SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
11 ta’ Frar 2010 ( *1 )
“Politika soċjali — Informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema — Direttiva 2002/14/KE — Traspożizzjoni tad-Direttiva permezz ta’ liġi kif ukoll permezz ta’ ftehim kollettiv — Effetti tal-ftehim kollettiv fir-rigward ta’ ħaddiem li ma huwiex membru tal-organizzazzjoni sindakali firmatarja tal-imsemmi ftehim — Artikolu 7 — Protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema — Rekwiżit ta’ protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija mix-xogħol — Assenza”
Fil-Kawża C-405/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Vestre Landsret (id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Settembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2008, fil-proċedura
Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal Bertram Holst,
vs
Dansk Arbejdsgiverforening, li qed taġixxi għal Babcock & Wilcox Vølund ApS,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala president tat-Tielet Awla, A. Rosas, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Settembru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għall-Ingeniørforeningen i Danmark, li qed taġixxi għal B. Holst, minn K. Schioldann, avukat, |
|
— |
għad-Dansk Arbejdsgiverforening, li qed taġixxi għal Babcock & Wilcox Vølund ApS, minn P. Knudsen u H. Werner, avukati, |
|
— |
għall-Gvern Daniż, minn C. Pilgaard Zinglersen u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen u J. Enegren, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Ottubru 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2002, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati [ħaddiema] fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ingeniørforeningen i Danmark (federazzjoni Daniża tal-inġiniera, iktar ’il quddiem, l-“IDA”), li qed taġixxi għal B. Holst, ex impjegat tal-kumpannija Babcock & Wilcox Vølund ApS (iktar ’il quddiem, “BWV”), u d-Dansk Arbejdsgiverforening (federazzjoni Daniża ta’ min iħaddem, iktar ’il quddiem, id-“DA”), li qed taġixxi għal BWV, dwar it-tkeċċija ta’ B. Holst minn din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
|
3 |
Il-Premessi 18, 23 u 28 tad-Direttiva 2002/14 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
4 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/14: “1. L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati [ħaddiema] f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità. 2. L-arranġamenti [proċeduri] prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikunu definiti w implementati bi qbil mal-liġi nazzjonali u l-prattiċi tar-relazzjonijiet industrijali fi Stati Membri ndividwali b’tali mod hekk li jassiguraw l-effettività tagħhom. 3. Meta jiddiffenixxi jew jimplementa l-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni, min jimpjega u r-rappreżentanti ta’ l-impjegati għandhom jaħdmu fi spirtu ta’ koperazzjoni u billi jkunu meqjusa kif xieraq id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tagħhom, billi jkunu meqjusa l-interessi kemm ta’ l-impriża jew ta’ l-istabbiliment u wkoll ta’ l-impjegati.” |
|
5 |
Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema huma ddefiniti fl-Artikolu 2(e) tal-imsemmija direttiva bħala r-“rappreżentanti ta’ l-impjegati [tal-ħaddiema] li jipprovdu għalihom il-liġijiet u/jew il-prattiċi nazzjonali”. |
|
6 |
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/14 jipprovdi li: “Bi qbil mal-prinċipji stabbiliti f’Artikolu 1 u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet u/jew prattiċi eżistenti li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti [proċeduri] prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ l-infomazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell xieraq bi qbil ma dan l-Artikolu.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jistipula: “L-Istati Membri għandhom jinkarigaw lill-management u lill-ħaddiema [imsieħba soċjali] fil-livell xieraq, inkluż fil-livell ta’ l-impriża u l-istabbiliment, biex jiddeffinixxu b’libertà u fi kwalunkwe żmien permezz ta’ ftehim innegozjat l-arranġamenti [proċeduri] prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati [ħaddiema]. Dawn l-arranġamenti, u l-ftehim eżistenti fid-data stabbilita f’Artikolu 11, kif ukoll kwalunkwe tiġdid sussegwenti ta’ ftehim bħal dawn, jistgħu jistabbilixxu, waqt li jirrispettaw il-prinċipji kif elenkati fl-Artikolu 1 u suġġett għall-kondizzjonijiet u l-limatzzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, dispożizzjonijiet li huma differenti minn dawk li hemm referenza dwarhom f’Artikolu 4.” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema], meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu protezzjoni u garanziji adekwati biex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom.” |
|
9 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/14 huwa fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membru għandhom jipprovdu għal miżuri xierqa fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma din id-Direttiva minn dak li jimpjega jew mir-rappreżentanti ta’ l-impjegati [ħaddiema]. Partikolarment, għandhom jassiguraw li proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi adekwati jkunu disponibbli biex jiffaċilitaw li l-obbligi li joriġinaw minn din id-Direttiva jkunu infurzati. 2. L-Istati Membru għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet xierqa biex ikunu applikabbli fil-każ ta’ ksur ta’ din id-Direttiva minn dak li jimpjega jew mir-rappreżentanti ta’ l-impjegati. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi.” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 9(4) tal-imsemmija direttiva, l-implementazzjoni tagħha ma tikkostitwixxix raġuni biżżejjed sabiex tiġġustifika rigressjoni meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti fl-Istati Membri u fuq livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-direttiva. |
|
11 |
Skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2002/14, l-Istati Membri għandhom, minn naħa, jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma din id-direttiva mhux aktar tard mit-23 ta’ Marzu 2005 jew sabiex jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu stabbilixxew, sa dik id-data, id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, peress li l-imsemmija Stati huma obbligati jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu dejjem ir-riżultati imposti minn din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej bl-adozzjoni u l-istabbiliment tal-imsemmija dispożizzjonijiet dwar dan. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
Il-liġi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema
|
12 |
Id-Direttiva 2002/14 ġiet trasposta fid-dritt Daniż bil-Liġi Nru 303 dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema (lov Nru 303 om information og høring af lønmodtagere), tat-2 ta’ Mejju 2005 (iktar ’il quddiem, il-“liġi tal-2005”), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2005. |
|
13 |
Din il-liġi tapplika għall-ħaddiema li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv li, b’mod partikolari, għandu l-għan li jittrasponi d-Direttiva 2002/14. |
|
14 |
L-Artikolu 8 tal-liġi tal-2005 jipprovdi li r-rappreżentanti tal-ħaddiema li għandhom jiġu informati u kkonsultati f’dik il-kwalità, huma protetti kontra t-tkeċċija u kontra kull deterjorazzjoni fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħad-delegati tal-persunal tal-istess kategoriji professjonali jew simili. |
|
15 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmi artikolu jirreferi għall-protezzjoni ġenerali kontra t-tkeċċija tad-delegati tal-persunal u tar-rappreżentanti tal-ħaddiema, li hija stabbilita kważi fil-konvenzjonijiet u l-ftehim kollettivi Daniżi kollha, ħlief għad-diriġenti. Din il-protezzjoni timplika li min iħaddem għandu l-obbligu li juri l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi biex ikeċċi delegat tal-persunal u li dik it-tkeċċija ma tistax tiġi evitata, pereżempju, bit-tkeċċija ta’ ħaddiem ieħor. Tali tkeċċija ma tistax isseħħ ħlief fil-każ li jkun assolutament impossibbli li d-delegat tal-persunal jiġi offert impjieg ieħor simili fl-istess impriża fejn hu elett. |
|
16 |
Peress li d-Direttiva 2002/14 tista’ tiġi trasposta permezz ta’ ftehim, l-Artikolu 3 tal-liġi tal-2005 jipprovdi li din ma tapplikax jekk l-obbligu ta’ informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema, li għandu min iħaddem, ikun jirriżulta minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu għall-anqas ekwivalenti għal dawk tad-direttiva. |
Il-liġi dwar l-impjegati
|
17 |
Il-ħaddiema kollha koperti mil-liġi dwar l-impjegati (funktionærloven, iktar ’il quddiem, il-“FL”) igawdu minn protezzjoni kontra t-tkeċċija abbużiva, taħt l-Artikolu 2 b tal-FL, li tipprevedi kumpens li jista’ jammonta għal sitt xhur paga jekk it-tkeċċija ma tkunx tista’ titqies li saret għal raġunijiet ġusti fir-rigward tal-aġir tal-ħaddiema jew is-sitwazzjoni tal-impriża. Il-protezzjoni tikkonsisti f’evalwazzjoni ta’ jekk it-tkeċċija kinitx ġusta jew le. |
|
18 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-protezzjoni pprovduta mill-imsemmi Artikolu 2 b hija anqas minn dik li jgawdi minnha delegat tal-persunal taħt il-konvenzjonijiet u l-ftehim kollettivi li fil-każ ta’ tkeċċija ta’ dan tal-aħħar, jipprevedu l-obbligu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi. |
Is-Samarbejdsaftalen
|
19 |
Is-Samarbejdsaftalen huwa ftehim ta’ kooperazzjoni konkluż bejn iż-żewġ l-akbar organizzazzjonijiet sindakali u ta’ min iħaddem Daniżi, jiġifieri l-Landsorganisationen i Danmark (konfederazzjoni ġenerali tax-xogħol, iktar ’il quddiem, il-“LO”) u d-DA, dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-kunsilli tal-impriżi (iktar ’il quddiem, is-Samarbejdsaftalen). |
|
20 |
Is-Samarbejdsaftalen jikkostitwixxi waħda mill-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2002/14 permezz ta’ ftehim. Dan japplika għall-impriżi b’iktar minn 35 impjegat u fih dispożizzjonijiet li jipprevedu l-istabbiliment ta’ kunsill tal-impriżi kompost minn rappreżentanti tad-diriġenti u rappreżentanti tal-impjegati, indikata bħala l-kulleġġi A u B, rispettivament. Il-kulleġġ B huwa kompost minn rappreżentanti tal-impjegati organizzati fi ħdan il-LO u rappreżentanti ta’ kategoriji oħrajn ta’ impjegati. |
|
21 |
L-Artikolu 4 tas-Samarbejdsaftalen huma fformulat kif ġej: “It-terminu għan-notifika ta’ tkeċċija ta’ rappreżentat tal-kulleġġ B, li huwa membru tal-kunsill tal-impriżi u li ma jgawdix minn qabel mill-protezzjoni bħala delegat tal-persunal, huwa dak eventwalment iffissat mill-ftehim kollettiv, estiż b’sitt ġimgħat. Madankollu, it-terminu tan-notifika ma jistax jeċċedi dak li jgawdi minnu d-delegat tal-persunal tal-istess kategorija professjonali. Sakemm it-talba titressaq qabel l-elezzjonijiet tal-kunsill tal-impriżi, il-kulleġġ B li huwa fi ħdan l-imsemmi kunsill, jista’ jiġi kkompletat minn rappreżentanti ta’ kategorija professjonali li mhijiex irrappreżentata minn membru ordinarju ta’ dan il-kunsill jew minn delegat tal-persunal. Kategorija tfisser grupp ta’ persuni li għandhom l-istess xogħol jew li wettqu taħriġ partikolari. Għaldaqstant, din tirrigwarda gruppi li ma għandhomx rappreżentazzjoni diretta fil-kunsill tal-impriżi iżda li għall-anqas għandhom id-dritt li jkollhom membru jekk wieħed mir-rappreżentanti tagħhom jiġi elett.” |
|
22 |
Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, emendi li saru f’addenda mas-Samarbejdsaftalen, li daħlu fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2005, ippermettew ir-rappreżentanza fil-kunsill tal-impriżi tal-kategoriji professjonali kollha koperti minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv, anki dawk mhux irrappreżentati minn waħda mill-partijiet firmatarji tas-Samarbejdsaftalen. Sar ukoll possibbli, li l-kunsill tal-impriżi jiġi kkompletat permezz tar-rappreżentanti ta’ kategoriji professjonali speċifiċi jew ta’ kategoriji li segwew taħriġ speċifiku. |
|
23 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn l-imsemmija emendi jkopru l-kategoriji professjonali jew persuni li mhumiex koperti minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv, b’mod partikolari, bħall-inġiniera. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
24 |
B. Holst ġie ingaġġat fl-1 ta’ Lulju 1984 bħala inġinier ta’ proġetti minn BWV, b’kuntratt ta’ xogħol individwali. Huwa għandu l-istatus ta’ impjegat u jaqa’, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FL. |
|
25 |
Fl-2001, B. Holst ġie elett fil-kunsill tal-impriżi ta’ BWV mill-kulleġġ tal-inġiniera. Dan il-kunsill, li twaqqaf b’mod konformi mas-Samarbejdsaftalen, huwa kompost kemm minn rappreżentanti tad-diriġenti kif ukoll minn rappreżentanti tal-impjegati. Fi ħdan l-imsemmi kunsill, ir-rappreżentanti tal-impjegati kienu jikkonsistu f’rappreżentanti tal-impjegati organizzati fi ħdan il-LO u rappreżentanti ta’ kategoriji oħrajn ta’ impjegati. |
|
26 |
B. Holst, flimkien ma’ impjegati oħrajn, kien suġġett għal proċedura ta’ tkeċċija, innotifikata lilu fl-24 ta’ Jannar 2006 b’notifika ta’ sitt xhur, u mmotivata minn tnaqqis fil-persunal ta’ BWV. Huwa kkontesta r-raġuni tat-tkeċċija tiegħu. |
|
27 |
B. Holst huwa membru tal-IDA, li aġixxiet bħala rappreżentata ta’ dan tal-aħħar, quddiem il-qorti tar-rinviju. L-IDA mhijiex membru tal-LO u ma kkonkludietx ftehim kollettiv mal-BWV, la għall-kategorija professjonali tal-inġiniera u lanqas għal ebda kategorija oħra ta’ ħaddiema. Għaldaqstant, l-IDA mhijiex firmatarja tas-Samarbejdsaftalen. |
|
28 |
BWV timpjega madwar 240 impjegat. Hija membru tal-organizzazzjoni tad-Dansk Industri, min iħaddem. Din hija affiljata mad-DA. |
|
29 |
Kif jirriżulta mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fis-sistema legali Daniża, saru addenda mas-Samarbejdsaftalen fl-2005, li skont il-firmatarji tagħha, kienet twassal għal traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2002/14. |
|
30 |
Fit-8 ta’ Novembru 2006 l-IDA ressqet, f’isem B. Holst, azzjoni għal kumpens quddiem il-Byretten i Esbjerg (qorti tal-prim’istanza ta’ Esbjerg), fejn talbet li BWV tiġi kkundannata tħallas lil B. Holst kumpens għat-tkeċċija, abbażi tal-FL. L-IDA kienet tal-fehma li t-tkeċċija ma kinitx ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi. Hija sostniet ukoll li, bħala rappreżentant tal-ħaddiema fi ħdan il-kunsill tal-impriżi, B. Holst kien igawdi minn protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija taħt l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14. Fil-fatt, huwa kellu dritt għal tali protezzjoni sew jekk membru ta’ grupp ta’ ħaddiema koperti minn konvenzjoni jew ftehim kollettiv, jew le. |
|
31 |
Id-Dansk Industri, li dak iż-żmien kienet ir-rappreżentanta tal-BWV, talbet li din it-talba tiġi miċħuda filwaqt li sostniet, b’mod partikolari, li matul ix-xoljiment tal-kuntratt tiegħu, B. Holst kien ingħata notifika li għaliha kellu dritt kemm taħt il-FL kif ukoll taħt is-Samarbejdsaftalen. Din in-notifika kienet tali li tossidisfa l-ħtiġijiet tad-Direttiva 2002/14 hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 7 tagħha. |
|
32 |
Il-partijiet fil-kawża prinċipali qablu li jresqqu l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u kien f’dan l-istadju li d-DA kkostitwixxiet ruħha bħala rappreżentanta tal-BWV. |
|
33 |
Peress li kienet tal-fehma li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14, il-Vestre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi preliminari:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
34 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2002/14 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi t-traspożizzjoni tagħha permezz ta’ ftehim li jwassal sabiex kategorija ta’ ħaddiema jkun kopert mill-ftehim kollettiv inkwistjoni, minkejja li l-ħaddiema li jaqgħu f’din il-kategorija mhumiex membri tal-organizzazzjoni sindakali firmatarja tal-imsemmi ftehim u li s-settur tax-xogħol tagħhom mhuwiex irrappreżentat minn din l-organizzazzjoni. |
|
35 |
Mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2002/14 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex iwettqu t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għadhom ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti minnha, fi kwalunkwe waqt. |
|
36 |
Ir-rwol tal-imsieħba soċjali fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-proċeduri għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni pprovduti mid-Direttiva 2002/14 u, għaldaqstant, fit-traspożizzjoni tagħha, mhuwiex limitat biss għall kompiti assenjati lilhom mill-imsemmi Artikolu 11(1). Fil-fatt, mill-Premessa 23 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jiżguraw rwol importanti lill-imsieħba soċjali billi jippermettulhom jiddefinixxu liberament, permezz ta’ ftehim, il-proċeduri għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema li huma jqisu konsistenti mal-ħtiġijiet u x-xewqat tagħhom. |
|
37 |
L-Artikolu 1(2) tal-istess direttiva jipprovdi wkoll li l-imsemmija proċeduri huma definiti u implementati mhux biss skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll skont il-prattiki tar-relazzjonijiet industrijali fis-seħħ fid-diversi Stati Membri. |
|
38 |
Bl-istess mod, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/14, l-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lill-imsieħba soċjali fil-livell xieraq, li jiddefinixxu liberament, u fi kwalunkwe żmien, permezz ta’ ftehim innegozjat il-proċeduri prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema. Skont l-istess artikolu, dan il-ftehim, u dawk eżistenti fid-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kif ukoll kwalunkwe tiġdid sussegwenti ta’ ftehim bħal dawn, jistgħu jistabbilixxu, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji kif elenkati fl-Artikolu 1 ta’ dan kif ukoll suġġett għall-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri, dispożizzjonijiet li huma differenti minn dawk li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva. |
|
39 |
Il-fakultà rikonoxxuta lill-Istati Membri mid-Direttiva 2002/14 hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistipula li dawn tal-aħħar jistgħu jħallu, prinċipalment, f’idejn l-imsieħba soċjali sabiex jiksbu l-għanijiet tal-politika soċjali previsti minn direttiva f’dan il-qasam (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-187/98, Ġabra p. I-7713, punt 46, u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Andersen, C-306/07, Ġabra p. I-10279, punt 25). |
|
40 |
L-imsemmija fakultà ma teżentax lill-Istati Membri mill-obbligu li jiżguraw, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema kollha jistgħu jgawdu mill-protezzjoni sħiħa mogħtija lilhom mid-Direttiva 2002/14, peress li l-garanzija statali għandha tkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn protezzjoni ma tingħatax b’xi mod ieħor u, b’mod partikolari, meta dan in-nuqqas ta’ protezzjoni jkun dovut għall-fatt li l-ħaddiema kkonċernati mhumiex membri f’sindakat (sentenza Andersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26). |
|
41 |
Peress li l-kategorija tal-persuni li jistgħu jkunu koperti minn ftehim kollettiv bħal, b’mod partikolari, fil-każ ta’ ftehim kollettiv iddikjarat li għandu applikazzjoni ġenerali, tista’ tkun totalment indipendenti mill-fatt li dawn il-persuni jkunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dan l-istess ftehim jew le, il-fatt li persuna ma tkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali bħal din m’għandux, fih innifsu, bħala effett li jippriva lil din il-persuna mill-protezzjoni legali mogħtija mill-ftehim kollettiv inkwistjoni (sentenza Andersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34). |
|
42 |
B’hekk jirriżulta li d-Direttiva 2002/14, fiha nfisha, ma tipprekludix li ħaddiem li ma jkunx membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ ftehim kollettiv li jimplementa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jgawdi, skont dan il-ftehim kollettiv, mill-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva kollha, minkejja li ma jkunx membru ta’ tali organizzazzjoni sindikali. |
|
43 |
Kemm skont l-osservazzjonijiet bil-miktub kif ukoll dawk orali ssottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet rigward il-kwistjoni jekk, fid-dritt Daniż, rappreżentant tal-ħaddiema bħal B. Holst huwiex kopert mis-Samarbejdsaftalen jew le, u jekk minkejja l-fatt li mhuwiex membru tal-organizzazzjoni sindikali firmatarja ta’ dan il-ftehim, jistax jinvoka, quddiem il-qrati nazzjonali, dispożizzjonijiet ta’ dan li joffru protezzjoni. |
|
44 |
Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti tar-rinviju u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina, qabel kollox, jekk B. Holst huwiex kopert mis-Samarbejdsaftalen u/jew minn dispożizzjonijiet oħra tal-liġi nazzjonali intiżi sabiex jittrasponu d-Direttiva 2002/14, imbagħad jekk il-ħaddiema kollha li jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tas-Samarbejdsaftalen, kemm jekk ikunu membri ta’ organizzazzjoni sindakali jew le, għandhomx id-dritt li jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali, dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li joffrulhom protezzjoni, b’mod li dawn il-ħaddiema kollha jgawdu mill-istess protezzjoni u, fl-aħħar nett, jekk fid-dawl tar-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari, l-imsemmi ftehim huwa tali li jiggarantixxi lill-ħaddiema li jaqgħu taħtu, protezzjoni effettiva tad-drittijiet li tagħtihom din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Andersen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28, 29 u 37). |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Direttiva 2002/14 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix traspożizzjoni ta’ din id-direttiva permezz ta’ ftehim li jwassal sabiex kategorija ta’ ħaddiema tkun koperta mill-ftehim kollettiv inkwistjoni, minkejja li l-ħaddiema li jaqgħu f’din il-kategorija mhumiex membri tal-organizzazzjoni sindakali firmatarja ta’ dan l-imsemmi ftehim u li s-settur tax-xogħol tagħhom mhuwiex irrappreżentat minn l-imsemmija organizzazzjoni, sakemm il-ftehim kollettiv huwa tali li jiżgura lill-ħaddiema li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, protezzjoni effettiva tad-drittijiet li tagħtihom din l-istess direttiva. |
Fuq it-tieni u t-tielet domanda
|
46 |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati f’daqqa, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeħtieġ jingħata protezzjoni msaħħa, kontra t-tkeċċija mix-xogħol, lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. |
|
47 |
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonjiet tiegħu, meta l-qorti tar-rinviju għamlet dawn iż-żewġ domandi, hija bbażat ruħha fuq żewġ ipoteżi differenti li, bis-saħħa tad-dritt Daniż, it-tkeċċija ta’ rappreżentant tal-ħaddiema, bħal B. Holst li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindikali firmatarja tas-Samarbejdsaftalen, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim jew dak tal-Liġi tal-2005. |
|
48 |
Peress li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk japplikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jew ta’ ftehim kolletttiv fis-seħħ fil-Danimarka, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għal interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva2002/14 kemm fir-rigward tal-kliem kif ukoll tal-ispirtu ta’ dan l-artikolu u, b’mod ġenerali, tal-għan ta’ din id-direttiva. |
|
49 |
Skont l-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema, meta jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, igawdu minn protezzjoni u garanziji adegwati sabiex ikunu jistgħu jwettqu d-doveri li jkunu ġew assenjati lilhom. |
|
50 |
Madankollu, la mill-kliem u lanqas mill-ispirtu ta’ dan l-artikolu ma jirriżulta li, sabiex tkun konsistenti mal-ħtiġijiet elenkati minnha, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom bil-fors jingħataw protezzjoni msaħħa kontra t-tkeċċija mix-xogħol. |
|
51 |
Barra minn hekk, kemm mill-Premessa 18 kif ukoll mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/14 jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali li jiddetermina l-ħtiġijiet minimi għad-dritt tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-impriżi jew l-istabbilimenti fl-Unjoni. |
|
52 |
Għaldaqstant, kemm mill-istess kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, kif ukoll mill-fatt li din tipprovdi biss qafas ġenerali li jiddetermina l-ħtiġijiet minimi, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla marġni ta’ diskrezzjoni kbir lill-Istati Membri u, suġġett għall-obbligi imposti fuq dawn tal-aħħar li jiggarantixxu r-riżultati impost minn din id-direttiva, lill-imsieħba soċjali rigward il-miżuri ta’ protezzjoni u l-garanziji li għandhom jiġu adottati fil-konfront tar-rappreżentanti tal-ħaddiema. |
|
53 |
Madankollu, għalkemm l-Istati Membri u għalhekk, l-imsieħba soċjali jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni kbir għal dak li jikkonċerna l-protezzjoni mogħtija mill-imsemmi Artikolu 7, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni mhuwiex bla limitu. |
|
54 |
Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-miżuri meħuda mir-Renju tad-Danimarka għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14, rappreżentant tal-ħaddiema bħal B. Holst, li mhuwiex membru ta’ organizzazzjoni sindakali firmatarja tas-Samarbejdsaftalen, igawdi minn protezzjoni differenti skont jekk jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tal-2005 jew dak tal-ftehim. Fil-każ li jkun dan tal-aħħar li japplika, ir-rappreżentant tal-ħaddiema jidher jista’ jgawdi minn terminu ta’ notifika estiża b’sitt ġimgħat, mentri fin-nuqqas ta’ l-imsemmi ftehim, meta tapplika l-Liġi tal-2005 għal dan ir-rappreżentant, dan tal-aħħar jidher jista’ jgawdi mill-istess protezzjoni li tingħata lid-delegati tal-persunal li jaqgħu fl-istess kategorija professjonali jew simili u, b’mod partikolari, it-tkeċċija tista’ ssir biss għal raġunijiet imperattivi. |
|
55 |
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ tali differenzi fil-protezzjoni li hija mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-każ ta’ tkeċċija mix-xogħol, mhijiex fiha nnifisha, kontra d-Direttiva 2002/14 peress li l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni jistgħu, minn natura tagħhom, ivarjaw b’mod partikolari skont it-tip ta’ impriża kkunsidrata, l-Istat Membru kkonċernat u l-professjoni tar-rappreżentant inkwistjoni. |
|
56 |
Huwa minnu li l-eżistenza ta’ differenzi bejn l-Istati Membri u anki fi ħdan Stat Membru wieħed, fir-rigward tal-proċeduri għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema intiża mid-Direttiva 2002/14 ma jistgħux jiġu esklużi peress li din tħalli marġni ta’ diskrezzjoni kbir lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali fil-konfront tad-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-imsemmija proċeduri. |
|
57 |
Għalkemm id-Direttiva 2002/14 ma teżiġix għaldaqstant, li l-protezzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tal-ħaddiema minn liġi ta’ traspożizzjoni jew minn ftehim kollettiv, adottat sabiex jittrasponi din id-direttiva tkun identika, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija protezzjoni għandha tirrispetta l-protezzjoni minima pprovduta mill-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva. |
|
58 |
F’dan ir-rigward, hekk kif issostni l-Kummissjoni, huwa ċar li t-tkeċċija mix-xogħol ta’ rappreżentant tal-ħaddiema mmotivata mill-kwalità tiegħu jew mill-funzjonijiet tiegħu bħala rappreżentant, mhijiex kompatibbli mal-protezzjoni meħtieġa mill-imsemmi Artikolu 7. |
|
59 |
Rappreżentant tal-ħaddiema li jkun suġġett għal deċiżjoni ta’ tkeċċija mix-xogħol għandu għaldaqstant ikun kapaċi jivverifika, fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji xierqa, li din id-deċiżjoni mhijiex immotivata mill-kwalità tiegħu jew mill-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala rappreżentant, u għandhom japplikaw is-sanzjonijiet adatti fil-każ li tinstab relazzjoni bejn l-imsemmija kwalità jew funzjonijiet u l-miżura ta’ tkeċċija meħuda kontra dan ir-rappreżentant. |
|
60 |
Għalkemm huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jistgħu jħallu f’idejn l-imsieħba soċjali sabiex jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex iwettqu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-Istati għandhom jiżguraw li l-ħaddiema kollha, u b’mod partikolari, ir-rappreżentanti tagħhom, ikunu jistgħu jgawdu mill-protezzjoni kollha mogħtija lilhom minn din id-direttiva. |
|
61 |
Jekk il-leġiżlatur nazzjonali jadotta miżura speċifika, fid-dawl tar-regoli rilevanti kollha tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex josserva l-protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, ftehim kollettiv li jipprovdi miżura ta’ protezzjoni differenti għandu għall-anqas ikun jista’ jiġi mistħarreġ mill-qorti nazzjonali sabiex jiġi żgurat li l-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema ggarantita minn din il-miżura tosserva wkoll, fl-intier tagħha, din il-protezzjoni minima. |
|
62 |
Minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri u lill-imsieħba soċjali f’dan il-qasam, ftehim kollettiv li jipprovdi protezzjoni tar-rappreżentanti inqas minn dik meqjusa meħtieġa mil-leġiżlatur nazzjonali f’liġi ta’ traspożizzjoni sabiex, fis-sistema legali nazzjonali tiegħu, jikkonforma ma’ din il-protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14, ma tistax tiġi ddikjarata bħala konformi magħha. Il-kwistjoni ta’ jekk il-protezzjoni mogħtija minn ftehim kollettiv hijiex inqas minn dik mogħtija minn liġi ta’ traspożizzjoni, għandha tiġi eżaminata wkoll fir-rigward tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali kollha. |
|
63 |
Fil-kawża prinċipali, jirriżulta mill-osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta li r-rappreżentanti tal-ħaddiema li s-Samarbejdsaftalen tapplika għalihom, fil-prinċipju jistgħu jgawdu mhux biss minn terminu ta’ notifika estiż, iżda peress li bħala impjegati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FL, igawdu wkoll minn protezzjoni kontra tkeċċija abbużiva. Għaldaqstant, jidher li tkeċċija mwettqa minħabba l-kwalità jew il-funzjonijiet ta’ rappreżentant tal-ħaddiema tista’ titqies bħala tkeċċija abbużiva fis-sens ta’ din il-liġi u tista’ tirriżulta f’sanzjonijiet għal min jimpjega, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/14. |
|
64 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-konstatazzjoni tikkorrispondix għar-realtà u tiżgura li, fil-każ li B. Holst li mhuwiex membru u attwalment ma jistax ikun membru tal-organizzazzjoni sindakali firmatarja tas-Samarbejdsaftalen, huwa kopert jew mil-Liġi tal-2005 jew minn dan il-ftehim, inkella mill-FL, id-dispożizzjonijiet applikabbli għalih, meqjusa weħidhom jew flimkien mal-ftehim, huma tali li jiggarantixxu protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lilu mid-Direttiva 2002/14 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tagħha. |
|
65 |
Kif jirriżulta mir-risposta tal-ewwel domanda u mill-punti 61 u 63 ta’ din is-sentenza, tali protezzjoni effettiva ma tistax tiġi ggarantita jekk huma biss il-ħaddiema membri tal-kunsill tal-impriżi, li huma affiljati ma’ sindikat firmatarju tal-ftehim kollettiv inkwistjoni li jistgħu jiżguraw ruħhom li t-tkeċċija tagħhom ma twettqitx minħabba l-kwalità jew tal-funzjonijiet ta’ rappreżentanti tal-ħaddiema. |
|
66 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tienu u t-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeħtieġx li jingħata protezzjoni msaħħa, kontra t-tkeċċija mix-xogħol lir-rappreżentanti tal-ħaddiema. Madankollu, kull miżura meħuda għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, kemm jekk prevista minn liġi jew minn ftehim kollettiv, għandha tosserva l-protezzjoni minima pprovduta mill-imsemmi Artikolu 7. |
Fuq l-ispejjeż
|
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.