SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali — Regolament (KE) Nru 659/1999 — Artikolu 1(b)(v) — Nuqqas ta’ motivazzjoni — Rwol tal-qorti — Motiv ta’ ordni pubbliku mqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja — Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju — Portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ”

Fil-Kawża C-89/08 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2008,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn V. Di Bucci u N. Khan, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn P. McGarry, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u A.-L. Vendrolini, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn R. Adam, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Eurallumina SpA, stabbilita f’Portoscuso (l-Italja), irrappreżentata minn R. Denton, solicitor,

Aughinish Alumina Ltd, stabbilita f’Askeaton (l-Irlanda), irrappreżentata minn J. Handoll u C. Waterson, solicitors,

rikorrenti fl-ewwel istanza

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, K. Lenaerts, E. Levits, Presidenti tal-Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, P. Kūris (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. O’Caoimh u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Marzu 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bl-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-Qorti Ġenerali) tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 2007, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha din il-qorti annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005. dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati bħala karburant għall-produzzjoni tal-allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja (ĠU 2006, L 119, p. 12, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttivi dwar id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali

2

Id-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali kienu s-suġġett ta’ bosta direttivi, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12), id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità ta’ tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405), li tħassar id-Direttivi 92/81 u 92/82 b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003.

3

L-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81 kien jippermetti lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jawtorizza, fuq proposta tal-Kummissjoni, lil Stat Membru sabiex jimplementa eżenzjonijiet jew tnaqqis mid-dazji tas-sisa minbarra dawk stabbiliti fl-imsemmija direttiva.

4

Id-Direttiva 2003/96 tipprovdi, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(4)(b) tagħha, li hija ma tapplikax għal prodotti ta’ enerġija ta’ użu doppju, jiġifieri dawk li huma użati kemm bħala karburant li jsaħħan kif ukoll għal skopijiet oħra barra minn karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan. B’hekk, sa mill-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha daħlet fis-seħħ din id-direttiva, ma għadx hemm iktar rata minima ta’ sisa fuq iż-żejt tqil użat bħala karburant għall-produzzjoni ta’ allumina. Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96 awtorizza lill-Istati Membri, suġġett għal eżami minn qabel mill-Kunsill, sabiex jibqgħu japplikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2006, ir-rati mnaqqsa jew l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Anness II tagħha, li jsemmi l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa fuq iż-żejt tqil użat bħala karburant għall-produzzjoni ta’ allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja.

Ir-Regolament (KE) Nru 659/1999

5

Skont l-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], “għajnuna eżistenti” għandha tfisser:

“[…]

v)

għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta' attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

6

L-Irlanda, ir-Repubblika Taljana u r-Repubblika Franċiża eżentaw mid-dazju tas-sisa ż-żjut minerali użati għall-produzzjoni ta’ allumina, rispettivament, fir-reġjun ta’ Shannon sa mill-1983, f’Sardinja sa mill-1993 u fir-reġjun ta’ Gardanne sa mill-1997 (iktar ’il quddiem l-“eżenzjonijiet ikkontestati”).

7

Dawn l-eżenzjonijiet kienu ġew awtorizzati, rispettivament, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/510/KEE li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi rati mnaqqsa tad-dazji tas-sisa jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura stabbilta fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81/KEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 316, p. 16), bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/697/KE, tat-13 ta’ Diċembru 1993, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri sabiex japplikaw jew jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi tnaqqis jew eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 92/81/KEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 321, p. 29), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/425/KE, tat-30 ta’ Ġunju 1997, li tawtorizza lill-Istati Membri sabiex japplikaw jew jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ ċerti żjut minerali użati għal skopijiet speċifiċi, ir-rati mnaqqsa tad-dazji tas-sisa jew l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa eżistenti, skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 92/81/KEE [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 182, p. 22). Dawn l-eżenzjonijiet ikkontestati ġew estiżi diversi drabi mill-Kunsill u l-aħħar estensjoni saret bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/224/KE, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa u l-eżenzjonijiet minn din it-taxxa fuq ċerti żjut minerali meta jintużaw għal skopijiet speċifiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 342) sal-31 ta’ Diċembru 2006.

8

Il-ħames punt ta’ dawn il-motivi, id-Deċiżjoni 2001/224 kien jispeċifika li d-deċiżjoni ma kinitx ta’ ħsara għall-eżitu ta’ eventwali proċeduri li għandhom x’jaqsmu ma’ distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq uniku li setgħu jsiru b’mod partikolari skont l-Artikoli 87 KE u 88 KE, u li hija ma kinitx teżenta lill-Istati Membri, skont l-Artikolu 88 KE, mill-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’każijiet li setgħu potenzjalment ikunu għajnuna mill-Istat.

9

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tat-30 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward ta’ kull waħda mill-eżenzjonijiet ikkontestati. Fit-tmiem ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li:

l-eżenzjonijiet mid-dazji tas-sisa mogħtija mir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda u r-Repubblika Taljana fir-rigward ta’ żjut minerali tqal użati għall-produzzjoni ta’ allumina sal-31 ta’ Diċembru 2003 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE;

l-għajnuna mogħtija bejn is-17 ta’ Lulju 1990 u t-2 ta’ Frar 2002, sa fejn hija inkompatibbli mas-suq komuni, ma hijiex suġġett għal irkupru għaliex dan imur kontra l-prinċipji komuni tad-dritt Komunitarju;

l-għajnuna mogħtija bejn it-3 ta’ Frar 2002 u l-31 ta’ Diċembru 2003 hija inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE, sa fejn il-benefiċjarji ma kinux ħallsu dazju tal-inqas EUR 13.01 għal kull 1000 kilogramma ta’ żejt minerali, u

din l-għajnuna tal-aħħar għandha tiġi rkuprata.

10

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-eżenzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenzi fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999. Il-Kummissjoni bbażat din l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma kinux jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fl-Istati Membri kkonċernati, li huma qatt ma kienu ġew analizzati jew awtorizzati abbażi tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, u li huma qatt ma kienu ġew innotifikati.

11

Barra minn hekk, fil-premessa 69 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 ma kienx japplika għal dan il-każ.

12

Wara li spjegat sa fejn l-għajnuna inkwistjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet ta’ eżenzjoni u tal-fatt li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew adottati fuq il-proposta tagħha, l-irkupru ta’ għajnuna inkompatibbli mogħtija qabel it-2 ta’ Frar 2002, id-data li fiha d-deċiżjonijiet ta’ ftuħ tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 88(2) KE ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, imur kontra l-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

13

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16, fis-17 u fit-23 ta’ Frar 2006 rispettivament, l-Irlanda, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana, Eurallumina SpA u Aughinish Alumina Ltd ippreżentaw rikorsi għall-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Id-diversi kawżi ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

14

Insostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti invokaw essenzjalment, skont is-sentenza appellata, total ta’ 23 motiv bbażati, b’mod partikolari, fuq il-klassifikazzjoni żbaljata tal-eżenzjonijiet ikkontestati bħala għajnuna ġdida meta kienu jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, fuq il-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, taċ-ċertezza legali, tal-osservanza ta’ terminu raġonevoli, tal-preżunzjoni ta’ validità, tal-prinċipju ta’ lex specialis derogat lege generali, tal-effett utili u tal-amministrazzjoni tajba. Kienu invokati wkoll il-ksur tal-Artikolu 87 KE, kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.

15

Madankollu, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, minkejja l-fatt li dawn il-motivi kienu ġew invokati, kienet tikkunsidrah opportun, f’dan il-każ, li tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

16

F’dan ir-rigward, wara li fakkret, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja, u ċċitat, fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, il-ġurisprudenza dwar il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att Komunitarju, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 52 u 53 tal-imsemmija sentenza, li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kienet eżaminat jekk l-eżenzjonijiet inkwistjoni kinux għajnuna ġdida jew għajnuna eżistenti, iżda kienet illimitat ruħha li tiddikjara, fir-rigward tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, li dan ma kienx japplika f’dan il-każ, mingħajr ma tat ir-raġunijiet għal dan.

17

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 56 sa 63 tas-sentenza appellata, li ċirkustanzi partikolari f’dan il-każ, jeħtieġu madankollu li tiġi eżaminata l-kwisjtoni jekk l-eżenzjonijiet ikkontestati setgħux jitqiesu bħala għajnuna eżistenti minħabba li fil-mument tal-implementazzjoni tagħhom huma ma kinux jikkostitwixxu għajnuna iżda li huma saru għajnuna sussegwentement minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma kienu nbidlu mill-Istati Membri kkonċernati. Għaldaqstant, hija qieset li l-Kummissjoni kellha timmotiva suffiċjentement id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

18

Iċ-ċirkustanzi partikolari inkwistjoni huma stabbiliti essenzjalment, fil-punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata, b’dan il-mod.

19

Fl-ewwel lok, f’bosta deċiżjonijiet li jawtorizzaw l-eżenzjonijiet inkwistjoni, hemm imsemmi li l-Kummisjoni taċċetta li dawn l-eżenzjonijiet ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u li ma jostakolawx il-funzjonament tas-suq intern. Issa, l-ebda kumment, fid-deċiżjoni kkontestata, ma jwassal sabiex wieħed jaħseb b’liema mod il-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għandu portata differenti fl-ambitu fiskali u fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. F’ħafna minn dawn id-deċiżjonijiet huwa msemmi wkoll li l-Kummissjoni ser teżamina b’mod regolari l-eżenzjonijiet inkwistjoni sabiex tiggarantixxi li huma kompatibbli mal-funzjonament tas-suq intern u ma’ għanijiet oħra tat-Trattat.

20

Fit-tieni lok, fil-punt 97 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, tal-inqas, li dawn id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, adottati wara proposti tagħha stess, setgħu jagħtu l-impressjoni li l-eżenzjonijiet inkwistjoni ma setgħux jiġu klassifikati bħala għajnuna mill-Istat meta jiġu implementati. Il-fatt li dan il-punt tal-motivi jinsab fil-parti relattiva għall-irkupru tal-għajnuna ma jistax inaqqas il-portata tagħha.

21

Fit-tielet lok, l-eżenzjonijiet inkwistjoni kienu ġew awtorizzati u estiżi, b’mod suċċessiv, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u, bl-eċċezzjoni tad-Deċiżjoni 2001/224, l-ebda waħda minn dawn id-deċiżjonijiet ma semmiet possibbiltà ta’ kunflitt mar-regoli dwar għajnuna mill-Istat. Fil-punt 96 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnifisha tenfasizza barra minn hekk li l-persuni interessati ma jistennewx li l-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill proposti li huma inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.

22

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li l-Kummisjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meħtieġ minnha mill-Artikolu 253 KE, fir-rigward tal-inapplikabbiltà f’din il-kawża tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

It-talbiet tal-partijiet

23

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza appellata, sabiex tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u sabiex tirriżerva l-ispejjeż ta’ dawn iż-żewġ istanzi.

24

Ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, Eurallumina u Aughinish Alumina jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25

Sussidjarjament, Eurallunina titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li din tilqa’ is-sitt aggravju tal-appell, li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn li din estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għall-eżenzjonijiet ikkontestati ta’ wara l-1 ta’ Jannar 2004, li tannulla s-sentenza appellata biss fir-rigward ta’ dan il-punt.

Fuq l-appell

26

Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tas-sentenza appellata u għar-rinviju tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tressaq sitt aggravji.

27

L-ewwel aggravju huwa bbażat, essenzjalment, fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali eċċediet is-setgħat tagħha meta qajmet ex officio l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet aggravju jirrigwarda ksur tal-Artikoli 230 KE u 253 KE flimkien mal-Artikolu 88 KE u r-regoli dwar l-iżvolġiment tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Ir-raba’ u l-ħames aggravji huma bbażat, essenzjalment, fuq il-ksur mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 253 KE meta hija qieset b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni dwar l-applikabbilità tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. Is-sitt aggravju huwa intiż sabiex jiġi deċiż li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward tal-eżenzjonijiet ikkontestati ta’ wara l-31 ta’ Diċembru 2003.

Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-poteri tagħha meta qajmet ex officio motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

28

L-ewwel aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li, meta qajmet ex officio l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ħarġet barra mill-kuntest tal-kawża hekk kif iddefinit mill-partijiet, kisret il-prinċipju dispożittiv, iddeċidiet ultra petita u b’hekk eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha, u wettqet żball proċedurali li jġarrab ħsara lill-interessi tal-Kummissjoni.

29

Insostenn ta’ dawn l-ilmenti, il-Kummissjoni ssostni li l-motiv imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma huwa relatat mat- 23 motiv imqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u għall-fatti li jirriżultaw mill-proċessi tal-ħames kawżi magħquda li ma fihom ebda fatt ta’ natura li jagħti x’jifhem li l-eżenzjonijiet ikkontestati ma kinux jikkostitwixxu għajnuna meta ġew implementati u li huma kienu saru għajnuna wara din id-data minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni.

30

Fil-kuntest tat-tieni parti, il-Kummissjoni ssostni li l-motiv imqajjem ex officio jirrigwarda l-legalità tal-mertu tad-deċiżjoni kkontestata u mhux il-motivazzjoni tagħha peress li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Qorti Ġenerali ma kinitx neċessarja għall-persuni interessati u lanqas għall-qorti. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet injorat id-distinzjoni rikonoxxuta mill-ġurisprudenza bejn motiv li jirrigwarda l-motivazzjoni u motiv ta’ mertu u poġġiet lilha nnifisha minflok ir-rikorrenti fl-ewwel istanza meta qajmet motiv li huma biss setgħu jqajmu. B’dan il-mod, hija kisret, minn naħa, ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-motivi f’rikors imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, billi ċċaħħad dawn ir-regoli minn kwalunkwe portata prattika. Dan il-ksur jikkostitwixxi wkoll irregolaritajiet proċedurali li jġarrbu ħsara lill-interessi tal-Kummissjoni.

31

L-appellati sabiex jipprekludu dan il-motiv, ifakkru essenzjalment li l-nuqqas ta’ motivazzjoni, li jikkostitwixxi ksur tal-forom sostanzjali, huwa motiv ta’ ordni pubblika li l-qorti Komunitarja għandha tqajjem ex officio. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi mċanfra li ddeċidiet ultra petita u lanqas, barra minn hekk, li kisret ir-regola li tinsab fl-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li mhix vinkolanti għal din tal-aħħar iżda għar-rikorrent.

32

Barra minn hekk, skont l-appellati, il-motiv bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx kompletament mhux relatat mal-motivi invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u mal-fatti tal-kawża. B’mod partikolari, matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ġew eżaminati u diskussi ċ-ċirkustanzi partikolari rrilevati minn din il-qorti fil-punti 56 sa 62 tas-sentenza appellata.

33

Il-motiv imqajjem ex officio ma jirrigwardax il-mertu iżda sempliċi nuqqas ta’ motivazzjoni. Barra minn hekk, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tikkontestax il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna ġdida adottata mill-Kummissjoni, iżda biss in-nuqqas ta’ kull spjegazzjoni fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma injoratx id-distinzjoni bejn il-motivazzjoni u l-mertu, u ġustament iddeċidiet li kien meħtieġ li d-deċiżjoni kkontestata tiġi mmotivata rigward l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni peress li l-Kummissjoni kellha, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tindika r-raġunijiet li wassluha biex tikklassifika l-eżenzjonijiet ikkontestati bħala għajnuna ġdida pjuttost milli bħala għajnuna eżistenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Sabiex tiddeċiedi fuq l-ewwel parti tal-aggravju li jipprovdi l-Qorti Ġenerali ħarġet mill-kuntest tal-kawża kif iddefinit mill-partijiet, għandu jitfakkar li huwa ġurisprudenza stabbilita li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67; tat-30 ta’ Marzu 2000, VBA vs Florimex et, C-265/97 P, Ġabra p. I-2061, punt 114, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 174).

35

Meta tqajjem ex officio tali motiv, li, bħala regola ġenerali, ma kienx ġiex invokat mill-partijiet, il-qorti Komunitarja ma toħroġx mill-kuntest tal-kawża li għandha quddiemha u bl-ebda mod ma tikser ir-regoli ta’ proċedura dwar il-preżentazzjoni tas-suġġett tal-kawża u tal-motivi fir-rikors.

36

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma eċċedietx il-poteri tagħha meta qajmet ex officio motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

37

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-motiv hija infondata.

38

Rigward it-tieni parti tal-aggravju, li jipprovdi li l-Qorti Ġenerali kienet infatti qajmet ex officio motiv relatat mal-legalità sostantiva tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali annullat din id-deċiżjoni minħabba l-fatt, imsemmi fil-punt 63 tad-deċiżjoni appellata, li l-Kummissjoni kellha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari elenkati fil-punti 56 sa 62 tal-imsemmija sentenza, teżamina f’din il-kawża l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 u li timmotiva d-deċiżjoni kkontestata suffiċjentement skont il-liġi fuq dan il-punt minflok li tiddikjara biss li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli f’dan il-każ.

39

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-mertu tal-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fuq il-kwistjoni, diskussa bejn il-partijiet, dwar jekk l-eżenzjonijiet ikkontestati kinux jikkostitwixxu għajnuna eżistenti jew għajnuna ġdida.

40

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi mċanfra li injorat id-distinzjoni rikonoxxuta mill-ġurisprudenza bejn motiv ibbażat fuq nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li huwa mqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja u motiv li jirrigwarda l-legalità sostantiva li jista’ jiġi eżaminat biss jekk huwa invokat mir-rikorrent (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).

41

Għaldaqstant, anki t-tieni parti tal-aggravju hija infondata.

42

Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-ewwel aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju tal-appell, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża

L-argumenti tal-partijiet

43

Filwaqt li tosserva li l-motiv imqajjem ex officio fis-sentenza appellata ma kienx diskuss u lanqas biss ikkunsidrat fil-proċedura bil-miktub u dik orali quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tilmenta lil din il-qorti kisret il-prinċipju ġenerali tal-kontradittorju u tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

44

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jipprovdi li l-qorti stess għandha tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, b’mod partikolari meta hija tiċħad appell jew tiddeċiedi kawża abbażi ta’motiv imqajjem ex officio.

45

Barra minn hekk, hija ssostni li l-prinċipju ta’ kontradittorju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali ta’ proċedura quddiem il-qrati Komunitarji, li ġie rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-grad ta’ dritt fundamentali, u li l-Qorti Ġenerali setgħet tordna l-ftuħ tal-proċedura orali mill-ġdid sabiex tistieden lill-partijiet jiddiskutu rigward il-motiv li hija kellha l-intenzjoni li tqajjem ex officio.

46

L-appellati jsostnu, essenzjalment, li skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din il-qorti għandha setgħa diskrezzjonali li tordna l-ftuħ tad-dibattiti mill-ġdid u minn dan l-artikolu u mill-Artikolu 113 tal-istess regoli jirriżulta li l-obbligu li jinstemgħu l-partijiet qabel ma jitqajjem ex officio motiv japplika biss fir-rigward ta’ motivi li jwasslu għall-inammissibbiltà tar-rikors jew għal sitwazzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni. Barra minn hekk, huma josservaw li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-intenzjoni li tqajjem ex officio motiv ta’ ordni pubblika, hija ma tiftaħx neċessarjament il-proċedura orali mill-ġdid.

47

Huma jsostnu li, kif irrikonoxxut mill-Kummissjoni, il-KEDB ma tapplikax għall-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku u li, minkejja li l-prinċipju ta’ kontradittorju jikkostitwixxi dritt fundamentali, l-applikazzjoni tiegħu għandha tiġi adattata skont il-kwalità tal-persuni u l-fatti konkreti tal-kawża.

48

F’dan il-każ, skont l-appellati, il-prinċipju ta’ kontradittorju kien ġie osservat peress li s-sentenza appellata ma kinitx ibbażat fuq dokumenti jew fatti li l-Kummissjoni injorat. Barra minn hekk, il-motiv imqajjem ex officio ma kienx relatat mal-mertu tal-kawża, iżda kien jirrigwarda l-ksur ta’ forma sostanzjali.

49

Barra minn hekk, l-interessi tal-Komunità Ewropea ma kinux ġew affettwati, minħabba l-fatt li d-drittjiet tagħha ma kinux ġew miksura peress li, minn naħa, l-Kummissjoni ma kinitx ġiet iddikjarat ċivilment jew kriminalment responsabbli u lanqas ma ġiet imposta sanzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ftuħ mill-ġdid tad-dibattiti ma setgħux jippermettu lill-Kummissjoni biex tippreżenta argument li setgħu jwasslu lill-Qorti Ġenerali li ma tqajjimx ex officio l-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li tali motiv ma setax jiġi rrimedjat a posteriori.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Il-prinċipju ta’ kontradittorju jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża. Huwa japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja li taffettwa b’mod sensibbli l-interessi ta’ persuni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61).

51

Il-qrati Komunitarji għandhom jiżguraw li jiġi osservat quddiemhom u li josservaw huma stess il-prinċipju ta’ kontradittorju.

52

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-prinċipju ta’ kontradittorju jinvolvi, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet f’kawża li jaraw il-provi u l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-qorti u li jiddiskutuwhom (sentenza tal-14 ta’ Frar 2008, Varec, C-450/06, Ġabra p. I-581, punt 47), u min-naħa l-oħra, li huwa ksur ta’ prinċipju bażiku ta’ dritt li deċiżjoni ġudizzjarja tiġi bbażata fuq fatti u dokumenti li l-partijiet stess, jew xi waħda minnhom, ma setgħux jieħdu inkunsiderazzjoni u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra p. 101, 156; tal-10 ta’ Jannar 2002, Plant et vs Il-Kummissjoni u South Wales Small Mines, C-480/99 P, Ġabra p. I-265, punt 24, kif ukoll tat-2 ta’ Ottubru 2003, Corus UK vs Il-Kummissjoni C-199/99 P, Ġabra p. I-11177, punt 19).

53

Il-prinċipju ta’ kontradittorju għandu jibbenefika lil kull parti fil-kawża li għandha quddiemha l-qorti Komunitarja, irrispettivament mill-kwalità ġuridika tagħha. Konsegwentement, anki l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jużawh meta huma jifformaw parti minn tali kawża.

54

Il-qorti stess għandha tosserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, b’mod partikolari meta hija tiddeċiedi kawża abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio (ara, b’analoġija, fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi Skondrianos vs Il-Greċja tat-18 ta’ Diċembru 2003, § 29 u 30; Clinique des Acacias et vs Franza tat-13 ta’ Ottubru 2005, § 38, kif ukoll Prikyan u Angelova vs Il-Bulgaria tas-16 ta’ Frar 2006, § 42).

55

Kif l-Avukat Ġenerali sostna essenzjalment fil-punti 93 sa 107 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ kontradittorju, bħala regola ġenerali, ma jikkonferixxix biss lil kull parti f’kawża d-dritt li ssir taf bil-provi u bl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-qorti mill-avversarju tagħha, u li tiddiskutihom, u ma jipprekludix biss lill-qorti Komunitarja milli tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq fatti u dokumenti li l-partijiet, jew xi waħda minnhom, ma setgħux isiru jafu bihom u li, għaldaqstant, qatt ma setgħu jadottaw pożizzjoni dwarhom. Huwa jimplika wkoll, bħala regola ġenerali, id-dritt tal-partijiet li jsiru jafu bil-motivi ta’ liġi mqajma ex officio mill-qorti, li fuqhom din il-qorti jkollha l-intenzjoni li tibbaża d-deċiżjoni tagħha, u li jiddiskutuhom.

56

Fil-fatt, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti relatati mad-dritt għal smigħ xieraq, il-partijiet għandu jkollhom għarfien u għandhom ikunu jistgħu jiddiskutu kontradittorjament kemm il-punti ta’ fatt kif ukoll il-punti ta’ liġi li jkunu deċiżivi għall-eżitu tal-proċeduri.

57

Konsegwentement, minbarra fil-każijiet partikolari bħal, b’mod partikolari, dawk stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura tal-qrati Komunitarji, il-qorti Komunitarja ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq motiv ta’ liġi mqajjem ex officio, anki ta’ ordni pubbliku, u bħal f’dan il-każ, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma qabel tistieden lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjoni fuq l-imsemmi motiv.

58

Barra minn hekk, fil-kuntest, analogu, tal-Artikolu 6 tal-KEDB, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa speċifikament fid-dawl ta’ dan l-artikolu u tal-għan stess tad-dritt ta’ kull persuna interessata għal proċedura kontradittorja u għal smigħ xieraq fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna li tiftaħ il-proċedura orali mill-ġdid, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet (ara d-digriet tal-4 ta’ Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punti 8, 9 u 18, kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Post, C-270/97 u C-271/97, Ġabra p. I-929, punt 30).

59

Is-setgħa diskrezzjonali li għandha f’dan ir-rigward il-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju.

60

F’dan il-każ, mill-proċess u mis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti Ġenerali annullat, permezz tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ motiv imqajjem ex officio bbażat fuq ksur tal-Artikolu 253 KE mingħajr ma qabel stiednet lill-partijiet, matul il-proċedura bil-miktub jew il-proċedura orali, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-imsemmi motiv. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju.

61

Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellati, in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju ġarrab ħsara lill-interessi tal-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 114 sa 118 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, infatti, nuqqas ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi difett li, bħala regola ġenerali, ma jistax jiġi rrimedjat, il-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas issir madankollu minn evalwazzjoni li għandha, skont il-ġurisprudenza stabbilita, tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ elementi, kif ukoll fakkret barra minn hekk il-Qorti Ġenerali fil-punti 48 sa 49 tas-sentenza appellata. Tali evalwazzjoni tista’ tiġi suġġetta għal diskussjoni, b’mod partikolari meta ma tkunx tirrigwarda n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni, iżda meta tkun tirrigwarda l-motivazzjoni ta’ punt speċifiku ta’ fatt jew ta’ liġi. F’din il-kawża, b’mod partikolari, il-Kummissjoni setgħet, li kieku kienet f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, issostni l-istess argumenti bħal dawk magħmula fil-kuntest tar-raba’ u l-ħames aggravji ta’ dan l-appell, imsemmija fil-punti 64 sa 67 ta’ din is-sentenza.

62

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jintlaqa’ t-tieni aggravju ppreżentat mill-Kummissjoni

63

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq f’dan il-każ, għall-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li teżamina wkoll, flimkien, ir-raba’ u l-ħames aggravji tal-appell li bihom il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 253 KE sa fejn hija qieset li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meħtieġ minn dan l-artikolu li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

Fuq ir-raba’ u l-ħames aggravji tal-appell, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 253 KE

L-argumenti tal-partijiet

64

Permezz tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE, flimkien mal-Artikolu 87(1) KE kif ukoll l-Artikolu 88(1) KE u mar-regoli dwar l-iżvolġiment tal-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

65

Insostenn ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata turi li l-eżenzjonijiet ikkontestati kienu dejjem jikkostitwixxu għajnuna sa minn meta kienu ġew implementati, peress li l-imsemmija deċiżjoni tipprovdi adegwament u skont ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza li l-imsemmija eżenzjonijiet kienu ta’ natura li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx neċessarju, fl-opinjoni tagħha, li tespjega f’iktar dettall ir-raġunijiet għaliex l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 ma kienx applikabbli. Barra minn hekk, fl-ipoteżi li l-eżenzjonijiet ikkontestati ma jikkostitwixxux għajnuna meta jiġu implementati, minn dan jirriżulta li jibqgħu jitqiesu li ma mhumiex għajnuna, kif sostnew żbaljament ċerti rikorrenti fil-ewwel istanza, u mhux li huma jikkostitwixxu għajnuna eżistenti kif ikkunsidrat il-Qorti Ġenerali.

66

Fil-kuntest tal-ħames aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali reġgħet kisret l-Artikolu 253 KE, flimkien mal-Artikoli 87(1)(KE), 88(1) KE u 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 kif ukoll l-obbligu li tagħti motivazzjoni għas-sentenzi tagħha.

67

Insostenn ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ċirkustanzi speċifiċi, kollha marbuta mal-aġir tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, kienu jeżiġu li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi motivazzjoni speċifika rigward l-applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, filwaqt li l-kunċett ta’ għajnuna eżistenti jew ġdida mogħtija mill-Istat għandu natura oġġettiva u ma jiddependix mill-aġir jew mid-dikjarazzjonijiet tal-Istituzzjonijiet, a fortiori meta dawn id-dikjarazzjonijiet ma jkunux marbuta mal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna. Barra minn hekk, tali evalwazzjoni tmur kontra dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479).

68

B’risposta għar-raba’ aggravju, l-appellati jikkunsidraw li r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 ma jistgħux jiġu dedotti b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li, għaldaqstant, ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni ċara u inekwivoka. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kienet ikkritikat lill-Kummissjoni li ma esponietx il-motivi għaliex hija kienet tikkunsidra li l-eżenzjonijiet ikkontestati joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni filwaqt li preċedentement hija kienet dehret li għamlet evalwazzjoni kuntrarja. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kellha tindika r-raġunijiet li juru li hija kienet għamlet analiżi li tiġġustifika l-konklużjoni tagħha. Permezz ta’ dan l-aggravju, fil-fatt il-Kummissjoni pprovat ittaffi n-nuqqas ta’ motivazzjoni li kienet tivvizzja d-deċiżjoni kkontestata u tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja deċiżjoni fuq kwistjonijiet sostantivi li ma mhumiex marbuta dan in-nuqqas.

69

B’risposta għall-ħames aggravju, l-appellati jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma qegħditx fid-dubju n-natura oġġettiva tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, imma kkunsidrat biss li, fid-dawl tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u tal-aspettattivi leġittimi li huma ħolqu fir-rigward tal-legalità tal-eżenzjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni kellha tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li oġġettivament wasslu biex l-applikazzjoni tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 tiġi eskluża. Peress li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tifforma parti mill-kontenut tagħha stess, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni ma jistgħux ipattu għan-nuqqas ta’ motivazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Skont l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, għajnuna hija kkunsidrata għajnuna eżistenti jekk, meta daħlet fis-seħħ, ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna, iżda sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Membru.

71

Il-kunċett ta’ evoluzzjoni tas-suq komuni jista’ jinftiehem bħala bdil tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku fis-settur ikkonċernat mill-miżura inkwistjoni, u ma jinkludix, pereżempju, l-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tibdel l-evalwazzjoni tagħha biss abbażi ta’ applikazzjoni iktar stretta tar-regoli tat-Trattat fil-qasam ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat (ara s-sentenza Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 71).

72

B’mod iktar ġenerali, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, eżistenti jew ġdida, jikkorrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva. Kif sostniet il-Kummissjoni, dan il-kunċett ma jistax jiddependi fuq l-aġir jew id-dikjarazzjonijiet tal-istituzzjonijiet.

73

Għal din ir-raġuni l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att Komunitarju stabbilit fl-Artikolu 253 KE għandu jkun adatt għan-natura ta’ dan l-att, iddeċidiet, fil-punt 137 tas-sentenza Belgique u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li ma hemmx lok li l-Kummissjoni tkun obbligata tindika r-raġunijiet li għalihom hija kienet għamlet, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, evalwazzjoni differenti tas-sistema inkwistjoni fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha.

74

Dan japplika a fortiori meta l-evalwazzjoni eventwalment differenti mwettqa preċedentement mill-Kummissjoni fuq il-miżura nazzjonali inkwistjoni kienet ġiet magħmula, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ proċedura oħra minn dik tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat.

75

Konsegwentement, il-fatti mqajma fil-56 sas-62 punt tas-sentenza appellata, li huma relatati prinċipalment mal-fatt, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet qieset, fil-mument tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet tal-eżenzjonijiet ikkontestati, li dawn ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma jostakolawx l-amministrazzjoni tajba tas-suq komuni, u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija deċiżjonijiet setgħu jagħtu l-impressjoni li l-istess eżenzjonijiet ma setgħux jiġi kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, ma kinux ta’ natura li jobbligaw, bħala regola ġenerali, lill-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjoni kkontestata rigward l-nuqqas ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

76

Għaldaqstant huwa minħabba dawn ir-raġunijiet żbaljati ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata billi qieset li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kellha f’dan il-każ teżamina l-kwistjoni tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni u li timmotiva b’mod speċifiku l-imsemmija deċiżjoni fuq dan il-punt u li, billi naqset milli tagħmel dan, hija kisret l-Artikolu 253 KE.

77

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’din il-kawża, fil-punti 58 sa 64 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tat ir-raġunijiet għaliex hija tqis li l-eżenzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 87(1)(KE), billi kkonstatat li huma jagħtu vantaġġ lil ċerti impriżi, li dan il-vantaġġ jingħata permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li huma jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li huma ta’ natura tali li joħolqu distorsjoni jew theddida li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

79

B’mod partikolari, fil-punt 60 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-eżenzjonijiet ikkontestati jnaqqsu l-ispiża tal-materja prima u jagħtu għaldaqstant vantaġġ lill-benefiċjarji tagħhom, li tinsab f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi oħrajn li jużaw żjut minerali f’setturi jew reġjuni oħrajn. Fil-punti 61 u 62 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, hija indikat, minn naħa, li l-osservazzjoni tal-benefiċjarji u tar-Repubblika Franċiża jikkonfermaw li t-tnaqqis tad-dazji mis-sisa għandhom l-għan espliċitu li jsaħħu il-kompettività tal-imsemmija benefiċjarji fil-konfront tal-kompetituri tagħhom billi jnaqqsulhom l-ispejjeż u, min-naħa l-oħra, li l-allumina, prodotta wkoll fil-Greċja, fi Spanja, fil-Ġermanja u fl-Ungerija, hija s-suġġett ta’ kummerċ bejn Stati Membri, b’tali mod li jista’ jiġi preżunt li l-eżenzjonijiet ikkontestati jaffettwaw il-kummerċ intraKomunitarju u joħolqu distorsjoni jew theddid li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

80

Fil-punti 65 sa 70 punt tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kompliet tagħti r-raġunijiet għaliex hija tqis li l-eżenzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti fir-rigward tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999. Għaldaqstant hija sostniet li l-imsemmija eżenzjonijiet ma kinux jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat fit-tliet Stati Membri kkonċernati, li huma qatt ma kienu ġew analizzati u lanqas awtorizzati abbażi tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, li huma qatt ma ġew innotifikati u, fl-aħħar nett, li l-Artikolu 1(b)(v) tal-imsemmi regolament ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

81

Għalkemm il-Kummissjoni ma żviluppatx dan l-aħħar punt fid-deċiżjoni kkontestata, madankollu minn dawn il-motivi kollha jirriżulta li hija qieset li l-eżenzjonijiet ikkontestati ma kinux saru għajnuna mill-Istat minħabba evoluzzjoni tas-suq komuni, iżda li huma kienu għajnuna mill-Istat sa mill-bidu, b’tali mod li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 ma kienx intenzjonat li japplika għal din il-każ.

82

Barra minn hekk, huwa paċifiku li r-rikorrenti fl-ewwel istanza ma kinux ippreżentaw osservazzjonijiet li jirreferu għal evoluzzjoni tas-suq komuni sa mill-introduzzjoni tal-eżenzjonijiet ikkontestati li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tagħti r-raġunijiet għaliex hija kienet tqis li l-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999 ma kienx applikabbli għal dan il-każ.

83

Barra minn hekk, mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll b’mod ċar li, għalkemm il-Kummissjoni kienet qieset, fil-mument tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tal-eżenzjonijiet ikkontestati, li dawn ma kinux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u ma kinux jostakolaw l-amministrazzjoni tajba tas-suq intern, madankollu l-imsemmija eżenzjonijiet qatt ma kienu ġew analizzati u lanqas awtorizzati fid-dawl tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, l-applikazzjoni tagħhom waslet lill-Kummissjoni għal konklużjoni kuntrarja. F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-fatt li l-imsemmija deċiżjonijiet kienu ġew adottati fuq proposta tal-Kummissjoni u li ma jsemmu possibbiltà ta’ kontradizzjoni ma’ dawn ir-regoli jagħti lok fid-deċiżjoni kkontestata, fil-punti 95 sa 100 tal-motivi tagħha, għal motivazzjoni speċifika li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonkludiet li l-irkupru tal-għajnuna li tirriżulta mill-eżenzjonijiet mogħtija sat-2 ta’ Frar 2002, mingħand il-benefiċjarji tagħha, imur kontra l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali.

84

Għaldaqstant, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura u tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, tar-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat kif ukoll tal-interess li d-destinatarji u l-persuni direttament u individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni jista’ jkollha sabiex jirċievi spjegazzjonijiet, jidher li l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkar fil-punt 77 ta’ din is-sentenza u ma għandhiex neċessarjament tinkludi spjegazzjonijiet speċifiċi, kif ukoll issostni l-Kummissjoni, dwar l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

85

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa meħtieġ minnha mill-Artikolu 253 KE, rigward l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999.

86

Konsegwentement, għandhom jiġi milqugħa wkoll ir-raba’ u l-ħames aggravji tal-appell.

87

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi kollha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati argumenti u motivi tal-partijiet oħrajn, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata peress li din annullat id-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li, fiha, il-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, rigward l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, u sa fejn din ikkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk inkorsi mir-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-69/06 R.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġenerali

88

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar, fil-każ tal-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuqha.

89

Peress li f’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidiet fuq l-ebda motiv ippreżentat mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawżi magħquda jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

90

Peress li l-kawżi ġew irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta’ Diċembru 2004, L-Irlanda et vs Il-Kummissjoni (T-50/06, T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06), hija annullata sa fejn din:

annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/323/KE, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq żjut minerali użati bħala karburant għall-produzzjoni tal-allumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardinja, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja għar-raġuni li, fiha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni, rigward l-inapplikabbiltà f’dan il-każ tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE], u

ikkundannat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż tagħha u dawk inkorsi mir-rikorrenti, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawża T-69/06 R.

 

2)

Fil-Kawżi magħquda T-56/06, T-60/06, T-62/06 u T-69/06 huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: il-Franċiż, l-Ingliż u t-Taljan.