Kawża C-76/10

Pohotovosť s.r.o.

vs

Iveta Korčkovská

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský súd v Prešove)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti — Direttiva 2008/48/KE — Direttiva 87/102 — Kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur — Rata perċentwali annwali ta’ ħlas — Proċedura ta’ arbitraġġ — Sentenza ta’ arbitraġġ — Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio n-natura inġusta eventwali ta’ ċerti klawżoli”

Sommarju tad-digriet

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Rikors għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata, mogħtija fil-kontumaċja

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 6(1))

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta — Kriterji ġenerali ta’ evalwazzjoni

(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikoli 3 u 4)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-kreditu lill-konsumatur — Direttiva 87/102 — Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur — Nuqqas ta’ indikazzjoni fil-kuntratt tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas

(Direttivi tal-Kunsill 87/102, kif emendata bid-Direttiva 98/7, Artikolu 4 u 93/13, Artikoli 3 u 4)

1.        Id‑Direttiva 93/13/KEE, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal‑penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal‑kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir‑regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

Fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandu jitqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku.

(ara l-punti 50, 54, u d-dispożittiv 1)

2.        Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari għandhiex natura inġusta jew le, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, jindika li r-risposta għandha tingħata fid-dawl tan-natura tal-beni u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument li l-kuntratt jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-imsemmi kuntratt ġie konkluż. F’dan il‑kuntest, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt li japplika għall-kuntratt, fatt li jimplika eżami tal-ordinament ġuridiku nazzjonali.

Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tad‑dritt tal-Unjoni Ewropea mogħti lilha bl-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta l‑kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddefinixxi l‑kunċett ta’ klawżola inġusta. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiddeċiedi dwar l‑applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni.

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu li tistabbilixxi penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta ġie konkluż dan il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola. Barra minn hekk, din il-qorti għandha, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, tevalwa jekk il-kuntratt jistax jibqa’ jgħodd mingħajr din il-klawżola inġusta eventwali.

(ara l-punti 59, 60, 61, 63, u d-dispożittiv 2)

3.        In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas (RPAĦ) f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil‑kuntest tad-Direttiva 87/102/KEE, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill‑konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l‑possibbiltà li tevalwa, anki ex officio, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-klawżola ta’ dan il‑kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13.

Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

(ara l-punt 77, d-dispożittiv 3)







DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Novembru 2010 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Direttiva 2008/48/KE – Direttiva 87/102 – Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur – Rata perċentwali annwali ta’ ħlas – Proċedura ta’ arbitraġġ – Sentenza ta’ arbitraġġ – Possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tevalwa ex officio n-natura inġusta eventwali ta’ ċerti klawżoli”

Fil-Kawża C‑76/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari, skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill‑Krajský súd v Prešove (is‑Slovakkja), permezz tad‑deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2010, li waslet fil‑Qorti tal‑Ġustizzja fid‑9 ta’ Frar 2010, fil‑proċedura

Pohotovosť s. r. o.

vs

Iveta Korčkovská,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tmien Awla),

komposta minn L. Bay Larsen li qed jaġixxi bħala l-President tat-Tmien Awla, C. Toader (Relatur), u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It‑talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tad‑Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), moqrija flimkien mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tapplika għall-kuntratti ta’ kreditu lill-konsumatur.

2        Din it‑talba ġiet ippreżentata fil‑kuntest ta’ kawża bejn Pohotovosť s. r. o. (iktar ’il quddiem “Pohotovosť”) u I. Korčovská dwar l‑eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ li kkundannat lil din tal‑aħħar tħallas lil din il-kumpannija, skont id‑dispożizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ self ta’ ammont ta’ SKK 20 000 (EUR 663.88) konkluż bejn dawn il‑partijiet, l-ammont ta’ SKK 48 820 (EUR 1 620.53) kif ukoll l‑interessi moratorji u l‑ispejjeż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea

 Id-Direttiva 87/102/KEE

3        Il-ħamsa u għoxrin premessa tad-Direttiva tal‑Kunsill 87/102/KEE, tat‑22 ta’ Dicembru 1986, għall‑approssimazzjoni tal‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal‑Istati Membri dwar il‑kreditu lill‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), kif emendata bid‑Direttiva 98/7/KE tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36, iktar ’il quddiem id‑“Direttiva 87/102”) tipprovdi s-segwenti:

“Billi, din id-Direttiva tipprovdi għal ċertu ammont ta’ approssimazzjoni fil‑liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattiv ta’ l-Istati Membri dwar kreditu lill-konsumatur u għal ċertu livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-Istati Membri m’għandhomx ma jitħallewx milli jżommu jew jadottaw miżuri aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumatur, b’konsiderazzjoni xierqa għall‑obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat”.

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:

“1.      Din id-Direttiva tapplika għal ftehim ta’ kreditu.

2.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘konsumatur’ ifisser persuna naturali li, fi transazzjonijiet li jaqgħu taħt din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jistgħu jitqiesu barra mill-kummerċ jew professjoni tiegħu;

b)      ‘kreditur’ ifisser xi persuna naturali jew legali li tagħti kreditu bħala parti mill-kummerċ, negozju jew professjoni tiegħu, jew xi grupp ta’ persuni bħal dawn;

ċ)      ‘ftehim ta’ kredit’ jfisser ftehim li bih xi kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti lil xi konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, self jew xi ftehim finanzjarju ieħor bħal dawn.

[…]

d)      ‘l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur’; tfisser l-ispejjeż kollha, li jinkludu l-interessi u spejjeż oħra, li l-konsumatur għandu jħallas għall-kreditu;

e)      ‘rata perċentawli ta’ ħlas’ tfisser l-ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur, espressa bħala l-persentaġġ annwali ta’ l-ammont ta’ kreditu mogħti u kkalkulat in konformità ma’ l-Artikolu 1a.”

5        L-Artikolu 1a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      a.     Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas, li għandha tkun dik l-ekwivalenti, fuq bażi annwali, għall-valur preżenti ta’ l-impennji kollha (self, ħlas lura u imposti), futuri jew eżistenti, miftehmin mill-kreditur u min jissellef, għandhom jiġu kkalkulati in konformità mal-formula matematika msemmija fl-Anness II.

b.      B’mod illustrazzjoni ta’ Fl-Anness III jingħataw erba’ eżempji tal-metodu ta’ kalkolazzjoni.

2.      Għall-għan ta’ kalkolazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ ħlas, l-ispiża totali ta’ kreditu lill-konsumatur kif definit fl-Artikolu 1(2)(d) għandha tiġi ddeterminat, bl-eċċezzjoni ta’ l-imposti li ġejjin:

i)      imposti pagabbli lil min jissellef għal nuqqas ta’ konformità ma’ kull waħda mill-impenji mniżżla fil-ftehim ta’ kreditu;

[…]

iii)      imposti għat-trasferiment ta’ fondi u spejjeż għaż-żamma ta’ kont maħsub li jirċievi pagamenti għall-ħlas lura tal-kreditu, il-ħlas ta’ interessi u kontijiet oħra ħlief fejn il-konsumatur m’għandux libertà ta’ għażla raġjonevoli fil-materja u fejn dawn l-imposti huma għoljin immens; din id-dispożizzjoni m’għandhiex, madanakollu, tapplika għal imposti għall-ġbir ta’ dawn ir-rimborżi jew ħlas, sew jekk isiru bil-flus jew b’mod ieħor;

[…]

4.      a.     Ir-rata annwali perċentwali ta’ ħlas għandha tiġi kkalkulata fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt ta’ kreditu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 li jikkonċerna riklamar u offerti speċjali.

b.            Il-kalkolazzjoni għandha ssir fuq il-preżunzjoni li l-kuntratt ta’ kreditu huwa validu għall-perjodu miftiehem u li l-kreditur u l-konsumatur jaderixxu ma’ l-obbligi tagħhom taħt it-termini u d-dati miftiehma.

6.      Fil-każ ta’ kuntratti ta’ kreditu li jkun fihom klawsoli li jippermettu varjazzjonijiet fir-rata ta’ interessi u l-ammont jew livell ta’ imposti oħra li jinsabu fir-rata annwali perċentwali ta’ imposta iżda mhux ikkwantifikati fil-ħin meta ġiet ikkalkulata, ir-rata annwali perċentwali ta’ imposta għandha tiġi kkalkulata fuq il-preżunzjoni li l-interessi u imposti oħra jibqgħu fissi u japplikaw sat-tmiem tal-kuntratt ta’ kreditu.

[…]”

6        L-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:

“1.      Il-ftethm [kuntratt] ta’ kreditu għandhom isiru bil-miktub. Il-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-ftehim miktub.

2.      Il-ftehim miktub għandu jinkludi:

a)      dikjarazzjoni tar-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena;

b)      dikjarazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi emendata r-rata ta’ ħlas perċentwali ta’ kull sena;

ċ)      prospett ta’ l-ammont, numru u frekwenza jew dati tal-ħlas li l-konsumatur għandu jagħmel sabiex iħallas il-kreditu, kif ukoll tal-ħlas ta’ l-imgħaxijiet u imposti oħra; l-ammont totali ta’ dawn il-pagamenti għandu jkun indikat ukoll fejn huwa possibbli;

d)      prospett tal-cost items li saret referenza għalihom fl-Artikolu 1a(2) bl-eċċezzjoni ta’ infieq relatat mal-ksur ta’ l-obbligi kuntrattwali li ma kinux inklużi fil-kalkolazzjoni tar-rata annwali perċentwali ta’ limposta iżda li għandhom jitħallsu mill-konsumatur f’ ċirkustanzi mogħtija, flimkien ma’ prospett li jidentifika dawn iċ-ċirkostanzi. Fejn l-ammont eżatt ta’ dawn l-affarijiet huwa magħruf, dik issomma għandha tkun indikata; jekk dan m’huwiex il-każ, għandu jkun ipprovdut jew il-metodu ta’ kalkolazzjoni jew stima preċiża kemm jista’ jkun fejn possibbli.

F’każi meta ma jkunx possibbli li tiġi ddikjarata r-rata perċentwali ta’ ħlas ta’ kull sena, il-konsumatur irid jingħata informazzjoni xierqa fil-ftehim miktub. Din l-informazzjoni għandha tinkludi għallanqas l-informazzjoni li hemm imniżżla fit-tieni taqsima ta’ l-Artikolu 6(1).

[…]”.

7        L-Artikolu 6(1) u (2) tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi:

“1.      Minkejja l-esklużjoni skond l-Artikolu 2(1)(e), meta jkun hemm xi ftehim bejn xi istituzzjoni ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjaraja u xi konsumatur għall-għotja ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas minn quddiem, li ma jkunx fuq kontijiet ta’ karta ta’ kreditu, il-konsumatur irid jiġi infurmat waqt jew qabel ma jintgħalaq il-ftehim:

–        bil-limitu tal-kreditu, jekk ikun hemm,

–        bir-rata ta’ interessi ta’ kull sena u l-ħlasijiet li japplikaw mill-ħin li jintgħalaq il-ftehim u l-kundizzjonijiet li taħthom dawn jistgħu jiġu emendati,

–        bil-proċedura biex jintemm il-ftehim.

Din l-informazzjoni trid tiġi kkonfermata bil-miktub.

2.      Barra minn dan, waqt il-perjodu tal-ftehim, il-konsumatur għandu jiġi nfurmat b’kull tibdil fir-rata ta’ interessi ta’ kull sena jew bl-imposti rilevanti fiż-żmien li fih iseħħu. Din l-informazzjoni tista’ tingħata fid-dikjarazzjoni tal-kont jew f’xi mod ieħor li jkun aċċettabbli għall-Istati Membri”.

8        L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti [kuntratti] ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li timplimenta jew tikkorrispondi ma’ din id-Direttiva.

2.      Barra minn dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw biex jimplimentaw din id-direttiva ma jiġux evitati bħala riżultat tal-mod kif l-arranġamenti jiġu fformulati, b’mod partikolari bil-mezz li bih l-ammont tal-kreditu jitqassam fuq ħafna ftehim”.

9        L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:

“Din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet aktar iebsa biex jipproteġu lill-konsumaturi li jkunu konsistenti ma’ l-obbligazzjonijiet tagħhom skond it-Trattat”.

 Id-Direttiva 2008/48/KE

10      Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑23 ta’ April 2008, dwar ftehim [kuntratti] ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, p. 66), tistabbilixxi obbligu ġenerali għall-kreditur sabiex jindika lill-konsumatur, fl-istadju prekuntrattwali kif ukoll fil-kuntratt ta’ self, data speċifika li tinkludi r-rata perċentwali annwali ta’ ħlas (iktar ’il quddiem ir-“RPAĦ”). L-Anness I ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-metodu ta’ kalkolu armonizzat tar-RPAĦ.

11      Skont l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2008/48, it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha skada fit-12 ta’ Mejju 2010, id-data li fiha d-Direttiva 87/102 tħassret.

 Id-Direttiva 93/13

12      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“1.       Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.       Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Meta xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.      L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”.

13      L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.       Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

14      L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi s-segwenti:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2)”.

15      Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva, “[l]-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti”.

16      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l‑kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.      Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil‑paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili”.

17      Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall‑konsumatur”.

18      Il-paragrafu 1(e) tal-Anness tal-imsemmija direttiva, dwar klawżoli msemmija fl‑Artikolu 3(3) tagħha, issemmi “Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li: [...] e) jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

 Il-leġiżlazzjoni Slovakka

19      L-Artikolu 52 tal-Kodiċi Ċivili jistabbilixxi:

“1)      ‘Kuntratt konkluż ma’ konsumatur’ ifisser kull kuntratt, tkun liema tkun il‑forma ġuridika, konkluż bejn fornitur u konsumatur.

2)      Il-klawżoli ta’ kuntratt konkluż ma’ konsumatur, kif ukoll kull dispożizzjoni oħra li tirregola r-relazzjoni ġuridika li fiha jinvolvi ruħu l-konsumatur, għandhom dejjem jiġu interpretati f’sens li jiffavorixxu lill-konsumatur li huwa parti fil‑kuntratt. Il-ftehim jew akkordji kuntrattwali distinti li l-kontenut tagħhom jew l-għan tagħhom huwa intiż sabiex jevita dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex validi.

[...]

4)      ‘konsumatur’ ifisser kull persuna fiżika li, għall-konklużjoni u għall‑eżekuzzjoni ta’ kuntratt għall-konsum, ma taġixxix fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħha jew f’attività ekonomika oħra”.

20      L-Artikolu 53 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“1)      Kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma għandux jinkludi dispożizzjonijiet li joħolqu, bi ħsara għall-konsumatur, żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l‑obbligi tal-partijiet kontraenti (klawżola inġusta). Ma għandhiex titqies bħala inġusta klawżola kuntrattwali dwar l-għan prinċipali ta’ eżekuzzjoni jew l-iffissar tal-prezz, jekk din il-klawżola hija fformulata b’mod preċiż, ċar u li tinftiehem, jew jekk il-klawżola inġusta ġiet innegozjata b’mod individwali.

[…]

4)      Għandhom jitqiesu bħala klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur dawk id-dispożizzjonijiet li, b’mod partikolari:

[…]

e)      jimponu, bħala penali, fuq il-konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi tiegħu, multa f’ammont sproporzjonalment għoli,

[…]

5)      Il-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur ma humiex validi”.

21      L-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 258/2001 dwar il-kreditu lill-konsumatur, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur

1)      Kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jiġi stabbilit bil-miktub, u jekk le, bir-riskju ta’ invalidità, u l-konsumatur għandu jirċievi kopja tal-imsemmi kuntratt.

2)      Minbarra l-elementi ġenerali, kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi,

[…]

j)      ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas u l-ispejjeż kollha marbuta mal-kreditu li l-konsumatur irid iħallas, ikkalkolati abbażi ta’ data valida meta ġie konkluż il-kuntratt,

[...]

Jekk il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur ma jinkludix l-elementi indikati fil-paragrafu 2, […] (j), il-kreditu mogħti għandu jitqies bħala eżenti mill-interessi u l-ispejjeż”.

22      L-Artikolu 45 tal-Liġi Nru 244/2002 dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ, fil-verżjoni applikabbli meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi:

“1)      Il-qorti kompetenti sabiex tapplika deċiżjoni jew sabiex tipproċedi bl‑eżekuzzjoni tagħha skont leġiżlazzjoni speċifika għandha, fuq talba tal-parti li kontriha ngħatat sentenza ta’ arbitraġġ, twaqqaf il-proċedura ta’ applikazzjoni tad‑deċiżjoni jew il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni.

[...]

ċ)      jekk is-sentenza ta’ arbitraġġ timponi fuq il-parti f’proċedura b’arbitraġġ il-provvista ta’ servizz li hija materjalment impossibbli, ipprojbita bil-liġi jew li tmur kontra l-moralità.

2)      Il-qorti kompetenti sabiex tapplika deċiżjoni jew sabiex tipproċedi bl‑eżekuzzjoni tagħha, għandha, anki ex officio, twaqqaf l-applikazzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ jew il-proċedura ta’ eżekuzzjoni jekk tikkonstata irregolaritajiet fil-proċedura b’arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 1(b) jew (ċ)”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      Fis-26 ta’ Frar 2008, I. Korčovská, persuna b’diżabbiltà li tibbenefika minn pensjoni ta’ invalidità li tammonta għal madwar EUR 370 fix-xahar, daħlet f’kuntratt ta’ kreditu ma’ Pohotovosť bil-kundizzjonijiet ġenerali segwenti. L-ammont misluf kien ta’ SKK 20 000 (EUR 663.88) u l-ispejjeż marbuta mal-kreditu kienu ta’ SKK 19 120 (EUR 624.67). I. Korčovská kellha tirrimborsa l-ammont prinċipali u l-ispejjeż fuq perijodu ta’ sena bi ħlas ta’ SKK 3 260 (EUR 108.21) fix-xahar. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-RPAĦ ta’ dan il-kreditu kienet għalhekk tammonta għal 95.6 %, iżda ma kien hemm xejn dwar dan fil-kundizzjonijiet ġenerali tas-self mogħti minn Pohotovost’ u lanqas fil-kuntratt ta’ self konkluż.

24      Skont l-Artikolu 4 ta’ dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, jekk id-debitur jonqos milli jħallas żewġ pagamenti fix-xahar konsekuttivi, id-dejn isir kollu kemm hu dovut bla dewmien. Barra minn hekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 6 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali jipprovdi għall-ħlas ta’ interessi moratorji ta’ kuljum li jammontaw għal 0.25 % tal-ammont dovut u li jibdew jiddekorru mid-data li fiha d-dejn isir dovut sal-jum li jitħallas definittivament. Għalhekk, din il-penali tikkorrispondi għal rata ta’ 91.25 % fis-sena. Issa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li f’dan ir-rigward, skont id-dritt Slovakk, il-penalitajiet stabbiliti f’kawżi ċivili fil‑forma ta’ interessi moratorji ma għandhomx jaqbżu r-rati gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew, li attwalment huma ta’ 1 %, li jiżdiedu bi 8 %, jiġifieri totali ta’ 9 %.

25      L-Artikolu 17 tal-istess kundizzjonijiet ġenerali jistabbilixxi li l-kwistjonijiet li jirriżultaw minn kuntratt ta’ kreditu għandhom jiġu deċiżi jew fi Bratislava mill-iStály rozhodcovský súd (qorti permanenti ta’ arbitraġġ), jew f’qorti nazzjonali kompetenti skont l-għażla tal-parti kontraenti li ppreżentat ir‑rikors. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19 tal-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali, ir-relazzjonijiet kollha bejn il-kreditur u min jissellef huma rregolati mid‑dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Kummerċ u mhux mill-Kodiċi Ċivili. Il-qorti tar-rinviju żżid tgħid li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jinkludi dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal avukat li għandu jirrappreżenta lil I. Korčovská.

26      Peress li I. Korčovská ma ħallsitx żewġ pagamenti fix-xahar konsekuttivi, Pohotovost’ ressqet kawża, fid-9 ta’ Ottubru 2008, quddiem l-iStály rozhodcovský súd li, fit-3 ta’ Novembru 2008, tat sentenza ta’ arbitraġġ li fiha kkundannat lill‑persuna kkonċernata tħallas lil din il-kumpannija, b’mod partikolari, l-ammont ta’ SKK 48 820 (EUR 1 620.53) kif ukoll interessi moratorji li jammontaw għal SKK 39 120 (EUR 1 298.55) u l-ispejjeż li jammontaw għal SKK 9 928 (EUR 392.55). Din is-sentenza saret res judicata fil-15 ta’ Diċembru 2008 u eżekuttiva fit-18 ta’ Diċembru segwenti.

27      Fuq il-bażi tal-imsemmija sentenza, marixxall tal-qorti fid-9 ta’ Marzu 2009 talab lill-Okresný kresný súd Stará Ľubovňa (qorti tad-distrett ta’ Stará Ľubovňa) sabiex tawtorizza l-eżekuzzjoni tal-ammont ta’ EUR 3 467. B’digriet tal-31 ta’ Lulju 2009, din il-qorti ssospendiet il-proċedura ta’ eżekuzzjoni billi invokat ksur tal-moralità fir-rigward tal-ispejjeż tar-rappreżentant legali tar-rikorrenti fil‑proċedura ta’ eżekuzzjoni, li jaqbżu l-ammont ta’ EUR 94.36, u fir-rigward tal‑kisba tal-interessi moratorji li jirrapreżentaw 0.25 % kuljum li jammontaw għal EUR 1 298.52, li bdew jiddekoru mill-21 ta’ Lulju 2008 sad-data li jitħallas id‑dejn.

28      Fis-26 ta’ Awwissu 2009, Pohotovosť ippreżentat appell kontra dan id-digriet quddiem il-Krajský súd v Prešove (qorti reġjonali ta’ Prešov). Insostenn ta’ I. Korčovská, l-Asociácia spotrebiteľských subjektov Slovenska (assoċjazzjoni Slovakka tal-konsumaturi, iktar ’il quddiem l-“Asociácia”) tħalliet tippreżenta nota li fiha b’mod partikolari informat lil din il-qorti bin-numru kunsiderevoli ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni mibdija fl-Islovakkja minn Pohotovost’. Issa, l‑Asociácia tqis li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ self mogħtija minn din il‑kumpannija jinkludu klawżoli inġusti u jikkostitwixxu prattiki kummerċjali żleali, u għaldaqstant issuġġeriet lill-qorti tar-rinviju sabiex tressaq din il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

29      Barra minn hekk, peress li l-ilment ippreżentat mill-Asociácia jinkludi fatti li hija trid tiddeċidihom ex officio, il-Krajský súd v Prešove ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)     L-informazzjoni f’punti perċentwali tal-ispiża totali mħallsa mill‑konsumatur (ir-[RPAĦ]) għandha titqies li hija daqshekk determinanti li, jekk hija mhijiex stipulata fil-kuntratt, l-ispiża ta’ kreditu tal-konsumatur titqies li ġiet indikata b’mod mhux trasparenti u mhux biżżejjed ċara?

      b)      Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur, kif stabbilita bid‑Direttiva 93/13/ […], tippermetti li klawżola f’kuntratt ta’ kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] marbuta mal-ispiża titqies bħala abbużiva peress li din ma tkunx biżżejjed trasparenti u li ma tinftiehemx sew, fil-każ fejn il‑kuntratt ma jindikax il-punti perċentwali tal-ispiża globali tal-kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] u fejn il-prezz ikun ipprovdut biss f’somma ta’ flus ikkostitwita mid-diversi spejjeż stipulati, minn naħa, fil-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ?

2)      a)     Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13[…] għandha tiġi interpretata fis-sens li qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, għandha, hekk kif ikollha f’dan ir-rigward l-elementi dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa, tevalwa — anki ex officio — in-natura sproporzjonata tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn persuna li tipprovdi l-kreditu u konsumatur, peress li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, hija tista’ wkoll tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ dan it-tip fil-kuntest ta’ proċeduri simili abbażi tad-dritt nazzjonali?

      b)      Fil-każ ta’ klawżola penali sproporzjonata li tissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-impenji adottati mill-konsumatur, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li l-imsemmija klawżola ma tkunx vinkolanti fuq il-konsumatur inkwistjoni?

      ċ)      Tista’ klawżola li tistabbilixxi penali ta’ 0. 25 % mill-ammont tal‑kreditu għal kull jum ta’ dewmien, jiġifieri 91. 25 % fis-sena, titqies bħala abbużiva minħabba n-natura sproporzjonata tagħha?

3)      Is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumatur li tirriżulta mill-applikazzjoni tar‑regoli tal-Unjoni (Direttiva 93/13 […], Direttiva 2008/48 […] li tħassar id-Direttiva 87/102[…]) għall-kuntratti ta’ kreditu għall-konsum [lill-konsumatur], tippermetti lill-qorti, fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet ta’ ħarsien fil-qasam tal-kreditu għall-konsum [lill-konsumatur] ikunu ġew injorati permezz ta’ kuntratt u fejn talba għall‑eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni adottata bis-saħħa ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ tkun diġà tressqet, li twaqqaf l-eżekuzzjoni jew li tawtorizzaha bi spejjeż tal-kreditur, biss sal-ammont li jkun baqa’ dovut abbażi tal-kreditu kkonsentit, sa fejn ir-regoli tad-dritt nazzjonali jippermettulha tipproċedi għal tali evalwazzjoni tas-sentenza mogħtija b’arbitraġġ u sa fejn ikollha l‑elementi meħtieġa li jirrigwardaw is-sitwazzjoni legali u fattwali?”

 Fuq id-domandi preliminari

30      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta t-tweġiba għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi kjarament dedotta mill‑ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull mument, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.

31      Il-Qorti Ġenerali tqis li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ammissibbiltà

32      Pohotovosť issostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li, minn naħa, ir-risposti għal ċerti domandi preliminari jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ digriet adottat abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Min‑naħa l-oħra, hija ssostni b’mod partikolari li l-ewwel u t-tielet domandi ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u li, b’mod ġenerali, il-qorti tar-rinviju ma osservatx l-obbligu tagħha li tiddeċiedi kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali qabel ma tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont il‑mekkaniżmu stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minkejja li jista’ jkun aħjar, skont iċ‑ċirkustanzi, li l-kwistjonijiet veri tad-dritt nazzjonali jiġu deċiżi fil-mument li jintbagħtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom il-possibbiltà l-iktar wiesgħa li jressqu kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li l-kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni jew l‑evalwazzjoni dwar il-validità ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki, C‑188/10 u C‑189/10, Ġabra p. I-5667, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fir-rigward tad-domandi preliminari fformulati mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dawn jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

35      Għaldaqstant, hemm lok li tingħata risposta għal dawn id-domandi magħmula mill-Krajský súd v Prešove.

 Fuq il-paragrafu (a) tat-tieni domanda

36      Permezz tal-paragrafu (a) tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-Direttiva 93/13, qorti nazzjonali li quddiemha ġie ppreżentat rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, għandha, hekk kif ikollha f’dan ir-rigward l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa, tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l‑imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, peress li, skont ir‑regoli ta’ proċedura nazzjonali, hija tista’ wkoll tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ dan it-tip fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid‑Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-persuna ta’ professjoni fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-persuna ta’ professjoni, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra. p. I‑4941, punt 25, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C-168/05, Ġabra p. I‑10421, punt 25).

38      Fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumatur. Kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni mandatorja li hija intiża sabiex tissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt b’bilanċ reali li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (sentenzi Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36, u tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, Ġabra p. I‑4713, punt 25).

39      Sabiex tiżgura l-protezzjoni maħsuba mid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll diversi drabi li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il‑konsumatur u l-persuna ta’ professjoni tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt (sentenzi Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, u Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 31).

40      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti nazzjonali hija marbuta tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

41      Il-possibbiltà tal-qorti li teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola tikkostitwixxi mezz kemm biex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 93/13, jiġifieri li twaqqaf milli konsumatur individwali jiġi marbut minn klawżola inġusta, kif ukoll sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan imsemmi fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, peress li dan l-eżami jista’ jkollu effett dissważiv li jwassal sabiex iwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-persuna ta’ professjoni (sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Cofidis, C‑473/00, Ġabra p. I‑10875, punt 32, u Mostaza Claro, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

42      Din il-possibbiltà mogħtija lill-qorti ġiet ikkunsidrata bħala neċessarja sabiex tiżgura lill-konsumatur protezzjoni effettiva, b’mod partikolari fid-dawl tar-riskju għoli li huwa ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu jew li jsib diffikultà biex jeżerċitahom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Cofidis, punt 33, kif ukoll Mostaza Claro, punt 28).

43      Għaldaqstant, il-protezzjoni li l-imsemmija direttiva tagħti lill-konsumaturi testendi ruħha għall-każijiet fejn il-konsumatur li kkonkluda ma’ persuna ta’ professjoni kuntratt li jinkludi klawżola inġusta ma jinvokax in-natura inġusta ta’ din il-klawżola jew għaliex ma jkunx jaf id-drittijiet tiegħu, jew minħabba l-fatt li l-ispejjeż li jinvolvu l-proċedimenti legali jiddiswaduh milli jiddefendi d-drittijiet tiegħu (sentenza Cofidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

44      Din il-protezzjoni hija ferm iktar iġġustifikata meta, kif tidher li tikkunsidraha wkoll il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal avukat magħżul mill-kreditur u li għandu jirrappreżenta lill-konsumatur debitur li jista’ jagħżel li jiġi rrappreżentat minn avukat ieħor biss jekk iħallas il-penali kuntrattwali ta’ 15 % tal-ammont tal-kreditu.

45      Ċertament, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jimponix fuq qorti nazzjonali sabiex ma tapplikax ir-regoli proċedurali nazzjonali li jikkonferixxu r-res judicata lil deċiżjoni, bħal fil-każ ta’ sentenza ta’ arbitraġġ, minkejja li dan jippermetti li jingħata rimedju għal ksur ta’ dispożizzjoni, tkun xi tkun in-natura tagħha, tad-dritt tal-Unjoni Ewropea bid-deċiżjoni inkwistjoni (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

46      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tippreċiża li, sabiex tiżgura kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jiġu eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara l-iskadenza tat-termini previsti għall-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku nazzjonali tal-Istati Membri bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas li jitmexxew b’mod li jirrendu fil-prattika impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

48      Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jitlob li r-rekwiżiti imposti mid-dritt nazzjonali sabiex titqajjem ex officio regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw l-applikazzjoni ex officio ta’ regoli tal-istess grad tad-dritt nazzjonali (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxi dispożizzjoni ta’ natura mandatorja. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-direttiva, kollha kemm hi, tikkostitwixxi miżura indispensabbli għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lill-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, sabiex jogħlew il-livell tal-għixien u l-kwalità tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea kollha (ara sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mostaza Claro, punt 37, kif ukoll Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

50      Għalhekk, fid-dawl tan-natura u tal-importanza tal-interess pubbliku li fuqhom hija bbażata l-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumatur, l-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandu jitqies bħala regola ekwivalenti għar-regoli nazzjonali li jokkupaw, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-grad ta’ regoli ta’ ordni pubbliku (sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 52).

51      Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li meta l-qorti nazzjonali li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali jkollha, skont ir-regoli ta’ proċedura nazzjonali tagħha, tevalwa ex officio jekk klawżola ta’ arbitraġġ tmurx kontra r-regoli nazzjonali ta’ ordni pubbliku, hija marbuta wkoll li tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ din il-klawżola fid-dawl tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, mill-mument li jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pannon GSM, punt 32, kif ukoll Astrucom Telecomunicaciones, punt 53).

52      Fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-proċedura ta’ arbitraġġ timponi fuq il-qorti l-obbligu li twaqqaf il-provvista ta’ servizz stabbilita b’sentenza ta’ arbitraġġ meta din il-provvista hija pprojbita mil-liġi jew meta tmur kontra l-moralità. Barra minn hekk, din il-qorti tqis li kull klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur tmur, skont id-dritt nazzjonali, kontra l-moralità għaliex, minkejja r-rekwiżit tal-bona fide, din toħloq bi ħsara għalih żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-persuna ta’ professjoni u dawk tal-imsemmi konsumatur.

53      Għalhekk, bl-istess mod bħal fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, iċċitata iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn il-qorti mitluba li teżegwixxi sentenza ta’ arbitraġġ tista’ twaqqaf, anki ex officio, l-applikazzjoni ta’ din is-sentenza ta’ arbitraġġ meta din tal-aħħar timponi fuq il-parti kkonċernata l-provvista ta’ servizz li tkun materjalment impossibbli, ipprojbita mil-liġi jew kontra l-moralità, din il-qorti għandha, mill-mument li jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan, tevalwa, anki ex officio, fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni, in-natura inġusta tal-penali stabbilita bil-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u l-konsumatur.

54      Għaldaqstant, ir-risposta għall-paragrafu (a) tat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 93/13 timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

 Fuq il-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda

55      Permezz tal-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk klawżola li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu li tistabbilixxi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas mill-konsumatur, penali ta’ kuljum li tammonta għal 0. 25 % tal-ammont tal-kreditu, jiġifieri 91. 25 % ta’ dan l-ammont fis-sena, tistax tiġi deskritta bħala inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13 minħabba n-natura sproporzjonata tagħha, u, min-naħa l-oħra, fl-affermattiv, jekk il-qorti nazzjonali li kkonstatat din in-natura sproporzjonata għandhiex twaqqaf lil din is-sentenza milli tiġi infurzata fuq il-konsumatur.

56      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bir-riferiment tiegħu għall-kunċetti ta’ bona fide u ta’ żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jwasslu għan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C-478/99, Ġabra p. I-4147, punt 17, kif ukoll tal-1 ta’ April 2004, Freiburger Kommunalbauten, C-237/02, Ġabra p. I-3403, punt 19).

57      Madankollu, l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi li klawżola għandha dejjem titqies bħala li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali meta tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur, għalhekk, ma jkunx seta’ influwenza l-kontenut tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard, kuntest li jidher li hu l-każ fil-kawża prinċipali.

58      L-anness li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jirreferi għalih jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati bħala inġusti, li fosthom hemm, fil-punt 1(e) tal-imsemmi anness, dik li “jeħtieġu lill xi konsumatur li jonqos milli jwettaq l-obbligazzjoni li jħallas somma sproporzjonatament għolja bħala kumpens”.

59      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk klawżola kuntrattwali partikolari għandhiex natura inġusta jew le, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 jindika li r-risposta għandha tingħata fid-dawl tan-natura tal-beni u tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratt u b’riferiment, fil-mument li l-kuntratt jiġi konkluż, għaċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-imsemmi kuntratt ġie konkluż. Għandu jitfakkar ukoll li, f’dan il-kuntest, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt li japplika għall-kuntratt, fatt li jimplika eżami tal-ordinament ġuridiku nazzjonali (sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

60      B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenza tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mogħti lilha bl-Artikolu 267 TFUE, tinterpreta l-kriterji ġenerali użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddefinixxi l-kunċett ta’ klawżola inġusta. Min-naħa l-oħra, hija ma tistax tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji ġenerali għal klawżola partikolari li għandha tiġi eżaminata skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża inkwistjoni, peress li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, penali li hija sproporzjonatament għolja, għandhiex titqies bħala inġusta fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-kuntratt ġie konkluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Freiburger Kommunalbauten, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 25).

61      Għaldaqstant, jekk din il-qorti tasal għall-konklużjoni li l-klawżola inkwistjoni fil‑kawża prinċipali hija inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar illi din il-klawżola, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, ma għandhiex torbot il‑konsumatur, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, u li, barra minn hekk, skont din l-istess dispożizzjoni, l-imsemmija qorti għandha tevalwa jekk il-kuntratt jistax jibqa’ jgħodd mingħajr din il-klawżola inġusta eventwali.

62      F’din is-sitwazzjoni, l-imsemmija qorti għandha għalhekk tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asturcom Telecomunicaciones, punt 59).

63      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-paragrafi (b) u (ċ) tat-tieni domanda għandha tkun li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn din il-qorti, penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti meta ġie konkluż il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, l-imsemmija qorti għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola.

 Fuq l-ewwel domanda

64      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, kif stabbilita mill-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 87/102, tikkostitwixxix data essenzjali f’dan it-tip ta’ kuntratt u, għaldaqstant, jekk in-nuqqas tal-imsemmija informazzjoni jippermettix li jiġi kkunsidrat, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, li l-klawżoli ta’ dan il-kuntratt ma ġewx abbozzati b’mod ċar u li jinftiehmu, b’mod li l-klawżola dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu tista’ allura tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni minn din il-qorti dwar in-natura eventwali inġusta tagħha skont l-Artikolu 3 ta’ din l-aħħar direttiva.

65      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tad-data tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali u tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-punt 11 ta’ dan id-digriet, ir-risposta għad-domanda preliminari preżenti għandha tkun ibbażata fuq id-Direttiva 87/102 u mhux fuq id-Direttiva 2008/48.

66      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għan imfittex mid-Direttiva 87/102 huwa li tiġi żgurata l-osservanza minima tar-regoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur fil-qasam tal-kreditu lill-konsumatur (sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C-429/05, Ġabra p. I-8017, punt 47, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Scarpelli, C-509/07, Ġabra p. I-3311, punt 25). Fil‑fatt, din id-direttiva, kif jirriżulta wkoll mill-Artikolu 15 u mill-ħamsa u għoxrin premessa tagħha, li jistabbilixxu li l-imsemmija direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet iktar stretti sabiex jipproteġu lill-konsumaturi, tistabbilixxi biss armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-kreditu lill-konsumatur (sentenza Rampion u Godard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

67      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament ikkonstatat ukoll li d-Direttiva 87/102, kif jirriżulta wkoll mill-premessi tagħha, ġiet adottata bl-għan doppju li tiżgura, minn naħa, il-ħolqien ta’ suq komuni tal-kreditu lill-konsumatur (mit-tielet sal-ħames premessi) u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-konsumaturi li jirrikorru għal dawn il-krediti (is-sitt, is-seba’ u d-disa’ premessi) (sentenzi tat-23 ta’ Marzu 2000, Berliner Kindl Brauerei, C-208/98, Ġabra p. I-1741, punt 20, u tal-4 ta’ Marzu 2004, Cofinoga, C-264/02, Ġabra p. I-2157, punt 25).

68      Huwa f’din il-perspettiva ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra l-kundizzjonijiet ta’ kreditu mhux ugwali u sabiex jippermettilu jkollu għarfien totali tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni futuri tal-kuntratt iffirmat li, meta l-kuntratt jiġi konkluż, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/102 jimponi li min jissellef għandu jkollu l-elementi kollha li jista’ jkollhom effett fuq il-portata tal-impenn tiegħu (sentenza Berliner Kindl Brauerei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

69      L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 87/102 jistabbilixxi li l-kuntratt ta’ kreditu għandu jsir bil-miktub u li dak li huwa miktub għandu jinkludi l-indikazzjoni tar-RPAĦ kif ukoll il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom dawn tal-aħħar jistgħu jiġu emendati. L-Artikolu 1a ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-modalitajiet tal-kalkolu tar-RPAĦ u jippreċiża, fil-paragrafu 4(a) tiegħu, li r-RRAĦ għandha tiġi kkalkolata “fil-ħin li jkun konkluż il-kuntratt” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cofinoga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

70      Din l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ispiża globali tal-kreditu, fil-forma ta’ rata kkalkolata skont formula matematika unika, hija, għalhekk, importanti ħafna. Minn naħa, din l-informazzjoni, li skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 87/102 għandha tiġi kkomunikata hekk kif jasal l-istadju ta’ pubblikazzjoni, tikkontribwixxi għat-trasparenza tas-suq inkwantu tgħin lill-konsumatur iqabbel l-offerti ta’ kreditu. Min-naħa l-oħra, din tgħin lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (sentenza Cofinoga, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

71      Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-kuntratt ta’ kreditu inkwistjoni, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva 87/102, jista’ jkun element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi minn qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ self dwar l-ispiża tiegħu li fih ma jkunx hemm l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13.

72      Jekk dan ma huwiex il-każ, qorti nazzjonali tista’ tevalwa n-natura inġusta ta’ din il-klawżola skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, anki jekk din il-klawżola tista’ tiġi analizzata bħala li taqa’ taħt l-esklużjoni prevista fl-imsemmi artikolu, għandu jitfakkar li l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jaħarbu mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta tagħhom biss sa fejn il-qorti nazzjonali kompetenti tqis, wara eżami każ b’każ, li dawn ġew abbozzati mill-persuna ta’ professjoni b’mod ċar u li jinftiehmu (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C-484/08, Ġabra p. I-4785, punt 32).

73      Fil-kawża prinċipali, eżami tan-natura inġusta tal-klawżola tal-kuntratt ta’ self li tonqos milli jkollha l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ tista’ għalhekk tiġi evalwata skont id-Direttiva 93/13 u, f’dan ir-rigward, kif ġie kkonstatat fil-punt 53 ta’ dan id-digriet, il-qorti nazzjonali għandha l-possibbiltà li tevalwa din il-klawżola ex officio. F’sitwazzjoni bħal din, kif tfakkar fil-punt 60 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li kienu preżenti meta l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż, in-nuqqas tar-RPAĦ fil-klawżola tal-kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lill-imsemmija klawżola n-natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13.

74      Madankollu, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 258/2001, liġi li ttrasponiet id-Direttiva 87/102, kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur għandu jinkludi l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ u, fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

75      Issa, l-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kuntratti ta’ kreditu ma jidderogawx, bi ħsara għall-konsumatur, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jimplementaw din l-istess direttiva jew li jikkorrispondu għaliha.

76      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, mingħajr il-ħtieġa li jsir eżami skont id-Direttiva 93/13 tan-natura inġusta tal-klawżola li ma jkollhiex l-informazzjoni dwar ir-RPAĦ, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 87/102, sentenza Rampion u Godard, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

77      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva 87/102, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l-possibbiltà li tevalwa, anki ex officio, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-RPAĦ fil-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-RPAĦ f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

 Fuq it-tielet domanda

78      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali u sa fejn hija tasal għall-konklużjoni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 87/102 u 93/13 ma ġewx osservati, tistax, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, twaqqaf jew tillimita l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali li ġiet adottata skont klawżola ta’ arbitraġġ stabbilita mill-kuntratt ta’ self.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 267TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattat u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C-291/03, Ġabra p. I-8477, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80      Issa, permezz tad-domanda preżenti, il-qorti tar-rinviju tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tindikalha jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tar-risposti pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel u għat-tieni domanda, tistax, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea u tad-dritt nazzjonali, tillimita l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ arbitraġġ finali inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss għall-ammont li baqa’ dovut skont il-kreditu lill-konsumatur.

81      Sa fejn ir-risposta għal din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni konkreta tar-regoli tad-dritt interpretati fil-kuntest tal-ewwel żewġ domandi għall-fatti f’din il-kawża, u sa fejn, fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju għandha, abbażi tar-risposti pprovduti għall-imsemmija domandi, l-elementi ta’ interpretazzjoni meħtieġa sabiex tiddeċiedi l-kawża quddiemha, din id-domanda ma għandhiex tingħata risposta.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id‑Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, timponi fuq qorti nazzjonali, li quddiemha tressaq rikors intiż għall-eżekuzzjoni forzata ta’ sentenza mogħtija b’arbitraġġ li tkun res judicata u fejn il-konsumatur ikun kontumaċi, l-obbligu li tevalwa, anki ex officio, in-natura inġusta tal-penali stabbilita f’kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn il-fornitur tal-kreditu u konsumatur, fejn l-imsemmija penali tkun ġiet applikata fl-imsemmija sentenza, meta din il-qorti jkollha l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali u fattwali meħtieġa għal dan il-għan u li, skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, l-imsemmija qorti tista’ tipproċedi b’din l-evalwazzjoni fil-kuntest ta’ proċeduri simili bbażati fuq id-dritt nazzjonali.

2)      Hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tiddetermina jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn din il-qorti, penali li hija sproporzjonalment għolja u li trid titħallas mill-konsumatur, għandhiex, fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti meta ġie konkluż il-kuntratt, titqies bħala inġusta fis-sens tad-Direttiva 93/13. Fl-affermattiv, hija l-imsemmija qorti li għandha tislet il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw skont id-dritt nazzjonali sabiex tiżgura li dan il-konsumatur ma jiġix marbut mill-imsemmija klawżola.

3)      F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur, liema informazzjoni hija importanti ħafna fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur, kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, jista’ jikkostitwixxi element deċisiv fil-kuntest tal-analiżi mill-qorti nazzjonali sabiex tistħarreġ jekk klawżola f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur dwar l-ispiża tiegħu li fih ma hemmx l-imsemmija informazzjoni hijiex abbozzata b’mod ċar u li tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4 tad‑Direttiva 93/13. Jekk dan ma huwiex il-każ, din il-qorti għandha l‑possibbiltà li tevalwa, anki ex officio, jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha preżenti meta dan il-kuntratt ġie konkluż, in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas fil-klawżola ta’ dan il-kuntratt dwar l-ispiża ta’ dan il-kreditu jistax jagħti lil din il-klawżola natura inġusta fis-sens tal-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 93/13. Madankollu, minkejja l-possibbiltà li l-imsemmi kuntratt jiġi evalwat skont id-Direttiva 93/13, id-Direttiva 87/102 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din l-aħħar direttiva u li jistabbilixxu li l-konsegwenza tan-nuqqas tal-informazzjoni dwar ir-rata perċentwali annwali ta’ ħlas f’kuntratt ta’ kreditu lill-konsumatur hija li l-kreditu mogħti jitqies bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.