo de Garantía Salarial u Universidad de Alicante
(Kawża C-273/10)
“Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura − Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE − Klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku – Dritt għall-allowances ta’ anzjanità ta’ kull tliet snin – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”
1. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Kundizzjonijiet ta’ impjieg - Kunċett - Allowance ta’ anzjanità - Inklużjoni - Obbligu li jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1)) (ara l-punti 32-34)
2. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol - “L-istess xogħol” - Kunċett - Ħaddiema li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli - Kriterji ta’ evalwazzjoni (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 3(2)) (ara l-punti 36-39)
3. Politika soċjali - Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat - Direttiva 1999/70 - Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw trattament differenti - Kunċett (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 4(1)) (ara l-punti 34, 37, 40-43, 47 u d-dispożittiv)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana - Interpretazzjoni tal-klawżola 4(4) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-ĊEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 368) - Kuntratti ta’ xogħol ta’ għalliem-riċerkatur konklużi mal-universitajiet pubbliċi - Esklużjoni ta’ ċerti allowances mill-kuntratti għal żmien determinat |
Dispożittiv
Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC [CES], mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, tirriżerva d-dritt għal allowance ta’ anzjanità biss lil-lecturers bid-dottorat b’kuntratt għal perijodu indeterminat, bl-esklużjoni ta’ lecturers bid-dottorat b’kuntratt għal perijodu determinat, meta, fir-rigward tal-fatt li jirċievu din l-allowance, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli.