SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

Werrej

 

I — Il-kuntest ġuridiku

 

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

 

IV — It-talbiet tal-partijiet

 

V — L-aggravji

 

VI — Fuq l-appell

 

A — Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkonstatat li kien hemm “ommissjoni” tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l-formulazzjoni tal-imsemmija oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ewwel tliet partijiet tal-aggravju, ibbażati fuq ksur tar-res judicata tas-sentenza Schneider I, fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u fuq żnaturament tal-provi

 

i) Fuq l-eżistenza ta’ referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001

 

ii) Fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura li jostakolaw il-formulazzjoni tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001

 

b) Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

B — Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li hemm, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ewwel parti tal-aggravju, ibbażata fuq żball fil-kwalifika legali tal-fatti

 

b) Fuq it-tieni parti tal-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

C — Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod żbaljat li teżisti rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab minn Schneider minħabba t-tnaqqis mogħti fil-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq l-ammissibbiltà

 

b) Fuq il-mertu

 

VII — Fuq il-konsegwenzi tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata

 

A — Fuq id-dannu kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minn Schneider sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni

 

B — Fuq id-dannu korrispondenti għat-tnaqqis fil-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider

 

VIII — Fuq l-ispejjeż

“Appell — Konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Regolament (KEE) Nru 4064/89 — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni — Annullament — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-illegalità kkonstatata — Kundizzjonijiet”

Fil-Kawża C-440/07 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Petite, F. Arbault, T. Christoforou, R. Lyal u C.-F. Durand, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Schneider Electric SA, stabbilita f’Rueil-Maison (Franza), irrappreżentata minn M. Pittie u A. Winckler, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

Ir-Repubblika Franċiża,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Frar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-351/03, Ġabra p. II-2237, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti:

ikkundannat lill-Komunità Ewropea tħallas, minn naħa, l-ispejjeż li sostniet Schneider Electric SA (iktar ’il quddiem “Schneider”) sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01, Ġabra p. II-4071, u T-77/02, Ġabra p. II-4201, iktar ’il quddiem, rispettivament, is-“sentenza Schneider I” u s-“sentenza Schneider II”), u, min-naħa l-oħra, żewġ terzi tad-dannu mġarrab minn Schneider minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand SA (iktar ’il quddiem “Legrand”) li Schneider kellha tagħti lill-akkwirent bħala korrispettiv għall-posponiment tat-terminu għat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand sal-10 ta’ Diċembru 2002;

ċaħdet il-kumplament tar-rikors;

stiednet lill-partijiet jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur, l-istima tal-ammont għal dak li jirrigwarda l-ewwel kap tad-dannu, stabbilita bi ftehim komuni, jew fin-nuqqas ta’ tali ftehim, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu;

ordnat perizja sabiex issir stima tat-tieni kap tad-dannu;

iddeċidiet li l-kumpens dovut lir-rikorrenti mill-10 ta’ Diċembru 2002, id-data meta mmaterjalizza d-dannu marbut mat-twettiq effettiv tat-trasferiment ta’ Legrand, kellu jiġi evalwat mill-ġdid għall-finijiet tal-interessi sad-data tal-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu, u miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji minn din id-data sakemm isir il-ħlas kollu;

irriżervat l-ispejjeż.

I — Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 31, rettifika ĠU 1990, L 257, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1310/97, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 164 L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni koperta minn dan ir-regolament hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

3

Skont l-Artikolu 4(1) tal-istess regolament, tali konċentrazzjoni għandha tkun innotifikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn ġimgħa wara l-konklużjoni tal-ftehim, jew wara l-avviż ta’ offerta pubblika, jew l-akkwist ta’ interess ta’ kontroll.

4

Skont l-Artikoli 6 u 8 tal-istess regolament:

il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifika malli tirċeviha;

jekk tikkonstata li l-konċentrazzjoni notifikata taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-regolament u ma toħloqx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fil-konfront tagħha u għandha tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni;

jekk tikkonstata, mill-banda l-oħra, li din il-konċentrazzjon taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-regolament u toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija għandha tiddeċiedi li tibda l-proċedura ta’ eżami approfondit;

meta tikkonstata, jekk ikun il-każ wara li jsiru bidliet mill-impriżi kkonċernati, li l-konċentrazzjoni ma tkunx għadha toħloq tali dubji serji, hija tista’ tiddeċiedi li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni;

meta tikkonstata li l-konċentrazzjoni mhijiex kompatibbli mas-suq komuni, hija għandha toħroġ deċiżjoni li tiddikjara din l-inkompatibbiltà;

f’dan il-każ, u jekk il-konċentrazzjoni tkun diġà ġiet implementata, il-Kummissjoni tista’ tordna, fid-deċiżjoni stess li tiddikjara l-konċentrazzjoni inkompatibbli jew f’deċiżjoni separata, li l-impriżi jew l-assi miġjuba flimkien jiġu separati jew li jintemm il-kontroll konġunt jew kull azzjoni oħra li tista’ tkun xierqa sabiex jerġa’ jkun hemm kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva.

5

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament jistabbilixxi li konċentrazzjoni m’għandhiex tieħu effett la qabel ma tkun innotifikata u lanqas qabel ma tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

6

Madankollu, din id-dispożizzjoni, skont l-Artikolu 7(3), m’għandhiex tfixkel l-implementazzjoni ta’ offerta pubblika ta’ xiri jew ta’ skambju li tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, sakemm l-akkwirent ma jeżerċitax id-drittijiet tal-vot li jmorru mal-ishma inkwistjoni jew sakemm dan jagħmlu biss sabiex jippreżerva l-valur sħiħ tal-investimenti tiegħu u fuq il-bażi ta’ deroga mogħtija mill-Kummissjoni.

7

Skont l-Artikolu 10(l), meta konċentrazzjoni tkun innotifikata, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni kompatibbli jew li tibda l-proċedura ta’ eżami approfondit għandha tittieħed f’terminu ta’ mhux iktar minn xahar li jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara dak li fih tkun waslet in-notifika jew, jekk l-informazzjoni mogħtija man-notifika ma tkunx kompleta, fil-jum ta’ wara dak li fih tkun waslet l-informazzjoni kollha.

8

L-Artikolu 10(2) u (3) jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami approfondit, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni f’terminu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur mid-data li fiha tkun inbdiet il-proċedura.

9

Skont l-Artikolu 10(5), meta l-Qorti Komunitarja tagħti sentenza li tħassar deċiżjoni, jew xi parti minnha, meħuda mill-Kummissjoni skont ir-Regolament, it-termini stabbiliti f’dan ir-regolament għandhom jerġgħu jibdew mid-data tas-sentenza.

10

Skont l-Artikolu 10(6), konċentrazzjoni notifikata hija kkunsidrata li hija kompatibbli mas-suq komuni meta l-Kummissjoni ma tieħux deċiżjoni li tibda proċedura ta’ eżami approfondit fit-terminu massimu ta’ xahar li jibda jiddekorri fil-jum ta’ wara dak li fih tkun waslet in-notifika jew l-informazzjoni kollha jew, fil-każ li tkun inbdiet proċedura ta’ eżami approfondit, ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbilità tal-konċentrazzjoni fl-erba’ xhur wara l-bidu tal-proċedura.

11

L-Artikolu 18(1) tar-Regolament jipprevedi li, qabel ma tieħu, b’mod partikolari, deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi kkonċernati l-opportunità li, f’kull stadju tal-proċedura sal-konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv previst fl-Artikolu 19, jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontra tagħhom.

12

L-Artikolu 18(3) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi kkonċernati setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u li d-drittijiet tad-difiża tagħhom għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċeduri.

II — Il-fatti li wasslu għall-kawża

13

Fis-16 ta’ Frar 2001, Schneider u Legrand, kumpanniji parent Franċiżi ta’ żewġ gruppi attivi fil-produzzjoni u l-bejgħ, l-ewwel waħda, ta’ prodotti u ta’ sistemi fl-oqsma tad-distribuzzjoni elettrika, tal-kontroll industrijali u tal-awtomazzjoni, it-tieni, ta’ apparat tal-elettriku ta’ installazzjonijiet ta’ tensjoni baxxa, innotifikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament, pjan għall-akkwist tal-kontroll minn Schneider tal-impriża Legrand kollha permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju.

14

Minħabba d-dubji serji li din il-konċentrazzjoni kienet qed tqajjem fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ eżami approfondit.

15

Fit-3 ta’ Awwissu 2001, hija bagħtet lil Schneider dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fejn ġie indikat li din il-konċentrazzjoni kienet se toħloq jew issaħħaħ pożizzjoni dominanti f’ċertu numru ta’ swieq settorjali nazzjonali.

16

Fis-6 ta’ Awwissu 2001, il-Commission des opérations de bourse (Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet marbuta mal-Borża) tat l-opinjoni ta’ riżultat definittiv tal-offerta pubblika ta’ skambju ta’ Schneider. Permezz ta’ din il-konċentrazzjoni, Schneider ġabret 98.7% tal-ishma ta’ Legrand.

17

Fir-risposta tagħhom tas-16 ta’ Awwissu 2001 għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-partijiet għall-konċentrazzjoni kkontestaw id-definizzjoni tas-swieq mogħtija mill-Kummissjoni kif ukoll l-analiżi tagħha tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq dawn is-swieq.

18

Fid-29 ta’ Awissu 2001, inżammet laqgħa bejn il-partijiet fil-konċentrazzjoni u d-dipartimenti tal-Kummissjoni li kienet intiża sabiex jiġu ddefiniti bidliet eventwali fil-konċentrazzjoni li setgħu jsolvu l-problemi ta’ kompetizzjoni mqajma mill-Kummissjoni.

19

Schneider ipproponiet diversi drabi miżuri korrettivi lill-Kummissjoni.

20

Fi tmiem il-proċedura ta’ eżami approfondit, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-konċentrazzjoni kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Skontha, din il-konċentrazzjoni, minn naħa, kienet se toħloq pożizzjoni dominanti li kien ikollha l-effett li tostakola b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fid-diversi swieq settorjali nazzjonali, jiġifieri dawk tad-Danimarka, tal-Greċja, ta’ Spanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Portugall u tar-Renju Unit, u, min-naħa l-oħra, kienet ser issaħħaħ din il-pożizzjoni dominati f’diversi swieq settorjali Franċiżi.

21

B’hekk, fl-10 ta’ Ottubru 2001, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/275/KE, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni (ĠU 2004, L 101, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni negattiva”), li fiha hija kkunsidrat li l-miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu li tinstab soluzzjoni għall-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati.

22

Fl-24 ta’ Ottubru 2001, hija nnotifikat lil Schneider it-tieni dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-finijiet tas-separazzjoni bejn Schneider u Legrand.

23

Fit-13 ta’ Diċembru 2001, Schneider ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors għall-annullament tad-deċiżjoni negattiva (Kawża T-310/01) u, permezz ta’ att separat, talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq dan ir-rikors permezz tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

24

Fit-23 ta’ Jannar 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet din l-aħħar talba.

25

Fit-30 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/276/KE, li ordnat separazzjoni ta’ impriżi skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 (ĠU 2004, L 101, p. 134, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ separazzjoni”).

26

Din id-deċiżjoni ordnat lil Schneider tissepara minn Legrand f’terminu ta’ disa’ xhur, li kien jiskadi fil-5 ta’ Novembru 2002.

27

Permezz ta’ atti ppreżentati fit-18 ta’ Marzu 2002, Schneider ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T-77/02), talba sabiex tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors permezz tal-proċedura mħaffa, kif ukoll talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni (Kawża T-77/02 R).

28

It-talba għall-proċedura mħaffa ntlaqgħat fil-Kawża T-77/02 permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fil-25 ta’ Marzu 2002.

29

Wara s-seduta fil-proċedura għal miżuri provviżorji tat-23 ta’ April 2002 fil-Kawża T-77/02 R, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Mejju 2002, ipprorogat sal-5 ta’ Frar 2003 t-terminu mogħti lil Schneider sabiex tissepara minn Legrand, bla ħsara għat-twettiq tal-istadji tal-proċess ta’ separazzjoni matul it-terminu pprorogat b’dan il-mod.

30

Fit-3 ta’ Mejju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tilqa’ t-talba ta’ Schneider sabiex id-deċiżjoni fil-Kawża T-310/01 tingħata permezz tal-proċedura mħaffa, wara li ħadet inkunsiderazzjoni l-konferma minn Schneider taż-żamma tal-verżjoni mqassra tar-rikors tagħha, trażmessa fit-12 ta’ April 2002.

31

Fid-dawl tal-proroga tat-terminu ta’ separazzjoni mogħti mill-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-8 ta’ Mejju 2002, Schneider irrevokat it-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni fil-Kawża T-77/02 R.

32

Schneider ippreparat it-trasferiment ta’ Legrand li kellu jseħħ fl-eventwalità li ż-żewġ rikorsi għal annullament tagħha jiġu miċħuda. Għal dan il-għan hija kkonkludiet, fis-26 ta’ Lulju 2002, kuntratt ta’ trasferiment mal-konsorzju Wendel-KKR (iktar ’il quddiem “Wendel-KKR”). Dan il-kuntratt ta’ trasferiment kellu jiġi eżegwit sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2002. Fil-każ li d-deċiżjoni negattiva tiġi annullata, ġie miftiehem li l-kuntratt seta’ jkun xolt minn Schneider sal-5 ta’ Diċembru 2002, bi ħlas ta’ kumpens għax-xoljiment ta’ EUR 180 miljun.

33

Fit-22 ta’ Ottubru 2002, permezz tas-sentenza Schneider I, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni negattiva minħabba żbalji ta’ analiżi u ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza, kif ukoll minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża li jivvizzja l-analiżi tal-impatt tal-konċentrazzjoni fuq is-swieq settorjali Franċiżi u tal-miżuri korrettivi proposti minn Schneider.

34

Fir-rigward tas-swieq settorjali nazzjonali barra minn Franza, hija kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kienet stmat b’mod eżaġerat is-saħħa ekonomika tal-entità l-ġdida li rriżultat mill-konċentrazzjoni u, f’ċerti swieq, stmat b’mod żgħir wisq is-setgħa ekonomika ta’ żewġ kompetituri importanti tal-imsemmija entità, u għalhekk stmat b’mod eżaġerat, reċiprokament, is-saħħa tagħha.

35

Fir-rigward tas-swieq settorjali Franċiżi affettwati mill-konċentrazzjoni notifikata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar motiv imressaq minn Schneider li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura ta’ eżami approfondit.

36

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li mill-qari tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 ma kienx jirriżulta li din kienet ittrattat b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti r-rinfurzar tal-pożizzjoni ta’ Schneider fir-rigward tad-distributuri Franċiżi ta’ materjal tal-elettriku ta’ tensjoni baxxa, li ma kinitx tirriżulta biss mit-total tal-bejgħ ta’ Legrand fis-swieq tal-komponenti ta’ panel boards tal-elettriku, iżda wkoll mill-pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fis-segmenti ta’ tagħmir tal-elettriku ultra terminali.

37

Hija rrilevat, barra minn hekk, li l-konklużjoni ġenerali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet telenka d-diversi swieq settorjali nazzjonali affettwati mill-konċentrazzjoni mingħajr ma kienet turi li l-pożizzjoni ta’ waħda miż-żewġ impriżi f’suq speċifiku ta’ prodotti kienet tappoġġa l-pożizzjoni tal-impriża l-oħra f’suq settorjali ieħor.

38

Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ppermettietx lil Schneider tevalwa l-portata kollha tal-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fis-suq Franċiż tal-materjal tal-elettriku ta’ tensjoni baxxa fuq il-livell tad-distribuzzjoni.

39

Hija kkunsidrat li Schneider ġiet għalhekk imċaħħda, minn naħa, mill-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv, fil-mertu, l-argument tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, mill-opportunità li tippreżenta b’mod utli u fi żmien opportun proposti għal miżuri korrettivi adegwati.

40

Permezz tas-sentenza Schneider II, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni ta’ separazzjoni minħabba li kienet tammonta għal miżura ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni negattiva annullata.

41

Il-Kummissjoni ma appellatx mis-sentenzi Schneider I u Schneider II, li b’hekk saru res judicata.

42

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider li l-konċentrazzjoni setgħet tippreġudika l-kompetizzjoni fis-swieq settorjali Franċiżi minħabba sovrapożizzjoni kunsiderevoli ta’ partijiet mis-suq ta’ Schneider u mis-suq ta’ Legrand, l-għajbien tar-rivalità tradizzjonali bejniethom, l-importanza tat-trade marks miżmuma mill-entità Schneider-Legrand, il-poter tagħhom fuq il-grossisti u n-nuqqas ta’ kapaċità ta’ kull kompetitur li jeżerċita l-pressjoni kompetittiva li kienet eżerċitata minn Legrand qabel it-twettiq tal-konċentrazzjoni.

43

Skont il-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni jkollha r-riżultat, fuq kull wieħed mis-swieq affettwati li fuqhom waħda jew l-oħra mill-partijiet kienet f’pożizzjoni dominanti qabel il-konċentrazzjoni, li telimina kompetitur immedjat, li kien l-uniku kompetitur f’pożizzjoni li jeżerċità pressjoni kompetittiva fuq l-impriża dominanti, u dan permezz tal-appoġġ minn pożizzjonijiet b’saħħithom ħafna tal-istess grupp f’segmenti oħra tal-istess settur.

44

Fl-14 ta’ Novembru 2002, Schneider ipproponiet lill-Kummissjoni miżuri korrettivi li kienu intiżi li jeliminaw is-sovrapożizzjoni ta’ ċerti attivitajiet bejn Schneider u Legrand fis-swieq settorjali Franċiżi affettwati.

45

Fil-15 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (C 279, p. 22) opinjoni dwar it-tkomplija tal-kontroll tal-konċentrazzjoni, fejn ippreċiżat li, skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament, it-termini għall-eżami kienu ser jiġu applikati mit-23 ta’ Ottubru 2002, l-għada tal-għoti tas-sentenza Schneider I, u stiednet lil terzi sabiex jikkomunikawlha l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom.

46

Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Novembru 2002, Schneider informat lill-Kummissjoni li l-argumenti żviluppati fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Novembru 2002 kienu għadhom, fin-nuqqas ta’ eżami suq b’suq tal-effetti tal-konċentrazzjoni, ta’ natura u ta’ portata mhux preċiża u ma kinux jagħtu prova tal-eżistenza ta’ effett antikompetittiv fuq is-swieq affettwati u li l-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Kummissjoni kienu kontradetti mir-realtà.

47

Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Novembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider li l-miżuri korrettivi li hija kienet suċċessivament ippreżentat ma kinux suffiċjenti sabiex jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha għall-kompetizzjoni li kienu jirriżultaw mill-konċentrazzjoni minħabba d-dubji persistenti fuq il-vijabbiltà u l-awtonomija tal-attivitajiet ittrasferiti u tal-inkapaċità tal-miżuri proposti li joħolqu kontrobilanċ għas-saħħa tal-entità Schneider-Legrand.

48

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Diċembru 2002, Schneider wieġbet li, f’dan l-istat avvanzat ħafna tal-proċedura, ma kienx għadu realistiku, minħabba l-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li jinżammu iktar diskussjonijiet u li, sabiex ittemm inċertezza li kienet damet iktar minn sena, hija kienet iddeċidiet li tbiegħ Legrand lil Wendel-KKR.

49

Permezz ta’ faks mibgħuta lill-Kummissjoni fit-3 ta’ Diċembru 2002, Schneider ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha. Hija ppreċiżat li, skont id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ trasferiment tas-26 ta’ Lulju 2002, il-bejgħ ta’ Legrand lil Wendel-KKR ma kien għadu jimplika ebda inizjattiva min-naħa tagħha u kellu jsir fl-10 ta’ Diċembru 2002.

50

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ eżami approfondit minħabba li l-miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux jippermettu, fl-istadju tal-investigazzjoni, li jiġu eliminati d-dubji serji li kien għad hemm dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni fid-dawl tal-effetti tagħha fuq is-swieq settorjali Franċiżi identifikati fid-deċiżjoni negattiva.

51

Fil-11 ta’ Diċembru 2002, Schneider ikkonfermat lill-Kummissjoni li t-trasferiment lil Wendel-KKR tas-sehem tagħha f’Legrand kien twettaq fl-10 ta’ Diċembru 2002.

52

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2002, il-Kummissjoni informat lil Schneider bl-għeluq, minħabba nuqqas ta’ suġġett, tal-proċedura ta’ eżami.

53

Fl-10 ta’ Frar 2003, Schneider ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami approfondit tal-4 ta’ Diċembru 2002 u tad-deċiżjoni tal-għeluq tat-13 ta’ Diċembru 2002 (Kawża T-48/03).

54

Permezz ta’ digrieti tad-29 ta’ Ottubru 2004, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/01 DEP u T-77/02 DEP), il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbiliet l-ammont tal-ispejjeż li Schneider setgħet tiġbor lura mingħand il-Kummissjoni bħala EUR 419595.32 fil-Kawża T-310/01, u bħala EUR 426275.06 fil-Kawżi T-77/02 u T-77/02 R.

55

Permezz ta’ digriet tal-31 ta’ Jannar 2006, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-48/03, Ġabra p. II-111), il-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat bħala inammissibbli r-rikors għal annullament fil-Kawża T-48/03 minħabba li d-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami approfondit u d-deċiżjoni ta’ għeluq ikkritikati ma kinux atti li jikkawżaw preġudizzju lil Schneider.

56

Fit-12 ta’ April 2006 Schneider appellat minn dan id-digriet.

57

Dan l-appell ġie miċħud permezz ta’ digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (C-188/06 P).

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

58

Fl-10 ta’ Ottubru 2003, Schneider ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors kontra l-Kummissjoni intiż għall-kumpens tad-dannu li hija stmat li ġarrbet minħabba illegalitajiet li vvizzjaw il-proċedura tal-kontroll tal-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-konċentrazzjoni notifikata.

59

Hija talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza togħġobha:

prinċipalment, tikkundanna lill-Komunità tħallasha s-somma ta’ EUR 1663734716.76, bla ħsara għat-tnaqqis tal-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru lura kif stabbiliti permezz tad-digrieti dwar l-intaxxar tal-ispejjeż mogħtija fil-Kawżi T-310/01 DEP u T-77/02 DEP u bla ħsara għal żieda minħabba, minn naħa, l-interessi dovuti mill-4 ta’ Diċembru 2002 sal-pagament totali, bir-rata annwali ta’ 4% u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ taxxa li Schneider ikollha tħallas fuq l-ammont tal-kumpens assenjat fil-mument li tirċievi tali kumpens;

sussidjarjament:

tiddikjara r-rikors ammissibbli,

tikkonstata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità,

tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dannu li għalih għandu jingħata kumpens effettivament imġarrab minn Schneider,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

60

Fil-11 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li f’dan l-istadju kellha tillimita d-dibattiti għall-prinċipju tal-involviment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u għall-metodoloġija tal-evalwazzjoni tad-dannu.

61

Permezz ta’ digrieti tal-20 ta’ April 2004 u tas-6 ta’ Diċembru 2004, intlaqgħu l-interventi rispettivi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża, l-ewwel waħda insostenn tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u t-tieni waħda insostenn ta’ dawk ta’ Schneider.

62

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fis-sens indikat fil-punt 1 ta’ din is-sentenza.

63

Fil-punti 152 u 156 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża kkonstatat fis-sentenza Schneider I f’dak li jikkonċerna s-swieq settorjali Franċiżi kien jikkostitwixxi ksur manifest u gravi ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi u li tinstab fl-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament.

64

Fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza warrbet f’dawn it-termini l-argument sostnut mill-Kummissjoni li kien hemm restrizzjonijiet speċifiċi li kienu ta’ piż oġġettiv fuq id-dipartimenti tagħha matul il-proċedura ta’ eżami approfondit:

“[…] l-argument [i]mqajjem mill-konvenuta dwar id-diffikultà inerenti għat-twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq taħt limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna huwa irrilevanti, għaliex il-fatt li kkawża d-dannu in kwistjoni mhijiex [mhuwiex] l-analiżi tas-swieq rilevanti mill-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [li saret fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] jew tad-deċiżjoni [id-deċiżjoni] ta’ inkompatibbiltà iżda l-ommissjoni fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] ta’ referenza essenzjali fil-konsegwenzi tagħha u fid-dispożittiv tad-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, li ma fiha ebda diffikultà teknika partikolari, billi [li] ma [kienet] teħtieġ l-ebda eżami speċifiku supplementari li ma setax ikun imwettaq għal raġunijiet ta’ żmien u li n-nuqqas tiegħu [tagħha] ma jistax ikun attribwit għal problema ta’ redazzjoni fortuwitu jew aċċidentali li l-qari globali tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] tippermetti li tikkumpensa [jippermetti li tiġi kkumpensata].”

65

Fil-punt 157 tal-istess sentenza, hija kkonkludiet li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża inkwistjoni kien jammonta, min-naħa tal-Kummissjoni, għal nuqqas ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbilità mhux kuntrattwali tal-Komunità.

66

Fl-eżami tagħha tad-domandi dwar l-eżistenza ta’ dannu u ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu, hija rrilevat, fil-punt 269 tas-sentenza appellata, li għalkemm il-ksur suffiċjentement serju tad-drittijiet tad-difiża kellu bħala effett li jrendi illegali d-deċiżjoni negattiva, dan madankollu ma kienx ifisser li, fin-nuqqas ta’ tali ksur, il-konċentrazzjoni kien imissha ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.

67

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punt 278 tas-sentenza appellata, li d-difett identifikat fid-deċiżjoni negattiva ma ċaħħadx lil Schneider minn dritt għal deċiżjoni ta’ kompatibbiltà li kien jiġġustifika li l-konsegwenzi finanzjarji kollha taċ-ċaħda ta’ dan id-dritt, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-obbligu li tittrasferixxi l-assi ta’ Legrand, jiġu kkunsidrati bħala dannu attribwibbli lill-Komunità.

68

Fil-punt 279 tas-sentenza appellata, hija għalhekk iddeċidiet li Schneider ma setgħetx issostni li kienet ġarrbet dannu ugwali għat-totalità tat-telf tal-valur tal-assi ta’ Legrand miżmuma minnha fl-10 ta’ Ottubru 2001 minħabba li ma kienx hemm rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn dan id-dannu u l-ksur li jwassal għar-responsabbiltà Komunitarja.

69

Fil-punti 288 u 316, hija mill-banda l-oħra ammettiet li teżisti rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn l-illegalità mwettqa u żewġ tipi ta’ danni mġarrba minn Schneider, jiġifieri:

l-ispejjeż li sostniet l-impriża sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni wara l-annullamenti deċiżi mill-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ottubru 2002;

it-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment li Schneider kellha tagħti lill-akkwirent tal-ishma ta’ Legrand sabiex l-effett ta’ dan it-trasferiment jiġi pospost għal data li kienet tippermetti li l-proċeduri ġudizzjarji li kienu pendenti quddiem il-Qorti Komunitarja ma jkunux imċaħħda mis-suġġett tagħhom qabel ma jintemmu.

70

Fir-rigward tal-ispejjeż sostnuti għat-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll, jiġifieri l-ispejjeż ta’ konsultazzjoni, ta’ tariffi professjonali u ta’ spejjeż amministrattivi ta’ diversi tipi, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 301, li, li kieku l-oġġezzjoni ta’ appoġġ ġiet inkluża fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001, Schneider kien ikollha ċertament tippronunzja ruħha dwar dan is-suġġett u kien ikollha tipprepara, skont il-każ, miżuri korrettivi xierqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, kif kellha tagħmel wara l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u t-tkomplija konsekuttiva tal-proċedura ta’ kontroll.

71

Madankollu, hija kkunsidrat, fl-istess punt tas-sentenza appellata, li l-fatt li titkompla, fuq bażi ġuridiċi ġodda, proċedura amministrattiva interrotta għal tnax-il xahar neċessarjament irrappreżentat, għal Schneider, spiża inkomparabbilment ogħla minn dik li kienet tirrappreżenta r-risposta għall-istess oġġezzjoni, fil-proċedura ta’ kontroll inizjali, mill-impriża u mill-konsulenti tagħha diġà involuti għal kollox fil-laqgħat u fid-diskussjonijiet mad-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni.

72

F’dak li jikkonċerna t-tnaqqis fil-prezz ta’ trasferiment mogħti minn Schneider, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat, fil-punt 308, li din l-impriża sabet ruħha f’pożizzjoni fejn kellha tinnegozja u tikkonkludi, fis-26 ta’ Lulju 2002, il-kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand u fejn kellha tipposponi t-terminu għat-twettiq effettiv ta’ dan it-trasferiment sal-10 ta’ Diċembru 2002.

73

Fil-punt 311, hija kkunsidrat li l-obbligu li jiġi pospost it-twettiq effettiv tal-bejgħ neċessarjament wassal lil Schneider sabiex tagħti lil Wendel-KKR tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment meta mqabbel mal-prezz li hija kienet tikseb fil-każ ta’ bejgħ assigurat li kien iseħħ fin-nuqqas tad-deċiżjoni negattiva.

74

Fil-punt 312, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-posponiment tal-bejgħ għall-10 ta’ Diċembru 2002 kien jimplika l-għoti lil Wendel-KKR tal-kumpens għar-riskju tad-deprezzament tal-assi ta’ Legrand marbut mal-eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża fil-prezzijiet tat-titoli industrijali matul il-perijodu ta’ posponiment.

75

Fil-punt 322 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-dannu kkostitwit mit-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment kien ugwali għad-differenza eżistenti bejn il-prezz tat-trasferiment effettivament miftiehem u dak li Schneider setgħet tikseb li kieku fl-10 ta’ Ottubru 2001 hija kellha, fi tmiem l-ewwel proċedura ta’ kontroll, deċiżjoni legali dwar il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni.

76

Madankollu, fil-punt 329, hija enfasizzat li Schneider, meta akkwistat il-kontroll ta’ Legrand b’mod kompletament legali, xorta assumiet ir-riskju li l-kontroll tal-konċentrazzjoni jwassal għal deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà mas-suq komuni ta’ din il-konċentrazzjoni u għal obbligu korrispondenti li tipproċedi b’separazzjoni tal-ishma ta’ impriżi diġà magħquda.

77

Fil-punt 330, hija kkunsidrat li, fid-dawl tad-daqs tal-operazzjoni ta’ merger imwettqa u tat-tisħiħ kunsiderevoli tas-saħħa ekonomika li din l-operazzjoni kienet timplika għall-benefiċċju tal-uniċi żewġ atturi prinċipali preżenti fis-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal tal-elettriku ta’ tensjoni baxxa, Schneider ma setgħetx ma tkunx taf li kien hemm għall-inqas ir-riskju li l-merger imwettaq joħloq jew isaħħaħ pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq komuni u li, għalhekk, tali merger ikun ipprojbit mill-Kummissjoni.

78

Minn dan hija kkonkludiet, fil-punt 334, li Schneider kienet responsabbli għal terz tad-dannu marbut mat-tnaqqis fil-prezz mogħti.

79

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 335, li l-Komunità għandha tikkumpensa biss żewġ terzi ta’ dan id-dannu.

80

Fl-aħħar nett, fil-punti 342 u 344 sa 346, hija ddeċidiet li l-kumpens dovut lil Schneider mill-10 ta’ Diċembru 2002, id-data meta mmaterjalizza d-dannu marbut mat-twettiq effettiv tat-trasferiment ta’ Legrand, kellu jerġa’ jiġi evalwat għall-finijiet tal-interessi sad-data tal-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu u miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji minn din id-data sakemm isir il-ħlas kollu.

IV — It-talbiet tal-partijiet

81

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Schneider għall-ispejjeż.

82

Schneider titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

V — L-aggravji

83

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq formalment seba’ aggravji ta’ annullament li essenzjalment jistgħu jinġabru f’ħames aggravji.

84

Permezz tal-imsemmija aggravji, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta:

fil-punt 155 tas-sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm “ommissjoni” tal-oġġezzjoni dwar l-appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l-formulazzjoni tal-istess oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”;

fil-punt 156 tas-sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi;

fil-punt 316 tas-sentenza appellata, iddikjarat li kien hemm rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab minn Schneider minħabba t-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand mogħti fis-26 ta’ Lulju 2002 bħala korrispettiv għall-posponiment sal-10 ta’ Diċembru 2002 tat-twettiq effettiv tal-bejgħ;

fil-punt 288 tas-sentenza appellata, identifikat kap ta’ dannu mhux invokat minn Schneider, jiġifieri tnaqqis fil-prezz mogħti sabiex jinkiseb posponiment tal-effett tat-trasferiment ta’ Legrand sal-10 ta’ Diċembru 2002;

wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 345 u 346 tas-sentenza appellata, fir-rigward tad-dannu marbut mal-allegat tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment, tat interessi kumpensatorji mill-10 ta’ Diċembru 2002 sad-data tal-għoti tas-sentenza li twassal għal-likwidazzjoni tad-dannu, minkejja li dawn l-interessi jistgħu jingħataw biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

VI — Fuq l-appell

A — Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat ikkonstatat li kien hemm “ommissjoni” tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 u ddeċidiet li l-formulazzjoni tal-imsemmija oġġezzjoni ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”

1. L-argumenti tal-partijiet

85

Il-Kummissjoni tfakkar li, matul il-proċeduri kollha fl-ewwel istanza, hija ma kkontestatx li kisret id-dritt għal smigħ ta’ Schneider fil-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni. Hija ssostni li, min-naħa l-oħra, hija qiegħda tikkontesta formalment li l-irregolarità kkonstatata twassal għar-responsabbiltà tal-Komunità.

86

Hija taqsam l-ewwel aggravju tagħha f’erba’ partijiet.

87

Hija ssostni li, meta ddikjarat, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, li kien hemm “ommissjoni” tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 u meta, fl-istess punt ta’ din is-sentenza, iddeċidiet li l-formulazzjoni tal-imsemmija oġġezzjonijiet ma kienet tinvolvi ebda diffikultà partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza:

kisret ir-res judicata li tgawdi minnha s-sentenza Schneider I;

għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti;

żnaturat il-provi;

kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

88

Fir-realtà, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet sempliċement ikkonstatat, fil-punt 445 tas-sentenza Schneider I, li l-oġġezzjoni ta’ appoġġ ma kinitx ifformulata b’“ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti”. Meta mbagħad ikkritikat lill-Kummissjoni talli kkonkludiet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet “mingħajr ma ressqet prova ta’ xi appoġġ”, hija kull ma għamlet kien li rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx, meta temmet l-analiżi tagħha, indikat suffiċjentement din l-oġġezzjoni.

89

Madankollu, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din l-oġġezzjoni tal-aħħar kienet ġiet għall-inqas impliċitament ifformulata fit-test tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

90

Konklużjoni simili turi t-tieni nuqqas ta’ qbil bejn is-sentenza Schneider I u s-sentenza appellata li, fil-punt 155, ikkonkludiet b’mod espliċitu li kien hemm nuqqas ta’ referenza għall-oġġezzjoni li “l-qari globali tal-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet” ma jippermettix li jiġi kkumpensat.

91

It-tielet nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ sentenzi huwa kkostitwit minn differenza ta’ evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi għal Schneider tad-difetti li jivvizzjaw id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

92

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 453 tas-sentenza Schneider I, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma ppermettietx lil Schneider li tevalwa “fl-estent kollu tagħhom” il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati fis-suq Franċiż, filwaqt li, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li Schneider “ma setgħetx tkun taf” li hija “ma kellha l-ebda possibbiltà” li tikseb deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk ma tippreżentax miżuri korrettivi xierqa għas-sitwazzjoni ta’ appoġġ maħluqa bil-konċentrazzjoni.

93

Skont il-Kummissjoni, minn dan it-tqabbil taż-żewġ sentenzi jirriżulta li, fis-sentenza tagħha Schneider I, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li Schneider setgħet tkun taf li l-appoġġ kien jikkostitwixxi diffikultà mil-lat ta’ kompetizzjoni, iżda li Schneider ma setgħetx tevalwa l-estent kollu tal-ostakolu li dan l-appoġġ kien jikkostitwixxi minħabba li ma ġiex espliċitament ifformulat fil-konklużjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Bil-kontra, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li Schneider qatt ma setgħet tkun taf bil-problema u għalhekk qatt ma kienet taf li hija kellha tipproponi rimedji adegwati.

94

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija kienet invokat id-diffikultà inerenti għat-twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq f’kawża li hija stess hija kumplessa, f’limitazzjoni ta’ żmien riġida ħafna li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Hija kienet enfasizzat, b’mod partikolari, li t-tħejjija ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi eżerċizzju estremament delikat li għandu jsir suffiċjentement malajr wara l-ftuħ tal-proċedura u l-għeluq tal-investigazzjoni sabiex tippermetti lill-partijiet li jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

95

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli warrbet dawn l-argumenti billi ddeċidiet li dawn kienu limitati għal spjegazzjoni tad-diffikultajiet marbuta mat-twettiq ta’ analiżi kumplessa ta’ swieq u li, għalhekk, ma kinux rilevanti peress li l-fatt li kkawża d-dannu kien fil-fatt l-ommissjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ta’ referenza li ma kienet tinvolvi ebda diffikultà teknika partikolari, li ma kienet teħtieġ ebda eżami speċifiku supplementari li ma setax jitwettaq għal raġunijiet ta’ żmien u li n-nuqqas tagħha ma setax ikun attribwit għal problema fortuwita jew aċċidentali.

96

Skont il-Kummissjoni, dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sa fejn jikkostitwixxu konstatazzjonijiet ta’ fatt, huma manifestament żbaljati fid-dawl tal-provi prodotti għall-evalwazzjoni tagħha matul il-proċedura u juru żnaturament tal-provi.

97

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni min-naħa tagħha tal-ommissjoni tar-referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ kif ukoll tan-nuqqas ta’ diffikultà teknika partikolari ta’ tali referenza.

98

Is-sentenza appellata għandha, b’mod definittiv, tiġi annullata fl-intier tagħha abbażi tal-ewwel aggravju biss.

99

Schneider titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

100

Hija ssotni li dan huwa inammissibbli peress li l-Kummissjoni:

tikkontesta evalwazzjonijiet ta’ fatt;

tressaq allegazzjonijiet ġodda fis-sens, l-ewwel nett, li l-oġġezzjoni ta’ appoġġ kienet mill-inqas ifformulata impliċitament fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001, kif ukoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza impliċitament ikkonstatat dan fis-sentenza Schneider I u, it-tieni nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fl-istess sentenza Schneider I, li Schneider setgħet tkun taf bil-fatt li l-appoġġ kien jikkostitwixxi diffikultà mil-lat ta’ kompetizzjoni;

ma spjegatx kif l-aggravju tagħha huwa bbażat fuq żnaturament tal-provi u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

101

Fi kwalunkwe każ, l-aggravju mhuwiex fondat.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq l-ewwel tliet partijiet tal-aggravju, ibbażati fuq ksur tar-res judicata tas-sentenza Schneider I, fuq konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u fuq żnaturament tal-provi

102

Ir-res judicata tapplika għall-punti ta’ fatt u ta’ dritt li kienu ġew effettivament jew neċessarjament deċiżi minn deċiżjoni ġudizzjarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 44 u l-ġurispduenza ċċitata).

103

Barra minn hekk, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, u ladarba l-prinċipji ġenerali tad-dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, C-413/06 P, Ġabra p. I-4951, punt 29).

104

Fi kliem ieħor, il-konstatazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza jikkostiwixxu kwistjonijiet ta’ dritt suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tirriżulta mid-dokumenti li jinsabu fil-proċess u fil-każ ta’ żnaturament tal-provi rispettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni, C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 66).

105

Permezz tal-ewwel parti tal-aggravju eżaminat, ibbażata fuq ksur tar-res judicata tas-sentenza Schneider I, il-Kummissjoni tipprova turi li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni punti ta’ fatt li ma jaqblux ma’ dawk effettivament jew neċessarjament deċiżi fl-imsemmija sentenza Schneider I, li saret res judicata.

106

Permezz tat-tieni u t-tielet partijiet tal-istess aggravju, il-Kummissjoni tipprova turi, fil-mertu u fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq:

l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, dwar il-fatti effettivament ikkonstatati fis-sentenza Schneider I, ineżattezza li tirriżulta direttament mit-termini tagħha;

żnaturament mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, tas-sens tas-sentenza Schneider I kkunsidrata bħala prova li kien meħtieġ, skont il-każ, li tiġi interpretata sabiex jiġu ddeterminati l-fatti li kellhom jiġu eżaminati sabiex jiġi deċiż jekk kinitx involuta r-responsabblità mhux kuntrattwali tal-Komunità.

107

Għalhekk, it-tliet partijiet tal-aggravju jeħtieġu l-eżami ta’ dawn il-kwistjonijiet:

liema huma l-punti ta’ fatt li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 152 u 156 tas-sentenza appellata, ibbażat il-konstatazzjoni tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” mill-Kummissjoni tal-limiti imposti fuqha minħabba d-drittijiet tad-difiża ta’ Schneider;

jekk dawn il-punti ta’ fatt ġewx deċiżi fis-sentenza Schneider I;

jekk, kif ġew ikkonstatati fis-sentenza appellata, humiex f’kontradizzjoni ma’ dawk deċiżi fis-sentenza Schneider I.

108

Għalhekk l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn it-tliet partijiet għandhom jiġu eżaminati flimkien f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, imbagħad f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura tali li jostakolaw il-formulazzjoni tal-imsemmija oġġezzjoni b’mod suffiċjentement ċar u preċiż f’dan l-att tal-proċedura ta’ eżami approfondit.

109

Madankollu, għandu jiġi osservat li t-tieni u t-tielet partijiet jikkoinċidu mal-ewwel parti sa fejn jirrigwardaw fatti li, mill-analiżi li se ssir iktar ’il quddiem, se jirriżultaw li huma fatti li ġew effettivament jew neċesssarjament deċiżi fis-sentenza Schneider I. Dawn il-partijiet iżommu eżistenza individwali biss sa fejn jirrigwardaw fatti li se jirriżultaw li huma fatti li ma ġewx deċiżi fis-sentenza Schneider I.

i) Fuq l-eżistenza ta’ referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001

110

Fil-punt 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li Schneider sostniet quddiemha li l-Kummissjoni ma kitbitx b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001, l-oġġezzjoni għall-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni bbażata fuq l-appoġġ fis-swieq settorjali Franċiżi tal-materjal tal-elettriku ta’ tensjoni baxxa kkunsidrati fil-livell tad-distribuzzjoni bl-ingrossa.

111

Fl-evalwazzjoni tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar l-ewwel nett, fil-punti 145 sa 150 tas-sentenza appellata, il-kontenut u l-portata tal-obbligi tal-Kummisjoni taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament. Minn dan hija tikkonkludi, fil-punt 151 tal-istess sentenza, li Schneider tinvoka ksur ta’ dispożizzjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi fis-sens tas-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

112

Hija ddeċidiet it-tieni nett, fil-punt 152, li “[i]l-fatt li l-Kummissjoni tfassal, bħal fil-kawża preżenti, komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] b’tali mod li, hekk kif jirriżulta mis-sentenza Schneider I, [Schneider] ma setgħetx tkun taf li, fin-nuqqas li tippreżenta l-miżuri korrettivi xierqa sabiex tnaqqas jew jisparixxu [telimina] s-sitwazzjonijiet ta’ appoġġ bejn il-pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fuq is-swieq settorjali Franċiż, hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tara li l-operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni, jikkostitwixxi fil-kawża preżenti ksur manifest u gravi ta’ l-Artikolu 18(1) u (3) tar-[R]egolament”.

113

Permezz ta’ din il-formulazzjoni tal-punt 152 tas-sentenza appellata, li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżistenza tar-responsabbiltà tal-Komunità meta tirreferi għal dak li “jirriżulta mis-sentenza Schneider I”, il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan l-istadju tar-raġunament tagħha, tibbaża neċessarjament il-kwalifika tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” fuq l-analiżi magħmula fil-punti 440 sa 461 ta’ din is-sentenza Schneider I, fit-termini użati minnha, dwar iċ-ċirkustanzi li fihom saret id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

114

F’dak li jikkonċerna l-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt segwenti, kif effettivament ġew ikkonstatati u evalwati fis-sentenza Schneider I, fil-punti 445 u 453 tagħha:

id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma “ittrattat[x] b’ċarezza suffiċjenti u bi preċiżjoni [suffiċjenti] r-rinfurzar tal-pożizzjoni ta’ Schneider fir-rigward tad-distributuri Franċiżi ta’ materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa, li rriżultat mhux biss mit-total ta’ bejgħ ta’ Legrand fis-swieq tal-komponenti ta’ panel boards elettroniċi, iżda wkoll mill-pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fis-segmenti ta’ tagħmir ta’ l-elettriku ultra terminali”;

“il-konklużjoni ġenerali tal-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] telenka s-swieq settorjali nazzjonali differenti affettwati mill-operazzjoni, mingħajr ma jiġi muri li l-pożizzjoni ta’ waħda miż-żewġ partijiet notifikanti f’suq speċifiku ta’ prodotti tkun tappoġġa l-pożizzjoni tal-parti l-oħra f’suq settorjali ieħor”;

“il-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] ma ppermettietx lil Schneider tevalwa fl-estent kollu tagħhom il-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni minħabba l-operazzjoni notifikata fis-suq Franċiż tal-materjal elettroniku ta’ tensjoni baxxa kkawżati fuq il-livell ta’ distribuzzjoni.”

115

B’hekk, billi rreferiet għas-sentenza Schneider I, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, mhux talli ma bbażatx ruħha fuq ommissjoni pura u sempliċi ta’ kwalunkwe referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001, iżda ħadet eżattament inkunsiderazzjoni, kif kienet għamlet fl-imsemmija sentenza Schneider I, nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti dwar il-kwistjoni tal-appoġġ fit-test tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll nuqqas ta’ referenza espressa għal din il-kwistjoni fil-konklużjoni ġenerali tagħha.

116

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata li ma rrispettatx ir-res judicata ta’ dawn il-punti ta’ fatt deċiżi fis-sentenza Schneider I.

117

Din il-konklużjoni mhijiex imdgħajfa mill-fatt li, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex twarrab argument tal-Kummissjoni li kien intiż li l-Kummissjoni tinħeles mir-responsabbiltà tagħha, tirrileva wara dan li l-fatt li kkawża d-dannu huwa “l-ommissjoni fil-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] ta’ referenza essenzjali fil-konsegwenzi tagħha u fid-dispożittiv tad-deċiżjoni [negattiva]”. Fil-fatt, meta titqiegħed fil-kuntest deskritt iktar ’il fuq, l-espressjoni “ommissjoni ta’ referenza essenzjali” għandha tinftiehem bħala tirreferi għall-ommissjoni ta’ referenza suffiċjentement ċara u preċiża għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ.

118

Fi kwalunkwe każ, l-użu mill-Qorti tal-Prim’Istanza tat-terminu “ommissjoni” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li wassal għal evalwazzjoni allegatament żbaljata ta’ din il-qorti, li tinstab fil-punt 152 tas-sentenza appellata, fis-sens li Schneider “ma setgħetx tkun taf li, fin-nuqqas li tippreżenta l-miżuri korrettivi xierqa sabiex tnaqqas jew jisparixxu [telimina] s-sitwazzjonijiet ta’ appoġġ bejn il-pożizzjonijiet tagħha u dawk ta’ Legrand fuq is-swieq settorjali Franċiżi, hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tara li l-operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni.”

119

Fil-fatt, fis-sentenza Schneider I, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet ħsieb li tistħarreġ jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kinitx ippermettiet lil Schneider li tkun mgħarrfa b’mod sħiħ li t-twettiq ta’ appoġġ jista’ jikkostitwixxi l-kawża ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, jiġifieri ostakolu definittiv għal din tal-aħħar.

120

Issa, bl-istess mod bħal ommissjoni ta’ kwalunkwe referenza għal oġġezzjoni, formulazzjoni li ma tkunx ċara u preċiża biżżejjed ta’ oġġezzjoni u li ma tippermettix, skont it-termini tal-punt 453 tas-sentenza Schneider I, li jiġu evalwati “fl-estent kollu tagħhom” ċerti problemi ta’ kompetizzjoni, timpedixxi lill-impriżi kkonċernati milli jkunu jafu bin-natura deċiżiva ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tar-riżultat tal-proċedura ta’ kontroll.

121

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 455, 456, 458 u 460 tas-sentenza Schneider I, li Schneider:

kienet “ġiet miċħuda l-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, fil-livell tad-distribuzzjoni, il-pożizzjoni dominanti ta’ Schneider fis-settur tal-komponenti għal panel boards ta’ distribuzzjoni u terminali ser tissaħħaħ fi Franza permezz tal-pożizzjoni dominanti ta’ Legrand fit-tagħmir ultra terminali”;

“ma ngħatatx l-okkażjoni li tippreżenta b’mod xieraq l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward ukoll [la] fir-risposta tagħha għall-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti [għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet] u [lanqas] fis-seduta tal-21 ta’ Awwissu 2001”;

għandha “tkun meqjusa bħala li ma bbenefikatx mill-opportunità li tippreżenta b’mod xieraq u fi żmien opportun il-proposti ta’ trasferiment ta’ ishma ta’ daqs suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġu solvuti l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fis-swieq settorjali Franċiżi in kwistjoni”;

“setgħet ġiet indirettament imċaħħda mill-possibbiltà li tikseb approvazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tagħti għar-rimedji proposti, jekk il-partijiet notifikanti kienu tpoġġew f’pożizzjoni li jippreżentaw fi żmien opportun il-proposti ta’ ċessjoni ta’ daqs suffiċjenti sabiex jiġu solvuti l-problemi kollha ta’ kompetizzjoni identifikati mill-Kummissjoni fuq il-livell ta’ distribuzzjoni fi Franza”.

122

L-espressjonijiet “ġiet miċħuda l-possibbilità”, “ma ngħatatx l-okkażjoni”, “ma bbenefikatx”, “setgħet ġiet indirettament imċaħħda” juru f’dan ir-rigward l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza Schneider I, fis-sens li Schneider, minħabba d-difett li jaffettwa d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, kienet tinstab f’sitwazzjoni fejn għaliha kien impossibbli li tkun taf bin-natura deċiżiva tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ.

123

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li “[Schneider] ma setgħetx tkun taf li, fin-nuqqas li tippreżenta l-miżuri korrettivi […], hija ma kellha l-ebda possibbiltà li tara li l-operazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni”, hija ma għamlitx evalwazzjoni differenti minn dik li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza Schneider I, iżda tesprimi biss, fi kliem ieħor, l-istess evalwazzjoni.

124

Bl-istess mod, meta, fil-punt 155 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li “l-qari globali” tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jippermettix li tiġi kkumpensata l-problema maħluqa mill-formulazzjoni tagħha, hija ma tintroduċi ebda nuqqas ta’ qbil ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni, fis-sentenza Schneider I, tal-impossibbiltà għal Schneider li tkun taf bl-ostakolu kkostitwit mill-appoġġ jippreżumi preċiżament, sabiex isir, li qari globali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kienx jippermetti li tiġi kkumpensata l-formulazzjoni difettuża tagħha.

125

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 ma jistgħux jintlaqgħu.

ii) Fuq l-eżistenza ta’ diffikultajiet ta’ natura li jostakolaw il-formulazzjoni tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ b’mod suffiċjentement ċar u preċiż fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001

126

Meta jinqraw il-punti 437 et seq. tas-sentenza Schneider I, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx dwar il-punt ta’ fatt marbut mal-kwistjoni jekk ir-referenza għal oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 kinitx tinvolvi jew le “diffikultà teknika partikolari” għall-Kummissjoni.

127

Għandu jiġi kkonstatat, it-tieni nett, li dan il-punt ta’ fatt mhuwiex konstatazzjoni ta’ fatt iżda evalwazzjoni ta’ fatt.

128

Għalhekk, f’dak li jikkonċerna l-imsemmi punt ta’ fatt, l-ewwel żewġ partijiet tal-aggravju, ibbażati rispettivament fuq ksur tar-res judicata u fuq ineżattezza materjali ta’ konstatazzjoni ta’ fatt, huma mingħajr effett.

129

Fir-rigward tat-tielet parti tal-aggravju, għandu jiġi vverifikat, fil-mertu, jekk id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li r-referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari” tirriżultax minn żnaturament tal-provi.

130

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li r-referenza, f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għal oġġezzjoni bħal dik ta’ appoġġ, ma tippreżumix prova kompleta tal-fondatezza tagħha fi tmiem analiżi ekonomika eżawrjenti.

131

Din il-prova, li, fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet, tista’ effettivament tippreżenta diffikultaijiet kbar, għandha tiġi kkompletata biss matul il-parti sussegwenti tal-proċedura, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati, debitament informati bl-eżistenza tal-problema ta’ kompetizzjoni permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għall-għanijiet ta’ eżerċizzju effikaċi tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

132

Fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar u preċiż biss il-problema ta’ appoġġ li tista’ tostakola dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni.

133

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi aċċettat li l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-nuqqas ta’ diffikultà teknika partikolari fl-indikazzjoni ta’ problema ta’ appoġġ ma twassalx għal żnaturament tal-provi prodotti quddiemha.

134

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

b) Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

135

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mqajma mill-partijiet fil-kawża u li l-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tkun tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-120/06 P u C-121/06 P, Ġabra p. I-6513, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

136

Fil-punt 152 tas-sentenza appellata, dwar il-kwistjoni tar-referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għal dak li “jirrriżulta mis-sentenza Schneider I” dwar il-mod kif ġiet ifformulata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

137

Kif ġie rrilevat fil-punt 114 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għalhekk tirreferi għall-fatti meħuda inkunsiderazzjoni fil-punti 445 u 453 tas-sentenza Schneider I u koperti mill-ewwel tliet partijiet tal-ewwel aggravju. Għalhekk wieħed jista’ jifhem li hija tibbaża l-kwalifika tagħha ta’ “ksur manifest u gravi” fuq dawn il-fatti.

138

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 117 ta’ din is-sentenza, ir-referenza magħmula tinstab f’kuntest li jippermetti li tiġi ddeterminata l-portata tal-espressjoni “ommissjoni ta’ referenza essenzjali” użata iktar tard fil-punt 155 tas-sentenza appellata.

139

Dwar l-evalwazzjoni li r-referenza għall-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kienet tinvolvi ebda diffikultà teknika partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-istess punt 155 tas-sentenza appellata, tenfasizza essenzjalment, b’motivazzjoni suffiċjenti, id-distinzjoni li għandha ssir bejn, minn naħa, l-analiżi fil-mertu tas-swieq rilevanti sabiex tintwera inkompatibbiltà mas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, is-sempliċi indikazzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ta’ problema ta’ kompetizzjoni li tista’ tikkostitwixxi, bla ħsara għall-osservazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati, ostakolu għal dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni.

140

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda wkoll.

141

Għalhekk, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fil-mertu fl-intier tiegħu, mingħajr ma hemm lok li tiġi deċiża l-ammissibbiltà tiegħu.

B — Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li hemm, min-naħa tal-Kummissjoni, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi

1. L-argumenti tal-partijiet

142

Il-Kummissjoni taqsam it-tieni aggravju tagħha f’żewġ partijiet, ibbażati, rispettivament, fuq żball fil-kwalifika legali tal-fatti u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

143

Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, hija taċċetta li, fis-sistema tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, meta l-istituzzjoni inkwistjoni jkollha biss marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

144

Hija tirrikonoxxi li, rigward l-implementazzjoni tad-dritt għal smigħ skont l-Artikolu 18(1) u (3) tar-Regolament, l-obbligu li għandha li tifformula b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-oġġezzjoni ta’ appoġġ ma jaqax taħt l-eżerċizzju min-naħa tagħha ta’ setgħa diskrezzjonali, iżda jaqa’ taħt is-sempliċi applikazzjoni tar-regoli proċedurali rilevanti.

145

Madankollu, hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha neċessarjament tikkunsidra, lil hinn mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni limitat, jekk mhux ineżistenti, li hija kellha rigward id-dritt għal smigħ ta’ Schneider, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom ikunu rregolati u li l-istituzzjoni kellha taffaċja matul il-proċedura amministrattiva.

146

Hija tfakkar li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija sostniet li l-formulazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 kienet partikolarment kumplessa, fid-dawl mhux biss tal-limitazzjonijiet ta’ żmien imposti fuqha, iżda wkoll u fuq kollox fid-dawl tal-firxa tal-problemi ta’ kompetizzjoni kkawżati minn konċentrazzjoni li tkopri ħafna swieq settorjali nazzjonali. L-indikazzjoni ċara u suffiċjentement preċiża ta’ kull oġġezzjoni li l-Kummissjoni fformulat rigward kull suq settorjali nazzjonali kellha għalhekk natura kumplessa ħafna mhux biss mil-lat kunċettwali, iżda wkoll mil-lat ta’ formulazzjoni.

147

L-oġġezzjoni ta’ appoġġ stess kienet ta’ kumplessità partikolari u addizzjonali minħabba l-fatt li l-elaborazzjoni u l-formulazzjoni tagħha ma kinux jippreżumu analiżi ta’ kull suq settorjali nazzjonali meħud individwalment, bħall-oġġezzjonijiet l-oħra kollha indikati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda analiżi trasversali tas-swieq kollha tal-apparat tal-elettriku ta’ tensjoni baxxa f’kull Stat Membru, inklużi s-swieq settorjali li għalihom il-konċentrazzjoni ma kienet toħloq ebda problema ta’ kompetizzjoni ta’ natura orizzontali.

148

L-indikazzjoni tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ, kunċett ekonomikament kumpless, kienet teħtieġ li jsir studju tar-relazzjonijiet bejn il-pożizzjonijiet tal-partijiet u tal-kompetituri tagħhom f’diversi swieq settorjali ġo kull Stat Membru, u li mbagħad tiġi eżaminata l-istruttura tad-distribuzzjoni u r-relazzjonijiet bejn il-fornituri u l-grossisti f’kull Stat Membru.

149

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija mhijiex qed issostni d-diffikultà li turi l-validità fil-mertu tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ, iżda l-kumplessità partikolari li tqajjem fiha nfisha l-indikazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża ta’ din l-oġġezzjoni.

150

Il-Kummissjoni tirrileva li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Schneider kienet sostniet li, minn meta ġiet innotifikata l-konċentrazzjoni, hija kienet ikkontestat l-eżistenza ta’ appoġġ u dan kellu jagħmilha inqas diffiċli għall-Kummissjoni li tindika b’mod ċar u preċiż biżżejjed oġġezzjoni dwar dan il-punt. Il-Kummissjoni kienet għalhekk wieġbet hija stess li dan il-fatt kien ta’ natura li jnaqqas iktar u iktar il-gravità tal-iżball proċedurali mwettaq.

151

Il-Kummissjoni tistqarr li, peress li Schneider stess kienet naqqset l-impatt tal-problema ta’ appoġġ, il-fatt li hija ma indikatx l-oġġezzjoni korrispondenti b’ċarezza u preċiżjoni suffiċjenti ma setax, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju.

152

Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tikkunsidra f’din il-kawża li, meta fformulat taħt pressjoni qawwija ta’ żmien dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ 145 paġna, hija sabet ruħha quddiem sitwazzjoni li l-ġestjoni tagħha kienet kumplessa u li teskludi l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju.

153

Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li kienet il-Qorti tal-Prim’Istanza li kellha tispjega b’attenzjoni partikolari l-motivi li wassluha sabiex tikkonkludi li l-ksur ikkonstatat fis-sentenza Schneider I kien suffiċjentement serju.

154

Issa, skont il-Kummissjoni, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza fuq dan il-punt hija prattikament ineżistenti fis-sentenza appellata.

155

Din il-motivazzjoni ma tippermettix li dak li jkun jifhem għaliex il-pressjonijiet ta’ diversi kwalitajiet li kienu invokati ma jnaqqsux il-portata tal-ksur.

156

Fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispondietx suffiċjentement għall-argumenti rilevanti fformulati quddiemha mill-Kummissjoni, b’mod partikolari li l-istituzzjoni:

kienet invokat il-problema tal-appoġġ f’diversi punti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

kienet invokat id-diffikultajiet marbuta mal-elaborazzjoni f’terminu qasir tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, mal-evalwazzjoni kumplessa kemm tal-argumenti kollha dwar il-mertu, fejn l-oġġezzjoni ta’ appoġġ kienet tifforma biss wieħed minn diversi elementi rilevanti, kif ukoll tal-miżuri korrettivi proposti;

kienet iddikjarat li l-fatt li Schneider forniet lill-Kummissjoni informazzjoni li turi li l-konċentrazzjoni ma kellha ebda problema ta’ appoġġ huwa ta’ natura tali li jnaqqas iktar u iktar il-gravità tal-iżball proċedurali mwettaq;

kienet sostniet li hija setgħet tikkunsidra in bona fide li kellha dritt iżżid fid-deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà argumenti ta’ fatt jew ta’ dritt dwar l-oġġezzjoni ta’ appoġġ identifikata qabel;

kienet sostniet li r-rekwiżit ta’ ċarezza fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet kien għadu ma ġiex stabbilit b’mod tant ċar mill-ġurisprudenza fiż-żmien tal-fatti.

157

Schneider titlob li t-tieni aggravju jiġi miċħud.

158

L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija inammissibbli sa fejn tirreferi għal evalwazzjonijiet ta’ fatt u tagħmel allegazzjoni ġdida, jiġifieri dik ta’ allegata kumplessità fil-formulazzjoni tal-indikazzjoni tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ.

159

Fi kwalunkwe każ, l-aggravju eżaminat mhuwiex fondat.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

a) Fuq l-ewwel parti tal-aggravju, ibbażata fuq żball fil-kwalifika legali tal-fatti

160

Sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, huwa meħtieġ li jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom, meta tkun involuta l-illegalità ta’ att ġuridiku, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li jkollha bħala għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi. Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni, il-kriterju deċiżiv sabiex jitqies li ksur tad-dritt Komunitarju huwa suffiċjentement serju huwa dak tan-nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi, minn istituzzjoni Komunitarja, tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha. Meta din l-istituzzjoni jkollha biss setgħa diskrezzjonali kunsiderevolment imnaqqsa, jekk mhux ineżistenti, is-sempliċi ksur tad-dritt Komunitarju jista’ jkun suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju [sentenza tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata].

161

Jekk ikun il-każ, is-sistema żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tieħu inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li jridu jiġu affrontati [sentenza Holcim (Deutschland) vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata].

162

F’din il-kawża mhuwiex ikkontestat li l-illegalità invokata hija kkostitwita, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 145 sa 151 tas-sentenza appellata, mill-ksur ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi, jiġifieri l-Artikolu 18(3) tar-Regolament, li jistabbilixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

163

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel nett, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument essenzjali għall-implementazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

164

Sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, dan id-dokument jillimita l-iskop tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, b’tali mod li jipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tikkunsidra oġġezzjonijiet oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura (sentenza Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

165

Għal dan il-għan, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament jimplika li, meta l-Kummissjoni tikkonstata matul il-proċedura ta’ eżami approfondit, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li problema ta’ kompetizzjoni li tista’ twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà ma tkunx ġiet indikata, jew ma tkunx ġiet indikata b’mod suffiċjenti, fl-imsemmija dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, hija għandha jew tirrinunzja għal din l-oġġezzjoni fl-istadju tad-deċiżjoni finali tagħha, jew tagħmel mod li l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifformulaw, qabel din id-deċiżjoni, l-osservazzjonijiet dwar il-mertu u l-proposti ta’ miżuri korrettivi effettivi kollha.

166

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu li għandha l-Kummissjoni li tifformula b’mod suffiċjentement ċar u preċiż l-oġġezzjoni ta’ appoġġ kien joħroġ, kif tirrikonoxxi din l-istituzzjoni, minn sempliċi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti, hekk li, fir-rigward tad-dritt għal smigħ ta’ Schneider, il-marġni ta’ diskrezzjoni kien kunsiderevolment imnaqqas, jekk mhux ineżistenti.

167

Il-parti tal-aggravju eżaminata hija bbażata, fl-ewwel lok, fuq il-kritika magħmula lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kumplessità tas-sitwazzjoni li kellha tiġi rregolata sabiex teskludi ksur suffiċjentement serju.

168

Din il-parti hija bbażata għalhekk fuq premessa li tikkontesta l-evalwazzjoni ta’ fatt magħmula fil-punt 155 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-inklużjoni tal-oġġezzjoni ta’ appoġġ fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tat-3 ta’ Awwissu 2001 ma kienet tinvolvi “ebda diffikultà teknika partikolari”, evalwazzjoni li taqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

169

Issa, fir-rigward tal-evalwazzjoni inkwistjoni, fil-punt 133 ta’ din is-sentenza diġà ġie deċiż li l-allegazzjoni ta’ żnaturament tal-provi hija infondata.

170

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-kumplessità tas-sitwazzjoni li għandha tiġi rregolata, invokat sabiex jintwera żball ta’ kwalifika legali, ma jistax jintlaqa’.

171

L-ewwel parti tat-tieni aggravju hija bbażata, fit-tieni lok, fuq il-kritika li essenzjalment saret lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet ikkwalifikat l-aġir tal-Kummissjoni bħala ksur suffiċjentement serju, mentri Schneider, minħabba li naqqset hija stess, minn meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni, l-impatt tal-problema ta’ appoġġ, kienet taf bil-problema ta’ kompetizzjoni li kien hemm, u dan naqqas il-gravità tal-iżball proċedurali mwettaq.

172

Madankollu, jekk jitqies li, minn meta saret in-notifika tal-konċentrazzjoni, Schneider kienet effettivament, b’mod preventiv, assigurat lill-Kummissjoni li l-imsemmija konċentrazzjoni ma kinitx ser toħloq problema ta’ appoġġ, ir-referenza mhux ċara u preċiża biżżejjed għal oġġezzjoni fuq dan il-punt fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mhux talli ma wasslitx sabiex l-impriża tkun taf b’riskju ta’ dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà iżda kienet, għall-kuntrarju, ta’ natura tali li tikkonferma l-fehma tagħha u li tbiegħda, fil-preparazzjoni tal-osservazzjonijiet tagħha, milli tipprepara motivazzjoni addizzjonali u/jew proposta ta’ rimedji adegwati.

173

Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx żball fil-kwalifika legali tal-fatti meta kkonstatat ksur suffiċjentement serju mingħajr ma kkonstatat, minn naħa, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni kumplessa li kellha tiġi rregolata, u lanqas, min-naħa l-oħra, li Schneider kienet taf li kien hemm riskju fir-rigward tal-konċentrazzjoni minħabba problema ta’ appoġġ.

174

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda fil-mertu, mingħajr ma hemm bżonn li tiġi deċiża l-ammissibbiltà tagħha.

b) Fuq it-tieni parti tal-aggravju, ibbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

175

Kif jirriżulta mill-punt 135 ta’ din is-sentenza, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi risposti eżawrjenti għar-raġunamenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża u huwa suffiċjenti li l-motivazzjoni, anki impliċita, tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn l-argumenti tagħhom ma jkunux intlaqgħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

176

Fis-sentenza appellata, sabiex timmotiva l-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju, il-Qorti tal-Prim’Istanza tenfasizza l-ewwel nett, fil-punti 145 sa 150, l-importanza tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża billi tirreferi għal diversi sentenzi preċedenti.

177

B’hekk hija tirrileva li:

“[skont l-]Artikolu 18(3) tar-[R]egolament […] l-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha ta’ inkompatibbiltà biss fuq l-oġġezzjonijiet li dwarhom l-impriżi kkonċernati setgħu jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom”;

“[f]il-kwalità tagħhom ta’ destinatarji tad-deċiżjonijiet ta’ awtorità pubblika li taffettwa [jaffettwaw] b’mod kunsiderevoli l-interessi tagħhom, l-impriżi li huma parti għal operazzjoni ta’ konċentrazzjoni ta’ daqs Komunitarju għandhom fil-fatt ikunu f’pożizzjoni li jinfurmaw b’mod effettiv il-perspettiva tagħhom u, għal dawn il-finijiet, [għandhom] ikunu informati b’mod ċar, fi żmien xieraq, tas-sustanza [dwar is-sustanza] ta’ l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni mqajma [tqajjem] fir-rigward ta’ l-operazzjoni nnotifikata tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-4 ta’ Marzu 1999, Assicurazioni Generali u Unicredito vs Il-Kummissjoni, T-87/96, Ġabra p. II-203, punt 88)”;

“[i]l-komunikazzjoni ta’ l-ilmenti jippreżentaw [id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tippreżenta] f’dan ir-rigward importanza partikolari, peress li hija speċifikament destinata sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati jirreaġixxi [jirreaġixxu] għall-preokkupazzjonijiet espressi mill-istituzzjoni regulatorja, minn naħa, billi jesprimu l-perspettiva tagħhom dwar dan, min-naħa l-oħra, bil-għan li [billi] jissottomettu lill-Kummissjoni miżuri destinati li jikkoreġu l-impatt negattiv ta’ l-operazzjoni nnotifikata”;

“[d]in il-garanzija, li taqa’ taħt il-garanziji fundamentali li bihom is-sistema legali Komunitarja tarmonizza t-twettiq tal-proċeduri amministrattivi, tagħti importanza kbira lill-verifika [għandha importanza kbira għall-kontroll] ta’ l-operazzjoni[jiet] ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14)”.

178

It-tieni nett, fil-punt 152 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għas-sentenza Schneider I sabiex tagħmel evalwazzjoni dwar il-konsegwenzi, għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża, tal-formulazzjoni difettuża tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

179

Hija għalhekk tibbaża ruħha fuq l-elementi kkonstatati fil-punti 445, 453 et seq. tas-sentenza Schneider I, jiġifieri li:

id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ittrattat b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti oġġezzjoni ta’ appoġġ;

il-konklużjoni ġenerali ta’ din il-komunikazzjoni ma wrietx li kien hemm xi tip ta’ appoġġ;

l-imsemmija dikjarazzjoni ċaħħdet lil Schneider mill-possibbiltà li tikkontesta b’mod effettiv fuq il-mertu t-teżi tal-Kummissjoni u li tippreżenta fi żmien opportun proposti għal miżuri korrettivi.

180

Minn dawn l-elementi tal-aħħar, hija essenzjalment tasal, fl-istess punt 152 tas-sentenza appellata, li t-termini tagħha huma mfakkra fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, għall-konklużjoni determinanti li Schneider ma setgħetx tkun taf li problema ta’ appoġġ setgħet twassal għal dikjarazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni notifikata.

181

Fil-punt 153 tas-sentenza appellata, hija tirrileva l-konsegwenza ta’ dannu ta’ din is-sitwazzjoni billi tenfasizza li, minħabba f’hekk, il-miżuri korrettivi proposti minn Schneider ma kinux oġġettivament ta’ natura tali li jsolvu l-problema speċifika tal-appoġġ fis-swieq settorjali Franċiżi inkwistjoni.

182

Fl-aħħar nett, fil-punt 155 tal-istess sentenza, filwaqt li tagħmel essenzjalment distinzjoni bejn analiżi kompleta fil-mertu ta’ problema ta’ kompetizzjoni u l-indikazzjoni ta’ din il-problema, sabiex tikkunsidra li s-sempliċi indikazzjoni ma kienet tinvolvi ebda diffikultà partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina b’mod iktar speċifiku l-kundizzjoni għall-kwalifika ta’ ksur suffiċjentement serju marbuta mal-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le sitwazzjoni kumplessa li għandha tiġi rregolata.

183

Għandu jiġi ammess li, permezz ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza:

ippermettiet lill-Kummissjoni li tkun taf ir-raġunijiet għaliex ikkonstatat li hemm ksur suffiċjentement serju, u lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq din il-kwalifika legali;

tat lir-rikorrenti risposti espliċiti u impliċiti għall-argumenti mqajma minnha.

184

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

185

Għalhekk, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C — Fuq it-tielet aggravju bbażat fuq l-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat b’mod żbaljat li teżisti rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab minn Schneider minħabba t-tnaqqis mogħti fil-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand

1. L-argumenti tal-partijiet

186

It-tielet aggravju ta’ annullament tas-sentenza appellata huwa magħmul minn ħames partijiet, ibbażati rispettivament fuq l-argumenti li, meta kkonstatat l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu mġarrab minn Schneider minħabba t-tnaqqis fil-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti bħala korrispettiv għall-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002 tat-twettiq effettiv tal-bejgħ miftiehem fis-26 ta’ Lulju 2002, il-Qorti tal-Prim’Istanza:

għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti sabiex tiddeċiedi, l-ewwel nett, li Schneider kienet imġiegħla tikkonkludi n-negozjati fuq il-bejgħ mill-ġdid u l-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand fis-26 ta’ Lulju 2002, it-tieni nett, li d-data tal-posponiment tal-10 ta’ Diċembru 2002 miftiehma għat-twettiq effettiv tal-bejgħ kienet suffiċjentement wara d-data prevedibbli tal-għoti tas-sentenza Schneider I sabiex Schneider setgħet tiżgura ruħha mill-possibbiltà li terġa’ tikseb l-eżami mill-ġdid tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni permezz tal-preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi ġodda u, it-tielet nett, li kien hemm rabta ta’ kawża u effett bejn il-ksur suffiċjentement serju u t-tnaqqis fil-prezz ta’ trasferiment allegat minn Schneider;

żnaturat ukoll il-provi sabiex tiddeċiedi fuq dawn it-tliet punti;

wettqet żball fil-kwalifika legali tal-fatti;

ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha b’kontradizzjoni fil-motivi, fir-rigward tal-analiżi li hemm fil-punti 260 sa 286 tal-istess sentenza, li fi stadju preċedenti kienet wasslet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex teskludi rabta kawżali suffiċjentement stretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u t-telf totali tal-valur tal-ishma inkwistjoni bejn l-akkwist tagħhom minn Schneider u t-trasferiment sussegwenti tagħhom;

għamlet konstatazzjonijiet ta’ fatt materjalment ineżatti u wettqet żbalji ta’ liġi sabiex tiddeċiedi li Schneider ma kinitx ikkontribwiet għat-twettiq tad-dannu kollu, filwaqt li kellha tintlaħaq konklużjoni kuntrarja minħabba, l-ewwel, li Schneider setgħet tkun taf bil-problemi ta’ kompetizzjoni maħluqa neċessarjament mis-sitwazzjoni ta’ appoġġ maħluqa mill-konċentrazzjoni, it-tieni nett, li hija kienet irtirat it-talba tagħha għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni u ma kinitx ippreżentat sussegwentement rikors għal miżuri provviżorji f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ trasferiment ta’ Legrand u, it-tielet nett, kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is-sens.

187

Insostenn tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni b’mod partikolari ssostni li, wara s-sentenzi Schneider I u Schneider II u, b’mod partikolari, wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni li rriżultat minnhom, Schneider, fl-10 ta’ Diċembru 2002, ma kinitx obbligata li titrasferixxi lil Legrand, “kundizzjoni sine qua non għall-materjalizzazzjoni tad-dannu inkwistjoni”.

188

Schneider issostni li l-ewwel tliet partijiet tal-aggravju huma inammissibbli peress li jwasslu għal reviżjoni ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fis-sentenza appellata. Hija tallega li l-ħames parti tal-aggravju hija wkoll inammissibbli sa fejn l-argumenti taħt din il-parti ġew evokati għall-ewwel darba f’dan l-istadju tal-kawża.

189

Għall-kumplament, hija ssostni li l-argumenti mressqa fil-kuntest tat-tielet aggravju mhumiex fondati jew huma mingħajr effett.

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

190

L-ewwel nett, għandhom jiġu eżaminati flimkien it-tielet u l-ħames partijiet tal-aggravju sa fejn jirrigwardaw l-impatt tat-trasferiment effettiv ta’ Legrand li sar fl-10 ta’ Diċembru 2002.

a) Fuq l-ammissibbiltà

191

Għandu jiġi mfakkar li, ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq il-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza abbażi ta’ din il-kwalifika (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tad-19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, C-510/06 P, Ġabra p. I-1843, punt 105).

192

Issa, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-fatt li kkawża d-dannu u d-dannu, kundizzjoni meħtieġa sabiex ikun hemm din ir-responsabbiltà, tikkostitwixxi punt ta’ liġi li hija, għalhekk, suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

193

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn tirreferi preċiżament għal stħarriġ tal-kwalifika legali tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi li hemm rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas tal-Kummissjoni u d-dannu allegat minn Schneider, u sa fejn, kif ser jintwera iktar tard, dan l-istħarriġ jista’ jitwettaq f’din il-kawża mingħajr ma jiġu kkontestati l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet ta’ fatti magħmula, it-tielet parti tal-aggravju eżaminat hija ammissibbli.

194

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni ta’ Schneider, l-argument li hemm fil-ħames parti, jiġifieri li Schneider kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha meta ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is-sens, ma tressaqx l-ewwel darba fl-istadju tal-appell.

195

Fil-fatt, fil-kontroreplika tagħha ppreżentata fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni, fil-kontestazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ rabta kawżali, espressament sostniet li:

id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura ta’ eżami approfondit wara s-sentenzi Schneider I u Schneider II b’ebda mod ma għamlet it-trasferiment inevitabbli;

hija b’ebda mod ma imponiet lil Schneider li titrasferixxi l-ishma tagħha, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li Schneider kellha l-possibiltà li timplementa l-klawżola ta’ xoljiment innegozjata minnha sabiex it-trasferiment ma jitwettaqx;

huwa minħabba li ma riditx tipproponi miżuri korrettivi adegwati sabiex jiġu rrimedjati l-problemi kkawżati mill-konċentrazzjoni fi Franza li Schneider kienet għażlet li twettaq it-trasferiment ta’ Legrand, u mhux minħabba xi att ta’ nuqqas tal-Kummissjoni.

196

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames parti tal-aggravju hija ammissibbli sa fejn għandha l-argument li Schneider kienet għażlet li titrasferixxi lil Legrand f’data li fiha hija ma kinitx marbuta b’obbligu f’dan is-sens.

b) Fuq il-mertu

197

Fil-punt 303 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tistabbilixxi li hija stess għandha teżamina jekk l-illegalità li tivvizzja d-deċiżjoni negattiva kellhiex bħala konsegwenza tnaqqis fil-valur li bih ishma miżmuma minn Schneider fil-kapital ta’ Legrand ġew evalwati fil-kuntratt ta’ trasferiment.

198

Fil-punti 315 u 316 tal-istess sentenza, hija kkonkludiet li:

il-ksur tad-drittijiet tad-difiża li jivvizzja d-deċiżjoni negattiva għandu jiġi meqjus bħala li huwa relatat permezz ta’ rabta suffiċjentement diretta mal-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002, fil-kuntratt ta’ trasferiment, tat-terminu għat-twettiq effettiv tal-bejgħ ta’ Legrand, sa fejn dan il-posponiment kien indispensabbli sabiex jippermetti lil Schneider li teżerċità b’mod effettiv id-dritt ta’ kull persuna kkonċernata li tikseb deċiżjoni legali fuq il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ konċentrazzjoni debitament innotifikata u, eventwalment, li tkun tista’ tinstema’ fi proċedura li toffrilha l-garanziji meħtieġa;

konsegwentement, il-ksur serju tad-dritt Komunitarju li waslet għalih il-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jitqies bħala li huwa wkoll relatat permezz ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta mad-dannu mġarrab minn Schneider minħabba t-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand inerenti għall-posponiment tat-twettiq effettiv tat-trasferiment.

199

Sabiex tasal għall-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 304 sa 312 tas-sentenza appellata, tikkunsidra essenzjalment l-elementi li ġejjin:

in-negozjati li seħħew fid-dawl tat-trasferiment ta’ Legrand u l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ trasferiment fis-26 ta’ Lulju 2002 irriżultaw direttament mid-deċiżjoni negattiva li, għalkemm illegali, kellha l-effetti legali kollha tagħha sal-annullament tagħha permezz tas-sentenza Schneider I, mogħtija fit-22 ta’ Ottubru 2002;

Schneider, minħabba din id-deċiżjoni, ġiet imġiegħla li tibda u tikkonkludi negozjati għat-trasferiment saħansitra qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament tagħha;

Schneider kienet marbuta, permezz tal-eżistenza tad-deċiżjoni negattiva, li tistabbilixxi prezz ta’ trasferiment fl-att konkluż fis-26 ta’ Lulju 2002 u li tiggarantixxi l-possibbiltà li tissospendi l-eżekuzzjoni effettiva tat-trasferiment sal-10 ta’ Diċembru 2002;

din id-data kienet suffiċjentement wara d-data prevedibbli tal-għoti tas-sentenza Schneider I sabiex tippermetti lil Schneider tikseb il-konferma, fil-każ taċ-ċaħda tar-rikors għal annullament tagħha, tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni jew, fis-sitwazzjoni kuntrarja ta’ annullament, li tiżgura ruħha li jkollha l-possibbiltà li terġa’ tikseb l-eżami mill-ġdid tal-konċentrazzjoni mill-Kummissjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ miżuri korrettivi ġodda, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tiddeċiedi legalment fuq il-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni;

dan l-obbligu li jiġi pospost it-twettiq effettiv tal-bejgħ neċessarjament wassal sabiex Schneider tagħti lill-akkwirent tnaqqis fil-prezz meta mqabbel mal-prezz li hija kienet tikseb fil-każ ta’ bejgħ assigurat li kien iseħħ fin-nuqqas ta’ illegalità tad-deċiżjoni negattiva;

il-posponiment għall-10 ta’ Diċembru 2002 tal-bejgħ effettiv li kien jimplika l-għoti lill-akkwirent ta’ kumpens għar-riskju ta’ deprezzament tal-ishma ta’ Legrand seħħ biss minħabba l-eventwalità ta’ varjazzjoni żvantaġġuża fil-prezzijiet tat-titoli industrijali fil-perijodu inkluż bejn id-data tal-firma tal-kuntratt tat-trasferiment u l-aħħar terminu miftiehem bejn il-partijiet kontraenti għat-twettiq effettiv tal-bejgħ.

200

Għandu jiġi kkonstatat li, fis-26 ta’ Lulju 2002, data li fiha Schneider ikkonkludiet ma’ Wendel-KKR kuntratt ta’ trasferiment ta’ Legrand li kien jipprovdi li dan it-trasferiment kellu jseħħ sa mhux iktar tard mill-10 ta’ Diċembru 2002, bla ħsara għal dritt ta’ xoljiment stipulat favur Schneider bi ħlas ta’ kumpens għal xoljiment ta’ EUR 180 miljun, din il-kumpannija tal-aħħar kienet obbligata li tibda proċess ta’ bejgħ b’implementazzzjoni tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni.

201

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, fid-data tas-26 ta’ Lulju 2002 u wara l-proċeduri għal miżuri provviżorji mibdija u sussegwentement imwaqqfa minn Schneider, il-Kummissjoni kienet ipprorogat għall-5 ta’ Frar 2003 it-terminu iniżjalment stabbilit bħala l-5 ta’ Novembru 2002 għas-separazzjoni, u li, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza, li kienet aċċettat li tiddeċiedi skont il-proċedura mħaffa, annullat id-deċiżjoni negattiva permezz tas-sentenza Schneider I, tat-22 ta’ Ottubru 2002, qabel it-terminu stabbilit mill-kuntratt għat-twettiq tat-trasferiment.

202

F’dan il-kuntest, Schneider iddeċidiet li ma teżerċitax id-dritt ta’ xoljiment fit-terminu li skada fil-5 ta’ Diċembru 2002 u li tħalli b’hekk it-trasferiment isir effettiv fl-10 ta’ Diċembru 2002.

203

Mill-proċess jirriżulta li hija ħadet din id-deċiżjoni essenzjalment abbażi tal-biża tagħha li ma tiksibx, fil-kuntest tat-tkomplija tal-proċedura ta’ eżami approfondit, anki wara proposta ta’ miżuri korrettivi, deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, filwaqt li:

ir-riskju ta’ deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq komuni huwa inerenti għal kull proċedura ta’ kontroll, kemm jekk sa mill-bidu tagħha u kemm jekk wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà, fil-kuntest tat-tkomplija tal-proċedura amministrattiva;

deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà tibqa’ f’kull każ suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti Komunitarja.

204

Issa, il-konsegwenza legali loġika tal-annullament tad-deċiżjoni negattiva u tad-deċiżjoni ta’ separazzjoni kellha tkun li Schneider ipparteċipat fit-tkomplija tal-proċedura ta’ eżami approfondit sat-tmiem tagħha, mument meta kien hemm dawn l-alternattivi li ġejjin, kif sostniet essenzjalment il-Kummissjoni fl-appell tagħha:

jew tiġi adottata deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni, f’liema każ Schneider ma kinitx tkun marbuta li tittrasferixxi lil Legrand u għalhekk ma kienx ikollha ġġarrab l-allegat tnaqqis fil-prezz;

jew jerġgħu jiġu adottati deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà kif ukoll deċiżjoni ta’ separazzjoni, f’liema każ it-trasferiment kien ikun il-konsegwenza legali tal-inkompatibbiltà kkonstatata u għalhekk ma kienx ikun il-kawża ta’ dannu reparabbli, peress li tali trasferiment kien ikun ukoll parti mir-riskju li normalment tassumi impriża li teżerċita d-dritt previst fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament li twettaq konċentrazzjoni permezz ta’ offerta pubblika ta’ skambju qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fuq din il-konċentrazzjoni.

205

B’hekk jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ġibditx il-konsegwenzi tal-konstatazzjonijiet tagħha stess u wettqet żball fil-kwalifika legali tal-fatti peress li l-kawża diretta tad-dannu invokat kienet id-deċiżjoni ta’ Schneider, li ma kinitx imposta fuqha fil-kuntest tal-proċess tal-bejgħ mibdi fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, li tħalli li t-trasferiment ta’ Legrand isir effettiv fl-10 ta’ Diċembru 2002.

206

Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-fatt li, fl-eżerċizzju tal-għażla tagħha, Schneider kienet esposta għar-riskju li jkollha tħallas penali ta’ EUR 180 miljun. Fil-fatt, tali riskju kien jirriżulta mill-kuntratt ta’ trasferiment konkluż, fiċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, mill-impriża.

207

B’mod definittiv, għandu jintlaqa’ t-tielet aggravju, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-kumplament tat-tielet u l-ħames partijiet u mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ewwel, it-tieni u r-raba’ partijiet tiegħu.

208

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati r-raba’ u l-ħames aggravji, dwar, rispettivament, l-identifikazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ kap ta’ dannu mhux invokat minn Schneider u dwar l-għoti ta’ interessi kumpensatorji mill-10 ta’ Diċembru 2002 dwar id-dannu marbut mat-tnaqqis allegat fil-prezz tat-trasferiment, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn:

tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa żewġ terzi tad-dannu invokat minn Schneider minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand li hija kienet tat lill-akkwirenti bħala korrispettiv għall-posponiment sal-10 ta’ Diċembru 2002 tat-terminu għat-twettiq effettiv tal-bejgħ;

ordnat perizja sabiex issir stima ta’ dan il-kap tad-dannu;

tat interessi fuq il-kumpens korrispondenti għal dan id-dannu.

209

Il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

VII — Fuq il-konsegwenzi tal-annullament parzjali tas-sentenza appellata

210

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan il-każ hija tista’ jew tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tiddeċidiha.

211

Il-kawża preżenti tista’ tiġi deċiża fuq it-talba għad-danni mressqa minn Schneider.

A — Fuq id-dannu kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minn Schneider sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni

212

Permezz tas-sentenza appellata, il-Komunità ġiet ikkundannata li tikkumpensa d-dannu kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minn Schneider minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fit-tkomplija tal-proċedura ta’ verifika tal-konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi Schneider I u Schneider II.

213

L-aggravji tal-appell tal-Kummissjoni kontra din id-deċiżjoni ġew miċħuda.

214

Għalhekk, għandha ssir likwidazzjoni tad-dannu inkwistjoni.

215

Fir-rikors promotur tagħha għal kumpens, Schneider tinvoka spejjeż addizzjonali f’ammont totali ta’ EUR 2107619.18, li jirriżultaw prinċipalment mill-assistenza tal-konsulenti legali, ekonomiċi u bankarji tagħha.

216

Kif diġà ġie deċiż fil-punt 320 tas-sentenza appellata, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa lil Schneider, għandhom jitnaqqsu minn dawn l-ispejjeż kollha:

it-total tal-ispejjeż sostnuti minn Schneider fil-Kawżi T-310/01, T-77/02 u T-77/02 R;

l-ispejjeż ta’ konsulenza ta’ konsulenti legali, fiskali u bankarji u l-ispejjeż amministrattivi l-oħra sostnuti sabiex tiġi implementata s-separazzjoni skont il-metodi imposti mill-Kummissjoni;

l-ispejjeż li Schneider neċessarjament sostniet b’konnessjoni mal-miżuri korrettivi tal-appoġġ li hija f’kull każ kellha tipproponi qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni negattiva, li kieku din ġiet adottata b’rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

217

Huma l-partijiet li għandhom jew jittrażmettu lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, l-ammont għal dak li jirrigwarda dan il-kap tad-dannu stabbilit bi ftehim komuni skont il-metodi ta’ kalkolu indikati fil-punt preċedenti, jew jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan l-istess terminu, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu.

B — Fuq id-dannu korrispondenti għat-tnaqqis fil-prezz ta’ trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider

218

Permezz tas-sentenza appellata, il-Komunità ġiet ikkundanata tikkumpensa żewġ terzi tad-dannu kkostitwit mill-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand mogħti minn Schneider lill-akkwirenti bħala korrispettiv għall-posponiment tat-terminu għat-twettiq effetiv tal-bejgħ sal-10 ta’ Diċembru 2002. Barra minn hekk, ġiet ordnata perizja sabiex jiġi stmat dan id-dannu u ngħataw interessi fuq il-kumpens korrispondenti għal dan id-dannu.

219

Dawn il-kapi ta’ deċiżjoni ġew annullati fuq l-appell tal-Kummissjoni.

220

Għalhekk għandha tiġi deċiża mill-ġdid it-talba ta’ Schneider f’dak li jikkonċerna d-dannu inkwistjoni.

221

Fid-dawl tal-motivazzjoni li wasslet għall-annullament parzjali tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat nuqqas ta’ rabta kawżali diretta bejn it-tnaqqis fil-prezz kontenzjuż u l-illegalità li vvizzjat id-deċiżjoni negattiva tal-Kummissjoni.

222

Fil-fatt, il-kawża diretta tad-dannu allegat hija d-deċiżjoni ta’ Schneider, li ma kinitix imposta fuqha, li tħalli t-trasferiment ta’ Legrand isir effettiv fl-10 ta’ Diċembru 2002.

223

Għalhekk ir-rikors ta’ Schneider għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-kumpens, b’mod prinċipali u l-interessi, ta’ dan id-dannu.

VIII — Fuq l-ispejjeż

224

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

225

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

226

Il-Kummissjoni talbet li Schneider tiġi kkundannata għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-proċedura tal-appell.

227

Peress li Schneider, fid-dawl ta’ din is-sentenza, tilfet fir-rigward ta’ ħafna mill-motivi u l-pretensjonijiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ din il-proċedura, żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-351/03), hija annullata sa fejn:

tikkundanna lill-Komunità Ewropea tikkumpensa żewġ terzi tad-dannu invokat minn Schneider Electric SA minħabba l-ammont tat-tnaqqis fil-prezz tat-trasferiment ta’ Legrand li hija tat lill-akkwirenti bħala korrispettiv għall-posponiment sal-10 ta’ Diċembru 2002 tat-twettiq effettiv tal-bejgħ;

ordnat perizja sabiex jiġi stmat dan il-kap tad-dannu;

tat interessi fuq il-kumpens korrispondenti għal dan id-dannu.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

Il-partijiet għandhom jittrażmettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza preżenti, l-istima tad-dannu kkostitwit mill-ispejjeż sostnuti minn Schneider Electric SA sabiex tipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjoni li seħħet wara l-għoti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-22 ta’ Ottubru 2002, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni (T-310/0l u T-77/02), stima stabbilita bi ftehim komuni skont il-metodi indikati fil-punt 216 ta’ din is-sentenza.

 

4)

Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-partijiet għandhom jippreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fl-istess terminu, it-talbiet tagħhom dwar il-kwantifikazzjoni tad-dannu.

 

5)

Il-kumplament tar-rikors ta’ Schneider Electric SA huwa miċħud.

 

6)

Schneider Electric SA hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u ma’ din il-proċedura, żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.