Kawża C-138/09

Todaro Nunziatina & C. Snc

vs

Assessorato del Lavoro, della Previdenza Sociale, della Formazione Professionale e dell’Emigrazione della regione Sicilia

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale ordinario di Palermo)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Għajnuna mill-Istat — Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni — Interpretazzjoni — Għajnuna mogħtija mir-Reġjun ta’ Sicilia lill-impriżi li jikkonkludu kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew li jbiddlu tali kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat — Terminu għall-għoti ta’ għajnuna — Limiti tal-baġit — Interessi moratorji — Inammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Domanda li hija manifestament irrilevanti

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali — Stabbiliment u evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża

(Artikolu 234 KE)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Skema ta’ għajnuna li tiffavorixxi t-taħriġ u l-ħolqien ta’ xogħol f’reġjun

(Artikolu 88(3) KE)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida — Klassifikazzjoni bħala għajnuna ġdida

(Artikolu 88 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 1(ċ))

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Projbizzjoni — Derogi — Skema ta’ għajnuna li tipprevedi ammont ta’ baġit massimu

6.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Proġetti ta’ għajnuna — Notifika lill-Kummissjoni — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni — Interessi moratorji fil-każ ta’ ħlas tardiv ta’ għajnuna b’effett mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni

(Artikolu 88(3) KE)

1.        Il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni fir-rigward ta’ domanda preliminari dwar l-eżami tal-validità ta’ att Komunitarju meta jidher b’mod manifest li din l-evalwazzjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

(ara l-punt 16)

2.        Hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 25)

3.        Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni kontra skema ta’ għajnuna li għandha bħala għan li tinkoraġġixxi t-taħriġ u l-ħolqien ta’ xogħol f’reġjun u li tikkonsisti, l-ewwel nett, fl-għoti ta’ sussidju għar-remunerazzjoni ta’ ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol, għat-tul kollu tal-kuntratti bil-kundizzjoni li l-ħaddiema kienu ġew impjegati matul perijodu partikolari u, it-tieni nett, fl-għoti ta’ sussidju digressiv għar-remunerazzjoni ta’ ħaddiema fil-każ li tali kuntratt jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat matul l-ewwel tliet snin ta’ dan il-kuntratt bil-kundizzjoni li tali bdil iseħħ matul l-istess perijodu u jikkonċerna l-ħaddiema impjegati qabel tali perijodu, għandha tiġi interpretata fis-sens li aċċettat bħala kompatibbli mas-suq komuni skema ta’ għajnuna komposta minn dawn iż-żewġ miżuri li ma jistgħux ikunu kumulattivi u li l-fatt li jwassal għalihom, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ ħaddiem jew it-trasformazzjoni ta’ kuntratt f’kuntratt għal żmien indeterminat, għandu jseħħ qabel l-iskadenza tal-imsemmi perijodu, iżda l-ħlas li jirriżulta minnhom jista’ jitwettaq wara din id-data, sa fejn ir-regoli tal-baġit u finanzjarji nazzjonali ma jipprekludux dan u sa fejn jiġi osservat l-ammont tal-baġit approvat mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 29, 30, 34-38 u d-dispożittiv 1)

4.        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/195, dwar skema ta’ għajnuna għall-impjieg f’Sicilia, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskema ta’ għajnuna li permezz tagħha l-Italja riedet testendi l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ skema ta’ għajnuna li kienet preċedentement approvata, intiża li tinkoraġġixxi t-taħriġ u l-ħolqien ta’ xogħol, tikkostitwixxi għajnuna ġdida, distinta minn dik li għaliha l-Kummissjoni kienet tat l-approvazzjoni tagħha. Għalhekk, id-deċiżjoni tostakola l-għoti ta’ sussidji għal kull reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew b’kuntratt għal żmien indeterminat magħmul wara d-data ta’ skadenza tal-iskema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni.

Fil-fatt, peress li għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida, il-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat li jagħtu jew jemendaw għajnuna, indipendentement mill-fatt dwar jekk dawn il-bidliet jirrigwardawx għajnuna eżistenti jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni, l-Italja, billi tipprovdi kemm żieda tal-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna kif ukoll estensjoni tal-perijodu li matulu kienu applikabbli l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-iskema, ħolqot għajnuna ġdida distinta mill-għajnuna msemmija fid-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti.

(ara l-punti 46-47 u d-dispożittiv 2)

5.        Fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna approvata mill-Kummissjoni u li tipprovdi ammont ta’ baġit, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l-parti fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali dwar għajnuna li taqa’ taħt l-iskema li għandha l-oneru tiddetermina l-prova li l-ammont tal-baġit allokat għall-miżuri inkwistjoni ma ġiex eżawrit.

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s‑sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddefinixxi l‑modalitajiet u r-regoli probatorji intiżi li jistabbilixxu li l-ammont tal-baġit allokat lill-iskema ta’ għajnuna awtrorizzata bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma nqabiżx.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiġġustifikaw, b’mod partikolari fuq talba tal-Kummissjoni, l-istat ta’ ħlas fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna fejn il-Kummissjoni tkun tat deċiżjoni fir-rigward ta’ skema li għaliha l-Istat Membru pprovda ammont ta’ baġit massimu li jista’ jiġi allokat individwalment lill-benefiċjarji tal-imsemmija skema.

(ara l-punti 54-55 u d-dispożittiv 3)

6.        L-ewwel sentenza tal-Artikolu 88(3) KE tistabbilixxi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ notifika tal-proġetti intiżi li jistabilixxu jew jemendaw għajnuna. Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, jekk il-Kummissjoni tqis li proġett innotifikat ma huwiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87 KE, hija għandha tibda mingħajr dewmien il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, l-Istat Membru li għandu l-intenzjoni li jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l-imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni.

Il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li l-effetti ta’ għajnuna ma jipproduċux ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettal, u, jekk ikun il-każ, tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

Fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqajjimx oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna, hija tirrendiha kompatibbli mas-suq komuni b’effett mid-data tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li kull ħlas tardiv tal-għajnuna jista’ biss jagħti lok għall-kalkolu tal-interessi fir-rigward tal-ammont ta’ għajnuna dovut wara din id-data.

Barra minn hekk, l-ammont ta’ interessi legali potenzjalment dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-għajnuna awtorizzata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-perijodu wara din id-deċiżjoni ma għandux jiġi inkluż mal-ammont tal-baġit awtorizzat min din id-deċiżjoni. Ir-rata tal-interessi u l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-rata jaqgħu taħt il-kamp tad-dritt nazzjonali.

(ara l-punti 58-62 u d-dispożittiv 4)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

20 ta’ Mejju 2010 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni – Interpretazzjoni – Għajnuna mogħtija mir-Reġjun ta’ Sicilia lill-impriżi li jikkonkludu kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew li jbiddlu tali kuntratti f’kuntratti għal żmien indeterminat – Terminu għall-għoti ta’ għajnuna – Limiti tal-baġit – Interessi moratorji – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑138/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Palermo (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat- 23 ta’ Jannar 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ April 2009, fil-proċedura

Todaro Nunziatina & C. Snc

vs

Assessorato del Lavoro, della Previdenza Sociale, della Formazione Professionale e dell’Emigrazione della regione Sicilia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, C. Toader, K. Schiemann, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Assessorato del Lavoro, della Previdenza Sociale, della Formazione Professionale e dell’Emigrazione della regione Sicilia, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Arena, avvocato dello Stato,

–        għal Todaro Nunziatina & C. Snc, minn G. Bentivegna, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Grespan, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (95) D/15975, tal-11 ta’ Diċembru 1995, dwar il-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991 tar-Reġjun ta’ Sicilia li tipprovdi miżuri favur ix‑xogħol (għajnuna mill-Istat NN 91/A/95) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-1995”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/195/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2002, dwar skema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni timplementa favur ix‑xogħol fir-Reġjun ta’ Sicilia – C 56/99 (ex N 668/97) (ĠU 2003 L 77, p. 57), kif ukoll il-validità ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Todaro Nunziatina & C. Snc (iktar ’il quddiem “Todaro Nunziatina”), kumpanija li għandha s-sede tagħha f’Sicilia (l-Italja), u l-Assessorato del Lavoro, della Previdenza Sociale, della Formazione Professionale e dell’Emigrazione della regione Sicilia, (iktar ’il quddiem l-“amministrazione”), dwar il-ħlas tas-somma ta’ EUR 45 320.64, flimkien mal-interessi legali, dovuta taħt is-sussidji previsti fl-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991, tar-Reġjun ta’ Sicilia, li tipprovdi miżuri favur ix-xogħol (GURS Nru 25, tat-18 ta’ Mejju 1991, iktar ’il quddiem il-“Liġi 27/91”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

ċ)      “għajnuna ġdida” għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

4        Fid-Deċiżjoni tal-1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma qajmitx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-miżuri ta’ għajnuna proposti fil-Liġi 27/91, peress li hija kkunsidrat lil dawn il-miżuri kompatibbli mat-Trattat KE. Barra minn hekk, fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet stiednet l-Istat Membru kkonċernat jinnotifika mill-ġdid il-liġi inkwistjoni fil-każ ta’ rifinanzjament ta’ din l-għajnuna wara l-1997.

5        Fil-punt 10 tal-motivi tad-Deċiżjoni 2003/195, il-Kummissjoni tirrileva li “l‑Artikolu 11(1) tal-[Liġi Reġjonali Nru 16 tas-27 ta’ Mejju 1997 tar-Reġjun ta’ Sicilia, li tawtorizza l-infiq għall-użu tal-provvisti inklużi fil-fondi ġenerali tal-baġit tar-Reġjun għas-sena 1997 (GURS Nru 27, tal-31 ta’ Mejju 1997, iktar ’il quddiem il-“Liġi 16/97”)] jikkonċerna r-rifinanzjament, għas-snin 1997 u 1998, ta’ skema ta’ għajnuna (NN 91/A/95), stabbilita bl-Artikolu 10 tal-[Liġi 27/91], approvata mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Novembru 1995 u li skadiet fi tmiem l‑1996”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2003/195 jipprovdi:

“L-iskema ta’ għajnuna prevista mill-Artikolu 11(1) tal-Liġi Reġjonali ta’ Sicilia 16 tas-27 ta’ Mejju 1997, li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplementa, hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Għaldaqstant, din l-iskema ma tistax tiġi implementata.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7        L-Artikoli 9 sa 11 tal-Liġi 27/91 jipprevedu diversi forom ta’ għajnuna sabiex jinkoraġġixxu x-xogħol f’Sicilia.

8        L-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91 jipprovdi b’mod partikolari li:

“1.      Il-Ministru Reġjonali tax-xogħol, tas-sigurtà soċjali, tat-taħriġ professjonali u tal-emigrazzjoni huwa awtorizzat, anki fil-kuntest ta’ ftehim previst fl-Artikolu 8 tal-Liġi Reġjonali Nru 35 tat-8 ta’ Novembru 1988, jagħti lill-kumpaniji li joperaw fl-oqsma tal-artiġjanat, tat-turiżmu u tal-ambjent, kif ukoll lil persuni li jħaddmu rreġistrati fir-reġistri professjonali, li jimpjegaw nies b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol skont l-Artikolu 3 tad-Digriet-Liġi Nru 726 tat-30 ta’ Ottubru 1984, konvertit bil-Liġi Nru 863 tad-19 ta’ Diċembru 1984, u abbażi ta’ proġetti approvati minn qabel mill-Commissione regionale per l’impiego (Kummissjoni reġjonali tal-impjieg), sussidji fuq ir-remunerazzjoni li jammontaw għal:

a)      30 % tar-remunerazzjoni dovuta skont ftehim kollettiv settorjali, għat-tul tal-kuntratt ta’ taħriġ jew ta’ xogħol. Dan il-perċentwali jilħaq il-50 % meta r‑reklutaġġ isir għal proġetti konformi mal-ftehim previst fl-Artikolu 8 tal-Liġi Reġjonali Nru 35 tat-8 ta’ Novembru 1988, jew fil-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 9(2);

b)      50 %, 40 % u 25 % tar-remunerazzjoni dovuta skont ftehim kollettiv settorjali, għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet sena rispettivament, fil-każ taż-żamma tal-attività għal żmien indeterminat, ta’ ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol. Dawn is-sussidji jilħqu rispettivament 65 %, 50 % u 50 % għall-ewwel, għat-tieni u għat-tielet sena fil-każijiet ipprovduti fl-Artikolu 9(2).

2.      Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 japplikaw għal ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol matul perijodu bejn l-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tidħol fis-seħħ il-liġi preżenti u l-31 ta’ Diċembru 1996, bil-kundizzjoni li ma jkunx hemm tnaqqis tal-persunal mill-kumpanija matul it-tnax‑il xahar preċedenti. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 relatati mal-punt (b) japplikaw ukoll fil-każijiet ta’ attività għal żmien indeterminat, matul il‑perijodu msemmi iktar ’il fuq, minn ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol.

[…]”

9        L-Artikolu 11(1) tal-Liġi 16/97 jipprovdi:

“Għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 10 tal-[Liġi 27/91], huma awtorizzati spejjeż addizzjonali fl-ammont ta’ ITL 82 000 miljun (artikolu 33709) għas-sena 1997. L‑iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 1999 imsemmija fl-Artikolu 69 tal-Liġi Reġjonali Nru 6 tas-7 ta’ Marzu 1997 tikkonċerna wkoll il-miżuri msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tal-[Liġi 27/91], kif emendata u kkompletata sussegwentement.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Todaro Nunziatina ppreżentat applikazzjoni għal għajnuna skont l-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91 għar-reklutaġġ ta’ żewġ ħaddiema b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol, kuntratti li sussegwentement inbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat. Għal dan il-għan, hija ppreżentat sitt applikazzjonijiet għal sussidju marbuta mal-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju 1996 u t‑30 ta’ Settembru 1999.

11      Peress li l-amministrazione ma ħallsitx l-għajnuna mitluba, Todaro Nunziatina ppreżentat rikors quddiem it-Tribunale ordinario di Palermo, sabiex tikseb il-ħlas tas-somma ta’ EUR 45 320.64, flimkien mal-interessi legali. L-amministrazione tikkontesta din it-talba billi ssostni, essenzjalment, li ma hijiex awtorizzata tagħti għajnuna minħabba d-Deċiżjoni 2003/195.

12      F’dan il-kuntest, it-Tribunale ordinario di Palermo ddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tressaq is-segwenti domandi preliminari quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Peress li l-iskema ta’ għajnuna (identifikata bin-Nru NN 91/A/95) introdotta mir-Reġjun ta’ Sicilia permezz tal-Artikolu 10 tal-[Liġi 27/91], tipprovdi mekkaniżmu għal sussidji għal numru ta’ snin, għal minimu ta’ sentejn, u għal massimu ta’ ħames snin (sentejn għal reklutaġġ b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol flimkien ma’ massimu ta’ tliet snin fil-każijiet fejn dawn il‑kuntratti nbidlu f’kuntratti għal terminu indefinit), il-[Kummissjoni], permezz tad-[Deċiżjoni tal-1995] li approvat l-implementazzjoni tal-iskema, kellha l-intenzjoni:

–        tawtorizza b’mod ġenerali tali applikazzjoni temporali u ekonomika fir-rigward tal-benefiċċji (sentejn u tliet snin), jew a contrario,

–        tawtorizza, eklużivament jew sussidjarjament, l-għoti ta’ sussidji għal reklutaġġ b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol (matul is-sentejn ħajja ta’ tali kuntratti) jew l-għoti ta’ sussidji għat-trasformazzjoni f’kuntratti għal terminu indefinit tal-kuntratti ta’ ħaddiema li preċedentement kienu reklutati b’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol (matul tliet snin b’effett mid-data tal-bdil)?

2)      It-terminu tas-sena finanzjarja 1997 għall-implementazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, stabbilit mill-[Kummissjoni] bid-[Deċiżjoni tal-1995] fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tal-iskema introdotta mill-Artikolu 10 tal-[Liġi 27/91], għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa:

–        t-terminu għall-previżjoni inizjali tal-ispejjeż għal għajnuna li, fi kwalunkwe każ, għandha titħallas matul is-snin sussegwenti (skont l‑interpretazzjonijiet differenti possibbli, iċċitati iktar ’il fuq, tal-għajnuna awtorizzata), jew pjuttost

–        t-terminu finali għal ħlas materjali tas-sussidji stess mill-korpi reġjonali kompetenti?

3)      Fir-rigward ta’ reklutaġġ b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol skont l-Artikolu 10 tal-[Liġi 27/91], li beda, per eżempju, fl-1 ta’ Jannar 1996, u għalhekk matul il-perijodu ta’ implementazzjoni tal-għajnuna stabbilit fid-[Deċiżjoni tal-1995], ir-Reġjun ta’ Sicilia seta’ (jew kellu) japplika konkretament l‑iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għas-snin kollha awtorizzati (jiġifieri sentejn flimkien ma’ tliet snin), u dan ukoll meta, kif inhuwa l-każ fl-eżempju ċċitat iktar ’il fuq, l-implementazzjoni tal-iskema awtorizzata tinkludi l-ħlas materjali tas-sussidju sal-31 ta’ Diċembru 2001 (jiġifieri, 1996 + ħames snin = 2001)?

4)      Il-[Kummissjoni], permezz tad-Deċiżjoni 2003/195 [...], li l-Artikolu 1 tagħha jipprovdi: ‘l-iskema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplementa skont l-Artikolu 11(1) tal-[Liġi 16/97], hija inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, din l-iskema ma tistax tiġi implementata’, kellha l-intenzjoni:

–        tirrifjuta l-awtorizzazjoni tal-iskema tal-għajnuna l-‘ġdida’ inkluża fl-Artikolu 11 tal-[Liġi 16/97], peress li kkunsidrata bħala skema ‘awtonoma’ intiża li testendi l-perijodu ta’ implementazzjoni tal-għajnuna stabbilit mill-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27/91 lil hinn mil-31 ta’ Diċembru 1996 billi tinkludi wkoll l-ispejjeż tar-reklutaġġ u/jew ta’ trasformazjoni li ġew inkorsi fl-1997 u fl-1998, jew

–        kuntrarjament, li effettivament tipprekludi r-Reġjun milli jqassam materjalment ir-riżorsi ekonomiċi, sabiex twaqqaf il-ħlas konkret tal-għajnuna mill-Istat stabbilita bl-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27/91, anki għar-reklutaġġi u/jew it-trasformazzjonijiet li saru qabel il‑31 ta’ Diċembru 1996?

5)      Jekk l-interpretazzjoni tad-[Deċiżjoni 2003/195] magħżula tkun dik esposta fl-ewwel inċiż tal-punt 4, din id-deċiżjoni hija kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikolu [87 KE], invokata mill-Kummissjoni bħala bażi għal sitwazzjonijiet simili ta’ eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol imsemmija fid-Deċiżjoni 2000/128/KE tal-11 ta’ Mejju 1999[, dwar l-iskemi ta’ għajnuna implementati mill-Italja favur miżuri għax-xogħol, (ĠU 2000, L 42, p. 1)] ([...] speċifikament imfakkra fil-motivi tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tal-2002) u fid-Deċiżjoni 2003/739/KE tat-13 ta’ Mejju 2003[, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Italja għandha l-intenzjoni li timplementa favur ix-xogħol fir-Reġjun ta’ Sicilia (ĠU L 267, p. 29)]?

6)      Jekk l-interpretazzjoni tad-[Deċiżjoni 2003/195] magħżula tkun dik esposta fit-tieni inċiż tal-punt 4, liema interpretazzjoni għandha tingħata lid-deċiżjoni preċedenti ta’ awtorizzazzjoni tal-miżuri tal-għajnuna, u dan b’kunsiderazzjoni għat-tifsira doppja li tista’ tingħata lill-aġġettiv ‘addizzjonali’: ‘addizzjonali fir-rigward tal-baġit stabbilit bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni’ jew ‘addizzjonali fir-rigward tal-finanzjament magħmul mir-Reġjun, biss sal-baġit tal-1996’?

7)      Fl-aħħar nett, liema għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala legali u liema għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali skont il-Kummissjoni?

8)      Liema mill-partijiet fil-kawża prinċipali [(Todaro Nunziatina jew l‑amministrazione)] għandhom l-obbligu li jippruvaw li l-baġit stabbilit mill-Kummissjoni ma nqabiżx?

9)      Ir-rikonixximent eventwali favur impriżi benefiċjarji, ta’ interessi legali għal ħlas tardiv tas-sussidji kkunsidrati legali u ammissibbli għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk inqabiżx il-baġit awtorizzat inizjalment bid-[Deċiżjoni tal-1995]?

10)      Fil-każ fejn din hija inkluża fid-determinazzjoni ta’ dan il-qbiż, liema perċentwali tal-interessi għandha tiġi applikata?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni, tal-ħames u tat-tmien domandi

 Fuq l-ammissibbiltà tal-ħames domanda

–       Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

13      Il-Kummissjoni tikkunsidra li din id-domanda tirrigwarda l-validità tad-Deċiżjoni 2003/195. Hija tqis li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din id-deċiżjoni hijiex kompatibbli mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE li segwiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjonijiet 2000/128 u 2003/739. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li l-ħames domanda ma hijiex rilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

14      Todaro Nunziatina ssostni li din id-domanda ma hijiex rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża prinċipali peress li d-Deċiżjonijiet 2000/128 u 2003/739 jikkonċernaw sitwazzjonijiet differenti minn dawk fil-kawża prinċipali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      Id-domanda għall-evalwazzjoni tal-validità tad-Deċiżjoni 2003/195 saret mill-qorti tar-rinviju.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li ma tagħtix deċiżjoni fir-rigward ta’ domanda preliminari dwar l-eżami tal-validità ta’ att Komunitarju meta jidher b’mod manifest li din l-evalwazzjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, Cassa di Risparmio di Firenze et., C‑222/04, Ġabra p. I‑289, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17      Id-Deċiżjoni 2003/195 teżamina l-kompatibbiltà, fir-rigward tal-Artikoli 87 KE et seq, tal-Artikolu 11(1) tal-Liġi 16/97 dwar ir-rifinanzjament għas-snin 1997 u 1998 ta’ skema ta’ għajnuna introdotta mill-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91 li ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-1995.

18      Min-naħa l-oħra, id-Deċiżjoni 2000/128 teżamina l-kompatibbiltà, fir-rigward tal-Artikoli 87 KE et seq, ta’ għajnuna mill-Istat favur ix-xogħol implementata fuq livell nazzjonali mir-Repubblika Taljana, minbarra dawk imsemmija mid-Deċiżjoni 2003/195 u taċċetta li din l-għajnuna hija parzjalment kompatibbli mas-suq komuni.

19      Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2003/739 teżamina wkoll, fir-rigward tal-Artikoli 87 KE et seq, ir-rifinanzjament, għall-perijodu 2000-2006, ta’ skema ta’ għajnuna fir-Reġjun ta’ Sicilia approvata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Frar 1998 u bbażata fuq il-Liġi Regjonali 30/97 li tipprovdi għajnuna, fil-forma ta’ eżenzjoni totali mill-ispejjeż għall-perijodu massimu ta’ sitt snin, fil-każ ta’ ħolqien ta’ xogħol, kemm jekk huwa marbut ma’ investiment jew le.

20      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju ma pprovdiet ebda spjegazzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 87 KE li d‑Deċiżjonijiet 2000/128 u 2003/739 imsemmija iktar ’il fuq għandhom jiżguraw kompatibbiltà miegħu.

21      Fi kwalunkwe każ, il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni f’każijiet oħra, bħal fid-Deċiżjonijiet 2000/128 u 2003/739, ma tistax taffettwa l-validità tad-Deċiżjoni 2003/195 li tista’ tiġi evalwata biss fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-Trattat.

22      Konsegwentement, il-ħames domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni u tat-tmien domandi

–       Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23      Todaro Nunziatina tqis li t-tieni domanda preliminari hija inammissibbli peress li teħtieġ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li ma għandhiex issir mill-Qorti tal-Ġustizzja.

24      Il-Kummissjoni u l-amministrazione jsostnu l-inammissibbiltà tat-tmien domanda minħabba li l-aspett tad-dritt Komunitarju li qiegħda tintalab l‑interpretazzjoni tiegħu mill-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi identifikat b’mod ċar.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25      Għandu jitfakkar li, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in‑neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I‑3735, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et., C‑378/08, Ġabra p. I-0000, punt 73).

26      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni domanda, li tikkonsisti fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terminu tas-sena finanzjarja 1997 għall-implementazzjoni tal-għajnuna mill-Istat”, tikkonċerna d-Deċiżjoni tal-1995 u hija direttament importanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali u, it-tieni nett, li t-tmien domanda ma hijiex kompletament irrilevanti mad-Deċiżjoni tal-1995 peress li għandha l-effett li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tikkonstata l-użu tal-baġit allokat għall-għajnuna koperta minn din id-deċiżjoni.

27      Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għat-tieni u għat-tmien domandi preliminari.

 Fuq l-ewwel sat-tielet domandi preliminari

28      Permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-Deċiżjoni tal-1995 sabiex tiddetermina l-portata tagħha.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tad-Deċiżjoni tal-1995, il‑Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna favur ix-xogħol ipprovduta bil-Liġi 27/91.

30      Din l-iskema ta’ għajnuna, implementata mir-Reġjun ta’ Sicilia, kellha l-għan li tinkoraġġixxi t-taħriġ u l-ħolqien ta’ xogħol. Din kellha tapplika b’effett mis-sena 1991, iżda kien biss fit-18 ta’ Mejju 1995 li l-Gvern Taljan, skont l-Artikolu 88(3) KE, innotifikaha lill-Kummissjoni.

31      Għall-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-1995, għandu jiġi eżaminat mhux biss it‑test tagħha, li sunt tiegħu ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta’ Diċembru 1995, iżda għandu wkoll isir riferiment għan-notifika tal-miżuri adottati mill-Gvern Taljan fit-18 ta’ Mejju 1995.

32      Mill-eżami ta’ dawn id-dokumenti jirriżulta li l-għajnuna mill-Istat innotifikata hija dik prevista fl-Artikoli 9 sa 11 tal-Liġi 27/91 u li fir-rigward tagħha sar tqassim annwali tal-baġit sabiex jiġi żgurat il-finanzjament tagħha.

33      Fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-eżami tal-portata tad-Deċiżjoni tal-1995 għandu jiġi limitat għall-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91.

34      L-imsemmi Artikolu 10 essenzjalment jipprovdi żewġ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. L-ewwel waħda tikkonsisti fl-għoti ta’ sussidju ekwivalenti għal 30 % jew 50 % tar-remunerazzjoni ta’ ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ jew ta’ xogħol, għat-tul kollu tal-kuntratti bil-kundizzjoni li l-ħaddiema kienu ġew impjegati matul il-perijodu bejn l-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tidħol fis-seħħ il-Liġi 27/91 u l-31 ta’ Diċembru 1996.

35      It-tieni tikkonsisti fl-għoti ta’ sussidju digressiv li jvarja minn 50 % għal 25 % tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema fil-każ li tali kuntratt jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat matul l-ewwel tliet snin ta’ dan il-kuntratt bil-kundizzjoni li tali bdil ikun seħħ matul il-perijodu bejn l-ewwel jum tax-xahar wara dak li fih tidħol fis-seħħ il-Liġi 27/91 u l-31 ta’ Diċembru 1996 u tirrigwarda l-ħaddiema impjegati qabel dan il-perijodu.

36      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn iż-żewġ miżuri ta’ għajnuna ma jistgħux ikunu kumulattivi ratione temporis fir-rigward tal-istess ħaddiem peress li, sabiex jibbenefika mit-tieni għajnuna wara li jkun inbidel il‑kuntratt għal żmien determinat, il-ħaddiem għandu jkun ġie impjegat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi 27/91.

37      It-tieni nett, il-ħlas tas-somom allokati bħala għanjuna jista’, bla ħsara għar-regoli tal-baġit nazzjonali, isir wara l-31 ta’ Diċembru 1996.

38      Min-naħa l-oħra, il-fatt li jwassal għall-għajnuna, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ ħaddiem fl-ewwel każ jew il-bdil tal-kuntratt f’kuntratt għal żmien indeterminat fit-tieni każ, għandu jseħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 1996.

39      Barra minn hekk, kif jirriżulta min-nota deskrittiva annessa mal-ittra ta’ notifika tat-18 ta’ Mejju 1995 imsemmija iktar ’il fuq, l-ammont tal-baġit approvat mill-Kummissjoni għal dawn iż-żewġ miżuri previsti fl-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91 jammonta għal ITL 159 biljun, jiġifieri madwar EUR 79.5 miljun, għas-snin 1991 sa 1996.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li d-Deċiżjoni tal-1995 sempliċement tistabbilixxi l-limitu tal-impenn tal-ammont tal-baġit u la tippreċiża u lanqas tinterferixxi fir-regoli tal-ħlas ta’ din l-għajnuna li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali.

41      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni tal-1995 għandha tiġi interpretata fis-sens li aċċettat bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuna mill-Istat komposta minn żewġ miżuri previsti fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91, li ma jistgħux ikunu kumulattivi u li l-fatt li jwassal għalihom, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ ħaddiem jew it-trasformazzjoni ta’ kuntratt f’kuntratt għal terminu indefinit, għandu jseħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 1996, iżda l-ħlas li jirriżulta minnhom jista’ jitwettaq wara din id-data, sa fejn ir-regoli tal-baġit u finanzjarji nazzjonali ma jipprekludux dan u sa fejn jiġi osservat l-ammont tal-baġit approvat mill-Kummissjoni.

 Fur ir-raba’, is-sitt u s-seba’ domandi preliminari

42      Permezz tar-raba’, tas-sitt u tas-seba’ domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Gustizzja tinterpreta l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/195 sabiex jiġi ddeterminat jekk l-għajnuna li għaliha tirreferi din id-deċiżjoni hijiex għajnuna ġdida.

43      Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/195, il-Kummissjoni ddikjarat inkompatibbli mas-suq komuni l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi 16/97.

44      Din tal-aħħar tipprovdi, fid-dawl tat-tieni premessa ta’ din id-deċiżjoni, ir‑rifinanzjament għas-snin 1997 u 1998 tal-iskema ta’ għajnuna introdotta bl-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91, għall-ammont addizzjonali ta’ ITL 82 biljun, jiġifieri madwar EUR 42.3 miljun.

45       F’dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament 659/1999, “kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti, li jinkludu tibdil lill-għajnuna eżistenti”.

46      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida l-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat li jagħtu jew jemendaw għajnuna, indipendentement mill-fatt dwar jekk dawn il-bidliet jirrigwardawx għajnuna eżistenti jew proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Atzeni et., C-346/03 u C-529/03, Ġabra p. I 1875, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

47      Minn dan isegwi li, billi jipprovdi kemm żieda tal-baġit allokat għall-iskema ta’ għajnuna msemmi fl-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91, fil-każ ineżami ta’ iktar minn 50 %, kif ukoll estensjoni ta’ sentejn tal-perijodu li matulu kienu applikabbli l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ din l-iskema, l-Artikolu 11(1) tal-Liġi 16/97 ħoloq għajnuna ġdida distinta mill-għajnuna msemmija fid-Deċiżjoni tal-1995. Kienet biss din l-għajnuna ġdida li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2003/195.

48      Għaldaqstant, ir-reklutaġġ ta’ ħaddiema impjegati b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew il-bdil ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat li sar b’effett mill-1 ta’ Jannar 1997 ma jistax jagħti lok għall-għoti ta’ għajnuna.

49      Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’, għas-sitt u għas-seba’ domandi għanda tkun li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2003/195 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi 16/97 tikkostitwixxi għajnuna ġdida, distinta minn dik prevista fl-Artikolu 10 tal-Liġi 27/91. L-imsemmi Artikolu 1 jipprekludi l-għoti ta’ sussidji fir-rigward ta’ kwalunkwe reklutaġġ b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew il-bdil ta’ kuntratti ta’ taħriġ jew ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat wara l-1 ta’ Jannar 1997.

 Fuq it-tmien domanda preliminarja

50      Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment titlob li jiġi ddeterminat liema parti fil-kawża għandha tipprova li l-ammont tal-baġit allokat għall-miżuri ta’ għajnuna msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91, u awtorizzati mid-Deċiżjoni tal-1995, ma ġiex eżawrit.

51      Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, kif ġie rrilevat fil-punti 39 u 40 tas-sentenza preżenti, l-ammont tal-baġit aċċettat mid-Deċiżjoni tal-1995 huwa dak allokat mir-Reġjun ta’ Sicilia lill-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91, kif iddeterminat fin-notifika tal-miżuri lill-Kummissjoni mill-Gvern Taljan fit-18 ta’ Mejju 1995.

52      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li d-Deċiżjoni tal-1995 tawtorizza skema ta’ għajnuna billi tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni iżda ma timponihiex fuq l-Istat Membru kkonċernat.

53      Għalhekk, id-Deċiżjoni tal-1995 ma għandhiex l-għan u l-effett li ġġiegħel lir-Repubblika Taljana tagħti l-għajnuna prevista fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91, iżda li tawtorizzaha timplementa din l-għajnuna jekk din tkun għadha l-intenzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Foselev Sud-Ouest, C-18/08, Ġabra p. I 8745, punt 16).

54      Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, hija s‑sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tiddefinixxi l‑modalitajiet u r-regoli probatorji intiżi li jistabbilixxu li l-ammont tal-baġit allokat lill-iskema ta’ għajnuna bid-Deċiżjoni tal-1995 ma nqabiżx.

55      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiġġustifikaw, b’mod partikolari fuq talba tal-Kummissjoni, l-istat ta’ ħlas fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna li, kif huwa l-każ tad-Deċiżjoni tal-1995, il-Kummissjoni tat deċiżjoni fir-rigward ta’ skema li għaliha l-Istat Membru pprovda ammont ta’ baġit massimu li jista’ jiġi allokat individwalment lill-benefiċjarji tal-imsemmija skema.

56      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata lit-tmien domanda għandha tkun li huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l-parti fil-kawża li għandha tistabbilixxi l-prova li l-ammont tal-baġit allokat lill-miżuri msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91, u awtorizzati bid-Deċiżjoni tal-1995, ma ġiex eżawrit.

 Fuq id-disa’ u l-għaxar domandi preliminari

57      Permezz tad-disa’ u tal-għaxar domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il‑qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ammont ta’ interessi legali potenzjalement dovuti mir-Reġjun ta’ Sicilia fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-għajnuna għandux jiġi inkluż fl-ammont tal-baġit awtorizzat mid-Deċiżjoni tal-1995, u jekk dan ikun il-każ, liema hija r-rata applikabbli.

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi, għall-Istati Membri, obbligu ta’ notifika tal-proġetti intiżi li jistabilixxu jew jemendaw għajnuna (sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C-199/06, Ġabra p. I 469, punt 33).

59      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, jekk il-Kummissjoni tqis li l-proġett innotifikat ma huwiex kompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87 KE, hija għandha tibda mingħajr dewmien il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenza u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

60      Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, l-Istat Membru li għandu l‑intenzjoni li jagħti għajnuna ma jistax jimplementa l-miżuri ppjanati qabel ma l‑imsemmija proċedura tkun wasslet għal deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (sentenza CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

61      Il-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li l‑effetti ta’ għajnuna ma jipproduċux ruħhom qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettal, u, jekk ikun il-każ, tagħti bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 88(2) KE (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Boussac Saint Frères”, C-301/87, Ġabra p. I-307, punt 17, kif ukoll CELF u ministre de la Culture et de la Communication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

62      Minn dan isegwi li peress li d-Deċiżjoni tal-1995 irrendiet l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi 27/91 kompatibbli mas-suq komuni b’effett mid-data tal-imsemmija deċiżjoni, kull ħlas tardiv tal-għajnuna jista’ biss jagħti lok għall-kalkolu tal-interessi fir-rigward tal-ammont ta’ għajnuna dovut wara din id-data.

63      It-tieni nett, kif jirriżulta mir-risposta għat-tmien domanda, id-dritt għall-interessi fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-għajnuna, il-modalitajiet u r-rata applikabbli għal dawn l‑interessi jaqgħu taħt il-kamp tad-dritt nazzjonali.

64      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li d-Deċiżjoni tal-1995 tirrigwarda biss il‑miżuri ta’ għajnuna previsti mil-Liġi 27/91, b’mod partikolari, l-Artikolu 10(1)(a) u (b) fil-limitu tal-ammont tal-baġit imsemmi fin-notifika tal-miżuri li saret mill-Gvern Taljan fit-18 ta’ Mejju 1995.

65      Min-naħa l-oħra, l-ammont tal-interessi potenzjalment dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-miżuri ta’ għajnuna, fl-intier tiegħu jew parzjalment, la jista’ jikkostitwixxi għajnuna u lanqas jitħallas mill-ammont tal-baġit allokat għal din l‑għajnuna.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-disa’ u għall-għaxar domandi għandha tkun li l-ammont tal-interessi legali potenzjalment dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-għajnuna awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-1995 għal perijodu wara din id-deċiżjoni ma għandux jiġi inkluż mal-ammont tal-baġit awtorizzat minn din id-deċiżjoni. Ir-rata tal-interessi u l‑modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-rata jaqgħu taħt il-kamp tad-dritt nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG (95) D/15975, tal-11 ta’ Diċembru 1995, dwar il-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991 tar-Reġjun ta’ Sicilia li tipprovdi miżuri favur ix-xogħol (għajnuna mill-Istat NN 91/A/95), għandha tiġi interpretata fis-sens li aċċettat bħala kompatibbli mas-suq komuni għajnuna mill-Istat komposta minn żewġ miżuri previsti fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-imsemmija Liġi Reġjonali Nru 27, li ma jistgħux ikunu kumulattivi u li l-fatt li jwassal għalihom, jiġifieri r-reklutaġġ ta’ ħaddiem jew it-trasformazzjoni ta’ kuntratt f’kuntratt għal terminu indefinit, għandu jseħħ qabel il-31 ta’ Diċembru 1996, iżda l-ħlas li jirriżulta minnhom jista’ jitwettaq wara din id-data, sa fejn ir-regoli tal-baġit u finanzjarji nazzjonali ma jipprekludux dan u sa fejn jiġi osservat l-ammont tal-baġit approvat mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

2)      L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/195/KE, tas-16 ta’ Ottubru 2002, dwar skema ta’ għajnuna li l-Italja għandha l-intenzjoni timplementa favur ix-xogħol fir-Reġjun ta’ Sicilia – C 56/99 (ex N 668/97) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-iskema ta’ għajnuna prevista fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi Reġjonali Nru 16 tas-27 ta’ Mejju 1997 tar-Reġjun ta’ Sicilia, li tawtorizza l-infiq għall-użu tal-provvisti inklużi fil-fondi ġenerali tal-baġit tar-Reġjun għas-sena 1997, tikkostitwixxi għajnuna ġdida, distinta minn dik prevista fl-Artikolu 10 tal-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991 dwar ir-Reġjun ta’ Sicilia, li timplementa miżuri favur ix-xogħol. L-imsemmi Artikolu 1 jipprekludi l-għoti ta’ sussidji fir-rigward ta’ kwalunkwe reklutaġġ b’kuntratt ta’ taħriġ u ta’ xogħol jew il-bdil ta’ kuntratti ta’ taħriġ jew ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat wara l-1 ta’ Jannar 1997.

3)      Huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l-parti fil-kawża li għandha tistabbilixxi l-prova li l-ammont tal-baġit allokat lill-miżuri msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tal-Liġi Reġjonali Nru 27 tal-15 ta’ Mejju 1991 dwar ir-Reġjun ta’ Sicilia, li timplementa miżuri favur ix-xogħol, u awtorizzati bid-Deċiżjoni SG (95) D/15975, ma ġiex eżawrit.

4)      L-ammont tal-interessi legali potenzjalment dovuti fil-każ ta’ ħlas tardiv tal-għajnuna awtorizzata mid-Deċiżjoni tal-1995 għal perijodu wara din id-deċiżjoni ma għandux jiġi inkluż mal-ammont tal-baġit awtorizzat min din id-deċiżjoni. Ir-rata tal-interessi u l-modalitajiet għall-applikazzjoni ta’ din ir-rata jaqgħu taħt il-kamp tad-dritt nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.