SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età — Direttiva 2000/78/KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tkeċċija li, għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodu tax-xogħol maħdum qabel l-impjegat ikun laħaq l-età ta’ 25 sena — Ġustifikazzjoni tal-miżura — Leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-direttiva — Rwol tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C-555/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2007, fil-proċedura

Seda Kücükdeveci

vs

Swedex GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, R. Silva de Lapuerta, P. Lindh (Relatur) u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, P. Kūris, T. von Danwitz, A. Arabadjiev u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Marzu 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Swedex GmbH & Co. KG, minn M. Nebeling, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg, bħala aġent,

għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn N. Travers, BL, u A. Collins, SC,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Mol, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao, bħala aġent, assistita minn J. Stratford, barrister,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u tad-Direttiva tal-Kunsill, 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Kücükdeveci u min kien iħaddimha, Swedex GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Swedex”), fir-rigward tal-kalkolu tat-terminu ta’ avviż bil-quddiem li għandu japplika għat-tkeċċija tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 13 KE. Il-premessi 1, 4 u 25 ta’ din id-direttiva jipprovdu li ġej:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali [, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(4)

Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(25)

Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma’ l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta’ l-Impjieg u biex tiġi inkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma’ l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f’ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu dispożizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ mpjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita.”

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tistabbilixxi qafas ġenerali sabiex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam l-impjieg u x-xogħol, bil-għan li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali fl-Istati Membri.

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“1.   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età ma għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati [xierqa] u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

ċ)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.”

8

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, it-traspożizzjoni tagħha fis-sistema legali tal-Istati Membri għandha ssir sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003. Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-istess artikolu:

“Sabiex jittieħed kont ta’ kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta’ diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih […]”

9

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja użat din il-possibbiltà, b’mod li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u fuq id-diżabbiltà kellha ssir sa mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2006 f’dan l-Istat Membru.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-Liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali

10

L-Artikoli 1, 2 u 10 tal-Liġi ġenerali fuq it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz) tal-14 ta’ Awwissu 2006 (BGBl. 2006 I. p. 1897), li ttrasponiet id-Direttiva 2000/78, jipprovdu:

“Artikolu 1 — L-għan tal-liġi

Din il-liġi għandha l-għan li timpedixxi jew telimina kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza jew l-oriġni etnika, is-sess, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-identità sesswali.

Artikolu 2 — Kamp ta’ applikazzjoni

[…]

4)   It-tkeċċijiet huma rregolati esklużivament mid-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni ġenerali u partikolari kontra t-tkeċċija.

[…]

Artikolu 10 — Legalità ta’ ċerti trattamenti differenti bbażati fuq l-età

Minkejja l-Artikolu 8, it-trattament differenti marbut mal-età huwa permess meta dan ikun oġġettivament u raġjonevolment iġġustifikat u bbażat fuq għan leġittimu. Il-mezzi biex jintlaħaq dan l-għan għandhom ikunu xierqa u meħtieġa. Dawn id-differenzi fit-trattament jistgħu jinkludu b’mod partikolari:

1)

l-implementazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċjali ta’ aċċess għall-impjieg u għat-taħriġ professjonali, ta’ impjieg u ta’ xogħol, inklużi l-kundizzjonijiet tal-ħlas u tkeċċija, għaż-żgħażagħ, ħaddiema anzjani u dawk li għandhom lil min jieħdu ħsieb, bil-għan li titħeġġeġ l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew li tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni fuq it-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg

11

L-Artikolu 622 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi:

“1)   Ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ ħaddiem jew ta’ impjegat (bil-paga) tista’ tiġi tterminata b’avviż tat-temm ta’ impjieg ta’ erba’ ġimgħat mill-15 tax-xahar jew mill-aħħar tax-xahar.

2)   F’każ ta’ tkeċċija min-naħa ta’ min iħaddem, it-terminu għall-avviż tat-temm ta’ impjieg huwa dan li ġej:

xahar żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta r-relazzjoni ta’ impjieg fl-istabbiliment jew fl-impriża tkun damet sentejn;

xahrejn żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 5 snin;

3 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 8 snin;

4 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 10 snin;

5 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 12-il sena;

6 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 15-il sena;

7 xhur żmien b’effett mill-aħħar tax-xahar meta tkun damet 20 sena.

Il-perijodi ta’ impjieg maħduma mill-impjegat qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 25 sena ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu taż-żmien ta’ impjieg.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

S. Kücükdeveci twieldet fit-12 ta’ Frar 1978. Sa mill-4 ta’ Ġunju 1996, jiġifieri sa minn meta kellha 18-il sena, hija kienet impjegata minn Swedex.

13

Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Diċembru 2006, Swedex keċċiet lil din l-impjegata b’effett mill-31 ta’ Jannar 2007, fid-dawl tal-avviż tat-temm ta’ impjieg meħtieġ bil-liġi. Min iħaddimha kkalkola t-terminu ta’ avviż bħallikieku l-impjegata kellha anzjanità ta’ 3 snin meta effettivament kienet ilha taħdem magħha għal 10 snin.

14

S. Kücükdeveci kkontestat it-tkeċċija tagħha quddiem l-Arbeitsgericht Mönchengladbach. Hija sostniet quddiem din il-qorti li t-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg imissu kien ta’ erba’ xhur mill-31 ta’ Diċembru 2007, u dan skont il-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB. Dan it-terminu jikkorrispondi għal anzjanità ta’ għaxar snin. Għaldaqstant il-kawża prinċipali tikkonċerna kwistjoni bejn żewġ individwi, jiġifieri, minn naħa, S. Kücükdeveci u, min-naħa l-oħra, Swedex.

15

Skont S. Kücükdeveci, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB jipprovdi li l-perijodi ta’ impjieg maħduma qabel l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg, dan jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi eskluża.

16

Il-Landesarbeitsgericht Düsseldorf, li kienet qed tiddeċiedi fuq l-appell, ikkonstatat li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 kien iddekorra meta seħħet it-tkeċċija. Din il-qorti qieset ukoll li l-Artikolu 622 tal-BGB jinkludi trattament differenti direttament marbut mal-età, li filwaqt li n-natura antikostituzzjonali tiegħu ma tikkonvinċihiex, min-naħa l-oħra, il-konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni hija diskutibbli. F’dan ir-rigward, hija tistaqsi jekk l-eżistenza eventwali ta’ diskriminazzjoni direttament marbuta mal-età għandhiex tiġi evalwata fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni, bħal ma tidher li qed tissuġġerixxi s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 Mangold (C-144/04, Ġabra p. I-9981), jew inkella fir-rigward tad-Direttiva 2000/78. Filwaqt li tenfasizza li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni hija ċara u jekk ikun il-każ, ma tistax tiġi interpretata f’sens konformi ma’ din id-direttiva, hija tistaqsi wkoll jekk, sabiex din id-dispożizzjoni tkun tista’ titħalla mingħajr ma’ tiġi applikata fi kwistjoni bejn persuni privati, sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-individwi, hija għandhiex tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tikkonferma l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

17

Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesarbeitsgericht Düsseldorf iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

a)

Liġi nazzjonali li tistabbilixxi li t-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg li għandu jiġi rrispettat minn min iħaddem jiżdied b’mod progressiv skont it-tul tas-servizz, iżda li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg li l-impjegat ikun ħadem qabel ma laħaq l-età ta’ 25 sena, tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età stabbilita mid-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-dritt Komunitarju primarju jew id-Direttiva 2000/78 […]?

b)

Jista’ jiġi ġġustifikat il-fatt li min iħaddem għandu jirrispetta biss terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg bażiku f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati żgħażagħ minħabba li dan għandu interess ekonomiku fit-tmexxija tal-persunal flessibbli — fejn termini itwal ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg jistgħu jkunu ta’ ħsara għal dan l-interess ekonomiku — u li l-impjegati żgħażagħ jiġu mċaħħda mill-protezzjoni tal-istabbiltà tax-xogħol u mill-possibbiltà li jużaw id-dispożizzjonijiet (li jagħtu lill-impjegati iktar anzjani termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg itwal), pereżempju għaliex, fir-rigward tal-età tagħhom u/jew tal-fatt li għandhom inqas obbligi soċjali, familjari u privati, jista’ b’mod raġjonevoli jkun meħtieġ minnhom flessibbiltà u mobbiltà professjonali u personali ikbar?

2)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domanda 1 a) u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda 1 b):

 

Il-qorti ta’ Stat Membru li jkollha quddiemha kwistjoni bejn persuni privati għandha tinjora liġi manifestament kuntrarja għad-dritt Komunitarju jew għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fiduċja li l-individwi għandhom fl-applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali fis-seħħ fis-sens li n-nuqqas ta’ applikazzjoni sseħħ biss wara deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-liġi inkwistjoni jew fuq liġi essenzjalment simili?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa mill-impjegat qabel ma jikseb l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg, tikkostitwixxix trattament differenti bbażat fuq l-età li hu pprojbit mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-dritt primarju jew mid-Direttiva 2000/78. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk it-tali leġiżlazzjoni hiex iġġustifikata mill-fatt li jkun utli li jiġi osservat biss terminu wieħed ta’ avviż ta’ temm ta’ impjieg fil-każ ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema żgħażagħ, minn naħa, sabiex min iħaddem ikun f’pożizzjoni li jamministra l-persunal tiegħu bi flessibbiltà, li ma jkunx possibbli li kieku t-termini għal avviż ta’ temm ta’ impjieg kienu itwal, u, min-naħa l-oħra, peress li huwa raġjonevoli li tkun meħtieġa mobbiltà personali u professjonali taż-żgħażagħ ikbar minn dik meħtieġa minn persuni ta’ età ikbar.

19

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, hekk kif titlob il-qorti tar-rinviju, li jiġi ppreċiżat qabel kollox jekk din id-domanda għandhiex tiġi ttrattata fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni jew tad-Direttiva 2000/78.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Direttiva 2000/78 abbażi tal-Artikolu 13 KE u fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ma tistabbilixxix fiha nnifisha l-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol, li jsib is-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fl-użanzi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda hija sempliċement intiża sabiex fir-rigward ta’ dawn l-istess oqsma tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet differenti, fosthom l-età (ara s-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 74).

21

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età li għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). Id-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza dan il-prinċipju (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455, punt 54).

22

Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 6(1) TUE jipprovdi li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha l-istess valur ġuridiku tat-Trattati. Skont l-Artikolu 21(1) ta’ din il-Karta, “[k]ull diskriminazzjoni bbażata fuq […] l-età […] għandha tkun projbita”.

23

Barra minn hekk, sabiex il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età japplika f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, jeħtieġ li dan jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

24

F’dan ir-rigward, u b’differenza mill-kawża li tat lok għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2008, Bartsch (C-427/06, Ġabra p. I-7245), l-imġiba allegatament diskriminatorja adottata, f’din il-kawża prinċipali, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata seħħet wara d-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istat Membru kkonċernat għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78, li fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skada fit-2 ta’ Diċembru 2006.

25

F’din id-data, l-imsemmija direttiva kellha bħala effett li ddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali li tikkunsidra materja rregolata minn din l-istess direttiva, jiġifieri, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

26

Fil-fatt, sa fejn dispożizzjoni nazzjonali bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB tipprovdi li, għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ impjieg imwettqa mill-impjegat qabel ma dan ikun kiseb l-età ta’ 25 sena, din ikollha inċidenza fuq il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija tal-impjegati. B’hekk, leġiżlazzjoni ta’ din in-natura għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda li tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

27

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li huwa abbażi tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, bħal dik stabbilita mid-Direttiva 2000/78, li għandu jiġi kkonstatat jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali.

28

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali tinkludix trattament differenti bbażat fuq l-età, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, għall-finijiet ta’ din tal-aħħar, “prinċipju ta’ trattament ugwali” ifisser in-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jispeċifika li, għall-ħtiġijiet tal-applikazzjoni tas-subartikolu 1 tiegħu, diskriminazzjoni diretta tirriżulta ladarba persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli meta mqabbla ma’ persuna oħra li tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-istess direttiva (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa, C-411/05, Ġabra p. I-8531, punt 50, u tal-5 ta’ Marzu 2009, Age Concern England, C-388/07, Ġabra p. I-9597, punt 33).

29

F’dan il-każ, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB jirriżerva trattament inqas favorevoli lill-persuni li impjegaw rwieħhom ma’ min iħaddimhom qabel ma laħqu l-età ta’ 25 sena. Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għaldaqstant tintroduċi trattament differenti bejn persuni li għandhom l-istess anzjanità skont l-età li kellhom meta daħlu jaħdmu mal-impriża.

30

B’hekk, fir-rigward ta’ żewġ impjegati li għandhom 20 sena ta’ anzjanità kull wieħed, dak li impjega ruħu fl-impriża fl-età ta’ 18-il sena jibbenefika minn terminu ta’ avviż ta’ temm ta’ impjieg ta’ ħames xhur filwaqt li dan it-terminu jkun ta’ seba’ xhur għal dak li impjega ruħu fl-età ta’ 25 sena. Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali tisfavorixxi, b’mod ġenerali, lill-ħaddiema żgħażagħ meta mqabbla mal-ħaddiema iktar anzjani, fejn, kif turi s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minkejja l-anzjanità ta’ numru ta’ snin fi ħdan l-impriża, dwan il-ħaddiema żgħażagħ jistgħu jiġu esklużi mill-benefiċċju taż-żieda progressiva fit-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont it-tul tar-relazzjoni tax-xogħol li minnu, min-naħa l-oħra, jistgħu jgawdu ħaddiema iktar anzjani li jkollhom anzjanità paragunabbli.

31

Għaldaqstant il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tinkludi trattament differenti bbażat fuq il-kriterju tal-età.

32

Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan it-trattament differenti jistax jikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit mid-Direttiva 2000/78.

33

F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi li trattament differenti bbażat fuq l-età ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni ladarba dan ikun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, b’għan leġittimu, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ għanijiet ta’ taħriġ professjonali, kif ukoll li l-mezzi sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet ikunu xierqa u neċessarji.

34

Kemm mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta mill-Gvern Ġermaniż jirriżulta li l-Artikolu 622 tal-BGB joriġina minn liġi tal-1926. L-iffissar tal-limitu ta’ 25 sena minn din il-liġi huwa l-frott ta’ kompromess bejn, l-ewwel nett, il-Gvern ta’ dak iż-żmien li kien xtaq żieda uniformi ta’ tliet xhur tat-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg tal-ħaddiema b’età ta’ iktar minn 40 sena, it-tieni nett, dawk li kienu favur żieda gradwali ta’ dan it-terminu għall-ħaddiema kollha u, it-tielet nett, dawk li kienu favur żieda gradwali tat-tul tal-avviż tat-temm ta’ impjieg iżda mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu maħdum, fejn din ir-regola kellha bħala għan li teħles parzjalment lil min iħaddem mit-termini ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg twal għall-ħaddiema b’età ta’ inqas minn 25 sena.

35

Skont il-qorti tar-rinviju, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB jirrifletti l-evalwazzjoni tal-leġiżlatur li tgħid li l-ħaddiema żgħażagħ ġeneralment jirreaġixxu b’iktar faċilità u b’iktar ħeffa għat-telf ta’ impjieg tagħhom u li min-naħa tagħhom tista’ tkun meħtieġa flessibbiltà ikbar. Fl-aħħar nett, terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg iqsar għall-ħaddiema żgħażagħ jiffaċilita l-impjieg ta’ dawn tal-aħħar billi tiżdied il-flessibbiltà fl-amministrazzjoni tal-persunal.

36

Għanijiet bħal dawk imsemmija mill-Gvern Ġermaniż u mill-qorti tar-rinviju jidhru li jirriżultaw minn politika fil-qasam tal-impjiegi u tas-suq tax-xogħol fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

37

Jeħtieġ li jiġi vverifikat, skont il-kliem innifishom ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-mezzi implementati sabiex jintlaħaq it-tali għan leġittimu humiex “approprjati [xierqa] u neċessarji”.

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-għażla tal-miżuri li permezz tagħhom jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjiegi (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mangold, punt 63, u Palacios de la Villa, punt 68).

39

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija li toffri lil min iħaddem flessibbiltà ikbar fl-amministrazzjoni tal-persunal billi jitħaffef l-oneru ta’ min iħaddem fir-rigward tat-tkeċċija tal-ħaddiema żgħażagħ, li fir-rigward tagħhom ikun raġonevoli li tkun meħtieġa żieda fil-mobilità personali jew professjonali.

40

Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma hijiex xierqa sabiex jintlaħaq dan il-għan peress li hija tapplika għall-impjegati kollha li daħlu fl-impriża qabel l-età ta’ 25 sena, tkun liema tkun l-età tagħhom meta jitkeċċew.

41

Fir-rigward tal-għan, segwit mil-leġiżlatur meta ġiet adottata l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali u mfakkra mill-Gvern Ġermaniż, li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema skont iż-żmien mgħoddi fl-impriża, jidher li, skont din il-leġiżlazzjoni, iż-żieda tat-terminu ta’ avviż tat-temm ta’ impjieg skont l-anzjanità tal-impjegat hija mtawla għal kull impjegat li daħal fl-impriża qabel l-età ta’ 25 sena, meta l-persuna kkonċernata kellha anzjanità twila f’din l-impriża meta tkeċċiet. Għaldaqstant din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda intiża sabiex jintlaħaq l-għan allegat.

42

Għandu jingħad ukoll li, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tolqot lill-impjegati żgħażagħ b’mod li ma huwiex ugwali, fis-sens li tolqot liż-żgħażagħ li jidħlu kmieni fil-ħajja tax-xogħol, jew mingħajr taħriġ professjonali, jew wara taħriġ professjonali qasir, u mhux lil dawk li jibdew jaħdmu iktar tard, wara taħriġ twil.

43

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età hekk kif inhu stabbilit mid-Direttiva 2000/78, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa mill-impjegat qabel ma jilħaq l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, meta jkollha quddiemha kwistjoni bejn individwi, sabiex tħalli mingħajr applikazzjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija għandhiex qabel kollox, sabiex tiżgura l-protezzjoni taċ-ċertezza legali tal-individwi quddiemha, tagħmel rinviju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 267 TFUE sabiex din tikkonferma l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

45

Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rwol tal-qorti nazzjonali meta din ikollha tiddeċiedi kwistjoni bejn individwi li fiha jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata hija kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali fil-konfront tal-inidividwi li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 111, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 42).

46

F’dan is-sens, fir-rigward ta’ kwistjoni bejn individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li direttiva ma tistax, waħedha, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u għaldaqstant ma tistax tiġi invokata bħala tali kontrih (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 20, kif ukoll Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 108).

47

Madankollu, l-obbligu tal-Istati Membri, li jirriżulta minn direttiva, li jilħqu r-riżultat previst minnha kif ukoll il-kompitu tagħhom, skont l-Artikolu 10 KE, li jadottaw il-miżuri ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu jorbot lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 26; tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8; Faccini Dori, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 40; Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 110, kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et, C-378/07 sa C-380/07, Ġabra p. I-3071, punt 106).

48

B’hekk, meta tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti nazzjonali li qed tintalab tinterpretah għandha tagħmel dan, sakemm ikun possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-direttiva sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u sabiex b’hekk tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq von Colson u Kamann, punt 26; Marleasing, punt 8; Faccini Dori, punt 26, kif ukoll Pfeiffer et, punt 113). Ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa inerenti fis-sistema tat-Trattat minħabba li din tippermetti li l-qorti nazzjonali tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

49

Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, minħabba l-kjarezza u l-preċiżjoni tiegħu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 622(2) tal-BGB ma huwiex suġġett għal interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2000/78.

50

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar, hekk kif intqal fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, li d-Direttiva 2000/78 sempliċement tikkonkretizza l-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol mingħajr ma tistabbilixxih, u, min-naħa l-oħra, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni peress li jikkostitwixxi applikazzjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punti 74 sa 76).

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li qed tisma’ l-kawża dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, hekk kif ġie kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, li fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha għandha tiżgura l-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u li tiggarantixxi l-effett sħiħ tiegħu billi għall-bżonn ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

52

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu li għandha l-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża bejn individwi, li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni qabel ma tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra dan id-dritt, jeħtieġ li jiġi osservat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-aspett tal-kwistjoni huwa mmotivat mill-fatt li, skont id-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju ma tistax tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun fis-seħħ mingħajr ma din id-dispożizzjoni tkun ġiet preċedentement iddikjarata antikostituzzjonali mill-Bundesverfassungsgericht (Qorti Kostituzzjonali Federali).

53

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-ħtieġa li jiġi ggarantit l-effett sħiħ tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, hekk kif ġie kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, timplika li, meta l-qorti nazzjonali jkollha quddiemha dispożizzjoni nazzjonali li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija tqis li hija inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju u fejn jirriżulta li interpretazzjoni konformi ma’ dan il-prinċipju tkun impossibbli, hija ma għandhiex tippermetti li din id-dispożizzjoni ma tiġix applikata mingħajr ma tkun kostretta jew prekluża milli qabel kollox tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54

Il-possibbiltà għaldaqstant rikonoxxuta lill-qorti nazzjonali permezz tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, li titlob interpretazzjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma tistax madankollu tinbidel f’obbligu minħabba l-fatt li d-dritt nazzjonali ma jippermettix li din il-qorti tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra l-Kostituzzjoni mingħajr ma din id-dispożizzjoni tkun ġiet preċedentement iddikjarata antikostituzzjonali mill-Qorti Kostituzzjonali. Fil-fatt, skont il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li minnu jibbenefika wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi applikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mangold, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

55

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li meta titressaq kawża bejn individwi quddiem qorti nazzjonali, hija ma hijiex marbuta iżda għandha l-possibbiltà li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età hekk kif ġie kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, qabel ma tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra dan il-prinċipju. In-natura diskrezzjonali ta’ dan ir-rinviju hija indipendenti mill-metodi li għandha l-qorti nazzjonali, fis-sistema legali interna, sabiex tippermetti li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li hija tqis li tmur kontra l-Kostituzzjoni.

56

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li meta titressaq kawża bejn individwi quddiem qorti nazzjonali, hija għandha tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, hekk kif ġie kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, billi jekk ikun meħtieġ tippermetti li ma tiġix applikata kull dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-eżerċizzju tal-possibbiltà li hija għandha, fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 236 TFUE, li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età hekk kif inhu stabbilit mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi li l-perijodi ta’ xogħol imwettqa mill-impjegat qabel ma jilħaq l-età ta’ 25 sena ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-terminu tal-avviż tat-temm ta’ impjieg.

 

2)

Meta titressaq kawża bejn individwi quddiem qorti nazzjonali, hija għandha tiżgura r-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, hekk kif ġie kkonkretizzat permezz tad-Direttiva 2000/78, billi jekk ikun meħtieġ tippermetti li ma tiġix applikata kull dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, indipendentement mill-eżerċizzju tal-possibbiltà li hija għandha, fil-każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 236 TFUE, li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.