SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
10 ta’ Lulju 2008 ( *1 )
Werrej
Il-kuntest ġuridiku |
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża |
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata |
|
It-talbiet tal-partijiet |
|
Fuq l-appell |
|
Fuq l-ammissibbiltà |
|
Fuq l-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà |
|
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-appellanti naqsu milli jikkontestaw silta deċiżiva tas-sentenza appellata |
|
Fuq il-mertu |
|
Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat rekwiżiti ta’ prova eċċessivi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tevalwa l-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq it-tieni aggravju kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eżiġiet li l-Kummissjoni tagħmel investigazzjonijiet ġodda tas-suq wara r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u applikat rekwiżiti ta’ prova eċċessivi fir-rigward tal-elementi mressqa b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq provi li ma ġewx żvelati lill-partijiet fil-konċentrazzjoni |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-kriterji ġuridiċi rilevanti applikabbli fil-qasam ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Is-tanza applikat rekwiżit żbaljat fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni |
|
— Is-sentenza appellata |
|
— L-argumenti tal-partijiet |
|
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja |
|
Fuq l-appell inċidentali allegat |
|
Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza |
“Appell — Kompetizzjoni — Kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi — Impriża komuni Sony BMG — Appell kontra l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata — Rekwiżiti ta’ prova — Rwol tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Tisħiħ jew ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni — Użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali”
Fil-kawża C-413/06 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-3 ta’ Ottubru 2006
Bertelsmann AG, stabbilita f’Gütersloh (il-Ġermanja), irrappreżentata minn P. Chappatte u J. Boyce, solicitors,
Sony Corporation of America, stabbilita f’ New-York (l-Istati Uniti tal-Amerika), irrappreżentata minn N. Levy, barrister, kif ukoll minn R. Snelders, avocat, u T. Graf, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
Independent Music Publishers and Labels Association (Impala), stabbilita f’Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn S. Crosby u J. Golding, solicitors, kif ukoll minn I. Wekstein, advocate,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Whelan u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta fl-ewwel istanza,
Sony BMG Music Entertainment BV, stabbilita f’Vianen (l-Olanda), irrappreżentata minn N. Levy, barrister, kif ukoll minn R. Snelders, avocat, u T. Graf, Rechtsanwalt,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti tal-Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Klučka, E. Levits u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħhom, Bertelsmann AG (iktar ’il quddiem “Bertelsmann”) u Sony Corporation of America (iktar ’il quddiem “Sony”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Lulju 2006, Impala vs Il-Kummissjoni (T-464/04, Ġabra p. II-2289, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata” li permezz tagħha din annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/188/KE, tad-19 ta’ Lulju 2004, li tiddikjara l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni u l-funzjonament tal-Ftehim ŻEE (Każ Nru COMP/M.3333 — SONY/BMG) (ĠU 2005, L 62, p. 30, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il-kuntest ġuridiku
2 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 395, p. 1, u – rettifikattiv – ĠU 1990, L 257, p. 13), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill Nru 1310/97 (KE), tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 180, p. 1, u – rettifikattiv – ĠU 1998, L 40, p. 17, iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), jipprovdi, fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħi: “(2) Konċentrazzjoni li ma toħloqx jew li ma ssaħħaħx posizzjoni dominanti li b’riżultat ta’ dan tiġi mfixkla sew il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’xi parti sostanzjali tiegħu tiġi dikjarata kumpatibbli mas-suq komuni. (3) Konċentrazzjoni li toħloq jew issaħħaħ posizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha l-kompetizzjoni effettiva tiġi mfixkla sew fis-suq komuni jew f’xi parti kbira minnu għandha tiġi dikjarata mhix kumpatibbli mas-suq komuni”. |
3 |
L-Artikolu 6(1) tar-Regolament jipprovdi kif ġej: “Il-Kummissjoni għandha teżamina n-notifikazzjoni malli tirċeviha. […]
|
4 |
L-Artikolu 8 jawtorizza lill-Kummissjoni, fil-paragrafi 2 u 3 rispettivi tiegħu, tieħu fil-kuntest tal-proċeduri formali għall-kontroll tal-kompatibbiltà tal- konċentrazzjoni mas-suq komuni mibdija skond l-Artikolu 6(1)(ċ) ta’ dan ir-Regolament (iktar ’il quddiem il-“proċeduri formali”) jew deċiżjoni ta’ kompatibbiltà, skont il-każ, wara modifiki magħmula mill-impriżi kkonċernati għall-pjan ta’ konċentrazzjoni tagħhom kif innotifikat, jew deċiżjoni ta’ inkompatibbiltà. Skont l-Artikolu 8(5)(a) tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tħassar id-deċiżjoni li hija tkun ħadet skont l-Artikolu 8(2) jekk id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux korretta li għaliha kienet responsabbli waħda mill-impriżi konċernati jew li tkun inkisbet b’qerq. |
5 |
Mill-Artikolu 10(1) tar-Regolament jirriżulta li, ħlief f’ċerti sitwazzjonijiet li mhumiex rilevanti f’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha xahar sabiex tiddeċiedi jekk tibdiex jew jew le l-proċedimenti formali. Skont l-Artikolu 8(3), deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni nnotifikata inkompatibbli mas-suq komuni għandha ttieħed f’mhux iktar tard minn erba’ xhur mid-data li jkunu nbdew il-proċedimenti formali. Skont l-Artikolu 10(6) tar-Regolament, il-konċentrazzjoni nnotifikata tiqies li hija kompatibbli mas-suq komuni meta l-Kummissjoni ma tkunx ħadet fit-termini stabbiliti rispettivament fl-Artikolu 10(1) u (3) jew deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedimenti formali, jew deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni. |
6 |
L-Artikolu 11 tar-Regolament jittratta t-talbiet għal informazzjoni li l-Kummissjoni, fit-twettiq tad-dmirijiet mgħoddija lilha b’dan ir-regolament, tista’ tindirizza b’mod partikolari lill-partijiet li qed jinnotifikaw u lil impriżi oħra jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, skont il-każ permezz ta’ deċiżjoni. L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament jipprevedu l-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ sanzjonijiet meta tkun komunikata informazzjoni inkorretta jew li tista’ tqarraq. |
7 |
L-Artiikolu 18(3) tar-Regolament jipprovdi: “Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjoni tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Id-drittijiet ta’ difiża għandhom jiġu mħarsa waqt il-proċedimenti. Aċċess għall-inkartament għandu jkun miftuħ mill-inqas għall-partijiet direttament involuti, bla ħsara għall-interess leġittimu ta’ impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom”. |
8 |
L-Artikolu 19 tar-Regolament jikkonċerna r-rabta bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Skont l-Artikolu 19(3), Kumitat Konsultattiv dwar konċentrazzjonijiet bejn impriżi għandu jiġi konsultat qabel tittieħed kull deċiżjoni skont l-Artikoli 8(2) sa (5) tar-Regolament. Skont l-Artikolu 19(6) l-imsemmi Kumitat Konsultattiv għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk hemm bżonn billi jittieħed vot. |
9 |
Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 447/98 tal-1 ta’ Marzu 1998 dwar n-notifiki, perijodi ta’ żmien u smiegħ tal-partijiet li hemm provduti fir-Regolament Nru 4064/89 (ĠU L 61, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”), in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta għandha tinkludi l-informazzjoni u d-dokumenti mitluba mill-formola CO annessa ma’ l-istess regolament. |
10 |
L-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jipprevedi b’mod partikolari li l-Kummissjoni għandha tindirizza l-oġġezzjonijiet tagħha bil-miktub lill-partijiet li qed jinnotifikaw, b’indikazzjoni tat-terminu li fih huma jistgħu jinfurmawha bl-opinjoni tagħhom bil-miktub. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
11 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża kienu ġew esposti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata fil-mod segwenti:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata
12 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Diċembru 2004, Impala ressqet rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. In sostenn ta’ dan ir-rikors, Impala ressqet ħames motivi, maqsuma f’diversi partijiet. |
13 |
Fuq l-ewwel motiv tar-rikors, dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva preeżistenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fformulat minn qabel ċerti osservazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “pożizzjoni dominanti kollettiva”, eżaminat l-argument li, essenzjalment, id-Deċiżjoni kkontestata ma kinitx tispjega suffiċjentement skont il-liġi r-raġunijiet li għalihom l-iskontijiet, b’mod partikolari dawk promozzjonali, jostakolaw it-trasparenza meħtieġa biex tippermetti l-iżvilupp ta’ tali pożizzjoni. |
14 |
Wara li wasslet għall-konkolużjoni li tinsab fil-punt 325 tas-sentenza appellata, li, essenzjalment, id-Deċiżjoni kkontestata kellha tiġi annullata minħabba motivazzjoni insuffiċjenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza mandankollu eżaminat, sussidjarjament, fil-punti 327 sa 458 ta’ din is-sentenza, l-argumenti ta’ Impala li l-elementi mressqa mill-Kummissjoni sabiex turi l-insuffiċjenza ta’ trasparenza tas-swieq ikkonċernati tal-mużika rreġistrata kienu vvizzjati bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
15 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrilevat b’mod partikolari, fil-punt 373 tas-sentenza appellata, li kemm mid-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-argument żviluppat mill-Kummissjoni quddiemha jirriżulta li l-uniku element ta’ opaċità tas-suq allegat jirriżulta minn inqas trasparenza tal-iskontijiet promozzjonali. Hija ddeċidiet, fil-punti 377 u 378 tas-sentenza appellata, li, minn naħa, il-provi, hekk kif huma msemmija fid-Deċiżjoni kkontestata, ma jippermettux li jiġu sostnuti l-konklużjonijiet misluta minnhom mill-Kummissjoni u li, min-naħa l-oħra, dawn il-konklużjonijiet huma wkoll differenti ħafna mill-konstatazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
16 |
Fil-punti 475 u 476 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha fuq l-ewwel motiv imqajjem quddiemha bil-mod segwenti:
|
17 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha mqajjem quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Impala sostniet li, billi ma qisitx li l-konċentrazzjoni proposta kienet toħloq pożizzjoni dominanti fis-suq tal-mużika rreġistrata, il-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 253 KE u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll żball ta’ liġi. |
18 |
Fil-punt 527 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rriproduċiet l-analiżi tar-riskju ta’ holqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata, qabel ma għamlet, fil-punt 528 tal-imsemmija sentenza, il-kunsiderazzjonijiet segwenti: “[…] dawn il-ftit osservazzjonijiet, li huma daqshekk superfiċjali, tabilħaqq purament formali, ma jistgħux jissodisfaw l-obbligu li għandha l-Kummissjoni li twettaq analiżi prospettiva […] u dan b’mod partikolari fejn, bħal f’dan il-każ, il-konċentrazzjoni tqajjem diffikultajiet serji. Indipendentement mill-evalwazzjoni ta’ l-ewwel motiv magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta tabilħaqq kemm mill-fatt li l-Kummissjoni kellha twettaq diskussjoni dettaljata fid-Deċiżjoni [kkontestata] sabiex ikkonkludiet li ma kienx hemm pożizzjoni dominanti kollettiva qabel il-konċentrazzjoni kif ukoll mill-fatt li hija kienet ikkonkludiet fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, wara investigazzjoni li damet ħames xhur, li tali pożizzjoni kienet teżisti qabel il-konċentrazzjoni, li l-kwistjoni jekk l-għaqda bejn tnejn mill-ħames kumpanniji prinċipali [kumpanniji kbar tad-diski, iktar ’il quddiem il-“majors”] tipperikolax li toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva tqajjem, a fortiori, diffikultajiet serji li jeħtieġu eżami dettaljat. Billi dan l-eżami ma twettaqx, isegwi li, anki għal din ir-raġuni biss, it-tieni motiv huwa fondat.” |
19 |
Sussidjarjament, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 539 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball, tibbaża ruħha fuq in-nuqqas ta’ provi li fil-passat kienu ttieħdu miżuri ta’ ritaljazzjoni sabiex tikkonkludi li ma kienx hemm riskju li l-konċentrazzjoni twassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. |
20 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-ewwel u t-tieni motivi invokati quddiemha kienu fondati u annullat id-Deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma eżaminat it-tielet sal-ħames motivi mqajma quddiemha. |
It-talbiet tal-partijiet
21 |
Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu lil Qorti tal-Ġustizzja:
|
22 |
Permezz tas-seba’ aggravji ta’ dan l-appell, li xi wħud minnhom jinqasmu f’diversi partijiet, l-appellanti jqajjmu, rispettivament, żbalji ta’ liġi f’dak illi, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza:
|
23 |
Sony BMG Music Entertainment tadotta b’mod sħiħ kemm l-appell kif ukoll it-talbiet tal-appellanti. |
24 |
It-talbiet tal-Kummissjoni huma, fis-sustanza, l-istess bħal dawk tal-appellanti. Il-Kummissjoni ssostni l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet aggravju. |
25 |
Impala titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. L-ewwel nett, hija teċepixxi li l-appell huwa kollu kemm hu jew inparti inammissibbli. Barra minn hekk, skont Impala, l-appell ma jistax f’kull każ iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata, peress illi l-appellanti naqsu milli jikkontestaw il-punt 528 tas-sentenza appellata, li, fih innifsu, huwa biżżejjed biex jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. |
26 |
L-appellanti kif ukoll il-Kummissjoni jitolbu li kemm l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kif ukoll l-argument dwar il-punt 528 tas-sentenza appellata, li huwa miġbur fil-qosor fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jiġu miċħuda. |
27 |
Fl-aħħar tar-risposta tagħha, il-Kummissjoni għamlet “osservazzjonijet supplimentari dwar il-‘motivi essenzjali’ tad-Deċiżjoni” kkontestata. Dawn l-osservazzjonijiet huma kkontestati minn Impala, billi tinvoka l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-imsemmija osservazzjonijiet huma sostnuti mill-appellanti. |
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà
Fuq l-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà
28 |
Impala teċepixxi, l-ewwel nett, l-inammissibbiltà tal-appell inkwantu dan jikkostitwixxi tentattiv li jiġu eżaminati mill-ġdid kwistjonijiet ta’ fatt, dwar l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizjaha, li kienu ġew riżolti mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira, l-appell huwa intiż sabiex jiġu eżaminati mill-ġdid kwistjonijiet ta’ fatt, li ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Impala ssostni, barra minn hekk, f’dan ir-rigward, li l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni hijiex suffiċjentement immotivata hija kwistjoni ta’ fatt. Fl-aħħar nett, hija żżid li r-risposti individwali tagħha għall-aggravji mqajma mill-appellanti għandhom jiġu mifthema bħala li huma ta’ natura sussidjara. |
29 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li jirriżulta mill-Artikoli 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ dritt. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hija għaldaqstant l-unika li għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-osservazzjonijiet tagħha tirriżulta minn dokumenti tal-inkartament li ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Ladarba l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni li teżerċita, skont l-Artikolu 225 KE, stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-liġi għal dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li waslet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, li teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi nkisbu b’mod regolari, u l-prinċipji ġenerali tal-liġi u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova ġew osservati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-elementi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt imressqa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punti 23 u 24; tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punti 51 u 52, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 41). |
30 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li hija suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, peress li l-istħarriġ tal-legalità ta’ deċiżjoni li jsir f’dan il-kuntest għandu neċessarjament jikkunsidra l-fatti li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ibbażat ruħha sabiex tasal għall-konklużjoni jekk il-motivazzjoni kinitx suffiċjenti jew insuffiċjenti (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs V, C-188/96 P, Ġabra p. I-6561, punt 24, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 453). |
31 |
F’dak li jikkonċerna din il-kawża, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 22 ta’ din is-sentenza, u kuntrarjament għal dak li ssostni Impala, permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti m’għandhomx l-intenzjoni jikkontestaw l-evalwazzjonijiet fattwali li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala tali. Għall-kuntrarju, fil-biċċa l-kbira huma jqajmu kwistjonijiet ta’ dritt li jistgħu legalment ikunu s-suġġett ta’ appell. Għandha għaldaqstant tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà imqajma minn Impala. Dan għaliex, inkwantu Impala teċepixxi b’mod iktar preċiż l-inammissibbiltà ta’ ċertu partijiet speċifiċi tal-appell, hemm lok li dawn l-eċċezzjonijiet jiġu indirizzati fil-kuntest tal-eżami tal-aggravji kkonċernati. |
Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-fatt li l-appellanti naqsu milli jikkontestaw silta deċiżiva tas-sentenza appellata
32 |
Impala ssostni li, f’kull każ, fil-punt 528 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet analażi prospettiva tal-punt dwar jekk il-konċentrazzjoni inkwistjoni kinitx toħloq pożizzjoni dominanti kollettiva u ddeċidiet għal dan il-motiv biss li t-tieni motiv invokat minn Impala kien fondat, fatt li, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex id-Deċiżjoni kkontestata tkun annullata. Konsegwentement, skont Impala, anki jekk l-appellanti jirnexxilhom f’wieħed jew iktar mill-aggravji tagħhom, l-appell għandu f’kull każ ikun miċħud minħabba li dawn ma jikkontestawx il-konstatazzjoni li ebda analażi prospettiva ma kienet saret. |
33 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-parti introduttiva tal-appell, isir espressament riferiment, fil-lista ta’ siltiet speċifikament ikkritikati tas-sentenza appellata, għall-punt 528 ta’ din is-sentenza kif ukoll għall-punti 533, 539 u 541 ta’ din is-sentenza, li wkoll jindirizzaw il-kwistjoni tal-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti kollettva. |
34 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax validament jiġi sostnut illi l-appell huwa limitat għall-iżviluppi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva eżistenti b’mod li dan għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala inammissibbli. |
Fuq il-mertu
35 |
Is-seba’ aggravji invokati mill-appellanti jikkoinċidu f’diversi aspetti. Essenzjalment, l-ewwel u r-raba’ aggravji kif ukoll is-seba’ wieħed jikkonċernaw il-mod ta’ stħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ prova. Il-ħames aggravju jikkonċerna l-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Is-sitt aggravju jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. |
36 |
Jeħtieġ li nibdew l-eżami tal-mertu ta’ dan l-appell billi nikkunsidraw l-aggravji li jikkonċernaw il-mod li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza ttrattat il-provi u, fl-ewwel lok, billi nikkunsidraw it-tieni parti tat-tielet aggravju. |
Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju, ibbażata fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat rekwiżiti ta’ prova eċċessivi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni
Is-sentenza appellata
37 |
Jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 289, 366 u 459 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat jekk l-elementi li jservu ta’ bażi għad-Deċiżjoni kkontestata kienux tali li jiġġustifikaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab f’din id-deċiżjoni li abbażi tagħhom is-swieq inkwistjoni kienu suffiċjentement trasparenti sabiex jippermettu pożizzjoni dominanti kollettiva. |
L-argumenti tal-partijiet
38 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi applikat rekwiżiti ta’ prova żbaljati u eċessivi fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni. Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin ir-rekwiżiti ta’ prova applikabbli għal tali deċiżjonijiet. |
39 |
Skont l-appellanti, peress illi hija l-Kummissjoni li għandha ssostni deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni, jekk hija ma setgħetx tiġbor provi li jissodisfaw ir-rekwiżit għoli impost mill-qrati Komunitarji sabiex tiġġustifika tali projbizzjoni, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq l-argument ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, hija għandha tapprova l-konċentrazzjoni proposta. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 10(6) tar-Regolament li, jekk il-Kummissjoni ma tistax turi dannu għall-kompetizzjoni abbażi ta’ provi konvinċenti, l-iskema tar-Regolament jimponilha tapprova din il-konċentrazzjoni. |
40 |
Fuq kollox, l-appellanti jsostnu f’dan ir-rigward li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ma ammettietx li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ rekwiżiti ta’ prova iktar għoljin fil-każ ta’ projbizzjoni ta’ konċentrazzjoni milli fil-każ ta’ approvazzjoni ta’ tali konċentrazzjoni, peress illi l-projbizzjoni tikkostitwixxi ostakolu serju għal-libertà kummerċjali tal-partijiet li qed jinnotifikaw u peress illi l-konċentrazzjonijiet għandhom jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ kompatibbiltà mas-suq komuni. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni għandha tipprova l-fondatezza ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni b’mod konformi ma’ kriterju iktar strett minn dak ibbażat fuq is-sempliċi bbilanċjar ta’ probabbiltajiet u li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tkun suġġetta għall-istess obbligu fir-rigward ta’ provi għal deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni u għal deċiżjoni li tipprojbixxi tali konċentrazzjoni. Fil-fatt, taħt rekwiżit iktar strett mis-sempliċi bbilanċjar ta’ probabilitajiet, il-Kummissjoni tkun fir-realtà obbligata tressaq biss il-prova tal-fondatezza ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi konċentrazzjoni. Skont l-appellanti, in-nuqqas li jiġi ammess tali rekwiżit ta’ prova “asimetriku” jidħol fl-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tad-Deċiżjoni kkontestata u tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha. |
41 |
L-appellanti jsostnu, barra minn hekk, li l-Qorti tal-Prim’Istanza konsegwentement wettqet żball ta’ liġi billi talbet lill-Kummissjoni tipprova n-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq tal-mużika rreġistrata filwaqt illi hija kien imissha eżaminat jekk, fid-data tad-Deċiżjoni kkonestata, kienx hemm provi suffiċjenti li jippermettu li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti skont il-liġi, l-eżistenza tal-imsemmija trasparenza. Dan l-iżball jivvizja s-sentenza appellata kollha, u b’mod partikolari, f’diversi aspetti deskritti fid-dettall fil-parti introduttiva tal-appell, il-punti 381 sa 387, 389, 420, 428, 429 kif ukoll 433 tagħha. |
42 |
Skont Impala, li jiġi segwit l-argument żviluppat mill-appellanti insosntenn tat-tieni parti tat-tielet aggravju u li tiġi rikonoxxuta l-eżistenza ta’ preżunzjoni favur l-approvazzjoni ta’ konċentrazzjonijet jista’ jwassal għal riperkussjonijiet serji fuq is-sistema ta’ kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet, bħar-riskju ta’ abbuż tas-sistema. L-imsemmi argument jinjora l-ekwilibriju delikat maħluq mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-interessi privati u l-interessi pubbliċi u l-“obbligu doppju simetriku” għall-Kummissjoni li tipprojbixxi l-konċentrazzjonijiet li huma inkompatibbli mas-suq komuni u li tapprova dawk li huma kompatibbli miegħu. Ir-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa f’dan ir-rigward jikkorrisponu għall-ibbilanċjar tal-probabbiltajiet u hija l-Kummissjoni li għanhda turi dak li hija l-iktar probabbli. Barra minn hekk, Impala ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, minn naħa, li l-Kummissjoni kienet sabet numru ta’ provi konvinċenti li juru l-eżistenza tat-trasparenza tas-swieq ikkonċernati, iżda li din madankollu finalment qieset li din it-trasparenza kienet insuffiċjenti, billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ skontijiet promozjonali “inqas trasparenti”. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ukoll li l-provi meqjusa li jistabbilixxu din l-insuffiċjenza ta’ trasparenza ma jikkoroborawhiex |
43 |
Impala tikkunsidra barra minn hekk li, permezz tal-argumenti msemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, l-appellanti jidhru li qed jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tmur lura fuq l-evalwazzjonijiet ta’ fatt mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
44 |
Qabel kollox, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ksur allegat tar-regoli applikabbli fil-qasam ta’ prova jikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt ammissibbli fl-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 65, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 40). Għaldaqstant, safejn Impala, fil-kuntest tal-eċċezzjoni ġenerali ta’ inammissibbiltà tagħha, teċepixxi speċifikament l-inammissibbiltà tat-tielet aggravju fl-intier tiegħu, dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. |
45 |
Fuq il-mertu, kif tirrileva Impala, it-tieni parti tat-tielet aggravju hija ċċentrata fuq l-argument li r-rekwiżiti fir-rigward ta’ prova huma differenti skont jekk hijiex deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni jew deċiżjoni li tipprojbixxi tali konċentrazzjoni. F’dan ir-rigward, mhuxiex ikkontestat mill-partijiet li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat l-istess rekwiżiti ta’ prova fir-rigward tad-Deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni, bħal dawk li kienet applikat għal deċiżjoni li tipprojbixxi tali konċentrazzjoni. |
46 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li ma jirriżultax mill-kliem tal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolamenti li dan jimponi rekwiżiti ta’ prova differenti fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni, minn naħa, u ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu tali konċentrazzjoni, min-naħa l-oħra. |
47 |
Għaldqstant, kif il-Qorti tal-Gustizzja essenzjalment diġà ddeċidiet, l-analiżi prospettiva neċessarja fir-rigward ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li tikkonsisti f’eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk din tistax tirriżulta fi tfixkil sinjifikattiv ta’ kompetizzjoni effettiva, teżiġi li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-iktar probabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 43). |
48 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ma tistax għaldaqstant tiġi dedotta mir-Regolament preżunzjoni ġenerali ta’ kompatibbiltà jew ta’ inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni nnotifikata mas-suq komuni. |
49 |
Din l-interpretazzjoni tar-Regolament mhijiex invalidata bl-Artikolu 10(6) tiegħu, li jipprovdi li konċentrazzjoni nnotifikata tiqies li hija kompatibbli mas-suq komuni meta l-Kummissjoni ma tadottatx fit-terminu previst deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-konċentrazzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija espressjoni speċifika tal-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-iskema ġenerali tar-Regolamenti u li timponi fuq il-Kummissjoni l-osservanza tat-termini stretti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, C-202/06 P, Ġabra p. I-12129, punt 39). L-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi madankollu eċċezzjoni għall-iskema ġenerali tar-Regolament, li tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 6(1) u 8(1) tiegħu, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi espressament fuq il-konċentrazzjonijiet nnotifikati lilha. |
50 |
Barra minn hekk, huwa ċertament veru li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjonijiet mas-suq komuni għandhom ikunu sostnuti minn elementi suffiċjentement sinjifikattivi u konkordanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Kali & Salz”, C-68/94 u C-30/95, Ġabra p. I-1375, punt 228) u li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ konċentrazzjoni tat-tip “konglomerat” il-kwalità tal-provi prodotti mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi li huwa neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni li tiddikjara din il-konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni hija ta’ importanza partikolari (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44). |
51 |
Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha, b’mod partikolari meta din tal-aħħar tibbaża ruħha fuq teorija ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, ma’ rekwiżiti ta’ prova iktar għolja fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jipprojbixxu konċentrazzjoni milli fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li japprovaw tali konċentrazzjonijiet. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrifletti sempliċiment il-funzjoni essenzjali tal-prova, li hija li tistabbilixxi b’mod konvinċenti l-merti ta’ argument, jew bħal fil-każ ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, li ssostni l-evalwazzjonijiet li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 44). Barra minn hekk, il-fatt li tqum jew le kwistjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva ma jistax, fih nnifisu, ikollu effett fuq ir-rekwiżiti ta’ prova applikabbli. F’dan ir-rigward, il-kumplessità intrinsika ta’ teorija ta’ ostakolu għall-kompetizzjoni mressqa fir-rigward ta’ konċentrazzjoni nnotifikata tikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tad-diversi konsegwenzi ta’ din il-konċentrazzjoni, sabiex tiġi identifikata dik li hija l-iktar probabbli, iżda tali kumplessità, m’għandiex, fiha nnifsha, influwenza fuq il-livell ta’ prova meħtieġ. |
52 |
Minn dan li jippreċedi jirriżulta li, meta titressaq quddiemha konċentrazzjoni skont ir-Regolament, il-Kummissjoni hija, fil-prinċipju, obbligata tieħu pożizzjoni jew fis-sens tal-approvazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni, jew f’dak tal-projbizzjoni tagħha, skont l-evalwazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku attribwibbli lill-konċentrazzjoni inkwistjoni li huwa l-iktar probabbli. |
53 |
Minn dan jirriżulta li huwa żbaljat li l-appellanti jikkunsidraw li, peresss illi kienet deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni li kienet inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha eżaminat biss jekk il-Kummissjoni setgħetx, billi applikat rekwiżiti ta’ prova partikolarment għoljin, tipprojbixxi l-konċentrazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, mingħajr mhemm bżonn li tittieħed pożizzjoni fuq l-ammissibbiltà tal-kritiki speċifiċi fir-rigward tal-punti tas-sentenza appellata mniżżla fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi konkluż li peress illi l-premessa li fuha huma bbażati dawn il-kritiki mhijiex fondata, dawn ma jistgħux f’kull każ jiġu milqugħa. |
54 |
Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, hemm lok li t-tieni parti tat-tielet aggravju tiġi miċħuda. |
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tevalwa l-kontenut tad-Deċiżjoni kkontestata
Is-sentenza appellata
55 |
F’diversi siltiet tas-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 379, 424 u 446 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex issejjes ir-raġunament tagħha, kemm f’dak li jikkonċerna l-motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll f’dak li jikkonċerna dak ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizjaw din id-deċiżjoni. |
56 |
Fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’istanza b’mod partikolari osservat is-segwenti:
|
L-argumenti tal-partijiet
57 |
L-appellanti jsosntu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi użat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala punt ta’ riferiment sabiex tevalwa l-mertu tad-Deċiżjoni kkontestata, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża. |
58 |
F’tali ċirkustanzi l-appellanti jikkunsidraw li l-paragun imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza bejn id-Deċiżjoni kkontestata u l-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistgħux isostnu l-konklużjonijiet li jinsabu fis-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fiha. Huma jiċċitaw f’dan ir-rigward il-punti 300, 302 u 308 tas-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, fir-rigward tal-eżami magħmul mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-argumenti bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, l-appellanti jikkritikaw fl-appell tagħhom il-punti 338, 339, 341, 362, 378, 379, 398, 402, 409, 419, 424, 446, 447, 451, 456, 467, 491, 532 u 538 tal-imsemmija sentenza. |
59 |
In sostenn tal-appellanti fir-rigward ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-parti l-kbira tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, kuntrarjament għall-ġurisprudenza ċċitata minnha stess fil-punt 284 ta’ din is-sentenza, li għaliha hija “tagħmel biss riferiment purament formali”, ma teżaminax id-Deċiżjoni kkontestata fiha nnifisha f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet dwar jekk din id-deċiżjoni kinitx suffiċjentement immotivata u, f’dak li jirrigwarda l-motiv bbażat fuq żball sostantiv, jekk l-imsemmija deċiżjoni kinix fiha żbalji fattwali jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, iżda din tikkonċentra iktar fis-sentenza tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġietx irrilevata li kienet infondata. Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, peress illi ċerti fatti ma kinux issemmew fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet li dawn ma setgħux ikollhom importanza għall-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-konċentrazzjoni inġenerali. Barra minn hekk, filwaqt illi l-Kummissjoni ppreċiżat fid-Deċiżjoni kkontestata ċerti konklużjonijiet li kienu fformulati b’mod iktar affermattiv fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha, sabiex tagħmel l-istħarriġ tagħha, fuq l-evalwazzjoni li tinsab l-imsemmija dikjarazzjoni. |
60 |
Impala ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitata ruħha ssemmi estratti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tenfasizza l-inkoerenzi intrinsiċi tad-Deċiżjoni kkontestata stess u n-nuqqas ta’ fondatezza li hemm wara l-konstatazzjonijiet li huma fformulati fiha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza espliċitament irrikonoxxiet li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument preparatorju, li l-konstatazzjonijiet li din tinkludi huma purament provviżorji u li l-Kummissjoni m’għandhiex tispjega d-differenzi bejn din id-dikjarazzjoni u d-Deċiżjoni kkontestata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
61 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal smigħ xieraq, li jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jifforma, b’mod partikolari, parti mid-drittijiet tad-difiża, jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun ingħatat l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti meqjusa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat KE (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1974, Transocean Marine Paint Association vs Il-Kummissjoni, 17/74, Ġabra p. 1063, punt 15; tas-7 ta’ Ġunju 1983 Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 10; Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 174, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). |
62 |
Fir-rigward tal-proċeduri għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet rregolati mir-Regolament, dan il-prinċipju huwa stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 18(3) ta’ dan tal-aħħar kif ukoll, b’mod iktar preċiż, fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet jeħtieġu b’mod partikolari, essenzjalment, il-komunikazzjoni bil-miktub tal-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni lill-partijiet li qed jinnotifikaw, b’indikazzjoni lil dawn tal-aħħar tat-terminu li fih huma jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom bil-miktub. |
63 |
Jirriżulta b’analoġija mal-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 81 KE u 82 KE li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hija dokument ta’ natura proċedurali u preparatorja li, bil-għan li tiżgura l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża, tillimita l-iskop tal-proċedura amministrattiva mibdija mill-Kummissjoni, billi tipprojbixxi lil din tal-aħħar milli tikkunsidra oġġezzjonijiet oħra fid-deċiżjoni tagħha li ttemm il-proċedura kkonċernata (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 1986, British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, 142/84 u 156/84, Ġabra p. 1899, punti 13 u 14). Huwa għaldaqstant inerenti għan-natura ta’ din id-dikjarazzjoni li din tkun provviżorja u li tkun tista’ tiġi emendata matul l-evalwazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel sussegwentement abbażi tal-osservazzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati lilha bħala risposta mill-partijiet kif ukoll abbażi ta’ konstatazzjonijiet fattwali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62). Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-elementi li jirriżultaw mill-proċedura amministattiva kollha jew sabiex tabbanduna oġġezzjonijiet li jkunu infondati jew sabiex tiżviluppa u tikkompleta kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt l-argument tagħha insostenn tal-oġġezzjonijiet li hija tqis. Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bl-ebda mod ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tbiddel il-pożizzjoni tagħha favur l-impriżi kkonċernati (ara d-digriet British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 13). |
64 |
Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata żżomm l-evalwazzjonijiet ta’ fatt jew ta’ dritt magħmula f’dan id-dokument. Għall-kuntrarju, hija għandha timmotiva d-deċiżjoni finali tagħha b’evalwazzjonijiet definittivi bbażati fuq ir-riżultati tal-integralità tal-investigazzjoni tagħha hekk kif ikunu fil-mument tal-għeluq tal-proċeduri formali (ara, b’analoġija, id-digriet British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 15). |
65 |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tispjega d-differenzi eventwali fir-rigward tal-evalwazzjonijiet provviżorji tagħha li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, id-digriet British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, punt 15, u s-sentenza British American Tobacco u Reynolds Industries vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 70). |
66 |
Il-fatt li l-Kummissjoni hija suġġetta fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, b’differenza għal dak li huwa l-każ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, għal termini proċedurali stretti ma jbiddel xejn minn natura provviżorja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża jimponi li l-argumenti tal-partijiet f’konċentrazzjoni proposta jibbenefikaw, fil-proċeduri għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, mill-istess teħid inkunsiderazzjoni bħal dak tal-argumenti tal-partijiet ikkonċernati fil-proċeduri mibdija skont l-Artikoli 81 KE jew 82 KE. |
67 |
Huwa veru li, fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza espressament irrikonoxxiet, fil-punti 284 u 285 tas-sentenza appellata, in-natura preparatorja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, inkluż fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Barra minn hekk huwa rikonoxxut li l-Kummissjoni, mhijiex obbligata, skont il-ġurisprudenza dwar l-Artikoli 81 KE u 82 KE, tispjega l-eventwali diverġenzi fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
68 |
Madankollu, b’rigward għall-argument imressaq mill-appellanti u mill-Kummissjoni, espost fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, hemm lok li tiġi eżaminata l-kritika ta’ dawn tal-aħħar espressa fir-rigward ta’ serje ta’ referenzi speċifiċi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-legalità tad-Deċiżjoni kkontestata. |
69 |
F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, filwaqt li, fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, qasam li fih il-Kummissjoni għandha marġini diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura korretta, kompleta u affidabbli tal-fatti li fuqhom hija bbażata deċiżjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, kif ukoll tat-22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C-525/04 P, Ġabra p. I-9947, punti 56 u 57). Fil-fatt, huwa b’mod partikolari b’dan il-mod li l-qorti Komunitarja tista’ tivverifika jekk l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14). Minn dan jirriżulta li, minkejja n-natura preparatorja u provviżorja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u minkejja l-fatt li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tispjega l-eventwali diverġenzi meta mqabbla mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax neċessarjament tkun ipprojbita milli tuża d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tipproċedi għall-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-eżami tal-bażi fattwali tagħha. |
70 |
Għaldaqstant, pereżempju, ir-referenzi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 300, 302 u 308 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, huma, jekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 165 u 166 tal-konklużjonijiet tagħha, imwettqa b’mod purament illustrattiv, jew sempliċiment għall-kompletezza. L-istess japplika għal ċerti punti tal-imsemmija sentenza ċċitati mill-appellanti li jikkonċernaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-argumenti bbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, jiġifieri l-punti 338, 339, 341, 362, 402, 456, 467, 532 u 538 tas-sentenza appellata, li jservu sempliċiment sabiex juru u sabiex jikkompletaw dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet f’kull każ diġà ddeduċiet direttament mid-Deċiżjoni kkontestata. |
71 |
Għandu madankollu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, ċerti referenzi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet juru li l-Qorti tal-Prim’Istanza, minkejja dikjarazzjonijiet tagħha stess dwar in-natura provviżorja ta’ din id-dikjarazzjoni, tagħat natura iktar affidabbli u iktar deċiżiva għal dak li hija kkwalifikat, fil-punt 410 tal-imsemmija sentenza, bħala “konstatazzjonijiet fattwali magħmula preċedentement” fl-imsemmija dikjarazzjoni milli għall-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata stess. |
72 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha, essenzjalment, f’dan ir-rgiward fuq distinzjoni bejn, minn naħa, tali “konstatazzjonijiet fattwali magħmula preċedentement” u, min-naħa l-oħra, “evalwazzjonijiet” li jistgħu, skont hija, iktar ikunu leġittimament immodifikati. B’mod partikolari, fil-punt 379 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkwalifikat l-affermazzjoni li tidher fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li abbażi tagħhom “jeżistu provi suffiċjenti li l- [majors] jafu bil-kundizzjonijiet kummerċjali ta’ xulxin” bħala li hija mhux “tant evalwazzjoni tal-Kummissjoni, li tista’ tinbidel, iżda pjuttost […] konstatazzjoni fattwali li tirriżulta mill-investigazzjoni tagħha”. Din l-affermazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tinftiehem fid-dawl ta’ affermazzjonijiet oħra magħmula preċedentement fis-sentenza kkontestata. Għaldaqstant, fil-punt 335 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat b’mod partikolari li “l-evalwazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni [kkontestata] għandhom ikunu kompatibbli mal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sakemm ma jiġix stabbilit li dawn il-konstatazzjonijiet kienu ineżatti.” Barra minn hekk, fil-punt 378 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li “l-konklużjonijiet […] fuq [il-provi, hekk kif huma msemmija] fid-deċiżjoni [kkontestata] huma wkoll nettament differenti mill-konstatazzjonijiet magħmula fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”. |
73 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma llimitatx ruħha għall-użu tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala strument biex tivverifika n-natura korretta, kompleta u affidabbli tal-fatti li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ttrattat kategorija partikolari ta’ konklużjonijiet li jinsabu f’din id-dikjarazzjoni bħala stabbilita, li madankollu setgħu jkunu kkunsidrati biss bħala provviżorji. |
74 |
Din il-konċezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tirriżulta barra minn hekk minn punti oħra tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, fil-punti 409 u 410 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikat il-fatt li l-Kummissjoni ma ċaħditx “konstatazzjonijiet fattwali magħmula preċedentement” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, fil-punt 424 tal-imsemmija sentenza, l-appellanti u l-Kummissjoni huma kkritikati li ma affermawx “u inqas u inqas ma pprovaw”, li “konstatazzjoni” li tidher fl-imsemmija dikjarazzjoni hija inkorretta. Fil-punt 446 tas-sentenza kkontestata, huwa wkoll indikat li “l-osservazzjoni li ma kien hemm ebda prova li l-iskontijiet affettwaw kunsiderevolment il-prezzijiet iktar tikkostitwixxi konstatazzjoni fattwali milli evalwazzjoni”. Barra minn hekk, fil-punti 398, 419, 447 u 451 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni hija, essenzjalment, ikkritikata talli straħet b’mod kunsiderevoli, għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata, fuq l-impatt tal-“iskontijiet promozzjonali”, filwaqt li, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat fil-punt 447 ta’ din is-sentenza, fil-komunikazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni “lanqas biss ikkunsidrat li kien hemm bżonn li ssemmi [tali skontijiet].” |
75 |
Issa, hekk kif il-Kummissjoni rrilevat, huwa possibbli li l-partijiet li qed jinnotifikaw, permezz tar-risposta tagħhom lid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jikkompletaw jew jikkjarifikaw, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni, il-“pożizzjoni” tagħhom fuq il-funzjonament tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni, b’mod li elementi ġodda jistgħu jiżdiedu jew li fatti li diġà ġew eżaminati mill-Kummissjoni jistgħu jitqiegħdu f’perspettiva oħra. F’tali ċirkustanzi, anki jekk in-nuqqas ta’ fondatezza ta’ ċerti konstatazzjonijiet provviżorji individwali magħmula mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet mhijiex murija, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dawn il-konstatazzjonjiet fil-kuntest modifikat tista’ tkun totalment differenti. Fis-sentenza appellata, jidher li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi ffokalizzat fuq id-differenzi bejn id-Deċiżjoni kkontestata, li hija s-suġġett tar-rikors imressaq quddiemha, u l-“konstatazzjonijiet fattwali magħmula preċedentement” fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, warrbet din il-possibbiltà. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni ssostni, l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza li jirriżulta minn ċerti punti tas-sentenza appellata jidher li huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-konklużjonijiet provviżorji tal-Kummissjoni fl-imsemmija dikjarazzjoni huma invarjabbilment fondati fuq provi inekwivoċi. Issa, apparti, eventwalment, elementi mhux kontroversjali li, pereżempju, minħabba n-natura empirika u verifikabbli tagħhom, huma tant ovvji li huma inkontestabbli, ma jistax jitqies li affermazzjonijiet li jidhru f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma jistgħux ikunu mmodifikati skont ir-risposti għal tali dikjarazzjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha d-dritt tagħmel distinzjoni bejn il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjonijiet li jidhru fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 379 u 446 tad-Deċiżjoni kkontestata, hija kkategorizzat bħala konstatazzjonijiet fattwali ċerti evalwazzjonijiet kumplessi li ma jistgħux f’kull każ ikunu kkunsidrati bħala konstatazzjonijiet fattwali li ma jistgħux ikunu mmodifikati. |
76 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi inkwantu, fl-eżami tagħha tal-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, hija ttrattat ċerti elementi li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet bħala stabbiliti mingħajr ma wriet ir-raġunijiet li għalihom, minkejja l-pożizzjoni finali adottata mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, dawn l-elementi kellhom ikunu kkunsidrati bħala inkontestabbilment stabbiliti. |
77 |
Madankollu, dan l-iżball mhuwiex, waħdu, ta’ natura li jqiegħed inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 377 tas-sentenza appellata, li abbażi tagħhom “l-provi, kif imsemmija fid-deċiżjoni [kkontestata], ma jippermettux li jiġu sostnuti l-konklużjonijiet ibbażati fuqhom”. Għaldaqstant, dan l-iżball, waħdu, ma jistax iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata. Għaldaqstant hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra. |
Fuq it-tieni aggravju kif ukoll fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eżiġiet li l-Kummissjoni tagħmel investigazzjonijiet ġodda tas-suq wara r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u applikat rekwiżiti ta’ prova eċċessivi fir-rigward tal-elementi mressqa b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet
Is-sentenza appellata
78 |
Fil-kuntest tal-eżami tagħha tal-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna t-trasparenza tas-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 414 tas-sentenza appellata, tafferma b’mod partikolari li “l-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jistgħux jistennew sa l-aħħar minuta biex jissottomettu provi lill-Kummissjoni bil-għan li jikkonfutaw l-oġġezzjonijiet imqajma fiż-żmien xieraq mill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar ma tkunx, konsegwentement, iktar f’pożizzjoni li twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa. F’każ ipotetiku bħal dan, dawn il-provi għandhom għall-inqas ikunu partikolarment sodi, oġġettivi, rilevanti u konvinċenti sabiex ikunu jistgħu jikkonfutaw validament l-oġġezzjonijiet imqajma mill-Kummissjoni”. |
79 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis barra minn hekk, fil-punt 415 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax “tasal biex tiddelega, mingħajr sorveljanza, ir-responsabbiltà tat-twettiq ta’ ċerti aspetti tal-investigazzjoni lill-partijiet fil-konċentrazzjoni, b’mod partikolari meta, bħal f’dan il-każ, dawn l-aspetti jikkostitwixxu l-element kruċjali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni [kkontestata] u d-data u l-evalwazzjonijiet imressqa mill-partijiet fil-konċentrazzjoni huma dijametrikament opposti għall-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha kif ukoll għall-konklużjonijiet li hija waslet għalihom minn din l-informazzjoni”. |
80 |
Iktar minn hekk, f’diversi postijiet fis-sentenza appellata, b’mod partikolari fil-punti 398, 428 u 451 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx, wara r-risposta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, investigazzjonijiet ġodda tas-suq sabiex teżamina l-validità tal-orjentament il-ġdid tal-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjoni proposta. |
L-argumenti tal-partijiet
81 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq investigazzjonijiet ġodda tas-suq wara r-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, il-konkluzjoni tagħha li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni u ta’ motivazzjoni għaliex ma wettqitx investigazzjonijiet ġodda hija infondata. |
82 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, li għandu jiġi ttrattat flimkien mat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 414 tas-sentenza appellata, issuġġeriet fir-realtà li l-provi li jiskaġunaw imressaq mill-partijiet li qed jinnotifikaw b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huma suġġetti għal rekwiżiti superjuri għal dawk applikati għall-elementi probatorji indikati mill-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex isostni l-oġġezzjonijiet tagħha. |
83 |
In sostenn tal-appellanti, il-Kummissjoni ssosnti, fl-ewwel lok, li fid-dawl tat-termini stretti li għalihom hija suġġetta bis-saħħa tar-Regolament, hija għandha jkollha l-possibbiltà tibbaża ruħha fuq il-provi ppreżentati mill-appellanti fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, peress illi l-imsemmija risposta tifforma parti mill-proċeduri formali. Bħall-appellanti, hija tfakkar li r-Regolamenti jipprovdi l-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penalitajiet fil-każ ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni inkorretta jew li tista’ tqarraq u jawtorizza lill-Kummissjoni tirrevoka deċiżjoni li hija bbażata fuq informazzjoni mhux korretta li għaliha kienet responsabbli waħda mill-impriżi konċernati jew li tkun inkisbet b’qerq. |
84 |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punt 414 tas-sentenza appellta, li juri l-approċċ adottat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 415 sa 457 ta’ din is-sentenza, fir-rigward ta’ numru ta’ provi, jirrileva numru ta’ żbalji ta’ liġi relatati, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-forza probatorja tal-provi ppreżentati b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
85 |
Impala ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni t-termini stretti previsti mir-Regolament. Hija sempliċiment kkonstatat il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq xi investigazzjoni supplimentari tas-suq, mingħajr ma tippreċiża jekk, wara s-seduta, investigazzjonijiet tas-suq kien imisshom twettqu. Skont Impala, il-Kummissjoni kien imissha investgat fuq il-problema tat-trasparenza u tal-iskontijiet qabel ma’ ħarġet id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
86 |
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, Impala sosstni li jirriżulta mill-punt 414 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għal sitwazzjoni ipotetika li fiha l-partijiet f’konċentrazzjoni jipprovdu provi fl-aħħar minuta u ma jagħtu lill-Kummissjoni ebda possibbiltà tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji. Skont Impala, minn dan l-istess punt tas-sentenza appellata jirriżulta wkoll li għandu jkun preżunt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, mhux li l-Kummissjoni kien imissha investigat fuq l-imsemmija problematika wara s-seduta, iżda li hija kien imissha għamlet dan qabel matul il-proċeduri formali. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
87 |
Qabel kollox hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Impala, espost fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, li l-punt 414 tas-sentenza appellata jikkonċerna sitwazzjoni ipotetika. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tal-imsemmi punt 414 hija kkontradixxuta mill-kliem tiegħu stess, li minnhom jirriżulta li r-rimarki tal-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikati fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju jikkonċernaw il-proċedura li twassal għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata. |
88 |
Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża qabel l-adoozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ tolqot lill-impriżi kkonċernati hija essenzjali fil-proċeduri għall- kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. |
89 |
Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-partijiet li qed jinnotifikaw ma jistgħux ikunu kkritikati talli jressqu ċerti argumenti, fatti jew provi, eventwalment deċiżivi, biss fil-kuntest tal-argumenti tagħhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fil-fatt huwa biss b’din id-dikjarazzjoni li l-partijiet fil-konċentrazzjoni jistgħu jiksbu indikazzjonijiet dettaljati dwar ir-riżervi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni proposta tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-argumenti u tal-provi li fuqhom hija tibbaża ruħha għal dan il-għan. Hekk kif jirriżulta mill-punt 62 ta’ din is-sentenza, mid-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li qed jinnotifikaw, li jinsabu fit-tieni sentenza tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament kif ukoll fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li dawn għandhom id-dritt jippreżentaw fil-kuntest tas-seduta bil-miktub u orali tagħhom wara li jkunu reċevew id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dak kollu li huma jqisu li jista’ jikkonfuta l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni u jwassal lil din tapprova l-konċentrazzjoni proposta tagħhom. Kuntrarjament għal dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza tħalli x’jiġi mifhum, b’mod partikolari fil-punt 414 tas-sentenza appellata, argument imressaq b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jifforma parti mill-investigazzjoni li għandha ssir fil-kuntest tal-proċeduri formali. Tali argument mhuwiex tardiv, iżda jsir fil-mument previst għal dan il-għan fil-proċedura għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijet. |
90 |
Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi mfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, il-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkaratterizza l-iskema ġenerali tar-Regolament timponi lill-Kummissjoni tirrispetta t-termini stretta għall-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. |
91 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl b’mod partikolari tal-limiti taż-żmien li jirriżultaw mit-termini proċedurali previsti mir-Regolament, il-Kummissjoni ma tistax, bħala regola ġenerali, tkun obbligata, f’kull każ individwali, tibgħat, wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u wara li tkun semgħet lill-impriżi kkonċernati, talbiet għal informazzjoni eżawrjenti lin-numerużi operaturi ekonomiċi ftit taż-żmien qabel ma tibgħat l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha lill-Kumitat Konsultattiv dwar konċentrazzjonijiet bejn impriżi, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament. |
92 |
Barra minn hekk, hekk kif il-Kummissjoni tirrileva, ir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tista’ tagħti attenzjoni partikolari għal elementi li l-partijiet li qed jinnotifikaw jikkunsidraw bħala kruċjali għar-riżultat tal-proċeduri formali. Tali elementi setgħu ma kinux ikkunsidrati bħala kruċjali fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet. Issa, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi jista’ jifforma parti mill-kritika tal-impriżi li qed jinnotifikaw fir-rigward tal-evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni. Fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti tad-drittijiet tad-difiża, l-argumenti tal-partijiet li qed jinnotifikaw, ippreżentati b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma jistgħux ikunu suġġetti għal rekwiżiti iktar għoljin fir-rigward tal-forża probatorja tagħhom u tan-natura konvinċenti tagħhom minn dawk stabbiliti fir-rigward tal-argumenti tal-kompetituri, tal-klijenti u ta’ terzi oħra interrogati mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministarattiva jew fir-rigward tal-elementi pprovduti mill-impriżi li qed jinnotifikaw f’stadju preċedenti tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. |
93 |
Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni teżamina fid-deċiżjoni tagħha l-argumenti ta’ difiża tal-impriżi li qed jinnotifikaw u tieħu l-opportunità sabiex tirrevedi l-konklużjonijiet provviżorji tagħha li jidhru fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex eventwalment titbiegħed minnhom, hija ma “tiddelegax” l-investigazzjoni lill-imsemmija impriżi. F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament jipprevedu multi jew penalitajiet meta tingħata informazzjoni inkorretta jew li tqarraq u li l-Artikolu 8(5)(a) tal-istess regolament jawtorizza lill-Kummissjoni tirrevoka deċiżjoni li tkun ibbażata fuq informazzjoni mhux korretta li għaliha kienet responsabbli waħda mill-impriżi konċernati jew li tkun inkisbet b’qerq. |
94 |
Ċertament, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina bir-reqqa l-argumenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni kemm fir-rirgward tal-eżattezza tagħhom, kif ukoll fir-rigward tan-natura kompleta u konvinċenti tagħhom u tinjorhom fil-każ ta’ dubji ġġustifikati. Huwa wkoll veru li, bis-saħħa tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, in-notifika tal-konċentrazzjoni proposta għandha tinkludi l-informazzjoni korretta u kompluta, u li, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament, il-partijiet li qed jinnotifikaw huma obbligati jirrispondu b’mod komplut, korrett u fit-termini mogħtija għal talbiet eventwali ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni, u fin-nuqqas li jagħmlu hekk, meta l-informazzjoni inkwistjoni tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’, bis-saħħa tal-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament, timponi multi jew sanzjonijiet. Xorta waħda jibqa’ l-fatt li din għandha, fl-istadju tar-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijet, taħt piena li xxejjen id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet li qed jinnotifikaw, tapplika l-istess kriterji bħal dawk segwiti għall-finijiet tal-eżami tal-argumenti ta’ terzi jew bħal dawk adottati fi stadju iktar kmieni tal-investigazzjoni tagħha, filwaqt li tkun tista’ tislet il-konsegwenzi xierqa fil-każ li jirriżulta fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura li n-notifika kkonċernata ma tosservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. |
95 |
Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, minn naħa, billi imponiet, essenzjalment, lill-Kummissjoni tkun partikolarment eżiġenti f’dak li jikkonċerna n-natura probatorja tal-provi u tal-argumenti mressqa mill-partijiet li qed jinnotifikaw b’risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, billi kkonstatat li n-nuqqas ta’ investigazzjonijiet tas-suq supplimentari wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-argumenti ta’ difiża tal-appellanti kienu jekwivalu għal delegazzjoni illegali tal-investigazzjoni lill-partijiet fil-konċentrazzjoni. |
96 |
Madankollu, dan l-iżball ta’ liġi ma jivvizjax is-sentenza appellata kollha, b’mod partikolari dik il-parti li tikkonċerna l-insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 377 tas-sentenza appellata, li “l-provi, kif imsemmija f[l-imsemmija] deċiżjoni, ma jippermettux li jiġu sostnuti l-konklużjonijiet ibbażati fuqhom”. Għaldaqstant, hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji oħra. |
Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ruħha fuq provi li ma ġewx żvelati lill-partijiet fil-konċentrazzjoni
Is-sentenza appellata
97 |
Fil-punt 352 tas-sentenza appellata, fil-kuntest tal-eżami mwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar it-trasparenza tal-prezzijiet u b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li l-majors jimmonitoraw is-suq tal-bejgħ bl-assistenza ta’ rapporti ta’ kull ġimgħa mill-aġenti tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għal konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-appellanti kienu stabbilixxew sistema ta’ rapporti ta’ kull ġimgħa, li kienu jinkludu wkoll informazzjoni fuq il-kompetituri. Fil-punti 356 sa 360 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi wkoll f’dan ir-rigward għal ċerti dokumenti ppreżentati minn Impala u klassifikati bħala kunfidenzjali. Għaldaqstant, il-punti 356 sa 360 tal-verżjoni tas-sentenza appellata ppubblikata fil-Ġabra huma sempliċiment immarkati “[kunfidenzjali]”. Isir ukoll riferiment għar-rapporti ta’ monitoraġġ ta’ kull ġimgħa fil-punti 389 u 451 ta’ din is-sentenza, fejn l-imsemmi punt 389 jinkludi parti mmarkata “[kunfidenzjali]” fil-verżjoni ppubblikata fil-Ġabra. |
L-argumenti tal-partijiet
98 |
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fil-punti 356 sa 360 tas-sentenza appellata, fuq provi li ma kienux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u li qatt ma kienu ġew żvelati lilhom. F’dan ir-rigward, ikun diffiċli li wieħed jimmaġina għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet invokat dawn id-dokumenti f’ħames punti tas-sentenza tagħha u rreferiet għalihom darbtejn oħra, fil-punti 389 u 451 tas-sentenza appellata, jekk hija ma qisithomx rilevanti għal dak li jikkonċerna r-riżultat tal-istħarriġ tagħha. |
99 |
Impala ssostni li l-elementi inkwistjoni ġew imsemmija matul is-seduta tal-14 u l-15 ta’ Ġunju u 2004 fil-preżenza tal-partijiet u kienu ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali wara dawn is-seduti. Skont Impala, l-appellanti kienu ġew għaldaqstant infurmati, matul l-imsemmija seduti, li dawn kienu jikkonċernaw il-prattiċi ta’ monitoraġġ tal-prezzijiet tagħhom stess fi Franza u huma ppreżentaw diversi osservazzjonijiet fuq dan l-aspett tas-sistema ta’ stabbiliment ta’ prezzijiet matul kemm il-proċedura amministrattiva kif ukoll il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’kull każ, skont Impala, anki jekk l-ilmenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-aggravju kienu fondati, ma jistax jittieħed kont tagħhom għaliex l-imsemmija elementi ma kellhomx influwenza fuq l-eżitu tas-sentenza appellata. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
100 |
Qabel kollox, hemm lok li jiġi miċħud l-argument ta’ Impala espost fil-punt 99 ta’ din is-sentenza, li l-appellanti kienu ġew suffiċjentement infurmati bil-kontenut tad-dokumenti li jiffurmaw is-suġġett tal-punti 356 sa 360 tas-sentenza appellata matul is-seduta quddiem il-Kummissjoni. Fil-fatt, jirriżulta mir-risposta ta’ Impala quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li “[d]in l-informazzjoni kienet ġiet imsemmija matul is-seduta […] u wara kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali wara s-seduta”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti kien ġie żvelat fi’ żmien xieraq u bil-preċiżjoni u l-koerenza neċessarja sabiex l-appellanti jkunu jistgħu, jekk ikun il-każ, jirrispondu b’mod effettiv għall-inferenzi li Impala siltet mill-imsemmija dokumenti quddiem il-Kummissjoni. |
101 |
Skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Minn dan isegwi li, peress illi l-appellanti ma setgħux ikunu jafu fi żmien xieraq dwar il-kontenut tad-dokumenti kunfidenzjali inkwistjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dawn id-dokumenti għall-finijiet tad-Deċiżjoni kkontestata. |
102 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi bbażat ruħha, fir-rigward tal-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata, fuq dokumenti ppreżentati fuq bażi kunfidenzjali minn Imapla, peress illi l-Kummissjoni stess ma setgħex tużhom għall-finijiet tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. |
103 |
Mingħajr mhemm bżonn li ttieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija dokumenti seta’ kellu impatt fuq ir-riżultat tal-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-argumenti dwar l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’kull każ, l-iżball ta’ liġi identifikat fil-kuntest ta’ dan is-seba’ aggravju ma jistax jinvalida l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li tinsab fil-punt 325 tas-sentenza appellata, li, essenzjalment, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant hemm lokk li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra. |
Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-kriterji ġuridiċi rilevanti applikabbli fil-qasam ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva
Is-sentenza appellata
104 |
Fil-punti 250 sa 254 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet l-osservazzjonijiet segwenti dwar il-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva:
|
105 |
Il-punt 309 tas-sentenza appellata jistipola kif ġej: “Minbarra dan, jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-premessa 77 tad-deċiżjoni [kkontestata] li l-iskontijiet mhumiex ta’ natura li jaffettwaw realment it-trasparenza tas-suq fir-rigward tal-prezzijiet li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-prezzijiet pubbliċi tal-katalogu, billi huwa kkonstatat li ‘[j]ekk devjazzjoni sinjifikattiva mill-politiki tal-prezzijiet miftiehma kienet qed tiġi implementata mill-kumpanniji l-kbar tad-diski permezz tal-għoti ta’ skontijiet, din id-devjazzjoni kienet tkun riflessa fil-prezzijiet medji netti tagħhom’”. |
106 |
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-impatt ta’ varjazzjonijiet fi skontijiet fuq it-trasparenza tas-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari indikat, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, li “[kif] osservat [Impala], id-differenzi fil-firxiet ta’ skontijiet fiż-żmien jistgħu jkunu r-riżultat ta’ differenzi fir-rendimenti u ma jipprekludux li l-iskontijiet jistrieħu fuq sett magħruf ta’ regoli”. |
107 |
Fil-punt 427 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li ċerti provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha “ma jeskludux il-possibbiltà li [varjazzjonijiet ta’ skontijiet minn klijent għal klijent] jistgħu, għall-inqas għal professjonist tas-settur, jiġu spjegati pjuttost faċilment abbażi ta’ numru ta’ regoli ġenerali jew speċifiċi li jirregolaw l-għoti tal-iskontijiet”. |
108 |
Il-punt 428 tas-sentenza appellata jistipola kif ġej: “Għalkemm, kif enfasizzat il-Kummissjoni, [Impala] tabilħaqq ma spjegatx preċiżament x’inhuma dawn id-diversi regoli li jirregolaw l-għoti tal-iskontijiet promozzjonali, jew, skont il-Kummissjoni, hija rriferiet għal numru kbir wisq ta’ dawn ir-regoli, ħaġa li tirrendi l-applikazzjoni tagħhom kumplessa u għalhekk mhux partikolarment trasparenti, jibqa’ l-fatt li, kif diġà ġie kkonstatat, il-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni fis-suq f’dan ir-rigward jew, għall-inqas, ma pproduċiet ebda prova tal-opaċità tal-iskontijiet promozzjonali, bl-eċċezzjoni tat-tabelli tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, li, barra mill-imperfezzjonijiet tagħhom, kienu f’kull każ intiżi biss biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ċerti varjazzjonijiet f’dawn l-iskontijiet, iżda ma jurux li dawn il-varjazzjonijiet ma jistgħux ikunu xi ftit jew wisq faċilment spjegabbli għal professjonist tas-settur. […]” |
109 |
Fil-punt 429 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li “[g] ħalkemm il-kombinazzjoni tal-elementi varjabbli għandha neċessarjament bħala effett li żżid is-sitwazzjonijiet ipotetiċi, il-Kummissjoni madankollu ma weritx li l-eżerċizzju b’hekk jiġi reż eċċessivament diffiċli għal professjonist tas-suq.” |
L-argumenti tal-partijiet
110 |
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza, billi kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kienet immotivat b’mod insuffiċjenti d-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tat-trasparenza tas-suq, interpretat ħażin il-pożizzjoni taħt id-dritt Komunitarju fir-rigward tal-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Skont l-appellanti, il-kriterju dwar it-trasparenza tas-suq komuni bħala element indikattiv ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva f’suq, kif stabbilit mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza tagħha Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u li l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara li ssegwi fis-sentenza appellata, jimponi fuq il-Kummissjoni tistabbilixxi, fl-ewwel lok, li l-majors kellhom mekkaniżmu plawżibbli ta’ monitoraġġ tal-prezzijiet bl-ingrossa netti rispettivi tagħhom u, fit-tieni lok, peress illi d-Deċiżjoni kkontestata kienet tikkonċerna esklużivament il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ kollużjoni taċita, li l-majors kienu fir-realtà applikaw tali mekkaniżmu ta’ monitoraġġ. |
111 |
Skont l-appellanti, fil-prattika, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat kriterju inqas iebes sabiex tistabbilixxi t-trasparenza tas-suq, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 251 tas-sentenza appellata, f’dak illi hija ddeduċiet din it-trasparenza minn ċertu numru ta’ fatturi li, fid-dritt, mhumiex suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-grad meħtieġ ta’ trasparenza, B’mod partikolari, billi injorat ir-rilevanza tal-iskontijiet sabiex tevalwa t-trasparenza fuq il-livell tal-prezzijiet bl-ingrossa netti, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tidentifika metodu li jippermetti li jiġu osservati b’mod suffiċjentement preċiż u opportun il-bidliet sinjifikattivi fil-prezzijiet bl-ingrossa netti tal-majors l-oħra sabiex tiġi identifikata bi preċiżjoni u fi żmien xieraq kull devjazzjoni mil-livelli ta’ prezzijiet taċitament mifthema. |
112 |
Skont l-appellanti, l-ipoteżi ta’ kollużjoni taċita preeżistenti timplika li l-appellanti kif ukoll il-majors l-oħra kienu realment immonitoraw il-prezzijiet bil-ingrossa netti tagħhom u kellhom informazzjoni suffiċjentement preċiża u opprtuna dwar il-modifiki tal-prezzijiet bl-ingrossa netti rispettivi tagħhom. Issa, la l-Qorti tal-Prim’Istanza, la Impala, u lanqas il-Kummissjoni ma setgħu jidentifikaw mekkaniżmu ta’ monitoraġġ, mill-majors, tal-prezzijiet bl-ingrossa netti jew jippruvaw li ġie użat tali mekkaniżmu. |
113 |
Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat, skont l-appellanti, kriterju żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha tal-grad ta’ trasparenza meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi konkluża l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva fis-swieq tal-mużika rreġistrata inkwistjoni. Hija fil-fatt kkunsidrat elementi li mhumiex rilevanti fir-rigward tal-kriterju dwar it-trasparenza tas-suq u warbet elementi oħra li huma mandankollu bla dubju ta’ xejn rilevanti f’dan ir-rigward. F’dan l-aħħar rigward, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet b’mod partikolari żbalji ta’ dritt:
|
114 |
Impala tissuġġerizzi qabel kollox li l-ħames aggravju jikkostitwixxi tentattiva minn naħa tal-appellanti li jikkontestaw l-evalwazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma jallegaw żbalji ta’ liġi. |
115 |
Sussidjarjament, Impala ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, applikat kriterju korrett sabiex tistabbilixxi t-trasparenza tas-suq, jiġifieri l-kriterju stabbilit fil-punt 62 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, Impala ssosnti, b’mod partikolari, li l-uniku element li l-Kummissjoni kkonstatat li kien “inqas” trasparenti kien dak kkostitwit mill-iskontijiet promozjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-provi determinati li fuqhom il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha ma kinux isostnu din il-konstatazzjoni, minkejja li kien sar eżami eżawrjenti ta’ dawn il-provi. Fir-realtà, il-ħames aggravju jikkonċerna mhux l-kriterju ġuridiku tat-trasparenza tas-suq, iżda pjuttost l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-elementi fattwali li jistabbilixxu din it-trasparenza. Skont Impala, is-sentenza appellata ma applikatx ħażin il-kriterju stabbilit fil-punt 62 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza la applikat kriterju inqas iebes u lanqas naqset milli teżamina t-trasparenza fuq il-livell meħtieġ. |
116 |
Impala tikkontesta barra minn hekk l-allegazzjonijiet li ġew miġbura fil-qosor fil-punt 113 ta’ din is-sentenza. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
117 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza applikatx regola ġuridika korretta waqt l-eżami tal-provi tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tkun invokata fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Fir-rigward ta’ din il-kawża, l-argumenti tal-appellanti esposti fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza huma għaldaqstant ammissibbli fl-istadju tal-appell. |
118 |
F’dak li jikkonċerna t-tliet kritiki speċifiċi miġbura fil-qosor fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, biss it-tieni u t-tielet huma ammissibbli. Fil-fatt, l-ewwel kritika speċifika ma tikkonċernax ir-rilevanza ta’ element partikolari użat sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, iżda hija intiża, fir-realtà, għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti, li, skont il-ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, ma taqax, bħala regola ġenerali, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ provi (ara wkoll f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C-260/05 P, Ġabra p. I-10005, punti 34 u 35). Għall-kuntrarju, it-tieni u t-tielet kritiċi speċifiċi jinvokaw żbalji ta’ liġi. |
119 |
F’dak li jikkonċerna l-fondatezza ta’ dan l-aggravju, għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva huwa inkluż fost dak ta’ “pożizzjoni dominanti” skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 166 u 178). F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ rabtiet ġuridiċi oħra bejn l-impriżi kkonċernati mhijiex indispensabbli għall-konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. Tali konstatazzjoni tista’ tirriżulta minn fatturi oħra ta’ konnessjoni u tiddependi minn evalwazzjoni ekonomika u, b’mod partikolari, minn evalwazzjoni tal-istruttura tas-suq inkwistjoni (ara, b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni, C-395/96 P u C-396/96, Ġabra p. I-1365, punt 45). |
120 |
Fir-rigward ta’ allegazzjoni ta’ ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummisjoni hija obbligata tevalwa, skont analiżi prospettiva tas-suq ta’ riferiment, jekk il-konċentrazzjoni li tressqet quddiemha twassalx għal sitwazzjoni li fiha kompetizzjoni effettiva fis-suq inkwistjoni hija mfixkla b’mod sinjifikattiv mill-impriżi partijiet fil-konċentrazzjoni u impriża waħda jew iktar li għandhom, flimkien, b’mod partikolari minħabba fatturi korrelattivi eżistenti bejnithom, is-setgħa li jadottaw l-istess linja ta’ azzjoni fis-suq (ara s-sentenza Kali & Salz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 221) sabiex japprofittaw minn sitwazzjoni ta’ saħħa ekonomika kollettiva, u dan mingħajr ma l-kompetituri attwali jew potenzjali, jew il-klijenti u l-konsumaturi, ma jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv. |
121 |
Tali fatturi korrelattivi jinkludu, b’mod partikolari, ir-relazzjoni ta’ interdipendenza li teżisti bejn il-membri ta’ oligopolija ristretta li fi ħdanha, f’suq li għandu l-karatteristiċi adatti, b’mod partikolari f’termini ta’ konċentrazzjoni tas-suq, ta’ trasparenza u ta’ omoġeneità tal-prodott, huma f’pożizzjoni li jantiċipaw l-imġiba reċiproka tagħhom u huma għalhekk inkoraġġuti ħafna jallinjaw l-imġiba tagħhom fis-suq, b’mod li jimmassimizzaw il-profitt komuni tagħhom billi jgħollu l-prezzijiet, billi jnaqsu l-produzzjoni, l-għażla jew il-kwalità tal-merkanzija u tas-servizzi, billi jnaqqsu l-innovazzjoni jew billi jeżerċitaw, b’mod ieħor, influwenza fuq il-fatturi tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, f’tali kuntest, kull operatur jaf li azzjoni kompettitva ħafna minn naħa tiegħu tipprovoka reazzjoni minn naħa tal-oħrajn, b’mod li huwa ma jikseb l-ebda vantaġġ mill-inizjattiva tiegħu. |
122 |
Sitwazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tfixkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu tista’ għaldaqstant tqum bħala riżultat ta’ konċentrazzjoni meta, fid-dawl tal-karatteristiċi stess tas-suq inkwistjoni u tal-bidla li t-twettiq tal-konċentrazzjoni ġġib lil dawn il-karatteristiċi, din ikollha bħala konsegwenza li, billi huwa konxju tal-interessi komuni, kull membru tal-oligopolija dominanti jikkunsidra possibbli, ekonomikament razzjonali u għalhekk preferibbli li jadotta l-istess politika fis-suq fuq bażi dewwiema bil-għan li jbigħ bi prezzijiet ogħla minn dawk kompetittivi, mingħajr ma jkollu għalfejn jikkonkludi ftehim jew jirrikorri għal prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 81 KE, u dan mingħajr ma l-kompetituri attwali jew potenzjali, jew il-klijenti u l-konsumaturi, ikunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv. |
123 |
Il-probabbiltà ta’ tali koordinazzjoni taċita hija ikbar jekk il-kompetituri jistgħu faċilment jaslu għal ftehim komuni dwar il-mod li bih għandha taħdem il-koordinazzjoni, b’mod partikolari tal-parametri li jistgħu jiffurmaw is-suġġett tal-koordinazzjoni proposta. Fil-fatt, jekk ma jkunux jistgħu jaslu taċitament għal ftehim kondiviż tal-metodi ta’ koordinazzjoni, il-kompetituri jkollhom eventwalment jirrikoru għal prattiċi pprojbiti mill-Artikolu 81 KE sabiex ikunu jistgħu jadottaw linja ta’ azzjoni komuni fis-suq. Barra minn hekk, b’rigward b’mod partikolari tal-eventwali tentazzjoni li tista’ teżisti għal kull parteċipant f’koordinazzjoni taċita li jitbiegħed minnha sabiex iżid il-profitt tiegħu fi żmien qasir, għandu jiġi evalwat jekk tali koordinazzjoni hijiex sostenibbli. F’dan ir-rigward, l-impriżi li jikkoordinaw l-imġiba tagħhom għandhom ikunu jistgħu jimmonitoraw b’mod suffiċjenti jekk il-metodi ta’ koordinazzjoni humiex osservati. It-trasparenza fis-suq għandha, għaldaqstant, tkun suffiċjenti sabiex tippermetti, b’mod partikolari, lil kull impriża kkonċernata ssir taf, b’mod suffiċjentement preċiż u immedjat, l-iżvilupp tal-imġiba fis-suq ta’ kull wieħed mill-parteċipanti l-oħra fil-koordinazzjoni. Barra minn hekk, id-dixxiplina timponi li jkun hemm forma ta’ mekkaniżmu dissważiv kredibbli li jista’ jiġi implementat fil-każ ta’ imġiba devjanti. Barra minn hekk, ir-reazzjonijiet ta’ imprizi li ma jipparteċipawx fil-koordinazzjoni, bħall-kompetituri attwali jew potenzjali, kif ukoll ir-reazzjonijiet ta’ klijenti, m’għandhomx ikunu jistgħu jippreġudikaw ir-riżultati mistennija mill-koordinazzjoni. |
124 |
Il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 tas-sentenza tagħha Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 254 tas-sentenza kkontestata kkonkludiet li dawn kellhom ikunu applikati fil-kwistjoni quddiemha, ma jmorrux kontra l-kriterji esposti fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza. |
125 |
Issa, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ tali kriterji, hemm lok li jiġi evitat approċċ mekkaniku li jikkonsiti f’li jiġu vverifikati separatament kull wieħed mill-kriterji meħuda waħedhom filwaqt li jiġi injorat il-mekkaniżmu ekonomiku globali ta’ koordinazzjoni taċita ipotetika. |
126 |
F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni ta’, pereżempju, it-trasparenza f’suq speċifiku m’għandhiex issir b’mod iżolat u astratt, iżda għandha ssir bl-użu tal-mekkaniżu ta’ koordinazzjoni taċita ipotetika bħala bażi. Fil-fatt, huwa biss fid-dawl ta’ tali ipoteżi li huwa possibbli li jiġi vverifikat jekk elementi ta’ trasparenza eventwali eżistenti f’suq humiex effettivament tali li jaffaċilitaw id-definizzjoni taċita ta’ linja ta’ approċċ komuni u/jew tali li jippermettu lill-kompetituri kkonċernati jimmonitoraw b’mod suffiċjenti jekk il-modalitajiet ta’ tali linja ta’ approċċ humiex osservati. F’dan l-aħħar rigward, għall-finjiet tal-analiżi tas-sostenibbiltà ta’ koordinazzjoni taċita intenzjonata, huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ eventwalment aċċessibbli għall-parteċipanti fil-koordinazzjoni taċita allegata, sabiex jiġi vverifikat jekk, minħabba tali mekkaniżmi, ikunx possibbli li dawn isiru jafu, b’mod suffiċjentement preċiż u immedjat, dwar l-iżvilupp tal-imġiba fis-suq ta’ kull wieħed mill-parteċipanti l-oħra f’tali koordinazzjoni. |
127 |
F’dak li jikkonċerna din il-kawża, l-appellanti jsostu li, anki jekk, fil-punt 254 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li kienet qed issegwi l-approċċ adottat fis-sentenza tagħha Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, fil-prattika, hija wettqet żball ta’ liġi billi inferiet l-eżistenza ta’ trasparenza suffiċjenti minn numru ta’ fatturi li ma kinux madankollu rilevati għall-finijiet ta’ konstatazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva eżistenti. F’dan il-kuntest, l-appellanti jikkritikaw b’mod partikolari l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ammettiet, fil-punt 251 tas-sentenza kkontestata, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 62 tas-sentenza Airtours vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jistgħu “meta jkun il-każ, jiġu stabbiliti indirettament fuq il-bażi ta’ serje ta’ indizji u provi, eventwalment ukoll eteroġenei ħafna, relattivi għas-sinjali, manifestazzjonijiet u fenomeni inerenti għall-preżenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva”. |
128 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif il-Kummissjoni nnotat waqt is-seduta, l-imsemmi punt 251 mhuwiex kritikabbli fih innifsu, peress illi dan jikkostitwixxi dikjarazzjoni ġenerali li tirrifletti l-analiżi libera mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-provi diversi. Fil-fatt skont ġurisprudenza kostanti hija, bħala regola ġenerali, biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi mressqa quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 66, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 50). |
129 |
Bl-istess mod, l-investigazzjoni ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva preeżistenti li hija bbażata fuq serje ta’ elementi li normalment jitqiesu li jindikaw il-preżenza jew il-probabbiltà ta’ koordinazzjoni taċita bejn kompetituri ma tistax għaldaqstant, fiha nnifisha, tiġi kkontestata. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 125 ta’ din is-sentenza, huwa essenzjali li din l-investigazzjoni titmexxa b’diliġenza u, fuq kollox, fil-kuntest ta’ approċċ ibbażat fuq l-analiżi ta’ strateġiji plawżibbli ta’ koordinazzjoni eventwali. |
130 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, li quddiemha Impala qajmet argumenti dwar b’mod partikolari l-partijiet tad-Deċiżjoni kkontestata li jittrattaw it-trasparenza tas-suq, ma wettqitx l-analiżi tagħha tal-imsemmija partijiet fid-dawl ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ postulat li jifforma parti minn teorija plawżibbli ta’ koordinazzjoni taċita. |
131 |
Ċertament, fil-punt 420 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għall-possibbiltà ta’ “sett magħruf ta’ regoli” li jirregolaw l-għoti ta’ skontijiet mill-majors. Madankollu, sussegwentement, kif l-appellanti ġustament jenfasizzaw fil-kuntest tat-tieni kritika speċifika msemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ċerti varjazzjonijiet ta’ skontijiet, ikkonstatati mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, kinux tali li jqiegħdu inkwistjoni l-possibbiltà ta’ monitoraġġ adatt tal-osservanza reċiproka tal-modalitajiet ta’ eventwali koordinazzjoni taċita, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkuntenta ruħha, fil-punti 427 sa 429 tas-sentenza appellata, b’affermazzjonijiet mhux sostnuti dwar professjonist ipotetiku tas-settur. Issa, fil-punt 428 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ammettiet hija stess li Impala, rikorrenti quddiemha, “tabilħaqq ma spjegatx preċiżament x’inhuma dawn id-diversi regoli li jirregolaw l-għoti tal-iskontijiet promozzjonali”. |
132 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li Impala tirrapreżenta l-impriżi li, anki jekk mhumiex membri tal-oligopolija ffurmata mill-majors, huma attivi fl-istess sqieq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-fatt li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq Impala f’dak li jikkonċerna l-kwalitajiet allegati ta’ dan l-ipotetiku “professjonist tas-settur”. |
133 |
Fid-dawl ta’ dan li jippreċedi, mingħajr mhemm bżonn li tittieħed pożizzjoni fuq il-fondatezza tat-tielet kritika speċifika msemmija fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi konkluż li, billi interpretat ħażin il-priċipji li kellhom jiggwidaw l-analiżi tagħha tal-argumenti mqajma quddiemha li kienu jikkonċernaw it-trasparenza tas-suq fil-kuntest ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva allegata, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi. |
134 |
Dan l-iżball jivviżja l-parti tas-sentenza appellata li tikkonċerna l-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-argumenti dwar l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, inkluż il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 377 tas-sentenza appellata. Madankollu, dan fih innifsu mhuwiex tali li jinvalida l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tinsab fil-punt 325 tas-sentenza appellata li, essenzjalment, id-Deċiżjoni kkontestata għandha tkun annullata minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra. |
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha
Is-sentenza appellata
135 |
F’ċertu punti tas-sentenza appellata, bħall-punti 347 u 361 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza użata espressjonijiet bħal “trasparenza kbira tal-prezzijiet” jew “trasparenza kbira tas-suq”. Barra minn hekk, fil-punt 299 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkaratterizza l-konklużjoni li tinsab fid-Deċiżjoni kkontestata li l-prezzijiet tal-katalogu kienu “pjuttost allinjati” bħala li hija “għall-inqas, prudenti, billi l-allinjament kien, effettivament, aċċentwat ħafna”. Fil-punt 307 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li “l-varjazzjoni fil-livelli ġenerali tal-iskontijiet fuq il-fatturi applikati mill-partijiet fil-konċentrazzjoni, kif irrilevata fil-premessa 78 tad-deċiżjoni [kkontestata], hija baxxa ħafna”. Fil-punt 317 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mid-Deċiżjoni kkontestata li “l-iskontijiet promozzjonali għandhom biss impatt limitat fuq il-prezzijiet”. |
136 |
Fil-punt 425 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fir-rigward tad-Deċiżjoni kkontestata, li “l-kalkolu tad-differenzjali bejn l-iskontijiet minimi u massimi […] magħmul għal kull waħda mill-partijiet fil-konċentrazzjoni twettaq b’mod żbaljat”. Fil-punt 427 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat li d-data dwar l-iskontijiet pprovduta mill-partijiet fil-konċentrazzjoni huma “ta’ rilevanza dubjuża”. |
137 |
Fil-punt 434 tas-sentenza appellata, huwa b’mod partikolari indikat is-segwenti: “[…] l-istudju ppreparat mill-ekonomisti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni ma jippreżentax data suffiċjentement affidabbli, rilevanti u komparabbli […]. Anki jekk jitqies li hija stabbilita, iċ-ċirkustanza li mhux il-bejjiegħa bl-imnut kollha dejjem japplikaw sistematikament l-istess mark-up għall-prezz bl-imnut hija, f’kull każ, irrilevanti. Filwaqt li huwa tabilħaqq probabbli li t-tipi differenti ta’ bejjiegħa bl-imnut (supermarkits, kumpanniji indipendenti, stabbilimenti speċjalizzati, eċċ) japplikaw politika ta’ mark-up differenti, u li jeżistu differenzi fi ħdan kull kategorija ta’ operaturi, u anki differenzi għal kull operatur individwali skont it-tipi ta’ album jew il-grad ta’ suċċess tagħhom, min-naħa l-oħra xejn mhuwa probabbli, u l-istudju ma jikkontjeni ebda data f’dan ir-rigward, li bejjiegħ bl-imnut ser japplika politika ta’ bejgħ differenti għall-istess tip ta’ album. […]” |
L-argumenti tal-partijiet
138 |
L-appellanti, sostnuti f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni, jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha, bi ksur tal-Artikolu 230 KE u ta’ ġurisprudenza kostanti, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u bla ma ppruvat l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw id-Deċiżjoni kkontestata u mingħajr ma talbet pariri ekonomiċi. |
139 |
Barra minn hekk, fl-eżami tagħha tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza stess wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u interpretat b’mod fundamentalment żbaljat il-provi mressqa quddiemha dwar l-aspetti essenzjali tal-kawża, inkluż, b’mod partikolari, ir-rilevanza, il-kumplessità u l-opaċità tal-iskontijiet. |
140 |
Barra minn hekk, l-appellanti jikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Isanza, fil-punti 425, 427 u 434 tas-sentenza appellata, żnaturat ukoll ċerti provi. |
141 |
Impala tikkunsidra li dan l-aggravju jikkostitwixxi, għall-inqas b’mod sinjifikattiv, tentattiv sabiex tiġi kkuntestata l-evalwazzjoni fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim’Isatnza, mingħajr mal-appellanti ma jistabbilixxu li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-provi għad-dispożizzjoni tagħha. |
142 |
Sussidjarjament, Impala ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-ġurisprudenza rilevanti dwar il-portata tal-istħarriġ tagħha meta hija eżaminat id-Deċiżjoni kkontestata billi rreferiet, fil-punt 328 tas-sentenza appellata, għall-punt 39 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, iċċitata iktar ’il fuq, u li għaldaqstant ma qabżitx il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
143 |
L-ewwel nett, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Impala dwar l-inammissibbiltà tar-raba’ aggravju. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar, permezz ta’ dan l-agravju, l-appellanti ma jillimitawx ruħhom sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula fl-ewwel istanza, iżda jinvokaw kwistjonijiet ta’ dritt li huma ammissibbli fl-istadju tal-appell. |
144 |
Fuq il-mertu, hemm lok li jiġi mfakkar qabel kollox li l-Kummissjoni għandha marġini diskrezzjonali fil-qasam ekonomiku għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament, b’mod partikolari tal-Artikolu 2 tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ mill-qorti Komunitarja ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjonijiet huwa limitat għall-verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti u għan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kali & Salz, punti 223 u 224, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 38). |
145 |
Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli sostantivi tar-Regolament, dan ma jimplikax li l-Qorti Komunitarja għandha tonqos milli tistħarreġ l-interpretazzjoni ġuridika, mill-Kummissjoni, tad-data ta’ natura ekonomika Fil-fatt, il-qorti Komunitarja m’għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi prodotti, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, punt 39, kif ukoll Spanja vs Lenzing, punti 56 u 57). |
146 |
F’dak li jikkonċerna l-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest tal-argumenti mqajma quddiemha, wettqet eżami ddettaljat tal-provi li jsostnu d-Deċiżjoni kkontestata, hija aġġixxiet skont ir-rekwiżiti tal-ġurisprudenza stabbiliti fil-punti 144 u 145 ta’ din is-sentenza. |
147 |
Madankollu, din il-konklużjoni, fiha nnifisha, mhijiex biżżejjed sabiex jiġi miċħud ir-raba’ aggravju. Fil-fatt, barra l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza eċċedietx il-portata tal-istħarriġ li hija għandha f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ intensità tal-istħarriġ tagħha tal-bażi fattwali tad-Deċiżjoni kkontestata, l-appellanti wkoll jisħqu, kif jirriżulta mill-punt 130 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti tal-Prim’Istanza stess, fl-eżami tal-fatturi li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni kkontestata, wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u interpretat b’mod fundamentalment żbaljat il-provi mressqa quddiemha. |
148 |
Dawn l-aħħar allegazzjonijiet jikkoinċidu parzjalment ma’ aggravji oħra ta’ dan l-appell jiġifieri, minn naħa, l-ewwel, it-tieni u seba’ aggravji kif ukoll l-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar it-trattament mill-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ ċerti provi mressqa quddiemha u, min-naħa l-oħra, il-ħames aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni ħażina mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kriterji ġuridiċi applikabbli fir-rigward ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva. |
149 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 95, 102 u 133 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-eżami tagħha tal-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, wettqet żbalji ta’ liġi f’dak li jikkonċerna kemm il-mod li bih ġew trattati ċerti provi kif ukoll il-kriterji ġuridiċi applikabbli fir-rigward ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva li tirriżulta minn koordinazzjoni taċita. |
150 |
Għaldaqstant, mingħajr mhemm bżonn li tittieħed deċiżjoni la fuq l-allegazzjonijet tal-appellanti bbażati fuq l-iżnaturament tal-provi lanqas fuq il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, effettivament issostitwixxietx l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi konkluż li, għall-inqas, il-parti tas-sentenza appellata li tikkonċerna l-eżami tal-argumenti bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni hija vviżjata bi żball ta’ liġi. F’dak li jikkonċerna l-parti tas-sentenza appellata li tikkonċerna l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, huwa neċessarju li jiġi indirizzat is-sitt aggravju. |
Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi f’dak illi l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat rekwiżit żbaljat fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni
Is-sentenza appellata
151 |
Fil-punti 255 sa 276 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġabret fil-qosor l-elementi rilevanti tad-Deċiżjoni kkontestata għall-eżami tal-ewwel aggravju mressaq quddiemha. Il-punt 275 tal-imsemmija sentenza jipprovdi kif ġej: “Jirriżulta minn dak li ntqal li hu fuq il-bażi tal-omoġeneità tal-prodott, tat-trasparenza tas-suq kif ukoll tal-użu ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet li ma kinitx teżisti pożizzjoni dominanti kollettiva”. |
152 |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza stħarrġet diversi taqsimiet tad-Deċiżjoni kkontestata sabiex tivverifika jekk din kienx fiha motivazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat n-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq inkwistjoni u wieġbet f’kull każ fin-negattiv. |
153 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox eżaminat it-taqsima tad-Deċiżjoni kkontestata li tittratta b’mod partikolari t-trasparenza tas-suq. F’dan ir-rigward, hija indikat, b’mod partikolari, fil-punti 289, 290 u 294 tas-sentenza appellata, dan li ġej:
[…]
|
154 |
Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement eżaminat l-iżviluppi li jinsabu fid-Deċiżjoni kkontestata dwar eventwali “politika komuni tal-prezzijiet” bejn il-majors u analizzathom, fil-punti 295 sa 324 tas-sentenza appellata, sabiex tfittex indizji li jistgħu jispjegaw l-insuffiċjenza allegata ta’ trasparenza fis-swieq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari għamlet il-konklużjonijiet segwenti:
[…]
[…]
|
155 |
Il-punt 411 tas-sentenza kkontestata jistipola s-segwenti: “Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tabilħaqq sostniet li hija kienet eżaminat l-iskontijiet tal-kumpanniji prinċipali l-oħra, iżda li, billi dawn il-figuri ma setgħux jiġu żvelati lill-partijiet fil-konċentrazzjoni, kien impossibbli li jiġu inklużi fid-deċiżjoni [kkontestata]. Dan l-argument ma jistax madankollu jiġi aċċettat.” |
156 |
Il-punt 530 tas-sentenza appellata jgħid hekk: “Jirriżulta mill-premessa 157 tad-deċiżjoni [kkontestata], u b’mod partikolari mill-aħħar sentenza tagħha, li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-konċentrazzjoni ma tirrappreżentax bidla suffiċjentement sostanzjali biex tirriżulta fil-ħolqien probabbli ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva hija espressament ibbażata fuq il-kundizzjonijiet relattivi għat-trasparenza tas-suq u għall-miżuri ta’ ritaljazzjoni.” |
L-argumenti tal-partijiet
157 |
L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li s-sistema Komunitarja ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 10(6) tar-Regolamenti, timpedixxi lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla deċiżjoni li tapprova tali konċentrazzjoni minħabba motivazzjoni insuffiċjenti. |
158 |
Alternattivament, l-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat rekwiżiti ta’ motivazzjoni eċċessivament għoljin, fatt li huwa inkompatibbli mal-ġurisprudenza stabbilita u li ma jieħux inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari u n-natura tal-proċeduri għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat meta imponiet fuq il-Kummissjoni tispjega għaliex tbiegħdet mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
159 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat, fl-eżami tagħha tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kuntest partikolari ta’ deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni. Dwar dan, l-appellanti jressqu diversi argumenti. L-ewwel, huma jikkunsidraw li għandhom jiġu imposti rekwiżiti inqas għoljin fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni milli fir-rigward ta’ dik ta’ deċiżjoni li tipprojbixxi tali konċentrazzjoni. It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset b’mod żbaljat milli teżamina l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata mil-lat tal-professjonijiet infurmati sewwa tas-settur. It-tielet nett, il-qosor tat-terminu li jissepara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet minn deċiżjoni li tapprova konċentrazzjoni jitlob ċertu miżura ta’ kontroll fl-istħarriġ tal-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni. Ir-raba’ nett, il-fatt li l-appellanti huma awtorizzati jimplementaw il-konċentrazzjoni nnotifikata għandu jkun ta’ ostakolu għall-annullament tad-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjoni minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Il-ħames nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 411 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi billi obbligat lill-Kummissjoni tippublika dettalji fuq il-prezzijiet u l-iskontijiet, fid-dawl tan-natura kunfidenzjali u sensittiva tagħhom. |
160 |
F’kull każ, kuntrarjament għall-evawlazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’istanza, ġurisprudenza kostanti tissuġġerixxi, skont l-appellanti, li d-Deċiżjoni kkontestata hija mmotivata b’mod adatt peress illi din ippermettiet lil Impala tivverifika l-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. F’dan ir-rigward, l-appellanti jsostnu b’mod partikolari li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza li d-Deċiżjoni kkontestata kienet insuffiċjentement immotivata hija diffiċilment kompatabbli mal-evalwazzjoni tagħha li l-imsemmija deċiżjoni hija vvizjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. |
161 |
Fl-aħħar nett, l-appellanti jsostnu li l-eżami mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata huwa vviżjat mill-użu ta’ rekwiżit ta’ prova żbaljat, in-nuqqas ta’ osservanza tal-portata korretta tal-istħarriġ ġudizzjarju u l-applikazzjoni ta’ kriterju żbaljat fir-rigward tat-trasparenza. |
162 |
Bla ħsara għall-eċċezzjoni ġenerali tagħha ta’ inammissibbiltà, Impala ssostni, fl-ewwel lok, li l-appellanti ma jistgħux jgħollu għal-livell ta’ regola ġenerali l-klawżola ta’ eċċezzjoni li tikkostitwixxi l-Artikolu 10(6) tar-Regolament. Fit-tieni lok, skont Impala, l-appellanti b’mod żbaljat jallegaw, essenzjalment, li l-Artikolu 253 KE jista’ jiġi applikat jew le skont jekk deċiżjoni li tikkonċerna konċentrazzjoni proposta hijiex negattiva jew pożittiva. Fit-tielet lok, Impala ssostni li l-livell ta’ motivazzjoni rikjest jiddependi mill-kuntest u mill-qafas ġuridiku li fih att partikolari huwa adottat. Il-fatt li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni jkunu adattati skont it-tip ta’ kawża kkunsidrata huwa għal kollox konformi ma’ dan il-prinċipju. Issa, f’dan il-każ, din hija kawża li fiha l-proċeduri formali kienu miftuħa u li tinvolvi oppożizzjoni serja minn naħa ta’ parti terza u dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
163 |
F’dak li jikkonċerna l-argumenti sussidjarji tal-appellanti dwar il-livell ta’ motivazzjoni applikat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, Impala ssostni, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tillimita ruħha sabiex issemmi estratti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tenfasizza l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata u l-inkoerenzi intrinsiċi f’din tal-aħħar u tibbaża l-konstatazzjoni tagħha ta’ din l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni fuq l-argumenti esposti fid-Deċiżjoni kkontestata stess u mhux b’paragun ma’ dawk żviluppati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, Impala tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tqis il-kuntest tal-proċeduri għall-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. |
164 |
Barra minn hekk, mill-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet f’miżura li twettaq eżami eżawrjenti tad-Deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-motivazzjoni tagħha kienet suffiċjenti. Skont Impala, huwa ferm evidenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kinitx f’pożizzjoni li tifhem b’mod partikolari għaliex, minkejja li l-provi wrew l-eżistenza ta’ trasparenza suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti kollettiva, il-Kummissjoni madankollu kkonkludiet li l-provi tat-trasparenza kienu insuffiċjenti, għaliex l-iskontijiet promozzjonali kienu inqas trasparenti mit-tipi l-oħra ta’ skontijiet. Skont Impala, il-motivi veri tad-Deċiżjoni kkontestata jibqgħu mhux magħrufa. |
165 |
F’dak li jikkonċerna l-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 61 ta’ din il-kawża, Impala ssostni li l-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar ċerti aspetti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq eżami fid-dettall tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni, iżda, fuq kollox, fuq l-inkoerenzi interni tad-Deċiżjoni kkontestata stess. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
166 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni li tkun adottat l-att b’tali mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, inkwantu l-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 253 għandha tiġi evalwata mhux biss b’riferiment għall-kliem użat fiha, iżda wkoll għall-kuntest tagħha kif ukoll għar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/05, Ġabra p. I-1719, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju Il-Portugall vs Il-Kummissjoni C-42/01, Ġabra p. I-6079, punt 66, kif ukoll tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C-390/06, Ġabra p. I-2577, punt 79). |
167 |
Madankollu, l-istituzzjoni li tkun adottat l-att mhijiex obbligata tieħu pożizzjoni fuq elementi li bla dubju ta’ xejn huma sekondarji jew li tantiċipa oġġezzjonijiet potenzjali (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni, magħrufa bħala “Feta”, C-465/02 u C-466/02, Ġabra p. I-9115, punt 106). Barra minn hekk, il-livell ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonat mal-possibbiltajiet materjali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ terminu li fihom din għandha tittieħed (ara s-sentenzi tal-1 ta’ Diċembru 1965, Schwarze, 16/65, Ġabra p. 1081, 1096 u 1097, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 16). Għaldaqstant, il-Kummissjoni lanqas ma tikser l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikanti jew kjarament sekondarji għall-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64). Tali rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ħeffa u t-termini stretti ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jiffurmaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri għall-kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet. |
168 |
Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma toħloqx jew ma ssaħħaħx pożizzjoni dominanti li b’riżultat tagħha kompetizzjoni effettiva tkun ostakolata b’mod sinjifikattiv fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu. |
169 |
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tar-Regolament, tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha mqajma quddiemha, inkluż dawk li bla dubju ta’ xejn huma sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħti, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha turi l-fatti u l-kunsiderazzjonjijiet ġuridiċi ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-deċiżjoni. Barra minn hekk, il-motivazzjoni għandha tkun loġika, u ma jkollhiex b’mod partikolari kuntradizzjoni interna (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1962, Geitling et vs L-Awtorità Għolja, 13/60, Ġabra p. 165, 221; tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 78; tas-7 ta’ Lulju 1981, Rewe-Handelsgesellschaft Nord u Rewe-Markt Steffen, 158/80, Ġabra p. 1805, punt 26, kif ukoll tas-17 ta’ Mejju 1988, Arendt vs Il-Parlament, 28/87, Ġabra p. 2633, punti 7 u 8). |
170 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet imqajma mill-appellanti fil-kuntest tas-sitt aggravju. |
171 |
L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova konċentrazzjoni ma tistax tkun annullata minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni. Dawn jibbażaw ruħhom b’mod partikolari f’dan ir-rigward fuq l-Artikolu 10(6) tar-Regolament. |
172 |
Mill-punt 49 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża sabiex tiżgura ċ-ċertezza leġali fil-każ fejn, eċċezzjonalment, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni fit-terminu previst. Għaldaqstant, l-impriżi kkonċernati huma ħielsa li jimplementaw il-konċentrazzjoni tagħhom meta jkun hemm approvazzjoni taċita. |
173 |
Kif Impala rrilevat, l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-Artikolu 10(6) tar-Regolament jħallu x’wieħed jifhem li d-deċiżjonijiet li japprovaw konċentrazzjonijiet m’għandhomx għalfejn ikunu mmotivati, peress illi dawn ma jistgħux ikunu kkontestati minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. |
174 |
Issa, għandu jiġu mfakkar li nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ natura li jikser l-Artikolu 253 KE jaqa’ taħt il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali fis-sens tal-Artikolu 230 KE, u jikkostitwixxi barra minn hekk motiv li jista’, u anki għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti Komunitarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 24). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, test tad-dritt Komunitarju sekondarju għandu jiġi interpretat, safejn huwa possibbli, f’sens li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Schutzverband der Spirituosen-Industrie, C-457/05, Ġabra p. I-8075, punt 22 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 10(6) tar-Regolament għandu jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-Artikoli 230 KE u 253 KE. |
175 |
Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 49 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Artikolu 10(6) jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-iskema ġenerali tar-Regolament, li tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikoli 6(1) u 8(1) tiegħu, li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha tiddeċiedi espressament fuq il-konċentrazzjonijiet li huma nnotifikati lilha, u dan kemm jekk id-deċiżjoni tkun negattiva kif ukoll jekk tkun pożittiva. Għaldaqstant, mhux biss l-Artikolu 10(6) ma jistax jifforma l-bażi ta’ preżunzjoni ġenerali favur il-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjonijiet mas-suq komuni, iżda ma jistax iservi lanqas ta’ bażi għal eċċezzjoni għall-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità ta’ deċiżjoni li tapprova tali konċentrazzjoni minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, ir-rekwiżit leġittimu ta’ ċertezza legali f’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, rifless f’ din l-imsemmija dispożizzjoni, ma jistax iwassal sal-punt li jsekludi kompletament jew parzjalment, id-deċiżjonijiet dwar konċentrazzjoni mill-istħarriġ tal-qorti Komunitarja. |
176 |
L-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-Artikolu 10(6) tar-Regolament għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda. |
177 |
Alternattivament, l-appellanti jsostnu, b’ mod partikolari, li, peress illi d-Deċiżjoni kkontestata ppermettiet lil Impala tivverifika l-motivazzjoni tal-approvazzjoni inkwistjoni u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istġarriġ ġudizzjarju tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonformatx ruħha mal-ġurisprudenza kostanti tal-qrati Komunitarji dwar ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni. |
178 |
F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punt 166 ta’ din is-sentenza, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 253 KE hija intiża sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha, u min-naħa l-oħra, li dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skont in-natura tal-att inkwistjoni u tal-kuntest li fih dan ġie adottat (ara, ukoll, is-sentenzi tas-7 ta’ April 1987, SISMA vs Il-Kummissjoni, 32/86, Ġabra p. 1645, punt 8; tal-4 ta’ Ġunju 1992, Consorgan vs Il-Kummissjoni, C-181/90, Ġabra p. I-3557, punt 14; tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C-22/94, Ġabra p. I-1809, punti 39 sa 41; tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-114/00, Ġabra p. I-7657, punti 62 u 63; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni, C-195/99 P, Ġabra p. I-10937, punt 110, kif ukoll Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’ il fuq, point 372). |
179 |
F’ dan il-każ huwa veru li ċertu disproporzjonar fid-Deċiżjoni kkontestata bejn il-preżentazzjoni tal-elementi intiżi sabiex juru trasparenza suffiċjenti u dik tal- influwenza tal-iskontijiet promozzjonali, li juru l-kontra ta’ tali trasparenza, jista’ jidher ta’ sfortuna. Madankollu, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-kuntest li fih id-Deċiżjoni kkontestata ġiet adottat, ikkaratterizzat b’ mod partikolari mill-perijodu ta’ żmien qasir bejn, minn naħa, ir-risposta bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kif ukoll is-seduta quddiem il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, it-tmiem tal-proċeduri formali u, it-tieni nett, tar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza esposta fil-punti 166 sa 169 ta’ din is-sentenza, b’ mod partikolari l-punti 166 u 167 tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet naqset, f’ dan il-każ, mill-obbligu li timmotiva b’ mod suffiċjenti d-Deċiżjoni kkontestata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1981, Krupp Stahl vs Il-Kummissjoni, 275/80 u 24/81, Ġabra p. 2489, punt 13, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 1985, L-Olanda u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni, 296/82 u 318/82, Ġabra p. 809, punt 21). |
180 |
Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-Deċiżjoni kkontestata turi r-raġunament segwit mill-Kummisjoni sabiex tippermetti li tiġi kkontestata ulterjurament, kif għamlet Impala, l-fondatezza tagħha quddiem il-qorti kompetenti. F’ dan ir-rigward ikun eċċessiv li tiġi meħtieġa, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 289 tas-sentenza appellata, deskrizzjoni dettaljata ta’ kull wieħed mill-aspetti li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni kkontestata, bħan-natura tal-iskontijiet promozzjonali, iċ-ċirkustanzi li fihom dawn setgħu jiġu applikati, grad ta’ opaċità tagħhom, il-kobor tagħhom jew l-impatt tagħhom fuq it-trasparenza tal-prezzijiet (ara f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags vs Il-Kummissjoni C-286/98 P, Ġabra p. I-9925, punti 59 sa 61, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 108). Dan huwa iktar u iktar il-każ għaliex Impala kienet, kif jirriżulta b’ mod partikolari mill-punti 7 u 10 tas-sentenza appellata, strettament implikata fil-proċeduri formali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra p. I-7997, punt 29, u tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-303/01, Ġabra p. I-7655, punt 50) u setgħet ukoll perfettament tikkontesta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-validità tal-evalwazzjoni dwar il-mertu magħmula mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata. |
181 |
Fit-tieni lok, hekk kif jirriżulta b’ mod partikolari mill-punti 275, 289 u 530 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet taf bir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ddeċidiet li tapprova l-konċentrazzjoni inkwistjoni. Fuq kollox hija ddedikat numru ta’ punti fis-sentenza tagħha għall-analiżi tal-fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet. Issa, għandu jiġi mfakkar f’ dan ir-rigward li l-obbligu li jiġu mmotivati deċiżjonjiet jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress illi din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-miżura inkwistjoni (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar’ il fuq, punt 67, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu u 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-310/99, Ġabra p. I-2289, punt 48). Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi huma vvizjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati. Għaldaqstant, ma jistax jiġi allegat li kien impossibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza Chronopost u La Postevs UFEX et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 112). |
182 |
Għalhekk hemm lok li jiġi milqugħ is-sitt aggravju mqajjem mill-appellanti, mingħajr mhemm bżonn li ttieħed deċiżjoni dwar l-oġġezzjonijiet esposti fil-punti 158, 159 u 161 ta’ din is-sentenza. |
183 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoijiet kollha li jippreċedu, hemm lok li dan l-appell jiġi ddikjarat bħala fondat. |
Fuq l-appell inċidentali allegat
184 |
Ir-risposta tal-Kummissjoni tinkludi taqsima distinta li tinkludi “osservazzjonijiet supplimentari” fuq “il-motivi essenzjali” tad-Deċiżjoni kkontestata. Hemmhekk, il-Kummissjoni tissottometti li fil-punti 474 u 476 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kklasifikat ħażin il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni bħala motiv essenzjali tal-imsemmija deċiżjoni. Skont il-Kummissjoni, jekk f’ dawn il-proċeduri kellu jiġi deċiż illi l-konstatazzjonijiet magħmula fid-Deċiżjoni kkontestata fir-rigward tan-nuqqas ta’ trasparenza tas-suq ma kinux ivvizjati bi żball ta’ liġi, l-imsemmija deċiżjoni jkollha tiġi ddikjarata legali, irrispettivament minn jekk din kienx fiha jew le żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-miżuri ta’ ritaljazzjoni. |
185 |
Impala interpretat dawn l-iżviluppi li jinsabu fir-risposta tal-Kummissjoni bħala appell inċidentali u wieġbet għalihom b’ dokument separat, tat-23 ta’ Marzu 2007, billi invokat l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement, il-partijiet ġew awtorizzati jippreżentaw dokumenti oħra dwar dan, fejn l-aħħar wieħed ġie ddepożitat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2007, filwaqt li tħalliet miftuħa l-kwistjoni dwar jekk Impala kellhiex id-dritt tinvoka l-imsemmi Artikolu 117(2). |
186 |
Il-kwalifika ta’ argument bħala appell inċidentali teżiġi, skont l-Artikolu 117(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li l-parti li tinvokah tkun trid tikseb l-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza appellata fuq raġuni li ma kienx tqajjem fl-appell. Sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il-każ f’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata d-diċitura, l-għan u l-kuntest tas-silta inkwistjoni fir-risposta tal-Kummissjoni. |
187 |
Issa, għandu jiġi enfasizzat f’ dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma tuża fl-ebda parti fir-risposta tagħha l-espressjoni “appell inċidentali”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wkoll indikat b’mod ċar matul il-proċeduri, b’ mod partikokarti fis-seduta, li hija bl-ebda mod ma kellha l-intenzjoni tressaq appell inċidentali permezz tal-“osservazzjonijiet supplimentari” tagħha. |
188 |
F’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija osservazzjonijiet ma jikkostitwixxux appell inċidentali. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li ssostni Impala, mhemmx lok li ttitieħed pożizzjoni fir-rigward tagħhom. |
Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza
189 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tista’ allura jew tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha. |
190 |
Peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat biss tnejn mill-ħames motivi invokati minn Impala insostenn tar-rikors tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li din il-kawża mhijiex fi stat li tiġi deċiża. Għaldaqstant, hemm lok li l-kawża tiġi rinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. |
191 |
Peress li l-kawża għandha tiġi rinvijata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hemm lok li jiġu rriżervati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
Sentenza |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.