Kawża C-92/07

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Regoli ta’ ‘standstill’ u ta’ nondiskriminazzjoni — Obbligu li jsir ħlas għall-finijiet tal-ksib u l-proroga ta’ permess ta’ residenza — Proporzjonalità tal-ħlas li jrid isir — Paragun mal-ħlas magħmul minn ċittadini tal-Unjoni — Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni — Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali — Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 41(1); Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 13)

2.        Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi

(Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 9; Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjonai KEE-Turkija, Artikolu 41(1); Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikoli 10(1) u (13))

1.        L-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija jipprekludi l-adozzjoni fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, mid-data tad-dħul fis-seħħ f’dan l-Istat Membru tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inkluż dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk minn din il-libertà.

Konsegwentement, ir-regoli ta’ “standstill” stabbiliti fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija u fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikaw, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal kull ħlas impost fuq iċ-ċittadini Torok għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza dwar l-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew għall-proroga ta’ tali permess.

(ara l-punti 49, 50)

2.        Billi għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, jistabbilixxi u jżomm sistema li tipprovdi għal ħlas sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, u billi applika din is-sistema għaċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza fi Stat Membru taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, il-Protokoll Addizzjonali għall-imsemmi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew id-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kif ukoll l-Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok, kemmxejn ogħla minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, jista’ f’ċertu każijiet partikolari, jitqies proporzjonat. Madankollu, meta l-ammonti tal-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok ivarjaw fi skala fejn l-inqas ammont li jinsab fiha huwa iktar minn żewġ terzi ogħla mill-ħlas mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, diskrepanza bħal din ma tistax titqies bħala minima, u konsegwentement, hemm lok li jitqies li tali ħlas huwa, fl-intier tiegħu, sproporzjonat.

Billi għall-kisba ta’ permess ta’ residenza jew il-proroga tiegħu, iċ-ċittadini Torok jintalbu ħlas ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mal-ħlas mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għal dokumenti simili, Stat Membru, jimponi b’hekk ħlas diskriminatorju. Sa fejn dan il-ħlas japplika għall-ħaddiema Torok jew għall-membri tal-familji tagħhom, dan il-ħlas jintroduċi kundizzjoni ta’ xogħol diskriminatorja, li tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Sa fejn dan il-ħlas japplika għal ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew għall-membri tal-familji tagħom, huwa jmur kontra r-regola ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

(ara l-punti 74-76)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

29 ta’ April 2010 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Regoli ta’ ‘standstill’ u ta’ nondiskriminazzjoni – Obbligu li jsir ħlas għall-finijiet tal-ksib u l-proroga ta’ permess ta’ residenza – Proporzjonalità tal-ħlas li jrid isir – Paragun mal-ħlas magħmul minn ċittadini tal-Unjoni – Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni – Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali – Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ”

Fil-Kawża C‑92/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Frar 2007,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. J. Kuijper u S. Boelaert, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn H. G. Sevenster u C. Wissels, kif ukoll M.  de Grave, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Novembru 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titolb lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li billi, għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, stabbilixxa u żamm sistema li tipprovdi ħlas ogħla minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri, kif ukoll dawk tar-Repubblika tal-Islanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Svizzera għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, u billi applika din is-sistema għaċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont:

–        il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”),

–        il-Protokoll Addizzjonali, li ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 11, p. 41, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), u

–        id-Deċiżjoni Nru 1/80, adottata fid-19 ta’ Settembru 1980, mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kompost, minn naħa, minn membri tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork,

ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, partikolarment l-Artikolu 9 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali, partikolarment l-Artikolu 41 tiegħu, u d-Deċiżjoni Nru 1/80, partikolarment l-Artikoli 10(1) u 13 tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 L-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija

–       Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

2        Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu l-għan li jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u ekwilibrat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet kontraenti, inkluż fil-qasam tax-xogħol, permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, bil-għan li jittejjeb il-livell ta’ għajxien tal-poplu Tork u tiġi ffaċilitata sussegwentement l-adeżjoni tar-Repubblika tat-Turkija mal-Komunità.

3        L-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprovdi li:

“Il-Partijiet kontraenti jirrikonoxxu li fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet partikolari li jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza hija pprojbita skond il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 7 tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

–       Il-Protokoll Addizzjonali

4        Skont l-Artikolu 62 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

5        L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom jibqgħu lura milli jintroduċu bejniethom xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà tal-istabbeliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi.”

6        L-Artikolu 59 tal-imsemmi protokoll jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità.”

–       Id-Deċiżjoni Nru 1/80

7        L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi dan li ġej:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 dwar l-aċċess liberu għall-impjieg għall-membri tal-familja tiegħu, il-ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru:

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara sena ta’ impjieg legali, għat-tiġdid tal-permess ta’ xogħol tiegħu mal-istess prinċipal, jekk dan ikollu xogħol x’joffri;

–        għandu dritt, f’dan l-Istat Membru, wara tliet snin ta’ impjieg legali u bla ħsara għall-prijorità li għandha tingħata lill-ħaddiema tal-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġeb għal offerta oħra ta’ impjieg fl-istess professjoni ma’ prinċipal ieħor tal-għażla tiegħu, magħmula taħt kundizzjonijiet normali u rreġistrata mad-dipartimenti tal-impjieg ta’ dan l-Istat Membru;

–        għandu jgawdi, f’dan l-Istat Membru, wara erba’ snin ta’ impjieg legali, minn aċċess liberu għal kull impjieg b’salarju tal-għażla tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        L-Artikolu 10(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li:

“L-Istati Membri tal-Komunità għandhom jagħtu lill-ħaddiema Torok, li jagħmlu parti mis-suq tal-impjieg legali tagħhom, trattament ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza meta mqabbla mal-ħaddiema Komunitarji għal dak li jikkonċerna r-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        L-Artikolu 13 tal-imsemmija deċiżjoni tipprovdi li:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda dwar il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għal ħaddiema u membri tal-familji tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-Direttiva 2004/38/KE

10      Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), fl-Artikolu 25 tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali dwar id-dokument ta’ residenza” jipprovdi dan li ġej:

“1. Il-pussess ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni kif imfisser fl-Artikolu 8, ta’ dokument li jiċċertifika residenza permanenti, ta’ ċertifikat li juri l-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza għall-membru tal-familja, ta’ karta ta’ residenza jew ta’ karta ta’ residenza permanenti, ma jista’ taħt l-ebda ċirkostanzi jkun ikkondizzjonat minn qabel għall-eżerċizzju ta’ dritt jew għat-tlestija ta’ formalità amministrattiva, peress li l-jedd għad-drittijiet jista’ jiġi vverifikat minn mezzi oħra ta’ evidenza.

2.      Id-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinħarġu b’xejn jew kontra piż [ħlas] li ma jaqbiżx dak impost fuq ċittadini għall-ħruġ [nazzjonali] ta’ dokumenti simili.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Sal-1993, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma kienx jitlob il-pagament ta’ ħlas mill-barranin, u b’mod partikolari, miċ-ċittadini Torok meta kienu jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza jew applikazzjoni għal proroga tal-validità ta’ tali permess. Matul is-sena 1993, dan l-Istat Membru emenda l-liġi tiegħu dwar il-barranin, fil-verżjoni tal-1965 tagħha u, mill-1 ta’ Frar 1994, barrani sar obbligat jagħmel tali ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għad-dħul fil-Pajjiżi l-Baxxi.

12      Din il-liġi ġiet rriveduta fl-intier tagħha mil-liġi li tagħmel reviżjoni ġenerali tal-Liġi dwar il-Barranin (Wet tot algehele herziening van de Vreemdelingenwet), tat-23 ta’ Novembru 2000 (Stb. 2000, Nru 495), u ġiet sussegwentement emendata diversi drabi, b’mod partikolari matul is-snin 2002, 2003 u 2005.

13      Mid-data li tidher fir-rikors, u li ma hijiex ikkontestata mir-Renju tal-Pajjżi l-Baxxi, jirriżulta li l-ammont tal-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok u dak tal-ħlas imħallas miċ-ċittadini tal-Unjoni jvarjaw kif ġej, bejn is-sena 1994 u s-sena 2005:

 

Ċittadini tal-Unjoni

Ċittadini Torok

Qabel l-1 ta’ Frar 1994

0

0

Fil-15 ta’ Frar 1994

NLG 35 (madwar EUR 16)

minn NLG 125 sa NLG 1000 (minn madwar EUR 57 sa madwar EUR 454)

Fl-1 ta’ Mejju 2002

EUR 26

minn EUR 50 sa EUR 539

Fl-1 ta’ Jannar 2003

EUR 28

minn EUR 285 sa EUR 890

Fl-1 ta’ Lulju 2005

EUR 30

minn EUR 52 sa EUR 830

 Il-proċedura prekontenzjuża

14      Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur wara lment ippreżentat matul is-sena 2003 minn ċittadin Olandiż li kien jgħix ma’ ċittadina Torka.

15      Fl-24 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li rrisponda għaliha permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Mejju 2005. Peress li ma kinitx taqbel mal-analiżi legali magħmula minn dan l-Istat Membru, fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtitlu opinjoni motivata fejn talbitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrisponda għal din l-opinjoni motivata fid-9 ta’ Ġunju ta’ wara.

16      Billi xorta waħda ma kinitx konvinta bl-argumenti invokati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġiet awtorizzata tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

18      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tat-Tielet Awla, tal-14 ta’ Ottubru 2008, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sal-għoti tas-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin, (C‑242/06, Ġabra p. I‑8465).

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

19      Il-Kummissjoni ssostni li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok mill-1 ta’ Frar 1994 sat-tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, għall-kisba jew il-proroga ta’ permess ta’ residenza (iktar ’il quddiem il-“ħlas ikkontestat”), imur kontra r-regoli ta’ “standstill” u ta’ nondiskriminazzjoni misjuba fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija.

20      Il-ħlas ikkontestat jikser ir-regoli ta’ “standstill” peress li huwa jikkostitwixxi miżura ġdida li ggravat is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok fir-rigward tal-ħlas li jridu jagħmlu sabiex jiksbu permess ta’ residenza. Fil-fatt, qabel dawn il-persuni ma kinux suġġetti għall-obbligu li jagħmlu tali ħlas u barra minn hekk, l-ammont ta’ dan il-ħlas żdied diversi darbi mill-1994.

21      Il-Kummissjoni tqis li l-ħlas ikkontestat imur kontra, b’mod partikolari, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, u l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għal dak li jikkonċerna l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet.

22      Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplika anki jekk il-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom ma jkunux għadhom integrati fl-Istat Membru ospitanti, u konsegwentement, ma jkunux għadhom jistgħu jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni. L-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi kull sitwazzjoni li tiggrava l-possibbiltajiet ta’ stabbiliment jew li jiġu offruti servizzi sabiex jippermetti lill-persuni kkonċernati l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

23      Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klawżoli ta’ “standstill” għandhom effett dirett u jirrigwardaw ukoll id-dritt ta’ residenza. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ invervent tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, hija ssostni li s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, (C‑16/05, Ġabra p. I‑7415), mogħtija wara li r-repliki u l-kontrorepliki tagħha ġew ippreżentati, tikkonferma l-analiżi tagħha. Hija tfakkar li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli ta’ “standstill” japplikaw għal kull restrizzjoni ġdida, sew jekk tkun restrizzjoni li tirriżulta minn regola sostantiva jew regola proċedurali u li dawn ir-regoli ma humiex suġġetti għal limitu de minimis.

24      Il-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni fl-1 ta’ Frar 1994 għandha titqabbel ma’ dik li kienet teżisti meta daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali fl-1 ta’ Jananr 1973, fir-rigward tal-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u, għal dak li jikkonċerna l-moviment liberu tal-ħaddiema, mas-sitwazzjoni fl-1 ta’ Diċembru 1980 jew fl-20 ta’ Diċembru 1976, skont jekk tittieħidx bħala bażi d-Deċiżjoni Nru 1/80 jew dik li ppreċedietha, jiġifieri d-Deċiżjoni Nru 2/76, dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’Assoċjazzjoni, adottat mill-Kunsill tal-Assoċjazzjoni fl-20 ta’ Diċembru 1976.

25      Il-Kummissjoni tammetti li r-regoli ta’ “standstill” ma jippreġudikawx id-dritt tal-Istati Membri li jirregolaw l-ewwel dħul taċ-ċittadini Torok fit-territorju tagħhom u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tal-ewwel attività professjonali tagħhom. Hija tispeċifika wkoll li jeżistu limiti għal dawn ir-regoli ta’ “standstill”, jiġifieri dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li bis-saħħa tiegħu ċ-ċittadini Torok ma jistgħux jibbenifikaw minn drittijiet li huma iktar favorevoli minn dawk mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-regoli ta’ nondiskriminazzjoni. Minkejja t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ir-regoli, il-leġiżlazzjoni Olandiża tmur kontra r-regoli ta’ “standstill”.

26      Fir-rigward tar-regoli ta’ nondiskriminazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jipprojbixxi d-diskriminazzjonijiet rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, japplika peress li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok meta jippreżentaw applikazzjoni għal permess ta’ residenza jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ xogħol. Skont is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2003, Wählergruppe Gemeinsam (C‑171/01, Ġabra p. I‑4301, punt 57), ir-regola ta’ trattament ugwali prevista fl-Artikolu 10 timponi obbligu li jintlaħaq riżultat. Barra minn hekk, anki jekk l-imsemmi artikolu ma japplikax, il-ħlas ikkontestat għandu jitqies bħala diskriminatorju skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprojbixxi, b’mod ġenerali, id-diskriminazzjonijiet.

27      Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni indikat li ħadet nota legali tas-sentenza Sahin, iċċitata iktar ‘il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk ħlas, bħal dak mitlub miċ-ċittadini Torok matul is-sena 2002, kienx konformi mar-regoli ta’ “standstill” imsemmija fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, billi bbażat ruħha fuq il-kunċett ta’ proporzjonalità, u billi vverifikat jekk dan il-ħlas kienx sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri għall-ħruġ ta’ dokumenti simili. Il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta’ “ħlas ogħla”, li tirreferi għalih fid-dispożittiv tar-rikors tagħha, jinkludi dak ta’ “ħlas sproporzjonat” u jista’ jinftiehem f’dan is-sens.

28      Fid-difiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, wara li rrileva dubju dwar il-portata tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, matul is-seduta, ammetta li r-rikors ma kienx biss intiż għall-ħlas fir-rigward tal-proroga tal-permessi ta’ residenza iżda wkoll għall-ħlas marbut mal-ewwel ħruġ ta’ dawn il-permessi.

29      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika wkoll li ħa nota legali tas-sentenzi mogħtija wara l-preżentata tal-kontroreplika tiegħu, jġifieri s-sentenzi Tum u Dari, iċċitata iktar ’il fuq, tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli (C‑228/06, Ġabra p. I‑1031), u Sahin, iċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, huwa rrikonoxxa li r-regoli ta’ “standstill” ma jikkonċernawx biss ir-regoli sostantivi iżda wkoll ir-regoli proċedurali u li dawn japplikaw għad-drittijiet taċ-ċittadini Torok sa mill-ewwel dħul tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, huwa jsostni li r-regoli ta’ “standstill” msemmija fl-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma japplikawx mill-ewwel dħul tal-ħaddiema Torok fi Stat Membru.

30      Għal dak li jikkonċerna l-ħaddiema Torok, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-eżistenza ta’ dritt ta’ residenza tiddependi minn dik ta’ dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru tad-destinazzjoni taħt l-Artikoli 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Huma biss iċ-ċittadini Torok li jidħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li jagħmlu parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ dan l-Istat, flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, li għandhom dritt ta’ residenza fl-imsemmi Stat Membru. Il-ħaddiema Torok l-oħra ma jibbenifikawx minn dritt ta’ residenza taħt id-Deċiżjoni Nru 1/80, iżda jibqgħu suġġetti għar-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni tal-Istat Membru li fih jixtiequ jirrisjedu.

31      Sussegwentement, għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok għall-għoti ta’ permess ta’ residenza, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi indika li kien naqqas l-ammont tiegħu mis-17 ta’ Settembru 2009. Dan il-ħlas ma huwiex differenti minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, ħlief fil-każ tal-ewwel dħul fil-pajjiż għall-finijiet ta’ stabbiliment jew ta’ provvista ta’ servizzi u dan biss fil-każ tal-ewwel dħul fil-pajjiż bħala ħaddiem, filwaqt li d-differenza kienet iktar sostanzjali fit-tieni każ.

32      Fir-rigward tal-ammont tal-ħlas ikkontestat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li huwa ġġustifikat. B’analoġija, huwa jibbaża fuq is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2004, Panayotova et (C‑327/02, Ġabra. p. I‑11055), dwar il-Ftehim Ewropej li jistabbilixxu assoċjazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom minn naħa, u min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika Slovakka. Huwa jirreferi għall-punt 20 ta’ din is-sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-restizzjonijiet magħmula fuq id-dritt ta’ stabbiliment mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-immigrazzjoni għandhom ikunu adatti li jilħqu l-għan maħsub u ma għandhomx jikkostitwixxu, fir-rigward ta’ dan l-għan, intervent li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet mogħtija. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li għandu jiġi vverifikat, bl-istess mod, jekk il-ħlas ikkontestat jagħmilx l-eżerċizzju, miċ-ċittadini Torok, tad-drittijiet mogħtija lilhom mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli. Huwa jsostni wkoll li dan il-ħlas għandu jkun nondiskriminatorju, proporzjonat, konformi mad-drittijiet fundamentali u ta’ ammont raġonevoli.

33      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-ħlas ikkontestat għandu wkoll dawn il-karatteristiċi.

34      Dan il-ħlas bl-ebda mod ma jippreġudika s-sustanza tad-dritt, irrikonoxxut mid-Deċiżjoni Nru 1/80 għal aċċess għas-suq tax-xogħol, peress li hu ma jikkostitwixxix kundizzjoni sostantiva ġdida meħtieġa għall-kisba tad-dritt ta’ residenza li din id-deċiżjoni tagħti liċ-ċittadini Torok, iżda hija sempliċiment rekwiżit formali għall-finijiet tal-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Olandiżi, ta’ dan id-dritt ta’ residenza.

35      Il-ħlas ikkontestat ma huwiex diskriminatorju għar-raġuni li jeżistu differenzi fundamentali bejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok u dik taċ-ċittadini tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma joħloqx suq intern mar-Repubblika tat-Turkija u ma jagħtix iċ-ċittadinanza tal-Unjoni liċ-ċittadini Torok. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija żbaljata meta tipprova testedni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 għaċ-ċittadini Torok.

36      Il-ħlas ikkontestat ma huwiex sproporzjonat peress li ċ-ċittadini Torok li jixtiequ jemigraw fi Stat Membru normalment ikollhom mezzi biżżejjed sabiex jagħmlu dan il-ħlas. Fi kwalunkwe każ, il-partijiet interessati jistgħu, jekk ikun il-każ, jisselfu l-ammonti meħtieġa.

37      Il-ħlas ikkontestat lanqas ma jippreġudika d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, il-Parlament Olandiż pprovda eżenzjoni għall-barranin li jistgħu jinvokaw l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, dwar id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, meta huma ma jkunux jistgħu jagħmlu dan il-ħlas ikkontestat.

38      Il-ħlas huwa ta’ ammont raġonevoli. Huwa bbażat fuq analiżi tal-prezz tal-ispiża sabiex jiġu prodotti d-dokumenti maħruġa u sar tibdil għall-ammonti mitluba sabiex jitqiesu l-aħħar studji dwar l-ispejjeż. Iċ-ċittadini Torok ma jħallsux iktar minn 70 % tal-ispejjeż ġenerali tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-permess ta’ residenza, filwaqt li 30 % ta’ dawn l-ispejjeż jibqgħu tal-Istat.

39      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni wkoll li l-Kummissjoni taċċetta li l-Istati Membri jistgħu jgħaddu minn sistema ta’ tariffi nominali għal sistema fejn il-ħlas jirrifletti aħjar l-ispejjeż. Dan huwa preċiżament dak li għamel ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi billi qarreb l-ammont tal-ħlas ikkontestat mal-prezz tal-ispiża sabiex jiġu prodotti d-dokumenti li għalihom tkun saret l-applikazzjoni.

40      Fl-aħħar nett, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Istat Membru ssotna li l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha, li huwa bbażat fuq li l-ammont tal-ħlas ikkontestat huwa “ogħla” minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri, ma jikkorrispondix għall-kriterju ta’ proporzjonalità meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Sahin, iċċitata iktar ‘il fuq. Minn dan huwa jikkonkludi li r-rikors preżenti huwa infondat.

41      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja intervenit insostenn tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija ssostni li l-ħlas ikkontestat huwa marbut ma’ formalità amministrattiva u ma jikkostitwixxix restrizzjoni fis-sens tar-regoli ta’ “standstill”. Fi kwalunkwe każ, dan il-ħlas jista’ jiġi ġġustifikat minn raġuni imperattiva fl-interess ġenerali, jiġifieri l-ħtieġa li l-influss tal-barranin ikun ikkontrollat flimkien mar-raġunijiet għaliex jixtiequ jirrisjedu fl-Istat ospitanti.

42      Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li r-regola ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma hijiex ċara u preċiża biżżejjed sabiex tapplika direttament. Hija għandha tkun implementata permezz ta’ miżuri oħra, bħall-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Madankollu, l-Artikolu 10 ma japplikax f’dan il-każ minħabba li l-ħlas ikkontestat ma jagħmilx parti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, fis-sens tal-imsemmi artikolu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li fid-dispożittiv tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi għall-ħruġ ta’ premessi ta’ residenza għaċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, stabbilixxa u żamm sistema li tipprovdi ħlas ogħla minn dak mitlub mhux biss miċ-ċittadin tal-Istati Membri, iżda wkoll miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Islanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Konfederazzjoni Svizzera għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, it-testi tad-dritt tal-Unjoni li l-Kummissjoni tibbaża r-rikors tagħha fuqhom, ma jsemmux dawn l-erba’ Stati. Konsegwentement, hemm lok li l-paragun ma’ dawn tal-aħħar, jiġi miċħud.

 Fuq l-applikazzjoni tar-regoli ta’ “standstill” għall-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi

44      Skont il-Kummissjoni, r-regoli ta’ “standstill” japplikaw għall-ħlas inkwistjoni, sew jekk jikkonċernaw l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza rigward l-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fil-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll jekk jikkonċernaw applikazzjoni ta’ proroga ta’ tali permess. Minn naħa tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, jammetti li r-regoli ta’ “stadstill” japplikaw għall-ħlas taċ-ċittadin Tork mill-ewwel dħul ta’ dan tal-aħħar fit-territorju tal-Istati Membri fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iżda huwa jsostni li ma japplikax għall-ewwel dħul tal-ħaddiema Torok f’dan it-territorju.

45      F’dan ir-rigward, fis-sentenza Sahin iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-portata tar-regola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li japplika għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Hija fakkret li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tipproteġi liċ-ċittadini Torok li huma diġà integrati fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru, iżda għandha l-għan li tapplika speċifikament għaċ-ċittadini Torok li għadhom ma jibbenefikawx minn drittijiet fil-qasam tax-xogħol u, korrelattivament, ta’ residenza, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni (sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

46      Hija eżaminat ukoll dan l-Artikolu 13 fid-dawl tar-regola ta’ “standstill” msemmija fl-Artikolu 41 tal-Protokoll Addizzjonali, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

47      Fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 41(1) il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, skont is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Tum u Dari, kif ukoll Soysal u Savatli, li din id-dispożizzjoni tipprekludi l-adozzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti tal-att ġuridiku li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-liberità li jiġu pprovduti servizzi, inkluż dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mill-imsemmija libertajiet ekonomiċi (sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

48      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-klawsola ta’ “standstill” stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija tal-istess natura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li dawn iż-żewġ klawsoli għandhom għan identiku, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ statu quo li jikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmi Artikolu 13 fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 65).

49      Minn dan isegwi li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprekludi l-adozzjoni fil-leġiżlazzjoni Olandiża, mid-data tad-dħul fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi tad-Deċiżjoni Nru 1/80, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, inkluż dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk minn din il-libertà.

50      Konsegwentement, ir-regoli ta’ “standstill” stabbiliti fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 japplikaw, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal kull ħlas impost fuq iċ-ċittadini Torok għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza dwar l-ewwel dħul fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew għall-proroga ta’ tali permess.

 Fuq l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt ir-regoli ta’ “standstill”

51      Il-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi t-tnejn li huma jqisu li l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi evalwat fid-dawl tas-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, iżda l-fehma tagħhom tvarja fuq il-konsegwenzi li għandha din tal-aħħar. Skont il-Kummissjoni, dan in-nuqqas huwa bbażat fuq il-fatt li dan l-Istat Membru impona ħlas sproporzjonat fuq iċ-ċittadini Torok, meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili. Il-kunċett ta’ ħlas sproporzjonat għandu jinftiehem bħala inkluż fil-kunċett ta’ ħlas ogħla msemmi fid-dispożittiv tar-rikors.

52      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, mis-sentenza Sahin iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-applikazzjoni għaċ-ċittadini Torok ta’ ħlas li ma huwiex perfettament ekwu għal dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni ma jmurx kontra r-regoli ta’ “standstill” u li huwa biss il-ħlas sproporzjonat li huwa pprojbit minn dawn tal-aħħar. Madankollu, il-ħlas impost fuq iċ-ċittadini Torok ma jirrappreżentax ħlief parti mill-ispejjeż relattivi għall-eżami tal-fajl tagħhom u għaldaqstant ma jistax imur kontra dawn ir-regoli. Barra min hekk, dan l-Istat Membru jqis li r-rikors ma jirrigwardax l-applikazzjoni għaċ-ċittadini Torok ta’ ħlas sproporzjonat iżda ta’ ħlas ogħla minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni u li għaldaqstant, ir-rikors ma huwiex fondat.

53      F’dan ir-rigward, għall-finijiet tal-eżami tar-rikors preżenti, hemm lok fil-fatt li jsir riferiment għas-sentenza Sahin, iċċitatat iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-kompatibbiltà tal-ħlas bħal dak impost matul is-sena 2002 mil-leġiżlazzjoni Olandiża għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza jew il-proroga tiegħu mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Il-ħlas mitlub lill-ħaddiema Torok f’dan il-każ jammonta għal EUR 169 għall-proroga ta’ permess ta’ residenza meta mqabbel, mal-ammont ta’ EUR 30 biss li, skont il-qorti tar-rinviju, kien mitlub fl-imsemmija kawża miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza.

54      Mis-sentenza Sahin iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari mill-punti 72 u 74 tagħha, jirriżulta li l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ premess ta’ residenza jew ta’ proroga tal-validità ta’ tali dokument magħmula minn ċittadin Tork u l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ premess ta’ residenza magħmula fi Stat Membru ieħor minn ċittadin tal-Unjoni huma simili.

55      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Olandiża ma għandhiex tintroduċi restrizzjoni fir-rigward taċ-ċittadini Torok, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Hija sostniet li meta moqri flimkien mal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, dan l-Artikolu 13 jimplika li ċittadin Tork li japplikaw għalih dawn id-dispożizzjonijiet, ċertament ma għandux jitqiegħed f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni, min-naħa l-oħra ma jistgħux jiġu imposti fuqu obbligi ġodda sproprozjonati meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti għal dawn tal-aħħar (sentenza Sahin, iċċitatat iktar ’il fuq, punt 71).

56      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-impatt finanzjarju tal-ħlas bħal dak introdott fis-sena 2002 huwa kunsiderevoli għaċ-ċittadini Torok, iktar u iktar peress li huma mitluba jġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom iktar ta’ spiss miċ-ċittadini tal-Unjoni u li, fil-kas li l-applikazzjoni tagħhom tinċaħad, il-ħlas magħmul ma huwiex irrimborsat. Hija kkunsidrat li l-Gvern Olandiż ma kien invoka ebda argument rilevanti tali li jiġġustifika differenza daqshekk kunsiderevoli bejn il-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok u dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni. Hija ma laqgħatx it-teżi tal-imsemmi Gvern li r-riċerka u l-kontrolli ta’ qabel il-ħruġ ta’ premess ta’ residenza għal ċittadin Tork huma iktar ikkumplikati u jiswew iktar minn dawk meħtieġa għall-ħruġ ta’ premess ta’ residenza għal ċittadin tal-Unjoni.

57      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita mill-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sa fejn, għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjoni għal għoti ta’ permess ta’ residenza jew ta’ proroga tal-validità tiegħu, hija timponi l-pagament, li għandu jiġi sostnut miċ-ċittadini Torok li japplika għalihom l-imsemmi Artikolu 13, ta’ ħlas ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub f’ċirkustanzi simili miċ-ċittadini tal-Unjoni (ara s-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 sa 74).

58      Huwa meħtieġ li dawn l-iżviluppi jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-sentenza preżenti li tirrigwarda l-ħlas kollu mitlub miċ-ċittadini Torok mil-leġiżlazzjoni Olandiża sa mill-1994 għall-għoti ta’ premessi ta’ residenza u l-proroga ta’ tali permessi, kif emendata b’mod partikolari matul is-snin 2002, 2003 kif ukoll 2005, u li s-sinteżi tiegħu tinsab fit-tabella li tidher fil-punt 13 tas-sentenza preżenti.

59      Meta mqabbla ma’ dik rrilevata matul is-sena 2002, inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, id-differenza bejn l-ammonti tal-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok u dak impost fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni reġa’ żdied matul is-snin 2003 u 2005. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Torok ikkonċernati mis-sentenza preżenti ma humiex biss ħaddiema, bħal fl-imsemmija kawża, iżda wkoll persuni li jixtiequ jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

60      L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ “standstill” għandha għaldaqstant tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

61      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-ħlas ikkontestat jikkostitwixxi miżura ġdida peress li ġie adottat wara d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80, sa fejn jaffettwa s-sitwazzjoni tal-ħaddiema Torok, u wara d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali, sa fejn jikkonċerna ċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu mill-libertà tal-isabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

62      Madankollu, l-istabbiliment ta’ miżura ġdida f’dan il-kuntest ma hijiex ipprojbita. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ regoli li japplikaw bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini tal-Unjoni ma huwiex inkontradizzjoni mar-regoli ta’ “standstill”. Jekk tali miżuri japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati Membri mingħajr ma jiġu applikati għaċ-ċittadini Torok, dawn tal-aħħar ikunu f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni, u dan huwa manifestament kuntrarju għar-rekwiżit tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, li jipprovdi li r-Repubblika tat-Turkija ma tistax tibbenefika minn trattament iktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri japplikaw bejniethom skont it-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Soysal u Savatli, punt 61 u Sahin, punt 67).

63      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk il-ħlas ikkontestat jimponix, fuq iċ-ċittadini Torok, obbligi ġodda li huma sproporzjonati meta mqabbla ma’ dawk pprovduti għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

64      Filwaqt li jirrikonoxxi li l-ħlas mitlub qabel kien għoli wisq, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-ammont ta’ ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok jiġi spjegat mil-livell ogħla ta’ spejjeż relattivi għall-ipproċessar tal-fajls. F’dan ir-rigward hemm lok li jitfakkar li fil-punt 73 tas-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li dan il-paragun kien jippermetti li tiġi ġġustifikata differenza, ikkonstatata bħala waħda kunsiderevoli, bejn il-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok u dak impost fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili.

65      Għaldaqstant, l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jsostni li l-ħlas ikkontestat jirrappreżenta 70 % tal-ispejjeż relattivi għall-ipproċessar tal-fajls ma jippermettix li tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li dan il-ħlas ma huwiex sproporzjonat għandha tiġi eskluża.

66      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jallega wkoll li l-ħlas ikkontestat ma huwiex diskriminatorju minħabba li jeżistu differenzi, li huwa jikklassifika bħala fundamentali, bejn is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok u dik taċ-ċittadini tal-Unjoni. Skont dan l-Istat Membru, l-għan fundamentali tal-Unjoni li jikkonsisti fit-twaqqif ta’ suq intern, fl-istabbiliment ta’ ċittadinanza Ewropea u f’li jiżgura l-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni ma jistax japplika “b’mod limitat” għaċ-ċittadini Torok.

67      Madankollu jieħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan tal-aħħar għandu l-għan li jqarrab is-sitwazzjoni taċ-ċittadini Torok lejn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-kisba b’mod gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll bl-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment, u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

68      F’dan ir-rigward, il-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju għall-qasam partikolari tal-ħaddiema, skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jikkontribwixxi sabiex iħaffef l-integrazzjoni gradwali tal-ħaddiema migranti Torok kif ukoll taċ-ċittadini Torok li jiċċaqalqu sabiex jistabbilixxu jew joffru servizzi f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, rigward il-ħaddiema, is-sentenza Wählergruppe Gemeinsam, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

69      Għaldaqstant, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistax jiġġustifika d-differenza li teżisti bejn il-ħlas ikkontestat u dak mitlub miċ-ċittadin tal-Unjoni billi jirreferi għall-fatt li ċ-ċittadini Torok ma jibbenifikawx, b’mod daqstant komplet, mill-moviment liberu tal-ħaddiema, mil-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni, kif jagħmlu ċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Kummissjoni bbażat ruħha, ġustament, fuq ir-regoli ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll fuq l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali sabiex tivverifika jekk il-ħlas ikkontestat kienx iggrava s-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini meta mqabbla ma dik taċ-ċittadini tal-Unjoni b’mod kuntrarju għar-regoli ta’ “standstill”.

70      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li teżisti differenza bejn il-kunċett ta’ ħlas ogħla msemmi fir-rikors tal-Kummissjoni, u dak ta’ ħlas sproporzjonat użat fis-sentenza Sahin, iċċitata iktar ’il fuq.

71      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ewwel wieħed minn dawn il-kunċetti jinkludi t-tieni wieħed u li kull ħlas li huwa ogħla ma huwiex neċessarjament sproporzjonat.

72      B’risposta għad-domanda magħmula matul is-seduta dwar l-implikazzjonijiet ta’ din id-differenza fil-kawża preżenti, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok jista’ jkun kemmxejn ogħla mill-ħlas taċ-ċittadini tal-Unjoni jekk l-ispejjeż effettivi relattivi għall-ipproċessar tal-fajls taċ-ċittadini Torok kienu ogħla minn dawk marbuta mal-ipproċessar tal-fajls taċ-ċittadin tal-Unjoni. B’mod partikolari huwa sostna li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok, mis-17 ta’ Settembru 2009, josserva bis-sħiħ ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità.

73      Għal dak li jikkonċerna l-ħlas mitlub minn din id-data, għandu jiġi rrilevat li dan ġie introdott wara t-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fl-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑168/03, Ġabra p. I‑8227, punt 24, u tat-3 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑507/07, punt 7). Konsegwentement, dan il-ħlas ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-eżami ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

74      Fir-rigward tal-ħlas ikkontestat, hemm lok li jiġi rrilevat li ma jistax jiġi eskluż li l-ħlas mitlub miċ-ċittadini Torok, kemmxejn ogħla minn dak mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, jista’ f’ċertu każijiet partikolari, jitqies proporzjonat. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ammonti tal-ħlas ikkontestat ivarjaw fi skala fejn l-inqas ammont li jinsab fiha huwa iktar minn żewġ terzi ogħla mill-ħlas mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għall-ħruġ ta’ dokumenti simili. Diskrepanza bħal din ma tistax titqies bħala minima, u konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-ħlas ikkontestat huwa, fl-intier tiegħu, sproporzjonat.

75      Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-ħlas ikkontestat jmur kontra r-regoli ta’ nondiskriminazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li billi, għall-kisba ta’ permess ta’ residenza jew il-proroga tiegħu, iċ-ċittadini Torok jintalbu ħlas ta’ ammont sproporzjonat meta mqabbel mal-ħlas mitlub miċ-ċittadini tal-Unjoni għal dokumenti simili, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, impona b’hekk ħlas diskriminatorju. Sa fejn dan il-ħlas japplika għall-ħaddiema jew għall-membri tal-familji tagħhom, dan il-ħlas jintroduċi kundizzjoni ta’ xogħol diskriminatorja, li tmur kontra l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Sa fejn dan il-ħlas japplika għal ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu mil-libertà ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jew għall-membri tal-familji tagħom, huwa jmur kontra r-regola ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

76      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li, billi għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, stabbilixxa u żamm sistema li tipprovdi għal ħlas sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, u billi applika din is-sistema għaċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Protokoll Addizzjonali jew id-Deċiżjoni Nru 1/80, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kif ukoll l-Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

78      Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, huwa għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li interveniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi

1)      Billi għall-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, stabbilixxa u żamm sistema li tipprovdi għal ħlas sproporzjonat meta mqabbel ma’ dak mitlub miċ-ċittadini tal-Istati Membri għall-ħruġ ta’ dokumenti simili, u billi applika din is-sistema għaċ-ċittadini Torok li għandhom dritt ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi skont:

–        il-Ftehim li joħloq assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, li ġie ffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa, kif ukoll mill-Istati Membri tal-KEE u mill-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963,

–        il-Protokoll Addizzjonali, li ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972, u

–        id-Deċiżjoni Nru 1/80, adottata fid-19 ta’ Settembru 1980, mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u kompost, minn naħa, minn membri tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, minn membri tal-Gvern Tork,

ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 9 ta’ dan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Artikolu 41 ta’ dan il-Protokoll Addizzjonali, kif ukoll l-Artikoli 10(1) u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

2)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.