Kawża C-496/08 P

Pilar Angé Serrano et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Appell — Uffiċjali — Suċċess f’kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil‑kategorija taħt is‑sistema tar-Regolamenti tal‑Persunal l-antiki — Dħul fis‑seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda — Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Drittijiet miksuba — Aspettattivi leġittimi — Trattament ugwali — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u dmir ta’ premura”

Sommarju tas-sentenza

1.        Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Drittijiet miksuba — Suċċess f’kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil‑kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004

(Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2, 8 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.        Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Kontestazzjoni tal-legalità ta’ dispożizzjoni statutorja ġdida

(Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2(1), 8(1) u 10 (1), (2) u (3); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.        Uffiċjali — Karriera — Introduzzjoni ta’ struttura ġdida permezz tar-Regolament Nru 723/2004 — Ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali — Assenza

(Artikolu 336 TFUE; Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2 u 10; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.        Peress li r-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu, sakemm ikun hemm osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur. L-emenda tapplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li seħħew meta kienet fis-seħħ il-liġi antika, ħlief fil-preżenza ta’ drittijiet miksuba, jiġifieri meta l-fatt li ta lok għad-drittijiet seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva.

B’hekk, l-uffiċjali li avvanzaw fil-karriera tagħhom permezz tas-suċċess tagħhom f’kompetizzjoni interna, organizzata taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, kisbu d-dritt għar-rispett tal-progress imwettaq b’dan il-mod taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, tali dritt jimplika biss li jirċievu l-istess trattament skont ir-Regolamenti tal‑Persunal, fir-rigward, b’mod partikolari, kemm tal‑progress fil-karriera, u kemm dak intiż għall-uffiċjali kollha fil-grad ġdid li fih aċċedew.

Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jiddisponi minnha l-leġiżlatur sabiex jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif neċessarju, u b’mod partikolari sabiex ibiddel l-istruttura tal-gradi tal‑uffiċjali, ma tistax tawtorizzah jagħmel emendi li, b’mod partikolari, ma jkollhomx x’jaqsmu ma’ din in-neċessità jew li ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-kompetenzi li dawn il-gradi għandhom jirriflettu. Madankollu, il-leġiżlatur ma jistax, min-naħa l-oħra, jintrabat bl-obbligu taż-żamma stretta tar-rapport li eżista bejn il-gradi qabel l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, l-uffiċjali ma jistgħux jinvokaw effettivament l-allegati drittijiet miksuba li jiġu kklassifikati fi grad superjuri miksub taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki sabiex isostnu li l-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda huma vvizzjati minn illegalità.

(ara l-punti 82-87)

2.        L‑uffiċjali ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, l-iktar fil‑qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, bħal dak tal-istruttura l-ġdida tal-karriera, introdotta bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej.

(ara l-punt 93)

3.        L-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Dawn tal-ewwel kisbu, skont ir-Regolamenti tal-Persunal, prospetti ta’ karriera aħjar meta pparaguanti ma’ dawn tal-aħħar, li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

Peress li, meta adotta r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-leġiżlatur Komunitarju biddel is-sistema tal-karrieri kollha fis-seħħ, huwa ma setax jiġi obbligat jirriproduċi eżattament u b’mod identiku l-ġerarkija ta’ gradi tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, minħabba l-fatt li dan jippreġudika l-possibbiltà tiegħu li jwettaq xi emendi lir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest, il-paragun tal-gradi ta’ ġerarkija preċedenti u sussegwenti għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex tiġi evalwata l-konformità tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, jiddistingwu bejn il-karrieri tal-uffiċjali li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki kienu qegħdin f’diversi gradi tal-ġerarkija u jiżguraw, għal dawk li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, prospetti ta’ karriera differenti minn dawk tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. B’mod partikolari, is-sistema tranżitorja, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) u (2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tiżgura, permezz tar-regola ta’ waqfien ta’ progress tal-karriera u dik tal-iffissar tar-rata ta’ promozzjoni għall-gradi differenti, prospetti aħjar ta’ karriera għall-uffiċjali li kienu qegħdin f’gradi ogħla taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u dawk li avvanzaw fil-gradi wara li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija.

(ara l-punti 102, 105, 106)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Marzu 2010 (*)

“Appell – Uffiċjali – Suċċess f’kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil-kategorija taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki – Dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda – Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Drittijiet miksuba – Aspettattivi leġittimi – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u dmir ta’ premura”

Fil-Kawża C-496/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2008

Pilar Angé Serrano, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, residenti fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Jean-Marie Bras, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, resident fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Adolfo A. Orcajo Teresa, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, resident fi Brussell, (il-Belġju),

Dominiek Decoutere, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, resident f’Wolwelange (il-Lussemburgu),

Armin Hau, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, resident fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Francisco Javier Solana Ramos, uffiċjal tal-Parlament Ewropew, resident fi Brussell (Laeken), (il-Belġju),

irrappreżentati minn E. Boigelot, avukat,

appellanti

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn L.G. Knudsen u K Zejdová, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u K Zieleśkiewicz, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur), C. W.A. Timmermans, K. Schiemann u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, P. Angé Serrano, J. Bras, A. Orcajo Teresa, D. Decoutere, A. Hau u F. Solana Ramos, qed jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tat-18 ta’ Settembru 2008, Angé Serrano et vs Il‑Parlament (T‑47/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom, ippreżentat kontra d‑deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid fi grad ta’ kull wieħed minnhom (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), adottati wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004, li jemenda r-Regolamenti tal‑Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130).

I –  Il-kuntest ġuridiku

A –  Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal fil‑verżjoni tagħhom applikabbli sat-30 ta’ April 2004

2        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni li kienet fis-seħħ sat-30 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal l-antiki”), jipprovdi:

“kull uffiċjal jista’ jiġi promoss minn kategorija għall-oħra biss fuq il‑bażi ta’ kompetizzjoni.[traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

B –  Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal fil‑verżjoni tagħhom applikabbl mill-1 ta’ Mejju 2004

3        Ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki ġew emendati bir-Regolament Nru 723/2004, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.

4        L-Artikolu 5 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal‑Persunal il-ġodda” jew ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi fil‑paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1. Il-posizzjonijiet koperti minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad‑dmirijiet li għalihom jirrelataw, fi grupp tal-funzjoni ta’ amministraturi […] u grupp tal-funzjoni ta’ l-assistenti […]

2. […] Il-funzjoni tal-grupp AST għandu jkun fih ħdax-il grad, li jikkorrospondu mad-dmirijiet esekuttivi, tekniċi u klerikali.”

5        L-Artikolu 6(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdi:

“1. Il-pjan ta’ stabbiliment mehmuż mat-taqsima ta’ l-estimi relatat ma’ kull istituzzjoni għandu jindika n-numru ta’ posizzjoniijiet f’kull grad u grupp tal-funzjoni.

2. Biex tkun żgurata ekwivalenza tal-karriera medja fl-istruttura tal‑karrieri qabel l-1 ta’ Mejju 2004 (minn issa ’l-quddiem ‘l-istruttura l‑qadima tal-karrieri’) u mill-1 ta’ Mejju 2004 (minn issa ’l-quddiem ‘l‑istruttura l-ġdida tal-karrieri’), u mingħajr preġudizzju għall‑prinċipju tal-promozzjoni bbżata fuq mertu kif imniżżel fl‑Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan il-pjan għandu jiżgura li għal kull istituzzjoni, in-numru ta’ posizzjonijiet battala f’kull grad tal-pjan ta’ l-istabbiliment fl-1 ta’ Jannar ta’ kull sena jikkorrospondi man-numru ta’ uffiċjali fil-grad iżgħar ta’ l-impieg attiv fl-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ qabel, immoltiplikat bir-rati mniżżla fl-Anness I, punt B, għal dak il-grad. Dawn ir-rati għandhom ikunu applikati fuq bażi medja fuq ħames snin mill-1 ta’ Mejju 2004.

[...]”

6        Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdu sistema tranżitorja li hija deskritta fl-Anness XIII tagħhom. Il-kunsiderazzjonijiet li mmotivaw l‑istabbiliment ta’ din is-sistema tranżitorja huma esposti fil-premessa 37 tar-Regolament Nru 723/2004, li jipprovdi:

“Disposizzjoni għandha ssir għall-arranġamenti transitorji biex tippermetti li r-regoli u l-miżuri ġodda jkunu applikati gradwalment, waqt li jkunu rispettat d-drittjiet akkwistati tal-persunal fil-qafas tas-sistema tal-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi tar‑Regolamenti tal-Persunal u wara li jkunu kkunsidrati l-istennijiet leġittimi tagħhom.”

7        L-Artikolu 1 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdi:

“1. Għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 t’April 2006 l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament tal-Persunal huma mibdula b’dan li ġej:

1.      Il-postijiet koperti mir-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kklassifikati, skond in-natura u l-importanza tad-dmirijiet li għalihom jirrelataw, f’erba’ kategoriji, A, B, Ċ u D, f’ordni nieżla tal-kariga.

2.      Il-kategorija A jkun fiha tnax-il grad, il-kategorija B ikun fiha disa’ gradi, il-kategorija Ċ ikun fiha seba’ gradi, u l-kategorija D ikun fiha ħames gradi.

2. Kull riferenza għad-data tar-reklutaġġ għandha titqies li tirreferi għad-data tad-dħul fis-seħħ.”

8        L-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdi:

“1. Fl-1 ta’ Mejju 2004, u suġġetti għall-Artikolu 8 ta’ dan l-Anness, il‑gradi ta’ l-uffiċjali li għandhom wieħed mill-istati amministrattivi ppreżentati fl-Artikolu 35 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom jingħataw isem mill-ġdid kif ġej:

Grad ta’ qabel

Grad ġdid (intermedjarju)

Grad ta’ qabel

Grad ġdid (intermedjarju)

Grad ta’ qabel

Grad ġdid (intermedjarju)

Grad ta’ qabel

Grad ġdid (intermedjarju)

A 1

A*16

           

A 2

A*15

           

A 3/LA 3

A*14

           

A 4/LA 4

A*12

           

A 5/LA 5

A*11

           

A 6/LA 6

A*10

B 1

B*10

       

A 7/LA 7

A*8

B 2

B*8

       

A 8/LA 8

A*7

B 3

B*7

C 1

C*6

   
   

B 4

B*6

C 2

C*5

   
   

B 5

B*5

C 3

C*4

D 1

D*4

       

C 4

C*3

D 2

D*3

       

C 5

C*2

D 3

D*2

           

D 4

D*1


[…]”

9        L-Artikolu 8(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdi:

“1. B’effett mill-1 ta’ Mejju 2006, il-gradi introdotti mill-Artikolu 2(1) għandhom jingħataw l-isem mill-ġdid kif ġej:

Grad ta’ qabel (intermedjarju)

Grad ġdid

Grad ta’ qabel (intermedjarju)

Grad ġdid

A*16

AD16

   

A*15

AD 15

   

A*14

AD 14

   

A*13

AD 13

   

A*12

AD 12

   

A*11

AD 11

B*11

AST 11

A*10

AD 10

B*10

AST 10

A*9

AD 9

B*9

AST 9

A*8

AD 8

B*8

AST 8

A*7

AD 7

B*7 / C*7

AST 7

A*6

AD 6

B*6 / C*6

AST 6

A*5

AD 5

B*5 / C*5 / D*5

AST 5

   

B*4 / C*4 / D*4

AST 4

   

B*3 / C*3 / D*3

AST 3

   

C*2 / D*2

AST 2

   

C*1 / D*1

AST 1


[…]”

10      L-Anness 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu:

“1. L-uffiċjali fis-servizz fil-kategoriji Ċ jew D ta’ qabel l-1 ta' Mejju 2004 għandhom ikunu assenjati mill-1 ta’ Mejju 2006 għal għadd ta' karrieri li jippermettu l-promozzjonijiet:

a)      fil-kategoriji Ċ ta’ qabel sal-grad AST 7;

b)      fil-kategoriji D ta’ qabel sal-grad AST 5;

2. Għal dawk l-uffiċjali, mill-1 ta’ Mejju 2004 u b’deroga mill-Anness I, Taqsima B, tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persentaġġi riferuti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu kif ġej:

Mixja ta’ karrieri C

Grad

1 ta’ Mejju 2004 sa :

Wara t‑30.4.2010 .

 

30.4.2005 

30.4.2006

30.4.2007

30.4.2008

30.4.2009

30.4.2010

 

C*/AST 7

C*/AST 6

5 %

5 %

5 %

10 %

15 %

20 %

20 %

C*/AST 5

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

C*/AST 4

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

C*/AST 3

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

C*/AST 2

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

C*/AST 1

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %

25 %


Mixja ta’ karrieri D

Grad

1 ta’ Mejju 2004 sa: :

Wara t‑30.4.2010

 

30.4.2005 

30.4.2006

30.4.2007

30.4.2008

30.4.2009

30.4.2010

 

D*/AST 5

D*/AST 4

5 %

5 %

5 %

10 %

10 %

10 %

10 %

D*/AST 3

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

D*/AST 2

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

22 %

D*/AST 1


3. Uffiċjal li dwaru japplika l-paragrafu 1, jista’ jsir membru tal-grupp tal-funzjoni ta’ l-assistenti mingħajr restrizzjoni jekk jgħaddi minn kompetizzjoni miftuħa jew fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

[…]”

II –  Il-Fatti li wasslu għall-kawża kif jirriżultaw mis-sentenza appellata

11      L-appellanti huma uffiċjali tal-Parlament Ewropew.

12      Mill-punt 23 tas-sentenza appellata jirriżulta li, meta kienu fis-seħħ ir‑Regolamenti tal-Persunal l-antiki, huma għaddew kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil-kategorija, P. Angé Serrano għaddiet mill-grad C 1 għall-grad B 5 ; J. Bras għadda mill-grad D 1 għall-grad C 5 D. Decoutere għadda mill-grad C 3 għall-grad B 5 ; A. Hau, membru tal-persunal temporanju fil-grad C 1, għadda għall-grad B 4 ; A. Orcajo Teresa għadda mill-grad D 1 għall-grad C 5 u fl-aħħar, F. Solana Ramos għadda mill-grad C 1 għall-grad B 5. L-uffiċjali kollha għaddew għall-gradi l-ġodda qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki.

13      Id-deċiżjonijiet ikkontestati waslu għand l-appellanti fl-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Mejju 2004, taħt il-forma ta’ ittri mingħajr data mingħand id-direttur ġenerali tal-persunal tal-Parlament, li għarrfuhom bil-grad intermedjarju tagħhom, b’effett mill-1 ta’ Mejju 2004. Abbażi ta’ dawn id-deċizjonijiet, il-grad B 5 ta’ P. Angé Serrano ngħata l-isem ta’ B*5; il-grad C 5 ta’ J. Bras ingħata l-isem ta’ C*2; il-grad B 5 ta’ D. Decoutere ngħata l-isem ta’ B*5; il-grad B 4 ta’ A. Hau ngħata l-isem ta’ B*6; il-grad C 4 ta’ A. Orcajo Teresa ngħata l-isem ta’ C*3 u l-grad B 4 ta’ F. Solana Ramos ingħata l-isem ta’ B*6.

14      Il-gradi intermedjarji tal-appellanti, imsemmija iktar ’il fuq, ingħataw isem mill-ġdid għat-tieni darba b’effett mill-1 ta’ Mejju 2006, jiġifieri fit-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. B’hekk, il-grad intermedjarju ta’ B*5 ta’ P. Angé Serrano kellu jingħata l-isem ta’ AST 5; il-grad intermedjarju ta’ C*2 ta’ J. Bras kellu jingħata l-isem ta’ AST 2; il-grad intermedjarju ta’ B*5 ta’ D. Decoutere kellu jingħata l-isem ta’ AST 5; il-grad intermedjarju ta’ B*6 ta’ A  Hau kellu jingħata l-isem ta’ AST 6; il-grad intermedjarju ta’ C*3 ta’ A. Orcajo Teresa kellu jingħata l-isem ta’ AST 3 u l-grad intermedjarju ta’ B*6 ta’ F. Solana Ramos kellu jingħata l-isem ta’ AST 6.

15      Kull wieħed mill-appellanti, bejn it-13 ta’ Mejju u t-30 ta’ Lulju 2004, ippreżenta lment kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn dawn jistabbilixxu l-klassifikazzjoni tagħhom fi grad intermedjarju mill-1 ta’ Mejju 2004. Dawn l-ilmenti ġew miċħuda permess ta’ deċiżjonijiet ikkomunikati lil kull wieħed mill-appellanti bejn is-27 ta’ Ottubru u l-25 ta’ Novembru 2004.

III –  Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

16      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, kif ukoll l-annullament ta’ kull att sussegwenti u/jew relatati ma’ dawn id-deċiżjonijiet, anki jekk iseħħu sussegwentement minn dan ir-rikors u min-naħa l-oħra, il‑kundanna tal-Parlament għall-ħlas tad-danni, evalwati ex aequo et bono għal EUR 60 000 għal kull appellant, b’riżerva ta’ żieda u/jew tnaqqis fil-mori tal-kawża.

17      B’digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ April 2005, il-Kunsill tħalla jintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Parlament.

18      Waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Bureau tal-Parlament, permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2006, approva l‑proposta tas-Segretarju Ġenerali, intiża, b’mod partikolari, għall‑klassifikazzjoni mill-ġdid tal-uffiċjali li biddlu l-kategorija tagħhom, meta kienu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, iżda li, fil-1 ta’ Mejju 2004, komplew jirċievu s-salarji mensili fuq il‑bażi tal-kategoriji l-qodma. Wara din id-deċiżjoni, fl-20 ta’ Marzu 2006, ittieħdu deċiżjonijiet individuali li kienu jikkonċernaw lil P. Angé Serrano, J. Bras u A. Orcajo Teresa, li permezz tagħhom, P. Angé Serrano ġiet kklassifikata mill-ġdid fil-grad intermedjarju B*6, J. Bras fil-grad intermedjarju C*4, u A. Orcajo Teresa fil-grad intermedjarju C*4, b’effett, għal dawn l-uffiċjali kollha, mill-1 ta’ Mejju 2004.

IV –  Is-sentenza appellata

A –  Fuq l-ammissibbiltà

19      Fir-risposta tiegħu, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Parlament qajjem diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li rrigwardaw, b’mod partikolari, l-interess ġuridiku ta’ wħud mir-rikorrenti.

1.     Fuq l-interess ġuridiku ta’ D. Decoutere

20      Il-Parlament sostna li, kieku D. Decoutere ma għaddiex, waqt is-sena 2002, mill-kategorija C għall-kategorija B, wara li għadda kompetizzjoni interna għall-promozzjoni minn kategorija għal oħra, il-karriera tiegħu kienet timxi b’dan il-mod: il-grad C 3 tiegħu kien ingħata l-isem C*4 fl-4 ta’ Mejju 2004, li f’Mejju 2006 ingħata l-isem AST 4. Minn dan jirriżulta li, kieku D. Decoutere ma kienx ibbenifika minn promozzjoni minn kategorija għal oħra, il-grad tiegħu, fl-1 ta’ Mejju 2006, kien ikun inqas avvanzat minn dak li qiegħed fih bħalissa, jiġifieri kien jitqiegħed fil-grad AST 5. Minħabba dan, huwa ma kellu l-ebda interess ġuridiku jikkontestata d-deċiżjoni għall-klassifikazzjoni mill-ġdid li tikkonċernah.

21      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni billi affermat li t-trasferiment minn kategorija ta’ D. Decoutere li rriżulta mill-fatt li huwa għadda l-kompetizzjoni, ma huwiex rifless fil-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad intermedjarju B*5 u wara fil-grad AST 5, mill-1 ta’ Mejju 2006. Il-prova ta’ dan huwa li, filwaqt li D. Decoutere, wara t‑trasferiment tiegħu fil-kategorija B, kien grad ogħla mill-uffiċjali fil-grad C 1 li ma għaddewx kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, sab ruħu, mill-1 ta’ Mejju 2006, fi grad inqas minn dak tal-imsemmija uffiċjali, peress li dawn tal-aħħar tqiegħdu fil-grad AST 6, filwaqt li huwa kellu biss il-grad AST 5.

2.     Fuq l-interess ġuridiku ta’ A. Hau

22      Il-Parlament sostna li A. Hau ma kellu l-ebda interess ġuridiku, peress li ma ġiex ittrasferit mill-kategorija C għall-kategorija B, skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, peress li kien membru tal-persunal temporanju fil-kategorija C qabel ma ġie rreklutat bħala uffiċjal fil-kategorija B, wara li għadda minn kompetizzjoni interna

23      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-eċċezzjoni billi ddeċidiet li, anki jekk huwa minnu li A. Hau kien membru tal-persunal temporanju meta għadda mill-kompetizzjoni għal promozzjoni mill-grad C għall-grad B, il-Parlament kien ippermetta l-aċċess għall-membri tal-persunal temporanji għall-kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil-kategorija. Kosegwentement, A. Hau seta’ jipparteċipa f’tali kompetizzjoni fuq livell indaqs mal-uffiċjali fil-kategorija C. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali indikat li l-kompetizzjoni waslet għall-progress fl-iskala tal-ġerarkija billi għadda mill-kategorija C għall-kategorija B, bl-istess mod tal-uffiċjali li għaddew din il-kompetizzjoni u li ħadu promozzjoni f’din il-kategorija. B’hekk hija qieset li s-suċċess fil-kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija ma ppermettiex lil A. Hau jkollu aċċess għal klassifikazzjoni fi grad ogħla li bbenifika minnha meta pparagunat mal-uffiċjali fil-kategorija l-qadima C li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni.

3.     Fuq in-nuqqas tas-suġġett tat-talba għall-annullament tad‑deċiżjonijiet ikkontestati, għal dak li jirrigwarda lil P. Angé Serrano, J. Bras u A. Orcajo Teresa

24      Il-Parlament qies li t-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati dwar P. Angé Serrano kif ukoll J. Bras u A. Orcajo Teresa saret mingħajr suġġett għal dak li jirrigwardahom, peress li dawn id‑deċiżjonijiet ġew annullati u ssostitwiti bid-deċiżjonijiet individwali adottati fl-20 ta’ Marzu 2006, matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li permezz tagħhom ir-rikorrenti kienu kisbu, b’mod retroattiv, il-klassifikazzjoni li huma xtaqu.

25      Il-Qorti Ġenerali osservat li huwa minnu li d-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006 ma jirremedjawx kompletament l-ilmenti tat-tliet rikorrenti ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati meħuda fil-konfront tagħhom, peress li dawn ma jistabbilixxux mill-ġdid il-klassifikazzjoni fi grad superjuri li r-rikorrenti kienu jgawdu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, meta pparagunati mal-uffiċjali li ma għaddewx minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt is-sistema tal-istess Regolamenti tal-Persunal.

26      Madankollu, il-Qorti Ġenerali laqgħet din l-eċċezzjoni mqajma mill-Parlament. Hija ddeċidiet li d-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006, mingħajr ma jipprovdu b’mod espress għall-irtirar tad-deċiżjonijiet ikkontestati, jissostitwixxuhom fl-effetti tagħhom, fir-rigward tat-tliet rikorrenti inkwistjoni, peress li japplikaw b’mod retroattiv mill-1 ta’ Mejju 2004. B’hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati li jirrigwardaw dawn it-tliet rikorrenti ma baqgħux jeżistu f’dak li jirrigwardhom u dan mill-mument meta ġew issostitwiti bid-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006.

27      Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, l-għan imfittex mit-talba għal annullament, jiġifieri t-tħassir tad-deċiżjonijiet ikkontestati, intlaħaq, f’dak li jirrigwarda t-tliet rikorrenti msemmija iktar ’il fuq, permezz tal-adozzjoni u l-applikazzjoni retroattiva tad-deċiżjonijiet individwali tal-20 ta’ Marzu 2006. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ħadet nota tal-fatt li r-rikorrenti kienu ammettew waqt is-seduta li ma baqax neċessarju li hija tiddeċiedi fuq l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jirrigwardaw lil P. Angé Serrano kif ukoll lil J. Bras u lil A. Orcajo Teresa.

B –  Fuq il-mertu

1.     Fuq it-talba għal annullament

28      Insostenn tat-talba tagħhom għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, ir-rikorrenti kienu invokaw diversi motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq l-illegalità tal-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, it-tieni nett fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura mwettaq mill-Parlament u fl-aħħar, ksur tal-Artikoli 6, 45 u 45(a) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll ksur tal-prinċipju ta’ promozzjoni bbażat fuq il-merti u ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Parlament.

29      Fl-interess tas-sempliċità, għandha titfakkar biss l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, li hija s-suġġett tal-kontestazzjonijiet fil-kuntest ta’ dan l-appell.

30      Insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità ppreżentata kontra l-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ir-rikorrenti invokaw il-ksur tad-drittijiet miksuba, tal-priniċipji ta ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Ir-rikorrenti sostnew, essenzjalment, li l-miżuri tranżitorji previsti mill-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma ppermettewx li tiġi rrimedjata l-problema tagħhom, jiġifieri t-tnaqqis fil-grad li huma jqisu li batew fil-karriera tagħhom, u lanqas li jiġu protteti d-drittijiet tagħhom miksuba mill-klassifikazzjoni fi grad superjuri għal dak tal-uffiċjali li ma għaddewx kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki.

31      Fir-rigward tad-drittijiet miksuba, il-Qorti Ġenerali fakkret li uffiċjal ma jistax jinvoka dritt miksub sakemm iċ-ċirkustanza li tagħti lok għalih tkun seħħet waqt li kienu fis-seħħ Regolamenti tal-Persunal partikolari, qabel l-emenda tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1975, Gillet vs Il‑Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punt 5). F’sistema bħal dik tas-servizz pubbliku Komunitarju, li fiha l-ġerarkija bejn l-uffiċjali hija suġġetta għal emendi, il-Qorti Ġenerali fakkret li din il‑klassifikazzjoni fi grad superjuri miksuba minn ċerti uffiċjali meta pparagunati ma’ uffiċjali oħra, f’mument partikolari tal-karriera tagħhom, ma tikkostitwixxix dritt miksub li għandu jiġi protett mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kif kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

32      Madankollu, skont il-Qorti Ġenerali, l-uffiċjali li għaddew kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija qabel din id-data għandhom id-dritt jistennew li r-Regolamenti tal-Persunal joffrulhom prospetti ta’ karriera aħjar minn dawk li joffru lill-uffiċjali li ma għaddewx tali kompetizzjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u li tali prospetti jikkostitwixxu minn naħa tagħhom, drittijiet miksuba li għandhom jiġu protetti fir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. F’dan il-każ, mill-kriterji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, previsti fl-Artikoli 2 u 8 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirriżultax li l-prospetti ta’ karriera tal-uffiċjali li għaddew minn tali kompetizzjoni ma humiex aħjar minn dawk li jistgħu jistennew l-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. B’mod kuntrarju, l-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħhom, fihom dispożizzjonijiet li jiddistingwu bejn l-uffiċjali permezz tal-kategorija li kienu fiha qabel l-1 ta’ Mejju 2004, billi jipprovdu possibbiltajiet ta’ progress ta’ karriera li jvarjaw skont il-kategorija li qegħdin fiha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki.

33      Fir-rigward tal-ksur tal-aspettattivi leġittimi, il-Qorti Ġenerali affermat li uffiċjali ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, f’qasam li fih il-leġiżlatur jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Frar 2005, Leonhardt vs Il‑Parlament, T-30/02, ĠabraSP 2003, p. I-A-41 u II-265, punt 55). Dan ikun il-każ ta’ emenda fis-sistema tal-karrieri tal-uffiċjali kif ukoll tal-adozzjoni ta’ regoli tranżitorji li jakkompanjaw tali emenda, inklużi r-regoli ta’ klassifikazzjoni fil-grad li hemm fl-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-noti tar-rikorrenti ma jurux kif inkiser dan il-prinċipju fl-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u li, f’kull każ dan l-ilment huwa manifestament infondat, peress li l-uffiċjali ma għandhomx dritt għaż-żamma tar-Regolamenti tal-Persunal li kienu fis-seħħ meta ġew impjegati (sentenza Leonhardt vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

35      Insostenn tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, ir-rikorrenti rrilevaw li, wara l-klassifikazzjoni fil-grad ġdida, xi uffiċjali kklassifikati f’kategoriji inferjuri għal dawk tar-rikorrenti, sabu ruħhom, fl-1 ta’ Mejju 2006, fi grad superjuri jew ugwali għal dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, D. Decoutere ġie kklassifikat b’mod differenti minn uffiċjali li għaddew l-istess kompetizzjoni.

36      F’dan ir-rigward, il-Qorti Qorti Ġenerali affermat li l-klassifikazzjoni tal-uffiċjali li għaddew kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004, fi grad inferjuri jew ugwali minn dik ta’ uffiċjali li ma għaddewx tali kompetizzjoni ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, fir-rigward tal-emenda radikali tas-sistema tal-karrieri, paragun tal-grad ġerarkiku tal-uffiċjali qabel u wara din id-data, ma jistax, fih innifsu, ikun determinanti sabiex jikkaratterizza ksur tal-priniċipju ta’ trattament ugwali mill-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’kull każ, il-kandidati li għaddew il-kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija kienu kisbu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet li huma jeċċepixxu l-illegalità tagħhom, prospetti aħjar ta’ progress fil-karriera tagħhom.

37      Barra minn hekk, fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ D. Decoutere li jafferma li ġie ttrattat b’mod differenti meta pparagunat mal-kandidati l-oħra li għaddew l-istess kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kandidati l-oħra ġew impjegati fil-kwalità ta’ uffiċjali taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u li, għaldaqstant, D. Decoutere u dawn tal-aħħar jinsabu f’sitwazzjoni ġuridika differenti.

2.     Fuq it-talba għad-danni

38      Insostenn tat-talba għad-danni tagħhom, ir-rikorrenti affermaw li, wara annullament eventwali tad-deċiżjonijiet kkontestati, id-dannu materjali u morali allegatament subit minnhom għandu jiġi kkumpensat permezz tal-ħlas lura tas-sommom kollha li kienu jirċievu kieku ġew ikklassifikati fil-grad korrispondenti effettivament għall-funzjonijiet tagħhom.

39      Il-Qorti Ġenerali eżaminat separatament it-talba ta’ P. Angé Serrano, ta’ J. Bras u A. Orcajo Teresa, minn naħa, kif ukoll ta’ D. Decoutere, A. Hau u F. Solana Ramos, min-naħa l-oħra.

40      Fir-rigward tal-ewwel grupp ta’ dawn l-uffiċjali, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, indipendentement mill-allegata illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati rigward dawn l-uffiċjali li fuqhom ma ħaditx deċiżjoni, kien hemm kundizzjonijiet oħra neċessarji għall-involviment tar-responsabbiltà li ma ġewx issodisfatti. Fir-rigward tad-dannu materjali allegat, hija qieset li l-klassifikazzjoni mill-ġdid li seħħet bis-saħħa tad-deċiżjonijiet adottati matul il-proċedura ġudizzjarja ma waslet għal ebda żieda fil-ħlas irċevut abbażi tal-gradi intermedjarji u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx l-eżistenza tad-dannu materjali invokat. Barra minn hekk, fir-rigward tad-dannu morali allegat, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Parlament, billi adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, applika biss, fir-rigward tar-rikorrenti, l-Artikolu 2(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura. Fl-aħħar, hija enfasizzat li l-Parlament, billi adotta, b’mod retroattiv, id-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006, ippermetta li r-rikorrenti jkollhom aċċess għal gradi superjuri għal dawk li ġew ikklassifikati fihom permezz tad‑deċiżjonijiet ikkontestati.

41      F’dak li jirrigwarda t-tieni grupp ta’ rikorrenti, il-Qorti Ġenerali affermat li, fil-kawża preżenti, teżisti rabta stretta bejn it-talba għall annullament u t-talba għad-danni intiża għall-kumpens tad-danni materjali u morali subiti minħabba l-klassifikazzjoni intermedjarja tagħhom. Peress li l-motivi invokati insostenn tat-talba għal annullament ġew miċħuda, minn dan irriżulta li l-Parlament ma wettaq l-ebda illegalità li tista’ tinvolvi r-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward ta’ dawn it-tliet rikorrenti.

V –  It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

42      Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell tagħhom ammissibbli u fondat u, konsegwentement;

–        fir-rigward ta’ P. Angé Serrano kif ukoll J. Bras u A. Orcajo, tannulla s-sentenza kkonċernata, minn naħa, sa fejn tikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sa fejn tiċħad it-talba tagħhom għad-danni;

–        fir-rigward ta’ D. Decoutere, A. Hau u F. Solana Ramos, tannulla l-punti 2 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li tiċħad ir-rikors tagħhom u tikkundannhom għall-ispejjeż u r-raġunijiet għal dan.

43      L-appellanti jitolbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hija stess il-kawża u filwaqt li tilqa’ r-rikors inizjali tagħhom fil-kawża T‑47/05:

–        tannulla d-deċiżjonijiet dwar il-klassifikazzjoni tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda;

–        tikkundanna lill-Parlament għad-danni, evalwati ex æquo et bono għal EUR 60 000 għal kull appellant;

–        tikkundanna, f’kull każ, lill-appellat għall-ispejjeż.

44      Fl-aħħar nett, huma jitolbu, f’kull każ, il-kundanna tal-appellat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

45      Fir-risposta tiegħu, il-Parlament ippreżenta wkoll appell inċidentali. Huwa jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiddikjara l-appell inċidentali ammissibbli u fondat u konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad it‑talbiet intiżi sabiex ir-rikorsi ta’ D. Decoutere u ta’ A. Hau jiġu ddikjarati inammissibbli;

–        tiċħad il-kumplament tal-appell bħala infondat;

–        tikkundanna lill-appellanti jbatu l-ispejjeż ta’ din l-istanza.

46      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell bħala infondat;

–        tikundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

VI –  Fuq l-appell

47      Fl-appell prinċipali tagħhom, l-appellanti jqajmu żewġ gruppi separati ta’ aggravji. L-ewwel grupp jirrigwarda l-evalwazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fuq l-ammissibbiltà u l-mertu tat-talbiet ta’ P. Angé Serrano kif ukoll ta’ J. Bras u A. Orcajo Teresa. It-tieni grupp jirrigwarda l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali fuq l‑ammissibbiltà u l-mertu tat-talbiet ta’ D. Decoutere, ta’ A. Hau u ta’ F. Solana Ramos.

48      Fl-appell inċidentali tiegħu, il-Parlament jikkontesta parti mis-sentenza appellata li tirrigwarda ċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, li huwa qajjem fl-ewwel istanza, fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku ta’ D. Decoutere u ta’ A. Hau.

A –  Fuq il-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda lil P. Angé Serrano kif ukoll lil J. Bras u A. Orcajo Teresa

1.     Fuq il-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda n-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba għall-annullament

a)     L-argumenti tal-partijiet

49      L-appellanti jqajmu żewġ aggravji, ibbażati, rispettivament fuq żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali u fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja tas-sentenza appellata.

50      Huma jinnotaw li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawżi analogi għal dawk inkwistjoni, ta’ sostituzzjoni tal-att ikkontestat matul il-kawża, iż-żamma tal-interess ġuridiku ta’ rikorrent tista’ tirriżulta minħabba r-riskju ta’ repetizzjoni tal-att allegatament illegali minn istituzzjoni Komunitarja. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw b’mod partikolari s-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, (53/85, Ġabra p. 1965, punt 21), u tas-26 ta’ April 1988, Apesco vs Il‑Kummissjoni, (207/86, Ġabra p. 2151, punt 16). Skont dawn, iż-żamma ta’ dan l-interess ġuridiku tista’ tirriżulta wkoll mill-interess tar-rikorrent għall-kumpens tad-danni kkawżati mid-deċiżjoni li ma għadhiex fis-seħħ. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw b’mod partikolari s-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 1980, Könecke Fleischwarenfabrik vs Il‑Kummissjoni (76/79, Ġabra p. 665, punt 9), tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il‑Kummissjoni (C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 74), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42).

51      Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li, fil-kawża preżenti, id-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid adottati matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ma jikkumpensawx kompletament l‑ilmenti ppreżentati fl-ewwel istanza, b’mod partikolari fir-rigward tal-illegalità tal-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u baqgħu jissussistu parti mid-drittijiet leżi tagħhom, minħabba n-nuqqas tar-rispett tat-trattament ugwali, tad-drittijiet miksuba tagħhom u taċ-ċertezza legali. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet mhux biss ma jirtirawx formalment u espressament id-deċiżjonijiet ikkontestati dwar l-appellanti kkonċernati, iżda lanqas ma jistabbilixxu mill-ġdid il-klassifikazzjoni fi grad superjuri li l-appellenti kienu bbenifikaw minnha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u li kienu tilfu minħabba l-applikazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

52      Il-Parlament jirrispondi li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata mill-appellanti, l-għan tar-rikors għandu jissussisti, bħall‑interess ġuridiku, matul il-proċedura u l-eżitu tar-rikors għandu jkun ta’ natura li jirriżulta f’benefiċċju għar-rikorrent (sentenza Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). Dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, minn naħa, id-deċiżjonijiet il-ġodda kellhom l-istess għan tad-deċiżjonijiet ikkontestati li ssostitwew ex tunc u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet biss tannulla l-ewwel deċiżjonijiet, mingħajr ma setgħet tissostitwixxihom f’isem l-istituzzjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda riskju ta’ repetizzjoni tal-att allegatament illegali, peress li d-deċiżjonijiet il-ġodda emendaw is-sistema ta’ klassifikazzjoni.

53      Barra minn hekk, il-Parlament jenfasizza li, mis-sentenza appellata jirriżulta li, waqt is-seduta, l-appellanti inkwistjoni ammettew li ma kellhomx iktar interess sabiex il-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni fuq l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati li jikkonċernawhom. L-appellanti lanqas biss ippreżentaw it-talbiet tagħhom waqt il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006, li ssostitwixxew id-deċiżjonijiet ikkontestati.

54      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ lok li tittieħed deċiżjoni fir-rigward tat-talba għal kumpens, il-Parlament iqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li teżemina, indipendentement mill-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-eżistenza ta’ żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-involviment tar-responsabbiltà tal-Komunitajiet u setgħet tikkonstata li l-appellanti ma kinux, fi kwalunkwe każ, stabbilixxew l-eżistenza ta’ dannu materjali u morali.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55      Mill-punt 90 tas-sentenza appellata jirriżulta, u dan ma ġiex ikkontestat fl-appell, li l-appellanti, billi taw il-kunsens tagħhom għall-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex tiddeċiedi fuq it-talba għal annullament tagħhom, għandhom jitqiesu li rrinunzjaw għal dan il-kap tat-talbiet tagħhom. Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali ma ntalbitx tagħti deċiżjoni dwar din il-parti tat-talbiet, hija kellha biss timxi skont id-dikjarazzjoni mwettqa waqt is-seduta. Barra minn hekk, hekk kif il-Parlament josserva fir-risposta tiegħu, l-appellanti lanqas biss ippruvaw jiffomulaw mill-ġdid it-talbiet tagħhom billi jdaħħlu inkwistjoni d-deċiżjonijiet tal-20 ta’ Marzu 2006. B’mod kuntrarju, l-imsemmija appellanti għażlu l-mezz li jippreżentaw rikors kontra l-imsemmija deċiżjonijiet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku Ewropew.

56      Peress li din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti, fiha nfisha, sabiex tiġġustifika s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq dan il-punt, dan l‑aggravju tal-appell għandu jiġi kkunsidrat bħala infondat.

2.     Fuq iċ-ċaħda tat-talba għal kumpens

a)     L-argumenti tal-partijiet

57      Insostenn tal-aggravju tagħhom kontra ċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tat-talba għal kumpens tagħhom, P. Angé Serrano kif ukoll J. Bras u A. Orcajo Teresa jinvokaw insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda d-danni morali li huma jsostnu li kien subit minnhom. Skont l-appellanti, l-ilmenti ppreżentati fir-rikors promotur abbażi tat-talba għal kumpens tagħhom kienu, f’dan ir-rigward, ħafna itwal minn dawk analizzati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u kienu juru wkoll l-istat ta’ inċertezza li tqiegħdu fih, flimkien mal-konsegwenzi fuq il-karriera tagħhom u fuq il-ħajja professjonali u familjari tagħhom. Issa, l‑evalwazzjoni sommarja ħafna mwettqa mill-Qorti Ġenerali fuq din it-talba ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ dannu relattivi għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ġodda ta’ klassifikazzjoni. Is-sostituzzjoni, waqt il-proċedura, tad-deċiżjonijiet ikkontestati ma kkostitwiet bl-ebda mod kumpens adegwat u suffiċjenti tad-dannu morali subit mit-tliet appellanti, sa fejn dawn baqgħu fi stat ta’ inkwetudni u ta’ inċertezza fir-rigward tal-iżvilupp tal-karriera tagħhom.

58      Il-Parlament josserva li l-appellanti ma jiddistingwux bejn id-dannu allegatament subit, ikkawżat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u d-dannu li, fl-opinjoni tagħhom, ippersista wara l-klassifikazzjoni mill-ġdid fil-grad mid-deċiżjonijiet li ssostitwew dawk ikkontestati. Fil-kawża preżenti, anki fl-ipoteżi fejn jibqa’ dannu, kien ikun impossibbli għall-Qorti Ġenerali li tanalizza tali dannu, mingħajr ma teżamina, fuq il-mertu, id-deċiżjonijiet il-ġodda dwar il-klassifikazzjoni fi grad tat-tliet appellanti. F’kull każ, skont il-Parlament, wara dawn id-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, l-appellanti kellhom progress fil-karrieri rispettivi tagħhom.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

59      Fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret, qabel kollox, li, fil-kuntest ta’ talba għal danni ppreżentata minn uffiċjal, il-Komunità tista’ titqies li hija responsabbli biss jekk jintlaħqu numru ta’ kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-illegalità tal-aġir li tiġi akkużata biha l-istituzzjoni inkwistjoni, ir-realtà tad-dannu allegat, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-imsemmija istituzzjoni u d-dannu invokat. Hija fakkret ukoll, fil-punt 169 tas-sentenza appellata, li dawn it-tliet kundizzjonijiet għall-involviment tar-responsabbiltà tal‑Komunità huma kumulattivi, li jimplika li, meta waħda minn dawn ma tkunx issodisfatta, il-Komunità ma tistax tinżamm responsabbli.

60      Fir-rigward tad-dannu morali allegat minn P. Angé Serrano, kif ukoll minn J. Bras u A. Orcajo Teresa, minħabba l-ksur allegat tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura mwettaq mill‑Parlament, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, fil‑punt 175 tas-sentenza appellata, li l-Parlament, billi bbaża d-deċiżjonijiet ikkontestati fuq id-dispożizzjonijiet tar‑Regolamenti tal-Persunal, ma kisirx l-imsemmija prinċipju u dmir, qabel ma kkonkludiet li l-illegalità tal-aġir allegat bħala fl‑oriġini tad-dannu morali allegatament subit ma ġiex għaldaqstant stabbilit fil-kawża preżenti.

61      B’hekk, il-Qorti Ġenerali motivat suffiċjentement fil-liġi ċ-ċaħda tat-talba għal kumpens għal dannu morali. Fil-fatt, il-konstatazzjoni biss, mill-Qorti Ġenerali, li l-illegalità allegata ta’ aġir ma ġietx stabbilita kienet suffiċjenti sabiex tibbaża, fin-nuqqas ta’ waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 169 tas-sentenza appellata, iċ-ċaħda tal-imsemmija talba. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata timmotiva iktar fil-fond ’il quddiem is-sentenza tagħha, billi tieħu deċiżjoni barra minn hekk fuq l-eżistenza ta’ dannu morali allegat.

62      Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jitqies li huwa infondat.

B –  Fuq il-parti tas-sentenza appellata li tirrigwarda lil D. Decoutere kif ukoll lil A. Hau u lil Solana Ramos

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ D. Decoutere u ta’ A. Hau

a)     L-argumenti tal-partijiet

63      Fl-appell inċidentali tiegħu, il-Parlament ifakkar, fir-rigward ta’ D. Decoutere, li dan l-appellant ġie kklassifikat fil-grad B wara li għadda minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija u li, għaldaqstant, dan l-appellant kien f’sitwazzjoni identika għal dik tal-uffiċjali kollha fil-grad B taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Il-Parlament jenfasizza li, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, dan l-uffiċjal ġie kklassifikat, qabel il-kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija, fil-grad C 3 u li wara li għadda minn din il-kompetizzjoni, fil-grad B 5, wara B*5 u fl-aħħar AST 5. Wara dawn il-promozzjonijiet, huwa kien qiegħed fil-grad AST 7. B’hekk, l-appellant gie kklassifikat mill-ġdid, taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad B u mhux fil-grad C tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Il-Parlament isostni essenzjalment li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, D. Decoutere gawda wkoll minn progress fil-karriera tal-uffiċjali li kienu laħqu l-grad B tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u li għaldaqstant, ma saritx diskriminazzjoni kontra dan l-appellant meta pparagunat ma’ dawn l-uffiċjali.

64      Fir-rigward ta’ A. Hau, il-Parlament jinnota li l-Qorti Ġenerali kienet ikkonstatat b’mod żbaljat li dan l-appellant kien fl-istess sitwazzjoni tal-appellanti l-oħra. Fil-fatt, meta pparteċipa fil‑kompetizzjoni, huwa kien membru tal-persunal temporanju u, bis‑saħħa tas-suċċess tiegħu f’din il-kompetizzjoni, huwa ma ħax promozzjoni fil-kategorija, iżda bbenifika minn bidla fl-istatus tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju għal dak ta’ uffiċjal. Il-Qorti Ġenerali kienet ikkwalifikat b’mod żbaljat is-sitwazzjoni ta’ A. Hau, peress li wara li għadda mill-kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, dan l-appellant ma bbenifikax minn promozzjoni fi grad, izda minn bidla fil-pożizzjoni prinċipali tiegħu.

65      L-appellanti jsostnu li l-Parlament sempliċement jirripproduċi l-argumenti li diġà ppreżenta fl-ewwel istanza u li jdaħħal inkwistjoni konstatazzjonijiet fattwali. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jitqies li huwa inammissibbli. Fir-rigward tal-mertu, huma jikkunsidraw li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija korretta.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Fir-rigward ta’ D. Decoutere, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma fl-ewwel istanza mill-Parlament, billi kkonstatat li dan l-appellant kellu interess ġuridiku. Hija enfasizzat li dan l-appellant, li għadda mill-grad C 3 għal grad B 5, sab ruħu, fl-1 ta’ Mejju 2006, fi grad inferjuri għal dak tal-uffiċjali fil-grad C 1 li ma għaddewx minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki.

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta nnotat, fil-punti 68 sa 70 tas-sentenza appellata, li l-ilment ifformulat minn D. Decoutere fl-ewwel istanza jirrigwarda l-fatt li l-klassifikazzjoni tiegħu, stabbilita skont ir-regoli tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, ma tirriflettix il-promozzjoni fil-kategorija li rriżultat mis-suċċess fl-imsemmija kompetizzjoni, u li konsegwentement, l-ilment jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-suċċess fil-kompetizzjoni fid-dawl tal-klassifikazzjoni tal-kollegi tal-appellanti, li kienu fl-istess kategorija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u li ma għaddewx l-istess kompetizzjoni.

68      Hekk kif ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali, D. Decoutere kkontesta prinċipalment bidla allegatament imwettqa mir-regoli ta’ klassifikazzjoni tranżitorja tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, tar-rapporti ġerarkiċi maħluqa taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki.

69      Isegwi li, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax lil D. Decoutere fir-rigward ta’ dan l-ilment, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, ġustament, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Parlament.

70      Għaldaqstant, dan l-aggravju tal-appell inċidentali ma huwiex fondat.

71      Fir-rigward ta’ A. Hau, il-Qorti Ġenerali affermat li dan l-appellant, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-persunal temporanju, kien ipparteċipa f’kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija fuq livell ta’ ugwaljanza mal-uffiċjali u kien tilef, wara d-deċiżjoni kkontestata li tikkonċernah, il-klassifikazzjoni fi grad superjuri għal dak tal-uffiċjali tal-kategorija l-qadima C li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Għaldaqstant, huwa kellu interess ġuridiku.

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti tal-Parlament fuq l-ammissibbiltà tar-rikors ta’ A. Hau ma rrigwardawx l-interess ġuridiku tal-appellant, u konsegwentement lanqas l-ammissibbiltà tar-rikors tiegħu, iżda rrigwardaw il-fondatezza tiegħu u b’mod partikolari d-dritt tal-appellant li jirċievi, wara s-suċċess tiegħu fil-kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, trattament fil-progress tal-karriera li huwa differenti għal dak applikabbli għall-uffiċjali kklassifikati fil-grad C, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ma jdaħħlux inkwistjoni l-ammissibbiltà tar-rikors li huwa ppreżenta.

73      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet, ġustament, bħala ammissibbli r-rikors ta’ A. Hau.

74      Minn dak kollu li ntqal qabel, jirriżulta li l-aggravji tal-appell inċidentali għandhom jiġu mwarrba u li dan għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

2.     Fuq iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda

a)     Fuq l-aggravji bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet miksuba

i)     L-argumenti tal-partijiet

75      L-appellanti jirrilevaw li, bil-kontra ta’ dak li ġie affermat mill-Qorti Ġenerali, permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, it-tħassir tal-klassifikazzjoni fi grad qadim mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet miksuba. Il-ħatra tagħhom fi grad superjuri tista’ fil-fatt tixxebbah ma’ promozzjoni li seħħet qabel ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal. L-appellanti jikkontestaw, ukoll, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jidhru fil-punti 113 sa 118 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw il-prospetti allegatament aħjar ta’ karriera li bbenefikaw minnhom meta pparagunati mal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Huma jsostnu wkoll li, b’differenza mis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni (C‑443/07 P, Ġabra p. I‑10945), li ma kinux uffiċjali meta daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u li għaldaqstant kellhom biss il-vokazzjoni li jinħatru uffiċjali, l-appellanti fil-kawża preżenti huma diġà uffiċjali u għaddew minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija, li tikkostitwixxi l-fatt li jagħti lok għad-dritt miksub tagħhom għal grad superjuri.

76      F’dan ir-rigward, il-Parlament jenfasizza li l-appellanti, kienu, anki wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, imxew ’il quddiem fil-karriera tagħhom b’mod iktar mgħaġġel mill-kollegi tagħhom li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija. Għaldaqstant, id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma ppreġudika bl-ebda mod id-drittijiet tagħhom.

77      Il-Kunsill isostni li s-sitwazzjoni legali u fattwali ta’ grupp ta’ uffiċjali, iddefinita meta pparagunata ma’ dak ta’ grupp ieħor ta’ uffiċjali u mhux f’termini assoluti, ma tippreżentax natura suffiċjentement stabbli u definittiva sabiex titqies bħala dritt miksub. Barra minn hekk, il-ġerarkija bejn uffiċjali hija dejjem suġġetta għal bidliet u l-prospetti ta’ karriera huma dejjem suġġetti għal ċerti riskji. Huwa minħabba dan li ma jistgħux jiġu stabbiliti, f’dan il-qasam, drittijiet miksuba. Il-Kunsill jikkunsidra b’hekk, li l-Qorti Ġenerali, billi rrikonoxxiet, għall‑appellanti, id-dritt miksub tal-progress tal-karriera tagħhom, waslet għal konklużjoni żbaljata. Is-sitwazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet, fiż‑żmien meta seħħet ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, vagament determinata u ma setgħetx tikkostitwixxi dritt li jillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-leġiżlatur, kif ġie rrikonoxxut mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

78      Fil-punt 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari li l-klassifikazzjoni fi grad superjuri miksuba minn ċerti uffiċjali fil-konfront ta’ oħrajn, f’mument partikolari tal-karriera tagħhom, ma tikkostitwixxix dritt miksub li għandu jiġi protett mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

79      Fil-punt 109 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat barra minn hekk li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, D. Decoutere, A. Hau u F. Solana Ramos, wara s-suċċess tagħhom fil‑kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil-kategorija, avvanzaw fil‑karriera tagħhom. B’hekk, huma tqiegħdu fi grad superjuri għal dak tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija.

80      Fuq il-bażi ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 110 tas-sentenza appellata, li l-prospetti aħjar ta’ karriera miksuba mill-appellanti taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, meta pparagunati mal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni jikkostitwixxu drittijiet miksuba li għandhom jiġu protetti mir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

81      Hija esponiet, fil-punti 114 sa 117 tas-sentenza appellata li, bis-saħħa tar-regoli ta’ progress stabbiliti fl-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-leġiżlatur ipprovda mekkaniżmi ta’ distinzjoni fil-karriera tal-uffiċjali skont il-kategorija li kienu qegħdin fiha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn ir-regoli ppermettew il-garanzija tar-rispett tal-imsemmija drittijiet miksuba.

82      F’dan ir-rigward, jitfakkar li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rabta ġuridika bejn l-uffiċjali u l-amministrazzjoni hija bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq kuntratt. Għaldaqstant, id-drittijiet u l-obbligi tal-uffiċjali jistgħu, sakemm ikun hemm osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju, jiġu emendati fi kwalunkwe mument mil-leġiżlatur (sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Huwa prinċipju stabbilit li l-liġijiet emendatorji ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva, bħal ma huma r-Regolamenti emendatorji tar-Regolamenti tal-Persunal, japplikaw, jekk ma jkunx hemm deroga, għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nibtu taħt il-liġi l-qadima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1999, Butterfly Music, C‑60/98, Ġabra p. I‑3939, punt 24 kif ukoll, Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

84      Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li nibtu u kienu definittivament imwettqa taħt il-liġi preċedenti, u li joħolqu drittijiet miksuba (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 1970, Brock, 68/69, Ġabra p. 171, punt 7; tal-5 ta’ Diċembru 1973, SOPAD, 143/73, Ġabra p. 1433, punt 8 ; tal-10 ta’ Lulju 1986, Licata vs CES, 270/84, Ġabra p. 2305, punt 31 u Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Dritt huwa kkunsidrat li huwa miksub meta l-fatt li jagħti lok għalih ikun seħħ qabel l-emenda leġiżlattiva (sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

85      Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, li avvanzaw fil-karriera tagħhom permezz tas-suċċess tagħhom f’kompetizzjoni interna, kisbu d-dritt għar-rispett tal-progress imwettaq b’hekk taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Madankollu, bil-kontra ta’ dak li jsostnu, tali dritt jimplika biss li jirċievu l-istess trattament skont l-istess Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward, b’mod partikolari, kemm tal-progress fil-karriera, u kemm dak intiż għall-uffiċjali kollha fil-grad ġdid li fih aċċeddew.

86      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jiddisponi minnha l-leġiżlatur sabiex jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif neċessarju, taħt il-kundizzjonijiet imfakkra fil-punti 85 u 86 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari sabiex ibiddel l-istruttura tal-gradi tal-uffiċjali, ma tistax tawtorizzah sabiex iwettaq emendi li, b’mod partikolari, ma għandhomx x’jaqsmu ma’ din in-neċessità jew li ma jieħdux inkunsiderazzjoni l-kompetenzi li dawn il-gradi għandhom jirriflettu. Madankollu, il-leġiżlatur ma jistax, min-naħa l-oħra, jintrabat bl-obbligu taż-żamma stretta tar-rapport li eżista bejn il-gradi qabel l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.

87      Għaldaqstant, l-appellanti ma jistgħux jinvokaw b’mod utli l-allegati drittijiet miksuba li jiġu kklassifikati fi grad superjuri miksub taħt ir‑Regolamenti tal-Persunal sabiex isostnu li l-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda huma vvizzjati minn illegalità.

88      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u filwaqt li l-leġiżlatur, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 114 tas-sentenza appellata, adotta, fir‑Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, xi dispożizzjonijiet li jiddistingwu l-progress fil-karriera ta’ dawn l-uffiċjali billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kategorija li kienu qegħdin fiha taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-appellanti ma humiex fondati li jsostnu li l-Qorti Ġenerali, li motivat suffiċjentement l-evalwazzjoni tagħha, kienet wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv tagħhom ibbażat fuq ksur tad-drittijiet miksuba.

b)     Fuq l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

i)     L-argumenti tal-partijiet

89      Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, l-appellanti jqisu li l-Qorti Ġenerali, inġustament, u permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, ikkunsidrat li ma kinux iġġustifikati li jkollhom aspettattiva leġittimi fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti fin-nuqqas ta’ dritt miksub. Il-portata taż-żewġ prinċipji hija distinta peress li s-sors tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi huwa differenti mill‑kisba ta’ tali dritt. Barra minn hekk, b’differenza mir-rikorrenti fis‑sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, l-appellanti kienu, fil-kawża preżenti, ibbażaw l-aspettattivi tagħhom ta’ progress fil-karriera fuq is-suċċess tagħhom f’kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija u, għaldaqstant, fuq sitwazzjoni li oriġinat qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal‑Persunal il-ġodda. Kieku jiġi ammess li l-leġiżlatur seta’ ma jieħux inkunsiderazzjoni tali aspettattivi, dan jitqiegħed lil hinn mill‑prinċipju ġenerali tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi.

90      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jindika li l-prospetti tal-karriera tal‑appellanti ma jikkostitwixxux sitwazzjoni suffiċjentement stabbli sabiex tiġi kkunsidrata bħala miksuba. Barra minn hekk, huwa jfakkar li, skont is-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-individwi ma jistgħux jinvokaw dan il-prinċipju sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni ġdida fil-qasam tas-servizz pubbliku Komunitarju.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91      Fil-punt 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minħabba r-raġunijiet imfakkra fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, iddeċidiet li l-appellanti ma setgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

92      Tali evalwazzjoni, li hija suffiċjentement motivata, tal-portata tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi ma tidhirx li hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

93      Fil-fatt, persuni individwali ma jistgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, l-iktar fil-qasam li fih il-leġiżlatur għandu, bħal fil-kawża preżenti, setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑284/94, Ġabra I‑7309, punt 43, kif ukoll Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91).

94      Isegwi li l-argumenti tal-appellanti dwar il-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huma infondati.

c)     Fuq l-aggravju bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali

i)     L-argumenti tal-partijiet

95      Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żammet interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipju tat-trattament ugwali, billi kkunsidrat li anki kieku jitqies li d-deċiżjonijiet ikkontestati kkawżawlhom telf fir-rigward tal-karriera tagħhom meta pparagunati mal-kollegi tagħhom li ma għaddewx minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija, ma jistax ikun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju. B’hekk, il-Qorti Ġenerali kienet ammettiet, u permezz ta’ motivazzjoni insuffiċjenti, li sitwazzjonijiet differenti jistgħu jiġu ttrattati b’mod identiku. Barra minn hekk hija kienet ikkonstatat b’mod żbaljat li r-regoli tranżitorji inkwistjoni jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ rispett tal-imsemmi prinċipju.

96      Barra minn hekk, fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ D. Decoutere, il-Qorti Ġenerali kienet irrifjutat, inġustament, li tiddikjara illegali l-fatt li, b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikoli 2(1), 4 u 5 tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, huwa ġie ttrattat b’mod differenti meta pparagunat mal-uffiċjali li għaddew mill-istess kompetizzjoni u li b’hekk kienu jinsabu fl-istess sitwazzjoni legali tiegħu.

97      Il-Parlament u l-Kunsill jirrispondu li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, ġustament, li s-sistema tal-karrieri nbidlet b’mod radikali permezz tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, iżda li dan ipprovda vantaġġi għall-uffiċjali li ġew ikklassifikati fi grad ogħla qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda. Barra minn hekk, il‑Kunsill jenfasizza li l-klassifikazzjoni fis-sistema ta’ ġerarkija ġdida ma hijiex, fiha nnfisha, determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-leġiżlatur invokax differenzi fir-rigward tal-prospetti tal-karriera bejn l-uffiċjali li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, u dawk li ma għaddewx.

98      Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ D. Decoutere, il-Parlament u l-Kunsill jenfasizzaw li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali ġiet ikkonfermata fis-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-uffiċjali impjegati f’żewġ dati differenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati li qegħdin fl-istess sitwazzjoni legali.

ii)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

99      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju, meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tagħhom ma jkollhom ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti waqt ir-reklutaġġ tagħhom u li dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2001, Martínez del Peral Cagigal vs Il‑Kummissjoni, C‑459/98 P, Ġabra p. I‑135, punt 50, kif ukoll Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 76).

100    Huwa wkoll prinċipju stabbilit li l-leġiżlatur huwa marbut, matul l-adozzjoni tar-regoli applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tas-servizz pubbliku Komunitarju, bl-osservanza tal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali (sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78).

101    Hekk kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 142 tas-sentenza appellata, hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li jeżisti ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali meta żewġ sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill, C-227/04 P, Ġabra p. I‑6767, punt 63).

102    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 145 tas‑sentenza appellata, li l-appellanti li għaddew minn kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki ma humiex fl-istess sitwazzjoni legali u fattwali tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. Barra minn hekk, hija ddeċidiet, fil-punti 146 u 147 tas-sentenza appellata, li dawk ta’ qabel kisbu, skont ir-regoli tal-Istatut, prospetti ta’ karriera aħjar meta pparagunati ma’ dawn tal-aħħar, li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid‑dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda.

103    Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, tali evalwazzjoni, li l‑motivazzjoni tagħha hija suffiċjenti, kif mfakkar fil-punt 37 ta’ din is‑sentenza, ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

104    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement sostnew li s-sistema tranżitorja inkwistjoni ma fihiex dispożizzjonijiet li jirrigwardaw partikolarment il-kategorija ta’ uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki u li f’kull każ, il-prospetti aħjar ta’ karriera li jibbenefikaw minnhom taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda ma humiex sostanzjali u ċerti.

105    Issa, tali argument ma huwiex ta’ natura li jistabilixxi li r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda jiksru, fir-rigward ta’ dawn l-uffiċjali, il-prinċipju tat-trattament ugwali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 86 ta’ din is-sentenza, peress li, billi adotta r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, il-leġiżlatur Komunitarju biddel is-sistema ta’ karriera fis-seħħ kollha, ma setax ikun obbligat jirriproduċi eżattament u b’mod identiku l-ġerarkija ta’ gradi tar-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, minħabba l-fatt li dan jippreġudika l-possibbiltà tiegħu li jwettaq xi emendi lir-Regolamenti tal-Persunal. F’dan il-kuntest, il-paragun tal-gradi ta’ ġerarkija preċedenti u sussegwenti għar-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, ma huwiex, fih innifsu, determinanti sabiex tiġi evalwata l-konformità tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

106    Ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, jiddistingwu bejn il-karrieri tal-uffiċjali li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal kienu qegħdin f’diversi gradi tal-ġerarkija u jiżguraw, għal dawk li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija, prospetti ta’ karrieri differenti minn dawk tal-uffiċjali li ma għaddewx minn tali kompetizzjoni. B’mod partikolari, is-sistema tranżitorja, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) u (2) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jiżguraw, permezz tar-regola ta’ waqfien ta’ progress tal-karriera u dik tal-iffissar tar-rata ta’ promozzjoni għall-gradi differenti, prospetti aħjar ta’ karriera għall-uffiċjali li kienu qegħdin f’gradi ogħla taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki, u dawk li avvanzaw fil-gradi wara li għaddew minn kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija.

107    Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ D. Decoutere, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fil-punti 152 sa 155 tas-sentenza kkontestata, li dan l-appellant ma kienx fl-istess sitwazzjoni legali ta’ uffiċjal ieħor li għadda mill-istess kompetizzjoni bħalu, iżda li kien ġie impjegat bħala uffiċjal taħt ir-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda, filwaqt li D. Decoutere kien ġie impjegat u kklassifikat fil-grad il-ġdid tiegħu wara din il-kompetizzjoni taħt ir-Regolamenti tal-Persunal l-antiki. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żbalji ta’ liġi u motivat is-sentenza kkontesta suffiċjentement skont il-liġi.

108    Fil-fatt, żewġ uffiċjali li ġew ikklassifikati mill-ġdid fi grad superjuri taħt Regolamenti tal-Persunal differenti, jinsabu, minħabba dan il-fatt stess, f’sitwazzjonijiet differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza Centeno Mediavilla et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 79 u 80).

109    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appellanti kienu infondati li jsostnu li l-Qorti Ġenerali ċaħdet inġustament l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda u li s-sentenza ma hijiex motivata suffiċjentement.

3.     Fuq iċ-ċaħda tat-talba għal kumpens

110    Sa fejn l-appellanti jirreferu għall-argumenti tagħhom li jirrigwardaw il-parti tas-sentenza appellata dwar din l-eċċezzjoni ta’ illegalità sabiex jikkontestaw ukoll il-punti 177 sa 180 tas-sentenza appellata dwar it-talba għal kumpens, hemm lok li dan l-aggravju jitqies li huwa infondat.

111    Peress li ebda mill-aggravji invokati mill-appellanti ma kienu fondati, l-appell prinċipali jista’ biss jiġi miċħud.

VII –  Fuq l-ispejjeż

112    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell huwa infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l‑ispejjeż.

113    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn ir‑regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 69(3) tal-istess regoli, il-Qorti tal‑Ġustizzja tista’, madankollu, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet jitilfu kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Peress li l-appellanti tilfu l-aggravji tagħhom, u l-Parlament tilef fl-aggravji tiegħu, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

114    Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli wkoll bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regoli, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill għandu għalhekk jiġi kkundannat għall-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell prinċipali huwa miċħud.

2)      L-appell inċidentali huwa miċħud.

3)      P. Angé Serrano, J. Bras, A. Orcajo Teresa, D. Decoutere, A. Hau u F. Solana Ramos, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.