SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Ċittadinanza Ewropea — Moviment liberu tal-persuni — Artikoli 12 KE u 39 KE — Direttiva 2004/38/KE — Artikolu 24(2) — Evalwazzjoni tal-validità — Ċittadini ta’ Stat Membru — Attività professjonali fi Stat Membru ieħor — Livell tar-remunerazzjoni u tul tal-attività — Żamma ta’ status ta’ ‘ħaddiem’ — Dritt għal benefiċċji favur persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol”

Fil-Kawżi magħquda C-22/08 u C-23/08,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sozialgericht Nürnberg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2007, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-proċeduri

Athanasios Vatsouras (C-22/08),

Josif Koupatantze (C-23/08)

vs

Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), U. Lõhmus u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Blaschke, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Bering Liisberg u B. Weis Fogh, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn I. Rao u J. Coppel, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn E. Perillo, A. Auersperger Matić u U. Rösslein, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn M. Veiga u M. Simm, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE u 39 KE, kif ukoll il-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u r-rettifiki ĠU 2004, L 229, p. 35, L 197, p. 34, kif ukoll ĠU 2007, L 204, p. 28).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi mressqa minn A. Vatsouras u J. Koupatantze kontra l-Arbeitsgemeinschaft (ARGE) Nürnberg 900 (ċentru tal-impjieg tal-belt ta’ Nürnberg, iktar ’il quddiem l-“ARGE”), fir-rigward tal-irtirar tal-benefiċċju bażi favur persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol li kienu jibbenifikaw minnu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-ewwel u d-disa premessi tad-Direttiva 2004/38 jipprovdu kif ġej:

“(1)

Iċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni tikkonferixxi lil kull ċittadin ta’ l-Unjoni d-dritt primarju u individwali li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat u għall-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ l-istess.

[…]

(9)

Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom id-dritt li jgħixu fl-Istat Membru ospitanti għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet xhur mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonijiet jew xi formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi, mingħajr preġudizzju għal trattament aktar favorevoli applikabbli għal dawk li qed ifittxu xogħol, kif rikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

4

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur mingħajr xi kondizzjonijiet jew formalitajiet għajr il-ħtieġa li jkollhom karta ta’ l-identità jew passaport li huma validi.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw ukoll għall-membri tal-familja li għandhom passaport validu li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li qed jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.”

5

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

(a)

ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti, […].

[…]

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(a), ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għadux jaħdem jew li m’għadux jaħdem għal rasu għandu jżomm l-istatus ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li taħdem għal rasha fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

[…]

ċ)

il-persuna kkonċernata spiċċat involontarjament bla xogħol wara li lestiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien fiss ta’ anqas minn sena jew wara li spiċċat involontarjament bla xogħol matul l-ewwel tnax-il xahar u rreġistrat bħala persuna li qed tfittex xogħol ma’ l-uffiċċju ta’ l-impjieg rilevanti. F’dan il-każ, l-istatus ta’ ħaddiem għandu jinżamm għal perjodu li mhux inqas minn sitt xhur;

[…]”

6

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jipprovdi b’mod partikolari:

“1.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikolu 6, sakemm ma jkunux ta’ piż [irraġonevoli] fuq is-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

2.   Ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom id-dritt ta’ residenza kif previst fl-Artikoli 7, 12 u 13 sakemm jaderixxu mal-kondizzjonijiet stabbiliti fihom.

[…]

4.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 u 2 u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu VI, m’għandha fl-ebda każ tiġi adotatta miżura ta’ tkeċċija kontra ċittadini ta’ l-Unjoni jew kontra membri tal-familja tagħhom jekk:

[…]

b)

iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni daħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex ifittxu impjieg. F’dan il-każ, iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom m’għandhomx jitkeċċew sakemm iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jistgħu jipprovdu evidenza li qed ikomplu jfittxu xogħol u li għandhom ċans ġenwin li jsibuh.”

7

Skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2004/38:

“1.   Bla ħsara għal disposizzjonijiet speċifiċi kif previsti b’mod ċar fit-Trattat u fil-liġi sekondarja, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jgħixu skond din id-Direttiva fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għandhom igawdu [minn] trattament ugwali bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru fl-iskop tat-Trattat. Il-benefiċċju ta’ dan id-dritt għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ residenza jew għandhom residenza permanenti.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru ospitanti m’għandux ikun obbligat li jattribwixxi d-dritt ta’ għajnuna soċjali matul l-ewwel tliet xhur ta’ residenza jew, fejn xieraq, matul il-perjodu itwal previst fl-Artikolu 14(4)(b), lanqas mhu obbligat, qabel il-kisba tad-dritt ta’ residenza permanenti, li jawtorizza għajnuna ta’ manteniment għall-istudji, inkluż taħriġ professjonali, li jikkonsisti f’konċessjonijiet ta’ l-istudenti jew f’self għal studenti lill-persuni li mhumiex ħaddiema, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li jżommu t-tali status u membri tal-familja tagħhom.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

L-Artikolu 7(1) tal-Ktieb II tal-Kodiċi Ġermaniż dwar is-sigurtà soċjali — Benefiċċji bażi favur persuni li jkunu qed ifittxu x-xogħol (Sozialgesetzbuch II, iktar ’il quddiem is-“SGB II”) jipprovdi:

“1.   Il-benefiċċji previsti f’dan il-ktieb jingħataw lill-persuni:

1)

li jkunu għalqu 15-il sena u li jkunu għadhom ma għalqux 65 sena,

2)

li huma kapaċi jwettqu attività,

3)

li jinsabu fil-bżonn u

4)

li r-residenza ordinarja tagħhom tinsab fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja […].

Huma esklużi […]

2.

ir-residenti barranin li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta esklużivament mill-għan li jfittxu xogħol, il-membri tal-familji tagħhom kif ukoll il-benefiċċjarji previsti fl-Artikolu 1 tal-liġi fuq il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil [Asylbewerberleistungsgesetz]. Id-dispożizzjonijiet preċedenti huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt ta’ residenza.”

9

Skont l-Artikolu 23(3) tal-Ktieb XII tal-Kodiċi Ġermaniż dwar is-sigurtà soċjali — Għajnuna soċjali intiża għall-barranin (Sozialgesetzbuch XII), iċ-ċittadini barranin li jidħlu fil-pajjiż sabiex jiksbu għajnuna soċjali jew li d-dritt ta’ residenza tagħhom jirriżulta biss mill-għan li jfittxu xogħol ma jibbenefikawx minn benefiċċji ta’ għajnuna soċjali.

10

L-Artikolu 1 tal-imsemmija liġi dwar il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil jistabbilixxi:

“1.   Għandhom dritt għall-benefiċċji previsti minn din il-liġi r-residenti barranin li jgħixu effettivament fuq it-territorju federali u li

1)

għandhom awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza għal applikanti għal ażil b’mod konformi mal-liġi dwar il-proċedura fir-rigward tat-talba għal ażil [Asylverfahrengesetz].

[…]”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C-22/08

11

A. Vatsouras, li twieled fl-10 ta’ Diċembru 1973 u li huwa ta’ nazzjonalità Griega, wasal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Marzu 2006.

12

Fl-10 ta’ Lulju 2006, huwa ppreżenta applikazzjoni quddiem l-ARGE sabiex jiġi ammess għall-benefiċċji tas-SGB II. B’deċiżjoni tal-ARGE tas-, dawn il-benefiċċji ġew mogħtija lilu sat-. Id-dħul irċevut minn A. Vatsouras abbażi tal-attività professjonali tiegħu tnaqqas mill-ammont tal-benefiċċji inkwistjoni, b’tali mod li l-ammont mensili tal-benefiċċju kien ta’ EUR 169. B’deċiżjoni tal-ARGE tad-, l-għoti tal-imsemmija benefiċċji ġie estiż sal-.

13

L-attività professjonali ta’ A. Vatsouras intemmet fl-aħħar tax-xahar ta’ Jannar 2007.

14

B’deċiżjoni tat-18 ta’ April 2007, l-ARGE waqqaf dawn il-benefiċċji, b’effett mit-. L-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni minn A. Vatsouras ġie miċħud b’deċiżjoni tal-ARGE tal-, minħabba li huwa ma kellux dritt għal dawn il-benefiċċji skont it-tieni sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn A. Vatsouras quddiem is-Sozialgericht Nürnberg.

15

Sadanittant, fl-4 ta’ Ġunju 2007, A. Vatsouras reġa’ beda attività professjonali li ppermettietlu li ma jibqax jiddependi mill-għajnuna soċjali.

Kawża C-23/08

16

J. Koupatantze, li twieled fil-15 ta’ Mejju 1952, huwa ċittadin Grieg.

17

Huwa daħal fil-Ġermanja fix-xahar ta’ Ottubru 2006 u aċċetta impjieg fl-1 ta’ Novembru ta’ wara. Il-kuntratt tax-xogħol tiegħu ntemm fil-21 ta’ Diċembru tal-istess sena, peress li min kien jimpjegah invoka nuqqas ta’ ordnijiet.

18

Fit-22 ta’ Diċembru 2006, J. Koupatantze ppreżenta applikazzjoni quddiem l-ARGE sabiex jiġi ammess għall-benefiċċji bażi favur min qiegħed ifittex xogħol previsti fis-SGB II. B’deċiżjoni tal-ARGE tal-, benefiċċju fl-ammont mensili ta’ EUR 670 ġie mogħti lilu sal-. Madankollu, b’deċiżjoni tat-, l-ARGE waqqaf dan il-benefiċċju, b’effett mit-.

19

L-ilment imressaq kontra din id-deċiżjoni minn J. Koupatantze ġie miċħud b’deċizjoni tal-ARGE tal-11 ta’ Mejju 2007, minħabba l-fatt li huwa ma kellux dritt għal dawn il-benefiċċji skont it-tieni sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tas-SGB II. Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn J. Koupatantze quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Mill-1 ta’ Ġunju 2007, J. Koupatantze reġa’ beda attività professjonali li ppermettietlu li ma jibqax jiddependi mill-għajnuna soċjali.

Id-domandi preliminari

21

Fit-18 ta’ Diċembru 2007, is-Sozialgericht Nürnberg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 […], huwa konformi mal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE?

2)

Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini tal-Unjoni mill-benefiċċju ta’ għajnuna soċjali fil-każ li jinqabeż it-tul massimu ta’ residenza previst fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/38 […], u fin-nuqqas ta’ kull dritt ta’ residenza abbażi ta’ dispożizzjonijiet oħra?

3)

Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, l-Artikolu 12 KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea anki mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija lill-immigranti klandestini?”

22

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ April 2008, il-kawżi C-22/08 u C-23/08 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

Għalkemm, fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali hija bħala prinċipju l-qorti nazzjonali li għanda tivverifika li l-kundizzjonijiet fattwali li jinvolvu l-applikazzjoni ta’ regola Komunitarja huma miġbura flimkien fil-kawża pendenti quddiemha, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar rinviju preliminari, hija tista’, jekk ikun il-każ, tagħti indikazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 58).

24

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi li saru huma bbażati fuq il-premessa li, fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, A. Vatsouras u J. Koupatantze ma kellhomx il-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE.

25

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-attività professjonali “minuri eżerċitata għal żmien qasir” minn A. Vatsouras kienet “insuffiċjenti għall-finijiet tal-għejxien tiegħu” u li l-attività eżerċitata minn J. Koupatantze “damet ftit biss iktar minn xahar”.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE għandu portata Komunitarja u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha titqies li hija “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet reali u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet daqshekk żgħar li jkunu purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skont din il-ġurisprudenza, il-fatt li għal ċertu żmien, persuna twettaq favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi inkunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17, kif ukoll tal-, Petersen, C-228/07, Ġabra p. I-6989, punt 45).

27

La l-livell limitat tar-remunerazzjoni msemmija u lanqas l-oriġini tar-riżorsi tagħha ma jista’ jkollhom ebda konsegwenza fuq il-kwalità ta’ “ħaddiem” skont id-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punt 15, kif ukoll tat-, Mattern u Cikotic, C-10/05, Ġabra p. I-3145, punt 22).

28

Il-fatt li d-dħul minn attività bi ħlas huwa inqas mill-minimu neċessarju għall-għejxien ma jipprekludix li l-persuna li twettaq dik l-attività titqies bħala “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punti 15 u 16, kif ukoll tal-, Nolte, C-317/93, Ġabra p. I-4625, punt 19), anki jekk il-persuna kkunsidrata tipprova żżid ir-remunerazzjoni tagħha b’mezzi oħra ta’ għejxien bħal għajnuna finanzjarja meħuda mill-fondi pubbliċi tal-Istat ta’ residenza (ara s-sentenza tat-, Kempf, 139/85, Ġabra p. 1741, punt 14).

29

Barra minn hekk, fir-rigward tat-tul tal-attività eżerċitata, il-fatt li attività bi ħlas hija ta’ tul qasir ma jistax, minnu nnfisu, jeskludiha mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 KE (ara, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C-3/90, Ġabra p. I-1071, punt 16, u tas-, Ninni-Orasche, C-413/01, Ġabra p. I-13187, punt 25).

30

Isegwi li, indipendentement mill-ammont limitat tar-remunerazzjoni u mit-tul qasir tal-attività professjonali, ma jistax jiġi eskluż li din, wara evalwazzjoni ġenerali tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni, ma tistax titqies mill-awtoritajiet nazzjonali bħala reali u effettiva, u li tippermetti, għaldaqstant, li min jeżerċitaha jingħata l-kwalità ta’ “ħaddiem” fis-sens tal-Artikolu 39 KE.

31

Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjoni fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati minn A. Vatsouras u J. Koupatantze, dawn ikunu setgħu jżommu l-istatus ta’ ħaddiema għal mill-inqas sitt xhur kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(3)(ċ) tad-Direttiva 2004/38. Tali evalwazzjonijiet ta’ fatt għandhom jitwettqu biss taħt ir-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali.

32

Li kieku A. Vatsouras u J. Koupatantze żammew l-istatus ta’ ħaddiema, kien ikollhom dritt għal benefiċċji bħal dawk previsti mis-SGB II, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2004/38, matul l-imsemmi perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur.

Fuq l-ewwel domanda

33

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 huwiex konformi mal-Artikolu 12 KE moqri flimkien mal-Artikolu 39 KE.

34

L-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi deroga mill-prinċipju ta’ trattament ugwali li jibbenifikaw minnu ċ-ċittadini tal-Unjoni li ma humiex ħaddiema impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom, persuni li għandhom tali status u l-membri tal-familja tagħhom, li jgħixu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti.

35

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ospitanti ma huwiex obbligat li jagħti d-dritt għall-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali, b’mod partikolari lill-persuni li qegħdin ifittxu xogħol matul l-itwal perijodu li matulu għandhom id-dritt ta’ residenza f’dak l-Istat Membru.

36

Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jkunu qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 KE u, għaldaqstant, jibbenefikaw mid-dritt għal trattament ugwali previst fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Ioannidis, C-258/04, Ġabra p. I-8275, punt 21).

37

Barra minn hekk, b’kunsiderazzjoni tal-ħolqien taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u tal-interpretazzjoni tad-dritt għal trattament ugwali li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni, ma huwiex iktar possibbli li mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39(2) KE jiġi eskluż benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C-138/02, Ġabra p. I-2703, punt 63 u Ioannidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

38

Huwa madankollu leġittimu li Stat Membru jagħti tali għajnuna biss wara li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta reali bejn il-persuna li qed tfittex ix-xogħol u s-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98, Ġabra p. I-6191, punt 38 u Ioannidis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

39

L-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi vverifikata, b’mod partikolari, permezz tal-konstatazzjoni li l-persuna inkwistjoni, matul perijodu ta’ żmien raġjonevoli, effettivament u realment kienet qed tfittex impjieg fl-Istat Membru inkwistjoni (sentenza Collins, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70).

40

Isegwi li ċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor li stabbilixxew rabtiet reali mas-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat jistgħu jinvokaw l-Artikolu 39(2) KE sabiex jibbenifikaw minn benefiċċju ta’ natura finanzjarja intiż sabiex jiffaċilita l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

41

Huma l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u, jekk ikun il-każ, il-qrati nazzjonali, li għandhom mhux biss jikkonstataw l-eżistenza ta’ rabta reali mas-suq tax-xogħol, iżda għandhom ukoll janalizzaw l-elementi li jiffurmaw lill-imsemmi benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet tiegħu u l-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu.

42

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan tal-benefiċċju għandu jiġi eżaminat abbażi tar-riżultati tiegħu, u mhux abbażi tal-istruttura fomali tiegħu.

43

Kundizzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 7(1) tas-SGB II, fejn il-pesuna interessata għandha tkun kapaċi li teżerċita attività professjonali, tista’ tikkostitwixxi ħjiel li l-benefiċċju huwa intiż sabiex jiffaċilità l-aċċess għall-impjieg.

44

F’kull każ, id-deroga prevista fl-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 39(2) KE.

45

Ma jistgħux jitqiesu bħala “benefiċċji ta’ għajnuna soċjali”, fis-sens tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38, il-benefiċċji ta’ natura finanzjarja li, indipendentement mill-kwalifika tagħhom fil-liġi nazzjonali, huma intiżi sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta tkun fis-sens li, fir-rigward tad-dritt taċ-ċittadini tal-Istati Membri li qegħdin ifittxu xogħol fi Stat Membru ieħor, l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38.

Fuq it-tieni domanda

47

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

48

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija lill-immigranti klandestini.

49

Fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirriferi għad-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq il-benefiċċji li għandhom jingħataw lill-applikanti għal ażil, fejn l-Artikolu 1(1) jipprovdi li l-barranin li effettivament jirresjedu fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom dritt għall-imsemmija benefiċċji, minn meta jkollhom awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza bħala applikanti għal ażil.

50

Konsegwentement, id-domanda li saret għandha tinftiehem fis-sens li essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12 KE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-beneficċji ta’ għajnuna soċjali, filwaqt li dawn jingħataw lil ċittadini ta’ Stati terzi.

51

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 KE jipprojbixxi, fl-iskop ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE, u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tiegħu, kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

52

Din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, fejn ċittadin ta’ Stat Membru jkun ġie suġġett għal trattament diskriminatorju, meta mqabbel maċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor, biss abbażi tan-nazzjonalità tiegħu, u ma tapplikax fil-każ ta’ eventwali differenza ta’ trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istati Membri u dawk tal-Istati terzi.

53

Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tielet domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 12 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

F’dak li jirrigwarda d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membri li qegħdin ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor, l-eżami tal-ewwel domanda ma żvela l-ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tal-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.

 

2)

L-Artikolu 12 KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi liċ-ċittadini ta’ Stati Membri mill-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali mogħtija liċ-ċittadini ta’ Stati terzi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.