Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2008 - Kurt vs Bürgermeister der Stadt Wels

(Kawża C-104/08)

“Artikoli 92(1) u 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Libertajiet fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Kundizzjoni ta’ diploma prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-għoti ta’ liċenzja għal operazzjoni ta’ skola tas-sewqan – Diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini ta’ Stat Membru fil-konfront ta’ ċittadini minn Stati Membri oħra”

1.                     Moviment liberu tal-persuni – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Inapplikabbiltà f’sitwazzjoni purament interna ta’ Stat Membru (Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE) (ara l-punti 19-24 u d-dispożittiv 1)

2.                     Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti (Artikolu 234 KE) (ara l-punti 27-28)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich – Interpretazzjoni tal-prinċipji fundamentali tat-Trattati KE u UE u tal-libertajiet fundamentali li jirriżultaw minnhom, kif ukoll tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-istabbiliment, operazzjoni u amministrazzjoni ta’ skola ta’ sewqan u li tipprovdi għal kundizzjoni ta’ diploma – Diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini ta’ Stat Membru fil-konfront ta’ ċittadini minn Stati Membri oħra li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u li mhumiex neċessarjament suġġetti għall-kundizzjoni li jkollhom diploma

Dispożittiv

1)

L-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrifjuta, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali miksuba minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru bħala ekwivalenti għall-pussess tad-diploma mitluba mill-imsemmija leġiżlazzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju f’dan l-Istat Membru ta’ attività indipendenti ta’ skola ta’ sewqan.

2)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għat-tieni u t-tielet domandi mressqa mill-Unabhängiger Verwaltungssenat des Landes Oberösterreich.