KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
POIARES MADURO
ippreżentati fit-8 ta’ Ottubru 2008 ( 1 )
Kawża C-213/07
Michaniki AE
vs
Ethniko Symvoulio Radiotileorasis
u
Ypourgos Epikrateias
“Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Direttiva 93/37/KEE — Artikolu 24 — Kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt — Miżuri nazzjonali li joħolqu inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni”
1. |
Stat Membru jista’ jżid kawża ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet mal-lista li tinsab fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37/KEE ( 2 )? Taħt liema kundizzjonijiet u x’inhuma l-limiti? Dawn id-domandi, li essenzjalment jikkostitwixxu s-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, iqajmu l-problema tal-eżistenza u, jekk ikun il-każ, tal-portata tas-setgħa leġiżlattiva li għandhom l-Istati Membri meta tkun teżisti armonizzazzjoni Komunitarja. Din il-kwistjoni mhux qed tqum għall-ewwel darba. Fil-fatt din diġà tat lok għal ġurisprudenza vasta. Madankollu, l-aspett partikolari ta’ din il-kawża huwa li l-miżura leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni hija dispożizzjoni kostituzzjonali. Din hija tali li taffettwa r-risposta li għandha tingħata? Dawn huma l-punti li jinsabu fil-qalba ta’ din il-kawża. |
I — Il-kuntest ġuridiku
A — Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
2. |
L-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 jelenka l-kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku għal xogħlijiet. Dan huwa fformulat b’dan il-mod: “Kwalunkwe kuntrattur jista’ jkun eskluż mill-parteċipazzjoni fil-kuntratt jekk:
[…]” |
B — Id-dritt nazzjonali
3. |
Il-ħames sas-seba’ subparagrafi tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega tal-1975, kif jirriżulta mir-reviżjoni kostituzzjonali tas-6 ta’ April 2001, jipprovdu: “Il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni hija inkompatibbli mal-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tiġi fdata mill-Istat jew minn persuna legali fis-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi. Il-projbizzjoni stabbilita permezz tal-paragrafu preċedenti tapplika wkoll għall-persuni kollha li jaġixxu bħala intermedjarji, bħalma huma l-konjuġi, il-qraba, u persuni jew kumpanniji li huma ekonomikament dipendenti. Għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġi r-regoli dettaljati, is-sanzjonijiet li jistgħu jiġu imposti, li jistgħu jaslu sal-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ stazzjon tar-radju jew tat-televiżjoni u sal-projbizzjoni li jiġi konkluż ftehim jew l-annullament tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll ir-regoli dettaljati ta’ kontroll u l-garanziji bil-għan li jiġi evitat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti.” |
4. |
B’applikazzjoni tas-seba’ subparagrafu tal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega, il-Liġi Nru 3021/2002, dwar ir-restrizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi ma’ persuni attivi f’impriżi tas-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni tistabbilixxi, essenzjalment, projbizzjoni li jiġi konkluż kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ma’:
|
5. |
Il-Liġi Nru 3021/2002 tgħid ukoll, essenzjalment, li qabel ma tgħaddi għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti inkwistjoni għandha titlob lill-Kunsill nazzjonali tar-radjuteleviżjoni (Ethniko Symvoulio Radiotileorasis; iktar ’il quddiem, l-“ESR”) biex joħroġ ċertifikat li juri n-nuqqas ta’ kull inkompatibbiltà prevista mill-imsemmija liġi, u fin-nuqqas ta’ dan, il-kuntratt jew il-kuntratt pubbliku jitqiesu li huma nulli. |
II — Il-kawża prinċipali u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari
6. |
B’deċiżjoni tat-13 ta’ Diċembru 2001, il-kumpannija Erga, impriża pubblika, nediet sejħa għal offerti għal xogħlijiet ta’ tħaffir u xogħlijiet tekniċi ta’ infrastruttura tal-linja ferrovjarja ġdida b’żewġ binarji ta’ veloċità għolja bejn Korintu u Kjatos, li l-baġit tagħhom jammonta għal EUR 51700000. F’din il-proċedura ta’ sejħa għal offerti ħadu sehem, fost l-oħrajn, il-kumpannija Michaniki u l-kumpannija Sarantopoulos. |
7. |
Fit-22 ta’ Mejju 2002, l-entità kontraenti tat il-kuntratt lill-kumpannija Sarantopoulos li, sussegwentement, ittieħdet taħt il-kontroll tal-kumpannija Pantechniki. Preliminarjament, l-imsemmija entità kontraenti kienet talbet u kisbet mingħand l-ESR ċertifikat tan-nuqqas ta’ inkompatibbiltà min-naħa tal-kumpannija Pantechniki, kif meħtieġ mil-Liġi Griega Nru 3021/2002. L-ESR fil-fatt kien tal-fehma li, għalkemm K. Sarantopoulos, azzjonist prinċipali u viċi-president tal-bord tad-diretturi ta’ Pantechniki, kien jiġi minn (b’mod iktar preċiżi, huwa missier) G. Sarantopoulos, membru ta’ diversi bordijiet ta’ diretturi ta’ kumpanniji Griegi ta’ mezzi ta’ informazzjoni, huwa ma kienx jaqa’ taħt l-ambitu tal-każijiet ta’ inkompatibbiltà previsti mil-leġiżlazzjoni Griega, peress li huwa kien ekonomikament awtonomu fil-konfront ta’ G. Sarantopoulos. |
8. |
L-impriża Michaniki, il-kompetitriċi telliefa fl-aġġudikazzjoni talbet lill-Kunsill tal-Istat Grieg l-annullament taċ-ċertifikat ta’ inkompatibbiltà maħruġ mill-ESR, għar-raġuni li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3021/2002 li abbażi tagħhom inħareġ iċ-ċertifikat imorru kontra l-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega. |
9. |
Bi qbil mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi kkontestati, sa fejn jippermettu lil imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi li jaħrab mill-każijiet ta’ inkompatibbiltà stabbiliti fihom billi juri l-awtonomija ekonomika tiegħu fil-konfront tal-qarib tiegħu li jkun proprjetarju, soċju, azzjonist jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, imorru kontra l-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni, li jipprovdi li, anki meta l-imsemmi imprenditur ikun ekonomikament awtonomu fil-konfront ta’ dan il-qarib, huwa madankollu jkun obbligat li jipprova li ma aġixxex bħala intermedjarju iżda b’mod awtonomu, f’ismu stess u fl-interessi tiegħu nnifsu. |
10. |
Il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-imsemmija dispożizzjoni kostituzzjonali, li tippermetti li impriża ta’ xogħlijiet pubbliċi tiġi eskluża minn kuntratt għar-raġuni li l-azzjonist prinċipali tagħha ma jkunx irnexxielu jirribatti l-preżunzjoni li, bħala qarib ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, huwa aġixxa bħala intermedjarju ta’ din l-impriża u mhux f’ismu stess. Jidher, fil-fatt, li l-kawżi ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 huma eżawrjenti u jeskludu, għaldaqstant, iż-żieda ta’ raġunijiet ta’ esklużjoni bħal dik stabbilita fl-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega. Anki jekk wieħed jassumi li d-Direttiva 93/37 kisbet biss armonizzazzjoni parzjali fuq dan il-punt, il-legalità fir-rigward tad-dritt Komunitarju ta’ każijiet addizzjonali previsti minn Stat Membru hija suġġetta għall-għan ta’ interess ġenerali kompatibbli mad-dritt Komunitarju u mal-ħarsien tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-lista ta’ kawżi ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva hija eżawrjenti, il-qorti a quo tistaqsi jekk il-projbizzjoni, li għandha tiġi dedotta minn dan, li tiġi stabbilita sistema ta’ inkompatibbiltà bejn il-qasam ta’ attività tal-mezzi ta’ informazzjoni u dak tal-kuntratti pubbliċi, tmurx kontra l-prinċipji marbuta mal-protezzjoni tat-tħaddim normali tas-sistema demokratika, ir-rispett tat-trasparenza fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera u leali kif ukoll dak ta’ sussidjarjetà. |
11. |
Il-qorti nazzjonali fil-kawża prinċipali għaldaqstant għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel waħda tirrigwarda n-natura eżawrjenti tal-lista tal-kawżi ta’ esklużjoni li tinsab fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37. It-tieni waħda tirrigwarda l-kompatibbiltà, minn naħa, mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju tal-għan segwit permezz tal-istabbiliment ta’ inkompatibbiltà bejn il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża tal-mezzi ta’ informazzjoni u dik ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tingħata kuntratt pubbliku għal xogħlijiet, provvisti jew servizzi, u min-naħa l-oħra mal-prinċipju Komunitarju ta’ proporzjonalità tal-projbizzjoni kompleta tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li tirriżulta minn dan għall-imprendituri kkonċernati. It-tielet domanda tirrigwarda l-validità tad-Direttiva 93/37 fir-rigward tal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tal-kompetizzjoni, ta’ trasparenza u tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, fil-każ fejn l-imsemmija direttiva tinftiehem fis-sens li tipprojbixxi li jiġi previst bħala kawża ta’ esklużjoni ta’ impriża mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet il-każ fejn hija, id-direttorat tagħha (jiġifieri l-proprjetarju ta’ din l-impriża, l-azzjonist prinċipali tagħha, soċju tagħha jew diriġent tagħha) jew persuni li jaġixxu bħala intermedjarji għad-diriġenti hawn fuq imsemmija jeżerċitaw attivitajiet ta’ impriżi ta’ mezzi ta’ informazzjoni li jista’ jkollhom influwenza illeċita fuq il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, billi jeżerċitaw l-influwenza iktar ġenerali li huma għandhom. |
12. |
Qabel ma nipprova nagħti risposta għal dawn id-domandi preliminari, għandhom jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet li tqajmu dwar l-ammissibbiltà tagħhom. |
III — L-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
13. |
Il-Gvern Grieg ikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dan ir-rinviju, minħabba li l-kawża prinċipali tirrigwarda biss kontestazzjoni bejn żewġ impriżi Griegi dwar l-għoti ta’ kuntratt minn awtorità kontraenti Griega. Huwa jsostni li peress li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda biss sitwazzjoni purament interna għall-Istat Grieg, id-dritt Komunitarju mhuwiex applikabbli għaliha u, għaldaqstant, id-domandi preliminari intiżi biex tinkiseb interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex rilevanti. Il-Gvern Grieg ikkontesta wkoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula, minħabba li dawn ma jirrigwardawx interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tirrispondi għal bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li din tal-aħħar tirrigwarda biss il-kompatibbiltà tal-Liġi Griega mal-Kostituzzjoni. |
14. |
Sabiex jiġu esklużi dawn iż-żewġ oġġezzjonijiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju, fl-ewwel lok jista’ jiġi ribattut, fil-konfront tal-argument tal-Gvern Grieg, li, skont ġurisprudenza stabbilita, “fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita permezz tal-Artikolu 177 tat-Trattat, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja” u li “[k]onsegwentement, sa fejn id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni” ( 3 ). Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dritt li teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-każ ġie rrinvijat mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika jekk hija għandhiex ġurisdizzjoni u jekk hija tistax tiddeċiedi li domanda preliminari hija inammissibbli, b’mod partikolari meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li din ma tirrispondi għal ebda bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-qorti nazzjonali jew inkella li l-problema hija ta’ natura ipotetika ( 4 ). |
15. |
Fir-rigward tal-ewwel oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ dimensjoni Komunitarja fil-kawża prinċipali, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar domandi preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet Komunitarji f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 5 ). F’diversi okkażjonijiet il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret l-inapplikabbiltà tad-dritt Komunitarju ( 6 ), u b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-leġiżlazzjoni adottata għall-implementazzjoni tagħhom ( 7 ), f’sitwazzjonijiet fejn l-elementi kollha jkunu jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed u li, minħabba dan il-fatt, ma jkunu jippreżentaw ebda fattur ta’ rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt Komunitarju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma tippreżenta l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali u r-risposta mogħtija ma tistax tkun utli għall-qorti nazzjonali, kemm-il darba d-dritt nazzjonali ma jkunx jeħtieġ li wieħed miċ-ċittadini tiegħu jgawdi mill-istess drittijiet li ċittadin ta’ Stat Membru ieħor igawdi taħt id-dritt Komunitarju fl-istess sitwazzjoni ( 8 ) jew ma jkunx jirreferi għall-kontenut ta’ dispożizzjoni Komunitarja biex jiddetermina r-regoli applikabbli għal sitwazzjoni purament interna ( 9 ). |
16. |
Madankollu il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem irrispondiet għal domandi preliminari li joriġinaw minn kawżi dwar sejħiet għal offerti pubbliċi jew, b’mod iktar ġenerali, kuntratti pubbliċi, anki meta l-fatti tal-kawża jkunu jindikaw li s-sitwazzjoni hija waħda purament interna. Dan huwa minnu, ħlief f’każ wieħed ( 10 ), meta l-interpretazzjoni mitluba kienet tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, b’mod partikolari dawk dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 11 ). Huwa minnu mingħajr eċċezzjoni meta hija kienet tirrigwarda d-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar is-swieq pubbliċi ( 12 ). B’mod ġenerali, ir-raġuni hija marbuta mal-għanijiet infushom tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, li hija li jiġi ggarantit l-usa’ aċċess possibbli, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalità, għall-imsemmija kuntratti u li tiġi promossa kompetizzjoni effettiva u ugwali f’dan il-qasam. Għaldaqstant ma tantx huwa rilevanti li l-partijiet involuti fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ikunu mill-istess Stat Membru bħal dak tal-awtorità kontraenti, inkwantu impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra wkoll setgħu jkunu interessati ( 13 ). Barra minn hekk, f’din il-perspettiva, id-direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi jissuġġettaw għad-dispożizzjonijiet tagħhom il-kuntratti kollha li jaqbżu ammont li huma jistabbilixxu, mingħajr ebda kundizzjoni marbuta man-nazzjonalità jew mal-post ta’ stabbiliment tal-offerenti ( 14 ). Bħal fil-każ tad-direttivi l-oħra bbażati fuq l-Artikolu 95 KE (li qabel kien l-Artikolu 100 A KE), l-applikabbiltà tagħhom ma tistax tiddependi mill-kwistjoni jekk is-sitwazzjonijiet konkreti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhomx rabta suffiċjenti mal-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment ( 15 ). Għaldaqstant l-ewwel oġġezzjoni tal-Gvern Grieg dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari bbażata fuq l-eżistenza ta’ sitwazzjoni purament interna għandha neċessarjament tiġi miċħuda. |
17. |
Fir-rigward tat-tieni motiv ta’ kontestazzjoni tar-rilevanza tad-domandi magħmula, li jallega li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju ma tissodisfax bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li din il-kwistjoni tirrigwarda biss il-kompatibbiltà tal-Liġi Griega mal-Kostituzzjoni, dan lanqas ma jista’ jintlaqa’. Ċertament, għandu jingħad li f’din il-kawża, il-prova tal-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3021/2002 mal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni tneħħi l-bażi legali taċ-ċertifikat ta’ inkompatibbiltà maħruġ mill-ESR u hija għalhekk biżżejjed biex jintlaqa’ r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. |
18. |
Madankollu, kif enfasizzat il-qorti a quo, għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, huwa meħtieġ li tiġi aċċettata r-rilevanza, minn dan l-istadju, tal-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tad-dispożizzjoni kostituzzjonali inkwistjoni. Effettivament, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li ma tistax tagħti risposta għad-domanda preliminari għal interpretazzjoni u tħalli f’idejn il-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 3021/2002 mal-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni, dan kien jagħti lok għall-ħsieb li, jekk l-imsemmija qorti tasal biex tannulla ċ-ċertifikat fuq il-bażi li din il-liġi tmur kontra l-Kostituzzjoni, ikun hemm ir-riskju li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni kostituzzjonali kkontestata mad-dritt Komunitarju f’xi ħin terġa’ tqum quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkwantu l-ESR probabbilment jiġi mwassal li jirrifjuta l-ħruġ taċ-ċertifikat neċessarju għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni minħabba li l-imprenditur ta’ xogħlijiet pubbliċi inkwistjoni (K. Sarantopoulos) ma jkunx irnexxielu jistabbilixxi li ma jaqax taħt l-ambitu tal-inkompatibbiltà msemmija fil-Kostituzzjoni. L-eżitu finali tal-kawża prinċipali b’hekk jiddependi fuq il-konformità mad-dritt Komunitarju tas-sistema speċifika ta’ inkompatibbiltà bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni. B’hekk huwa fl-interess tal-ekonomija tal-ġudizzju li f’dan l-istadju l-qorti tar-rinviju tingħata l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jippermettulha tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward peress li, jekk hija kellha tikkonkludi li l-imsemmija sistema, kif stabbilita mill-Kostituzzjoni u implementata mil-Liġi Nru 3021/2002, mhijiex kompatibbli mad-dritt Komunitarju, hija ma jkollhiex għażla oħra, kif tikkonferma l-qorti a quo, għajr li tiddeċiedi li mhijiex applikabbli u, b’hekk, li tiċħad ir-rikors ta’ Michaniki u li tikkonferma l-għoti tal-kuntratt lil Pantechniki. |
IV — Ir-risposti għad-domandi preliminari
A — In-natura eżawrjenti tal-kawżi ta’ esklużjoni previsti mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37
19. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari, essenzjalment il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi mistoqsija jekk l-Istati Membri humiex awtorizzati li jipprevedu kawżi ta’ esklużjoni oħra mill-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti għall-finijiet tal-konklużjoni ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet għajr dawk elenkati fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37. |
20. |
Biex jikkontesta n-natura eżawrjenti tar-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati mill-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, il-Gvern Grieg joġġezzjona li l-imsemmija direttiva llimitat ruħha għal koordinazzjoni tal-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet u ma wettqitx armonizzazzjoni totali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet. Dan huwa minnu. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “mit-titolu u mit-tieni premessa tad-Direttiva jirriżulta li l-għan tagħha huwa sempliċement li tikkoordina l-proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, b’tali mod li hija ma tipprovdix għal sistema kompleta ta’ regoli Komunitarji f’dan il-qasam” ( 16 ). Bl-istess mod, fir-rigward tad-Direttiva 71/305, hija kienet iddikjarat li din id-direttiva ma kinitx tistabbilixxi leġiżlazzjoni Komunitarja uniformi u eżawrjenti ( 17 ). B’hekk, “fil-kuntest tar-regoli komuni li hija tinkludi, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jżommu jew li jistabbilixxu regoli sostantivi u proċedurali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tad-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipji stabbiliti mit-Trattat fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi” ( 18 ). L-eżempji ta’ miżuri jew ta’ liġijiet nazzjonali li jżidu mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi li ġew, b’dan il-mod, ikkonfermati bħala leċiti huma ħafna. Biżżejjed insemmu r-rikonoxximent tal-kriterju ekoloġiku ( 19 ) jew dak tal-ġlieda kontra l-qgħad ( 20 ) bħala kriterji għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew l-awtorizzazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tipprojbixxi l-modifika, wara s-sottomissjoni ta’ offerta, ta’ konsorzju ta’ imprendituri li jipparteċipa fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet ( 21 ). |
21. |
Madankollu, il-fatt li d-Direttiva 93/37 ma wettqitx armonizzazzjoni sħiħa tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ma jfissirx li x’uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha ma jistgħux jitqiesu li rregolaw b’mod eżawrjenti ċerti punti. U, fil-fatt, diversi elementi joffru sostenn b’saħħtu favur in-natura eżawrjenti tal-każijiet ta’ esklużjoni ta’ imprenditur mill-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet elenkati fl-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva. L-għanijiet infushom ta’ dan it-test joffru sostenn f’dan is-sens. Peress li d-Direttiva 93/37 hija intiża biex tiżviluppa l-kompetizzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet billi tiffavorixxi l-parteċipazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti ( 22 ), iż-żieda ta’ kawżi ta’ esklużjoni ġodda tal-offerenti neċessarjament tnaqqas l-aċċess tal-kandidati għall-imsemmija proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti u, b’hekk, tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Iktar minn hekk, jidhirli li din hija wkoll l-orjentazzjoni li ħadet il-ġurisprudenza. Il-projbizzjoni li kienet saret lill-Istati Membri li jeżiġu li offerent jagħti prova tal-kapaċitajiet tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji tiegħu u tal-integrità professjonali tiegħu b’mezzi oħra għajr dawk elenkati fl-Artikoli 23 sa 26 tad-direttiva l-qadima Nru 71/305 dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet kienet diġà f’dan is-sens; fi kliem ieħor, b’mod partikolari, il-kontroll tal-eżistenza ta’ wieħed mill-każijiet ta’ inkompatibbiltà msemmija fl-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva fil-konfront ta’ kandidat għal proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet seta’ jsir biss fuq il-bażi tal-mezzi ta’ prova previsti b’mod eżawrjenti ( 23 ). B’mod iktar rilevanti, diġà ġie deċiż li l-Artikoli 17 sa 25 tad-direttiva l-qadima Nru 77/62 dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti kienu jelenkaw “b’mod eżawrjenti u imperattiv” il-kriterji ta’ għażla kwalitattiva, — fosthom, fl-Artikolu 20 tagħha, dawk marbuta mal-integrità professjonali tal-kandidat -, u tal-aġġudikazzjoni tal-kuntratt u kienu jeskludu, għaldaqstant, il-possibbiltà li l-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti għal provvista tiġi rriżervata biss għall-impriżi li l-kapital azzjonarju tagħhom ikun fil-biċċa l-kbira tiegħu f’idejn l-Istat ( 24 ). Fl-aħħar nett u fuq kollox, fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 29 tad-Direttiva Nru 92/50 dwar kuntratti pubbliċi għal provvisti li, essenzjalment, huwa identiku għall-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi seba’ kawżi ta’ esklużjoni għall-parteċipazzjoni ta’ kandidat minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li huma relatati mal-integrità professjonali, is-solvenza u l-affidabbiltà ta’ dan tal-aħħar, “tistabbilixxi hija stess l-uniċi limiti tas-setgħa tal-Istati Membri, fis-sens li dawn ma jistgħux jipprovdu kawżi oħra ta’ esklużjoni għajr dawk indikati fiha.” ( 25 ). |
22. |
Kontra din il-ġurisprudenza, il-Gvern Grieg jinvoka madankollu s-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Fabricom ( 26 ). Il-punt inkwistjoni kien jirrigwarda l-konformità mad-direttivi dwar kuntratti pubbliċi ta’ liġi nazzjonali li kienet tipprojbixxi lil kull persuna inkarigata għar-riċerka, l-esperimentazzjoni, l-istudju jew l-iżvilupp ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi relatati ma’ kuntratt pubbliku milli tippreżenta offerta fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ dan il-kuntratt. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx l-inkompatibbiltà bejn il-parteċipazzjoni fil-fażi preparatorja ta’ kuntratt pubbliku u s-sottomissjoni ta’ offerta għal dan l-istess kuntratt fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttivi li jelenkaw il-każijiet ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ sejħiet għall-offerti, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, iżda sempliċement ivverifikat jekk il-miżura inkwistjoni kinitx tiżgura trattament ugwali bejn l-offerenti kollha u jekk id-differenza fit-trattament stabbilita kinitx sproporzjonata fid-dawl ta’ dan l-għan. |
23. |
Mal-ewwel dehra, jidher li din is-soluzzjoni mhijiex kompatibbli ma’ dawk li jaffermaw in-natura eżawrjenti tal-każijiet ta’ esklużjoni stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-direttivi li jikkoordinaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Madankollu l-kontradizzjoni hija biss apparenti. Huwa minnu li d-direttivi Komunitarji, bħala regola, huma intiżi sabiex jirregolaw b’mod eżawrjenti l-kawżi ta’ esklużjoni tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Dan huwa b’mod partikolari l-għan tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37. Madankollu, l-osservanza ta’ regoli u prinċipji oħra li huma stabbiliti fi, — jew li jirriżultaw minn -, l-imsemmija direttiva jistgħu wkoll jeħtieġu li jiġu stabbiliti każijiet ta’ esklużjoni. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kandidati fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Effettivament, l-imsemmi prinċipju, — li neċessarjament jimplika l-obbligu ta’ trasparenza ( 27 )—, li jirriżulta mil-libertajiet fundamentali ta’ stabbiliment u ta’ provvista ta’ servizzi ( 28 ) u li fuqu hija msejsa l-leġiżlazzjoni Komunitarja kollha dwar il-kuntratti pubbliċi ( 29 ) jista’ jiġġustifika l-esklużjoni ta’ kompetituri mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwantu l-kompetizzjoni bejn il-fornituri, li hija promossa mid-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi u li tippresupponi l-usa’ parteċipazzjoni possibbli fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti, hija effettiva biss jekk issir b’ħarsien tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kandidati ( 30 ). B’hekk u bħala eżempju, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi previst li d-dritt Komunitarju jopponi ruħu għall-prinċipju nnifsu li Stat Membru jistabbilixxi inkompatibbiltà bejn l-eżerċizzju ta’ ċerti funzjonijiet pubbliċi u l-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku. Għaldaqstant għandu jiġi rikonoxxut li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu każijiet ta’ esklużjoni minbarra dawk li jinsabu fil-lista tal-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37, jekk jirriżulta li dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni ta’ eventwali konflitti ta’ interess u, b’hekk, biex jiġu ggarantiti t-trasparenza u t-trattament ugwali. Huwa, barra minn hekk, f’dan is-sens li l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 93/37 jagħmel stedina sabiex l-“awtoritajiet kontraenti […] jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-kuntratturi varji”. U dan huwa dak li jinsab fil-kawża Fabricom ( 31 ). L-inkompatibbiltà bejn il-parteċipazzjoni fil-fażi preparatorja ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-kandidatura f’tali proċedura prevista mil-liġi nazzjonali hija intiża biex tevita li persuna li tipparteċipa f’ċerti xogħlijiet preparatorji tkun tista’ tinfluwenza l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt b’tali mod li sussegwentement ikun iktar favorevoli għaliha li tippreżenta offerta jew li hija tkun f’vantaġġ fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha minħabba l-informazzjoni li hija tkun kisbet dwar il-kuntratt pubbliku inkwistjoni permezz tax-xogħol preparatorju li hija tkun wettqet ( 32 ). |
24. |
Għaldaqstant ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hi li l-lista ta’ kawżi ta’ esklużjoni ta’ imprendituri ta’ xogħlijiet li tinsab fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 mhijiex eżawrjenti. |
B — Il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-każijiet addizzjonali ta’ esklużjoni
25. |
Id-Direttiva 93/37 b’hekk ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jżidu kawżi ta’ esklużjoni mill-parteċipazzjoni fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal xogħlijiet mal-lista li tinsab fl-Artikolu 24 tagħha, kemm-il darba dawn ikunu intiżi biex jiggarantixxu t-trasparenza u t-trattament ugwali. |
26. |
Din hija preċiżament il-ġustifikazzjoni mressqa mill-Gvern Grieg favur l-inkompatibbiltà bejn is-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u s-settur tax-xogħlijiet pubbliċi stabbilita fl-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega. Huwa jsostni li l-imsemmija inkompatibbiltà hija intiża biex tiggarantixxi t-trasparenza u t-trattament ugwali fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi billi tipprevjeni kull possibbiltà li impriża li tissottometti offerta f’sejħa għal offerti tuża s-setgħa tagħha tal-mezzi ta’ informazzjoni biex tinfluwenza favuriha d-deċiżjoni finali tal-aġġudikazzjoni. L-esklużjoni tal-imprendituri tal-mezzi ta’ informazzjoni u tal-imprendituri marbuta ma’ impriża tal-mezzi ta’ informazzjoni hija għaldaqstant ibbażata fuq il-fatt li huma għandhom, fid-dawl tal-pressjoni li huma jistgħu jeżerċitaw fuq l-entità kontraenti permezz tas-saħħa tal-mezzi ta’ informazzjoni tagħhom, iktar ċans li jingħataw il-kuntratt mill-kompetituri tagħhom u, għaldaqstant, ma jinstabux fl-istess sitwazzjoni bħal dawn tal-aħħar, fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta’ dak il-kuntratt u fir-rigward tal-għan ta’ ftuħ għall-kompetizzjoni previst mid-dritt Komunitarju f’dan il-qasam. |
27. |
Huwa minnu li l-Gvern Grieg isostni, barra minn hekk, li l-inkompatibbiltà prevista mill-kostituzzjoni nazzjonali għandha wkoll l-għan li tħares il-pluraliżmu tal-istampa u tal-mezzi ta’ informazzjoni. L-għan huwa li jiġi evitat li awtorità kontraenti tkun tista’ tagħmel pressjoni fuq impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni li tkun kandidata fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet u b’hekk tiżgura li l-impriża tal-mezzi ta’ informazzjoni tagħti trattament favorevoli lill-preżentazzjoni tal-politika tagħha; jew inkella, kif sostna l-Gvern Grieg, l-għan huwa l-prevenzjoni li impriża ta’ mezzi ta’ informazzjoni, li tkun kandidata fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet tipprova, billi tippreżenta b’mod favorevoli l-politika tal-awtoritajiet pubbliċi, bi ħsara għall-indipendenza u l-pluraliżmu tal-istampa, tinfluwenza d-deċiżjoni finali ta’ għoti tal-kuntratt. Iżda fil-verità, fil-kuntest partikolari tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, dan l-għan iddikjarat ta’ ħarsien tal-pluraliżmu tal-istampa huwa ta’ natura sussidjarja li fir-realtà mhuwiex awtonomu mill-għan li jiġu ggarantiti t-trasparenza u t-trattament ugwali. Effettivament huwa biss jekk u inkwantu l-entità kontraenti ma tirrispettax, fil-proċess ta’ għażla tal-kandidati, kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, li hija tista’ tinqeda mis-setgħa tagħha ta’ għoti tal-kuntratt, jew biex teżerċita influwenza fuq il-politika editorjali ta’ impriża tal-mezzi ta’ informazzjoni li tkun kandidata fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet, jew inkella biex “tirremunera” il-politika editorjali ta’ dik l-impriża. |
28. |
Fi kliem ieħor, il-motivi ta’ esklużjoni previsti mid-dritt Grieg huma intiżi li jipprevjenu konflitti ta’ interess bejn l-entitajiet kontraenti u l-impriżi tal-mezzi ta’ informazzjoni li jistgħu jħeġġu prattiċi ta’ korruzzjoni attiva jew passiva li jkunu tali li jiffalsifikaw il-proċess ta’ għażla tal-aġġudikaturi tal-kuntratti għal xogħlijiet. B’hekk jidher li dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-ħarsien tat-trattament ugwali li huwa neċessarju għall-għan ta’ żvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva segwit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kuntratti pubbliċi. Jidher ukoll li dawn jissodisfaw bżonn fil-qasam inkwistjoni, li ma kienx kopert mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/37. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li d-Direttiva 2004/18, li ssostitwiet id-Direttiva 93/37, żiedet każijiet ta’ esklużjoni ġodda mill-parteċipazzjoni fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’mod partikolari dak tal-korruzzjoni ( 33 ), li jkopru parzjalment il-każ previst mill-Kostituzzjoni Griega. |
29. |
Ir-rikonoxximent ta’ dan l-għan tal-inkompatibbiltà ġenerali bejn is-settur tal-mezzi ta’ informazzjoni u dak tax-xogħlijiet pubbliċi previst mill-Kostituzzjoni Griega ġie kkontestat minn waħda mill-partijiet intervenjenti fil-kuntest tal-osservazzjonijiet li hija ppreżentat waqt is-seduta. Fil-fehma ta’ din tal-aħħar, wieħed ma jistax a priori jikkunsidra bħala prinċipju li l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fit-totalità tagħha jista’ jhedded it-trasparenza u t-trattament ugwali fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Kieku kellha tiġi rikonoxxuta l-leġittimità tal-analiżi sostnuta mill-awtoritajiet Griegi, li tgħid li l-eżerċizzju tal-attività tal-mezzi ta’ informazzjoni jista’ jinfluwenza d-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt, akkuża simili tista’ ssir fir-rigward ta’ għadd ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra. B’mod partikolari, bank, li jkun azzjonist f’impriża ta’ xogħlijiet pubbliċi jista’ bl-istess mod, permezz tal-attivitajiet tiegħu ta’ sottoskrizzjoni ta’ self pubbliku, jagħmel pressjoni fuq l-entità kontraenti u jinfluwenza d-deċiżjoni tagħha fl-għoti tal-kuntratti. |
30. |
Madankollu, kull Stat Membru, suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jingħata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-każijiet ta’ esklużjoni adattati sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza u t-trattament ugwali fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-Istat Membru kkonċernat jinsab fl-aħjar pożizzjoni biex jevalwa, fil-kuntest nazzjonali, liema huma l-konflitti ta’ interessi li huwa l-iktar probabbli li jinqalgħu u li jheddu l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali li għandhom jiġu mħarsa fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. L-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi Griegi twassalhom biex jissuspettaw li, fil-kuntest partikolari tal-Greċja, jeżistu konflitti ta’ interess li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ prattiċi ta’ korruzzjoni attiva u passiva min-naħa tal-entitajiet kontraenti, jekk ma jiġux esklużi mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti l-impriżi ta’ xogħlijiet li jkunu konnessi ma’ impriżi tal-mezzi ta’ informazzjoni. Dan jispjega l-inkompatibbiltà prevista fl-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega. F’din l-evalwazzjoni speċifika ta’ dak li huma dehrilhom li huwa meħtieġ mir-rispett, fil-Greċja, tal-prinċipji Komunitarji ta’ trasparenza u trattament ugwali fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet pubbliċi Griegi jsostnu għaldaqstant, b’xi mod, evalwazzjoni kostituzzjonali nazzjonali. B’hekk mill-motivi tad-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li nqala’ dibattitu dwar jekk din iċ-ċirkustanza kinitx ta’ natura li tinfluwenza d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà tal-imsemmija kawża ta’ esklużjoni mad-dritt Komunitarju. |
31. |
Huwa minnu li r-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri jikkostitwixxi dmir għall-Unjoni Ewropea. Dan id-dmir ilu jeżisti sa mill-bidu. Effettivament dan kien parti mill-essenza nfisha tal-proġett Ewropew li nbeda fil-bidu tas-snin 1950, li jikkonsisti fl-iżvilupp lejn l-integrazzjoni filwaqt li tiġi ppreżervata l-eżistenza politika tal-Istati. Prova ta’ dan tinsab fil-fatt li dan ġie ddikjarat għall-ewwel darba espliċitament fl-okkażjoni ta’ reviżjoni tat-Trattati, fejn il-passi li ttieħdu lejn l-integrazzjoni taw lok għal bżonn, f’għajnejn il-kostitwenti, li jerġa’ jitfakkar dan il-prinċipju. Huwa għalhekk li l-Artikolu F(1) tat-Trattat ta’ Maastricht, li sar l-Artikolu 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jipprovdi: “l-Unjoni tirrispetta l-identità nazzjonali ta’ l-Istati Membri tagħha”. L-identità nazzjonali msemmija tinkludi b’mod ċar l-identità kostituzzjonali tal-Istat Membru. Dan ġie kkonfermat, jekk tali konferma kienet meħtieġa, mill-ispjegazzjoni tal-elementi tal-identità nazzjonali li pprova jagħti l-Artikolu I-5 tal-Kostituzzjoni għall-Ewropa u l-Artikolu 4, paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni kif jirriżulta mit-Trattat ta’ Liżbona. Fil-fatt, mill-formulazzjoni identika ta’ dawn iż-żewġ testi jirriżulta li l-Unjoni Ewropea tirrispetta l-“l-identitajiet nazzjonali [tal-Istati Membri], inerenti fl-istrutturi fundamentali politiċi u kostituzzjonali tagħhom”. |
32. |
Il-ġurisprudenza diġà ġibdet ċerti konsegwenzi minn dan l-obbligu, impost fuq l-Unjoni Ewropea permezz tat-testi li jistabbilixxuha, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, inkluż fid-dimensjoni kostituzzjonali tagħha. Meta din il-ġurisprudenza tinqara b’attenzjoni, jidher li Stat Membru jista’, f’ċerti każijiet u b’mod ċar suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, jinvoka l-ħarsien tal-identità nazzjonali tiegħu biex jiġġustifika deroga mill-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali ta’ moviment. Fl-ewwel lok huwa jista’ jinvokaha b’mod espliċitu bħala motiv leġittimu u awtonomu ta’ deroga. Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt irrikonoxxiet b’mod espress li l-ħarsien tal-identità nazzjonali “tikkostitwixxi għan leġittimu rikonoxxut mis-sistema ġuridika Komunitarja” ( 34 ), għalkemm iddeċidiet li r-restrizzjoni inkwistjoni kienet sproporzjonata, peress li l-interess invokat seta’ faċilment jiġi mħares b’mezzi oħra. Il-ħarsien tal-identità kostituzzjonali nazzjonali jista’ jippermetti wkoll lil Stat Membru li jiżviluppa, f’ċerti limiti, is-sens li huwa għandu ta’ interess leġittimu li jkun tali li jiġġustifika ostaklu għal-libertà fundamentali ta’ moviment. B’hekk, fil-konfront ta’ Stat Membru li invoka l-ħarsien dovut għall-prinċipju tad-dinjità tal-persuna umana ggarantita mill-kostituzzjoni nazzjonali tiegħu biex jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet li d-dinjità tal-persuna umana hija protetta fis-sistema ġuridika Komunitarja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt. Madankollu hija rrikonoxxiet li l-Istat Membru għandu libertà kbira biex jiddetermina l-kontenut u l-portata skont il-kunċett li huwa kellu għall-finijiet tal-protezzjoni dovuta ta’ dan id-dritt fundamentali fit-territorju tiegħu, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari nazzjonali ( 35 ). Konsegwentement, il-fatt li l-kunċett tad-dritt fundamentali mħaddan minn Stat Membru ma jkunx kondiviż mill-Istati Membri l-oħra ma jipprojbixxix lill-imsemmi Stat Membru milli jinvokah biex jiġġustifika restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. |
33. |
Jekk ir-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri jista’ b’hekk jikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura tali li jiġġustifika, bħala regola, restrizzjoni tal-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju, a fortiori dan jista’ jiġi invokat minn Stat Membru biex jiġġustifika l-evalwazzjoni tiegħu tal-miżuri kostituzzjonali li għandhom jikkompletaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja biex jiggarantixxu r-rispett, fit-territorju tiegħu, tal-prinċipji u r-regoli li din tal-aħħar tistabbilixxi jew li fuqhom hija bbażata. Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li dan ir-rispett tal-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri ma jistax jinftiehem bħala rispett assolut fir-rigward tar-regoli kostituzzjonali nazzjonali kollha. Kieku dan kien il-każ, il-kostituzzjonijiet nazzjonali jistgħu jsiru strument li jippermetti lill-Istati Membri li jaħarbu mid-dritt Komunitarju f’oqsma partikolari ( 36 ). Barra minn hekk, dan jista’ jirriżulta f’diskriminazzjonijiet bejn l-Istati Membru skont il-kontenut li kull wieħed minnhom jagħti lill-kostituzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Bl-istess mod, bħalma d-dritt Komunitarju jieħu inkunsiderazzjoni l-identità kostituzzjonali tal-Istati Membri, id-dritt kostituzzjonali nazzjonali għandu jadatta ruħu għar-rekwiżiti tas-sistema ġuridika Komunitarja. F’din il-kawża, ir-regoli kostituzzjonali nazzjonali jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri biex jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali impost mid-Direttiva. L-eżerċizzju tal-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni għandu, madankollu, jibqa’ fil-limiti stabbiliti permezz ta’ dan il-prinċipju u permezz tad-Direttiva nfisha. Ir-regola kostituzzjonali nazzjonali hija għaldaqstant rilevanti, f’din il-kawża, biex jiġi identifikat il-kuntest nazzjonali li fih għandu japplika l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn kandidati fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, biex jiġi stabbilit, f’dan il-kuntest, liema huma r-riskji ta’ konflitt ta’ interessi u, fl-aħħar nett, biex tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata, fis-sistema ġuridika nazzjonali, lill-prevenzjoni ta’ dawn il-konflitti ta’ interessi u, b’hekk, il-livell leġiżlattiv li fih hija għandha tintervjeni. |
34. |
Bħala regola ġenerali, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li Stat Membru jeskludi l-imprendituri ta’ xogħlijiet marbuta mal-imprendituri ta’ mezzi ta’ informazzjoni mill-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet sabiex jiġu ggarantiti l-prinċipji Komunitarji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti. Madankollu, jeħtieġ li l-inkompatibbiltà stabbilita f’dan is-sens bejn is-settur tax-xogħlijiet pubbliċi u dak tal-mezzi ta’ informazzjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’hekk jeħtieġ li din tkun neċessarja u proporzjonata mal-għan li jiġi ggarantit trattament ugwali u, għaldaqstant, mal-għan tal-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva. Jekk, bil-kontra, il-kawża ta’ esklużjoni miżjuda mid-dritt nazzjonali tkun iddefinita b’tali mod li tkun tiġbor fi ħdanha numru ta’ fornituri potenzjali li jkun eċċessiv meta mqabbel ma’ dak li huwa meħtieġ biex jiġi ggarantit it-trattament ugwali bejn l-offerenti, din fir-realtà tmur kontra l-għan tad-Direttiva, jiġifieri l-għan li tiġi żviluppata kompetizzjoni effettiva. F’dan il-każ ukoll għandu jingħata ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istat Membru biex tiġi stabbilita l-portata tal-inkompatibbiltà li fil-fehma tiegħu tidher, fil-kuntest nazzjonali, li tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. In-neċessità u l-proporzjonalità tad-dispożizzjoni kkunsidrata ma jistgħux jiġu esklużi għas-sempliċi raġuni li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx ġiet adottata mill-Istati Membri l-oħra ( 37 ). |
35. |
Jibqa’ l-fatt li din il-liberta ta’ diskrezzjoni ma tistax tkun mingħajr limiti. L-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-istħarriġ tal-qorti. Jekk fil-prinċipju huwa fil-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tinsab il-kawża prinċipali, u mhux tal-Qorti tal-Ġustizzja li quddiemha titressaq il-kawża skont l-Artikolu 234 KE, li twettaq tali stħarriġ, jidher li fi kwalunkwe każ inkompatibbiltà ta’ tali portata bħal dik stabbilita mill-Artikolu 14(9) tal-Kostituzzjoni Griega mhijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-imsemmija inkompatibbiltà tkun tħaddan lill-imprendituri kollha ta’ xogħlijiet konnessi ma’ imprendituri ta’ mezzi ta’ informazzjoni, indipendentement mill-importanza tad-diffużjoni ta’ tali mezzi ta’ informazzjoni. Tali inkompatibbiltà effettivament tmur lil hinn mill-miżura meħtieġa biex jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ trattament ugwali u, b’hekk, biex tiġi mħarsa kompetizzjoni effettiva, inkwantu jidher li huwa diffiċli li wieħed isostni li imprenditur ta’ mezzi ta’ informazzjoni ta’ diffużjoni reġjonali għandu setgħa fil-qasam tal-mezzi ta’ informazzjoni li tippermettilu li jagħmel pressjoni fuq entità kontraenti li tkun tinsab f’reġjun ieħor jew, min-naħa l-oħra, li din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita pressjoni fuq tali imprenditur. Dan jgħodd ukoll b’mod partikolari sa fejn hija tolqot lill-imprendituri kollha ta’ xogħlijiet li jkollhom relazzjoni familjari ta’ kwalunkwe tip ma’ imprenditur ta’ mezzi ta’ informazzjoni. Effettivament ma jidhirx li huwa probabbli li awtorità kontraenti tkun tista’ tagħmel pressjoni fuq imprenditur tal-mezzi ta’ informazzjoni meta r-relazzjoni familjari mal-imprenditur ta’ xogħlijiet tkun remota jew li min-naħa l-oħra tali imprenditur tal-mezzi ta’ informazzjoni jagħmel pressjoni fuq l-awtorità kontraenti. |
36. |
Għaldaqstant ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li ż-żieda permezz tad-dritt nazzjonali ta’ kawża ta’ esklużjoni mal-lista li tinsab fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 93/37 hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju, meta din hija intiża sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u t-trattament ugwali meħtieġa għall-iżvilupp ta’ kompetizzjoni effettiva u meta tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dispożizzjoni li tipprevedi inkompatibbiltà ġenerali bejn il-kwalità ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża tal-mezzi ta’ informazzjoni u dik ta’ proprjetarju, soċju, azzjonist prinċipali jew diriġent ta’ impriża li tiġi fdata mill-Istat jew minn persuna ġuridika fis-settur pubbliku f’sens wiesa’ bl-eżekuzzjoni ta’ kuntratt għal xogħlijiet, ta’ provvista jew ta’ servizzi, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
37. |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari. |
V — Konklużjoni
38. |
Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill tal-Istat Grieg):
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkonċerna l-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet] (ĠU L 199, p. 54).
( 3 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 38); ara ukoll, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59), u tal-21 ta’ Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins (C-318/00, Ġabra p. I-905, punt 41).
( 4 ) Ara d-digrieti tas-16 ta’ Mejju 1994, Monin Automobiles (C-428/93, Ġabra p. I-1707), u tal-25 ta’ Mejju 1998, Nour (C-361/97, Ġabra p. I-3101); sentenzi PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; tal-15 ta’ Ġunju 1999, Tarantik (C-421/97, Ġabra p. I-3633, punt 33), u tad-9 ta’ Marzu 2000, EKW u Wein & Co (C-437/97, Ġabra p. I-1157, punt 52).
( 5 ) Ara, iktar reċentement, id-digriet tas-16 ta’ April 2008, Club Náutico de Gran Canaria (C-186/07, punt 19).
( 6 ) Ara pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Marzu 1992, Batista Morais (C-60/91, Ġabra p. I-2085, punti 6 sa 9 ); tat-2 ta’ Lulju 1998, Kapasakalis et (C-225/95 sa C-227/95, Ġabra p. I-4239, punti 17 sa 24), u tal-11 ta’ Ottubru 2001, Khalil et (C-95/99 sa C-98/99 u C-180/99, Ġabra p. I-7413, punti 70 sa 71).
( 7 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Jägerskiöld (C-97/98, Ġabra p. I-7319, punti 42 sa 44), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter (C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt. 28).
( 8 ) Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2000, Guimont (C-448/98, Ġabra p. I-10663, punti 18 sa 24); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punti 24 sa 26); tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C-300/01, Ġabra p. I-4899, punti 32 u 33), u tal-31 ta’ Jannar 2008, Centro Europa 7 (C-380/05, Ġabra p. I-349, punt 69).
( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi (C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763); tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C-28/95, Ġabra p. I-4161), u tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et (C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 21).
( 10 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, RI.SAN. (C-108/98, Ġabra p. I-5219, punti 21 sa 23).
( 11 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Teleaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745); tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C-231/03, Ġabra p. I-7287); tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen (C-458/03, Ġabra p. I-8585); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża ASM Brescia (C-347/06, sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Ġabra p. I-5641, punt 33).
( 12 ) Ara s-sentenzi tal-25 ta’ April 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-87/94, Ġabra p. I-2043); Telaustria u Telefonadress, iċċitata iktar ’il fuq; tas-7 ta’ Diċembru 2000, ARGE (C-94/99, Ġabra p. I-11037), u d-digriet tat-30 ta’ Mejju 2002, Buchhändler-Vereinigung (C-358/00, Ġabra p. I-4685)
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju tal-25 ta’ April 1996, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33; is-sentenza Coname, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; is-sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55.
( 14 ) Għal referenza li minnha jirriżulta li ma jistax jitqies li d-direttiva dwar kuntratti pubbliċi inkwistjoni mhijiex applikabbli għal sitwazzjoni li tista’ tiġi kkunsidrata bħala purament interna, ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 sa 33.
( 15 ) Ara f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal--ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, li ġiet adottata, bħad-Direttiva 93/37, fuq il-bażi ta’ dak li kien l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE, is-sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C-465/00, C-138/01 u C-139/01, Ġabra p. I-4989, punti 39 sa 43), u tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, Ġabra p. I-12971, punti 40 u 41).
( 16 ) Sentenza tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani (C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 33).
( 17 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 1988, Beentjes (31/87, Ġabra p. 4635, punt 20), u tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI u Bellini (27/86 sa 29/86, Ġabra p. 3347, punt 15).
( 18 ) Ibid.
( 19 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2002, Concordia Bus Finland (C-513/99, Ġabra p. I-7213).
( 20 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-225/98, Ġabra p. I-7445).
( 21 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2003, Makedoniko Metro u Michaniki (C-57/01, Ġabra p. I-1091).
( 22 ) Kif jirriżulta mill-preambolu u mit-tieni u l-għaxar premessi tagħha, l-imsemmija direttiva hija intiża li telimina r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet bil-għan li tiftaħ dawn il-kuntratti għal kompetizzjoni effettiva bejn l-imprendituri tal-Istati Membri [għal referenza mill-ġurisprudenza, ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani (C-285/99 u C-286/99, Ġabra p. I-9233, punt 34); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale-Bau et (C-470/99, Ġabra p. I-11617, punt 89)].
( 23 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Frar 1982, Transporoute et travaux (76/81, Ġabra p. 417); tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C-225/98, Ġabra p. I-7445, punt 88).
( 24 ) Sentenza tas-26 ta’ April 1994, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-272/91, Ġabra p. I-1409, punt 35).
( 25 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, La Cascina et (C-226/04 u C-228/04, Ġabra p. I-1347, punt 22).
( 26 ) Sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fabricom (C-21/03 u C-34/03, Ġabra p. I-1559).
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress (C-324/98, Ġabra p. I-10745, punt 61), u tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI (C-92/00, Ġabra p. I-5553, punt 45); is-sentenza Universale Bau tat-12 ta’ Diċembru 2002, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91.
( 28 ) Kif tfakkar il-Qorti tal-Ġustizzja: ara b’mod speċifiku f’dan is-sens, is-sentenza Beentjes tal-20 ta’ Settembru 1998, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza tas-26 ta’ Settembru 2000, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50.
( 29 ) Ara s-sentenzi Universale-Bau et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 91; HI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45; u tad-19 ta’ Ġunju 2003, GAT (C-315/01, Ġabra p. I-6351, punt 73).
( 30 ) Kif diġà kelli l-okkażjoni li nenfasizza (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża La Cascina et (C-226/04 u C-228/04, sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, Ġabra p. I-1347, punt 26); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Fabricom, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 36.
( 31 ) Fejn, għandu jiġi mfakkar, ġiet diskussa b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 93/37.
( 32 ) Ara s-sentenza Fabricom, iċċitata iktar ’il fuq, punti 29 u 30.
( 33 ) Ara l-Artikolu 45(b) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU L 134, p. 114).
( 34 ) Fil-kuntest ta’ kawża fejn l-Istat Membru invokaha biex jiġġustifika l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra mill-aċċess għall-funzjonijiet tat-tagħlim pubbliku (ara s-sentenza tat-2 ta’ Lulju 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-473/93, Ġabra p. I-3207, punt 35).
( 35 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609).
( 36 ) Għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, fil-prinċipju, li Stat Membru ma jistax jinvoka d-dritt kostituzzjonali tiegħu biex jopponi għall-effett ta’ regola Komunitarja fit-territorju tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, Ġabra p. 1125).
( 37 ) Ara s-sentenza Omega tal-14 ta’ Ottubru 2004, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38.