Kawża C-203/09

Volvo Car Germany GmbH

vs

Autohof Weidensdorf GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Direttiva 86/653/KEE — Aġenti kummerċjali indipendenti — Xoljiment tal-kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal — Dritt tal-aġent għal kumpens”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti

(Artikolu 267 TFUE)

2.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Aġenti kummerċjali indipendenti — Direttiva 86/653

(Direttiva tal-Kunsill 86/653, Artikolu 17(2)(a))

3.        Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Aġenti kummerċjali indipendenti — Direttiva 86/653

(Direttiva tal-Kunsill 86/653, Artikolu 18(a))

1.        Peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. La mit-termini tal-Artikolu 267 TFUE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn dan l‑Artikolu ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat kellhom l-intenzjoni jeskludu, mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ partikolari fejn id‑dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta’ din id‑dispożizzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l-Istat. Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta, għal sitwazzjonijiet purament interni, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata d‑diskriminazzjoni jew distorsjoni eventwali tal-kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati d-diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal‑Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ-ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw.

Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-direttiva li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħha ma tirregolax direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni, iżda tiġi applikata għas-sitwazzjoni b’analoġija abbażi tal-ġurisprudenza nazzjonali.

(ara l-punti 10, 24-26)

2.        B’mod konformi mat-tieni inċiż tal-Artikolu 17(2)(a) tad-Direttiva 86/653, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens jekk u sa fejn il-ħlas ta’ dan il-kumpens ikun ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-aġir tal-aġent imsemmi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita n-natura ekwa tal-kumpens tiegħu.

(ara l-punt 44)

3.        L-Artikolu 18(a) tad-Direttiva 86/653, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, jipprekludi li aġent kummerċjali indipendenti jiċċaħħad mill-kumpens għall-klijentela tiegħu meta l-prinċipal jistabbilixxi li kien hemm nuqqas min-naħa tal-aġent kummerċjali, li jkun seħħ wara n-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt permezz ta’ notifika u qabel ma jintemm, li kien tali li jiġġustifika xoljiment immedjat tal-kuntratt inkwistjoni.

(ara l-punt 45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla)

28 ta’ Ottubru 2010(*)

“Direttiva 86/653/KEE – Aġenti kummerċjali indipendenti – Xoljiment tal‑kuntratt ta’ aġenzija mill-prinċipal – Dritt tal-aġent għal kumpens”

Fil-Kawża C‑203/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Volvo Car Germany GmbH

vs

Autohof Weidensdorf GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L‑Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, J.‑J. Kasel, A. Borg Barthet, E. Levits u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Volvo Car Germany GmbH, minn J. Kummer u P. Wassermann, avukati,

–        għal Autohof Weidensdorf GmbH, minn J. Breithaupt, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller kif ukoll minn J. Kemper u S. Unzeitig, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Ġunju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il‑koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177, iktar ’il quddiem id-“direttiva”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Autohof Weidensdorf GmbH (iktar ’il quddiem “AHW”) u Volvo Car Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Volvo Car”) dwar talba għal kumpens minn AHW, kif ukoll pretensjoni ta’ drittijiet għall-ħlas minħabba noti ta’ kreditu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Bis-saħħa tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan‑nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.”

4        Mill-Artikolu 16 tad-Direttiva jirriżulta li:

“Xejn f’din id-Direttiva m’għandu jaffettwa l-applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Istati Membri meta dawn ta’ l-aħħar jipprovdu għat-terminu immedjat tal-kuntratt ta’ l‑aġenzija:

a)      minħabba n-nuqqas ta’ parti waħda li twettaq l-obbligi kollha jew inparti tiegħu;

b)      meta jitqajmu ċirkostanzi eċċezzjonali.”

5        L-Artikolu 17 tad-direttiva msemmija jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l‑aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkumpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.      a)     L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

–        ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b’mod sinfikanti l-volum tan-negozju ma’ klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa’ jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma’ dawn il-klijenti, u

–        il-ħlas ta’ dan l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b’mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma’ dawk il-klijenti. […]”

6        L-Artikolu 18 tad-Direttiva jipprovdi:

“L-indennizz jew il-kumpens imsemmija fl-Artikolu 17 m’għandhomx ikunu pagabbli:

a)      meta l-prinċipal ikun ittermina l-kuntratt ta’ l-aġenzija minħabba nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li kien jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt ta’ l-aġenzija skond il-liġi nazzjonali;

b)      meta l-aġent kummerċjali jkun ittermina l-kuntratt ta’ aġenzija, sakemm din it-terminazzjoni ma tkunx iġġustifikata b’ċirkostanzi li jistgħu jkunu attribwiti lill-prinċipal fuq bażi ta’ età, nuqqas ta’ saħħa jew mard ta’ l-aġent kummerċjali b’konsegwenza ma jkunx jista raġonevolment ikun meħtieġ li jkompli bl-attivitajiet tiegħu;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 19 ta’ din id-direttiva:

“Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali qabel ma l-kuntratt ta’ l-aġenzija jiskadi.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Skont l-Artikolu 89a tal-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż (Handelsgesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“HGB”):

“(1) Kull parti tista’ xxolji l-kuntratt minħabba motiv serju mingħajr ma tosserva t-terminu ta’ notifika. Dan id-dritt la jista’ jiġi eskluż u lanqas limitat. […]”

9        L-Artikolu 89b tal-HGB jittrasponi l-Artikoli 17 sa 19 tad-Direttiva. Din id‑dispożizzjoni nazzjonali, kif ifformulata fiż-żmien li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, tipprovdi dan li ġej:

“(1) Wara tmiem il-kuntratt, l-aġent kummerċjali jista’ jeżiġi mingħand il‑prinċipal kumpens xieraq meta, u sa fejn,

1.      il-prinċipal jikseb, anki wara tmiem il-kuntratt, benefiċċji sostanzjali mir‑relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ klijenti ġodda avviċinati mill-aġent kummerċjali,

2.      minħabba tmiem il-kuntratt, l-aġent kummerċjali jitlef id-dritt tiegħu għall-kummissjoni li kieku kien jieħu, f’każ li jfittixha, għal tranżazzjonijiet konklużi jew li se jiġu konklużi ma’ klijenti li huwa jkun avviċina, u

3.      il-pagament ta’ kumpens għandu jkun ġust, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha.

Jekk l-aġent kummerċjali jkun espanda l-volum tan-negozju tiegħu ma’ klijent eżistenti b’mod tant sinjifikanti li, f’termini kummerċjali, huwa ekwivalenti għall-akkwist ta’ klijent ġdid, hu jitqies daqs li kieku ġab klijent ġdid.

[…]

(3)      Dan il-kumpens ma għandux ikun pagabbli meta

1.      l-aġent kummerċjali jkun xolja l-kuntratt, ħlief jekk l-aġir tal-prinċipal kien ir-raġuni ġustifikata għal dan jew jekk l-aġent kummerċjali ma jistax jinħtieġ ikompli bl-attività tiegħu minħabba l-età jew minħabba mard, jew

2.      il-prinċipal xolja l-kuntratt u jekk hemm motiv serju għax-xoljiment marbut ma’ aġir żbaljat tal-aġent kummerċjali […]”

10      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof, imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet dwar il-kumpens tal-aġent kummerċjali previsti fl‑Artikolu 89b tal-HGB għandhom jiġu applikati b’analoġija ma’ kuntratt ta’ konċessjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hekk kif jirriżulta mill‑ġurisprudenza msemmija, motiv serju li jiġġustifika d-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt mingħajr dewmien għandu jkun eżista biss b’mod oġġettiv fil-mument tad-deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt. F’każ li l-aġent kummerċjali jkun responsabbli, qabel it-tmiem previst tal-kuntratt, minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li kien jiġġustifika xoljiment mingħajr notifika, il-ġurisprudenza tal‑Bundesgerichtshof tawtorizza anki lill-prinċipal li jkun ħa d-deċiżjoni li jtemm il-kuntratt wara notifika, li jiddeċiedi jew li jxolji mill-ġdid il-kuntratt mingħajr notifika fil-każ li jkun sar jaf b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel it‑tmiem tan-notifika jew li jagħmel użu mill-imsemmi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu biex jirrifjuta kull kumpens f’każ li l-prinċipal ikun sar jaf b’dan in‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu biss wara t-tmiem previst tal-kuntratt.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Ġie konkluż kuntratt ta’ konċessjoni bejn Volvo Car (il-konċedenti) u AHW (il‑konċessjonarja). Fl-istess ħin, il-maniġers ta’ AHW kienu joperaw, flimkien ma’ maniġer antik ta’ AHW, il-kumpannija Autovermietung Weidensdorf GbR (iktar ’il quddiem “AVW”). Din tal-aħħar kienet stabbiliet, permezz ta’ kumpannija oħra, relazzjonijiet kummerċjali ma’ Volvo Car irregolati permezz ta’ “ftehim qafas għal klijenti kbar” li kien jirrigwarda tnaqqis eċċezzjonali fil‑prezzijiet waqt il-kunsinna ta’ vetturi Volvo ġodda. Skont dan il-ftehim qafas, AVW kienet tixtri l-vetturi mingħand AHW filwaqt li kienet tibbenefika mit‑tnaqqis miftiehem. Biex tagħmel dan, AHW kienet qed tirċievi kontribuzzjonijiet finanzjarji mingħand Volvo Car.

12      B’ittra tas-6 ta’ Marzu 1997, Volvo Car ħabbret id-deċiżjoni tagħha li fil-31 ta’ Marzu 1999 itemm il-kuntratt ta’ konċessjoni.

13      Matul il-perijodu bejn April 1998 u Lulju 1999, inbigħu mill-ġdid qabel iż-żmien 28 vettura li AVW kienet xtrat mingħand AHW, bi ksur tal-kuntratt ta’ konċessjoni. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, hemm preżunzjoni, fil‑kuntest tal-proċedura ta’ “Stħarriġ”, li Volvo Car saret taf b’dan il-fatt biss wara t-tmiem tal-kuntratt ta’ konċessjoni.

14      Sussegwentement, billi qieset li l-Artikolu 89b tal-HGB japplika għall-kuntratt ta’ konċessjoni, fir-rikors tagħha mressaq kontra Volvo Car, AHW talbet kumpens għall-klijentela u għamlet pretensjoni ta’ drittijiet għall-ħlas minħabba noti ta’ kreditu. Volvo Car tikkunsidra li l-Artikolu 89b(3)(2) tal-HGB jipprekludi lil AHW milli titlob kumpens. Hija tqis li AHW kisbet kontribuzzjonijiet li ma kellhiex dritt għalihom sa fejn, b’aġir miftiehem flimkien ma’ AVW, ma osservatx it-terminu ta’ żamma miftiehem fil-kuntratt. Huwa stabbilit, fil-kuntest tal-proċedura ta’ “Stħarriġ” li wasslet għal dan ir-rinviju preliminari, li b’dan l‑aġir, AHW naqset mill-obbligi tagħha skont il-kuntratt ta’ konċessjoni konkluż ma’ Volvo Car. Konsegwentement, Volvo Car kellha d-dritt li ttemm dan il‑kuntratt minnufih li kieku din saret taf b’dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu qabel it-tmiem ta’ dan il-kuntratt.

15      Il-Landgericht laqgħet it-talbiet ta’ AHW għal ammont li ma jaqbiżx EUR 180 159.46 fir-rigward tal-kumpens għall-klijentela u b’mod totali fir‑rigward tan-noti ta’ kreditu, flimkien mal-imgħax fiż-żewġ każijiet.

16      L-Oberlandesgericht bidlet parzjalment is-sentenza tal-ewwel istanza fuq l-appell ta’ Volvo Car fir-rigward tal-ammont tal-kumpens u tan-noti ta’ kreditu. Din il‑qorti ta’ appell ikkunsidrat li AHW kellha dritt għal kumpens fil-konfront ta’ Volvo Car skont applikazzjoni per analogia tal-Artikolu 89b(1) tal-HGB. L‑Oberlandesgericht qieset li l-Artikolu 89b(3)(2) tal-HGB kellu jiġi interpretat skont l-Artikolu 18(a) tad-Direttiva. Konsegwentement, skont din il-qorti, motiv serju kellu jkun il-kawża tad-deċiżjoni tal-prinċipal li jtemm il-kuntratt sabiex l‑aġent kummerċjali jkun miċħud mid-dritt tiegħu għal kumpens.

17      Volvo Car ressqet talba għal “Stħarriġ” tas-sentenza mogħtija mill‑Oberlandesgericht. Il-qorti tar-rinviju qieset li s-soluzzjoni tal-kawża kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(a) tad-Direttiva.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 18(a) tad-Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-aġent kummerċjali mhuwiex intitolat għal kumpens, lanqas fil-każ ta’ xoljiment ordinarju mill‑prinċipal, fil-każ li eżistiet, fid-data tax-xoljiment ordinarju, raġuni serja ta’ xoljiment immedjat tal-kuntratt minħabba aġir żbaljat tal-aġent kummerċjali, iżda li din ir-raġuni ma kinitx il-kawża tax-xoljiment?

2)      Jekk tali leġiżlazzjoni nazzjonali hija kompatibbli mad-Direttiva:

L-Artikolu 18(a) tad-Direttiva jipprekludi applikazzjoni b’analoġija tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-esklużjoni tad-dritt għal kumpens fil-każ fejn kien hemm raġuni serja għax-xoljiment mingħajr notifika minħabba aġir żbaljat tal-aġent kummerċjali seħħ biss wara l-għoti tan-notifika tax‑xoljiment ordinarju u li l-prinċipal sar jaf b’din ir-raġuni biss wara t‑tmiem tal-kuntratt, b’tali mod li ma kellux iktar il-possibbiltà li jagħti notifika oħra ta’ xoljiment immedjat tal-kuntratt ibbażata fuq aġir żbaljat tal‑aġent kummerċjali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari


 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

19      Volvo Car tqis li r-rinviju preliminari huwa inammissibbli. Fil-fatt, is-suġġett tal‑kawża prinċipali ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Konċessjonarja bħal AHW mhijiex “aġent kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva u lanqas fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 84(1) tal-HGB. Issa, il-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi mad-direttivi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali japplika biss fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni diretta ta’ dawn id-direttivi.

20      Matul is-seduta ta’ trattazzjoni, AHW osservat li, minħabba l-applikazzjoni per analogia, fid-dritt Ġermaniż, tad-dispożizzjonijiet dwar l-aġenti kummerċjali għall-kuntratti ta’ konċessjoni, id-domandi preliminari huma ammissibbli. Barra minn hekk, l-ewwel domanda ma għandhiex natura ipotetika.

21      Il-Gvern Ġermaniż isostni li, fid-dritt Ġermaniż, id-dispożizzjonijiet dwar l-aġenti kummerċjali japplikaw per analogia għall-konċessjonarji. Konsegwentement, id‑deċiżjoni dwar id-dritt għal kumpens ta’ AHW tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-esklużjoni tad-dritt għal kumpens tal-aġenti kummerċjali. Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, ir-rappreżentant tal-Gvern Ġermaniż ippreċiża, waqt is-seduta ta’ trattazzjoni, li din il-kwistjoni mhijiex ipotetika peress li din tirrigwarda problema li s-soluzzjoni tagħha għandha karattru preliminari għar-risposta għat-tieni domanda.

22      Skont il-Kummissjoni, xejn ma jipprekludi l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari sa fejn il-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tittrasponi d-direttiva għandha tiġi interpretata b’mod konformi ma din id‑direttiva. Madankollu, il-Kummissjoni turi dubji dwar l-ammissibbiltà tal‑ewwel domanda, peress li din tirrigwarda ipoteżi li ma tikkorrispondix mal‑fatti li l-qorti tar-rinviju hija kkonfrontata bihom f’dan il-każ

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, għandu jiġi mfakkar li fil-kuntest tal‑kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita mill‑Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ taqta’ l-kawża kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Iċ-ċaħda min-naħa ta’ din ta’ l-aħħar ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher, b’mod manifest, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni m’għandhiex konnessjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-kwistjoni hija ġenerali jew ipotetika (ara, b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Poseidon Chartering, C‑3/04, Ġabra p. I‑2505, punt 14).

24      Konsegwentament, peress li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata li tiddeċiedi. Fil-fatt, la mit-termini tal‑Artikolu 267 TFUE u lanqas mill-għan tal-proċedura stabbilita minn dan l‑Artikolu ma jirriżulta li l-awturi tat-Trattat kellhom l-intenzjoni jeskludu mill‑ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-każ partikolari fejn id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jirreferi għall-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni kompletament interna ta’ dan l‑Istat (ara s-sentenza Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

25      Fil-fatt, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tadotta għal sitwazzjonijiet purament interni, l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni sabiex, b’mod partikolari, tiġi evitata d-diskriminazzjoni jew distorsjoni eventwali ta’ kompetizzjoni, jeżisti ċertament interess tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati d‑diverġenzi futuri ta’ interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement miċ‑ċirkustanzi li fihom huma għandhom japplikaw (sentenza Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

26      F’dan il-każ, għalkemm id-domandi jirrigwardaw kuntratt ta’ konċessjoni u mhux kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, u għalkemm id-direttiva għaldaqstant ma tistax tirregola direttament is-sitwazzjoni inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li fid-dritt Ġermaniż huwa applikat trattament identiku għal dawn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Poseidon Chartering, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

27      Barra minn hekk, ma hemm xejn fil-proċess li jindika li l-qorti tar-rinviju għandha l-fakultà li ma timxix mal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lid‑dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni tan-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni.

29      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tirrigwarda sitwazzjoni li fiha, fid-data tax‑xoljiment ordinarju tal-kuntratt, kien jeżisti motiv li jiġġustifika xoljiment immedjat tal-kuntratt li ma ġiex invokat mill-prinċipal sabiex jiġġustifika dan ix‑xoljiment. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ksur tal-obbligi kuntrattwali lmentat kontra AHW seħħ wara n-notifika tax-xoljiment ordinarju tal-kuntratt ta’ konċessjoni

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda preliminari tirrigwarda sitwazzjoni purament ipotetika li b’mod manifest ma tikkorrispondix għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u għaldaqstant tikkostitwixxi domanda irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kwisjoni fil-kawża prinċipali.

31      Isegwi li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli.

 Fuq il-mertu

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

32      Volvo Car tipproponi li tingħata risposta fin-negattiv għat-tieni domanda li saret billi tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kriterji stabbiliti fl‑Artikolu 18(a) tad-direttiva. B’mod partikolari, f’din id-domanda, xejn ma jippermetti li jitqies li l-esklużjoni ta’ kumpens għandu jiddependi mill-kriterju purament imprevedibbli dwar jekk l-aġir żbaljat li jiġġustifika deċiżjoni ta’ terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr notifika ġiex skopert qabel it-tmiem tal‑kuntratt jew le.

33      Kif osservat AHW matul is-seduta ta’ trattazzjoni, il-fatt li l-prinċipal ikun jista’ jinħeles mill-obbligu li jħallas kumpens lill-aġent kummerċjali, permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 18(a) tad-direttiva, ikollu bħala konsegwenza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Konsegwentement, għandha tingħata interpretazzjoni litterali tad-dispożizzjoni msemmija, li tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens, liema interpretazzjoni teħtieġ li l‑aġir żbaljat tal-aġent ikun kawża diretta tad-deċiżjoni tax-xoljiment tal-kuntratt. Barra minn hekk, huwa possibbli, abbażi tal-Artikolu 17(2)(a) tad-direttiva li jipprovdi l-eżami tal-ekwità, li jitnaqqas l-ammont tal-kumpens jew anki li l-aġent jiċċaħħad mill-kumpens b’mod totali.

34      Il-Gvern Ġermaniż jipproponi li tingħata risposta fil-pożittiv għat-tieni domanda preliminari. Fil-fatt, id-direttiva, li l-prinċipji essenzjali tagħha huma l-fiduċja u l‑obbligu ta’ lealtà reċiproka, tipprova tistabbilixxi bilanċ bejn l-interessi tal‑partijiet. Bis-saħħa tal-Artikolu 18(a) tad-direttiva, id-dritt għal kumpens jiġi eskluż meta n-nuqqas attribwit lill-aġent kummerċjali ma kienx il-kawża diretta tad-deċiżjoni li jintemm il-kuntratt iżda kien madankollu jeżisti oġġettivament qabel l-imsemmija deċiżjoni u seta’ jiġġustifika deċiżjoni ta’ xoljiment tal-kuntratt b’mod immedjat skont id-dritt nazzjonali. Huwa biżżejjed li l-aġir żbaljat tal-aġent kummerċjali jista’ b’mod teoretiku jintuża mill-prinċipal bħala motiv għad‑deċiżjoni li jintemm kuntratt (kawżalità ipotetika). Min-naħa l-oħra, peress li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq għandhom ikunu sodisfatti flimkien, l-Artikolu 18(a) tad-direttiva ma japplikax, fil-fehma tal-Gvern Ġermaniż, meta dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux sodisfatti flimkien u meta n‑nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun seħħ biss wara d-deċiżjoni li jiġi tterminat kuntratt.

35      Skont il-Kummissjoni, is-sistema stabbilita mill-Artikoli 17 sa 19 tad-direttiva għandha natura imperattiva. Madankollu, interpretazzjoni iktar wiesgħa tal‑Artikolu 18(a) tad-direttiva tista’ tiġi rrikonċiljata ma’ kompromess ekwu bejn l-interessi tal-prinċipal u dawk tal-aġent kummerċjali. Fil-fatt, l-aġent kummerċjali wkoll jistħoqqlu protezzjoni meta l-prinċipal ma jkunx qies l-aġir tiegħu bħala gravi biżżejjed sabiex jiġġustifika xoljiment tal-kuntratt. Barra minn hekk, xejn ma jwaqqaf lill-prinċipal milli jiddikjara lill-aġent kummerċjali li l-aġir tiegħu wasslu sabiex jittermina l-kuntratt jekk ma jkunx diġà għamel hekk.

36      Fis-sitwazzjoni fejn il-prinċipal jiskopri n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-aġent kummerċjali biss wara x-xoljiment tar-relazzjoni kuntrattwali, ikun impossibbli għalih li jxolji l-kuntratt għal dan il-motiv, peress li ma jkunx hemm iktar relazzjoni kuntrattwali li tkun tista’ tiġi xolta. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jipprovdi dispożizzjonijiet għal din il-possibbiltà fid-direttiva, l-Istati Membri huma liberi, fl-osservanza tal-limiti stabbiliti mit-Trattat, li jeskludu jew le dritt għal kumpens. Fil-każ fejn il-prinċipal ikun sar jaf bl-eżistenza tal-aġir żbaljat tal-aġent qabel it-tmiem tal-kuntratt u ma jinvokax l-imsemmi aġir bħala motiv għax-xoljiment, id-dritt għal kumpens ċertament jinżamm, iżda l-aġir imsemmi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-kumpens għal raġunijiet ta’ ekwità.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 18(a) tad-direttiva għandux jiġi intepretat fis-sens li jipprekludi li aġent kummerċjali indipendenti jiċċaħħad mill-kumpens għall-klijentela tiegħu meta l‑prinċipal jistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa ta’ dan l-aġent, li jkun seħħ wara n-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt permezz ta’ notifika u qabel ma jintemm, li kien tali li jiġġustifika xoljiment immedjat tal-kuntratt inkwistjoni.

38      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li skont l‑Artikolu 18(a) tad-direttiva, il-kumpens imsemmi fih ma jkunx dovut meta l‑prinċipal ikun xolja l-kuntratt “minħabba” nuqqas li jista jkun attribwit lill-aġent kummerċjali li jiġġustifika t-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt skont il-liġi nazzjonali.

39      Issa, l-użu, min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-prepożizzjoni “minħabba” huwa tali li jsostni t-teżi sostnuta b’mod partikolari mill-Kummissjoni, li tgħid li l‑imsemmi leġiżlatur kellu l-ħsieb li jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità diretta bejn in-nuqqas attribwit lill-aġent kummerċjali u d-deċiżjoni tal-prinċipal li jxolji l-kuntratt sabiex ikun jista’ jċaħħad lill-aġent kummerċjali mill-kumpens previst mill-Artikolu 17 tad-direttiva.

40      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-ġenesi tad-direttiva. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-proposta għal direttiva (ĠU 1977, C 13, p. 2), il-Kummissjoni kienet inizjalment ipproponiet li l-kumpens għall-klijentela ma jkunx dovut meta l-prinċipal ikun xolja jew “ikun seta’ jxolji kuntratt” f’każ ta’ nuqqas min-naħa tal-aġent kummerċjali li jkun tali li ma jkunx jista jiġi mistenni mingħand il‑prinċipal li jżomm ir-rabta kuntrattwali. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l‑leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax it-tieni kawża ta’ terminazzjoni li ġiet proposta.

41      L-interpretazzjoni mogħtija iktar ’il fuq hija kkonfermata wkoll mill-fatt li l-istess prepożizzjoni tintuża fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 18(a) tad‑direttiva, u b’mod partikolari fil-lingwa Spanjola (“por un incumplimiento imputable al agente comercial”), fil-lingwa Ġermaniża (“wegen eines schuldhaften Verhaltens des Handelsvertreters”), fil-lingwa Ingliża (“because of default attributable to the commercial agent”), fil-lingwa Franċiża (“pour un manquement imputable à l-aġent kummerċjali”), fil-lingwa Taljana (“per un’inadempienza imputabile all’agente commerciale”), kif ukoll fil-lingwa Pollakka (“z powodu uchybienia przypisywanego przedstawicielowi handlowemu”).

42      Għandu jingħad ukoll li, bħala eċċezzjoni għad-dritt għal kumpens tal-aġent, l‑Artikolu 18(a) tad-direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod li jammonta għal żieda ta’ kawża ta’ terminazzjoni tal-kumpens mhux espressament prevista minn din id‑dispożizzjoni.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-prinċipal isir jaf bin-nuqqas tal-aġent kummerċjali biss wara li jintemm il-kuntratt, ma jkunx iktar possibbli li jiġi applikat il‑mekkaniżmu previst fl-Artikolu 18(a) tad-direttiva. Konsegwentement, l-aġent kummerċjali ma jistax jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal kumpens abbażi ta’ din id-dispożizzjoni meta l-prinċipal, wara li jkun innotifikah bix-xoljiment tal‑kuntratt permezz ta’ notifika bil-quddiem, jistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ dan l-aġent li kien tali li jiġġustifika xoljiment immedjat ta’ dan il-kuntratt.

44      Madankollu, għandu jingħad ukoll li, b’mod konformi mat-tieni inċiż tal‑Artikolu 17(2)(a) tad-direttiva, l-aġent kummerċjali għandu dritt għal kumpens jekk u sa fejn il-ħlas ta’ dan il-kumpens huwa ekwu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-aġir tal-aġent imsemmi jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni intiża sabiex tiġi stabbilita n-natura ekwa tal-kumpens tiegħu.

45      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-Artikolu 18(a) tad-direttiva jipprekludi li aġent kummerċjali indipendenti jiċċaħħad mill-kumpens għall-klijentela tiegħu meta l-prinċipal jistabbilixxi li kien hemm nuqqas min-naħa tal-aġent kummerċjali, li jkun seħħ wara n-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt permezz ta’ notifika u qabel ma jintemm, li kien tali li jiġġustifika xoljiment immedjat tal-kuntratt inkwistjoni.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L‑Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 18(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, jipprekludi li aġent kummerċjali indipendenti jiċċaħħad mill-kumpens għall-klijentela tiegħu meta l-prinċipal jistabbilixxi li kien hemm nuqqas min-naħa tal-aġent kummerċjali, li jkun seħħ wara n-notifika tax-xoljiment tal-kuntratt permezz ta’ notifika u qabel ma jintemm, li kien tali li jiġġustifika xoljiment immedjat tal-kuntratt inkwistjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.