Kawża C-367/09
Belgisch Interventie- en Restitutiebureau
vs
SGS Belgium NV et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-hof van beroep te Antwerpen)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea — Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 — Artikolu 1, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1), u l-Artikoli 5 u 7 — Regolament (KEE) Nru 3665/87 — Artikoli 11 u 18(2)(c) — Kunċett ta’ operatur ekonomiku — Persuni li ħadu sehem fit-twettiq tal-irregolarità — Persuni fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx — Sanzjoni amministrattiva — Effett dirett — Preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja — Interruzzjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Sanzjonijiet amministrattivi — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Impossibbiltà li tali sanzjonijiet jiġu imposti biss abbażi tal-Artikoli 5 u 7 tal-imsemmi regolament
(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 5 u 7)
2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Sanzjonijiet amministrattivi — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata li ħarġet ċertifikati foloz
(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 7)
3. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Azzjoni ġudizzjarja kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(2), u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1))
1. L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ma japplikawx b’tali mod li sanzjoni amministrattiva tista’ tiġi imposta abbażi ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet waħedhom peress li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni teħtieġ li, preċedentement għat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, jew, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta regoli settorjali li jiddefinixxu tali sanzjoni u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha għal din il-kategorija ta’ persuni, jew inkella, jekk ikun il-każ, fejn tali regoli jkunu għadhom ma ġewx adottati fuq livell tal-Unjoni, li d-dritt tal-Istat Membru fejn twettqet din l-irregolarità jkun ipprovda għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront tal-imsemmija kategorija ta’ persuni.
Fil-fatt, għalkemm, minħabba n-natura tagħhom u minħabba l-funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament għandhom, ġeneralment, effett immedjat fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni jew mingħajr ma jkun meħtieġ li l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta leġiżlazzjoni addizzjonali, madankollu wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni, jew min-naħa tal-Istati Membri jew inkella mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu.
Dan jgħodd ukoll, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq id-diversi kategoriji ta’ atturi identifikati fir-Regolament Nru 2988/95. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5 u 7 tal-imsemmi regolament peress li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu r-regoli ġenerali ta’ verifiki u ta’ sanzjonijiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u peress li, b’mod partikolari, dawn la jiddeterminaw b’mod preċiż liema mis-sanzjonijiet elenkati fl-imsemmi Artikolu 5 għandha tiġi applikata fil-każ ta’ irregolarità li tikkawża dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u lanqas il-kategorija ta’ atturi li għandha tkun suġġetta għal tali sanzjoni f’każ bħal dan.
(ara l-punti 32-34, 36, 43 u d-dispożittiv 1)
2. F’ċirkustanzi fejn ir-regoli settorjali tal-Unjoni kienu għadhom ma jipprovdux l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effikaċi fil-każijiet fejn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru ħarġet ċertifikati foloz, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw sanzjoni fil-konfront ta’ din l-aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” jew mill-persuni li huma “fid-dover li jieħdu r‑responsabbiltà” għal din l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu dejjem sakemm l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni tkun imsejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
(ara l-punt 62 u d-dispożittiv 2)
3. Il‑komunikazzjoni, lill-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum għal operazzjoni ta’ esportazzjoni speċifika, ta’ rapport ta’ investigazzjoni li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità inkonnessjoni ma’ din l-operazzjoni, il-preżentazzjoni lil din l‑aġenzija ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali bil-għan li tiġi investigata r-realtà tar-rilaxx għall-konsum kif ukoll l-ittra rreġistrata li timponi sanzjoni fuq l‑imsemmija aġenzija talli ħadet sehem fit-twettiq ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il‑protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, jikkostitwixxu atti suffiċjentement preċiżi nnotifikati lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji relatati mal-irregolarità, li, konsegwentement, jinterrompu l‑preskrizzjoni għat-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.
(ara l-punt 70 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
28 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 1, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u l-Artikoli 5 u 7 – Regolament (KEE) Nru 3665/87– Artikoli 11 u 18(2)(c) – Kunċett ta’ operatur ekonomiku – Persuni li ħadu sehem fit-twettiq tal‑irregolarità – Persuni fid-dover li jieħdu r‑responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx – Sanzjoni amministrattiva – Effett dirett – Preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja – Interruzzjoni”
Fil-Kawża C‑367/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura
Belgisch Interventie- en Restitutiebureau
vs
SGS Belgium NV,
Firme Derwa NV,
Centraal Beheer Achmea NV,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u A. Prechal, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ġunju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal SGS Belgium NV, minn M. Storme, avukat,
– għal Firme Derwa NV, minn L. Wysen u J. Gevers, avukati,
– għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux, bħala aġent, assistit minn P. Bernaerts u E. Vervaeke, avukati,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouquet u F. Wilman, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Lulju 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340)
2 Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Belgisch Interventie- en Restitutiebureau (l-uffiċju Belġjan ta’ intervent u rifużjoni, iktar ’il quddiem il-“BIRB”), minn naħa, u SGS Belgium NV (iktar ’il quddiem “SGS Belgium”), agenzija speċjalizzata fil-kontroll u s-sorveljanza, Firme Derwa NV (iktar ’il quddiem “Firme Derwa”), kumpannija li tesporta, u Centraal Beheer Achmea NV, kumpannija tal-assigurazzjoni, minn-naħa l-oħra, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ sanzjoni lill-SGS Belgium talli ppermettiet li Firme Derwa tikseb rifużjoni indebita fuq l-esportazzjoni.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Nru 2988/95
3 It-tieni, it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-seba’, it-tmien, l-għaxar u t-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdu:
“Billi aktar minn nofs in-nefqa tal-Komunità titħallas lil benefiċjarji tramite l‑Istati Membri;
Billi regoli dettaljati li jirregolaw din l-amministrazzjoni deċentralizzata u l‑osservazzjoni mill-qrib ta’ l-użu tagħhom huma s-suġġett ta’ dispożizzjonijiet dettaljati li jvarjaw skond il-politika Komunitarja involuta; billi atti li huma ta’ ħsara għall-interessi finanzjarji tal-Komunità għandhom, madankollu, jiġu ribattuti fl-oqsma kollha;
Billi l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Komunità titlob li jiġu promulgati sett ta’ regoli legali komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politika tal-Komunità;
Billi mġiba mhux regolari, u l-miżuri u penalitajiet [sanzjonijiet amministrattivi] relatati, hemm provdut dwarhom f’regoli settorjali skond dan ir-Regolament;
[…]
Billi l-penalitajiet amministrattivi tal-Komunità għandhom jipprovdu protezzjoni adegwata għal dawk l-interessi; billi huwa meħtieġ li jiġu definiti r-regoli ġenerali applikabbli għal dawn il-penali;
Billi l-liġi tal-Komunità stabbiliet il-penali amministrattivi tal-Komunità fil-qafas tal-politika agrikola komuni; billi dawk il-penali jridu jiġu stabbiliti f’oqsma oħra wkoll;
[…]
Billi mhux biss taħt il-prinċipju ġenerali ta’ l-ekwità u l-prinċipju tal-proporzjonalità iżda wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dispożizzjonijiet xierqa għandhom jiġu adottati filwaqtli jiġi rrispettat l-acquis communautaire u d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’regoli speċifiċi tal-Komunità li kienu jeżistu fil-waqt tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni ta’ penali finanzjarji tal-Komunità u penali kriminali nazzjonali imposti fuq l-istess persuni għall-istess raġunijiet;
[…]
Billi l-liġi tal-Komunità timponi fuq il-Kummissjoni u l-Istati Membri l‑obbligazzjoni li jivverifikaw li riżorsi tal-budget tal-Komunità jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom; billi hemm il-ħtieġa ta’ regoli komuni sabiex isaħħu d‑dispożizzjonijiet eżistenti”
4 L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“1. Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali [sanzjonijiet] li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi tal-Komunità.
2. “Irregolarità” għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas [ommissjoni] ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata [indebita]”
5 L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“1. Il-verifiki amministrattivi, il-miżuri u l-penali [is-sanzjonijiet amministrattivi] għandhom jiġu introdotti sakemm ikunu neċessarji biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Komunità. Dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-Komunità
2. Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta ħlief jekk att tal-Komunità qabel l-irregolarità jkun ipprovda għaliha. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.
3. Il-liġi tal-Komunità għandha tistabbilixxi n-natura u l-iskop tal-miżuri amministrattivi u l-penali meħtieġa għall-applikazzjoni korretta tar-regoli in kwestjoni, wara li jiġu kkunsidrati n-natura u s-serjetà ta’ l-irregolarità, il-vantaġġ mogħti jew miksub u l-grad tar-responsabbiltà.
4. Bla ħsara għal-liġi applikabbli tal-Komunità, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki Komunitarji, il-miżuri u l-penali għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.”
6 L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:
“Il-perjodu tal-limitazzjoni għall-proċeduri [preskrizzjoni tal-azzjoni ġudizzjarja] għandu jkun ta’ erba’ snin minn meta l-irregolarità li ssir msemmija f’Artikolu 1(1) tkun ġiet kommessa. Madankollu, ir-regoli settorjali jistgħu jipprovdu għal perjodu iqsar li ma jistax ikun anqas minn tliet snin.
[…]
It-terminu tal-limitazjoni għandu jiġi interrott bi kwalsiasi att ta’ l-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna in kwestjoni, li jkollha x’taqsam ma’ l‑investigazzjoni jew proċeduri legali dwar l-irregolarità. It-terminu għandu jibda jiddekorri mill-ġdid wara kull att li jinterrompih
[...]”
7 L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, li jinsab fit-Titolu II V ta’ dan ir‑regolament, intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali [Il-miżuri u s‑sanzjonijiet amministrattivi]”, jipprovdi:
“1. Bħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett [indebitament]:
– permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,
– bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.
2. L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa
3. L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skond kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il‑vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.
4. Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali [sanzjonijiet].”
8 L-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“1 L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali [sanzjonijiet] amministrattivi:
a) il-ħlas ta’ multa amministrattiva;
b) il-ħlas ta’ ammont akbar mill-ammonti aċċettati bla jedd [indebitament] jew skansati, u l-imgħax fejn ikun xieraq; din is-somma addizzjonali għandha tiġi stabbilita skond persentaġġ li għandu jiġi stabbilit fir-regoli speċifiċi, u m’għandux jeċċedi l-livell strettament neċessarju biex jikkostitwixxi deterrent;
ċ) it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il‑vantaġġ;
[…]
ġ) penali oħra ta’ tip purament ekonomiku, ekwivalenti fin-natura u l-qasam ta’ applikazzjoni, kif hemm provdut fir-regoli settorjali adottati mill-Kunsill fid-dawl tal-ħtiġiet speċifiċi ta’ l-oqsma involuti u b’konformità mal-poteri ta’ l‑implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni mill-Kunsill.
2. ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stipulati fir-regoli settorjali eżistenti fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, irregolaritajiet oħra jistgħu jagħtu lok biss għal dawk il-penali li m’humiex ekwivalenti għal penali kriminali li hemm provdut dwarhom fil-paragrafu 1, sakemm dawk il‑penali jkunu essenzjali biex jiżguraw l-applikazzjoni tajba tar-regoli.”
9 Skont l-Artikolu 7 tal-istess regolament:
“Il-miżuri [u s-sanzjonijiet] amministrattivi tal-Komunità u l-penali jistgħu jiġu applikati għall-operaturi ekonomiċi li għalihom issir riferenza f’Artikolu 1, jiġifieri l-persuni naturali jew legali jew l-entitajiet l-oħra li l-liġi nazzjonali tagħtihom kapaċità legali u li jkunu kkommettew l-irregolarità. Jistgħu japplikaw ukoll għal persuni li jkunu ħadu sehem fl-irregolarità jew li huma fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.”
Ir-Regolament (KEE) Nru 3665/87
10 L-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987 li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/97, tat-18 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 77, p. 12, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3665/87”) jipprovdi:
“1. Meta jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-għoti ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni, esportatur jitlob rifużjoni li tkun għola milr-rifużjoni applikabbli, ir-rifużjoni dovuta għall-esportazzjoni inkwistjoni għandha tkun ir-rifużjoni applikabbli għall-prodott effettivament esportat, imnaqqas b’ammont li jikkorrispondi:
a) għal nofs id-differenza bejn ir-rifużjoni mitluba u r-rifużjoni applikabbli fuq l-esportazzjoni effettivament imwettqa;
b) għad-doppju tad-differenza bejn ir-rifużjoni mitluba u r-rifużjoni applikabbli fil-każ fejn l-esportatur ikun, intenzjonalment, ipprovda data falza.
[…]
Is-sanzjonijiet japplikaw bla ħsara għal sanzjonijiet supplimentari previsti fuq livell nazzjonali.
[...]
3. Bla ħsara għall-obbligu li l-ammont negattiv jitħallas, previst fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-każ ta’ ħlas indebitu ta’ rifużjoni, il-benefiċjarju huwa obbligat li jirrimborsa l-ammonti li rċieva indebitament – u dan flimkien ma kull sanzjoni applikabbli skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
11 L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87 jipprovdi:
“1. Il-prova li l-formalitajiet doganali neċessarji għar-rilaxx għall-konsum twettqu għandha tiġi prodotta mill-esportatur permezz tal-produzzjoni ta’ wieħed mid-dokumenti li ġejjin:
a) dokument doganali […];
b) ċertifikat ta’ ħatt u ta’ rilax għall-konsum maħruġ minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru. Id‑data u n-numru tad-dokument doganali ta’ rilaxx għall-konsum għandhom jidhru fiċ-ċertifikat inkwistjoni.
2. Jekk l-esportatur ma jistax jikseb id-dokumnet magħżul skont il‑paragrafu 1(a) jew (b) wara li jkun segwa l-proċeduri xierqa sabiex jikseb dan id-dokument jew jekk ikun hemm dubji fuq l-awtentiċità tad-dokumnet prodott, il‑prova li l-formalitajiet doganali neċessarji għar-rilaxx għall-konsum twettqu tista’ tiġi prodotta bil-produzzjoni tad-dokument jew dokumenti li ġejjin:
[...]
c) ċertifikat ta’ ħatt maħruġ minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru li jiċċertifika, ukoll, li l-prodott ħareġ miż-żona tal-port jew minn tal-inqas li, sa fejn taf hija, il-prodott ma kienx suġġett għal tagħbija konsekuttiva bil-għan li jerġa jiġi esportat;
[…]”
Id-dritt nazzjonali
12 L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal-4 ta’ Jannar 1985 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-aġenziji inkarigati mill-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ ħatt fil-pajjiż tad-destinazzjoni ta’ merkanzija esportata fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (Moniteur belge tal-21 ta’ Frar 1985, p. 1937) jipprovdi:
“iċ-ċertifikati li jipprovaw li l-merkanzija esportata nħattet fil-pajjiż ta’ destinazzjoni jistgħu jiġu aċċettati, għall-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni, mid-dipartimenti kompetenti biss jekk dawn jinħarġu minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata, għal dan il-għan, permezz ta’ digriet mill-Ministeru li jkollu l-affarijiet ekonomiċi u l-agrikoltura fil-portfoll tiegħu.”
13 L-Artikolu 2(2) tad-Digriet Irjali jipprovdi:
“L-aġenzija timpenja ruħha:
1° li tkun responsabbli in solidum, mal-partijiet l-oħra li jieħdu sehem jew li huma involuti fl-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, għall-konsegwenzi finanzjarji taċ-ċertifikati maħruġa minnha;
2° li tagħti lill-uffiċjali, f’kull waqt, aċċess għal bini tagħha […] u li tippermetti li dawn l-uffiċjali jkunu jistgħu jikkonsultaw id-dokumneti kollha relatati maċ-ċertifikati maħruġa;
[…]”
14 L-imsemmi digriet irjali tħassar permezz tad-Digriet Irjali, tat-28 ta’ Frar 1999, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-aġenziji inkarigati mill-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ ħatt u ta’ rilaxx għall-konsum jew ta’ ċertifikat ta’ ħatt fil-pajjiż tad-destinazzjoni, ta’ merkanzija esportata fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (Moniteur belge tat-22 ta’ Ġunju 1999, p. 23534).
15 Skont l-Artikolu 2(1)(2)(a) ta’ dan id-digriet irjali, “[l]-aġenzija timpenja ruħha : a) li tkun responsabbli in solidum, mal-partijiet l-oħra li jieħdu sehem jew li huma involuti fl-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni, għall-konsegwenzi finanzjarji taċ-ċertifikati maħruġa minnha”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 Fis-6 ta’ Ġunju 1997, Firme Derwa biegħet għall-esportazzjoni lejn l-Eġittu lot ta’ 741 144 kilogramma ta’ laħam taċ-ċanga u, abbażi ta’ dan, talbet rifużjoni fuq l‑esportazzjoni lill-BIRB. Għalhekk, dan l-esportatur kiseb, permezz tal-kostituzzjoni ta’ garanzija, il-ħlas tas-somma ta’ EUR 1 407 268.90 fil-kuntest tas-sistema ta’ prefinanzjament.
17 Sabiex tikseb b’mod definittiv l-ammont totali tar-rifużjoni Firme Derwa kellha tipproduċi l-prova tal-importazzjoni tal-lot ta’ laħam inkwistjoni fl-Eġittu. Il‑bastiment li ttrasporta t-tagħbija ta’ laħam wasal fil-port ta’ destinazzjoni fid-19 ta’ Ġunju 1997. Fl-10 ta’ Frar 1998, Firme Derwa bagħtet lill-BIRB ċertifikat, maħruġ minn SGS Belgium fl-4 ta’ Novembru 1997, li kien jikkonferma li l‑awtoritajiet doganali Eġizzjani kienu rrilaxxaw il-merkanzija għall-finijiet ta’ konsum.
18 Fil-5 ta’ Ġunju 1998, il-BIRB ħelset il-garanzija kostitwita minn Firme Derwa, li kisbet definittivament ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni inkwistjoni.
19 Wara investigazzjoni mwettqa mill-Bord ta’ Spezzjoni Ekonomika tal-Ministeru Belġjan għall-affarijiet ekonomiċi, irriżulta li SGS Egypt Ltd kienet informat lill-SGS Belgium, permezz ta’ fax tal-24 ta’ Settembru 1997, li ma kienx possibbli li l-merkanzija inkwistjoni setgħet kienet importata fl-Eġittu minħabba l‑projbizzjoni deċiża minn dan l-istat terz fil-konfront ta’ laħam taċ-ċanga provenjenti mill-Belġju.
20 Il-BIRB bagħat lill-SGS Belgium rapporti rigwardanti din l-investigazzjoni f’messaġġi tat-13 ta’ Awwissu kif ukoll tad-9 u tal-14 ta’ Ottubru 1998. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-21 ta’ April 1999, il-BIRB stieden lil din l‑aġenzija tipprovdilu d-dokumenti doganali li abbażi tagħhom l-imsemmija aġenzija kienet ħarġet iċ-ċertifikat tal-4 ta’ Novembru 1997.
21 Wara li kkonstata li SGS Belgium ma kinitx irrispondiet għat-talba tiegħu, il‑BIRB ikkonkluda, f’ittra tal-5 ta’ Frar 2002 indirizzata lil din l-aġenzija, li l‑merkanzija ma kinitx ġiet importata fl-Eġittu sabiex tiġi rilaxxata għall-konsum u, konsegwentement, l-BIRB iddeċieda li jimponi fuq SGS Belgium, abbażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87, sanzjoni amministrattiva ekwivalenti għal 200 % tal-Ammont ta’ EUR 1 407 268.90 indebitament irċevuti minn Firme Derwa bis-saħħa taċ-ċertifikat maħruġ minn din l-aġenzija ta’ kontroll. Barra minn hekk, SGS Belgium ġiet mistiedna tħallas ammont ekwivalenti għall-imsemmija rifużjoni flimkien ma’ żieda b’tali mod li din l-aġenzija ntalbet tħallas l-ammont totali ta’ EUR 4 503 260.74.
22 B’ittra tad-29 ta’ April 2002, SGS Belgium informat lill-BIRB li, wara investigazzjoni interna, irriżulta li l-merkanzija kienet ġiet biss provviżorjament importata fl-Eġittu u li din kienet ġiet finalment esportata lejn l-Afrika t’Isfel. Madankollu, f’ittra tas-27 ta’ Mejju 2002, SGS Belgium enfasizzat li hija ma kinitx ipprovdiet l-informazzjoni żbaljata b’mod intenzjonali.
23 Permezz ta’ ċitazzjoni nnotifikata fis-16 ta’ Settembru 2003, il-BIRB beda azzjonijiet ġudizzjarji quddiem il-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen) fil-konfront ta’ SGS Belgium sabiex din tiġi kkundannata għall-ħlas tal-imsemmija sanzjoni amministrattiva. Għaldaqstant, bħala garanzija, din l-aġenzija talbet il-kjamata in kawża ta’ Firme Derwa u Centraal Beheer Achmea NV.
24 Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Jannar 2006, din il-qorti ċaħdet bħala infondati kemm l-azzjoni tal-BIRB kif ukoll it-talba għall-kjamata in kawża u ta’ garanzija ta’ SGS Belgium. L-imsemmija qorti, l-ewwel nett, ikkonstatat li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ma kienx skada peress li kien ġie interrott, fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, bl-ittra tal-BIRB tal-5 ta’ Frar 2002 li permezz tagħha dan tal-aħħar stabbilixxa l-multa amministrattiva fil-konfront ta’ SGS Belgium.
25 Madankollu, r-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen qieset li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma kinux jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti li tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fuq aġenzija bħal SGS Belgium. Fil-fatt, skont din il-qorti, bil-kontra tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2988/95, dawn id-dispożizzjonijiet iħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri u ma jinkludux l-obbligu li jiġu imposti sanzjonijiet. Għalhekk, huma l‑leġiżlatur Ewropew jew il-leġiżlaturi nazzjonali li għandhom jipprovdu, permezz ta’ regoli settorjali, li hemm operaturi ekonomiċi oħra, minbarra l-esportatur benefiċjarju tar-rifużjoni, li huma responsabbli għall-ħlas tas-sanzjonijiet. Huma wkoll l-imsemmija leġiżlaturi li għandhom jiddefinixxu tali sanzjonijiet. Barra minn hekk ir-Regolament Nru 3665/87 ma jinkludi ebda dispożizzjoni li tippermetti li parteċipanti f’operazzjoni ta’ esportazzjoni jiġu ssanzjonati għal irregolaritajiet imwettqa mill-esportatur.
26 Il-BIRB appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju fejn b’mod partikolari sostna li, abbażi tad-Digriet Irjali tal-4 ta’ Jannar 1985, SGS Belgium kienet responsabbli in solidum, flimkien mal-esportatur, għall-konsegwenzi finanzjarji taċ-ċertifikati maħruġa minnha. Issa, sa fejn din l-aġenzija ħolqot artifiċjalment il-kundizzjonijiet li ppermettew li l-esportatur jibbenefika indebitament minn rifużjoni fuq l-esportazzjoni u sa fejn dan l-esportatur, Firme Derwa, ma kienx jaf bin-natura żbaljata taċ-ċertifikat ipprovdut u ma kien wettaq ebda negliġenza, il-BIRB ikkunsidra li la kien hemm lok li r-rifużjoni tiġi rkuprata mingħand dan tal-aħħar u lanqas li dan jiġi suġġett għal sanzjoni amministrattiva. Il-BIRB essenzjalment sostna li, għalkemm bħala prinċipju s-sanzjoni prevista fil-punt b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 tikkonċerna biss lill-esportatur, abbażi tar-regola ta’ koresponsabbiltà tal-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza prevista mid-dritt nazzjonali, kien possibbli, skont l‑Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95, li din is-sanzjoni tiġi imposta fuq din l‑aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ persuna li tista’ tinżamm responsabbli għall-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-BIRB isostni wkoll li, f’kull każ, anki jekk ma tiġi kkonstatata l-ebda intenzjoni frawdolenta, SGS Belgium għandha tiġi kkundannata minn tal-inqas għall-ħlas tas-sanzjoni prevista fil-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87.
27 Min-naħa tagħha, SGS Belgium b’mod partikolari sostniet li, sa fejn hija tista’ tiġi miżmuma responsabbli, din ir-responsabbiltà għandha tkun in solidum mal-esportatur u mal-assiguratur sa fejn l-ammonti mitluba huma dovuti mill-esportatur u sa fejn kemm l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 kif ukoll l‑Artikolu (2)(2)(1) tad-Digriet Irjali tal-4 ta’ Jannar 1985 jimplikaw responsabbiltà in solidum bejn l-atturi involuti f’operazzjoni ta’ esportazzjoni.
28 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-appell ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament […] Nru 2988/95 […], għandhom effett dirett fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni ta’ dawn l-Istati Membri kif ukoll ta’ ħtieġa min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri ta’ implementazzjoni?
2) Kumpannija li mill-aspett internazzjonali hija speċjalizzata fil-qasam tal-kontroll u tas-sorveljanza u li hija rikonoxxuta [Aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata] mill-Istat Membru li fih isiru l‑formalitajiet doganali għall-esportazzjoni, f’dan il-każ i[r-Renju tal-]Belġju, li ppreżentat dikjarazzjoni ineżatta fir-rigward tal-ħatt, fis-sens tal-Artikolu 18(2)(ċ) tar-Regolament [Nru ]3665/87[…], tista’ tiġi kkunsidrata bħala operatur ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regolament 2988/95[…] u għaldaqstant bħala persuna li pparteċipat fit-twettiq tal-ksur jew bħala persuna li tista’ titqies responsabbli [fid-dover li tieħu r‑responsabbiltà] għall-ksur [irregolarità] jew saħansitra bħala persuna li kellha tevita li dan il-ksur iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ dan ir‑regolament?
3) Il-komunikazzjoni ta’ rapport dwar stħarriġ immexxi mill-Bord ta’ Spezzjoni Ekonomika, ittra li titlob li jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali sabiex tiġi ġġustifikata l-importazzjoni għall-konsum jew ittra rreġistrata li timponi sanzjoni, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala atti istruttorji jew bħala proċedimenti legali fis-sens tat-tielet [sub]paragrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament […] Nru 2988/95, […]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
29 Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju fil-verità ssaqsi jekk l‑Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 japplikawx b’tali mod li sanzjonijiet amministrattivi fis-sens ta’ dan ir-regolament jistgħu jiġu imposti abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet waħedhom.
30 SGS Belgium, Firme Derwa kif ukoll il-Gvern Awstrijak essenzjalment isostnu li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma għandhomx effett dirett sa fejn sanzjonijiet amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq kategoriji differenti ta’ atturi involuti fil-proċess ta’ verifika tar-regolarità u tal-legalità tal-ħlasijiet miksuba mill-baġit tal-Unjoni biss jekk regoli settorjali tal-Unjoni li jiddefinixxu t-tip ta’ sanzjoni u l-kategorija ta’ atturi kkonċernati kienet fis-seħħ meta seħħet l‑irregolarità. F’dan ir-rigward huma jsostnu li tali regoli settorjali ma kinitx teżisti meta seħħew l-esportazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza.
31 Min-naħa l-oħra l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li, meta kategorija ta’ atturi tkun għadha ma hijiex is-suġġett ta’ regoli settorjali tal-Unjoni bħar-Regolament Nru 3365/87 fir-rigward tar-rifużjonijiet indebitament riċevuti mill-esportaturi benefiċjarji, l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95, inkwantu jipprovdu, b’mod ġenerali, li sanzjoni amministrattiva tista’ tiġi applikata fil-konfront ta’ atturi oħra minbarra l-benefiċjarju tar-rifużjonijiet fuq l‑esportazzjoni, huma direttament applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 288(2) TFUE.
32 F’dan ir-rigward, kemm minħabba n-natura tagħhom, kif ukoll minħabba l‑funzjoni tagħhom fl-iskema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolamenti għandhom, ġeneralment, effett immedjat fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali mingħajr ma jkun meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jieħdu miżuri ta’ applikazzjoni (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1972, Leonesio, 93/71, Ġabra p. 287, punt 5, u tal-24 ta’ Ġunju 2004, Handlbauer, C‑278/02, Ġabra p. I‑6171, punt 25) jew mingħajr ma jkun meħtieġ li l-leġiżlatur tal-Unjoni jadotta leġiżlazzjoni addizzjonali.
33 Madankollu, uħud mid-dispożizzjonijiet ta’ regolament jistgħu jeħtieġu, sabiex jiġu implementati, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ applikazzjoni (ara f’dan is-sens, is‑sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, Monte Arcosu, C‑403/98, Ġabra p. I‑103, punt 26), jew min-naħa tal-Istati Membri jew inkella mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu.
34 Dan jgħodd ukoll, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fir-rigward tas-sanzjonijiet amministrattivi imposti fuq id-diversi kategoriji ta’ atturi identifikati fir-Regolament Nru 2988/95.
35 Fil-fatt, fir-rigward tal-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk ikkawżati b’negliġenza, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jillimita ruħu li jipprovdi li dawn “jistgħu” jwasslu għal uħud mis-sanzjonijiet amministrattivi elenkati f’dan l‑artikolu, filwaqt li, fir-rigward tal-kategoriji ta’ atturi li jistgħu jkunu suġġetti għal tali sanzjonijiet, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprovdi li l‑imsemmija sanzjonijiet “jistgħu” jiġu applikati mhux biss għall-operaturi ekonomiċi li wettqu l-irregolarità iżda wkoll għall-persuni li ħadu sehem fit-twettiq tal-irregolarità kif ukoll għal dawk li huma fid-dover li jieħdu r‑responsabbiltà għall-irregolarità jew li jiżguraw li din ma ssirx.
36 Għalhekk, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu r-regoli ġenerali ta’ verifiki u ta’ sanzjonijiet bil-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening, C‑383/06 sa C‑385/06, Ġabra p. I‑1561, punt 39). B’mod partikolari, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma jiddeterminaw b’mod preċiż la liema mis-sanzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 għandha tiġi applikata fil-każ ta’ irregolarità li tikkawża dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u lanqas il‑kategorija ta’ atturi li għandha tkun suġġetta għal tali sanzjoni f’każ bħal dan.
37 F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll, minn naħa, li mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2988/95, u b’mod partikolari mill-paragrafu 3 tiegħu moqri flimkien mal-ħames u t-tmien premessa ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li huwa l‑leġiżlatur tal-Unjoni li għandu jipprovdi regoli settorjali li jistabbilixxu sanzjonijiet amministrattivi, bħal dawk li kienu diġà jeżistu meta ġie adottat l‑imsemmi regolament fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mis-seba’ premessa tal-istess regolament, dan tal-aħħar jistabbilixxi regoli ġenerali applikabbli għal tali regoli settorjali.
38 Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2988/95 jirriżulta li, bla ħsara għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-verifiki kif ukoll il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi previsti minn din il‑leġiżlazzjoni għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet tal-Istati Membri.
39 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat ukoll li għalkemm huwa ċertament minnu li l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi, skont il-prinċipju nulla poena sine lege, li ebda sanzjoni amministrattiva ma tista’ tiġi imposta sakemm din ma tkunx ġiet ipprovduta minn att tal-Unjoni preċedenti għall-irregolarità.
40 Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 325 TFUE, l-Istati Membri għandhom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li jikkawżaw dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l‑frodi li jikkawżaw dannu lill-interessi tagħhom stess. Konsegwentement u fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolament Nru 2988/95, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx adotta regoli settorjali intiżi li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni mill-aġir ta’ ċerti atturi, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet f’dan il-qasam u fil-konfront tal-imsemmija atturi sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ikunu neċessarji għall-ġlieda kontra l-frodi u sakemm josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dak tal-proporzjonalità, kif ukoll ir-regoli ġenerali stabbiliti fl-imsemmi regolament u f’eventwali regoli settorjali tal-Unjoni eżistenti fir-rigward ta’ atturi oħrajn.
41 Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tkun tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika li tipprovdi għal sanzjoni fil-każ li din tinkiser jew meta tali leġiżlazzjoni tipprovdi li ċerti sanzjonijiet jistgħu jiġu applikati fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda ma tiffissax b’mod eżawrjenti s-sanzjonijiet li l‑Istati Membri jistgħu jimponu, l-Artikolu 4(3) TUE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu kull miżira xierqa sabiex jissanzjonaw aġiri li jikkawżaw dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punt 23, kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 1999, Nunes u de Matos, C‑186/98, Ġabra p. I‑4883, punti 12 u 14).
42 Barra minn hekk, huwa inkompatibbli mal-għanijiet imfittxa bl-Artikolu 325 TFUE, li jimponi kemm fuq l-Unjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri tagħha l-obbligu li jikkumbattu l-frodi u l-irregolaritajiet li jikkawżaw dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li l-azzjoni tal-Istati Membri fil-konfront ta’ kategorija ta’ atturi li għadha ma hijiex is-suġġett ta’ regoli settorjali adottati fuq livell tal-Unjoni tiġi limitata. Fil-fatt, sabiex il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-unjoni tkun effettiva, huwa imperattiv li d-dissważjoni u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet l-oħra joperaw fuq kull livell fejn dawn l-interessi jistgħu jiġu affettwati minn tali fenomeni, b’mod partikolari għaliex dawn it-tipi ta’ fenomeni ta’ spiss ikunu jimplikaw atturi li jkunu jinsabu f’livelli differenti (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BEI, C‑15/00, Ġabra p. I‑7281, punt 135). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan jgħodd ukoll għar-rwol li l-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza għandhom fir-regolarità tal-ħlasijiet ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
43 Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma japplikawx b’tali mod li sanzjoni amministrattiva tista’ tiġi imposta abbażi ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet waħedhom peress li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni teħtieġ li, preċedentement għat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, jew, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta regoli settorjali li jiddefinixxu tali sanzjoni u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha għal din il-kategorija ta’ persuni, jew inkella, jekk ikun il-każ, fejn tali regoli jkunu għadhom ma ġewx adottati fuq livell tal-Unjoni, li d-dritt tal-Istat Membru fejn twettqet din l‑irregolarità jkun ipprovda għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront tal-imsemmija kategorija ta’ persuni.
Fuq it-tieni domanda
44 Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment issaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-regoli settorjali tal-Unjoni kienu għadhom ma jipprovdux l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effikaċi fil-każijiet fejn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru ħarġet ċertifikati foloz, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprekludix lill-Istati Membri milli, abbażi ta’ miżuri nazzjonali, japplikaw sanzjoni fil-konfront ta’ din l-aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” jew mill-persuni li huma “fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà” għal din l-irregolarità jew saħansitra mill-persuni li huma fid-dover li “jiżguraw li din ma ssirx” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
45 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta toħroġ ċertifikat falz ta’ ħatt jew ta’ rilaxx għall-konsum fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 3665/87, ċertifikat li jippermetti li esportatur jibbenefika indebitament minn rifużjoni fuq l‑esportazzjoni, aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru tista’ tiġi kkunsidrata bħala waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 u għaldaqstant tista’ tkun suġġetta għal miżuri jew sanzjonijiet amministrattivi fis-sens ta’ dan ir‑regolament. Tali aġenzija tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala persuna fid-dover li tieħu r-responsabbiltà għall-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kemm ’il darba d-dritt nazzjonali jipprovdi li din l-aġenzija hija responsabbli għal konsegwenzi finanzjarji ta’ ċertifikati maħruġa minnha.
46 Madankollu, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni, huwa neċessarju li regoli settorjali tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ tali regoli, leġiżlazzjoni nazzjonali, ikunu pprovdew għall-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva għal din il-kategorija ta’ atturi.
47 Issa, meta seħħew l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-dritt tal-Unjoni ma kienx jinkludi regoli settorjali fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95 li jirregolaw speċifikatament is-sanzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti fil-konfront ta’ atti li jikkawżaw dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jirriżultaw mill-ħruġ, min-naħa ta’ tali aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza, ta’ ċertifikati foloz ta’ ħatt u rilaxx għall-konsum.
48 Fil-fatt, kien biss wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1253/2002, tal-11 ta’ Lulju 2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 800/1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet għall-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36 p. 189), li l-Artikolu 16c ta’ dan l-aħħar regolament issa jipprovdi “[l]-Istati Membri li approvaw AS għandhom jipprovdu għal sistema effettiva ta’ sanzjonijiet għal każijiet fejn AS approvata tkun ħarġet ċertifikat falz”.
49 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87 kien jipprovdi regoli preċiżi fir-rigward tal-irkupru mingħand l-esportatur ta’ rifużjonijiet fuq l‑esportazzjoni indebitament irċevuti minn dan tal-aħħar, flimkien mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni, normalment meta l-esportatur kiseb tali vantaġġ indebitu billi intenzjonalment ipprovda data falza, kif ukoll sanzjonijiet supplimentari li jistgħu jiġu previsti mid-dritt nazzjonali. Konsegwentement, fil-kawża prinċipali, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-awtoritajiet nazzjonali setgħux jirrinunċjaw għall-irkupru tar-rifużjoni mingħand l-esportatur, u għall-applikazzjoni, fil-konfront ta’ dan tal-aħħar, ta’ sanzjoni amministrattiva, billi ppreferew jaġixxu kontra aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza li skont id-dritt nazzjonali hija responsabbli in solidum għall-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw miċ-ċertifikati maħruġa minnha.
50 Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija mill-baġit tal-Unjoni fil-kuntest tal-fondi strutturali u tal-politika agrikola komuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull eżerċizzju, mill-Istat Membru, ta’ setgħa ta’ diskrezzjoni fuq l-opportunità li jeżiġi jew le r-rifużjoni tal-għajnuna indebitament jew illegalment mogħtija huwa inkompatibbli mal-obbligi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli f’dawn is‑setturi timponi fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali li jirkupraw l-għajnuna indebitament jew illegalment mogħtija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1983, Deutsche Milchkontor et., 205/82 sa 215/82, Ġabra p. 2633, punt 22, kif ukoll Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
51 Dan jgħodd ukoll, bħala prinċipju, fir-rigward tal-obbligu li l-Istati Membri għandhom li jirkupraw mingħand l-esportaturi r-rifużjonijiet indebitament irċevuti minnhom, obbligu previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nrunt 3665/87, u li jimponu s-sanzjoni prevista fil-punti a) jew b) tal-Artikolu 11(1) kif ukoll eventwali sanzjonijiet supplimentari previsti mid-dritt nazzjonali.
52 Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1253/2002, għalkemm huwa ċertament minnu li l-Istati Membri ma kinux fid-dover li jipprovdu, fil-każ ta’ restituzzjoni indebita rċevuta minn esportatur, sanzjonijiet fil-konfront ta’ aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat falz. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Isati Membri, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 40 ta’ din is‑sentenza, milli jżommu jew jadottaw, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi fil-konfront ta’ din il-kategorija ta’ atturi li ġew inkarigati mill-Unjoni sabiex jikkolabboraw fl-ivverifikar tar-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni li jibbenefikaw minn rifużjonijiet mogħtija mill-baġit tal-Unjoni. Mill-bqija, tali dispożizzjonijiet sempliċement antiċipaw l‑obbligu li l-Istati Membri llum il-ġurnata għandhom taħt l-Artikolu 16c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25 p. 129) kif emendat bir-Regolament Nru 1253/2002.
53 Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u bla ħsara għall-konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju tal-applikazzjoni tad-Digriet Irjali tal-4 ta’ Jannar 1985 imsemmi fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, fin-nuqqas ta’ regoli settorjali tal-Unjoni applikabbli ratione temporis għall-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza, l-Istati Membri setgħu jipprovdu li dawn l-aġenziji kellhom jinżammu responsabbiltà in solidum, flimkien mal-esportatur, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni li ħadu sehem fit-twettiq tal-irregolarità jew ta’ persuni fid-dover li jieħdu r-responsabbiltà għaliha, fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw mill-ħruġ min-naħa tagħhaom ta’ ċertifikati ta’ ħatt u ta’ rilaxx għall-konsum li ppermettew li dan l-esportatur jibbenefika indebitament minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni bi ħsara għal baġit tal-Unjoni.
54 Fil-kawża prinċipali, madankollu jidher li l-awtoritajiet nazzjonali qed jipprovaw, minn naħa, jirkupraw l-ammont tar-restituzzjoni indebita mingħand SGS Belgium, u, min-naħa l-oħra, japplikaw fil-konfront ta’ din l-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fil-punt b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 u li normalment jiġu applikati fil-konfront tal-esportatur, u dan billi jinvokaw l-effett dirett tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 u l-eżistenza fid-dritt nazzjonali ta’ responsabbiltà in solidum ta’ tali aġenzija flimkien mal-esportatur. B’mod partikolari, l-BIRB jikkunsidra li l-fatt li l-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali intenzjonalment ħarġet ċertifikat żbaljat jippermetti li jiġi kkunsidrat li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fil-punt b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 kienu sodisfatti. Madankollu, sussidjarjament, quddiem il-qorti tar-rinviju l-BIRB isostni wkoll li, anki jekk ma tiġi kkonstatata l-ebda intenzjoni frawdolenta, SGS Belgium għandha tiġi kkundannata minn tal-inqas għall-ħlas tas-sanzjoni prevista fil-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament.
55 F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-irkupru tar-rifużjoni indebitament riċevuta, kif ġie kkonstatat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, dan għandu jsir mingħand l-esportatur li bbenefika indebitament minn tali rifużjoni.
56 Fir-rigward tal-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fil-punt b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmi regolament, għandu neċessarjament jiġi osservat li din tista’ tiġi applikata biss meta “l-esportatur ikun, intenzjonalment, ipprovda data falza”. Konsegwentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda espliċitament li dan ir-rekwiżit għandu jkun sodifatt biss fi ħdan l‑esportatur.
57 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk, fil-kawża prinċipali, jirriżulta li l-esportatur ma kienx jaf bil-karattru żbaljat taċ-ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum li nħareġ intenzjonalment mill-aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-esportatur, intenzjonalment, ipprovda data falza fis-sens tal-punt b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87, bil-konsegwenza li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata fil-konfront tal-esportatur u lanqas, skont ir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà in solidum, fil-konfront tal-imsemmija aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza.
58 Min-naħa l-oħra, f’sitwazzjoni bħal din, is-sanzjoni prevista fil-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 tista’ tiġi applikata. Fil-fatt, din hija applikabbli anki meta l-esportatur ma kkommettiex tort (ara s‑sentenza tal-24 ta’ April 2008, AOB Reuter, C‑143/07, Ġabra p. I‑3171, punt 17).
59 F’dan ir-rigward, minn naħa, huma biss l-operaturi li talbu li jibbenefikaw mir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni li, bħala prinċipju, jistgħu jkunu suġġetti għall-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni meta jirriżulta li l-informazzjoni pprovduta minn tali operaturi insostenn tal-applikazzjoni tagħhom hija żbaljata. Min-naħa l-oħra, sa fejn jeżisti riskju reali li l-esportatur, li normalment huwa l-aħħar ħolqa ta’ katina kuntrattwali ta’ xiri ta’ merkanzija sabiex terġa’ tinbiegħ, jista’ jevita r‑responsabbiltà marbuta mal-ineżattezza tad-dikjarazzjoni tiegħu minħabba l‑eventwalità ta’ żball, ta’ negliġenza jew ta’ frodi li seħħew iktar ’il fuq f’din il‑katina, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87 jimponilu r-responsabbiltà, taħt piena ta’ sanzjonijiet, għall-eżattezza tad-dikjarazzjoni tiegħu (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C‑210/00, Ġabra p. I‑6453, punti 42, 61 u 62). Fil-fatt, dan l-esportatur għandu l‑libertà tal-għażla fir-rigward tal-kontraenti tiegħu u huwa hu li għandu jieħu l‑prekawzjonijiet xierqa, jew biż-żieda ta’ klawżoli f’dan is-sens fil-kuntratti li jikkonkludi ma’ dawn tal-aħħar, jew inkella billi jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni speċifiku (sentenza AOB, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
60 Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-esportatur jikseb rifużjoni fuq l-esportazzjoni permezz ta’ ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandu jinħareġ minn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza, u fejn jirriżulta li, mingħajr l-għarfien ta’ dan l-esportatur, din l-aġenzija ħarġet ċertifikat falz li jippermetti li l-assiguratur li jkopri r-riskji inerenti tal-operazzjoni ta’ esportazzjoni ma jikkumpensax telf marbut man-nuqqas ta’ twettiq ta’ din l‑operazzjoni, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 3665/87 ma jipprekludix li, skont dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi għar-responsabbiltà in solidum tal-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw miċ-ċertifikati stabbiliti minnha, l-awtorità nazzjonali tiddeċiedi li tirkupra mingħand din l-aġenzija l-ammonti li jirriżultaw mill-applikazzjoni fil-konfront tal-esportatur tas-sanzjoni prevista fil-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1).
61 Madankollu, għandu jiġi osservat li sanzjoni, anki jekk mhux ta’ natura kriminali, tista’ tiġi imposta biss jekk din hija msejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (ara s-sentenzi, tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland‑Stärke, C‑110/99, Ġabra p. I‑11569, punt 56; Käserei Champignon Hofmeister, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, kif ukoll, tas-6 ta’ April 2006, ED & F Man Sugar, C‑274/04, Ġabra p. I‑3269, punt 15).
62 Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-regoli settorjali tal-Unjoni kienu għadhom ma jipprovdux l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effikaċi fil-każ fejn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru ħarġet ċertifikati foloz, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw sanzjoni fil-konfront ta’ din l-aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” jew mill-persuni li huma “fid-dover li jieħdu r‑responsabbiltà” għal din l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu dejjem sakemm l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni tkun imsejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
Fuq it-tielet domanda
63 Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il‑komunikazzjoni, lill-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum għal operazzjoni ta’ esportazzjoni, ta’ rapport ta’ investigazzjoni li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità inkonnessjoni ma’ din l-operazzjoni, il-preżentazzjoni lil din l-aġenzija ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali bil-għan li tiġi investigata r-realtà tar-rilaxx għall-konsum kif ukoll l-ittra rreġistrata li timponi sanzjoni fuq l-imsemmija aġenzija talli ħadet sehem fit-twettiq ta’ irregolarità, jikkostitwixxux atti nnotifikati lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji relatati mal-irregolarità fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.
64 Fiċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ regoli settorjali tal-Unjoni li jipprovdu għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ aġenziji internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħadu sehem fit-twettiq ta’ irregolarità li kkawżat dannu għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fil-punt a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 3665/87 fil-konfront ta’ tali aġenzija, minħabba li d-dritt nazzjonali jipprovdi għal responsabbiltà in solidum ta’ din l‑aġenzija flimkien mal-esportatur, taqa’ taħt l-għażla u d-diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ ġlieda kontra l-frodi. Madankollu, f’tali każ, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll ir-regoli ġenerali stabbilit fir-Regolament Nru 2988/95 u f’eventwali regoli settorjali tal-Unjoni eżistenti fir-rigward ta’ atturi oħrajn.
65 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-amministrazzjoni nazzjonali tiddeċiedi li tapplika b’dan il-mod tali sanzjoni fil-konfront ta’ aġenzija ta’ kontroll u sorveljanza, minħabba li d-dritt nazzjonali jipprovdi għal responsabbiltà in solidum ta’ din tal-aħħar flimkien mal-esportatur, tali azzjoni hija koperta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2988/95.
66 Peress li r-Regolament Nru 3665/87 ma jipprovdix għal regoli dwar il‑preskrizzjoni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni indebitament irċevuti, għandu jsir riferiment għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 (sentenza, tal-15 ta’ Jannar 2009, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, Ġabra p. I‑91, punt 16), ladarba din id-dispożizzjoni hija direttament applikabbli fl-Istati Membri, inkluż fil-qasam tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli, fin-nuqqas ta’ regoli settorjali tal-Unjoni li jipprovdu terminu iqsar, iżda mhux ta’ inqas minn tliet snin, jew ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi terminu ta’ preskrizzjoni itwal (sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
67 Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, il‑preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji hija interrotta b’kull att tal-awtorità kompetenti, notifikat lill-persuna inkwistjoni, u li jirrigwarda l‑investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjoni ġudizzjarja relatata mal-irregolarità. Barra minn hekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri b’effett min-kull att li jinterrompi.
68 Ġeneralment, it-termini ta’ preskrizzjoni jaqdu l-funzjoni li tiġi ggarantita ċ‑ċertezza legali. Tali funzjoni ma tkunx sodisfatta kompletament jekk it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95 ikun jista’ jiġi interrott b’kull att ta’ kontroll, ta’ natura ġenerika, tal-amministrazzjoni nazzjonali li ma jkunx relatat ma’ suspetti ta’ irregolaritajiet rigward operazzjonijiet li jkunu ċirkoskritti bi preċiżjoni suffiċjenti (ara s-sentenza Handlbauer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).
69 Madankollu, meta l-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu lil persuna rapport li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità, li għaliha kienet ikkontribwiet din il-persuna, inkonnessjoni ma’ operazzjoni speċifika, jew meta jitolbuha informazzjoni addizzjonali dwar din l-operazzjoni jew saħansitra japplikaw, fil-konfront ta’ din il-persuna, sanzjoni inkonnessjoni mal-imsemmija operazzjoni, dawn ikunu qegħdin jadottaw atti suffiċjentement preċiżi li jirrigwarda l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjoni ġudizzjarja relatata mal-irregolarità fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95.
70 Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-komunikazzjoni, lill-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum għal operazzjoni ta’ esportazzjoni speċifika, ta’ rapport ta’ investigazzjoni li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità inkonnessjoni ma’ din l-operazzjoni, il-preżentazzjoni lil din l-aġenzija ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali bil-għan li tiġi investigata r-realtà tar-rilaxx għall-konsum kif ukoll l‑ittra rreġistrata li timponi sanzjoni fuq l-imsemmija aġenzija talli ħadet sehem fit-twettiq tal-irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jikkostitwixxu atti suffiċjentement preċiżi nnotifikati lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji relatati mal-irregolarità, li, konsegwentement, jinterrompu l-preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, ma japplikawx b’tali mod li sanzjoni amministrattiva tista’ tiġi imposta abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet waħedhom peress li, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront ta’ kategorija ta’ persuni teħtieġ li, preċedentement għat-twettiq tal-irregolarità inkwistjoni, jew, il-leġiżlatur tal-Unjoni jkun adotta regoli settorjali li jiddefinixxu tali sanzjoni u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha għal din il-kategorija ta’ persuni, jew inkella, jekk ikun il-każ, fejn tali regoli jkunu għadhom ma ġewx adottati fuq livell tal-Unjoni, li d-dritt tal-Istat Membru fejn twettqet din l-irregolarità jkun ipprovda għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva fil-konfront tal-imsemmija kategorija ta’ persuni.
2) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ir-regoli settorjali tal-Unjoni kienu għadhom ma jipprovdux l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu sanzjonijiet effikaċi fil-każ fejn aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza approvata minn Stat Membru ħarġet ċertifikati foloz, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2988/95 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw sanzjoni fil-konfront ta’ din l-aġenzija fil-kwalità tagħha ta’ waħda mill-persuni li “ħadu sehem fl-irregolarità” jew mill-persuni li huma “fid-dover li jieħdu r‑responsabbiltà” għal din l-irregolarità fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, madankollu dejjem sakemm l-applikazzjoni ta’ tali sanzjoni tkun imsejsa fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
3) F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il‑komunikazzjoni, lill-aġenzija internazzjonali ta’ kontroll u sorveljanza li ħarġet ċertifikat ta’ rilaxx għall-konsum għal operazzjoni ta’ esportazzjoni speċifika, ta’ rapport ta’ investigazzjoni li minnu jirriżulta li kien hemm irregolarità inkonnessjoni ma’ din l-operazzjoni, il-preżentazzjoni lil din l-aġenzija ta’ talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali bil-għan li tiġi investigata r-realtà tar-rilaxx għall-konsum kif ukoll l-ittra rreġistrata li timponi sanzjoni fuq l‑imsemmija aġenzija talli ħadet sehem fit-twettiq tal-irregolarità fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95, jikkostitwixxu atti suffiċjentement preċiżi nnotifikati lill-persuna inkwistjoni u li jirrigwardaw l-investigazzjoni jew it-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji relatati mal-irregolarità, li, konsegwentement, jinterrompu l‑preskrizzjoni tal-azzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż