SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ April 2009 ( *1 )

“Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali — Regolament (KE) Nru 44/2001 — Ġurisdizzjoni speċjali — Artikolu 5(1)(a) u t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) — Kunċett ta’ ‘provvista ta’ servizzi’ — Konċessjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali”

Fil-Kawża C-533/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Novembru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2007, fil-kawża

Falco Privatstiftung,

Thomas Rabitsch

vs

Gisela Weller-Lindhorst,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, E. Juhász, G. Arestis u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Falco Privatstiftung u T. Rabitsch, minn M. Walter, Rechtsanwalt,

għal G. Weller-Lindhorst, minn T. Wallentin, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Kemper u M. Lumma, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Falco Privatstiftung, fondazzjoni stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija), flimkien ma’ T. Rabitsch, residenti fi Vjenna (l-Awstrija) u G. Weller-Lindhorst, residenti fi Munich (il-Ġermanja), dwar, minn naħa, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li permezz tiegħu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali awtorizzaw lill-konvenuta fil-kawża prinċipali tikkummerċjalizza reġistrazzjonijiet vidjo ta’ kunċert, fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fl-Isvezja, u, min-naħa l-oħra, il-kummerċjalizzazzjoni, mingħajr ebda bażi kuntrattwali, ta’ reġistrazzjonijiet awdjo tal-imsemmi kunċert.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

3

Skont l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni tas-26 ta’ Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portuġiża (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”):

“Il-konvenut domiċiljat fit-territorju ta’ Stat kontraenti jista’ jiġi mħarrek fi Stat kontraenti ieħor:

1)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba f’dak il-każ; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regolament Nru 44/2001

4

IL-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Ċerti differenzi bejn regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent ta’ sentenzi jfixklu l-operat tajjeb tas-suq intern. Disposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex iħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament huma essenzjali.”

5

Skont il-premessa 11 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur [ta’ rabta] differenti […]”

6

IL-premessa 12 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi:

“B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

7

Il-premessa 19 tar-Regolament Nru 44/2001 tipprovdi:

“Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u […] ir-Regolament, u għandhom jintalbu għal dan il-għan disposizzjonijiet transitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja […]”

8

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, li huwa kompost mill-Artikoli 2 sa 31.

9

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jagħmel parti mis-Sezzjoni 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” tal-imsemmi kapitolu II, jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, ind[i]pendentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

10

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fl-istess sezzjoni, jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

11

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsab fis-Sezzjoni 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxija:

1)

a)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

b)

għall-iskopijiet ta’ din id-disposizzjoni u sa kemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq ta’ l-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, l-oġġetti ġew kunsinjati jew suppost li kienu kunsinjati,

fil-każ ta’ provista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skond il-kuntratt, ġew provduti jew suppost li kienu provduti servizzi;

ċ)

jekk sub-paragrafu (b) ma japplikax, japplika s-sub-paragrafu (a);

[…]

3)

f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed jitolbu l-ħlas ta’ royalties abbażi tal-ammont, parzjalment magħruf, tal-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet vidjo ta’ kunċert. Huma jitolbu wkoll li l-konvenuta fil-kawża prinċipali tiġi kkundannata tagħti stima tal-ammont totali tal-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo u tħallas ir-royalties addizzjonali li jirriżultaw minnha. Insostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinvokaw, fir-rigward tal-bejgħ tar-reġistrazzjonijiet vidjo, il-kundizzjonijiet tal-kuntratt li jorbothom mal-parti kontraenti tagħhom, u fir-rigward tal-bejgħ tar-reġistrazzjonijiet awdjo, ksur tad-drittijiet tal-awtur minħabba nuqqas ta’ bażi kuntrattwali f’dan ir-rigward.

13

Fl-ewwel istanza, il-Handelsgericht Wien, wara li tressqet kawża quddiemha mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li kellha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq dawn it-talbiet, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Hija qieset li fid-dawl tar-rabta stretta bejn id-drittijiet invokati, il-ġurisdizzjoni tagħha kienet tkopri wkoll ir-royalties relatati mar-reġistrazzjonijiet vidjo dovuti skont il-kuntratt inkwistjoni, liema fatt ġie kkontestat mill-konvenuta fil-kawża prinċipali.

14

Fl-appell, l-Oberlandesgericht Wien qieset li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 ma kienx japplika għad-drittijiet ta’ natura kuntrattwali, u lanqas it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-istess regolament, peress li l-kuntratt inkwistjoni ma kienx kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

15

Wara li tressaq quddiemha appell fuq punt ta’ liġi (“reviżjoni”) fir-rigward biss tat-talbiet relatati mat-tixrid ta’ reġistrazzjonijiet vidjo, l-Oberster Gerichtshof osservat li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” mhuwiex iddefinit fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001. B’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u għal ċerti direttivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li jippreferu definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ servizzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk kuntratt, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tisfrutta dan id-dritt bi ħlas, għandux jiġi kklassifikat bħala kuntratt relatat mal-“provvista ta’ servizzi”, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001. Jekk dan ikun il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fejn huwa l-post fejn jiġi pprovdut is-servizz u jekk il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tistax ukoll tiddeċiedi fuq ir-royalties relatati mal-isfruttament tad-drittijiet tal-awtur inkwistjoni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

16

Fil-każ fejn il-ġurisdizzjoni tal-qrati ma tkunx ibbażata fuq it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti tar-rinviju tqis li, bis-saħħa tal-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament, għandha tiġi applikata r-regola stabbilita fl-Artikolu 5(1)(a). Issa, skont il-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-post tat-twettiq tal-obbligu kkontestat huwa determinanti, skont is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, De Bloos (14/76, Ġabra p. 1497), u għandu jiġi stabbilit skont id-dritt applikabbli fil-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1976, Industrie Tessili Italiana Como (12/76, Ġabra p. 1473).

17

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-Oberster Gerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Il-kuntratt li bis-saħħa tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tisfrutta dan id-dritt (kuntratt ta’ liċenzja) huwa kuntratt li għandu bħala suġġett il-‘provvista ta’ servizzi’ fis-sens tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament [Nru 44/2001]?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fil-pożittiv:

a)

Is-servizz huwa pprovdut f’kull post fi Stat Membru fejn l-użu tad-dritt huwa permess abbażi tal-kuntratt u fejn fil-fatt jiġi użat?

b)

Jew inkella dan is-servizz huwa pprovdut fil-post tad-domiċilju jew, fil-post fejn huwa stabbilit min jikkonċedi l-liċenzja?

ċ)

Jekk ir-risposta għat-tieni domanda, punt (a) jew għat-tieni domanda, punt (b) tkun fil-pożittiv, il-li għandha ġurisdizzjoni għandha wkoll is-setgħa li tiddeċiedi dwar ir-royalties dovuti abbażi tal-użu tad-dritt fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda, jew għat-tieni domanda, punt (a) kif ukoll għat-tieni domanda, punt (b) tkun fin-negattiv, il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-ħlas tar-royalties fuq liċenzja taħt l-Artikolu 5(1)(a) u (ċ) tar-Regolament [Nru 44/2001] għandha tibqa’ tiġi stabbilita skont il-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tal-[Konvenzjoni ta’ Brussell]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

18

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk kuntratt, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għall-ħlas ta’ remunerazzjoni, huwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

19

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 ma jippermettix, waħdu, li tingħata risposta għad-domanda li saret, peress li din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ kuntratt għal provvista ta’ servizzi.

20

Konsegwentement, it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-oriġini, tal-għanijiet u tal-iskema tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C-103/05, Ġabra p. I-6827, punt 29, tal-14 ta’ Diċembru 2006, ASML, C-283/05, Ġabra p. I-12041, punti 16 u 22, kif ukoll tat-3 ta’ Mejju 2007, Color Drack, C-386/05, Ġabra p. I-3699, punt 18).

21

F’dan ir-rigward, mill-premessi 2 u 11 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan ir-regolament għandu l-iskop li jgħaqqad ir-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni li għandhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

22

Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 44/2001 għandu għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni legali tal-persuni stabbiliti fil-Komunità Ewropea, billi jippermetti kemm li r-rikorrent jidentifika faċilment il-qorti li fiha jista’ jibda proċedura legali kif ukoll li l-konvenut jipprevedi b’mod raġonevoli dik il-qorti li fiha huwa jista’ jiġi mfittex (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Reisch Montage, punti 24 u 25, kif ukoll Color Drack, punt 20).

23

Għal dan il-għan, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 huma artikolati madwar il-ġurisdizzjoni bbażata fuq il-prinċipju tal-post tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilit fl-Artikolu 2 tiegħu u msaħħaħ bir-regoli dwar ġurisdizzjoni speċjali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Reisch Montage, punt 22, u Color Drack, punt 21).

24

Għaldaqstant, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni tal-post tad-domiċilju tal-konvenut hija msaħħa, fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, b’regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali fil-qasam kuntrattwali. Din l-aħħar regola, li tissodisfa l-għan ta’ viċinanza, hija motivata mill-eżistenza ta’ fattur ta’ rabta stretta bejn il-kuntratt u l-qorti li tintalab tieħu konjizzjoni tiegħu.

25

Skont l-imsemmija regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali, il-konvenut jista’ wkoll jiġi mfittex quddiem il-qorti tal-post tat-twettiq tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba, peress li dik il-qorti hija preżunta li għandha fattur ta’ rabta stretta mal-kuntratt.

26

Sabiex isaħħaħ l-għan essenzjali ta’ ċertezza legali li jirregola r-regoli ta’ ġurisdizzjoni li jistabbilixxi, ir-Regolament Nru 44/2001 jiddefinixxi dan il-kriterju ta’ rabta għall-kuntratti dwar provvista ta’ servizzi b’mod awtonomu.

27

Fil-fatt, bis-saħħa tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, il-post tat-twettiq tal-obbligu li huwa l-bażi tat-talba huwa l-post fi Stat Membru fejn, bis-saħħa tal-kuntratt, is-servizzi ġew jew kellhom jiġu pprovduti.

28

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi ddeterminat jekk kuntratt, li permezz tiegħu proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, huwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001.

29

F’dan ir-rigward, kif isostnu l-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Italja u tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub li ppreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ servizzi jimplika, minn tal-inqas, li l-parti li tipprovdihom twettaq attività partikolari inkambju għal remunerazzjoni.

30

Issa, il-kuntratt li permezz tiegħu proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni ma jimplikax tali attività.

31

Fil-fatt, permezz ta’ tali kuntratt, il-proprjetarju tad-dritt mogħti jobbliga ruħu biss, fir-rigward tal-parti kontraenti, li ma jikkontestax l-isfruttament ta’ dan id-dritt ta’ dan tal-aħħar. Kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proprjetarju tad-dritt tal-proprjetà intellettwali ma jwettaq l-ebda servizz meta jikkonċedi l-użu ta’ dan id-dritt u jorbot lilu nnifsu biss li jħalli lill-parti kontraenti tgawdi liberament mid-dritt imsemmi.

32

F’dan ir-rigward, mhuwiex rilevanti l-fatt jekk il-parti kontraenti tkunx jew le marbuta li tisfrutta d-dritt ta’ proprjetà intellettwali mogħti.

33

Din l-evalwazzjoni ma tistax titqiegħed indiskussjoni minn argumenti bbażati fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi” fis-sens tal-Artikolu 50 KE jew tal-atti sekondarji tad-dritt Komunitarju differenti mir-Regolament Nru 44/2001 jew mill-istruttura u l-iskema tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

34

Fl-ewwel lok, ebda element ibbażat fuq l-istruttura jew l-iskema tar-Regolament Nru 44/2001 ma jeżiġi interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, fid-dawl tas-soluzzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 50 KE.

35

Għalkemm dan il-qasam jagħti lok, skont il-każ, għal interpretazzjonijiet wiesgħa tal-kunċett ta’ servizzi, dan l-approċċ huwa madankollu motivat mix-xewqa li l-ikbar numru ta’ attivitajiet ekonomiċi li ma jaqgħux taħt il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital jew tal-persuni ma jiġux esklużi mill-applikazzjoni tat-Trattat KE.

36

Issa, fis-sistema tar-Regolament Nru 44/2001, il-fatt li kuntratt, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, ma jaqax taħt kuntratti għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) ta’ dan ir-regolament, ma jipprekludix li dan il-kuntratt ikun suġġett għall-imsemmi regolament, b’mod partikolari għar-regoli l-oħra tiegħu dwar ġurisdizzjoni.

37

Is-sistema u l-iskema tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jirrikjedu, min-naħa l-oħra, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali jiġu interpretati restrittivament, fosthom dawk, fil-qasam kuntrattwali, li jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament, li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut.

38

Fit-tieni lok, għal raġunijiet simili, lanqas ma għandha ssir interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, li jinsab fit-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi”, ibbażata fuq id-direttivi Komunitarji fil-qasam tal-VAT.

39

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tagħha, id-definizzjoni ta’ dan l-aħħar kunċett ipprovduta mid-direttivi fil-qasam tal-VAT, hija definizzjoni negattiva li, fiha nnifisha, hija neċessarjament wiesgħa, peress li fiha, il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi” huwa ddefinit bħala kull operazzjoni li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti. Għalhekk, dawn id-direttivi jikkunsidraw biss, bħala operazzjonijiet taxxabbli fit-territorju tal-Komunità, lil żewġ kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi, jiġifieri l-kunsinna ta’ oġġetti u l-provvista ta’ servizzi.

40

Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, meta ma jkunx kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija, il-ġurisdizzjoni ma tiġix stabbilita biss abbażi tar-regoli li japplikaw fir-rigward ta’ kuntratti għal provvista ta’ servizzi. Fil-fatt, l-Artikolu 5(1)(a) ta’ dan ir-regolament huwa applikabbli għall-kuntratti li la huma kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija u lanqas kuntratti għal provvista ta’ servizzi, skont l-Artikolu 5(1)(ċ) tal-imsemmi regolament.

41

Fl-aħħar nett, u fit-tielet lok, l-evalwazzjoni, li tgħid li kuntratt li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, lanqas ma tista’ titqiegħed indiskussjoni min-neċessità, invokata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 5(1)(b) jiġi delimitat b’mod wiesa’ meta mqabbel mal-Artikolu 5(1)(a).

42

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, mill-iskema tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 44/2001, jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju adotta regoli ta’ ġurisdizzjoni distinti kemm, minn naħa, fir-rigward tal-kuntratti ta’ bejgħ ta’ merkanzija kif ukoll fir-rigward ta’ kuntratti għal provvista ta’ servizzi, u min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ kull tip ieħor ta’ kuntratt li mhuwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-imsemmi regolament.

43

Issa, it-tkabbir tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, imur kontra r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju f’dan ir-rigward u jippreġudika l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 5(1)(ċ) u 5(1)(a).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li t-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

45

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, m’hemmx lok għalfejn tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it-tielet domanda

46

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar talba għal ħlas tar-remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt, għandux jibqa’ jsir riferiment għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

47

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, il-kunċett ta’ “obblig[u]”, imsemmi f’dan l-artikolu, jirreferi għall-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt u li n0nuqqas ta’ eżekuzzjoni tiegħu tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-proċedura legali, u min-naħa l-oħra, il-post tat-twettiq tal-obbligu huwa stabbilit skont il-liġi li tirregola l-imsemmi obbligu skont ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (ara, rispettivament, fir-rigward tal-kunċett ta’ “obblig[u]” msemmi fl-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi De Bloos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tal-15 ta’ Jannar 1987, Shenavai, 266/85, Ġabra p. 239, punt 9; tad-29 ta’ Ġunju 1994, Custom Made Commercial, C-288/92, Ġabra p. I-2913, punt 23; tal-5 ta’ Ottubru 1999, Leathertex, C-420/97, Ġabra p. I-6747, punt 31, u tad-19 ta’ Frar 2002, Besix, C-256/00, Ġabra p. I-1699, punt 44, kif ukoll, f’dak li jirrigwarda l-post tat-twettiq tal-obbligu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi Industrie Tessili Italiana Como, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; Custom Made Commercial, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; tat-28 ta’ Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et, C-440/97, Ġabra p. I-6307, punt 32; Leathertex, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Besix, iċċitata iktar ’il fuq, punti 33 u 36).

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa identiku għal dak tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

49

Fir-rigward ta’ dan il-punt, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa fil-biċċa l-kbira mfassal fuq il-Konvenzjoni ta’ Brussell, li permezz tagħha l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jiżgura kontinwità reali, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament.

50

Fil-fatt, huwa minnu li r-Regolament Nru 44/2001 huwa intiż li jaġġorna l-Konvenzjoni ta’ Brussell, iżda wkoll li jippreżerva l-istruttura u l-prinċipji fundamentali tagħha u li jiżgura l-kontinwità tagħhom.

51

Issa, fin-nuqqas ta’ xi raġuni li timponi interpretazzjoni differenti, ir-rekwiżit ta’ koerenza jimplika li l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu portata identika għal dik tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod li tiġi żgurata interpretazzjoni uniformi tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-Regolament Nru 44/2001 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2002, Henkel, C-167/00, Ġabra p. I-8111, punt 49).

52

Għaldaqstant, hekk kif osserva l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell li ġew inklużi mingħajr ebda emenda fir-Regolament Nru 44/2001 għandhom jibqgħu jiġu interpretati bl-istess mod fil-kuntest tal-imsemmi regolament u dan iktar u iktar minħabba li dan ir-regolament issostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Henkel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49, u tat-8 ta’ Mejju 2003, Gantner Electronic, C-111/01, Ġabra p. I-4207, punt 28).

53

Kif sostna l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din il-kontinwità fl-interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali li jeħtieġu li l-ġurisprudenza tradizzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leġiżlatur Komunitarju ma kellux l-intenzjoni jemenda, ma tiġix ikkontestata.

54

F’dan ir-rigward, u kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punti 94 u 95 tal-konklużjonijiet tagħha, kemm mix-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 44/2001 kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 5(1) tiegħu jirriżulta li huwa biss fir-rigward tal-kuntratti għal bejgħ ta’ merkanzija u dawk għal provvista ta’ servizzi li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq, minn naħa, li ma jorbotx iktar lilu nnifsu mal-obbligu inkwistjoni, iżda li jżomm l-obbligu karatteristiku ta’ dawn il-kuntratti, u min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi b’mod awtonomu l-post ta’ twettiq tal-obbligu bħala l-kriterju ta’rabta mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-qasam kuntrattwali.

55

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jippreżerva, fir-rigward tal-kuntratti kollha minbarra dawk li jikkonċernaw il-bejgħ tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi, il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni u li jiġi stabbilit il-post tat-twettiq tal-obbligu.

56

Għaldaqstant, l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jkollu portata identika għal dik tal-Artikolu 5(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

57

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ntqalu, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, sabiex tiġi stabbilita, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li għandha ġursdizzjoni tiddeċiedi dwar talba ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt, għandu jibqa’ jsir riferiment għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

Fuq l-ispejjeż

58

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni inċiż tal-Artikolu 5(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li kuntratt, li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt inkambju għal ħlas ta’ remunerazzjoni, mhuwiex kuntratt għal provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

Sabiex tiġi stabbilita, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 44/2001, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi dwar talba ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni dovuta abbażi ta’ kuntratt li permezz tiegħu l-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jagħti lill-parti kontraenti l-jedd li tuża dan id-dritt, għandu jibqa’ jsir riferiment għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata bil-Konvenzjoni, tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.