SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

22 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen — Artikolu 54 — Prinċipju ta’ ne bis in idem — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċett ta’ ‘inqata’ b’mod finali’ — Deċiżjoni li biha awtorità tal-pulizija tordna s-sospensjoni ta’ proċeduri kriminali — Deċiżjoni li ma ġġibx magħha l-estinzjoni tal-azzjoni kriminali u li m’għandhiex effett ta’ ne bis in idem skont id-dritt nazzjonali”

Fil-Kawża C-491/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Landesgericht für Strafsachen Wien (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2007, fil-proċeduri kriminali kontra

Vladimir Turanský,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann u L. Bay Larsen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-Ch. Niollet, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u Y. de Vries, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern Żvediż, minn A. Falk, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, u sussegwentement minn I. Rao, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 2000, p. 19), iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 (iktar ’il quddiem il-“KIFS”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija fl-Awstrija fit-23 ta’ Novembru 2000 kontra V. Turanský, ċittadin Slovakk issuspettat li wettaq serq aggravat, flimkien ma’ persuni oħra, kontra ċittadin Awstrijak fit-territorju tar-Repubblika tal-Awstrija.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar għajnuna reċiproka f’materji kriminali

3

L-Artikolu 21(1) u (2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar għajnuna reċiproka f’materji kriminali (ETS Nru 30), iffirmata fi Strasburgu fl-20 ta’ April 1959, li jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri, jipprovdi:

“1.   Informazzjoni mogħtija minn Parti Kontraenti bil-għan li jittieħdu proċeduri fil-qrati ta’ Parti oħra għandha tiġi kkomunikata bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja. […]

2.   Il-Parti li lilha ssir it-talba għandha tinnotifika lill-Parti li tagħmel it-talba b’kull azzjoni li tkun ittieħdet fuq tali informazzjoni u għandha tibgħat kopja ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tkun ingħatat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4

Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”), tlettax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Renju tal-Awstrija, huma awtorizzati li jistabbilixxu kooperazzjoni iktar mill-qrib bejniethom fl-ambitu tal-acquis ta’ Schengen, kif definit fl-Anness tal-imsemmi protokoll.

5

Il-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 239, 2000, p. 13), kif ukoll il-KIFS, jifformaw parti, inter alia, mill-acquis ta’ Schengen kif iddefinit.

6

Il-Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija għall-KIFS, iffirmat fi Brussell fit-28 ta’ April 1995 (ĠU 2000, L 239, p. 90), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1997.

7

B’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fl-20 ta’ Mejju 1999, id-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, p. 17). Mill-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, flimkien mal-Anness A tagħha, jirriżulta li l-Kunsill identifika l-Artikoli 34 UE u 31 UE bħala l-bażijiet legali tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS.

8

Mill-Artikolu 3(1) tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33), moqri flimkien mal-punt 2 tal-Anness I tiegħu, jirriżulta li l-KIFS huwa vinkolanti u applikabbli fir-Repubblika Slovakka mid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat, jiġifieri l-1 ta’ Mejju 2004.

9

It-Titolu III tal-KIFS, intitolat “Pulizija u sigurtà”, jinkludi Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”. Skont l-Artikolu 54, li jinsab fl-imsemmi Kapitolu 3:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet [fatti] sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali [piena], din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

10

L-Artikolu 55(1) u (4) tal-KIFS jipprovdi:

“1.   Parti Kontraenti tista’, meta tirratifika, taċċetta jew tapprova din il-Konvenzjoni, tiddikjara li hija m’hijiex marbuta bl-Artikolu 54 f’wieħed jew iżjed minn dawn il-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-azzjonijiet [l-fatti] relatati mas-sentenza ta’ pajjiż barrani jkunu seħħu totalment jew parzjalment fit-territorju tagħha stess; […]

[…]

4.   L-eċċezzjonijiet li kienu s-soġġett ta’ dikjarazzjoni taħt il-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw meta l-Parti Kontraenti konċernata tkun, in konnessjoni ma’ l-istess azzjonijiet [fatti], talbet lill-parti Kontraenti l-oħra biex tressaq il-prosekuzzjoni […]”

11

L-Artikolu 57(1) u (2) tal-KIFS jipprovdi:

“1.   Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet [fatti] bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.

2.   L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.”

12

Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fl-1 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika tal-Awstrija għamlet dikjarazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 35(2) UE li biha aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

Id-dritt Slovakk

13

L-Artikolu 9(1)(e) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data li fiha l-awtorità tal-pulizija Slovakka adottat id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprojbixxi li jinbdew tali proċeduri jew, jekk ikunu diġà nbdew, li dawn jitkomplew “fil-każ ta’ persuna li kontriha proċeduri preċedenti li ttieħdu fir-rigward tal-istess fatt ikunu ntemmu permezz ta’ sentenza li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew jekk dawn il-proċeduri jkunu ġew sospiżi definittivament […]”.

14

L-imsemmija dispożizzjoni tittrasponi l-Artikolu 50(5) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Slovakka, li skontu ma jistgħux jitressqu proċeduri kriminali kontra persuna għal fatt li fir-rigward tiegħu hija tkun diġà ġiet ikkundannata jew illiberata b’mod finali.

15

L-Artikolu 215(1) u (4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi:

“1.   Il-Prosekutur Pubbliku għandu jissospendi l-proċeduri kriminali:

a)

jekk ma jkunx hemm dubju li l-fatt li fir-rigward tiegħu jkunu ttieħdu proċeduri kriminali ma seħħx;

b)

jekk dan il-fatt mhuwiex reat u ma jkunx hemm raġuni biex issir l-istruttorja f’dan il-każ […]

[…]

4.   Is-sospensjoni tal-proċeduri skont il-paragrafu 1 tista’ tiġi ddikjarata wkoll mill-pulizija, fil-każ li ma kienx hemm inkriminazzjoni. […]”

16

Mill-ġurisprudenza tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka), u b’mod partikolari mis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1980 fil-kawża Tz 64/80, jirriżulta li l-Artikolu 9(1)(e) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ma jipprekludix li proċeduri, li kienu ġew sospiżi skont l-Artikolu 215(1)(b) tal-istess kodiċi, sussegwentement jitkomplew fir-rigward tal-istess fatti, billi l-proċeduri preċedenti ma kinux intemmu permezz ta’ sentenza li għandha s-saħħa ta’ res judicata.

Il-fatti li wasslu għall-proċeduri kriminali u d-domanda preliminari

17

V. Turanský huwa ssuspettat li, fil-5 ta’ Ottubru 2000, flimkien ma’ żewġ ċittadini Pollakki li fil-konfront tagħhom ittieħdu proċeduri separati, seraq, mir-residenza ta’ persuna fi Vjenna (l-Awstrija), somma ta’ flus li tappartjeni lil din il-persuna, u dan wara li kkaġuna offiża gravi fuq il-persuna tagħha.

18

Fit-23 ta’ Novembru 2000, l-iStaatsanwaltschaft Wien (il-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna) għalhekk talab lill-Imħallef tal-qorti tar-rinviju inkarigat mill-istruttorja li jiftaħ investigazzjoni preliminari fil-konfront ta’ V. Turanský, issuspettat serjament li kkommetta serq aggravat fis-sens tal-Kodiċi Kriminali Awstrijak, kif ukoll li joħroġ mandat ta’ arrest u avviż għall-finijiet tal-arrest tiegħu.

19

Fil-15 ta’ April 2003, wara li giet informata li V. Turanský kien jinsab fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, ir-Repubblika tal-Awstrija talbet lir-Repubblika Slovakka, skont l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar għajnuna reċiproka f’materji kriminali, li jkomplu l-proċeduri kriminali kontra l-imsemmija persuna.

20

Billi l-awtoritajiet Slovakki ħadu azzjoni fuq din it-talba, l-Imħallef tal-qorti tar-rinviju inkarigat mill-istruttorja ssospenda provviżorjament il-proċeduri kriminali sakemm tingħata d-deċiżjoni finali tal-imsemmija awtoritajiet.

21

Fis-26 ta’ Lulju 2004, l-uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija ta’ Prievidza (is-Slovakkja), inkarigat mit-tmexxija tal-investigazzjoni, beda proċeduri kriminali fir-rigward tal-fatti allegati iżda mingħajr ma fl-istess ħin inkrimina persuna partikolari. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, V. Turanský nstema’ bħala xhud.

22

B’ittra tal-20 ta’ Diċembru 2006, il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali tar-Repubblika Slovakka kkomunika deċiżjoni tad-Direttorat Reġjonali tal-Korp tal-Pulizija ta’ Prievidza tal-14 ta’ Settembru 2006, li tordna s-sospensjoni, skont l-Artikolu 215(1)(b) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, tal-proċeduri kriminali li jirrigwardaw l-akkuża ta’ serq. F’din id-deċiżjoni l-uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija ta’ Prievidza inkarigat mill-investigazzjoni kiteb:

“Skont l-Artikolu 215(1)(b) [tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali], nordna, f’dak li jirrigwarda l-proċeduri kriminali relattivi għall-każ ta’ serq kommess minn diversi persuni flimkien bi vjolenza,

is-sospensjoni tal-proċeduri

billi l-att ma jikkostitwixxix reat u mhemm ebda raġuni għalfejn il-każ għandu jitkompla.

Raġunijiet

[…] Dan ġie pprovat ukoll mid-dikjarazzjonijiet tal-vittma […] u mid-dikjarazzjonijiet tax-xhud [Turanský]. Dan ifisser li l-att ta’ V. Turanský ma kienx jikkostitwixxi reat ta’ serq bi vjolenza […]

Anki kieku kellu jitqies il-fatt li ma impedixxiex it-twettiq tar-reat […], lanqas ma jkun possibbli li jitkomplew il-proċeduri […] intiżi sabiex jinħareġ att ta’ akkuża, minħabba li proċeduri kriminali ma jistgħux jiġu awtorizzati f’dan il-każ, billi hemm il-preskrizzjoni […]”

23

Seta’ jitressaq appell, li għandu effett sospensiv, kontra din id-deċiżjoni fi żmien tliet ijiem minn meta ngħatat. Madankollu, ma tressaq ebda appell ta’ dan it-tip.

24

Il-Landesgericht für Strafsachen Wien jesprimi dubji dwar jekk id-deċiżjoni li jiġu sospiżi l-proċeduri kriminali, mogħtija minn awtorità tal-pulizija Slovakka fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar l-istess fatti bħal dawk li fuqhom huma bbażati l-proċeduri pendenti quddiemu, tistax twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS u, għaldaqstant, tistax tikkostitwixxi ostakolu għat-tkomplija tal-proċeduri pendenti.

25

Billi kellha tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni tal-awtorità tal-pulizija Slovakka tal-14 ta’ Settembru 2006 tipprekludix lill-Imħallef inkarigat mill-istruttorja milli jkompli bil-proċeduri preliminari provviżorjament interrotti fir-Repubblika tal-Awstrija, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-[KIFS], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi t-teħid ta’ proċeduri kriminali kontra persuna ssuspettata fir-Repubblika tal-Awstrija, meta l-proċeduri kriminali mibdija fir-Repubblika Slovakka fir-rigward tal-istess fatti, wara l-adeżjoni ta’ dan il-pajjiż mal-Unjoni Ewropea, ikunu twaqqfu wara li awtorità tal-pulizija, wara eżami fil-mertu u mingħajr ebda sanzjoni oħra, temmet il-proċeduri b’mod eżekuttiv billi ordnat l-interruzzjoni tagħhom?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Għandu jiġi mfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 12 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-KIFS abbażi tal-Artikolu 35 UE.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, kif sostna l-Gvern Awstijak, l-Artikolu 54 tal-KIFS japplika ratione temporis għal proċeduri kriminali bħal dawk fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-KIFS ma kinitx għadha daħlet fis-seħħ fir-Repubblika Slovakka fil-5 ta’ Ottubru 2000, meta ġew kommessi fl-Awstrija l-fatti li għalihom tirreferi l-kawża prinċipali, hija madankollu kienet fis-seħħ fiż-żewġ Stati kkonċernati, mhux biss meta l-imsemmija fatti ġew evalwati għall-ewwel darba, matul ix-xahar ta’ Settembru 2006, mill-awtoritajiet tal-pulizija fir-Repubblika Slovakka, iżda wkoll meta l-qorti tar-rinviju adita bil-proċeduri li taw lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari evalwat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, matul ix-xahar ta’ Ottubru 2007 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C-367/05, Ġabra p. I-6619, punt 22).

28

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li l-kwistjoni tal-effett ne bis in idem tad-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kriminali maħruġa mill-awtorità tal-pulizija Slovakka għandha tiġi eżaminata, kif osservat ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, abbażi tal-Artikoli 54 sa 58 tal-KIFS, billi l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar għajnuna reċiproka f’materji kriminali, li abbażi tiegħu r-Repubblika tal-Awstrija talbet lir-Repubblika Slovakka tieħu proċeduri kriminali kontra V. Turanský, ma jirregolax il-kwistjoni tal-effett tat-teħid tal-proċeduri kriminali mill-Istat li lilu ssir it-talba fuq il-proċeduri pendenti fl-Istat li jagħmel it-talba.

29

Fit-tieni lok, għandu jingħad ukoll li, għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija għamlet dikjarazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 55(1)(a) sa (ċ) tal-KIFS (BGBl. III, tas-27 ta’ Mejju 1997, p. 2048) u għalkemm l-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 55(1)(a) tkopri preċiżament sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, billi l-fatti li għalihom tirreferi l-kawża prinċipali seħħew fit-territorju tal-Istat dikjarant, ir-riżerva fformulata madankollu ma tistax tapplika għal dawn il-proċeduri minħabba d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-istess Artikolu 55, billi dan il-paragrafu jeskludi l-applikazzjoni tar-riżervi magħmula meta l-Parti kontraenti kkonċernata, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija f’dawn il-proċeduri, tkun talbet lill-Parti kontraenti l-oħra, jiġifieri r-Repubblika Slovakka, biex tressaq il-prosekuzzjoni, inkonnessjoni mal-istess fatti.

Fuq id-domanda preliminari

30

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS, japplikax għal deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha awtorità tal-pulizija, wara eżami fil-mertu tal-każ imressaq quddiemha, ordnat, fi stadju preċedenti għall-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata li kkommettiet reat, is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali li kienu ttieħdu.

31

Mit-termini nfushom tal-Artikolu 54 tal-KIFS jirriżulta li ebda persuna ma tista’ tiġi mixlija fi Stat kontraenti għall-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-każ tagħha jkun “inqata’ b’mod finali” fl-ewwel Stat kontraenti.

32

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “inqata’ b’mod finali”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat, minn naħa, fil-punt 30 tas-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge (C-187/01 u C-385/01, Ġabra p. I-1345), li, meta, wara proċeduri kriminali, l-azzjoni kriminali tiġi estinta b’mod finali, għandu jitqies li l-każ tal-persuna kkonċernata jkun “inqata’ b’mod finali”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS, fir-rigward tal-fatti allegati fil-konfront tagħha.

33

Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza tat-28 ta’ Settembru 2006, Van Straaten (C-150/05, Ġabra p. I-9327), li l-Artikolu 54 tal-KIFS japplika għal deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat kontraenti li biha l-akkużat ikun ġie lliberat b’mod finali minħabba insuffiċjenza ta’ provi.

34

Minn dan isegwi li, bħala regola, sabiex deċiżjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala sentenza finali fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS, hija għandha ttemm il-proċeduri kriminali u ġġib magħha l-estinzjoni tal-azzjoni kriminali b’mod finali.

35

Sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni hijiex “finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS, għandu preliminarjament jiġi vverifikat, kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern Awstrijak, il-Gvern Finlandiż, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni, li d-dritt nazzjonali tal-Istat kontraenti li l-awtoritajiet tiegħu ħadu d-deċiżjoni inkwistjoni jikkunsidra li din tal-aħħar hija finali u vinkolanti, u jiġi żgurat li hija tagħti lok, f’dan l-Istat, għall-protezzjoni mogħtija mill-prinċipju ta’ ne bis in idem.

36

Fil-fatt, deċiżjoni li, skont id-dritt tal-ewwel Stat kontraenti li jkun beda proċeduri kriminali kontra persuna, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali fuq livell nazzjonali ma jistax ikollha l-effett, bħala regola, li tikkostitwixxi ostakolu proċedurali għall-eventwali teħid jew tkomplija ta’ proċeduri kriminali, fir-rigward tal-istess fatti, kontra din il-persuna fi Stat kontraenti ieħor.

37

F’dak li jirrigwarda iktar preċiżament in-natura finali, fid-dritt Slovakk, tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, kif jirriżulta wkoll mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Olandiż u tal-Kummissjoni, li l-Artikolu 57 tal-KIFS stabbilixxa qafas ta’ kooperazzjoni li jippermetti lit-tieni Stat kontraenti li, għall-finijiet li tiġi ċċarata, pereżempju, in-natura preċiża ta’ deċiżjoni li tkun ingħatat fit-territorju tal-ewwel Stat kontraenti, jitlob l-informazzjoni legali rilevanti mingħand l-awtoritajiet ta’ dan l-ewwel Stat.

38

Tali kooperazzjoni, li madankollu ma ġietx implementata fil-kawża prinċipali, setgħet tippermetti li jiġi stabbilit li, fir-realtà, deċiżjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx, skont id-dritt Slovakk, ta’ natura li kellha tiġi kkunsidrata li ġabet magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali fuq livell nazzjonali.

39

F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Slovakk f’din il-kawża jirriżulta preċiżament li deċiżjoni li tordna s-sospensjoni tal-proċeduri kriminali fi stadju preċedenti għall-inkriminazzjoni ta’ persuna partikolari, meħuda abbażi tal-Artikolu 215(1)(b) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Slovakk, ma tikkostitwixxix, skont id-dritt nazzjonali, ostakolu għal proċeduri kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess fatti, fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

40

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li deċiżjoni ta’ awtorità tal-pulizija bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, filwaqt li tissospendi l-proċeduri kriminali, ma ttemmx definittivament l-azzjoni kriminali skont is-sistema legali nazzjonali kkonċernata, ma tistax tikkostitwixxi deċiżjoni li jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-każ ta’ din il-persuna “inqata’ b’mod finali” fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KIFS.

41

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KIFS hija kompatibbli mal-għan ta’ dan l-artikolu, li huwa li jiġi evitat li, minħabba li tkun eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu, persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali tkun is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gözütok u Brügge, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

42

L-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għal deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċeduri kriminali, bħal dik meħuda fil-kawża prinċipali, ikollha l-effett li tostakola, fi Stat kontraenti ieħor, fejn jista’ jkun li iktar provi jkunu disponibbli, il-possibbiltajiet konkreti kollha li jittieħdu proċeduri kriminali kontra persuna u li din tiġi eventwalment sanzjonata minħabba l-aġir illegali tagħha, meta tali possibbiltajiet mhumiex esklużi fl-ewwel Stat kontraenti, fejn il-każ tal-persuna kkonċernata mhuwiex ikkunsidrat li nqata’ b’mod finali fis-sens tad-dritt nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat.

43

Kif irrilevaw il-Gvern Żvediż u l-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, tali konsegwenza tmur kontra l-għan innifsu tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fir-raba’ inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2, jiġifieri dak li jittieħdu “miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda […] l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità”, filwaqt li l-Unjoni tiġi żviluppata bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat.

44

Għandu jingħad ukoll li, għalkemm l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu l-għan li jiggarantixxi li persuna, li tkun ġiet ikkundannata u tkun skontat il-piena tagħha, jew, jekk ikun il-każ, li tkun ġiet illiberata b’mod finali fi Stat kontraenti, tkun tista’ tiċċaqlaq ġewwa ż-żona Schengen mingħajr biża’ li jitressqu proċeduri kriminali kontriha, fir-rigward tal-istess fatti, fi Stat kontraenti ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck, C-436/04, Ġabra p. I-2333, punt 34), huwa m’għandux l-għan li jipproteġi persuna ssuspettata kontra l-eventwalità li tiġi mfittxija suċċessivament, fir-rigward tal-istess fatti, f’diversi Stati kontraenti.

45

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KIFS ma japplikax għal deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ta’ Stat kontraenti, wara eżami fil-mertu tal-każ imressaq quddiemha, tordna, fi stadju preċedenti għall-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata li kkommettiet reat, is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali, meta din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali u għalhekk ma tikkostitwixxix ostakolu għal proċeduri kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess fatti, f’dan l-Istat.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, ma japplikax għal deċiżjoni li permezz tagħha awtorità ta’ Stat kontraenti, wara eżami fil-mertu tal-każ imressaq quddiemha, tordna, fi stadju preċedenti għall-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata li kkommettiet reat, is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali, meta din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-azzjoni kriminali u għalhekk ma tikkostitwixxix ostakolu għal proċeduri kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess fatti, f’dan l-Istat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.