SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni ta’ apparat militari eżenti mid-dazju”

Fil-Kawża C-461/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta’ Diċembru 2005,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Cattabriga kif ukoll minn G. Wilms, D. Triantafyllou u H. Støvlbæk, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde u J. Bering Liisberg kif ukoll minn B. Weis Fogh, bħala aġenti,

konvenut

sostnut minn:

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E.-M. Mamouna u A. Samoni-Rantou kif ukoll minn K. Boskovits, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn C. Guerra Santos kif ukoll minn L. Inez Fernandes u J. Gomes, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn E. Bygglin u A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, E. Levits u C. Toader, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Borg Barthet (Relatur), M. Ilešič, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Novembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi rrifjuta li jikkalkola u jħallas ir-riżorsi proprji li ma nġabrux fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, fir-rigward tal-importazzjoni ta’ materjal militari eżenti mid-dazji doganali kif ukoll billi rrifjuta jħallas l-interessi moratorji konessi man-nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmija riżorsi proprji lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 155, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1552/89”), sal-31 ta’ Mejju 2000, kif ukoll, minn din id-data, l-istess artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p 169).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

L-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 176), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/CE, Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, p. 9), jipprovdi:

“Dħul minn dawn li ġejjin għandhom jikkonstitwixxu riżorsi tagħhom [proprji] imdaħħla fil-bilanċ tal-Komunitajiet:

[…]

b)

It-tariffa doganali komuni u dazji oħrajn imwaqqfa jew li għandhom jiġu mwaqqfa mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet rigward il-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri u dazji fuq prodotti li jaqgħu taħt it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar;

[…]”

3

L-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”), jipprovdi:

“1.   Dazji legalment dovuti meta jiġi inkors dejn doganali għandhom ikunu bbażati fuq it-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej.

[…]

3.   It-Tariffa Doganali tal-Komunitajiet Ewropej għandha tikkomprendi:

(a)

in-nomenklatura magħquda tal-merkanzija;

[…]

(ċ)

ir-rati u kapi ta’ spejjeż oħra normalment applikabbli għal merkanzija koperta min-nomenklatura magħquda fir-rigward:

dazji doganali

[…]

(d)

il-miżuri dwar tariffa preferenzjali li jinsabu f’patti ta’ ftehim li l-Komunità kkonkludiet ma’ ċerti pajjiżi jew gruppi ta’ pajjiżi u li jipprovdu għall-għoti ta’ trattament preferenzjali dwar it-tariffa;

(e)

miżuri preferenzjali dwar it-tariffa adottati unilateralment mill-Komunità fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi, gruppi ta’ pajjiżi jew territorji;

(f)

miżuri awtonomi sospensivi li jipprovdu għal tnaqqis fi jew eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni imponibbli fuq ċerta merkanzija;

(g)

miżuri oħra tat-tariffa li hemm provdut dwarhom f’leġislazzjoni oħra tal-Komunità.

[…]”

4

L-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi:

“Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ’l isfel imsejjaħ ’ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]”

5

Fil-kuntest tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament Nru 1552/89, applikabbli fil-perijodu inkwistjoni fil-kawża preżenti sat-30 ta’ Mejju 2000. Dan ir-regolament ġie sostitwit mill-31 ta’ Mejju 2000 bir-Regolament Nru 1150/2000 li kkodifika r-Regolament Nru 1552/89 mingħajr ma biddel il-kontenut tal-imsemmi regolament.

6

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

“1.   Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal Komunità għar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom għandhom ikunu stabbiliti malli l-kondizzjonijiet li hemm dispożizzjoni dwarhom bir-regolamenti tad-dwana jkunu twettqu rigward id-dħul għall-intitolament fil-kontijiet u n-notifikazzjoni tad-debitur.

1a.   Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.

[…]”

7

L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi tiegħu proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.

Dan il-kont għandu jinżamm mingħajr ħlasijiet.”

8

Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

“Wara tnaqqis ta’ 10% bħala spejjeż tal ġbir bi qbil ma’ l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 88/376/KE, Euratom, id-dħul tar-riżorsi tagħha proprji msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jseħħ mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19-il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li fi[h] l-intitolament kien ġie stabbilit bi qbil ma’ l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

9

L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89 jipprovdi:

“Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont msemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti bidu għal pagament ta’ imgħax mill-Istat Membru kkonċernat bir-rati ta’ l-imgħax applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat, fid-data li suppost ikun seħħ, għal operazzjonijiet ta’ żmien qasir ta’ finanzjament pub[b]liku, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tkun miżjuda bi 0,25 ta’ punt perċentwali għall kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tkun applikata għal perjodu kollu tad-dewmien.”

10

Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 1150/2000:

“Regolament (KEE [Euratom]) Nru 1552/89 għandu jkun imħassar

Referenzi għall-imsemmi Regolament għandhom ikunu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw bi qbil mat-tabella ta’ korrelazzjoni esiġita f’Parti A ta’ dan l-Anness.”

11

Għaldaqstant, apparti l-fatt li r-Regolamenti Nri 1552/89 u 1150/2000 jirreferu, b’mod partikolari, wieħed għad-Deċiżjoni 88/376 u, l-ieħor għad-Deċiżjoni 94/728, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma, essenzjalment, identiċi.

12

Ir-rata ta’ 10% msemmija fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000 ġiet miżjuda għal 25% permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom, tad-29 ta’ Settembru 2000, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3. p. 200).

13

Il-punt 1 tal-motivi tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Berlin fl-24 u l-25 ta’ Marzu 1999 ikkonkluda, fost oħrajn, li s-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunità għandh[a] [t]kun ekw[a], trasparenti, effettiv[a] skond l-ispiża, sempliċi u bbażat[a] fuq kriterji li jesprimu l-aħjar abbiltà ta’ kull Stat Membru biex jikkontribwixxi.”

14

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 150/2003, tal-21 ta’ Jannar 2003, li jissospendi d-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 15), adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 26 KE, jipprovdi fil-premessa 5 tiegħu:

“Sabiex tiġi protetta l-kunfidenz[ja]lità [militari] ta’ l-Istati Membri huwa neċessarju li jiġu stabbiliti proċeduri amministrattivi speċifiċi għall-għoti tal-benefiċċju tas-sospensjoni tad-dazji. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li għalih huma ddestinati l-armamenti u l-apparat militari, li tista’ wkoll tintuża bħala dikjarazzjoni tad-dwana kif mitlub mill-Kodiċi Doganali, tikkonstitwixxi garanzija xierqa li dawn il-kondizzjonijiet jiġu mħarsa. Id-dikjarazzjoni għandha tingħata f’forma ta’ ċertifikat. Huwa xieraq li tiġi speċifikata l-forma, li biha ser isiru dawn iċ-ċertifikati u li jkun permess l-użu ta’ mezzi u metodi ta’ data processing għad-dikjarazzjoni.”

15

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għas-sospensjoni awtonoma tad-dazji ta’ l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari importat minn jew f’isem l-awtoritajiet inkarigati mid-difiza militari ta’ l-Istati Membri minn pajjiżi terzi.”

16

L-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Minkejja l-paragrafu 1, minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzaenzalità militari, iċ-ċertifikat u l-merkanzija impurtata jistgħu jinghataw lil awtoritajiet oħra nominati mill-Istat Membru għal dan il-għan. F’każijiet bhal dawn l-awtorità kompetenti lokali li toħrog iċ-ċertifikat għandha tibgħat rapport qasir fuq dawn l-importazzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ l-Istat Membru qabel il-31 ta’ Jannar u l-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. Ir-rapprt għandu jkopri perjodu ta’ 6 xhur li jippreċedu dak ix-xahar li fih ir-rapport irid jiġi sottomess. Għandu jkun fih in-numru u d-data tal-ħrug taċ-ċertifikati, id-data ta’ l-importazzjoni u l-valur totali u l-piż gross tal-prodotti mpurtati maċ-ċertifikati.”

17

Skont l-Artikolu 8 tiegħu, ir-Regolament Nru 150/2003 japplika mill-1 ta’ Jannar 2003.

Il-proċedura prekontenzjuża

18

Permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2001, riċevuta l-għada, il-Kummissjoni ssostni li, billi jeżenta l-importazzjoni tal-materjal speċifikament militari mid-dazji doganali, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu taħt id-dritt Komunitarju.

19

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Diċembru 2001 il-Kummissjoni stiednet ukoll lil dan l-Istat Membru sabiex jikkalkola l-ammonti li ma tħallsux għas-snin finanzjarji sa mill-1998, sabiex iqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha qabel il-31 ta’ Marzu 2002. Hija ġibdet ukoll l-attenzjoni tal-awtoritajiet Daniżi dwar il-fatt li interessi moratorji kienu ser ikunu dovuti minn din id-data taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

20

Fir-risposta tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2002, ir-Renju tad-Danimarka billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 296 KE li jagħti lill-Istati Membri setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex jiddeterminaw il-miżuri neċessarji sabiex jipproteġu l-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, indika li ma jiġborx dazji doganali fuq l-importazzjonijiet tal-materjal ta’ użu speċifikament militari.

21

B’ittra tal-24 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni reġgħet tenniet it-talba inizjali tagħha rigward l-importazzjonijiet ta’ materjal ta’ użu speċifikament militari preċedenti għall-1 ta’ Jannar 2003, peress li l-perijodu sussegwenti għal din id-data huwa kopert bir-Regolament Nru 150/2003.

22

Fir-risposta tiegħu tas-7 ta’ Mejju 2003, ir-Renju tad-Danimarka żamm il-pożizzjoni tiegħu.

23

B’ittra tas-17 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni reġgħet intimat lir-Renju tad-Danimarka sabiex iwettaq il-kalkoli neċessarji sabiex jiddetermina l-ammont ta’ riżorsi proprji li ma tħallsux lill-Komunità minħabba l-importazzjonijiet ta’ apparat speċifikament militari eżenti mid-dazji doganali f’dak li jirrigwarda s-snin finanzjarji 1998 sa 2002, sabiex iqiegħed dawn ir-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Komunità u sabiex iħallas l-interessi moratorji skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000.

24

Fir-risposta tiegħu tas-7 ta’ Jannar 2004, ir-Renju tad-Danimarka baqa’ jżomm il-pożizzjoni tiegħu li l-Artikolu 296(1)(b) KE, jawtorrizah jeżenta mid-dazji doganali l-importazzjoni ta’ materjal militari sabiex jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

25

Wara li ħadet inkunsiderazzjoni r-risposta tar-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni, fit-18 ta’ Ottubru 2004, ħarġet opinjoni motivata fejn stiednet lil dan l-Istat Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xahrejn minn meta rċevieha. L-imsemmi Stat Membru rrisponda fit-3 ta’ Marzu 2005 billi reġa’ tenna u ppreċiża l-kunsiderazzjonijiet ippreżentati preċedentement.

26

Fid-dawl tal-elementi b’hekk ipprovduti mir-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidrat li dan l-Istat Membru ma kkonformax mal-opinjoni motivata, ippreżentat dan ir-rikors.

27

Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Mejju 2006, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ l-intervent tar-Repubblika Ellenika, tar-Repubblika Portugiża u tar-Repubblika tal-Finlandja insostenn tat-talbiet tar-Renju tad-Danimarka.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

28

Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka żbalja meta bbaża ruħu fuq l-Artikolu 296 KE sabiex jirrifjuta l-ħlas tad-dazji doganali, peress li l-ġbir tagħhom ma jippreġudikax l-interess vitali tas-siġurtà ta’ dan l-Istat Membru.

29

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżuri li jistabbilixxu derogi jew eċċezzjonijiet, bħal b’mod partikolari l-Artikolu 296 KE, għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, l-Istat Membru kkonċernat, li jitlob l-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, għandu juri li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan tal-aħħar meta huwa għandu l-intenzjoni jidderoga mill-Artikolu 20 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, fejn jinsab il-prinċipju ġenerali tal-ġbir tad-dazji kif stabbilit fl-Artikolu 26 KE.

30

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-fatt biss li l-prodotti li jinsabu fuq il-lista stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 255/58, tal-15 ta’ April 1958, li tiddefinixxi l-prodotti li għalihom l-Artikolu 296(1)(b) KE jista’ jiġi applikat, ma huwiex suffiċjenti fih innifsu sabiex jirriżulta fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tippresupponi li l-kundizzjonijiet kollha li jidhru f’dan tal-aħħar huma sodisfatti.

31

Konsegwentement, il-Kummissjoni tenfassizza li huwa r-Renju tad-Danimarka li huwa responsabbli sabiex jipproduċi prova konkreta u dettaljata li l-ġbir tad-dazji doganali għall-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti jippreġudika l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

32

Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li r-Renju tad-Danimarka ma informathiex bl-ammont ta’ dazji li hija qieset bħala dovut, minkejja li dan jikkostitwixxi rekwiżit li jippermettilha tivverifika li l-kundizzjoni ta’ ħtieġa li tidher fl-Artikolu 296(1)(b) KE, hija sodisfatta. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka ma indikax kif is-sitwazzjoni tiegħu setgħat tkun differenti minn dik tal-Istati Membri l-oħra li ġabru tali dazji doganali.

33

Il-Kummissjoni terġa’ tippreċiża li r-Regolament Nru 150/2003 japplika mill-1 ta’ Jannar 2003 u li, waqt id-diskussjonijiet dwar l-adozzjoni tiegħu, hija ddikjarat li hija marbuta tiġbor, għall-imgħoddi, id-dazji doganali inkwistjoni, b’mod li ebda protezzjoni tal-aspettativi leġittimi ma tista’ tittieħed mill-adozzjoni tiegħu. Barra minn hekk, dan ir-regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 26 KE, u mhux fuq l-Artikolu 296 KE.

34

F’dak li jirrigwarda l-obbligu tas-sigriet militari previst fl-Artikolu 296(1)(a) KE, li huwa invokat ukoll mir-Renju tad-Danimarka, il-Kummissjoni tikkunsidra li tali argument huwa bbażat fuq konfużjoni bejn l-Artikolu 296(1)(a) KE, li jippermetti lill-Istati Membri biex ma jiżvelawx ċerta informazzjoni meta din tista’ tkun kuntrarja għall-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom, u l-Artikolu 296(1)(b) KE, li jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jadottaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, ċerti miżuri li huma jqisu neċessarji għall-protezzjoni tal-imsemmija interessi.

35

Skont il-Kummissjoni, is-sospensjoni tad-dazji doganali stabbilita mir-Regolament Nru 150/2003 fil-qasam militari turi l-fatt li huwa possibbli li jiġu stabbiliti proċeduri speċjali għat-trattament doganali tal-apparat militari, bi ħlas jew mingħajr tad-dazji doganali, u li l-proċeduri doganali fir-rigward tal-materjal militarji jikkostitwixxu, konsegwentement, kwistjoni distinta minn dik tal-ħlas tad-dazji doganali. Barra minn hekk, skont il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ir-Renju tad-Danimarka jista’ jorganizza l-ġbir tad-dazji doganali b’mod li tigi ggarantita l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-materjal militari billi jattribwixxi lil ċerti uffiċċji doganali kompetenzi partikolari f’dan is-settur.

36

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfassizza li n-nuqqas ta’ ġbir tad-dazji doganali inkwistjoni mir-Renju tad-Danimarka jwassal għal inugwaljanza bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom għall-baġit Komunitarju. Fil-fatt, dan in-nuqqas ta’ ġbir jinvolvi tnaqqis tar-riżorsi proprji tradizzjonali Komunitarji li jista’ jiġi kkumpensat biss permezz taż-żieda tar-riżorsa magħrufa bħala “PGN” (prodott gross nazzjonali), li hija diviża bejn l-Istati Membri kollha.

37

Ir-Renju tad-Danimarka jqis li, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar il-miżuri li jistgħu jieħdu sabiex jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà u li jikkonċernaw prodotti li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 1(b). B’hekk, din id-dispożizzjoni tikkonferilhom il-possibbiltà li jidderogaw mill-Artikolu 26 KE u mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità, f’każ ta’ importazzjonijiet ta’ apparat intiż għall-finijiet militarji u meta l-għan ta’ dawn l-importazzjonijiet huwa li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl tas-sitwazzjoni speċifika ta’ dan tal-aħħar.

38

Ir-Renju tad-Danimarka huwa wkoll tal-opinjoni li l-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 tikkonferma l-ħtieġa ta’ osservanza tal-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri u mhux biex temenda l-istat tad-dritt preċedenti, iżda biex tippreċiża sitwazzjoni ġuridika eżistenti.

39

Il-fatt li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 150/2003, ebda dispożizzjoni Komunitarja ma kienet tippermetti lil Stat Membru jieħu, fil-każ ta’ bżonn, il-miżuri neċessarji sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi vitali tas-sigurtà waqt l-importazzjoni ta’ apparat militari, wassal lir-Renju tad-Danimarka sabiex iqis li dawn l-interessi kienu koperti mill-Artikolu 296 KE, kemm minħabba l-formulazzjoni, kif ukoll minħabba l-għan ta’ dan l-artikolu. B’hekk, dan l-Istati Membru kkunsidra li ma kellu l-ebda għażla, ħlief dik li jimponi, fuq livell nazzjonali, l-eżenzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ dan l-apparat fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE.

40

Ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-ġbir tad-dazji doganali waqt l-importazzjoni tal-apparat militari jista’ jipperikola l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ Stat Membru. L-ewwel nett, is-salvagwardja tal-interessi tas-sigurtà ta’ Stat Membru hija marbuta b’mod strett mal-kapaċità ta’ difiża tiegħu, peress li x-xiri ta’ materjal militari jikkontribwixxi neċessarjament għaż-żamma ta’ din. It-tieni nett, peress li r-riżorsi ekonomiċi ta’ Stat Membru għad-difiża huma limitati, il-ġbir tal-imsemmija dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-materjal militari jżdied il-kost tagħhom u dan iwassal sabiex jostakola l-kapaċità ta’ Stat Membru sabiex jakkwistahom.

41

Skont ir-Renju tad-Danimarka, mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 150/2003, kif ukoll mill-preżentazzjoni tal-proposta ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet rabta bejn il-ġbir tad-dazji doganali waqt l-importazzjoni tal-apparat militari u l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istat Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konvenut iqis li ma hemmx lok għall-Kummissjoni, li teħtieġ li l-Istati Membri jipproduċu provi oħra sabiex juru li l-ġbir ta’ tali dazji jikkostitwixxi perikolu għall-interessi vitali tas-sigurtà tagħhom.

42

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li huwa ma setgħax josserva l-proċedura doganali Komunitarja waqt l-importazzjonijiet ikkontestati ta’ apparat militari mingħajr ir-riskju li jiżvela, fi ħdan il-Komunità, informazzjoni vitali rigward is-sigurtà tat-territorju nazzjonali tiegħu, jiġifieri, b’mod partikolari, in-natura tal-apparat importat, il-kompożizzjoni tiegħu u l-possibbiltajiet ta’ użu tiegħu. Minħabba dan, l-obbligu ta’ osservanza ta’ ċerta kunfidenzjalità f’dan ir-rigward, jostakola lir-Renju tad-Danimarka milli jikkomunika din l-informazzjoni lill-Kummissjoni u l-ksur unilaterali ta’ dan l-obbligu, minn dan l-Istat Membru, joħloq riskju li jiddaħħal inkwistjoni l-insegwiment tal-kooperazzjoni u tar-relazzjonijiet kummerċjali fil-qasam militari ma’ ċerti Stati terzi.

43

Ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-miżuri ta’ kunfidenzjalità previsti mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma humiex suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-ħtieġa ta’ sigurtà u ta’ kunfidenzjalità li Stat Membru għandu dritt jimplementa fir-rigward tal-informazzjoni li tirrigwarda s-sigurtà tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jista’ jastjeni milli jħallas id-dazji doganali waqt l-importazzjoni ta’ apparat militari mingħajr ma jonqos mill-obbligi Komunitarji tiegħu.

44

Ir-Renju tad-Danimarka jqis ukoll li l-Istati Membri għandhom il-fakultà jistabbilixxu proċeduri speċifiċi għall-importazzjoni b’eżenzjoni tad-dazji ta’ apparat militari li huma intiżi biss sabiex jiżguraw li l-apparat ikkonċernat huwa fil-fatt ta’ natura militari u ma humiex intiżi sabiex jiddeterminaw la l-pożizzjoni doganali tal-merkanzija inkwistjoni u lanqas ir-rata ta’ taxxa sabiex jiġi kkalkolat l-ammont doganali waqt kull importazzjoni minn Stati terzi. Il-fatt li, waqt l-abbozzar tar-Regolament Nru 150/2003, kien neċessarju li tiġi ddeterminata bażi ġuridika għall-introduzzjoni ta’ tali proċedura speċifika għal dan ir-regolament ifisser li tali setgħa kienet nieqsa fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

45

Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-fatt li Stat Membru eżenta mid-dazji doganali, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE, l-importazzjoni ta’ materjal militari ma jiksirx neċessarjament il-prinċipji ta’ solidarjetà Komunitarja u ta’ ġestjoni finanzjarja tajba.

46

Fl-aħħar, ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet, mis-sena 1988, li tippreżenta proposta għar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) dwar is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali fuq ċerti armamenti u apparat militari (ĠU C 265, p. 9), juri mhux biss li hija ma kinitx kontra s-soluzzjoni li tikkostitwixxi fil-prattika ta’ eżenzjoni f’dan ir-rigward, iżda li, permezz tal-proposta tagħha, hija sempliċiment, b’mod kuntrarju, ippreċiżat l-istat ta’ dritt preċedenti.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll, skont dan l-Istat Membru, li l-fatti, minn naħa, li ebda negozjati ġodda ma seħħew f’dan ir-rigward sal-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni rrinunzjat li ssegwi l-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li hija bdiet kontrih waqt is-snin 1984 u 1985, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ ġbir ta’ dazji doganali fuq il-materjal ta’ użu ċivili u materjali importat minn Stati terzi, mingħajr ma fetħet tali proċedura fir-rigward tal-importazzjoni ta’ apparat speċifikament militari, setgħu leġittimament iwasslu lill-awtoritajiet Daniżi sabiex iqisu li l-Kummissjoni kienet aċċettat l-eżistenza ta’ deroga f’dan il-qasam.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità jipprovdi l-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti għal użu militari, bħal dawk inkwistjoni provenjenti minn pajjiżi terzi. L-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Komunità ma tipprovdi, għall-perijodu tal-importazzjonijiet ikkotestati, jiġifieri dak mill-1 ta’ Jannar 1998 sal-31 ta’ Diċembru 2002, għal eżenzjoni speċifika tad-dazji doganali għall-importazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ oġġetti. Konsegwentement, għal dan il-perijodu lanqas ma teżisti eżenzjoni speċifika għall-obbligu li jitħallsu lill-awtoritajiet kompetenti d-drittijiet dovuti, flimkien, f’ċerti każijiet, mal-interessi moratorji.

49

Barra minn hekk, jista’ jiġi dedott, mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 150/2003 li jipprovdi għas-sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti armamenti u apparat militari sa mill-1 ta’ Jannar 2003, li l-leġiżlatur Komunitarju telaq mill-ipoteżi li kien jeżisti obbligu tal-ħlas tal-imsemmi dazju qabel din id-data.

50

Ir-Renju tad-Danimarka fl-ebda mument ma nnega l-eżistenza tal-importazzjonijiet ikkontestati fil-perijodu kkunsidrat. Dan l-Istat Membru llimita ruħu li jikkontesta d-dritt tal-Komunità fuq ir-riżorsi proprji inkwistjoni billi argumenta li, taħt l-Artikolu 296 KE, l-obbligu tal-ħlas tad-dazji doganali fuq dan il-materjal importat minn Stati terżi jippreġudika b’mod gravi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

51

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 15, u tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 15). Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, it-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jimminaw is-sigurtà pubblika biss fl Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju. (ara s-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, id-deroġi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita għad-derogi mil-libertajiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-503/03, Ġabra p. I-1097, punt 45, tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 86 u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-141/07, Ġabra p. I-6935, punt 50) jiġu interpretati b’mod strett.

53

B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-Artikolu 296 KE, għandu jingħad li, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li t-tixrid tagħha jqisu bħala kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi.

54

Barra minn hekk, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-414/97, Ġabra p. I-5585), ikkonstatat in-nuqqas inkwistjoni peress li r-Renju ta’ Spanja ma kienx wera li l-eżenzjoni mill-imsemmija taxxa fuq l-importazzjonijiet u x-xiri ta’ armamenti, ta’ munizzjoni u ta’ materjal għal użu esklużivament militari, eżenzjoni prevista mil-liġi Spanjola, kienet iġġustifikata, taħt l-Artikolu 296(1)(b) KE, min-neċessità li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru.

55

Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita f’dan l-artikolu bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

56

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma jistax jiġi aċċettat li Stat Membru jeċċepixxi ż-żieda fl-ispiża tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, b’detriment għall-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jiġbru u jħallsu d-dazji doganali konnessi ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir rigward tal-baġit Komunitarju.

57

Għal dak li jirrigwarda l-argument li l-proċeduri doganali Komunitarji ma humiex ta’ natura li jiżguraw is-sigurtà tar-Renju tad-Danimarka, fir-rigward tal-eżiġenzi tal-kunfidenzjalità kontenuti fil-ftehim konkluż mal-Istati esportaturi, għandu jiġi enfassizzat, hekk kif ġustament osservat il-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tas-sistema doganali Komunitarja tinvolvi l-intervent ta’ aġenti, komunitarji u nazzjonali, li huma marbuta, jekk ikun il-każ, mill-obbligu ta’ kunfidenzjalità, f’każ ta’ trattament ta’ informazzjoni sensittiva, ta’ natura li jiġu protetti l-interessi vitali tas-sigurtà tal-Istati Membri.

58

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jikkompletaw u jibgħatu lill-Kummissjoni b’mod regolari ma jimplikawx ksib ta’ livell ta’ preċiżjoni ta’ tip li jippreġudika l-interessi tal-imsemmija Stati kemm fil-qasam tas-sigurtà kif ukoll f’dak tal-kunfidenzjalità.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’mod konformi mal-Artikolu 10 KE dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni li tikkonsisti f’li tiżgura l-osservanza tat-Trattat, dawn huma marbuta jqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni d-dokumenti neċessarji għall-verifika tar-regolarità tat-trasferiment tar-riżorsi proprji tal-Komunità. Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 168 tal-konklużjonijiet tiegħu, obbligu bħal dan ma jostakolax l-Istati Membri, każ b’każ u eċċezzjonalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 296 KE, milli jkunu jistgħu jillimitaw l-informazzjoni mibgħuta lil ċerti elementi ta’ dokument jew jirrifjutawha kompletament.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-Renju tad-Danimarka ma uriex li l-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 296 KE huma sodisfatti.

61

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li, billi rrifjuta li jikkalkola u jħallas ir-riżorsi proprji li ma nġabrux fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002, fir-rigward tal-importazzjoni ta’ materjal militari eżenti mid-dazji doganali kif ukoll billi rrifjuta jħallas l-interessi moratorji konnessi man-nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmija riżorsi proprji lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/1989, sal-31 ta’ Mejju 2000, kif ukoll, minn din l-istess data, l-istess Artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000.

Fuq l-ispejjeż

62

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tad-Danimarka tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

63

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tal-istess artikolu, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja, li intervjenew fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi rrifjuta li jikkalkola u jħallas ir-riżorsi proprji li ma nġabrux fil-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l 31 ta’ Diċembru 2002, fir-rigward tal-importazzjoni ta’ materjal militari eżenti mid-dazji doganali kif ukoll billi rrifjuta jħallas l-interessi moratorji konnessi man-nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmija riżorsi proprji lill-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, rispettivament, l-Artikolu 2 u l-Artikoli 9 sa 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/1989, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni (Euratom) 88/376/KEE, dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996, sal-31 ta’ Mejju 2000, kif ukoll minn din l-istess data, l-istess Artikoli tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet.

 

2)

Ir-Renju tad-Danimarka huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika tal-Finlandja, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.