Kawża C-510/08

Vera Mattner

vs

Finanzamt Velbert

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf)

“Moviment liberu tal-kapital — Artikoli 56 KE u 58 KE — Taxxa ta’ trasferiment fuq id-donazzjonijiet — Art mibnija — Dritt għal tnaqqis mill-bażi taxxabbli — Trattament differenti bejn residenti u mhux residenti”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Taxxa fuq id-donazzjonijiet

(Artikoli 56 KE u 58 KE)

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi, għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, li t-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ immobbli ttrasferit b’donazzjoni u li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat għandu jkun inqas, fil-każ fejn id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni jkun, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, residenti fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li kien ikun applikabbli kieku tal-inqas wieħed minnhom kien ikollu r-residenza, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru.

Fil-fatt, peress li l-imsemmija leġiżlazzjoni torbot l-applikazzjoni ta’ tnaqqis mill-bażi taxxabbli tal-beni immobbli kkonċernati mal-post ta’ residenza tad-donatur jew tal-persuna li tirċievi d-donazzjoni fil-mument meta tkun saret id-donazzjoni, il-piż fiskali ikbar li jolqot id-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

Din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li din tirrigwarda sitwazzjonijiet li huma oġġettivament differenti. Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ beni immobbli miksuba b’donazzjoni li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, minn naħa, il-persuni mhux residenti li jirċievu dawn il-beni mingħand donatur mhux residenti u, min-naħa l-oħra, il-persuni mhux residenti jew residenti li jirċievu dawn il-beni mingħand donatur residenti kif ukoll il-persuni residenti li jirċievu dawn l-istess beni mingħand donatur mhux residenti, din il-leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tittratta, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni u fir-rigward tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ dawn il-beni immobbli, lil dawn il-persuni li jirċievu donazzjoni b’mod differenti. Fil-fatt, bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet li bihom it-taxxa fuq id-donazzjoni tinġabar, ma hemm l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament.

Barra minn hekk, l-Istat Membru li fih jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess, jinvoka l-possibbiltà, indipendenti mir-rieda tiegħu, li l-persuna li tirċievi donazzjoni ser tibbenefika minn tnaqqis simili mogħti minn Stat Membru ieħor, bħalma huwa l-każ li fih id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni kienu residenti fid-data tad-donazzjoni, li jista’ jikkumpensa, in toto jew parzjalment, id-dannu mġarrab minn dan tal-aħħar minħabba t-tnaqqis fir-rata applikabbli meta ġiet ikkalkolata t-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fl-ewwel Stat Membru. Dan jgħodd iktar u iktar jekk l-Istat Membru li fih huwa residenti d-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzjoni japplika tnaqqis li jkun inqas għoli minn dak mogħti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni jew jiffissa l-valur ta’ dawn il-beni f’livell ogħla minn dawk stabbiliti minn dan l-aħħar Stat.

Barra minn hekk, ir-riskju ta’ evażjoni tad-dispożizzjonijiet fiskali dwar is-suċċessjoni permezz ta’ donazzjonijiet simultanji jew it-trasferiment tal-patrimonju kollu ta’ persuna permezz ta’ donazzjonijiet suċċessivi mifruxa fiż-żmien ma tistax tiġġustifika limitazzjoni fit-tnaqqis applikabbli għall-bażi taxxabbli meta dan ir-riskju jidher li jkun ipotetiku. Fir-rigward tal-eventwalità ta’ donazzjonijiet ulterjuri, ċertament, jekk l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu beni immobbli mogħtija b’donazzjoni għandu d-dritt li jiżgura li r-regoli tat-taxxa fil-qasam tas-suċċessjoni ma jiġux evitati permezz ta’ donazzjonijiet maqsuma bejn l-istess persuni, ir-riskju allegat ta’ evażjoni fir-rigward ta’ donazzjonijiet magħmula bejn persuni li ma humiex residenti ta’ dan l-Istat Membru jeżisti sa fejn jirrigwarda donazzjonijiet li jinvolvu resident wieħed. Sa fejn, sabiex jitwaqqfu dawn id-donazzjonijiet maqsuma, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi, fir-rigward tad-donazzjonijiet li jinvolvu resident wieħed, mhux it-tnaqqis b’rata mnaqqsa, iżda, saħansitra, li t-tnaqqis b’rata sħiħa stabbilita fir-rigward ta’ dawn id-donazzjonijiet japplika darba biss mill-bażi taxxabbli li tirriżulta mit-totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet ikkonċernati, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis b’rata mnaqqsa meta d-donazzjoni ssir bejn persuni li mhux residenti ma tistax titqies li hija mezz xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li din l-evażjoni titwaqqaf.

Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni lanqas ma tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali, sa fejn il-vantaġġ fiskali li jirriżulta, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni, mill-applikazzjoni ta’ tnaqqis b’rata sħiħa mill-bażi taxxabbli meta din id-donazzjoni tinvolvi tal-inqas resident wieħed minn dan l-Istat, ma hija kkumpensata f’dan l-Istat minn ebda ġbir fiskali determinat skont it-taxxa fuq id-donazzjonijiet.

(ara l-punti 28, 35, 38, 42, 44, 46, 48-51, 54-56 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

22 ta’ April 2010 (*)

“Moviment liberu tal-kapital – Artikoli 56 KE u 58 KE – Taxxa ta’ trasferiment fuq id-donazzjonijiet – Art mibnija – Dritt għal tnaqqis mill-bażi taxxabbli – Trattament differenti bejn residenti u mhux residenti”

Fil-Kawża C‑510/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il‑Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura

Vera Mattner

vs

Finanzamt Velbert,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Finanzamt Velbert, minn F.‑D. Rilinger u G. Köhler, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 39 KE, 43 KE, 56 KE u 58 KE dwar, rispettivament, il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-kapital.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn V. Mattner u l- Finanzamt Velbert (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) dwar il-kalkolu tat-taxxa ta’ trasferiment dovuta minħabba donazzjoni ta’ art mibnija li tinsab fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10):

“1.      Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.

2.      Trasferimenti fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital għandhom isiru fuq il-kondizzjonijiet ta’ l-istess rata ta’ kambju bħal dawk li jirregolaw pagamenti relatanti għal transazzjonijiet kurrenti”.

4        Fost il-moviment ta’ kapital elenkat fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 hemm, fit-Titolu XI ta’ dan l-anness, il-moviment ta’ kapital ta’ natura personali li jinkludi, b’mod partikolari, id-donazzjonijiet u d-doti.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        Il-liġi dwar it-taxxa fuq is-suċċessjoni u fuq id-donazzjonijiet (Erbschaftsteuer- und Schenkungsteuergesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis-27 ta’ Frar 1997, (BGBl. 1997 I, p. 378) kif fl-aħħar nett emendata bil-liġi tal-10 ta’ Ottubru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 2332), u li tapplika għal meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“ErbStG”), tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet segwenti:

Artikolu 1: Tranżazzjonijiet taxxabbli

(1)      It-tranżazzjonijiet segwenti huma suġġett għal taxxa ta’ trasferiment fuq suċċessjonijiet (jew donazzjonijiet)

1.      trasferimenti causa mortis;

2.      donazzjonijiet inter vivos;

3.      […]

(2)      Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor, ir-regoli ta’ din il-liġi dwar it-trasferiment ta’ beni causa mortis japplikaw ukoll għad-donazzjonijiet […]

Artikolu 2:      Obbligu fiskali personali

(1)      L-obbligu fiskali japplika

1.      fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 1(1), għall-wirt patrimonjali kollu meta d-decujus, fid-data li miet, id-donatur, fid-data meta għamel id-donazzjoni, jew l-akkwirent, fid-data tal-fatt li ġġenera t-taxxa, għandhom il-kwalità ta’ residenti.

Jitqiesu li huma residenti:

a)      il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju nazzjonali;

b)      iċ-ċittadini Ġermaniżi li ma għixux b’mod fiss għal iktar minn ħames snin barra l-pajjiż mingħajr ma jkollhom domiċilju fil-Ġermanja.

[…]

3.      Fil-każijiet kollha l-oħra, fuq il-beni miruta li jikkonsistu fil-patrimonju intern fis-sens tal-Artikolu 121 tal-[liġi tal-valutazzjoni (Bewertungsgesetz), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fl-1 ta’ Frar 1991 (BGBl. 1991 I, p. 230, iktar ’il quddiem il-“BewG”)].

[…]

Artikolu 14:      Teħid inkunsiderazzjoni tat-trasferimenti preċedenti

Fil-każ li l-istess persuna tiret diversi vantaġġi patrimonjali f’perijodu ta’ għaxar snin, dawn jingħaddu flimkien billi l-aħħar beni ttrasferiti jingħaddu mal-valur li kellhom il-beni preċedenti. Mit-taxxa ta’ trasferiment tal-ammont totali għandhom jitnaqqsu t-taxxi li kienu dovuti, skont is-sitwazzjoni personali tal-benefiċjarju u fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet applikabbli fid-data tal-aħħar trasferiment tal-beni, fuq il-beni ttrasferiti preċedentement. Minflok it-taxxi msemmija fit-tieni sentenza, dawn huma, sa fejn dawn ikunu ogħla, it-taxxi effettivament dovuti fuq il-beni ttrasferiti preċedentement u mgħoddija flimkien li jitnaqqsu mit-taxxa ta’ trasferiment […]

Artikolu 15:      Klassijiet ta’ taxxa

(1)      Skont ir-relazzjoni personali li kienet teżisti bejn il-benefiċjarju u d-decujus jew id-donatur, hemm lok li ssir distinzjoni bejn it-tliet klassijiet ta’ taxxa segwenti:

Klassi ta’ taxxa I:

1.      […]

2.      it-tfal u tfal tal-konġunt […]

[…]

Artikolu 16:      Tnaqqis

(1)      It-trasferiment ta’ beni huwa eżenti mit-taxxa fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 2(1) meta jingħata

1.      […]

2.      lit-tfal fis-sens tal-punt 2 tal-Klassi I, sa mhux inqas minn EUR 205 000

(2)      L-ammont ta’ tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi ssostitwit bl-ammont ta’ EUR 1 100 fil-każijiet imsemmija fil-punt 3 tal-Artikolu 2(1).

[...]

Artikolu 19:      Rata ta’ taxxa

1.      It-taxxa tinġabar bir-rati segwenti:

Valur tal-beni ttrasferiti

Perċentwali fil-klassi fiskali I taxxabbli

I […] […]

      Sa EUR 52 000 inklużi                     7 […] […]

      Sa EUR 256 000 inklużi                    11 […] […]

[…]”.

6        L-Artikolu 121 tal-BewG fil-verżjoni tiegħu ppubblikat fl-1 ta’ Frar 1991 (BGBl. 1991 I, p. 230) kif fl-aħħar nett emendat bil-liġi tat-13 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2378), intitolat “Patrimonju intern”, jistabbilixxi:

“Il-patrimonju intern jinkludi:

[…]

2.      il-partimonju immobiljari li jinsab fil-Ġermanja;

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        B’att awtentiku tat-23 ta’ Mejju 2007, V. Mattner, ċittadina Ġermaniża li hija residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn 35 sena, kisbet b’donazzjoni magħmula favuriha minn ommha, li hija wkoll ċittadina Ġermaniża u li hija residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi għal iktar minn 50 sena, art mibnija ta’ valur ta’ EUR 255 000 li tinsab f’Düsseldorf (il-Ġermanja).

8        B’avviż ta’ taxxa tal-24 ta’ Jannar 2008, il-Finanzamt talbet lil V. Mattner tħallas, bis-saħħa tad-donazzjoni mogħtija lilha, taxxa ta’ trasferiment għall-ammont ta’ EUR 27 929. Dan l-ammont ġie kkalkolat billi tnaqqas mill-valur tal-art it-tnaqqis ta’ EUR 1 100 u billi ġiet applikata, fuq il-bażi taxxabbli li tirriżulta, ir-rata ta’ 11 %.

9        B’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2008, il-Finanzamt ċaħdet l-ilment ippreżentat minn V. Mattner kontra l-imsemmi avviż ta’ taxxa.

10      V. Mattner ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf intiż li jikseb il-benefiċċju ta’ tnaqqis ta’ EUR 205 000 stabbilit għad-donazzjonijiet lit-tfal meta d-donatur jew il-benefiċjarju jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju nazzjonali fid-data meta ssir id-donazzjoni.

11      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 16(2) tal-ErbStG jirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, sa fejn l-ammont ta’ tnaqqis fiskali inkwistjoni jiddependi mill-post ta’ residenza tad-donatur jew tad-donatriċi. B’hekk, fil-kawża quddiem din il-qorti, jekk V. Mattner jew ommha kellhom ir-residenza tagħhom fil-Ġermanja, tal-ewwel kienet setgħet tippretendi tnaqqis ta’ EUR 205 000 stabbilit mill-punt 2 tal-imsemmi Artikolu 16(2), bil-konsegwenza li l-bażi taxxabbli kienet tkun limitata għal EUR 50 000 biss u l-ammont ta’ taxxa mitlub kien ikun, fid-dawl tar-rata ta’ 7 % li tapplika skont l-Artikolu 19(1) tal-ErbStG, ta’ EUR 3 500 minflok EUR 27 929.

12      L-imsemmija qorti mhijiex konvinta li din ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tiġi ġġustifikata, sa fejn, kif hija tgħid, is-sitwazzjoni ta’ persuna suġġetta għat-taxxa fil-Ġermanja b’titolu illimitat, u li ngħatatilha b’titolu gratwit art li tinsab fit-territorju Ġermaniż hija oġġettivament paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ persuna suġġetta fl-istess Stat Membru għal taxxa b’titolu limitat u li tkun ibbenefikat ukoll minn ċessjoni b’titolu gratwit.

13      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju rrilevat li, b’digriet tal-21 ta’ Settembru 2005, il-Bundesfinanzhof, ċertament, iddeċidiet li hemm, bħala regola, differenzi daqshekk sinjifikattivi bejn il-persuni taxxabbli li huma suġġetti għat-taxxa tas-suċċessjoni b’titolu illimitat u dawk b’titolu limitat li l-leġiżlatur nazzjonali mhuwiex marbut li jqis lil dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni suġġetti għat-taxxa b’mod identiku għall-għoti tat-tnaqqis li tiegħu huma jibbenefikaw b’titolu personali. Fil-fatt, filwaqt li tal-ewwel huma suġġetti għat-taxxa tas-suċċessjoni fuq it-totalità tal-patrimonju ttrasferit, l-obbligu fiskali tat-tieni jirrigwarda biss il-“patrimonu intern” kif iddefinit fl-Artikolu 121 tal-BewG. Il-bażi taxxabbli li għaliha għandu japplika t-tnaqqis hija għalhekk, bħala regola, differenti ħafna skont jekk l-obbligu fiskali huwiex illimitat jew limitat.

14      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħux japplikaw għat-taxxa ta’ trasferiment fuq donazzjonijiet (iktar ’il quddiem, it-“taxxa fuq id-donazzjonijiet”), peress li, fit-tali każ, il-beni mogħtija b’titolu gratwit biss huma suġġetti għal taxxa u l-bażi taxxabbli mhijiex, għalhekk, differenti skont jekk il-persuna hijiex intaxxata b’titolu illimitat jew b’titolu limitat. Din il-qorti tqis li t-trattament differenti tal-persuni taxxabbli skont jekk humiex suġġetti għat-taxxa b’titolu illimitat jew b’titolu limitat lanqas ma jidher li jista’ jiġi ġġustifikat minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

15      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 16(2) tal-ErbStG huwiex kompatibbli mal-Artikoli 39 KE u 43 KE, sa fejn il-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni fiskali fil-qasam tad-donazzjonijiet jifformaw parti mill-kunsiderazzjonijiet li ċittadin ta’ Stat Membru jista’ jqis meta jiddeċiedi li juża l-libertà tiegħu rikonoxxuta mit-Trattat KE.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 39 u 43 KE u d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 56 u 58 KE għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola [leġiżlazzjoni] nazzjonali ta’ Stat Membru relattiva għall-impożizzjoni tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet li, f’każ ta’ akkwist permezz ta’ donazzjoni ta’ art li tinsab fit-territorju nazzjonali minn persuna mhux residenti, tipprovdi għal tnaqqis mill-ammont taxxabbli ta’ EUR 1 100 biss favur il-persuna mhux residenti, meta għall-istess donazzjoni ta’ art jingħata tnaqqis mill-ammont taxxabbli ta’ EUR 205 000, jekk fil-mument meta saret id-donazzjoni d-donatur jew il-benefiċjarju kienu residenti fl-Istat Membru kkonċernat?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 39 KE, 43 KE, 56 KE u 58 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, li t-tnaqqis skont il-bażi taxxabbli ta’ immobbli ttrasferit b’donazzjoni li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat għandu jkun inqas, fil-każ fejn id-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzajoni kienu, fid-data meta ssir id-donazzjoni, residenti fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li kieku kien jiġi applikat kieku tal-inqas wieħed minnhom kien residenti, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru.

18      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi b’mod ġenerali r‑restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital bejn Stati Membri (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C‑11/07, Ġabra p. I‑6845, punt 37; Arens‑Sikken, C‑43/07, Ġabra p. I‑6887, punt 28, u tat-12 ta’ Frar 2009, Block, C‑67/08, Ġabra p. I‑883, punt 18).

19      Fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat, tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement irrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura li tikkostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, minkejja li din kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (li saru l-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KE, artikoli mħassra mit-Trattat ta’ Amsterdam), u dan minħabba li, skont l-introduzzjoni ta’ dan l-anness, il-lista inkluża fiha mhijiex ta’ natura eżawrjenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C‑513/03, Ġabra p. I‑1957, punt 39, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Eckelkamp et, C‑11/07, punt 38, Arens‑Sikken, punt 29 u Block, punt 19). Issa, id-donazzjonijiet u d-doti jidhru taħt it-Titolu XI, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, li jinsab fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 (sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C‑318/07, Ġabra p. I‑359, punt 24).

20      Bħat-taxxa miġbura fuq is-suċċessjonijiet, li tikkonsisti fit-trasferiment tal-patrimonju li l-persuna li mietet tħalli lil wieħed jew aktar persuni u li jaqa’ wkoll taħt l-istess titolu tal-isemmi Anness I (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Jäger, C‑256/06, Ġabra p. I‑123, punt 25; Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; Arens‑Sikken, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30; Block, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, kif ukoll tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C‑35/08, Ġabra p. I‑9807, punt 18), it-trattament fiskali ta’ donazzjonijiet, kemm jekk jirrigwardaw ammonti ta’ flus, ta’ beni immobbli jew ta’ beni mobbli, jaqa’ għalhekk, taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment tal-kapital, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu ristretti fi ħdan Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

21      Is-sitwazzjoni li fiha persuna residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi tagħmel, favur persuna oħra li hija residenti wkoll f’dan l-istess Stat Membru, donazzjoni ta’ art li tinsab fil-Ġermanja ma tistax titqies li hija sitwazzjoni purament nazzjonali.

22      Għaldaqstant, id-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tranżazzjoni li taqa’ taħt il-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi l-ebda element li jista’ jorbot il-kawża prinċipali mal-moviment liberu tal-ħaddiema jew mal-libertà ta’ stabbiliment, ma hemmx bżonn li tiġi eżaminata l-applikabbiltà tal-Artikoli 39 KE u 43 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Busley u Cibrian Fernandez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

24      Għalhekk, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif isostnu kemm V. Mattner fil-proċedura fil-kawża prinċipali kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment tal-kapital.

25      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suċċessjonijiet jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali li jiddeterminaw il-valur ta’ beni immobbli għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tat-taxxa dovuta fil-każ ta’ kisba b’donazzjoni jistgħu mhux biss ikunu ta’ natura li jiskoraġġixxu x-xiri ta’ beni immobbli li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ wkoll ikollhom l-effett li jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx dak fejn jinsabu l-imsemmija beni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jäger, punt 30; Eckelkamp et, punt 43, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 36).

26      Fir-rigward tal-każ ta’ donazzjonijiet, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 56(1) KE, peress li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni ta’ resident ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa d-donazzjoni ta’ dawn il-beni (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq van Hilten van der Heijden, punt 44; Jäger, punt 31; Eckelkamp et, punt 44; Arens‑Sikken, punt 37, kif ukoll Block, punt 24).

27      F’din il-kawża, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li jistabbilixxu li donazzjoni li tinkludi beni immobbli li jinsabu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tibbenefika minn tnaqqis mill-bażi taxxabbli inqas għoli meta d-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzjoni jkunu residenti fi Stat Membru ieħor milli kieku wieħed minnhom kellu r-residenza tiegħu fit-territorju Ġermaniż, twassal, b’hekk, biex l-ewwel kategorija ta’ donazzjonijiet ikunu suġġett għal taxxa fuq id-donazzjonijiet li tkun ogħla minn dik miġbura fil-kuntest tat-tieni kategorija ta’ donazzjonijiet, bl-effett li jirrestrinġu l-moviment tal-kapital billi jnaqqsu l-valur tad-donazzjoni li tinkludi t-tali beni (ara, b’analoġija, is-sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

28      Fil-fatt, peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet jorbtu l-applikazzjoni ta’ tnaqqis mill-bażi taxxabbli tal-beni immobbli kkonċernati mal-post ta’ residenza tad-donatur jew tal-persuna li tirċievi d-donazzajoni fil-mument meta tkun saret id-donazzjoni, il-piż fiskali ikbar li jolqot id-donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital (ara, b’analoġija, is-sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

29      Sussegwentament, hemm lok li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ kapital ikkonstatata tistax tiġi ġġustifikata mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

30      Il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż essenzjalment isostnu li donazzjoni magħmula bejn id-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzjoni li mhix residenti, u dik li tinvolvi persuna residenti, kemm jekk tkunx id-donatriċi jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni, huma sitwazzjonijiet oġġettivament differenti. Fil-fatt, filwaqt li, fl-ewwel sitwazzjoni, il-persuna li tirċievi d-donazzjoni hija suġġetta fil-Ġermanja għal obbligu fiskali limitat li jirrigwarda biss il-beni li jinsabu f’dan l-Istat Membru, fit-tieni sitwazzjoni, hija suġġetta f’dan l-Istat Membru għal obbligu fiskali illimitat li jirrigwarda t-totalità tal-wirt partimonjali, indipendentement mis-sitwazzjoni tal-beni. Skont is-sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, Gabra p. I‑225), dan it-trattament differenti ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikoli 56 KE u 56 KE, sa fejn huwa l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun inħoloq l-obbligu fiskali illimitat li għandu, bħala regola, jevalwa l-karatteristiċi personali kollha tal-persuna suġġetta għat-taxxa.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, l-Artikolu 56 KE “m’għandh[ux] jippreġudika[...] d-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”.

32      Din id-dispożizzjoni tal-Artikolu 58 KE, peress li tidderoga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital, għandha tingħata interpretazzjoni stretta. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li kull leġiżlazzjoni fiskali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn ikunu residenti jew skont l-Istat Membru fejn jinvestu l-kapital tagħhom hija awtomatikament kompatibbli mat-Trattat (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Jäger, punt 40; Eckelkamp et, punt 57, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 51).

33      Fil-fatt, id-deroga prevista fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija stess hija limitata mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu, li jipprevedi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”.

34      Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn it-trattamenti inugwali permessi taħt l-Artikolu 58(1)(a) KE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji pprojbiti taħt l-Artikolu 58(3) KE. Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet, tagħmel distinzjoni fejn jidħol it-tnaqqis li japplika għall-bażi taxxabbli fuq beni immobbli li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat skont jekk id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni huwiex residenti f’dan l-Istat Membru jew jekk it-tnejn li huma humiex residenti fi Stat Membru ieħor, tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li mhumiex oġġettivament paragunabbli jew tkun iġġustifikata minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex id-differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ donazzjonijiet tiġi ġġustifikata, din ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni jinkiseb (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C‑319/02, Ġabra p. I‑7477, punt 29; Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 58 u 59, kif ukoll Arens‑Sikken, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

35      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, din id-differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li din tirrigwarda sitwazzjonijiet li huma oġġettivament differenti.

36      Fil-fatt, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ammont tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet marbuta ma’ immobbli li jinsab fil-Ġermanja huwa kkalkolat, skont l-ErbStG, fuq il-valur ta’ dawn il-beni immobbli u fuq ir-rabta ta’ familja li eventwalment teżisti bejn id-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzjoni. Issa, la wieħed u lanqas l-ieħor minn dawn iż-żewġ kriterji ma jiddipendu mill-post ta’ residenza tad-donatur jew tal-persuna li tirċievi d-donazzjoni. Għalhekk, fir-rigward tal-ammont tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuti minħabba beni immobbli mogħtija b’donazzjoni u li jinsabu fil-Ġermanja, ma jista’ jkun hemm l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika inugwaljanza fit-trattament fiskali bejn, rispettivament, is-sitwazzjoni ta’ persuni li l-ebda wieħed minnhom ma huwa residenti f’dan l-Istat Membru, u s-sitwazzjoni fejn tal-inqas wieħed minnhom huwa residenti fl-imsemmi Stat. B’hekk, is-sitwazzjoni ta’ V. Mattner hija paragunabbli ma’ dik tal-persuni l-oħra kollha li jirċievu donazzjoni li tikkonsisti f’beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja mogħtija minn persuna li hija residenti fit-territorju Ġermaniż u li għandha rabta ta’ familja magħha kif ukoll ma’ dik tal-persuna li tirċievi d-donazzjoni li hija residenti f’dan it-territorju u li tikseb din id-donazzjoni mingħand persuna li mhijiex residenti f’dan it-territorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Jäger, punt 44; Eckelkamp et., punt 61, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 55).

37      Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tqis, bħala regola, kemm lill-benefiċjarju tad-donazzjoni bejn persuni mhux residenti kif ukoll l-benefiċjarju tad-donazzjoni li tinkludi tal-inqas residenti bħala persuni li huma suġġetti għat-taxxa għall-finijiet tal-ġbir tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet marbuta mal-beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja. Huwa biss fir-rigward tat-tnaqqis li japplika għall-bażi taxxabbli li din il-leġiżlazzjoni tagħmel, għall-finijet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet marbuta ma’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, differenza fit-trattament bejn id-donazzjonijiet magħmula bejn persuni mhux residenti u donazzjonijiet li jinvolvi resident wieħed. Min-naħa l-oħra, l-iffissar tal-klassi u tar-rata ta’ taxxa, stabbilita mill-Artikoli 15 u 19 tal-ErbStG, isir skont l-istess regoli għaż-żewġ kategoriji ta’ donazzjonijiet (ara, b’analoġija, is-sentenzi Eckelkamp et, punt 62, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 56).

38      Sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali tqiegħed fuq l-istess livell, għall-finijiet tat-tassazzjoni ta’ beni immobbli miksuba b’donazzjoni li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, minn naħa, il-persuni mhux residenti li jirċievu dawn il-beni mingħand donatur mhux residenti u, min-naħa l-oħra, il-persuni mhux residenti jew residenti li jirċievu d-dawn il-beni mingħand donatur residenti kif ukoll il-persuni residenti li jirċievu dawn l-istess beni mingħand donatur mhux residenti, din il-leġiżlazzjoni ma tistax, mingħajr ma tikser ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, tittratta, fil-kuntest tal-istess tassazzjoni u fir-rigward tat-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ dawn il-beni immobbli, lil dawn il-persuni li jirċievu donazzjoni b’mod differenti. Billi jittratta b’mod identiku, ħlief fir-rigward tal-ammont ta’ tnaqqis li jista’ jibbenefika minnu l-persuna li tirċievi d-donazzjoni, il-leġiżlatur nazzjonali ammetta, fil-fatt, li bejn dawn tal-aħħar ma hemm, fid-dawl tal-modalitajiet u tal-kundizzjonijiet li bihom it-taxxa fuq id-donazzjoni tinġabar, l-ebda differenza oġġettiva li tiġġustifika differenza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eckelkamp et, punt 63, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 57).

39      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk ir-restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital li tirriżulta minn leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi oġġettivament iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

40      L-ewwel nett, il-Finanzamt issostni li, jekk l-ErbStG tistabbilixxi, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ tnaqqis identiku għal donazzjonijiet bejn persuni mhux residenti u donazzjonijiet li jinvolvu resident wieħed, V. Mattner tista’, billi tapprofitta mill-istess vantaġġi fiskali fl-Istat Membru ta’ residenza fejn hija tkun suġġetta għal obbligu fiskali illimitat, tibbenefika minn akkumulazzjoni ta’ tnaqqis.

41      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fil-kuntest tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal-kapital u dwar it-taxxa tas-suċċessjoni, li ċittadin ta’ Stat Membru ma jistax jinċaħad mill-possibbiltà li jinvoka d-dispożizzjonijiet tat-Trattat minħabba li jibbenefika minn vantaġġi fiskali mogħtija legalment mir-regoli fis-seħħ fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak fejn ikun residenti (sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier, C‑364/01, Ġabra p. I‑15013, punt 71, kif ukoll Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

42      Fi kwalunkwe każ, l-Istat Membru li fih jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni ma jistax, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu stess, jinvoka l-possibbiltà, indipendenti mir-rieda tiegħu, li l-persuna li tirċievi donazzjoni ser tibbenefika minn tnaqqis simili mogħti minn Stat Membru ieħor, bħalma huwa l-każ li fih id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni kienu residenti fid-data tad-donazzjoni, li jista’ jikkumpensa, in toto jew parzjalment, id-dannu mġarrab minn dan tal-aħħar minħabba t-tnaqqis fir-rata applikabbli meta ġiet ikkalkolata t-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fl-ewwel Stat Membru (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eckelkamp et, punt 68, kif ukoll Arens‑Sikken, punt 65).

43      Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jinvoka l-eżistenza ta’ benefiċċju mogħti b’mod unilaterali minn Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Istat Membru fejn kien residenti d-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni, sabiex jevita l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Eckelkamp et, punt 69, u Arens-Sikken, punt 66).

44      Dan jgħodd iktar u iktar jekk, kif sostna l-Gvern Ġermaniż matul is-seduta, l-Istat Membru li fih huwa residenti d-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni japplika tnaqqis li jkun inqas għoli minn dak mogħti mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni jew jiffissa l-valur ta’ dawn il-beni f’livell ogħla minn dawk stabbiliti minn dan l-aħħar Stat.

45      Fil-fatt, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta t-taxxa fuq id-donazzjonijiet tiġi kkalkolata, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teskludi b’mod ċar u tond it-tnaqqis b’rata sħiħa fil-każ fejn id-donatur u l-persuna li tirċievi d-donazzjoni ma jkunux residenti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni mogħtija b’donazzjoni, u dan mingħajr ma jiġu kkunsidrati la l-għoti eventwali ta’ tnaqqis simili fl-Istat Membru l-ieħor, bħalma huwa l-Istat Membru li fih huma residenti d-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni, u lanqas il-metodu ta’ kif jiġi stabbilit il-valur ta’ dawn il-beni f’dan l-aħħar Stat Membru.

46      It-tieni nett, il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż jsostnu li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali essenzjalment tittratta b’mod identiku s-suċċessjonijiet u d-donazzjonijiet, din għandha bħala għan li jiġi evitat li l-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jiskartaw id-dispożizzjonijiet fiskali fuq is-suċċessjoni billi jipproċedu b’diversi donazzjonijiet simultanji jew billi jittrażmettu l-patrimonju kollu lil persuna permezz ta’ donazzjonijiet suċċessivi mifruxa matul medda ta’ żmien. B’mod partikolari, dan huwa l-għan tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-ErbStG, li essenzjalment jistabbilixxu li d-donazzjonijet magħmula mill-istess persuna f’perijodu ta’ għaxar snin għandhom jingħaddu flimkien għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq is-suċċessjonijiet u fuq id-donazzjonijiet.

47      Il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż isostnu barra minn hekk li, anki jekk jiġi aċċettat li, f’din il-kawża, id-donazzjoni tirrigwarda biss beni immobbli wieħed, huwa leġittimu li l-imsemmija leġiżlazzjoni, sabiex tistabbilixxi t-tnaqqis applikabbli għad-donazzjoni bejn persuni mhux residenti, tibbaża ruħha fuq il-prinċipju li jgħid li persuna li tirċievi d-donazzjoni għad għandha, fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha jew fi Stati oħra, assi, li hija ttrasferixxa fl-istess ħin lil V. Mattner jew li tista’ tittrasferilha ulterjorment, li ma jkunux jistgħu jiġu suġġetti għat-taxxa fuq id-donazzjonijiet fil-Ġermanja. Issa, xejn ma jiġġustifika l-fatt li Stat Membru, bħalma hija r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jeżerċita d-dritt tiegħu li jintaxxa biss ċerti assi iżolati, jagħti tnaqqis adattat skont it-trasferiment tat-totalità tal-patrimonju. B’hekk, mhuwiex dan l-Istat Membru iżda l-Istat Membru li fih id-donatur u V. Mattner huma residenti li għandu jieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-issuġġettar illimitat, is-sitwazzjoni personali ta’ din tal-aħħar.

48      F’dan ir-rigward, mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li V. Mattner, f’din il-kawża, irċeviet b’donazzjoni, matul il-perijodu ta’ għaxar snin li ppreċedew id-donazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, beni oħra mingħand l-istess donatur, b’mod li r-riskju ta’ evażjoni li jista’ jirriżulta mill-eżistenza ta’ donazzjonijiet preċedenti, jew saħansitra simultanji, bejn l-istess partijiet tidher li hija purament ipotetika u għalhekk, ma tistax, f’każ bħal dan fil-kawża prinċipali, tiġġustifika limitazzjoni fit-tnaqqis applikabbli għall-bażi taxxabbli.

49      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eventwalità ta’ donazzjonijiet ulterjuri, hemm lok li jiġi kkonstatat li, ċertament, jekk l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu beni immobbli mogħtija b’donazzjoni għandu d-dritt li jiżgura li r-regoli tat-taxxa fil-qasam tas-suċċessjoni ma jiġux evitati permezz ta’ donazzjonijiet maqsuma bejn l-istess persuni, f’dan il-każ, ir-riskju allegat ta’ evażjoni fir-rigward ta’ donazzjonijiet magħmula bejn persuni li mhumiex residenti ta’ dan l-Istat Membru jeżisti sa fejn jirrigwarda donazzjonijiet li jinvolvu resident wieħed.

50      Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-Artikolu 14 tal-ErbStG, li jipprojbixxi t-tali donazzjonijiet maqsuma billi jgħodd flimkien, għall-finijiet tat-taxxa dovuta, id-donazzjonijiet magħmula matul perijodu ta’ għaxar snin, jistabbilixxi, fir-rigward tad-donazzjonijiet li jinvolvu resident wieħed, mhux it-tnaqqis b’rata mnaqqsa, iżda, saħansitra, li t-tnaqqis b’rata sħiħa stabbilita fir-rigward ta’ dawn id-donazzjonijiet japplika darba biss mill-bażi taxxabbli li tirriżulta mit-totalizzazzjoni tad-donazzjonijiet ikkonċernati.

51      Mill-applikazzjoni tat-tnaqqis b’rata mnaqqsa jirriżulta, bħalma huwa l-każ stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta d-donazzjoni ssir bejn persuni li mhumiex residenti fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni mogħtija b’donazzjoni, li din ma tistax titqies li hija mezz xieraq sabiex l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni jintlaħaq.

52      It-tielet nett, matul is-seduta, il-Gvern Ġermaniż invoka l-ħtieġa tal-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali tiegħu, billi sostna, f’dan ir-rigward, li huwa loġiku li l-vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tnaqqis b’rata sħiħa mill-bażi taxxabbli għad-donazzjoni jinżamm biss għal persuni taxxabbli li huma suġġett għal obbligu fiskali illimitat fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni mogħtija b’donazzjoni, sa fejn din is-sistema, peress li tinvolvi l-intaxxar tal-partimonju dinji tal-persuna suġġetta għat-taxxa, hija globalment inqas vantaġġuża minn dik li tapplika għal persuni suġġetti għal obbligu fiskali limitat f’dan l-istess Stat.

53      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċert li l-ħtieġa tal-ħarsien tal-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat. Madankollu, sabiex din it-tali ġustifikazzjoni tiġi aċċettata, hemm bżonn li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-għoti tal-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens minn dan il-vantaġġ permezz ta’ ġbir fiskali determinat (ara s-sentenzi Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C‑182/08, Ġabra p. I‑8591, punti 77 u 78).

54      Issa, f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-vantaġġ fiskali li jirriżulta, fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-beni immobbli mogħtija b’donazzjoni, mill-applikazzjoni ta’ tnaqqis b’rata sħiħa mill-bażi taxxabbli meta din id-donazzjoni tinvolvi tal-inqas resident wieħed minn dan l-Istat, mhijiex ikkumpensata f’dan l-Istat minn l-ebda ġbir fiskali determinat skont it-taxxa fuq id-donazzjonijiet.

55      Isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mill-ħtieġa tal-ħarsien tal-koerenza tas-sistema fiskali Ġermaniża.

56      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, għal kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjoni, li t-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ immobbli ttrasferit b’donazzjoni u li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat għandu jkun inqas, fil-każ fejn id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni jkun, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, residenti fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li kien ikun applikabbli kieku tal-inqas wieħed minnhom kien ikollu r-residenza, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikoli 56 KE u 58 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi, għal kalkolu tat-taxxa fuq id-donazzjoni, li t-tnaqqis mill-bażi taxxabbli ta’ immobbli ttrasferit b’donazzjoni u li jinsab fit-territorju ta’ dan l-Istat għandu jkun inqas, fil-każ fejn id-donatur jew il-persuna li tirċievi d-donazzjoni jkun, fid-data ta’ meta ssir id-donazzjoni, residenti fi Stat Membru ieħor, mit-tnaqqis li kien ikun applikabbli kieku tal-inqas wieħed minnhom kien ikollu r-residenza, fl-istess data, fl-ewwel Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.