Kawża C-137/08
VB Pénzügyi Lízing Zrt.
vs
Ferenc Schneider
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budapesti II. és III. kerületi bíróság)
“Direttiva 93/13/KEE — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni — Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja — Obbligu għal qorti nazzjonali li tibda proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li tinforma, simultanjament, lill-Ministru tal-Ġustizzja — Nuqqas ta’ effett
(Artikolu 267 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23)
2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi —Direttiva 93/13 — Klawżola inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 — Kunċett — Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3(1))
3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal-konsumaturi — Direttiva 93/13 — Obbligu għall-qorti nazzjonali li teżamina ex offcio n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt suġġett għall-evalwazzjoni tagħha — Portata
(Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 3)
1. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-qorti li tibda proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tinforma, ex officio, simultanjament, lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja fl-Istat Membru kkonċernat.
Ma jidhirx li dan l-obbligu jista’ jiġi kkunsidrat bħala interferenza fil-mekkaniżmu ta’ djalogu ġurisdizzjonali stabbilit bl-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, l-obbligu magħmul fuq il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li jinformaw lill-Ministru tal-Ġustizzja fil-mument tat-trażmissjoni tad-deċiżjoni tar‑rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ tali rinviju. Għalhekk dan ma jistax ikollu effett fuq id-dritt ta’ dawn il-qrati li jintroduċu talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas li jippreġudika l-prerogattivi mogħtija lilhom skont l-Artikolu 267 TFUE. Barra minn hekk, ma jidhirx li eventwali ksur ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni jwassal għal konsegwenzi legali li jistgħu jtellfu l-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, filwaqt li ebda indikazzjoni ma tressqet, li permezz tagħha jista’ jiġi dedott li, minħabba dan l-obbligu ta’ informazzjoni, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jkunu dissważi milli jressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
(ara l-punti 31-35 u d-dispożittiv 1)
2. L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ klawżola inġusta, imsemmi fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur, u fl-anness tagħha, kif ukoll fuq il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal‑fatt li hija l-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il‑kriterji, fuq il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami.
In-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi titqies in-natura tal-beni jew servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u billi jsir referiment, fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt., fosthom li klawżola f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur tiddaħħal mingħajr ma tkun ġiet innegozjata individwalment u li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha tkun tinsab is-sede tal-bejjiegħ jew tal-fornitur.
(ara l-punti 42-44 u d-dispożittiv 2)
3. Il-qorti nazzjonali għandha tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab fil-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża li tressqet quddiemha, u li kien ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 93/13 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur u, fl-affermattiv, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola.
Fil-fatt, sabiex tiżgura l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’stiwazzjoni kkaratterizzata minn inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l‑bejjiegħ jew fornitur li tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt biss, il-qorti nazzjonali għandha, fl-ewwel stadju tal-eżami tagħha, fil-każijiet kollha u indipendentement mir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħha, tiddetermina jekk il‑klawżola inkwistjoni kinitx jew le nnegozjata individwalment bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.
Fir-rigward tat-tieni stadju ta’ dan l-eżami, klawżola li kienet iddaħħlet mingħajr ma kienet ġiet innegozjata individwalment f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u li tagħti ġurisdizzjoni territorjali esklużiva lil qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha tinsab is-sede tal-bejjiegħ jew fornitur kemm fuq il-livell ġeografiku kif ukoll mill-perspettiva tal-possibilitajiet ta’ trasport għandha tiġi kkunsidrata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, sa fejn hija toħloq, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għad-dannu tal‑konsumatur, skwilibriju sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.
(ara l-punti 48, 51-53, 56 u d-diżposittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
9 ta’ Novembru 2010 (*)
“Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti mal‑konsumaturi – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Eżami ex officio, mill-qorti nazzjonali, tan-natura inġusta ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Artikolu 23 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja”
Fil-Kawża C‑137/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 234 KE, imressqa mill-Budapesti II. és III. kerületi bíróság (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2008, fil-proċedura
VB Pénzügyi Lízing Zrt,
vs
Ferenc Schneider,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, E. Levits, A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen, u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: A. Calot Escobar
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ungeriż, minn J. Fazekas, R. Somssich, u K. Borvölgyi, kif ukoll M. Fehér, bħala aġenti,
– għall-Irlanda, minn D. J. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. M. Collins, SC,
– għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Báscones, bħala aġent,
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Ossowski u L. Seeboruth, bħala aġenti, kif ukoll minn T. de la Mare, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. D. Simon u W. Wils, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal‑Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal‑konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentat fil-kuntest ta’ kawża bejn VB Pénzügyi Lízing Zrt. (iktar ’il quddiem “VB Pénzügyi Lízing”) u F. Schneider, rigward talba għal ordni ta’ ħlas.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa miktub kif ġej:
“Fil-każijiet previsti mill-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l‑Unjoni Ewropea, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tribunal ta’ l-Istat Membru li jissospendi l-proċedimenti u jirreferi l-każ lill-Qorti għandha tiġi notifikata lill-Qorti mill-qorti jew tribunal konċernat. Din id-deċiżjoni għandha tiġi imbagħad notifikata mir-Reġistratur tal-Qorti lill-partijiet, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu ta’ l-Unjoni li jadottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata.
Fi żmien xahrejn minn din in-notifika, il-partijiet, l-Istati Membri, l-Kummissjoni u meta jkun il-każ, l-istituzzjoni, l-korp jew l-organu ta’ l-Unjoni li jadottaw l-att li l-validità jew l-interpretazzjoni tiegħu tkun kontestata jkollhom id-dritt li jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti.
[…]”
4 Id-direttiva għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, li “[t]approssima l‑liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur”.
5 L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva jimponi:
“1. Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.
2. Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.
[...]”
6 L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jagħmel referiment għall-annessi tagħha li fih “lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti”. Il‑punt 1 ta’ dan l-anness jirreferi għall-“[k]lawżoli li għandhom l-għan jew l‑effett:
[...]
q) jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor [...]”.
7 Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
8 L-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l‑kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.
2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.”
Id-dritt nazzjonali
9 Fid-data tal-fatti prinċipali, kienu applikabbli l-kodiċi ċivili, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi Nru III tal-2006 u d-Digriet Governattiv Nru 18/1999 dwar klawżoli li għandhom jiġu kkunsidrati bħala inġusti fil-kuntratti konklużi ma’ konsumatur.
10 Skont l-Artikolu 209/A tal-kodiċi ċivili, f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur, klawżola inġusta li hija stabbilita kemm bħala klawżola kuntrattwali ġenerali, jew minn qabel u unilateralment, mill-parti kontraenti tal-konsumatur mingħajr ma din il-klawżola kienet negozjata, hija nulla.
11 Id-Digriet Governattiv Nru 18/1999 jikklassifika l-klawżoli kuntrattwali f’żewġ kategoriji. Taħt l-ewwel kategorija jaqgħu l-klawżoli kuntrattwali li l-użu tagħhom fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi huwa pprojbit, u li huma, minħabba f’hekk, nulli u bla effett. It-tieni kategorija tiġbor flimkien il-klawżoli meqjusa inġusti sakemm tiġi prodotta prova kontrarja, fejn l-awtur ta’ tali klawżola jista’ jirribatti din il-preżunzjoni.
12 L-Artikolu 155/A(2) tal-liġi dwar il-proċedura ċivili jipprovdi:
“Il-qorti tiddeċiedi li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej domanda preliminari permezz ta’ digriet u fl-istess ħin tissospendi l‑proċeduri. Il-qorti tifformula fid-digriet tagħha d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb deċiżjoni preliminari u tikkomunika l-fatti u l-liġi Ungeriża rilevanti sa fejn neċessarju sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domanda magħmula. Il-qorti tinnotifika d-digriet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja u tibagħtu simultanjament, għall-informazzjoni, lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja.”
13 Skont l-Artikolu 164(1) ta’ din il-liġi, il-prova tal-elementi ta’ fatt neċessarji sabiex din il-kawża tkun deċiża taqa’ fuq, bħala regola ġenerali, il-part li għandha interess li l-qorti taċċettahom bħala li ġew ipprovati. Il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprovdi li l-qorti tista’ tordna ex officio miżuri istruttjorji jekk il-liġi tippermetti dan.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14 Fl-14 ta’ April 2006, il-partijiet fil-kawża prinċipali kkonkludew kuntratt ta’ self intiż għall-finanzjament ta’ xiri ta’ karozza.
15 Meta F. Schneider ma osservax iktar l-obbligi kuntrattwali tiegħu, VB Pénzügyi Lízing xoljiet dan il-kuntratt ta’ self u ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar‑rinviju sabiex tikseb ir-rimbors ta’ dejn għal ammont ta’ HUF 317 404 kif ukoll il-ħlas tal-interessi li jirriżultaw fuq l-ammont mhux imħallas kif ukoll l‑ispejjeż.
16 VB Pénzügyi Lízing ma ppreżentatx it-talba ta’ ordni għal ħlas tagħha quddiem il‑qorti kompetenti fid-distrett ġudizzjarju li fih F. Schneider għandu r-residenza tiegħu, iżda bbażat ruħha fuq il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab f’dan il-kuntratt ta’ self li tissuġġetta eventwali kwistjoni bejn il-partijiet għall-ġurisdizzjoni tal‑qorti tar-rinviju.
17 L-ordni mitluba ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura msejħa “mhux kontenzjuża”, li ma teħtieġx li l-qorti kkonċernata żżomm seduta jew tisma’ l-parti l-oħra. Waqt l‑adozzjoni ta’ din l-ordni, il-qorti tar-rinviju ma staqsietx dwar il-ġurisdizzjoni territorjali tagħha u lanqas dwar il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tinsab fil‑kuntratt ta’ self.
18 F. Schneider għamel oppożizzjoni kontra dan l-ordni ta’ ħlas quddiem il-qorti tar‑rinviju, mingħajr madankollu ma ppreċiża l-motivi ta’ din l-oppożizzjoni. Din kellha bħala konsegwenza legali li tagħmel il-proċeduri inter partes u għalhekk dawn ġew irregolati skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt komuni tal-proċedura ċivili.
19 Din il-qorti kkonstatat li F. Schneider ma kellux ir-residenza tiegħu fid-distrett ġudizzjarju tagħha, filwaqt li r-regoli ta’ proċedura ċivili jipprovdu li l-qorti li territorjalment għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi kawża bħal dik li tressqet quddiemha hija dik li fid-distrett ġudizzjarju tagħha tinsab ir-residenza tal‑konvenut.
20 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budapesti II. és III. kerületi bíróság iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi permezz tad-Direttiva [...] tirrikjedi li l-qrati nazzjonali jiddeċiedu ex officio, anki fin-nuqqas ta’ talba għal dan il-għan – u irrispettivament mill-karattru kontenzjuż jew le tal-proċeduri – dwar il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali invokata quddiemhom, fil‑kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-ġurisdizzjoni tagħhom?
2) Fil-każ ta’ risposta fl-affermativ għall-ewwel domanda, liema huma l-kriterji li l-qrati nazzjonali jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ dan l‑istħarriġ ġudizzjarju, b’mod partikolari meta klawżola kuntrattwali ma tattribwixxi ġurisdizzjoni lit-tribunali fil-post fejn tinsab is-sede prinċipali tal‑fornitur tas-servizz, iżda lil tribunali [qrati] ta’ post differenti, anki jekk dawn jinsabu qrib din is-sede prinċipali?
3) L-ewwel paragrafu tal-[Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja] jeskludi l-possibbiltà lill-qrati nazzjonali li jinformaw lill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istat Membru tagħhom li saret talba għal deċiżjoni preliminari fl-istess ħin li tkun saret dik it-talba?”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
21 B’deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2009, l-ipproċessar tal-kawża ġie sospiż sakemm tingħata d-deċiżjoni tas-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C-243/08, Ġabra p. I‑4713).
22 Sussegwentement għad-deċiżjoni ta’ din il-kawża, fit-2 ta’ Lulju 2009, il-qorti tar‑rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kkunsidrat li ma kienx iktar neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula fid-deċiżjoni tagħha tas-27 ta’ Marzu 2008. Min-naħa l-oħra, din il‑qorti indikat li hija xtaqet dejjem tikseb risposta għat-tielet domanda.
23 Minbarra dan, din il-qorti tistaqsi dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja meta tiġi ggarantita l-applikazzjoni uniformi, fl-Istati Membri kollha, tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi stabbiliti mid-Direttiva. F’dan ir-rigward hija tiddeduċi mill-punti 34 u 35 tas-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, li l-karatteristiċi speċifiċi tal-proċedura ġurisdizzjonali, li sseħħ fl-ambitu tad-dritt nazzjonali bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, ma jistgħux jikkostitwixxu kriterju li jista’ jaffettwa l-protezzjoni ġuridika li minnha għandu jibbenifika l‑konsumatur skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 34 u 35 li l-qorti nazzjonali hija marbuta teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l‑elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan.
24 Issa, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-punti rilevanti tas-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, ma jippermettux li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali tistax teżamina ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali ħlief jekk għandha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan jew jekk, bil-kontra, l-eżami ex officio ta’ din in-natura inġusta timplika wkoll li, fil-kuntest tagħha, il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tistabbilixxi ex officio l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji għal dan l-eżami.
25 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Budapesti II. és III. kerületi bíróság iddeċidiet li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin addizzjonalment:
“1) Il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu [267 TFUE], għandha l-ġurisdizzjoni wkoll biex tinterpreta l-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva [...], kif ukoll il-klawżoli elenkati fl-anness tal‑istess direttiva?
2) F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, it-talba għal deċiżjoni preliminari li biha tiġi mitluba tali interpretazzjoni tista’ – fl-interess ta’ applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri kollha tal-livell ta’ ħarsien tad‑drittijiet tal-konsumaturi garantit mid-Direttiva [...] – tikkonċerna l‑kwistjoni ta’ liema aspetti l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta l-kriterji ġenerali stabbiliti mid-direttiva għandhom jiġu applikati għal klawżola waħda speċifika u individwali?
3) Jekk il-qorti nazzjonali, filwaqt li l-partijiet fil-kawża ma jkunu fformulaw ebda talba għal dan il-għan, tirrikonoxxi b’mod awtonomu n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, tista’ ex officio, twettaq stħarriġ bl-iskop li tistabbilixxi liema huma l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji sabiex issir tali evalwazzjoni, fejn id-dritt proċedurali nazzjonali jammetti biss eżami ta’ dan it-tip fuq talba tal-partijiet?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tielet domanda magħmula inizjalment
26 Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-qorti tibda proċeduri għal rinviju preliminari billi tinforma, ex officio, simultanjament il-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja.
27 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li d-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali jew tribunal tal-Istat Membru li jissospendi l-proċedimenti u jirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi nnotifikata lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti jew tribunal konċernat u din id-deċiżjoni għandha tiġi mbagħad notifikata mir‑Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost oħrajn u skont il-każ, lill-partijiet, lill‑Istati Membri u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-istituzzjonijiet, lill-korpi jew entitajiet tal-Unjoni, ma jinkludi ebda indikazzjoni dwar miżuri ta’ informazzjoni oħra li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzoni mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tad‑deċiżjoni li titressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja.
28 Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi sostnut li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tad‑dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C‑261/95, Ġabra p. I‑4025, punt 31; tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 41, u tas-16 ta’ Diċembru 2008, Caresio, C‑210/06, Ġabra p. I‑9641, punt 90).
29 Fil-fatt, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u oħra, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu mill-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u tal-bżonn ta’ dan ir-rinviju (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kempter, punt 42, u Cartesio, punt 91).
30 Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li jsostnu l-mekkaniżmu preliminari u fir-rigward tad-domanda magħmula, għandu jiġi ddeterminat jekk l-obbligu ta’ informazzjoni inkwistjoni jistax ikollu effett fuq il-possibbiltajiet li għandhom il-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE.
31 F’dan ir-rigward, ma jidhirx li obbligu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kkunsidrat bħala interferenza fil-mekkaniżmu ta’ djalogu ġurisdizzjonali stabbilit bl-Artikolu 267 TFUE.
32 Fil-fatt, l-obbligu magħmul fuq il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat li jinformaw lill-Ministru tal-Ġustizzja fil-mument tat-trażmissjoni tad-deċiżjoni tar‑rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jikkostitwixxix kundizzjoni ta’ tali rinviju. Għalhekk dan ma jistax ikollu effett fuq id-dritt ta’ dawn il-qrati li jintroduċu talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas li jippreġudika l-prerogattivi mogħtija lilhom skont l-Artikolu 267 TFUE.
33 Barra minn hekk, ma jidhirx li eventwali ksur ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni jwassal għal konsegwenzi legali li jistgħu jtellfu l-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE.
34 Minbarra dan, u hekk kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tagħha, ebda indikazzjoni ma tressqet, li permezz tagħha jista’ jiġi dedott li, minħabba l-obbligu ta’ informazzjoni inkwistjoni, il-qrati nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jkunu dissważi milli jressqu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
35 Bħala konsegwenza, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda magħmula inizjalment tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-qorti li tibda proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tinforma, ex officio, simultanjament, lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja fl-Istat Membru kkonċernat.
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda magħmula addizzjonalment
36 Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
37 Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 KE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha tal-ewwel tipprovdi lil tat-tieni l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma meħtieġa għas‑soluzzjoni tal-kawżi li huma msejħa jiddeċiedu (ara, b’mod partikolari, is‑sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C‑231/89, Ġabra p. I‑4003, punt 18, u tat-12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C‑314/96, Ġabra p. I‑1149, punt 17).
38 F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu s‑suġġett ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, għandu jitfakkar li din tal-aħħar għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l‑interpretazzjoni tat-trattati u tal-atti maħruġa mill-istituzzjonijiet, korpi jew entitajiet tal-Unjoni mingħajr ebda eċċezzjoni (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru, Grimaldi, C‑322/88, Ġabra p. 4407, punt 8, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Friesland Coberco Dairy Foods, C‑11/05, Ġabra p. I‑4285, punti 35 u 36).
39 Konsegwentement, u fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun mitluba minn qorti nazzjonali sabiex tinterpreta l‑kunċetti li jinsabu f’strument ta’ dritt sekondarju, bħall-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fid-direttiva u fl-anness tagħha.
40 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 3(1) u 4(1) tad‑Direttiva jiddefinixxu, flimkien, il-kriterji ġenerali li jippermettu li ssir evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li għalihom japplikaw id‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid, C‑484/08, Ġabra p. I-4785, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41 Barra minn hekk, domanda simili kienet saret fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li tressaq fis-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, fis-sens li, fil-kawża li kienet fl-oriġini ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha indikazzjonijiet dwar l-elementi li l-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra sabiex tevalwa n-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali.
42 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, rrilevat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddefinixxi biss b’mod astratt l-elementi li jagħtu natura inġusta lil klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment, li l-anness li għalih jirreferi l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva fih biss lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti, u li, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi titqies in-natura tal-beni jew servizzi li għalihom ikun ġie konkluż il-kuntratt u billi jsir riferiment , fil-mument li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt.
43 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-risposta li hija tat għal din id‑domanda, ippreċiżat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk klawżola kuntrattwali tissodisfax il-kriterji neċessarji sabiex tiġi kklassifikata bħala “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, u li, meta tagħmel dan, il‑qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-fatt li klawżola f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, li tiddaħħal mingħajr ma tkun ġiet innegozjata individwalment u li tikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha jkun tinsab is-sede tal-bejjiegħ jew tal-fornitur, tista’ tiġi kkunsidrata bħala inġusta (ara s-sentenza Pannon GSM, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
44 Għalhekk ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi magħmula addizzjonalment għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva, fid-dawl tal‑fatt li hija l-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il‑kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont ċirkustanzi proprji għall-każ ineżami.
Fuq it-tielet domanda magħmula addizzjonalment
45 Permezz ta’ din id-domanda, li hija miktuba f’termini ġeneriċi ħafna, il-qorti tar‑rinviju tfittex tistabbilixxi r-responsabbiltajiet tagħha, skont dispożizzjonijiet tad-direttiva, mill-mument meta din tal-aħħar tistaqsi dwar in-natura possibbilment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva. Din il-qorti titlob b’mod partikolari jekk, f’tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali għandhiex l-obbligu li twettaq stħarriġ ex officio sabiex tistabbilixxi l‑elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tkun evalwata l-eżistenza ta’ tali klawżola, fil-każ fejn id-dritt nazzjonali jipprovdi tali stħarriġ biss jekk waħda mill-partijiet titlob dan.
46 Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, is-sistema ta’ protezzjoni implementata mid-direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur, għal dak li jikkonċerna kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi mal‑kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, C‑240/98 sa C‑244/98, Ġabra p. I‑4941, punt 25; tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro, C‑168/05, Ġabra p. I‑1042, punt 25, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, Ġabra p. I‑9579, punt 29).
47 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel l-ekwilibriju formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-parti kontraenti f’ekwilibriju reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (ara s-sentenza ċċitati iktar ’il fuq Mostaza Claro, punt 36 u Asturcom Telecomunicaciones , punt 30).
48 Sabiex tiżgura l-protezzjoni mixtieqa mid-Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn il-konsumatur u l‑bejjiegħ jew fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt biss (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, punt 27, Mostaza Claro, punt 26, kif ukoll Asturcom Telecomunicaciones, punt 31).
49 Għalhekk, fil-kuntest tal-funzjonijiet tagħha skont dispożizzjonijiet tad-Direttiva, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk klawżola mill-kuntratt li huwa s‑suġġett ta’ kawża li tressqet quddiemha tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Jekk dan huwa l-każ, din il-qorti nazzjonali għandha l-obbligu li tevalwa, jekk hemm bżonn ex officio, din il-klawżola fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni tal-konsumatur previsti minn din id-direttiva.
50 F’dak li jikkonċerna l-ewwel stadju tal-eżami li għandu jsir mill-qorti nazzjonali, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 1 u 3 tad-Direttiva jirriżulta li dan japplika għal kull klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li ma kienx ġie negozjat individwalment.
51 Sabiex tkun iggarantita l-effettività tal-protezzjoni tal-konsumaturi mixtieqa mil‑leġiżlatur tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk, fil-każijiet kollha u indipendentement mir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħha, tiddetermina jekk il‑klawżola inkwistjoni kinitx jew le nnegozjata individwalment bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.
52 Fir-rigward tat-tieni stadju ta’ dan l-eżami, għandu jiġi stabbilit li l-klawżola tal‑kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża prijnċipali tipprovdi, hekk kif indikat il‑qorti tar-rinviju, il-ġurisdizzjoni territorjali eskluviża ta’ qorti li ma hijiex il-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha l-konvenut għandu r-residenza tiegħu u lanqas ma hija d-distrett ġudizzjarju fejn tinsab is-sede tar-rikorrenti, iżda dik li tinsab qrib is-sede ta’ din tal-aħħar kemm fuq il-pjan ġeografiku kif ukoll mill-aspett tal‑possibbiltajiet ta’ trasport.
53 F’dak li jikkonċerna klawżola li kienet iddaħħlet mingħajr ma kienet ġiet negozjata individwalment f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur u li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha tinsab is-sede tal-bejjiegħ jew fornitur, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil‑punt 24 tas-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores iċċitata iktar ’il fuq, li tali klawżola kellha tiġi kkunsidrata bħala inġusta fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva, sa fejn hija toħloq, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fide, għad-dannu tal‑konsumatur, skwilibriju sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt.
54 Għandu jiġi rrilevat li l-klawżola li dwarha l-qorti nazzjonali tistaqsi fil-kawża prinċipali, bħala klawżola li għandha bħala għan li tattribwixxi ġurisdizzjoni, għall‑kwistjonijiet kollha li jirriżultaw mill-kuntratt, lilll-qorti li fid-distrett ġudizzjarju tagħha tinsab is-sede tal-bejjiegħ jew fornitur, timponi fuq il‑konsumatur l-obbligu li jissuġġetta ruħu għall-ġurisdizzjoni ta’ qorti li tista’ tkun il-bogħod mid-domiċilju tiegħu, li tista’ tagħmel id-dehra tiegħu iktar diffiċli. Fil-każ ta’ kawżi li jirrigwardaw somom limitati, l-ispejjeż relatati mad‑dehra tal-konsumatur jistgħu jirriżultaw dissważivi u jwasslu lil dan tal-aħħar li jirrinunzja għal kull rikors ġudizzjarju jew għad-difiża kollha tiegħu. Tali klawżola tidħol għalhekk fil-kategorjija ta’ dawk li għandhom bħala għan jew bħala effett li jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur milli jieħu azzjoni legali, kategorija msemmija fil-punt 1(q) tal-anness tad-direttiva (ara s-sentenza Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).
55 Minbarra dan, din il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni esklużiva tippermetti lill‑bejjiegħ jew fornitur li jiġbor il-każijiet kontenzjużi kollha relatati mal-attività professjonali tiegħu quddiem qorti waħda, li ma hijiex dik tad-distrett ġudizzjarju tal-konsumatur, li jwassal li tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni tad-dehra ta’ dan il‑bejjiegħ jew fornitur kif ukoll li din id-dehra tkun inqas oneruża għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Océano Grupo Editorial u Salvat Editores, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).
56 Hemm lok għalhekk li t-tielet domanda magħmula addizjonalment tkun risposta li l-qorti nazzjonali għandha tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab fil-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża li tressqet quddiemha, u li kien ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva u, fl-affermattiv, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola.
Fuq l-ispejjeż
57 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li l-qorti li tibda proċeduri ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari tinforma, ex officio, simultanjament, lill-Ministru responsabbli għall-Ġustizzja fl-Istat Membru kkonċernat.
2) L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “klawżola inġusta” msemmija fl‑Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, u fl-anness tagħha, kif ukoll il-kriterji li l-qorti nazzjonali tista’ jew għandha tapplika waqt l-eżami ta’ klawżola kuntrattwali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din id‑direttiva, fid-dawl tal-fatt li hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi, billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kriterji, dwar il-klassifikazzjoni konkreta ta’ klawżola kuntrattwali partikolari skont iċ-ċirkustanzi proprji għall‑każ ineżami.
3) Il-qorti nazzjonali għandha tieħu ex officio miżuri istruttorji sabiex tistabbilixxi jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni territorjali esklużiva li tinsab fil-kuntratt li huwa s-suġġett tal-kawża li tressqet quddiemha, u li kien ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tidħolx fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, fl-affermattiv, tevalwa ex officio n-natura possibbilment inġusta ta’ tali klawżola.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.