Kawża C-194/08

Susanne Gassmayr

vs

Bundesminister für Wissenschaft und Forschung

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija))

“Politika soċjali — Direttiva 92/85/KEE — Implementazzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu — Artikoli 5(3), u 11(1) sa (3) — Effett dirett — Ħaddiema tqila li ngħatat leave matul it-tqala tagħha — Ħaddiema bil-leave tal-maternità — Dritt għall-ħlas ta’ allowance għal xogħol ta’ għassa”

Sommarju tas-sentenza

1.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Nisa tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85

(Direttiva tal-Kunsill Nru 92/85, Artikoli 5 sa 8, u 11(1) sa (3))

2.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Nisa tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85

(Direttiva tal-Kunsill Nru 92/85, Artikoli 5(3) u 11(1))

3.        Politika soċjali — Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema — Nisa tqal, li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu — Direttiva 92/85

(Direttiva tal-Kunsill Nru 92/85, Artikoli 8, u 11(2) u (3))

1.        L-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391), għandu effett dirett u jagħti, lil individwi, drittijiet li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ Stat Membru li ma jkunx ittraspona din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew li jkun ittrasponiha b’mod inkorrett, u li l-qrati nazzjonali huma marbuta josservaw. Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri, fi kliem inekwivoċi, obbligu ta’ eżitu preċiż li huwa dak li jiżguraw, fil-ġestjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, assenjazzjoni provviżorja lejn impjieg ieħor u matul il-perijodi ta’ assenza mix-xogħol li jkunu seħħu matul it-tqala kif imsemmija fl-Artikoli 5 sa 7 tal-istess direttiva kif ukoll matul il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, id-drittijiet marbuta mal-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, kif ukoll it-tkomplija tal-ħlas tal-paga u/jew tal-allowances għal xogħol imwettaq adegwati.

(ara l-punti 46, 53, u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema tqila li ġiet eżentata provviżorjament milli taħdem minħabba t-tqala tagħha għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għal-paga medja li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment ta’ qabel il-perijodu tat-tqala tagħha, bl-esklużjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

Għalkemm din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal dħul tal-ħaddiema nisa tqal li huma provviżorjament eżentati milli jaħdmu minħabba t-tqala tagħhom, l-eżerċizzju ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax, minn naħa, jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema nisa tqal previst fid-Direttiva 92/85 u lanqas, min-naħa l-oħra, jinjora l-fatt li tali eżenzjoni milli taħdem hija miżura ta’ protezzjoni estrema li hija neċessarja meta t-trasferiment provviżorju lil pożizzjoni oħra jkun teknikament u/jew oġġettivament impossibbli jew ma jistax raġjonevolment jkun mistenni għal raġunijiet debitament ġustifikati.

Meta l-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, l-imsiebħa soċjali jagħżlu, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, li jiżguraw lil ħaddiema tqila, li tkun eżentata milli taħdem jew li jkollha l-obbligu li ma taħdimx bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, dħul taħt il-forma ta’ remunerazzjoni, ta’ allowance adegwata jew ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, dan id-dħul għandu f’kull każ ikollu l-paga mensili bażika ta’ din il-ħaddiema kif ukoll l-elementi tal-paga jew l-allowances li huma relatati mal-istatus professjonali tal-ħaddiema tqila - liema status bl-ebda mod ma tiġi kkontestata permezz ta’ din l-eżenzjoni mix-xogħol - bħall-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha.

(ara l-punti 67, 68, 72, 76, u d-dispożittiv 2)

3.        L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema bil-leave tal-maternità għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju medju li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment qabel il-bidu tal-imsemmi leave, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

Skont l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva, min iħaddem għandu, matul il-leave tal-maternità, jiżgura t-tkomplija ta’ remunerazzjoni u/jew tal-benefiċċju ta’ allowance adegwata, u d-dħul iggarantit lill-ħaddiema matul dan il-leave, meta jitħallas taħt il-forma ta’ allowance, ta’ remunerazjoni jew, jekk ikun il-każ, ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, għandu jkun adegwat fis-sens tal-imsemmi paragrafu (3). Meta ħaddiema tkun assenti mix-xogħol għaliex tkun qed tibbenefika minn leave tal-maternità, il-protezzjoni minima mitluba mill-imsemmi Artikolu 11(2) u (3) ma jimplikax għaldaqstant it-tkomplija sħiħa tar-remunerazzjoni tal-interessata u lanqas il-ħlas tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

Madankollu, l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jipprevedix protezzjoni minima fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiema tqal li jkunu eżentati milli jaħdmu matul il-leave tal-maternità tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. L-ebda dispożizzjoni tagħha ma tipprekludi l-Istati Membri jew, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali, milli jipprevedi t-tkomplija tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni u tal-benefiċċji kollha, inkluża l-allowance għal xogħol ta’ għassa li l-ħaddiema tqila kellha dritt għaliha qabel il-leave tal-maternità tagħha. Peress li s-sistema ta’ remunerazzjoni prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema bil-leave tal-maternità kif mitlub mid-Direttiva 92/85, l-esklużjoni ta’ ċerti elementi tar-remunerazzjoni mill-kalkolu tad-dħul dovut matul il-leave ma għandux jitqies li jmur kontra l-Artikolu 11(2) u (3) ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 85, 86, 88, 90, 91, u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Politika soċjali − Direttiva 92/85/KEE − Implementazzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu – Artikoli 5(3), u 11(1) sa (3) − Effett dirett − Ħaddiema tqila li ngħatat leave matul it-tqala tagħha − Ħaddiema bil-leave tal-maternità − Dritt għall-ħlas ta’ allowance għal xogħol ta’ għassa”

Fil-Kawża C‑194/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Mejju 2008, fil-kawża

Susanne Gassmayr

vs

Bundesminister für Wissenschaft und Forschung,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, P. Lindh, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Awstrijak, minn M. Winkler, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Gassmayr u l-Bundesminister für Wissenschaft und Forschung (Ministeru Federali għax-Xjenzi u r-Riċerka, iktar ’il quddiem il-“Bundesminister”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar milli jkompli jħallas il-benefiċċju tal-allowance għal xogħol ta’ għassa matul il-perijodi li fihom hija ngħatat leave jew ġiet ipprojbita milli teżerċita l-attività professjonali tagħha minħabba t-tqala tagħha u, sussegwentement, matul il-leave tal-maternità tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Id-disa’, is-sittax u t-tmintax-il premessi tad-Direttiva 92/85 jgħidu dan li ġej:

“Billi l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu m’għandhiex tirriżulta fi trattament sfavorevoli għal nisa fis-suq tax-xogħol u lanqas għandha tnaqqas mis-saħħa tad-direttivi rigward trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa;

[…]

Billi l-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċerna[w] l-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew ħaddiema li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkunux akkumpanjati minn ħarsien ta’ drittijiet annessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż li jibqa’ jsir il-ħlas u/jew l-intitolament għal allowance adegwata;

[…]

Billi l-kunċett ta’ allowance adegwata fil-każ tal-leave tal-maternità għandu jitqies bħala punt tekniku ta’ referenza biex jiġi ffissat il-livell minimu ta’ protezzjoni u m’għandu qatt jiġi interpretat li t-tqala u l-mard huma analogi”.

4        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva tipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘ħaddiema tqila’ għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

b)      ‘ħaddiema li welldet reċentement’ għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

c)      ‘ħaddiema li qiegħda tredda’ tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika.”

5        L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Stima u Informazzjoni”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“Għall-attivitajiet kollha li jistgħu jinvolvu riskju speċifiku ta’ espożizzjoni għal aġenti, proċessi jew kondizzjonijiet tax-xogħol li tagħhom lista mhux eżawrijenti hija mogħtija fl-Anness I, min iħaddem għandu jagħmel stima tan-natura, il-grad u t-tul ta’ l-espożizzjoni fl-impriża u/jew stabbiliment ikkonċernat, tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, jew direttament jew permezz tas-servizzi protettivi jew preventivi msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE [tat-12 ta’ Ġunju 1989, dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], sabiex:

–        issir stima ta’ kull riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà u kull effett possibbli fuq it-tqala jew it-treddigħ tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2,

–        jiddeċiedu liema miżuri għandhom jittieħdu.”

6        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Azzjoni wara r-riżultati ta’ l-istima”, jipprovdi fl-ewwel tliet paragrafi tiegħu li:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE, jekk ir-riżultati ta’ l-istima msemmija fl-Artikolu 4(1) jirrivelaw riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa jew xi effett fuq it-tqala jew treddigħ ta’ ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, min iħaddem għandu jieħu l-azzjoni neċessarja biex jiżgura li, billi jiġu aġġustati temporanjament il-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernata, l-espożizzjoni ta’ dik il-ħadddiema għal dawn ir-riskji jiġi evitat.

2.      Jekk l-aġġustament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol tagħha ma jkunx teknikament u/jew oġġettivament possibbli, jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, min iħaddem jrid jieħu l-passi neċessarji sabiex jagħti xogħol ieħor lill-ħaddiema konċernata.

3.      Jekk it-tibdil tal-post għal xogħol ieħor mhuwiex teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġġustifikati, il-ħaddiema kkonċernata għandha tingħata leave skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali għaż-żmien kollu li huwa neċessarju biex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha.”

7        L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Leave tal-Maternità”, jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.”

8        L-Artikolu 11 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jgħid dan li ġej:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1)      fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju [allowance] adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

2)      fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:

a)      id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;

b)      il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;

3)      l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

4)      L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn 12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi dwar il-protezzjoni tal-maternità

9        Skont l-Artikolu 3(1) tal-liġi tal-1979 dwar il-protezzjoni tal-maternità (Mutterschutzgesetz 1979, iktar ’il quddiem il-“MSchG”), in-nisa tqal ma għandhomx jaħdmu matul l-aħħar tmien ġimgħat qabel id-data mistennija tal-ħlas (iktar ’il quddiem it-“terminu ta’ tmien ġimgħat”).

10      L-Artikolu 3(3) tal-MSchG jipprovdi li, minbarra t-terminu ta’ tmien ġimgħat, l-obbligu li persuna ma taħdimx huwa impost ukoll fuq nisa tqal meta jirriżulta minn ċertifikat mediku ppreżentat minnha, maħruġ minn tabib tal-ispettorat tal-impjieg jew uffiċjal pubbliku mediku ieħor, li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm jew tat-tarbija jkunu f’periklu jekk hija tkompli taħdem.

11      L-Artikolu 5 tal-MSchG, intitolat “Projbizzjoni fuq ix-xogħol wara l-ħlas”, jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tiegħu li:

“Il-ħaddiema ma għandhomx jaħdmu fit-tmien ġimgħat li jiġu wara l-ħlas. […] Jekk it-terminu ta’ tmien ġimgħat ikun ġie mqassar, il-perijodu ta’ protezzjoni wara l-ħlas għandu jiżdied bl-istess mod, fil-limitu massimu ta’ sittax-il ġimgħa. […]”

12      L-Artikolu 14 tal-MSchG, intitolat “Żamma tal-ħlas tal-paga”, fil-verżjoni tiegħu kif emendat u ppubblikat fil-BGBI, 833/1992 u 434/1995, jgħid dan li ġej:

“1.      Jekk l-applikazzjoni tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(b), tal-Artikolu 4(a), tal-Artikolu 5(3) u (4) jew tal-Artikolu 6 – sakemm it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(a) ma jipprovdix mod ieħor – tirrendi neċessarja bidla fix-xogħol fi ħdan l-impriża, il-ħaddiema għandha dritt għall-paga li hija ekwivalenti għas-salarju medju li rċeviet matul it-tlettax-il ġimgħa qabel il-bidla. Jekk f’dan il-perijodu kien hemm xi żmien li matulu hija ma tkunx irċeviet il-paga sħiħa minħabba mard jew minħabba ħinijiet iqsar ta’ xogħol, il-perijodu ta’ tlettax-il ġimgħa għandu jiġi estiż bl-istess żmien; iżda dan iż-żmien ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-salarju medja. […]

2.      Il-ħaddiema li, skont l-Artikolu 3(3), ma għandhom jaħdmu kif ukoll dawk li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2(b), l-Artikolu 4(a), l-Artikolu 5(3) u (4) jew l-Artikolu 6 ma għandhomx iktar il-possibbiltà li jaħdmu fi ħdan l-impriża, għandhom dritt għal paga li l-kalkolu tagħha għandha titwettaq b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti.”

 Il-liġi dwar is-salarji

13      Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tal-liġi tal-1956 dwar is-salarji (Gehaltsgesetz 1956, iktar ’il quddiem il-“GehG”), applikabbli għall-aġenti federali tas-settur pubbliku bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-uffiċjal għandu dritt għal salarju mensili u dan huwa kompost mis-salarju u l-allowances eventwali.

14      L-Artikolu 13 tal-GehG, intitolat “Drittijiet fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol”, jipprovdi li:

“(1)      L-uffiċjal li ma għandux il-possibbiltà li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara inċident (ħlief fil-każ ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol) jew marda għandu dritt, fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol għal perijodu ta’ iktar minn 182 jum, għal 80 % tal-ammont tas-salarju mensili li kieku kien jirċievu fin-nuqqas ta’ tali inkapaċità. L-allowance għat-tfal hija eskluża min dan it-tnaqqis.

[…]

(3)      It-tnaqqis li jsir abbażi tas-subparagrafu 1 għandu jitnaqqas bi 80 % tal-ammont li jikkorrispondi għall-bażi ta’ referenza msemmija fis-subparagrafu 4, liema ammont ma jistax madankollu jeċċedi l-ammont totali tat-tnaqqis previst fis-subparagrafu 1.

(4)      Bażi ta’ referenza fis-sens tas-subparagrafu 3 għandha tinftiehem bħala s-somma tal-allowances (ħlasijiet f’każijiet eċċezzjonali mhux inklużi), allowances supplementari, bonuses u ħlasijiet addizzjonali (minbarra dawk imsemmija fl-Artikoli 19, 20b jew 20c) li l-aġent kien jirċievi li kieku kellu l-possibbiltà jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u li għalihom ma għandux iktar dritt minħabba l-assenza tiegħu mix-xogħol. Fil-każ ta’ ħlasijiet addizzjonali li ma jitħallsux f’daqqa fis-sens tal-ewwel frażi, il-kalkoli għandhom jiġu bbażati fuq wieħed minn tnax tas-somma tal-ħlasijiet addizzjonali li l-aġent ikun irċieva matul l-aħħar tnax-il xahar qabel il-bidu tal-perijodi kollha ta’ mard akkumulati skont is-subparagrafu 2.

(5)      It-tnaqqis tas-salarju mensili jieħu effett mid-data li minnha tibda l-inkapaċità għax-xogħol, mhux iktar kmieni madankollu mill-ġurnata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ 182 jum ta’ xogħol indikat fis-subparagrafu 1, u jispiċċa l-ġurnata immedjatament qabel dak li fiha l-aġent jerġa’ jassumi l-funzjonijiet tiegħu.

[…]

(8)      Matul il-perijodu kollu ta’ projbizzjoni fuq ix-xogħol skont il-[MSchG] (kemm għal dak li jirrigwarda l-leave ta’ qabel il-ħlas kif ukoll il-leave ta’ wara l-ħlas), is-subparagrafi 1 sa 6 ma għandhomx jiġu applikati. Tali projbizzjoni fuq ix-xogħol tissospendi d-dekorrenza tal-perijodi kollha mniżżla fis-subparagrafi 1 sa 6.”

15      L-Artikolu 15 tal-GehG, intitolat “Ħlasijiet addizzjonali”, jipprovdi fl-ewwel, fit-tieni u fil-ħames subparagrafi tiegħu li:

“(1)      Ħlasijiet addizzjonali għandhom ifissru:

1.      l-allowance għall-overtime (Artikolu 16),

[…]

4.      l-allowance għal xogħol ta’ għassa (Artikolu 17a),

[…]

Huma biss il-perijodi li matulhom jeżisti wkoll dritt għal salarju li jistgħu jagħmlu persuna eliġibbli għal ħlas addizzjonali.

(2)      Il-ħlasijiet addizzjonali elenkati fis-subparagrafi 1(1), (4) sa (6) u (8) sa (11), kif ukoll l-allowances għax-xogħol ta’ nhar ta’ Ħadd u fil-ġranet ta’ vaganzi pubbliċi msemmija fis-subparagrafu 1(3), jistgħu jieħdu l-forma ta’ somma mħallsa f’daqqa meta x-xogħol li abbażi tiegħu qed jingħata dan il-ħlas addizzjonali jitwettaq fuq bażi permanenti jew regolarment, b’tali mod li l-kalkolu ta’ medja mensili jkun possibbli (somma speċifika mħallsa f’daqqa). L-iffissar ta’ somma mħallsa f’daqqa jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Kanċillier Federali fil-każjijiet imsemmija fis-subparagrafi 1(1), (3) sa (6) u (10). L-iffissar ta’ somma unika mħallsa f’daqqa għal servizzi simili fis-sustanza (somma mħallsa f’daqqa li tgħaqqad diversi ħlasijiet) huwa awtorizzat. Għal dak li jirrigwarda l‑ħlasijiet addizzjonali mħallsa f’daqqa għall-overtime barra mis-sigħat normali tax-xogħol, għandha tiġi ddeterminata l-frazzjoni tal-ħlas li jirrappreżenta l-ħlas addizzjonali mogħti għall-overtime.

[…]

(5)      Id-dritt għal ħlasijiet addizzjonali mħallsa f’daqqa mhuwiex affettwat minn leave li matulu l-uffiċjal jżomm id-dritt għal salarju mensili jew minn inċident li jwaqqfu milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Jekk, għal raġuni oħra, l-uffiċjal jibqa’ assenti mill-post tax-xogħol tiegħu għal iktar minn xhar, il-ħlas addizzjonali mħallas f’daqqa huwa sospiż mill-ġurnata wara d-data ta’ skadenza ta’ dan it-terminu sad-data tal-aħħar ġurnata tal-assenza tiegħu mix-xogħol.”

16      L-Artikolu 17 tal-GehG, intitolat “Allowance għal xogħol ta’ għassa”, jipprovdi li:

“1.      L-uffiċjal li jiġi mitlub jagħmel xogħol ta’ għassa għal iktar sigħat minn dawk normali previsti fl-iskeda tax-xogħol, għandu dritt, għaż-żmien li jkun disponibbli u għas-servizz li jimplika xogħol ta’ għassa, mhux għall-ħlasijiet previsti fl-Artikoli 16 u 17 iżda għal allowance għal xogħol ta’ għassa.

2.      L-ammont tal-allowance għal xogħol ta’ għassa huwa ffissat skont it-tul tal-imsemmi servizz u d-domanda medja matul dan is-servizz [...]; il-kalkolu tiegħu jirrikjedi l-awtorizzazzjoni tal-Kanċillier Federali.”

17      Mill-proċess jirriżulta li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17a tal-GehG, ir-Repubblika tal-Awstrija adottat ir-regoli dwar il-kalkolu b’rata fissa tal-allowances għal xogħol ta’ għassa għat-tobba ta’ kliniki universitarji (Pauschalierungsverordnung für Journaldienstzulage für Ärzte an Universitätskliniken, BGBl. II, 202/2000), li, għall-ħlas ta’ kull siegħa ta’ xogħol ta’ għassa, jipprovdu għal perċentwali preċiża tas-salarju normalizzat.

 Il-liġi dwar l-istatus ta’ uffiċjali

18      Skont l-Artikolu 50(1) tal-liġi tal-1979 dwar l-istatus ta’ uffiċjali (Beamten-Dienstrechtsgesetz 1979), għal raġunijiet ta’ xogħol, l-uffiċjal jista’ jintalab ikun disponibbli fil-post tax-xogħol jew f’post speċifiku ieħor, barra mis-sigħat normali previsti fl-iskeda tax-xogħol u, fil-każ ta’ bżonn jew fuq talba, li jerġa’ jassumi l-attivitajiet tiegħu (sigħat fissi, xogħol ta’ għassa).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ħadmet mill-1 ta’ Jannar 1995 bħala assistenta tabiba fil-klinika tal-anesteżija tal-Università ta’ Graz (iktar ’il quddiem “min iħaddimha”). Hija kienet tirċievi allowance għal xogħol ta’ għassa għall-overtime li kienet tagħmel barra mis-sigħat normali previsti fl-iskeda tax-xogħol.

20      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waqfet taħdem fl-4 ta’ Diċembru 2002 b’applikazzjoni, l-ewwel nett, tal-Artikolu 3(3) tal-MSchG (projbizzjoni fuq ix-xogħol meta jiġi ppreżentat ċertifikat mediku li jindika li t-tkomplija tal-attività professjonali tista’ thedded il-ħajja jew is-saħħa tal-omm jew tat-tarbija), sussegwentement tal-Artikolu 3(1) (projbizzjoni fuq ix-xogħol għal perijodu ta’ tmien ġimgħat), u, fl-aħħar nett, tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija liġi (projbizzjoni fuq ix-xogħol għal perijodu ta’ tmien ġimgħat wara l-ħlas).

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2004, indirizzata lil min iħaddimha, hija sostniet li, matul il-perijodu tal-projbizzjoni fuq ix-xogħol li, minħabba l-istat tagħha ta’ mara tqila u wara minħabba l-leave tal-maternità tagħha, waqfitha milli twettaq xogħol ta’ għassa, hija xorta waħda setgħet titlob il-ħlas ta’ allowance li jikkorrispondi għall-medja tax-xogħol ta’ għassa. Għaldaqstant, hija talbet li titħallas is-somom relatati ma’ tali allowance.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2004, min iħaddimha ċaħad it-talba tagħha. Skont dan tal-aħħar, il-ħlasijiet li ngħataw għal xogħol varju ta’ għassa matul ix-xhur ta’ qabel il-projbizzjoni fuq ix-xogħol ma jaqgħux taħt il-klawżola ta’ riżerva prevista fl-Artikolu 14 tal-MSchG u ma jirrappreżentawx ħlasijiet addizzjonali mħallsa f’daqqa fis-sens tal-Artikolu 15 tal-GehG. Min iħaddimha sostna b’mod partikolari li, matul il-perijodu tal-projbizzjoni fuq ix-xogħol, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċeviet il-paga tagħha, jiġifieri s-salarju mensili u l-allowances, skont l-Artikolu 3(2) tal-GehG mingħajr ebda restrizzjoni. Min-naħa l-oħra, din tal-aħħar ma setgħetx twettaq iktar xogħol ta’ għassa minħabba l-projbizzjoni fuq ix-xogħol li għaliha hija kienet suġġetta u, b’hekk, hija ma kellha ebda dritt għal remunerazzjoni għal xogħol ta’ għassa matul dan il-perijodu. Skont min iħaddimha, l-allowance għal xogħol ta’ għassa għandha tikkorrispondi b’mod konkret, fl-ammont tagħha, għas-servizzi kollha effettivament ipprovduti u ma tikkorrispondix għal ħlasijiet addizzjonali mħallsa f’daqqa. Fl-ebda każ tali allowance ma tista’ tagħti lok għal kalkolu mensili abbażi ta’ medja.

23      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Bundesminister tad-9 ta’ Mejju 2005 dwar ir-rifjut li tinżamm l-allowance inkwistjoni, billi tibbaża ruħha fuq il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ugwaljanza fil-pagi bejn irġiel u nisa.

24      Quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesminister isostni li ż-żamma mingħajr restrizzjoni tal-ħlas tas-salarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jikkorrispondi għall-iskala tagħha ta’ assistent universitarju kif ukoll tal-allowances imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-GehG matul il-perijodu tal-projbizzjoni fuq ix-xogħol li għaliha din tal-aħħar kienet suġġetta hija totalment konformi mal-Artikolu 141 KE u l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE, tal-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 179). Għalkemm is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2004, Alabaster (C‑147/02, Ġabra p. I‑3101), ippreċiżat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-kuntest taż-żidiet tas-salarju inġenerali, id-dritt li l-persuna kkonċernata tibbaża ruħha fuqu ma jirrigwardax is-salarju mensili ordinarju tagħha, jiġifieri s-salarju ta’ referenza tagħha, u lanqas żieda ġenerali ta’ dan.

25      Bl-istess mod, il-konvenut fil-kawża prinċipali jenfasizza li, kuntrarjament għall-allowance tal-aħħar tas-sena inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Lewen (C‑333/97, Ġabra p. I‑7243), din il-kawża tirrigwarda allowance għal xogħol ta’ għassa mħallsa skont is-servizzi li effettivament twettqu każ b’każ. Tali allowance addizzjonali għas-salarju hija intiża sabiex tagħti kumpens għax-xogħol żejjed għall-ħaddiem meta jiġi mitlub b’mod konkret sabiex iwettaq tali servizzi, barra mis-sigħat normali previsti fl-iskeda tax-xogħol. Meta ħaddiem ma jiġix mitlub jagħmel xogħol ta’ għassa, huwa ma jistax jitlob li jingħata kumpens għal tali xogħol, u dan indipendentement mis-servizzi li jwettaq fil-kuntest tax-xogħol normali tiegħu.

26      Huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali għamlet xogħol ta’ għassa matul il-perijodu ta’ riferiment, previst fl-Artikolu 14(1) tal-MSchG qabel il-bidu tal-perijodu ta’ projbizzjoni fuq ix-xogħol li għaliha kienet suġġetta skont l-Artikolu 3(3) ta’ din l-istess liġi, kif ukoll li hija ngħatat għal dawn is-servizzi allowance kkalkolata skont l-Artikolu 17a tal-GehG.

27      Billi qieset li ma huwiex possibbli li tingħata risposta ċara għad-domandi mqajma fil-kawża li tressqet quddiemha għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      a)     L-Artikolu 11(1), (2) u (3) tad-Direttiva [92/85] għandu effett dirett?

b)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq għandhom jiġu mifhuma bħala li joħolqu, matul il-perijodu li fih in-nisa tqal huma pprojbiti milli jaħdmu u/jew matul il-leave tal-maternità tagħhom, dritt għaż-żamma tal-ħlas ta’ allowance għal perijodi ta’ xogħol ta’ għassa ?

c)      Dan japplika meta l-Istat Membru ddeċieda li jistabbilixxi sistema ta’ żamma ta’ ‘remunerazzjoni’ li tinkludi, fil-prinċipju, id-dħul totali tax-xogħol, bl-eċċezzjoni madankollu ta’ l-hekk imsejħa (skont l-Artikolu 15 tal-[GehG]) ‘ħlasijiet addizzjonali’ dovuti għal servizzi pprovduti (marbuta max-xogħol imwettaq) bħall-‘allowance għal perijodi ta’ xogħol ta’ għassa’ inkwistjoni hawnhekk?

2)      Jekk id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ma għandhomx effett dirett, dawn għandhom ikunu trasposti mill-Istati Membri b’tali mod li ħaddiema li, matul il-perijodu li fih in-nisa tqal huma pprojbiti milli jaħdmu u/jew matul il-leave tal-maternità, ma tipprovdix iktar servizzi ta’ xogħol ta’ għassa, għandha tkun intitolata għaż-żamma tal-ħlas ta’ l-allowance li tikkorrispondi għal tali servizzi?”

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85

28      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, billi għandha d-dubji tagħha fir-rigward tar-rilevanza tagħhom għall-eżitu tal-kawża prinċipali. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni mhijiex rilevanti f’dan il-każ peress li l-mistoqsija li tqum fl-imsemmija kawża ma tirrigwardax id-drittijiet irregolati mill-Artikoli 5, 6 u 7 tad-direttiva, iżda biss l-ammont tal-paga dovut lir-rikorrenti għall-perijodu li matulu hija kienet assenti mix-xogħol tagħha minħabba t-tqala tagħha u wara minħabba l-leave tal-maternità tagħha.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza kostanti, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophones et, C‑305/05, Ġabra p. I‑5305, punt 18).

30      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma tistax tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jkun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha l-elementi ta’ fatt jew ta’ dritt neċessarji sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula lilha (ara s-sentenzi Bosman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal tourisme, C‑36/99, Ġabra p. I‑6049, punt 20).

31      Barra minn hekk, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 34).

32      Fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tar-rinviju tikkonstata li r-rikorrenti waqfet taħdem matul it-tqala tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-MSchG, liema dispożizzjoni tgħid li mara tqila ma tistax taħdem matul it-tqala tagħha meta jirriżulta minn ċertifikat ippreżentat minnha u maħruġ minn tabib tal-ispettorat tal-impjieg jew uffiċjal pubbliku mediku ieħor li l-ħajja jew is-saħħa tal-omm jew tat-tarbija jkunu f’periklu jekk hija tkompli taħdem.

33      Permezz tad-domandi tagħha, li jirrigwardaw l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina d-dħul li din il-ħaddiema tista’ titlob matul il-perijodu li fih waqfet taħdem minħabba t-tqala tagħha, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, kif ukoll matul il-leave tal-maternità kopert mill-Artikolu 8 tagħha.

34      Għandu jitfakkar li l-Artikoli 4(1) u 5 tad-Direttiva 92/85 huma intiżi sabiex jiżguraw protezzjoni partikolari lill-ħaddiema nisa tqal, li jkunu welldu reċentement jew li qed ireddgħu fir-rigward ta’ kull attività li tista’ tippreżenta riskju speċifiku għas-sigurtà jew għas-saħħa tagħhom jew li jkollha effetti negattivi fuq it-tqala jew it-treddigħ (sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Busch, C‑320/01, Ġabra p. I‑2041, punt 42). Il-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, implementa dispożittiv ta’ evalwazzjoni u ta’ komunikazzjoni tar-riskji, kif ukoll il-projbizzjoni għal tali ħaddiema li teżerċita ċerti attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑203/03, Ġabra p. I‑935, punt 44).

35      Meta r-riżultati tal-istima tar-riskju mwettqa skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/85 juru riskju għas-sigurtà jew is-saħħa kif ukoll xi effett fuq it-tqala jew it-treddigħ ta’ ħaddiema, l-Artikolu 5(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprovdi li min iħaddimha għandu jipproċedi għall-aġġustament tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u/jew tas-sigħat tax-xogħol jew, jekk dan ma jkunx teknikament jew oġġettivament possibbli jew ma jistax jiġi mitlub b’mod raġonevoli għal motivi ġustifikati, għall-bdil fil-post tax-xogħol.

36      Huwa biss fil-każ li tali bidla hija wkoll impossibbli li l-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-ħaddiema kkonċernata għandha, skont il-liġi u/jew prattika nazzjonali, tingħata leave mix-xogħol għaż-żmien kollu li huwa neċessarju sabiex tiġi mħarsa s-sigurtà jew is-saħħa tagħha (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Høj Pedersen et, C‑66/96, Ġabra p. I‑7327, punt 57, kif ukoll tal- lum stess, Parviainen, C‑471/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32).

37      Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Verwaltungsgerichtshof iċċitat id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 92/85 dwar l-istima tar-riskji kif ukoll it-teħid ta’ miżuri wara tali stima u għamlet id-domandi preliminari dwar l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, liema dispożizzjoni tirreferi għall-imsemmi Artikolu 5.

38      Fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula minnha, il-Gvern Awstrijak ikkonferma li, skont l-Artikolu 3(3) tal-MSchG, il-ħaddiema nisa tqal huma pprojbiti milli jkomplu jaħdmu meta t-tkomplija tal-attività professjonali thedded is-saħħa tagħhom jew ħajjithom jew dik tat-tarbija tagħhom. Skont dan il-Gvern, hija dispożizzjoni li tiġi applikata ta’ spiss fir-rigward ta’ nisa tqal li jkollhom iktar minn 30 jew 35 sena, li tippermetti li jieqfu jaħdmu ħafna qabel il-bidu tal-leave tal-maternità normali sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet. Mhijiex projbizzjoni marbuta mal-attività professjonali, iżda iktar projbizzjoni li tiddependi mis-sitwazzjoni personali tal-mara tqila u l-istat fiżiku tagħha.

39      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinitx, matul it-tqala tagħha, issofri minn marda jew minn komplikazzjonijiet marbuta mat-tqala tagħha jew jekk hija ngħatat leave mix-xogħol sabiex jiġu żgurati s-sigurtà jew is-saħħa tagħha minħabba riskju eventwali professjonali li jpoġġihom fil-periklu jew li jipperikola s-saħħa tat-tarbija tagħha.

40      Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fiż-żewġ każijiet, ir-raġuni li persuna tieqaf taħdem matul it-tqala tagħha hija identika, jiġifieri l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema tqila u tat-tarbija tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 huwa l-unika dispożizzjoni tagħha li tirregola, matul it-tqala, id-dħul li għalih għandha dritt il-ħaddiema tqila.

41      Peress li, minn naħa, ma jidhirx b’mod ċar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 mitluba mill-qorti tar-rinviju ma għandha ebda konnessjoni mar-realtà jew mal-għan tal-kawża prinċipali, u peress li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed elementi sabiex tinterpreta r-regoli stabbiliti minn din id-direttiva fir-rigward tas-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, ma hemmx lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li d-domandi preliminari jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli sa fejn jirrigwardaw din id-dispożizzjoni.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari, sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, hija ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-parti (a) tal-ewwel domanda, dwar l-effett dirett tal-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85

43      Permezz tal-parti (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85 jistax jipproduċi effett dirett u jekk iwassalx, għall-benefiċċju tal-individwi, għal drittijiet li huma jistgħu jinvokaw kontra Stat Membru li ma ttrasponiex l-imsemmija direttiva fid-dritt nazzjonali jew li ttrasponiha b’mod inkorrett, liema drittijiet għandhom jiġu mħarsa mill-qrati nazzjonali.

44      Skont ġurisprudenza stabbilta tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat meta dan jew ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker, 8/81, Ġabra p. 53, punt 25; tas-17 ta’ Settembru 1996, Cooperativa Agricola Zootecnica S. Antonio et, C‑246/94 sa C-249/94, Ġabra p. I‑4373, punt 17, kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln vs Bonn, C‑226/07, Ġabra p. I‑5999, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa kkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implementazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għat-teħid ta’ xi miżura mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri. Hija preċiża biżżejjed biex tkun invokata minn individwu u applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivoċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Cooperativa Agricola Zootecnica S. Antonio et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2006, G. Pohl-Boskamp, C‑317/05, Ġabra p. I‑10611, punt 41).

46      Issa, l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85 jissodisfaw dawn il-kriterji, peress li jimponu fuq l-Istati Membri, fi kliem inekwivoċi, obbligu ta’ eżitu preċiż li huwa dak li jiżguraw, fil-ġestjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, assenjazzjoni provviżorja lejn impjieg ieħor u matul il-perijodi ta’ assenza mix-xogħol li jkunu seħħu matul it-tqala kif imsemmija fl-Artikoli 5 sa 7 tal-istess direttiva kif ukoll matul il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, id-drittijiet marbuta mal-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, kif ukoll it-tkomplija tal-ħlas tal-paga u/jew tal-allowances adegwati.

47      Ċertament, il-punt 1 tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 jipprevedi li, fir-rigward tal-ħaddiema nisa tqal fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5 tagħha – jiġifieri dawk ikkonċernati minn ġestjoni provviżorja tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, minn trasferiment provviżorju lejn pożizzjoni oħra jew, bħala rimedju estrem, minn obbligu li ma jaħdmux − dan il-ħlas għandu jiġi żgurat skont il-liġi u/jew il-prassi nazzjonali.

48      Madankollu, il-preċiżjoni u n-natura inkundizzjonata tal-punt 1 tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85 ma humiex affettwati minn riferiment għal liġi jew għal prassi nazzjonali. Fil-fatt, anki jekk din id-dispożizzjoni tagħti lill-Istati Membri ċerta marġni ta’ diskrezzjoni meta jadottaw il-metodi ta’ implementazzjoni, dan il-fatt ma jbiddilx in-natura preċiża u inkundizzjonata ta’ din id-dispożizzjoni. Il-metodi ta’ implementazzjoni bħal din ma jistgħu, bl-ebda mod, jirrigwardaw il-kontenut stess tad-dritt stabbilit mill-punt 1 tal-Artikolu 11 u ma jistgħux jikkundizzjonaw l-eżistenza jew jillimitaw il-portata ta’ dan id-dritt (ara s-sentenzi Parviainen, iċċitat iktar ’il fuq, punt 55, u f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, Ġabra p. I‑6915, punti 33 u 34; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C‑397/01 sa C‑403/01, Ġabra p. I-8835, punt 105, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, Ġabra p. I‑2483, punt 67).

49      Bl-istess mod, l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85 jipprevedi, f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema bil-leave tal-maternità msemmija fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, li l-allowance msemmija fil-punt 2(b) tal-imsemmi Artikolu 11 għandha titqies li hija xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa.

50      Madankollu, il-fatt li, skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 92/85, dan il-ħlas jista’ jkun previst sa limitu ddeterminat eventwalment mil-liġi nazzjonali, b’mod li l-ammont għal xogħol jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, ma jqegħedx fid-dubju n-natura preċiża u inkundizzjonata ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ta’ dik tal-paragrafu (2) tal-istess artikolu. Sakemm il-ħlas li għandu jiġi żgurat lil ħaddiema bil-leave tal-maternità huwa stabbilit bil-liġi, l-applikazzjoni tal-limitu previst fl-Artikolu 11(3) ma jnaqqasx mill-possibbiltà li l-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu jiġu applikati minn qorti għall-kwistjoni li jkollha quddiemha u, konsegwentement, mhux tali li jneħħi mill-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni n-natura suffiċjentement preċiża tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Impact, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

51      Għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 92/85, li jissuġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-paragrafi 1 u 2(b) ta’ dan l-artikolu għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal dawn il-benefiċċji previsti mil-liġi nazzjonali, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kundizzjonijiet ta’ eleġibbiltà ma jqegħdux inkwistjoni l-ħarsien minimu previst fl-imsemmi Artikolu 11(1) sa (3), u jistgħu, f’kull każ, jiġu mistħarrġa ġudizzjarjament.

52      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85 jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha sabiex jipproduċu effett dirett.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda 1(a) li l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85 għandu effett dirett u jagħti, lill-individwi, drittijiet li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ Stat Membru li ma jkunx ittraspona din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew li jkun ittrasponiha b’mod inkorrett, liema drittijiet il-qrati nazzjonali huma marbuta josservawha.

 Fuq id-domanda 1(b) u (c), dwar id-dritt għall-ħlas ta’ allowance għal xogħol ta’ għassa

54      Bid-domanda 1(b) u (c) tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, sostanzjament, jekk l-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li, matul il-perijodu ta’ assenza jew ta’ probizzjoni li wieħed jaħdem li jirrigwarda lill-ħaddiema nisa tqal u/jew li ngħataw leave tal-maternità, id-dritt għall-ħlas tal-allowance għal xogħol ta’ għassa għandux jitkompla. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob b’mod partikolari jekk ir-risposta għal din id-domanda hijiex affettwata mill-fatt li l-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi d-dritt, tal-ħaddiema tqila li tkun eżentata milli taħdem matul it-tqala jew tkun ingħatat leave tal-maternità, għal remunerazzjoni ekwivalenti għall-paga medja li tkun irċeviet matul perijodu ta’ riferiment qabel l-assenza tagħha mix-xogħol matul it-tqala kif ukoll il-bidu tal-leave ta’ maternità tagħha, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol tal-għassa.

55      Għandu jiġi ppreċiżat l-ewwel nett li, b’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lilha nnifisha dwar il-portata tad-dritt għal ħlas ta’ ħaddiema tqila matul żewġ perijodi distinti, jiġifieri, minn naħa, il-perijodu ta’ waqfien mix-xogħol li jseħħ matul it-tqala, u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ projbizzjoni milli waħda taħdem li jikkorrispondi għal-leave tal-maternità.

56      Fid-dawl tal-fatt li l-varji dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/85 jirregolaw dawn iż-żewġ perijodi, ghandha tingħata risposta separata għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju skont jekk din tirrigwardax id-dritt għal ħlas ta’ ħaddiema matul it-tqala jew matul il-leave tal-maternità.

 Fuq id-dritt għal allowance għal xogħol ta’ għassa ta’ ħaddiema tqila li tkun eżentata milli taħdem matul it-tqala minħabba riskji għas-sigurtà jew is-saħħa

57      Mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 jirriżulta li, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5 sa 7 tagħha, id-drittijiet marbuta mal-kuntratt tax-xogħol, inkluża ż-żamma ta’ ħlas u/jew id-dritt għal allowance adegwata għal ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu għandhom jiġu żgurati skont il-liġi u/jew prassi nazzjonali.

58      B’differenza mill-ħaddiema nisa tqal imsemmija fl-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 92/85, li jibqgħu jaħdmu u jagħmlu xogħol li jkun ġie fdat lilhom minn min iħaddimhom, ħaddiema tqila msemmija fil-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu hija eżentata milli taħdem matul il-perijodu kollu neċessarju sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-sigurtà tagħha kif ukoll tas-saħħa tagħha u, impliċitament, dik tat-tarbija tagħha.

59      B’dan, il-miżuri kollha ta’ protezzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/85 iseħħu mhux fuq talba tal-ħaddiema tqila, imma minħabba l-istat ta’ tqala tagħha. Huma joħorġu minn evalwazzjoni tar-riskji u minn projbizzjoni legali imposta mill-Artikolu 5 kif ukoll mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u huma intiżi li jevitaw kull riskju għas-sigurtà jew għas-saħħa ta’ din il-ħaddiema jew tat-tarbija tagħha. Barra minn hekk, jekk il-bilanċ tal-evalwazzjonijiet tar-riskji li min iħaddem huwa marbut iwettaq bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-istess direttiva jirriżulta differenti skont il-paragrafu tal-imsemmi Artikolu 5 li jkun applikabbli, l-għan ta’ protezzjoni mfittex minn din id-direttiva fir-rigward tal-ħaddiema nisa tqal imsemmija f’dan l-istess artikolu jibqa’ l-istess. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-formulazzjoni tagħha, huwa min iħaddem li għandu josserva l-ordni espliċitu li jgħid li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti f’dan l-artikolu għandhom jittieħdu u l-kundizzjonijiet li jirregolaw dan l-ordni.

60      Eżami tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, previst f’din id-direttiva, jindika li ħaddiema tqila bħalma hija r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li tkun eżentata milli taħdem u li l-paga tagħha qabel dan il-perijodu hija komposta minn salarju bażiku, ċerti allowances u allowance għal xogħol ta’ għassa għall-overtime barra mis-sigħat normali previsti fl-iskeda tax-xogħol, ma għandhiex dritt, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għall-ħlas ta’ tali allowance.

61      Qabelxejn, anki jekk hija bbażata fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol, l-allowance għal xogħol ta’ għassa tikkostitwixxi paga fis-sens tal-Artikolu 141 KE, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tagħha, jirreferi għall-ħarsien “ta’” ħlas u mhux “tal-” ħlas tal-ħaddiema kkonċernata.

62      Barra minn hekk, l-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għal dawn il-benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

63      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-elementi fattwali relatati man-natura tax-xogħol imwettaq u mal-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq dan ix-xogħol jistgħu, skont il-każ, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu fatturi oġġettivi u nieqsa minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li jistgħu jiġġustifikaw differenzi eventwali ta’ ħlas bejn gruppi differenti ta’ ħaddiema (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest tal-Artikolu 141 KE, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2000, JämO, C‑236/98, Ġabra p. I-2189, punt 52).

64      Issa, fil-kawża prinċipali, skont l-elementi li tiddisponi minnhom il-Qorti tal-Ġustizzja, l-allowance għal xogħol ta’ għassa titħallas lill-ħaddiema skont it-tul tax-xogħol imwettaq fl-overtime u fil-kontribuzzjoni medja, matul dan il-perijodu, tal-ħaddiem ikkonċernat. Huwa stabbilit li, matul il-perijodu li fih il-ħaddiema tkun obbligata ma taħdimx minħabba t-tqala tagħha, ħaddiema tqila ma twettaqx ix-xogħol li jagħti d-dritt għall-ħlas ta’ din l-allowance.

65      Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 49 u 61 tas-sentenza Parviainen, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward ta’ ħaddiema tqila li tiġi ttrasferita provviżorjament għal pożizzjoni oħra minħabba t-tqala tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri u, skont il-każ, l-imsieħba soċjali ma humiex obbligati, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, li jżommu, f’dan it-trasferiment provviżorju, l-elementi tal-paga jew l-allowances li jiddependu mill-eżerċizzju, mill-ħaddiema kkonċernata, ta’ funzjonijiet speċifiċi f’kundizzjonijiet partikolari u li huma intiżi essenzjalment sabiex jingħata kumpens għall-inkonvenjenti marbuta ma’ dan l-eżerċizzju. Dan ikun il-każ ukoll għal ħaddiema tqila li tkun obbligata ma taħdimx bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwarha.

66      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 tirreferi espliċitament għal-liġijiet u/jew għall-prassi nazzjonali.

67      Kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt għal dħul tal-ħaddiema nisa tqal koperti mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 92/85. Għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi dritt mingħajr ma jistgħu, madankollu, jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l-eżistenza stess ta’ dan id-dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva u mir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiema tqila u min iħaddimha (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 53, u, wkoll, is-sentenza Parviainen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

68      L-eżerċizzju mill-Istati Membri u, skont il-każ, mill-imsieħba soċjali, ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-paga li għaliha għandha dritt ħaddiema tqila ttrasferita provviżorjament għal pożizzjoni oħra minħabba t-tqala tagħha ma jistax, minn naħa, jippreġudika l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa ta’ ħaddiema nisa tqal previst fid-Direttiva 92/85 u lanqas, min-naħa l-oħra, jinjora l-fatt li tali eżenzjoni milli taħdem hija miżura ta’ protezzjoni estrema li hija neċessarju meta t-trasferiment provviżorju lil pożizzjoni oħra jkun teknikament u/jew oġġettivament impossibbli jew ma jistax raġjonevolment jkun mistenni għal raġunijiet debitament ġustifikati.

69      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mis-sittax-il premessa tad-Direttiva 92/85, il-miżuri għall-organizzazzjoni tax-xogħol li jikkonċernaw il-protezzjoni tas-saħħa ta’ ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu ma jservu l-ebda skop kemm-il darba ma jkollhomx magħhom il-ħarsien ta’ drittijiet annessi mal-kuntratt tax-xogħol, inkluż li jibqa’ jsir il-ħlas u/jew id-dritt għal allowance adegwata.

70      Fir-rigward tal-ħaddiema nisa tqal li għandhom l-obbligu li ma jaħdmux, bħala miżura estrema, bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jew, jekk ikun l-każ, l-imsieħba soċjali jistgħu jiżguraw il-ġbir ta’ ħlas fil-forma ta’ allowance adegwata, ta’ remunerazzjoni jew ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, imma l-għażla li jwettqu f’dan ir-rigward u l-livel li fih id-dħul jiġi stabbilit ma għandux jaffettwa ħażin dan l-effett utli.

71      Huwa ċar li l-effett utli tad-Direttiva 92/85 u l-għanijiet imfittxija minnha ma jiġux żgurati kieku kien ikun possibbli, għal min iħaddem, permezz tal-istabbiliment ta’ livell imnaqqas ta’ dħul bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, li jirrikorri l-Artikolu 5(3) tagħha sabiex inaqqas id-dannu finanzjarju li jkollu jiffaċċja minħabba l-assenza tal-ħaddiema tqila matul it-tqala tagħha.

72      Meta l-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, l-imsiebħa soċjali jagħżlu, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85, li jiżguraw lil ħaddiema tqila li tkun eżentata milli taħdem jew li jkollha l-obbligu li ma taħdimx bis-saħħa tal-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva dħul taħt il-forma ta’ remunerazzjoni, ta’ allowance adegwata jew ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, dan id-dħul għandu f’kull każ jinkludi l-paga mensili bażika ta’ din il-ħaddiema kif ukoll l-elementi tal-paga jew l-allowances li huma relatati mal-istatus professjonali tal-ħaddiema tqila – liema status bl-ebda mod ma tiġi kkontestata permezz ta’ din l-eżenzjoni mix-xogħol – bħall-allowances relatati mal-kwalità tagħha ta’ superjur ġerarkiku, mal-anzjanità tagħha u mal-kwalifiki professjonali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Parviainen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

73      Kull interpretazzjoni oħra tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 dwar id-dritt għal dħul tal-ħaddiema nisa tqal imsemmi fl-Artikolu 5 tagħha tkun tali li tikkawża effett ħażin fuq l-effett utli ta’ din tal-aħħar u li tneħħi parti kbira mis-sustanza tagħha.

74      Mill-proċess fil-pussess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-remunerazzjoni li għandha dritt għaliha ħaddiema tqila li jkollha l-obbligu li ma taħdimx matul it-tqala tagħha bis-saħħa tal-Artikolu 3(3) tal-MSchG tiġi kkalkolata skont l-Artikolu 14(1) u (2) ta’ din l-istess liġi. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-ħaddiema tqila għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għall-paga medja li tkun irċeviet matul it-tlettax-il ġimgħa qabel l-obbligu li ma taħdimx. Madankollu, l-allowances għal xogħol ta’ għassa li għalihom kellha dritt matul dan il-perijodu ta’ riferiment ma jittieħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ din ir-remunerazzjoni medja.

75      Għar-raġunijiet indikati fil-punti 60 sa 67 ta’ din is-sentenza, l-esklużjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa mir-remunerazzjoni li għandha dritt titlob il-ħaddiema tqila li ġiet eżentata provviżorjament milli taħdem matul it-tqala tagħha ma għandhiex titqies li tmur kontra l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85.

76      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, għandha tingħata r-risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema tqila li ġiet eżentata provviżorjament milli taħdem minħabba t-tqala tagħha għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għal-paga medja li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment ta’ qabel il-perijodu tat-tqala tagħha, bl-esklużjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

 Fuq id-dritt għal allowance għal xogħol ta’ għassa ta’ ħaddiema bil-leave tal-maternità

77      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema li ngħatat leave tal-maternità għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għall-paga medja li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment qabel il-bidu ta’ dan il-leave, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

78      Hekk kif jirriżulta mill-punti 61 u 64 ta’ din is-sentenza, peress li hija bbażata fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol u hija mħallsa lill-ħaddiem skont it-tul tax-xogħol imwettaq matul l-overtime u tal-kontribuzzjoni medja ta’ dan il-ħaddiem matul dan il-perijodu, l-allowance għal xogħol ta’ għassa jaqa’ taħt il-kunċett ta’ remunerazzjoni li tidher fl-Artikolu 141 KE.

79      Madankollu, ma jsegwix li ħaddiema assenti mix-xogħol minħabba leave tal-maternità għandha dritt, bis-saħħa tal-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85, għall-benefiċċji u l-allowances kollha li hija tirċievi fix-xahar meta hija twettaq ix-xogħol li jkun mistenni minnha minn min iħaddimha.

80      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiema li jibbenefikaw mil-leave tal-maternità previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jinsabu f’sitwazzjoni speċifika li teżiġi li tingħatalhom protezzjoni speċjali, imma li ma tistax tiġi ekwiparata għal dik ta’ raġel jew dik ta’ mara li jew jokkupaw effettivament il-post tax-xogħol tagħhom, jew li jibbenefikaw minn leave tal-mard (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, Ġabra p. I‑475, punt 17; tas-27 ta’ Ottubru 1998, Boyle et, C‑411/96, Ġabra p. I‑6401, punt 40, kif ukoll Alabaster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

81      Il-leave tal-maternità li minnu tibbenefika l-ħaddiema huwa intiż li jiżgura, minn naħa, il-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara fil-kors tat-tqala tagħha kif ukoll wara li tispiċċa u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tar-relazzjoni partikolari bejn l-omm u t-tarbija tagħha matul il-perijodu li jmur wara t-tqala (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofman, 184/83, Ġabra p. 3047, punt 25; tat-30 ta’ April 1998, Thibault, C‑136/95, Ġabra p. I‑2011, punt 25, kif ukoll Boyle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiema li ma jistgħux effettivament jinvokaw il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 141 KE jew tal-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 sabiex jitolbu t-tkomplija, matul il-perijodu tal-leave tal-maternità, ir-remunerazzjoni sħiħa daqs li kieku kienu jokkupaw effettivament, bħall-ħaddiema l-oħra, il-post tax-xogħol tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq, Gillespie et punt 20, kif ukoll Alabaster, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

83      B’hekk, kif jirriżulta mid-Direttiva 92/85 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiggarantixxi lill-ħaddiema benefiċjarja, matul il-leave tal-maternità tagħha, dħul ta’ ammont li huwa mhux inqas mill-ekwivalenti għal allowance prevista mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali fil-każ tal-interruzzjoni tal-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa (sentenza Boyle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

84      Il-ġbir ta’ dħul ta’ livell bħal dan għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema matul il-leave tal-maternità tagħhom, kemm jekk jitħallas, skont l-Artikolu 11(2)(b) tad-Direttiva 92/85, taħt forma ta’ allowance, ta’ remunerazzjoni jew taħt kombinazzjoni tat-tnejn (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Boyle et, punt 33, kif ukoll Lewen, punt 22).

85      Skont l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva, min iħaddem għandu, matul il-leave tal-maternità, jiżgura t-tkomplija ta’ remunerazzjoni u/jew tal-benefiċċju ta’ allowance adegwata, u d-dħul iggarantit lill-ħaddiema matul dan il-leave, meta jitħallas taħt il-forma ta’ allowance, ta’ remunerazjoni jew, jekk ikun il-każ, ta’ kombinazzjoni tat-tnejn, għandu jkun adegwat fis-sens tal-imsemmi paragrafu (3) (ara s-sentenza Boyle et, punt 34).

86      Meta ħaddiema tkun assenti mix-xogħol għaliex tkun qed tibbenefika minn leave tal-maternità, il-protezzjoni minima mitluba mill-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jimplikax għaldaqstant it-tkomplija sħiħa tar-remunerazzjoni tal-interessata u lanqas il-ħlas tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

87      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi madankollu dwar l-effett li jista’ jkun hemm fuq id-dritt għal remunerazzjoni ta’ ħaddiema bil-leave tal-maternità bil-fatt li l-Istat Membru jipprevedi d-dritt ta’ din il-ħaddiema għal remunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju medju li hija tkun irċeviet matul perijodu ta’ riferiment qabel il-bidu tal-leave tal-maternità tagħha, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jipprevedix protezzjoni minima fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiema nisa tqal li jkunu eżentati milli jaħdmu matul il-leave tal-maternità tagħhom bis-saħħa tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. L-ebda dispożizzjoni tagħha ma tipprekludi l-Istati Membri jew, jekk ikun il-każ, l-imsieħba soċjali, milli jipprevedi t-tkomplija tal-elementi kollha tar-remunerazzjoni u tal-benefiċċji kollha, inkluża l-allowance għal xogħol ta’ għassa li l-ħaddiema tqila kellha dritt għaliha qabel il-leave tal-maternità tagħha.

89      Fil-fatt, id-Direttiva 92/85, li ġiet adottata skont l-Artikolu 118a tat-Trattat KE (l-Artikoli 117 sa 120 tat-Trattat KE ġew sostitwiti bl-Artikoli 136 KE sa 143 KE), ma twaqqafx lil Stat Membru, kif jirriżulta mill-Artikolu 137(4) KE, milli jżomm jew jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, Ġabra p. I‑6915, punt 37).

90      Peress li s-sistema ta’ remunerazzjoni prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi miżura ta’ protezzjoni iktar favorevoli għall-ħaddiema bil-leave tal-maternità kif mitlub mid-Direttiva 92/85, l-esklużjoni ta’ ċerti elementi tar-remunerazzjoni mill-kalkolu tad-dħul dovut matul il-leave ma għandux jitqies li jmur kontra l-Artikolu 11(2) u (3) ta’ din id-direttiva.

91      Konsegwentement, għandha tingħata r-risposta lill-qorti tar-rinviju li l-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema bil-leave tal-maternità għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju medju li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment qabel il-bidu tal-imsemmi leave, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

 Fuq it-tieni domanda, dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ effett dirett

92      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk, fil-każ li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 ma jkollhomx effett dirett, huma jkunu jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri b’mod li ħaddiema li, matul il-perijodu li jkollha l-obbligu li ma taħdimx għan-nisa tqal u/jew bil-leave tal-maternità, ma tagħmilx iktar xogħol ta’ għassa, għandha tiġi rrikonoxxuta lilha d-dritt għat-tkomplija tal-allowance għal dan ix-xogħol.

93      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

94      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11(1) sa (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu effett dirett u jagħti, lil individwi, drittijiet li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront ta’ Stat Membru li ma jkunx ittraspona din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew li jkun ittrasponiha b’mod inkorrett, u li l-qrati nazzjonali huma marbuta josservaw.

2)      L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema tqila li ġiet eżentata provviżorjament milli taħdem minħabba t-tqala tagħha għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju medju li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment ta’ qabel il-perijodu tat-tqala tagħha, bl-esklużjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

3)      L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li ħaddiema bil-leave tal-maternità għandha dritt għal remunerazzjoni ekwivalenti għas-salarju medju li kienet tirċievi matul perijodu ta’ riferiment qabel il-bidu tal-imsemmi leave, bl-eċċezzjoni tal-allowance għal xogħol ta’ għassa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.