SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ April 2004 ( *1 )

“Appell — Protezzjoni tal-habitat naturali — Lista ta’ siti ta’ importanza għall-Komunità għar-reġjun bijoġeografiku Boreali adottata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni — Ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra din id-deċiżjoni”

Fil-Kawża C-362/06 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2006,

Markku Sahlstedt et , irrappreżentati minn K. Marttinen, asianajaja,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Huttunen u M. van Beek, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Repubblika tal-Finlandja,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Schiemann, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. Makarczyk, P. Kūris, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Frar 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, M. Sahlstedt et qegħdin jitolbu l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropew, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (T-150/05, Ġabra p. II-1851, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”), li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/101/KE, tat-13 ta’ Jannar 2005, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Boreali (ĠU L 40, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont is-sitt premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Habitat’”), sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu rripristinati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti skont skeda speċifikata.

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva ‘Habitat’ jipprovdi li:

“1.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, dawn is-siti għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għal ħajjithom u għar-riproduzzjoni. […]

Il-lista għandha tkun mgħoddija lill-Kummissjoni, fi żmien tliet snin min-notifika ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ informazzjoni dwar kull sit. Dik l-informazzjoni jrid ikun fiha mappa tas-sit, isimha, il-post, id-daqs u l-fatti magħrufa li jirriżultaw mill-applikar tal-kriterji speċifikati fl-Anness III (Stadju 1) mogħtija f’għamla stabbilita mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

2.   Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri li tidentifika dawk li jospitaw waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità.

[…]

Il-lista tas-siti magħżula bħala siti ta’ importanza għall-Komunità, li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

3.   Il-lista msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi stabbilita fi żmien sitt snin min-notifika ta’ din id-Direttiva.

4.   Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

4

L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni adottat il-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Boreali.

6

Din id-deċiżjoni integrat fl-imsemmija siti ċerti artijiet li jappartjenu lil persuni privati, fosthom l-appellanti kollha bl-eċċezzjoni ta’ Maa- ja metsätaloustuottajain keskusliitto MTK ry (iktar ’il quddiem “MTK ry”). Din tal-aħħar hija assoċjazzjoni li tiġbor fiha madwar 163000 operatur agrikolu u forestali.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u d-digriet appellat

7

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Registru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ April 2005, M. Sahlstedt et ippreżentaw ir-rikors li ta lok għad-digriet appellat.

8

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

9

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-imsemmi rikors bħala inammissibbli, għar-raġuni li M. Sahlstedt et, li mhumiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, mhumiex ikkonċernati direttament minn din tal-aħħar.

10

Fil-punt 54 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, li tinnomina, bħala siti ta’ importanza Komunitarja, żoni mit-territorju Finlandiż, ma tipproduċix, minnha nnifisha, effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti li huma proprjetarji ta’ artijiet f’dawn iż-żoni. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, peress li din id-deċiżjoni ma fiha ebda dispożizzjoni fir-rigward tas-sistema ta’ protezzjoni tas-siti ta’ importanza Komunitarja, bħalma huma l-miżuri ta’ konservazzjoni jew il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li għandhom jiġu osservati, hija la tolqot id-drittijiet u l-obbligi tal-proprjetarji ta’ beni immobbli u lanqas l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li kienu qegħdin jallegaw M. Sahlstedt et, l-inklużjoni ta’ dawn iż-żoni fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja b’ebda mod ma tobbliga lill-operaturi ekonomiċi jew lill-persuni privati.

11

Mill-punt 59 tad-digriet appellat jirriżulta li, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, ebda wieħed mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 6(1) sa (4) tad-Direttiva ‘Habitat’ ma japplika direttament għal M. Sahlstedt et. Fil-fatt, dawn l-obbligi kollha jeħtieġu azzjoni min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, sabiex jippreċiża b’liema mod biħsiebu jimplementa kull wieħed minnhom, kemm jekk b’miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa (Artikolu 6(1) tad-Direttiva ‘Habitat’), b’miżuri xierqa sabiex jiġi evitat id-deterjorament tas-sit (Artikolu 6(2) tad-Direttiva ‘Habitat’) jew bil-qbil tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal proġett li jista’ jkollu effett sinjifikattiv fuq is-sit (Artikolu 6(3) u (4) tal-imsemmija direttiva).

12

Sussegwentement, fil-punt 61 tad-digriet appellat, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, minn naħa, li, bl-istess mod bħall-individwi rikorrenti fl-ewwel istanza, il-membri ta’ MTK ry ma jisgħux jitqiesu bħala kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li din l-assoċjazzjoni ma wrietx li hija stess kellha interess li tressaq l-azzjoni, bħal pożizzjoni ta’ negozjatur milqut mill-imsemmija deċiżjoni.

13

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fil-punt 62 tad-digriet appellat, li, peress li l-appellanti ma kinux ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata, ma kienx hemm lok li hija tiddeċiedi dwar il-kwistjoni ta’ jekk huma kinux ikkonċernati individwalment.

14

Madankollu, fil-punt 63 ta’ dan id-digriet hija speċifikat li, fin-nuqqas ta’ locus standi sabiex jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-appellanti jistgħu jikkontestaw il-miżuri adottati skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva ‘Habitat’ li jirrigwardawhom u, f’dan il-kuntest, jibqgħalhom il-possibbiltà li jeċepixxu l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali li jiddeċiedu b’osservanza tal-Artikolu 234 KE.

It-talbiet tal-partijiet

15

Permezz tal-appell tagħhom, M. Sahlstedt et jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla d-digriet appellat u d-deċiżjoni kkontestata, u sabiex tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell kollu kemm hu u sabiex tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

17

Ir-Renju ta’ Spanja jitlob ukoll iċ-ċaħda tal-appell.

Fuq l-appell

18

Fl-appell tagħhom, M. Sahlstedt et jinvokaw tliet aggravji bbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat, fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-appellanti mhumiex ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata u fuq ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom tkun id-destinatarja u kontra d-deċiżjonijiet li, għalkemm fil-forma ta’ regolament jew ta’ deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tikkonċernaha “direttament u individwalment”.

20

F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-appellanti mhumiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

21

Minkejja li l-Kummissjoni argumentat ukoll li l-appellanti mhumiex ikkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet biss dwar il-kwistjoni ta’ jekk dawn humiex ikkonċernati direttament minnha.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju li jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika kontra deċiżjoni li ma tkunx id-destinatarja tagħha għall-kundizzjoni li din il-persuna tkun ikkonċernata direttament jew individwalment minn din id-deċiżjoni, kriterju stabbilit fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jikkostitwixxi eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku li l-qrati Komunitarji jistgħu jeżaminaw f’kull stadju tal-proċedura, u anki ex officio (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, id-digriet tal-5 ta’ Lulju 2001, Conseil national des professions de l’automobile et vs Il-Kummissjoni, C-341/00 P, Ġabra p. I-5263, punt 32, u s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il-Kummissjoni, C-176/06 P, punt 18).

23

Għalhekk, jekk jitqies li M. Sahlstedt et jistgħu jitqiesu bħala kkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata, xorta waħda jkun meħtieġ li dawn ikunu kkonċernati wkoll individwalment minn din id-deċiżjoni sabiex ir-rikors tagħhom ippreżentat kontra din id-deċiżjoni jkun ammissibbli.

24

Kif jingħad fil-punt 46 tad-digriet appellat, dawn sostnew li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna individwalment, b’mod partikolari, lill-proprjetarji kollha ta’ proprjetà immobbli li għandhom artijiet li jinsabu fis-siti indikati fil-lista approvata mill-Kummissjoni u li fir-rigward tagħhom tapplika projbizzjoni ta’ deterjorament.

25

Mill-punti 25, 31, 33 u 34 tad-digriet appellat jirriżulta li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni argumentat li l-appellanti mhumiex ikkonċernati individwalment billi sostniet, b’mod partikolari, li s-siti inklużi fil-lista adottata bid-deċiżjoni kkontestata ntgħażlu esklużivament fuq il-bażi ta’ kriterji bijoloġiċi, li fuq il-bażi ta’ din id-deċiżjoni, jew minn tal-inqas fuq il-bażi tad-data li l-Kummissjoni użat fit-tfassil tagħha, mhuwiex possibbli li jiġu identifikati l-proprjetarji ta’ dawn is-siti u li dawn is-siti huma ta’ interess anki għal setturi oħra tas-soċjetà apparti l-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, bħall-kumpanniji ta’ kostruzzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi jew ċittadini oħra.

26

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, individwi oħra apparti d-destinatarji ta’ deċiżjoni jistgħu jallegaw li huma kkonċernati individwalment fil-każ biss li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzahom b’mod analogu għal kif ikunu d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt-33).

27

Deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata tagħmel parti mill-qafas tal-Artikolu 4 tad-Direttiva ‘Habitat’, li jorganizza proċedura ta’ klassifikazzjoni ta’ siti naturali f’żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem iż-“ŻSK”), proċedura li għandha b’mod partikolari tippermetti, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) ta’ din l-istess direttiva, il-ħolqien ta’ netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSK, imsejjaħ “Natura 2000”, kompost minn siti li jilqgħu fihom tipi ta’ habitat naturali u habitat ta’ speċi indikati fl-Anness I u fl-Anness II rispettivament tal-imsemmija direttiva, u li għandha tiżgura ż-żamma jew, jekk ikun il-każ, ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tat-tipi ta’ habitat naturali u tal-habitat ta’ speċi kkonċernati fil-medda naturali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping, C-371/98, Ġabra p. I-9235, punti 19 u 20).

28

Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda numru ta’ artijiet ikklassifikati bħala siti ta’ importanza Komunitarja bil-għan li jinħoloq l-imsemmi netwerk Natura 2000, għandha, fir-rigward ta’ kull persuna interessata, portata ġenerali sa fejn tapplika għall-operaturi kollha li, b’xi mod jew ieħor, jeżerċitaw jew jistgħu jeżerċitaw, fl-artijiet ikkonċernati, attivitajiet li jistgħu jkunu ta’ theddida għall-għanijiet ta’ konservazzjoni segwiti mid-Direttiva ‘Habitat’.

29

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-fatt li dispożizzjoni, minħabba n-natura u l-portata ġenerali tagħha, tkun ta’ applikazzjoni ġenerali, sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi interessati b’mod ġenerali, ma jeskludix, għal din ir-raġuni, li din id-dispożizzjoni tista’ tikkonċerna individwalment uħud minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1994, Codorniu, C-309/89, Ġabra p. I-1853, punt 19, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 58).

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni tolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM, C-125/06 P, Ġabra p. I-1451, punt 71, u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Madankollu, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma timplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, C-451/98, Ġabra p. I-8949, punt 52, kif ukoll id-digrieti tal-25 ta’ April 2002, Galileo u Galileo International vs Il-Kunsill, C-91/01 P, Ġabra p. I-4025, punt 38, u tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Issa, f’din il-kawża, bl-eċċezzjoni ta’ MTK ry, jidher li d-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lill-appellanti biss sa fejn għandhom drittijiet fir-rigward tal-artijiet inklużi f’ċerti siti ta’ interess Komunitarju magħżula mill-Kummissjoni sabiex jinħoloq netwerk ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ ŻSK, jiġifieri minħabba sitwazzjoni oġġettiva ta’ fatt u ta’ dritt iddefinita mill-att inkwistjoni, u mhux abbażi ta’ kriterji partikolari għall-kategorija ta’ proprjetarji ta’ proprjetà immobbli.

33

Barra minn hekk, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma ġietx adottata fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-proprjetarji ta’ proprjetà immobbli, hija ma tistax titqies, għaldaqstant, bħala numru ta’ deċiżjonijiet individwali indirizzati lil kull proprjetarju ta’ proprjetà immobbli.

34

Minn dan isegwi li l-appellanti, bl-eċċezzjoni ta’ MTK ry, ma jistgħux jitqiesu bħala kkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE.

35

Fir-rigward ta’ MTK ry, għandu jitfakkar li d-difiża ta’ interessi ġenerali u kollettivi ta’ kategorija ta’ individwi mhijiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn assoċjazzjoni. Ħlief għal ċirkustanzi partikolari, bħalma huwa r-rwol li tali assoċjazzjoni jista’ jkollha fil-kuntest ta’ proċedura li tkun wasslet għall-adozzjoni tal-att inkwistjoni, tali assoċjazzjoni ma jkollhiex locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament meta l-membri tagħha ma jkunux jistgħu jippreżentawh fuq bażi individwali (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-18 ta’ Diċembru 1997, Sveriges Betodlares u Henrikson vs Il-Kummissjoni, C-409/96 P, Ġabra p. I-7531, punt 45).

36

Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma proprjetarji ta’ artijiet inklużi fis-siti ta’ interess Komunitarju magħżula fid-deċiżjoni kkontestata mhumiex ikkonċernati individwalment minnha. Għaldaqstant, MTK ry, jekk jitqies li fost il-membri tagħha tiġbor tali persuni, ma tistax, bħala tali, titqies bħala kkonċernata individwalment mill-imsemmija deċiżjoni.

37

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li M. Sahlstedt et mhumiex ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata.

38

Minn dan isegwi li l-ewwel żewġ aggravji, ibbażati, rispettivament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni fid-digriet appellat u fuq żball ta’ liġi li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-appellanti mhumiex ikkonċernati direttament mid-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

39

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat it-tielet aggravju bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

L-argumenti tal-partijiet

40

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, M. Sahlstedt et jargumentaw li, jekk jiġu mċaħħda mid-dritt li jippreżentaw rikors, huma ma jkollhom ebda possibbiltà li jippreżentaw ilmenti kontra d-deċiżjoni li fuq il-bażi tagħha l-art fejn tinsab il-proprjetà immobbli tagħhom ġiet inkluża fin-netwerk Natura 2000 u li fuq il-bażi tagħha ġew imposti restrizzjonijiet fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ deterjorament u ta’ obbligu ta’ evalwazzjoni.

41

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li mhuwiex veru li M. Sahlstedt et ma kellhomx il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom, kif jallegaw dan tal-aħħar. Fil-fatt, il-klassifikazzjoni bħala ŻSK setgħet tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

42

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li t-talbiet tagħhom għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli ma tammontax għal ċaħda tal-ġustizzja.

43

F’dan ir-rigward ikun biżżejjed jitfakkar li, kif jirriżulta essenzjalment mill-punt 63 tad-digriet appellat, l-individwi għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jgawdu taħt is-sistema legali Komunitarja. Il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jkunux jistgħu, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, jikkontestaw direttament atti Komunitarji tat-tip tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi ggarantita b’mod effettiv mir-rimedji ġudizzjarji quddiem il-qrati nazzjonali. Dawn il-qrati, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 10 KE, huma obbligati jinterpretaw u japplikaw, sa fejn ikun possibbli, ir-regoli proċedurali interni li jirregolaw l-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji b’mod li jippermetti lil dawn il-persuni jikkontestaw quddiem qorti l-legalità ta’ kull deċiżjoni jew ta’ kull miżura nazzjonali oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ att Komunitarju bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, billi jqajmu eċċezzjoni dwar l-invalidità ta’ dan tal-aħħar u billi b’hekk iwasslu lil dawn il-qrati nazzjonali sabiex jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward (sentenza tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C-15/06 P, Ġabra p. I-2591, punt 39).

44

Għaldaqstant it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

45

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

46

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens.

47

Peress li l-Kummissjoni talbet li M. Sahlstedt et jiġu kkundannati għall-ispejjeż u peress li dawn tal-aħħar tilfu l-kawża, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

48

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ukoll applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, l-Istati Membri li għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi deċiż li r-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

M. Sahlstedt et huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Finlandja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Il-Finlandiż.