SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2001/18/KE — Rilaxx intenzjonat fl-ambjent u tqegħid fis-suq ta’ GMOs — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 228 KE — Eżekuzzjoni fil-mori tal-kawża — Sanzjonijiet pekunjarji”

Fil-Kawża C-121/07,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2007,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Stromsky u C. Zadra, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn E. Belliard u S. Gasri, kif ukoll G. de Bergues, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata inizjalment minn T. Boček, sussegwentement minn M. Smolek, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Ó Caoimh, J.-C. Bonichot u T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann (Relatur), P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, L. Bay Larsen u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ dipartiment,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-419/03), dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, p. 1), li huma differenti jew li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, fuq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE;

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas fil-kont tal-Kummissjoni msejjaħ “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità perjodika ta’ EUR 366744 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, mill-ġurnata tal-għoti ta’ din is-sentenza sa meta tkun ġiet eżegwita għalkollox l-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Franza;

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas fil-kont tal-Kummissjoni msejjaħ “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 43660 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, mill-ġurnata tal-għoti tal-imsemmija sentenza jew:

sa meta dik l-istess sentenza tkun ġiet eżegwita għalkollox, jekk dak ikun il-każ qabel ma tinqata’ s-sentenza f’din il-kawża, jew;

sa meta tinqata’ s-sentenza f’din il-kawża, jekk is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ma tkunx ġiet eżegwita għalkollox f’dak iż-żmien;

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Id-Direttiva 2001/18 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE. Hija għandha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tapprossima l-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, minn naħa, meta organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem “GMOs”) jiġu rilaxxati b’mod intenzjonat fl-ambjent għal kwalunkwe għan ieħor għajr sabiex jitpoġġew fis-suq fil-Komunità Ewropea u, min-naħa l-oħra, meta GMOs jitpoġġew fis-suq bħala prodotti jew fi prodotti fil-Komunità.

3

Skont l-Artikolu 34(1) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva mhux iktar tard mill-17 ta’ Ottubru 2002.

4

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi:

“1.   Id-Direttiva 90/220/KEE għandha tiġi mħassra fis-17 ta’ Ottubru 2002.

2.   Riferenzi li jsiru għad-Diettiva mħassra għandhom jiġu mfissra li saru lil din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-kaxxa ta’ korrelazjoni fl-Anness VIII”.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza

5

Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet hekk:

“Billi naqset milli tadotta fit-terminu preskritt, il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tittrasponi fil-liġi nazzjonali tagħha d-dispożizzjonijiet tad-[Direttiva 2001/18] li huma differenti jew li jmorru lil hinn minn dawk tad-[Direttiva 90/220], ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2001/18.”

Il-proċedura prekontenzjuża

6

Meta, fil-5 ta’ Novembru 2004, ġiet mistoqsija mill-Kummissjoni dwar l-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet b’ittra tal-4 ta’ Frar 2005. F’din l-ittra hija indikat li, fid-dawl tal-fatt li l-GMOs u, b’mod partikolari, ir-rilaxx intenzjonat tagħhom fl-ambjent, kienu saru, fi Franza, suġġett ta’ diskussjoni importanti ħafna u suġġett li jagħti lok għal kunflitti, xi kultant vjolenti, kif juru d-diversi azzjonijiet ta’ qrid ta’ uċuħ tar-raba’ fl-għelieqi, fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2004, kienet inħolqot, fuq proposta tal-president tal-Assemblea Nazzjonali, missjoni parlamentari għas-sejbien tal-fatti fuq l-isfidi kkawżati mill-esperimenti u l-użu tal-GMOs. Din l-istess ittra kienet tispeċifika wkoll li l-Gvern kien, min-naħa tiegħu, iddeċieda li jħalli din il-missjoni ttemm xogħolha, u dan sabiex id-dibattitu fuq l-abbozz tal-liġi li tittrasponi d-Direttiva 2001/18 ikun seren u kostruttiv. Kien mistenni li dawn ix-xogħlijiet jitlestew għall-ħabta tax-xahar ta’ April tas-sena 2005.

7

Fil-21 ta’ Frar 2005, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-Digriet Nru 2005-51, tas-26 ta’ Jannar 2005, li jemenda d-Digriet Nru 96-850, tal-20 ta’ Settembru 1996, dwar il-kontroll tar-rilaxx intenzjonat u t-tqegħid fis-suq għal finijiet ċivili ta’ prodotti komposti, kompletament jew parzjalment, minn organiżmi modifikati ġenetikament (JORF tat-28 ta’ Jannar 2005, p. 1474) li, fil-fehma tagħhom, jikkontribwixxi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 billi jinkludi r-reaġenti fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Digriet Nru 96-850.

8

Peress li l-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li r-Repubblika Franċiża ma kinitx ħadet il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, fit-13 ta’ Lulju 2005, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 228 KE.

9

Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta li ngħatat, fid-19 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża, fejn stednitha tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

10

Fl-20 ta’ Frar 2006, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni t-test ta’ abbozz ta’ liġi relattiv għall-GMOs, intiż biex jittrasponi d-Direttiva 2001/18 kif ukoll biex jirriforma s-sistema tal-evalwazzjonijiet xjentifiċi u biex joħloq fond ta’ kumpens favur bdiewa, vittmi ta’ preżenza aċċidentali ta’ GMOs fil-prodotti tagħhom riżultanti minn “agrikoltura mingħajr GMOs” (iktar ’il quddiem l-“abbozz tal-liġi tal-2006”). Huma ddikjaraw wkoll li l-imsemmi abbozz u l-miżuri leġiżlattivi relattivi kellhom jiġu adottati sa mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2006.

11

Fit-8 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni bl-adozzjoni mis-Senat, fit-23 ta’ Marzu 2006, tal-abbozz tal-liġi tal-2006 u bil-fatt li dan kien ġie ppreżentat lill-Assemblea Nazzjonali l-għada.

12

Fil-21 ta’ Frar 2007, dawn l-istess awtoritajiet informaw oralment lid-dipartimenti tal-Kummissjoni bil-fatt li, minħabba l-impenji tal-Assemblea Nazzjonali u s-sospennsjoni tal-attivitajiet tagħha mill-25 ta’ Frar 2007, kien jidher li l-abbozz tal-liġi tal-2006 ma kienx għadu jista’ jiġi adottat mil-leġiżlatura attwali, u għalhekk kien maħsub li t-testi leġiżlattivi intiżi biex jiggarantixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 jiġu adottati malajr.

13

Peress li kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fit-28 ta’ Frar 2007, ressqet dan ir-rikors.

14

Dakinhar stess, l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw lill-Kummissjoni l-kontenut tal-imsemmija konverżazzjoni u bagħtulha żewġ abbozzi tad-Digriet. Skont ir-Repubblika Franċiża, il-pubblikazzjoni tagħhom u ta’ miżuri oħrajn intiżi wkoll biex jiggarantixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 kienet mistennija li ssir għall-ħabta tal-bidu tax-xahar ta’ April tal-2007.

L-iżviluppi li seħħew fil-mori ta’ din il-kawża

15

Permezz ta’ nota tal-20 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni diversi testijiet ippubblikati dakinhar stess fil-Journal officiel de la République française (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007”), li kienu:

id-Digriet Nru 2007-357, tad-19 ta’ Marzu 2007, li jemenda d-Digriet Nru 93-774, tas-27 ta’ Marzu 1993, li jistabbilixxi l-lista ta’ tekniki ta’ modifikazzjoni ġenetika u l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-organiżmi modifikati ġenetikament;

id-Digriet Nru 2007-358, tad-19 ta’ Marzu 2007, dwar ir-rilaxx intenzjonat għal kwalunkwe għan ieħor għajr it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti komposti kompletament jew parzjalment minn organiżmi modifikati ġenetikament;

id-Digriet Nru 2007-359, tad-19 ta’ Marzu 2007, dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mhux intiżi għall-ikel komposti kompletament jew parzjalment minn organiżmi modifikati ġenetikament;

l-Ordni tal-15 ta’ Marzu 2007 li jemenda l-Ordni tat-2 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-regoli tekniċi li għandhom jiġu sodisfatti mill-impjanti suġġetti għal awtorizzazzjoni abbażi tat-taqsima 2680-2 tan-nomenklatura tal-impjanti kklassifikati għall-ħarsien tal-ambjent;

l-Ordni tal-15 ta’ Marzu 2007 li jemenda l-Anness I tad-Digriet tat-2 ta’ Ġunju 1998 dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-impjanti kklassifikati għall-ħarsien tal-ambjent li għandhom jiġu ddikjarati taħt it-taqsima 2680-1 organiżmi modifikati ġenetikament, u

l-Ordni tal-15 ta’ Marzu 2007 dwar l-ittikkettar tal-organiżmi modifikati ġenetikament imqegħdin għad-dispożizzjoni ta’ terzi biex jintużaw biss għall-finijiet ta’ riċerka, żvilupp jew tagħlim.

16

Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007 ma kinux jiggarantixxu l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, u li l-Artikoli 8(2), 17(1), (2) u (9), 19 u 23 tad-Direttiva 2001/18 kienu għadhom mhux trasposti b’mod korrett, fir-replika tagħha, hija bidlet it-talbiet tar-rikors tagħha għal dak li jikkonċerna s-sanzjonijiet pekunjarji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni issa talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tnaqqas l-ammont tal-penalità għal kull ġurnata ta’ dewmien proposta fir-rikors tagħha skont kemm tkun ġiet eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq;

tbiddel, skont kemm tkun ġiet eżegwita s-sentenza, l-ammont tas-somma f’daqqa proposta fir-rikors tagħha, iżda biss fir-rigward ta’ dik il-parti li tikkorrispondi għall-perijodu li jkun għadda mill-21 ta’ Marzu 2007 jew:

sa meta tkun ġiet eżegwita għalkollox l-istess sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, jekk dan iseħħ qabel ma tingħata s-sentenza fil-proċeduri preżenti; jew

sa meta s-sentenza fil-proċeduri preżenti tingħata, jekk f’dak iż-żmien is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ma tkunx ġiet eżegwita għalkollox.

17

Matul is-seduta, il-Kummissjoni madankollu indikat li kienet tqis li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/18 ma kienx jirrikjedi iktar, fi Franza, miżuri ta’ traspożizzjoni addizzjonali.

18

Filwaqt li tammetti li ma kinitx iggarantixxiet l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, fid-data meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Franċiża hija madankollu tal-opinjoni li l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007, iggarantixxew, minn dak iż-żmien ’il quddiem, it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2001/18 u, għaldaqstant, eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. Hija għalhekk tikkunsidra li t-talbiet intiżi biex tiġi kkundannata tħallas penalità u somma f’daqqa ġew ipprivati mis-suġġett tagħhom, jew sussidjarjament, huma infondati jew, fi kwalunkwe każ, eċċessivi. B’hekk, hija titlob li jiġu miċħuda.

19

Wara li ngħalqet il-proċedura orali, ir-Repubblika Franċiża, permezz ta’ ittri tas-27 ta’ Ġunju 2008, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni bl-adozzjoni tal-liġi Nru 2008-595, tal-25 ta’ Ġunju 2008, dwar l-organiżmi modifikati ġenetikament (JORF tas-26 ta’ Ġunju 2008, p. 10218, iktar ’il quddiem “il-liġi tal-25 ta’ Ġunju 2008”).

20

Wara li eżaminat dan it-test, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Lulju 2008, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija tqis li l-imsemmija liġi tiggarantixxi, wara d-dħul fis-seħħ tagħha, jiġifieri s-27 ta’ Ġunju 2008, it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2001/18 u, b’hekk, l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq. F’din l-istess ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll li t-talba tagħha għall-kundanna tar-Repubblika Franċiża għall-ħlas ta’ penalità kienet, b’hekk, ġiet ipprivata mis-suġġett tagħha.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

21

Għalkemm l-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni tas-sentenza, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-ħtieġa ta’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt Komunitarju teżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-278/07, Ġabra p. I-14141, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Barra minn hekk, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ meta jagħlaq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, huwa ċar li, fid-data meta skada t-terminu ta’ xagħrejn mogħti fl-opinjoni motivata tad-19 ta’ Diċembru 2005, it-terminu li fih kellha tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2001/18, kien inqabeż sew, peress li kienu għaddew kważi 19-il xahar minn meta ngħatat dik is-sentenza.

24

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, f’din l-istess data ta’ skadenza r-Repubblika Franċiża ma kienet, bl-eċċezzjoni tal-adozzjoni tad-Digriet Nru 2005-51, miżura ta’ portata limitata ħafna fir-rigward tal-obbligu ta’ traspożizzjoni li kellha dak iż-żmien, ħadet ebda miżura li kienet teżegwixxi l-imsemmija sentenza.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tammetti hija stess, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

Fuq is-sanzjoni pekunjarja

Fuq il-penalità

26

Hekk kif jirriżulta mill-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni indikat li hija kienet tikkunsidra li d-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-25 ta’ Ġunju 2008 jiggarantixxi l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, u li t-talba tagħha għall-impożizzjoni ta’ penalità fuq ir-Repubblika Franċiża kienet konsegwentement ġiet ipprivata mis-suġġett tagħha.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-impożizzjoni eventwali ta’ penalità skont l-Artikolu 228 KE, li s-saħħa koerċitiva tagħha fir-rigward tan-nuqqas li jkun qed iseħħ ġiet enfasizzata kemm-il darba mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047, punti 90 u 92), hija ġġustifikata, bħala regola, biss sakemm idum għaddej in-nuqqas relattiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikoari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-119/04, Ġabra p. I-6885, punti 45 u 46, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

28

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kundanna għall-ħlas ta’ penalità mhijiex opportuna.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

29

Il-Kummissjoni tafferma li, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’kawża abbażi tal-Artikolu 228 KE, u kif ġie ddikjarat fil-punt 10 tal-komunikazzjoni tagħha SEC (2005) 1658, tat-13 ta’ Diċembru 2005 (iktar ’il quddiem, il-“komunikazzjoni tal-2005”), hija, sistematikament, ser tipproponi li l-Istat Membru inadempjenti jiġi kkundannat iħallas somma f’daqqa u ser iżżomm din it-talba, mingħajr ma tirrinunzja għall-proċeduri, anki f’każ ta’ eżekuzzjoni, fil-mori tal-kawża, tas-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Skont il-Kummissjoni, dan l-approċċ il-ġdid huwa ġġustifikat sabiex jiġi evitat li jiġu ppreġudikati l-awtorità tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji tal-legalità u taċ-ċertezza legali kif ukoll l-effettività tad-dritt Komunitarju. Nuqqas totali ta’ sanzjoni finanzjarja f’każ ta’ regolarizzazzjoni tardiva fil-mori tal-kawża fil-fatt jinvolvi r-riskju, li qed javvera ruħu b’mod iżjed u iżjed frekwenti fil-prattika, li l-Istati Membri jiġu mħeġġa ma jeżegwixxux b’diliġenza s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u jadottaw aġir sistematikament dilatorju.

31

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat li, bejn ix-xahar ta’ Diċembru tal-1996 u dak ta’ Ottubru tal-2005, hija, skont l-Artikolu 228 KE, bagħtet 296 ittra ta’ intimazzjoni, fosthom 50 lir-Repubblika Franċiża, u 125 opinjoni motivata, fosthom 25 indirizzati lil dan l-Istat Membru. Matul dan l-istess perijodu, il-Kummissjoni ddeċidiet, 38 darba, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-imsemmija dispożizzjoni. 7 minn dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrigwardaw lir-Repubblika Franċiża u hija effettivament adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja fi 23 każ li 6 minnhom kienu jinvolvu rikorsi kontra dan l-Istat Membru. 6 biss mill-proċedimenti mibdija b’dan il-mod taw lok għal sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li seħħet regolarizzazzjoni tardiva fil-każijiet l-oħra kollha qabel ma ntemmew il-proċeduri ġudizzjarji. Jidher li s-sitwazzjoni qed taggrava, peress li l-Kummissjoni kellha tibgħat 50 ittra ta’ intimazzjoni skont l-imsemmi Artikolu 228 KE bejn l-1 ta’ Jannar u l-24 ta’ Ottubru 2005.

32

Bħala strument ta’ persważjoni, il-proċeduri ġudizzjarji speċjali ta’ eżekuzzjoni previsti fl-Artikolu 228(2) KE, għandhom għalhekk jadattaw ruħhom kemm għaċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ kif ukoll għal ċirkustanzi akar ġenerali, fosthom l-iżvilupp deskritt fil-punt preċedenti.

33

Għall-kuntrarju tal-penalità, li għandha funzjoni persważiva għal dak li jikkonċerna n-nuqqas li jkun qed iseħħ u li hija intiża biex tipprevjeni li n-nuqqas ikompli wara li tkun ingħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 228 KE, is-somma f’daqqa, li hija dovuta indipendentement mill-aġir adottat mill-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-imsemmi nuqqas meta tkun ingħatat is-sentenza, hija iktar intiża biex tippenalizza l-aġir tal-passat. Hija għalhekk għandha għan dissważiv u l-għan li tiġi pprevenuta r-repetizzjoni ta’ ksur simili. It-theddida tal-impożizzjoni tagħha hija, b’mod partikolari, tali li tħeġġeġ lill-Istat Membru jeżegwixxi s-sentenza inizjali li kkonstatat in-nuqqas malajr kemm jista’ jkun u, b’mod partikolari, qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tiġi adita bil-każ.

34

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu distiniti żewġ perijodi għall-finijiet tal-kalkolu tas-somma f’daqqa, jiġifieri, minn naħa, il-perijodu li għadda bejn id-data meta ngħatat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, u dik tal-20 ta’ Marzu 2007, id-data meta ġew ippubblikati l-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007, u, min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ wara l-20 ta’ Marzu 2007.

35

Billi tirreferi għall-metodu ta’ kalkolu espost fil-komunikazzjoni tal-2005, il-Kummissjoni b’hekk tipproponi, fl-ewwel lok, l-impożizzjoni fuq ir-Repubblika Franċiża tal-ħlas ta’ somma ta’ EUR 43660 għal kull ġurnata li għaddiet bejn il-15 ta’ Lulju 2004 u l-20 ta’ Marzu 2007.

36

Dan l-ammont li jitħallas għal kull ġurnata ta’ dewmien huwa kkalkulat, hekk kif jipprovdi l-imsemmi metodu ta’ kalkolu, billi l-bażi uniformi ta’ EUR 200 jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent għall-gravità tal-ksur, f’dan il-każ stabbilit għal 10 fuq skala minn 1 sa 20, u b’fattur n, skont il-kapaċità ta’ kull Stat Membru li jħallas. Fir-rigward ta’ Franza, dan il-fattur huwa stabbilit għal 21,83. L-ammont tas-somma f’daqqa dovua fir-rigward tal-perijodu msemmi huwa b’hekk ta’ EUR 42743140 (EUR 43660 x 979 ġurnata).

37

Skont il-Kummissjoni, il-koeffiċjent għall-gravità ta’ 10 huwa ġġustifikat f’dan il-każ fid-dawl tan-nautra manifesta tal-ksur, li tirriżulta min-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, mill-fatt li l-ksur dam għaddej, mill-importanza tar-regola miksura, li hija intiża biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent filwaqt li tiggarantixxi l-moviment liberu tal-GMOs, kif ukoll fid-dawl tan-natura repetittiva tan-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-GMOs. Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-296/01, Ġabra p. I-13909) u tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C-429/01, p. I-14355), u, fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn is-sentenzi, għall-eżekuzzjoni tagħha li seħħet wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita abbażi tal-Artikolu 228 KE (ara d-digriet ta’ tħassir tal-kawża tas-7 ta’ Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, C-79/06). Il-Kummissjoni tallega wkoll nuqqas ta’ kooperazzjoni leali u nuqqas ta’ rieda li tiġi eżegwita s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li wrew l-awtoritajiet Franċiżi.

38

Fir-rigward tal-preġudizzju għall-interessi pubbliċi u privati li jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tar-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni tinisisti b’mod partikolari fuq l-inċertezza legali li rriżultat minn dan fil-konfront tal-operaturi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Il-“gwidi” li ħareġ il-Ministeru tal-Agrikoltura diretti lejn il-persuni potenzjali li jitolbu awtorizzazzjoni biex jesperimentaw bil-GMOs, li ssemmi, fid-difiża tagħha, ir-Repubblika Franċiża, m’għandhom ebda forza legali u ma jistgħux, b’mod partikolari, jistabbilixxu tali drittijiet u obbligi, hekk kif tagħmel traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2001/18. Sentenza tat-tribunal admisitratif (qorti amministrattiva) ta’ Clermont-Ferrand, tal-4 ta’ Mejju 2006, li annullat awtorizzazzjoni għall-esperimentazzjoni minħabba nuqqas ta’ bażi legali bħala riżultat tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva turi b’mod partikolari din l-inċertezza legali.

39

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li n-nuqqas ta’ tali traspożizzjoni kkawża riskji f’termini ta’ disseminazzjonijiet transkonfinali ta’ GMOs mhux punibbli kriminalment, ta’ skoraġġiment tar-riċerka bioteknoloġika fuq il-GMOs kif ukoll tan-negozju fihom, jew anki ta’ kunflitti kummerċjali internazzjonali marbutin mal-fatt li l-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli fir-rigward tal-GMOs importati minn pajjiżi terzi mhijiex ibbażata fuq qafas legali intern Komunitarju koerenti li jista’ jiġġustifikaha.

40

Fit-tieni lok, u fir-rigward tal-perijodu ta’ wara l-20 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-miżuri ta’ Marzu 2007 ma ggarantixxewx l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, peress li f’dan l-istadju, l-Artikoli 8(2), 19 u 23 tad-Direttiva 2001/18 baqgħu trasposti ħażin, u b’hekk l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa kuljum, proporzjonata għall-gravità tan-nuqqas li kien għadu jeżisti, kienet għadha meħtieġa fir-rigward ta’ dan il-perijodu.

41

Il-Kummissjoni tipproponi li s-somma f’daqqa ta’ kuljum li għandha titħallas mir-Repubblika Franċiża, mill-21 ta’ Marzu 2007, għandha tiġi kkalkulata billi koeffiċjent għall-gravità tal-ksur li għandu jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda li jkun proporzjonat għall-ksur li jkun għadu għaddej, jiġi mmultiplikat bl-ammont bażiku ta’ EUR 200 u bil-fattur n imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza. Din is-somma ta’ kuljum għandha, barra minn hekk, tkun imposta sad-data meta s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, tkun ġiet ezegwita għalkollox.

42

Il-metodu ta’ kalkolu propost b’dan il-mod mill-Kummissjoni jippermetti, fil-fehma tagħha, li tiġi stabbilita, fil-mument meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha, somma globali li titħallas f’daqqa, li tkun proporzjonata għall-gravità tal-ksur u li tieħu inkunsidrerazzjoni l-bonavolontà tardiva eventwali tal-Istat Membru kkonċernat.

43

Il-Kummissjoni tindika, fl-aħħar nett, li l-fatt li l-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 20 miljun ġie impost mis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263) m’għandux jikkostitwixxi punt ta’ riferiment għal kawżi oħra, peress li dan l-ammont kien ta’ natura simbolika u kien spjegabbli minn ċirkustanzi proċedurali partikolari għal dik il-kawża.

44

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra, prinċipalment, li s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet eżegwita għalkollox wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu tal-2007 u li t-talba tal-Kummissjoni, relattiva għall-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, għalhekk, ġiet ipprivata mis-suġġett tagħha.

45

Fil-fatt, tali impożizzjoni għandha bħala l-unika funzjoni tagħha li tħeġġeġ lill-Istat Membru jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas min-naħa tiegħu u, b’hekk, li tiggarantixxi l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju, u mhux li tipprevjeni li jseħħ ksur eventwali fil-futur. Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja s’issa, abbażi tal-Artikolu 228 KE, jikkonfemaw li, meta Stat Membru jkun ġab fi tmiem in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ma jkunx għad hemm raġuni għalfejn għandu jiġi kkundannat iħallas tali somma f’daqqa.

46

Sussidjarjament, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-ħlas ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi impost abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali, iżda jirrikjedi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari ħafna għall-każ inkwistjoni, bħal dawk irrilevati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, u li jirrigwardaw iż-żmien twil ħafna li matulu s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet baqgħet mhux eżegwita u l-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas meqjusa partikolarment gravi.

47

F’din il-kawża, ma jeżistux kundizzjonijiet bħal dawn. Minn naħa, iż-żmien li għadda minn mindu ngħatat is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, huwa f’dan il-każ ħafna iqsar u l-imsemmija sentenza, barra minn hekk, ġiet eżegwita ftit żmien biss wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas jikkonċerna biss parti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18, jiġifieri dawk li huma differenti jew li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/220, u barra minn hekk, fil-prattika, il-konsegwenzi kienu limitati ħafna. B’hekk, din il-kawża tagħmel parti mill-kawżi l-oħra kollha fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li kien opportun li timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa.

48

B’mod iktar sussidjarju, ir-Repubblika Franċiża tqis li l-ammont propost tas-somma f’daqqa huwa, fi kwalunkwe każ, eċċessiv. Fl-ewwel lok huwa sproporzjonat meta mqabbel mas-somma ta’ EUR 20 miljun impost mis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq.

49

Imbagħad, il-metodu ta’ kalkolu użat jiżnatura l-karattru tas-sanzjoni bħala somma li titħallas f’daqqa, peress li l-ammont propost li għandu jitħallas għal kull ġurnata ta’ dewmien iktar jixbah penalità retroattiva.

50

Fl-aħħar nett, il-koeffiċjent propost għall-gravità tal-ksur huwa għoli wisq.

51

Fl-ewwel lok, fil-fatt, in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 fil-prattika kellu konsegwenzi limitati ħafna. Minn naħa, l-użi l-iktar frekwenti tal-GMOS jaqgħu taħt regolamenti oħrajn bħar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, p. 1), filwaqt li n-numru ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni bbażati fuq id-Direttiva 2001/18 baqa’ żgħir ħafna. Min-naħa l-oħra, proċedura għall-awtorizzazzjoni għall-esperimentazzjoni ta’ pjanti superjuri modifikati ġenetikament, li hija bbażata fuq żewġ gwidi mħejjija mill-Ministeru tal-Agrikoltura, ġiet istitwita u l-awtorizzazzjonijiet maħruġin abbażi ta’ din il-proċedura ppermettew effettivament li jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2001/18 fir-rigward tat-talbiet għal awtorizzazzjoni, informazzjoni u konsultazzjoni tal-pubbliku, kif ukoll tal-limitazzjoni tar-riskji ta’ rilaxx, b’mod partikolari, transkonfinali, tal-mikroorganiżmi. Bħala xhieda ta’ dan hemm, b’mod partikolari, kemm il-kontenut tal-imsemmija gwidi, kif ukoll deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni individwali prodotta mir-Repubblika Franċiża, u, fl-aħħar nett, diversi sentenzi mogħtija mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

52

Fit-tieni lok, bejn is-snin 2003 u 2006, Franza okkupat it-tieni pożizzjoni fost l-Istat Membri, kemm fil-livell tan-numru ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni ta’ rilaxx għal finijiet ta’ esperimentazzjoni, kif ukoll għal dak li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ GMOs għal finijiet kummerċjali, u xhieda ta’ dan hemm il-fatt li la l-kummerċ fil-GMOs u lanqas ir-riċerka bioteknoloġika ma ġew skoraġġuti minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18.

53

Fit-tielet lok, il-kwistjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva qattt ma kienet titqajjem fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali internazzjonali.

54

Fir-raba’ lok, ma kien hemm, min-naħa tar-Repubblika Franċiża, la nuqqas ta’ kooperazzjoni u lanqas astensjoni apposta milli teżegwixxi s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, peress li d-dewmien osservat kien marbut b’mod partikolari, hekk kif diġà ntwera matul il-fażi prekontenzjuża, mal-preokkupazzjoni li jitnaqqsu l-problemi ta’ ordni pubbliku kkawżati mill-kultivazzjoni tal-GMOs u li tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni mill-pubbliku ta’ dan it-tip ta’ kultivazzjoni, bis-saħħa ta’ riformi iktar ambizzjużi minn dawk li kienet tirrikjedi s-sempliċi traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18.

55

Fil-ħames lok, u fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq ċirkustanzi li taw lok għal proċeduri oħra għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li llum jinsabu magħluqa.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

56

Għalkemm il-kundanna għall-ħlas ta’ penalità, li għandha essenzjalment saħħa koerċitiva fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jkun qed iseħħ, għandha ssir, hekk kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, biss sakemm jibqa’ jeżisti n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatatu, xejn, min-naħa l-oħra, ma jeżiġi li l-istess għandu japplika għal dak li jikkonċerna l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

57

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 228(2) KE għanda bħala għan li tħeġġeġ lill-Istat Membru inadempjenti sabiex jeżegwixxi s-sentenza li kkonstatat in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu u, permezz ta’ dan, tassigura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt Komunitarju. Il-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-pagament ta’ penalità, it-tnejn huma intiżi għal dan l-istess għan (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 80).

58

Għalkemm l-impożizzjoni ta’ penalità tidher li hija partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ lil Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fin-nuqqas ta’ tali miżura x’aktarx jibqa’ jippersisti, l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa tistrieħ iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ikun kompla għal żmien twil wara s-sentenza li kienet inizjalment ikkonstatatu (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

59

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li tkun ġiet adita bih kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, li għandha tadotta s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa biex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni l-iktar malajr possibbli tas-sentenza li preċedentemenet ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u biex jipprevjenu r-repetizzjoni ta’ ksur simili tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 97).

60

F’dan ir-rigward, il-fatt, irrilevat mir-Repubblika Franċiża, li l-ħlas ta’ somma f’daqqa, s’issa, ma ġiex impost mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sitwazzjonijiet fejn eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza inizjali seħħet qabel ma ntemmew il-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE, ma jistax jikkostitwixxi ostaklu għall-fat li tali impożizzjoni tiġi deċiża fil-kuntest ta’ kawża oħra, jekk dan jirriżulta li jkun neċessarju fid-dawl tal-karatteristiċi tal-każ u l-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni meħtieġa.

61

Fir-rigward tal-proposti li jinsabu fil-komunikazzjoni tal-2005 fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somom f’daqqa invokati mill-Kummissjoni f’din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li, anki jekk linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet ippubblikati mill-Kummissjoni jistgħu effettivament jikkontribwixxu sabiex tkun garantita t-trasparenza, il-previdibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni ta’ din l-istituzzjoni, jibqa’ xorta waħda l-fatt li dawn ir-regoli ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tas-setgħa mogħtija lilha permezz tal-Artikolu 228(2) KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

L-impożizzjoni eventwali tal-ħlas ta’ somma f’daqqa għandha, f’kull każ, tibqa’ ssir skont l-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll mal-aġir tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE.

63

Għandu fil-fatt jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, bħal fil-każ tal-għan tal-Artikolu 228 KE, imfakkar preċedentement, lanqas il-kliem tiegħu ma jindika li l-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa għandu jkollha n-natura awtomatika li tissuġġerixxi l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tal-2005. Billi tipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja “tista’” timponi l-ħlas ta’ penalità jew ta’ somma f’daqqa fuq l-Istat Membru inadempjenti, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjonijiet jew le.

64

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi timponi penalità jew il-ħlas ta’ somma f’daqqa, huwa f’idejha li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissaha b’mod li tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll għall-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu elementi bħal kemm dam jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li ngħatat is-sentenza li kkonstatatu kif ukoll l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114).

65

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li hemm lok li jitqiesu ċ-ċirkustanzi li ġejjin sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għall-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa magħmula mill-Kummissjoni.

66

Fl-ewwel lok, u fir-rigward tal-aġir adottat mir-Repubblika Franċiża fir-rigward tal-obbligi Komunitarji tagħha fil-qasam speċifiku tal-GMOs, hekk kif fakkret il-Kummissjoni, l-imsemmi Stat Membru diġà kien is-suġġett ta’ diversi sentenzi mogħtija abbażi tal-Artikolu 226 KE li fihom ġie kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tagħha li kien jikkonsisti fil-fatt li ma ttrasponietx b’mod korrett xi direttivi adottati f’dan il-qasam.

67

Fil-fatt, minbarra l-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 li saret fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, li n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha ta lok għal dawn il-proċeduri, ġie kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Reppublika Franċiża anki fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tal-20 ta’ Novembru 2003 u tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, minħabba traspożizzjoni inkompleta, rispettivament, tad-Direttiva 90/220 kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-użu fil-magħluq ta’ mikroorganiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 1).

68

Barra minn hekk, mid-digriet ta’ tħassir tal-kawża tas-7 ta’ Frar 2007, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitat iktar ’il fuq, jirriżulta li kien biss wara li l-Kummissjoni ppreżentat rikors biex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza tas-27 ta’ Novembru 2003 li r-Repubblika Franċiża ħadet il-miżuri neċessarji biex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha, li wara li ttieħdu l-Kummissjoni rrinunzjat għar-rikors tagħha.

69

Hekk kif issuġġeriet il-Kummissjoni, tali repetizzjoni ta’ aġir ta’ Stat Membru bi ksur tad-dritt Komunitarju, f’settur speċifiku tal-azzjoni Komunitarja, tista’ tikkostitwixxi indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt Komunitarju hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa.

70

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, iż-żmien li matulu baqa’ jippersisti n-nuqqas wara li ngħatat is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li xejn, f’dan il-każ, ma jippermetti li jiġi ġġustifikat id-dewmien kunsiderevoli kkonstatat, wara li ngħatat l-imsemmija sentenza, fit-traspożizzjoni effettiva tad-Direttiva 2001/18, traspożizzjoni li essenzjalment kienet teżiġi biss l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali.

71

Għandu jiġi rrilevat, b’mod partikolari f’dan ir-rigward, li filwaqt li r-Repubblika Franċiża ma tikkontestax li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li teżegwixxi l-imsemmija sentenza fid-data meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007, l-ewwel miżuri sinjifikattivi li ġew adottati sabiex tiġi ggarantita tali eżekuzzjoni, ġew adottati iktar minn sena sħiħa wara l-imsemmija data ta’ skadenza.

72

Fir-rigward tal-fatt, effettivament sostnut mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kultivazzjoni tal-GMOs fl-għelieqi tat lok u tkompli tagħti lok, fi Franza, għal manifestazzjonijiet vjolenti, b’mod partikolari ta’ qrid tal-uċuħ tar-raba’ fl-għelieqi, u tal-fatt li d-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, huwa spjegabbli b’mod partikolari mill-preokkupazzjoni li jiġi spjegat ix-xogħol parlamentari u li ssir riforma iktar ambizzjuża minn dik li tirrikjedi d-Direttiva 2001/18, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru ma jistax juża dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). B’mod partikolari, u jekk wieħed jassumi li l-problemi msemmija mir-Repubblika Franċiża huma parzjalment dovuti għall-implementazzjoni tar-regoli ta’ oriġini Komunitarja, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi diffikultajiet fl-applikazzjoni li feġġew fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ att Komunitarju, inklużi diffikultajiet marbutin mar-reżistenza ta’ individwi, biex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u t-termini li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 69 u 70).

73

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-gravità tan-nuqqas b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tiegħu fuq l-interessi pubbliċi u privati involuti, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirrużulta mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/18, din hija intiża biex tapprossima l-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tal-GMOs u tar-rilaxx intenzjonat tagħhom fl-ambjent kif ukoll biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

74

Hekk kif jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 1 u mis-sitt u t-tmien premessi tal-imsemmija direttiva, is-sistema istitwita minnha hija barra minn hekk ispirata mill-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva, li dwarhom għandu jiġi mfakkar li jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-ħarsien tal-ambjent, b’mod partikolari koperti mill-Artikolu 174(2) KE.

75

Hekk kif inhu mfakkar fir-raba’ u l-ħames premessi tad-Direttiva 2001/18, l-organiżmi ħajjin, kemm jekk jiġu rrilaxxati fl-ambjent fi kwantitajiet żgħar jew kbar għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali u b’hekk jaffetwaw Stati Membri oħra. L-effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu irriversibbli.Il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent teħtieġ li attenzjoni xierqa tingħata lil kontrolli ta’ riskji li jirriżultaw minn rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ GMOs.

76

Permezz tal-approssimazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li tagħmel id-Direttiva 2001/18, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 KE, hija għandha l-għan ukoll li tiffaċilita l-moviment liberu tal-GMOs bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti.

77

Hekk kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, meta n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jkun tali li jippreġudika lill-ambjent u li jipperikola s-saħħa tal-bniedem li l-preservazzjoni tagħha tagħmel parti mill-għanijiet tal-politika Komunitarja fil-qasam tal-ambjent, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 174 KE, tali nuqqas huwa partikolarment gravi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 94, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 57).

78

Bħala regola, dan japplika wkoll meta l-moviment liberu tal-merkanzija jkompli jkun ostakolat bi ksur tad-dritt Komunitarju minkejja sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kkonstatat nuqqas bħal dan.

79

F’dan il-każ, għalkemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18 kellhom jiġu trasposti l-iktar tard fis-17 ta’ Ottubru 2002, ġie rrilevat preċedentement li, minkejja s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Franċiża kienet għadha, fid-data meta l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita b’dawn il-proċeduri, ma adottat ebda miżura sinjifikattiva biex tassigura l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza u biex tiggarantixxi b’dan il-mod li l-għanijiet essenzjali li ried jikseb il-leġiżlatur Komunitarju jintlaħqu għalkollox.

80

Il-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iżjed ’il fuq huma biżżejjed biex jiġġustifikaw l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa fil-kuntest ta’ din il-kawża.

81

Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-imsemmija somma f’daqqa, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 66 sa 79 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

82

Fl-ewwel lok, u hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-ewwel u t-tielet premessi tad-Direttiva 2001/18, din issostitwiet id-Direttiva 90/220 li kellha għan simili, u pperfezzjonatha filwaqt li rriformatha. Kien għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonstatat nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi d-Direttiva 2001/18 biss sa fejn l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri minn din id-direttiva huma differenti minn jew imorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 90/220.

83

Barra minn hekk, fir-rikors tagħha f’dan il-każ, il-Kummissjoni enfasizzat, f’dan ir-rigward, billi rreferiet għall-punt 5 tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, li kkunsidrati waħedhom, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2, 4 u 6(1), (3) u (5), 8(1), 10 sa 12, 15(1) u (3), 21, 22, 24, 25, 27 sa 34 u 36 sa 38 tad-Direttiva 2001/18 ma kinux jirrikjedu miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza.

84

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta b’mod partikolari li n-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura sinjifikattiva ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 mir-Repubblika Franċiża sal-adozzjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007 m’għandux l-istess livell ta’ gravità, mill-aspett tal-protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa tal-bniedem, tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni, daqs dak li kien jirriżulta minn sitwazzjoni fejn leġiżlazzjoni Komunitarja li għandha għanijiet importanti daqs dawk li jikkaratterizzaw l-imsemmija direttiva ma tirċievi ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat, minkejja l-eżistenza ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas tal-imsemmi Stat Membru milli jwettaq l-obbligi tiegħu.

85

Fit-tieni lok, jista’, sa ċertu punt, jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minkejja t-tardività tagħhom, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ Marzu 2007 iggarantixxew traspożizzjoni sinjifikattiva ħafna tad-Direttiva 2001/18, billi tliet dispożizzjonijiet tagħha biss baqgħu, skont il-Kummissjoni, trasposti b’mod inkorrett sas-27 ta’ Ġunju 2008.

86

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, hekk kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ċ-ċirkustanzi mfakkra fil-punt 72 ta’ din is-sentenza u l-iżvolġiment tal-proċedura prekontenzjuża kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 6 sa 13 ta’ din is-sentenza ma jippermettux li jiġi konkluż li l-imsemmija awtoritajiet nazzjonali, minbarra li naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jeżegwixxu s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, ikkonstatat preċedentement f’din is-sentenza, naqsu wkoll mill-obbligu tagħhom ta’ kooperazzjoni leali, hekk kif issostni l-Kummissjoni, matul il-perijodu li wassal għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza, u lanqas ma adottaw aġir deliberatament dilatorju bl-għan waħdieni li ma jeżegwixxux malajr l-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward.

87

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jitħallas mir-Repubblika Franċiża jiġi ffissat għal EUR 10 mijun.

88

Ir-Repubblika Franċiża għandha għalhekk tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

Fuq l-ispejjeż

89

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

90

Ir-Repubblika Ċeka, li intervjeniet sabiex issostni t-talbiet tar-Repubblika Franċiża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi naqset milli tieħu, fid-data meta skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C-419/03), dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, li huma differenti jew li jmorru lil hinn minn dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, fuq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

 

2)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

 

3)

Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

4)

Ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.