KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2008 ( 1 )

Kawża C-121/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2001/18/KE — Rilaxx intenzjonat fl-ambjent u tqegħid fis-suq ta’ GMOs — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 228 KE — Eżekuzzjoni fil-mori tal-kawża — Sanzjonijiet pekunjarji”

I — Introduzzjoni

1.

Il-proċeduri preżenti tressqu mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 228 KE. Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża naqset milli teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004 fil-Kawża C-419/03, Il-Kummissjoni vs Franza ( 2 ). Il-Kummissjoni inizjalment talbet li penalità ta’ EUR 366744 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 mill-ġurnata li tingħata s-sentenza f’din il-kawża sal-ġurnata li fiha tiġi eżegwita għal kollox is-sentenza fil-Kawża C-419/03 tiġi imposta fuq ir-Repubblika Franċiża. Minnbarra dan, il-Kummissjoni titlob li jiġi impost fuq ir-Repubblika Franċiża l-ħlas ta’ somma f’daqqa.

2.

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-419/03, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Franċiża, billi naqset milli tadotta fit-terminu preskritt, il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tittrasponi fil-liġi nazzjonali tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE ( 3 ) li huma differenti jew li jmorru lil hinn minn dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, fuq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament ( 4 ), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2001/18.

3.

Id-Direttiva 2001/18 għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, meta organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem “GMOs”) jiġu rilaxxati b’mod intenzjonat fl-ambjent għal kwalunkwe għan ieħor għajr sabiex jitpoġġew fis-suq fil-Komunità u meta GMOs jitpoġġew fis-suq bħala prodotti jew fi prodotti fil-Komunità ( 5 ).

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-Direttiva 2001/18

4.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/18 intitolat “Ġestjoni ta’ modifiki u informazzjoni ġdida” jipprovdi:

“1.   F’każ ta’ xi modifika ta’, jew bidla mhux mistennija, tar-rilaxx intenzjonat ta’ GMO jew tagħqid ta’ GMOs li jista’ jkollhom konsegwenzi dwar riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent wara li l-awtorità kompetenti tat il-kunsens tagħha bil-miktub, jew jekk ikun hemm disponibbli informazzjoni ġdida fuq dawn ir-riskji, jew waqt li qed tiġi eżaminata notifika minn l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru jew wara li dik l-awtorità tat il-kunsens tagħha bil-miktub, in-notifikant għandu immedjatament:

(a)

jieħu l-miżuri neċessarji biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

(b)

jinforma ’l awtorità kompetenti minn quddiem bi kwalunkwe modifika jew malajr kemm jista’ jkun hekk kif il-bidla mhux intenzjonata ssir magħrufa jew tkun disponibbli l-informazzjoni l-ġdida;

(c)

jirrevedi l-miżuri speċifikati fin-notifika.

2.   Jekk informazzjoni ssir disponibbli lill-awtorità kompetenti riferita fil-paragrafu 1 li jista’ jkollha konsegwenzi sinifikanti dwar riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent jew f’ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tevalwa din l-informazzjoni u tagħmilha disponibbli lil pubbliku. Tista’ tinħtieġ li n-notifikant jimmodifika l-kondizzjonijiet ta’, jissospendi jew itemm ir-rilaxx intenzjonat u jinforma lil pubbliku b’dan kollu”.

5.

L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18 intitolat “Kunsens” jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skond leġislazzjoni oħra tal-Komunità, jekk kunsens bil-miktub biss ġie mogħti għat-tpoġġija fis-suq ta’ GMO bħal jew fi prodott jista’ dak il-prodott jiġi użat mingħajr notifika ulterjuri fil-Komunità...

2.   In-notifikant jista’ jipproċedi bit-tpoġġija fis-suq biss meta jkun irċieva l-kunsens bil-miktub ta’ l-awtorità kompetenti skond l-Artikoli 15, 17 u 18, u konformi ma’ kwalunkwe kondizzjoni rikjesta f’dak il-kunsens. …”

6.

L-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18 intitolat “Klawżola ta’ salvagwardja” jipprovdi:

“Fejn Stati Membru, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponnibli mid-data tal-kunsens u taffetwa l-stima ta’ riskju ambjentali jew eżami mill-ġdid ta’ informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali, għandhu raġunijiet iktar dettaljati biex tikkunsidra li GMO bħal jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ dik l-GMO bħal jew fi prodott fit-territorju tagħhom.

L-Istat Membru għandu jassigura li fil-każ ta’ riskju gravi, miżuri ta’ emerġenza, bħal sospensjoni jew terminazzjoni ta’ tpoġġija fis-suq, jiġu applikati, inkluż informazzjoni lill-pubbliku.

L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lil Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u tagħti ir-reviżjoni ta’ stima ta’ riskju ambjentali, u tindika jekk u kif il-kondizzjonijiet tal-kunsens għandhom jiġu emendati jew il-kunsens għandu jiġi mitmum, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha hija bbażata id-deċiżjoni tagħha”.

7.

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mill-17 ta’ Ottubru 2002...”

8.

L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi:

“1.   Id-Direttiva 90/220/KEE għandha tiġi mħassra fis-17 ta’ Ottubru 2002.

2.   Riferenzi li jsiru għad-Diettiva mħassra għandhom jiġu mfissra li saru lil din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond il-kaxxa ta’ korrelazjoni fl-Anness VIII”.

B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9.

L-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi Ambjentali Franċiż (iktar ’il quddiem “il-Kodiċi”) jipprovdi:

“L-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea taħt liġijiet adottati minn dawn l-Istati jew minn Stati oħra li huma partijiet kontraenti tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea skont id-Direttiva Nru 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 huma kkunsidrati bħala li jirrapreżentaw awtorizzazzjoni taħt dan il-Kapitolu.

Madankollu, meta jkun hemm raġunijiet validi sabiex jiġi kkunsidrat li prodott awtorizzat minn Stat Membru ieħor jew minn Stat kontraenti ieħor jippreżenta riskji għas-saħħa pubblika jew l-ambjent, l-awtorità amministrattiva tista’ tillimita jew tipprojbixxi temporanjament l-użu jew tqegħid fis-suq ta’ dan il-prodott”.

10.

L-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi, li jinsab fil-Kapitolu V tat-Titolu III tal-Kodiċi jipprovdi:

“I. —

F’kull każ fejn evalwazzjoni ġdida tar-riskji kkawżati mill-preżenza ta’ organiżmi modifikati ġenetikament għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent tiġġustifika dan, l-awtorità amministrattiva tista’, għall-ispejjeż tad-detentur jew detenturi tal-awtorizzazzjoni tal-organiżmi modifikati ġenetikament:

1

tissospendi l-awtorizzazzjoni sakemm ikollha informazzjoni ulterjuri u, jekk ikun hemm bżonn, tordna li l-prodotti jitneħħew mill-bejgħ, jew l-użu tagħhom jiġi pprojbit;

2

timponi modifiki għall-kundizzjonijiet ta’ rilaxx intenzjonat;

3

tirrevoka l-awtorizzazzjoni;

4

tordna d-distruzzjoni tal-organiżmi modifikati ġenetikament u, f’każ li benefiċjarju jew detentur tal-awtorizzazzjoni ma jagħmilx dan, tipproċedi bid-distruzzjoni ex officio.

II. —

Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ emerġenza, dawn il-miżuri jistgħu jiġu implementati biss jekk il-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu jew tagħha”.

11.

L-Artikolu L537-1 tal-Kodiċi li jinsab taħt it-Titolu III tiegħu jipprovdi:

“Il-miżuri għall-applikazzjoni tal-Kapitoli III, V u VI ta’ dan it-Titolu huma stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Conseil d’État”.

12.

L-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358 tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar ir-rilaxx intenzjonat għal kwalunkwe għan ieħor għajr sabiex jitqiegħdu fis-suq prodotti magħmula totalment jew in parti minn organiżmi modifikati ġenetikament jipprovdi:

“Jekk l-awtorità amministrattiva kompetenti jkollha informazzjoni dwar elementi ġodda li jistgħu jkollhom konsegwenzi sinjifikanti fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, dik l-awtorità għandha twettaq evalwazzjoni ġdida tar-riskji u tagħmel dawk l-elementi disponibbli għall-pubbliku.

Skond l-Artikolu L535-6 tal-Kodiċi, l-awtorità amministrattiva kompetenti tista’ teħtieġ lill-persuna responsabbli għar-rilaxx intenzjonat sabiex timmodifika l-kundizzjonijiet ta’, tissospendi jew ittemm ir-rilaxx intenzjonat u sabiex tinforma lill-pubbliku dwar dan”.

13.

L-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-359 tad-19 ta’ Marzu 2007 dwar il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li mhumiex intiżi għall-konsum magħmula totalment jew in parti minn organiżmi modifikati ġenetikament jipprovdi:

“L-awtorità amministrattiva kompetenti għandha tadotta l-miżuri pprovduti fil-paragrafu I tal-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi fuq bażi proviżorja. Fil-każ ta’ riskju kbir, dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati b’urġenza u l-pubbliku għandu jiġi infurmat dwar dan.

L-awtorità amministrattiva kompetenti għandha tinforma lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u lill-Istati Membri dwar il-miżuri adottati u għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, billi tagħti l-analiżi tagħha dwar ir-riskji ambjentali, billi tindika jekk il-kundizzjonijiet tal-kunsens għandhomx jiġu emendati jew jekk il-kunsens għandux jiġi tterminat, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqa hija bbażata d-deċiżjoni”.

III — Il-fatti li wasslu għall-kawża

A — Is-sentenza fil-Kawża C-419/03

14.

Il-punt 1 tad-dispożittiv fil-Kawża C-419/03 jipprovdi li “billi naqset milli tadotta fit-terminu preskritt, il-liġijiet, regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex tittrasponi fil-liġi nazzjonali tagħha d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 […] li huma differenti jew li jmorru lil hinn minn dawk tad-Direttiva 90/220/KEE […], ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 2001/18.”

B — Il-proċedura prekontenzjuża

15.

Fil-5 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi sabiex jinfurmawha dwar il-miżuri adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex teżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03. Fl-4 ta’ Frar 2005, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni li kienet ġiet imwaqqfa missjoni parlamentari għas-sejbien tal-fatti fuq il-GMOs u li r-Repubblika Franċiża kellha l-intenzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2001/18 fit-tmiem ta’ dik il-missjoni għas-sejbien tal-fatti. Fil-21 ta’ Frar 2005, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu d-Digriet Nru 2005-51 tas-26 ta’ Jannar 2005 lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Franċiżi kkunsidraw li d-digriet inkwistjoni kien jikkontribwixxi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18.

16.

Fit-13 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 228 KE lir-Repubblika Franċiża li fiha infurmat lil dak l-Istat Membru li l-miżuri adottati ma kinux suffiċjenti sabiex tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03. Il-Kummissjoni indikat li setgħu jiġu imposti penalitajiet finanzjarji għal każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u imponiet terminu ta’ xaharejn għar-Repubblika Franċiża sabiex tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03. Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija fit-22 ta’ Settembru 2005 mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża fid-19 ta’ Diċembru 2005 li fiha qalet li, peress li naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03, dak l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 228(1) KE. Il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Franċiża tikkonforma ruħha ma’ dik l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xaharejn mid-data meta rċevietha.

17.

Fl-20 ta’ Frar 2006, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw lill-Kummissjoni t-test ta’ abbozz ta’ liġi ntiża biex tittrasponi d-Direttiva 2001/18 (iktar ’il quddiem, l-“abbozz ta’ liġi 2006”), li kienet mistennija li tiġi adottata fit-tmiem tat-tieni trimestru tal-2006. Fit-8 ta’ Mejju 2006, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni li l-abbozz ta’ liġi 2006 kien ġie adottat mis-Senat fit-23 ta’ Marzu 2006 u ntbagħat lill-Assemblea Nazzjonali (Assemblée nationale) fl-24 ta’ Marzu 2006. Peress li l-Kummissjoni kienet ta l-opinjoni li r-Repubblika Franċiża kienet għadha ma eżegwietx is-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03, il-Kummissjoni ressqet il-proċeduri preżenti fit-28 ta’ Frar 2007.

IV — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-iżviluppi fil-proċeduri preżenti

18.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

“—

tiddikjara li, billi naqset milli tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] mogħtija fil-Kawża C-419/03 dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18/KE […] li huma differenti jew li jmorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE […], ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) [KE];

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas fil-kont tal-Kummissjoni imsejjaħ “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea” penalità perjodika ta’ EUR 366744 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 mill-ġurnata tal-għoti ta’ din is-sentenza sa meta tkun ġiet eżegwita għal kollox is-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03;

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas fil-kont tal-Kummissjoni imsejjaħ “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea” somma f’daqqa ta’ EUR 46660 għal [kull] ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 jew:

sa meta s-sentenza fil-Kawża C-419/03 tkun ġiet eżegwita għal kollox (jekk dak ikun il-każ qabel ma tinqata’ s-sentenza f’din il-kawża), jew

sa meta tinqata’ s-sentenza f’din il-kawża (jekk is-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 ma tkunx ġiet eżegwita għal kollox f’dak iż-żmien);

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż”.

19.

Il-Gvern Franċiż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

“tiddikjara li r-Repubblika Franċiża temmet il-ksur misjub fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, u konsegwentement tiċħad it-talbiet tal-Kummissjoni li r-Repubblika Franċiża tiġi ordnata tħallas penalità u somma f’daqqa u tordna li l-Kummissjoni għandha tħallas l-ispejjeż. Jekk madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-Repubblika Franċiża għandha tiġi ordnata tħallas somma f’daqqa, dan l-Istat Membru jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ li għandhom iwasslu lill-Qorti biex tiffissa ammont ħafna iktar baxx minn dak fissat mill-Kummissjoni”.

20.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 2007, ir-Repubblika Ċeka ġiet awtorizzata tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża. Ir-Repubblika Ċeka ma ppreżentat ebda sottomissjonijiet bil-miktub jew orali fil-proċeduri preżenti.

21.

Fl-20 ta’ Marzu 2007, l-awtoritajiet Franċiżi infurmaw lill-Kummissjoni permezz ta’ ittra li dakinhar kienu ġew ippublikati tliet digrieti u tliet ordnijiet fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Franċiża sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2001/18. Id-digrieti u l-ordnijiet inkwistjoni ġew annessi mad-difiża tar-Repubblika Franċiża fil-proċeduri preżenti.

22.

Fid-difiża tiegħu u fis-sottomissjonijiet orali, il-Gvern Franċiż jammetti li fiż-żmien meta r-rikors ġie ppreżentat fil-proċeduri preżenti, ma kienx adotta l-miżuri neċessarji sabiex jeżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03.

23.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li minkejja t-traspożizzjoni ta’ ħafna dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18 mid-digrieti u ordnijiet imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq, l-Artikoli 8(2), 17(1), 17(2), 17(9), 19 u 23 ta’ dik id-direttiva għadhom iridu jiġu trasposti. B’hekk, fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tnaqqas l-ammont tal-penalità għal kull ġurnata ta’ dewmien proposta minnha fil-punt 18 iktar ’il fuq skont kemm tkun ġiet eżegwita s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza,

tbiddel, skont kemm tkun ġiet eżegwita s-sentenza inkwistjoni, l-ammont tas-somma f’daqqa msemmija fil-punt 18 iktar ’il fuq iżda biss fir-rigward ta’ dik il-parti li tikkorrispondi għall-perijodu li għadda mill-21 ta’ Marzu 2007 ( 6 ) jew:

sa meta tkun ġiet eżegwita għal kollox is-sentenza fil-Kawża C-419/03 Il-Kummissjoni vs Franza (jekk dan iseħħ qabel ma tingħata s-sentenza fil-proċeduri preżenti); jew

sa meta s-sentenza fil-proċeduri preżenti tingħata (jekk f’dak iż-żmien is-sentenza fil-Kawża C-419/03 Il-Kummissjoni vs Franza ma tkunx ġiet eżegwita għal kollox).

24.

Fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008, li fiha l-Kummissjoni u l-Gvern Franċiż ippreżentaw sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Artikolu 17(1), 17(2) u 17(9) tad-Direttiva 2001/18 kien ġie traspost korrettement mir-Repubblika Franċiża.

V — Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

25.

Skond ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ referenza sabiex jiġi evalwat jekk kienx hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt l-Artikolu 228 KE hija d-data ta’ skadenza tal-perijodu preskritt fl-opinjoni motivata maħruġa taħt dik id-dispożizzjoni ( 7 ). Fil-każ preżenti, hu paċifiku li, fid-data ta’ skadenża tal-perijodu msemmi fl-opinjoni motivata indirizzata lilha fid-19 ta’ Diċembru 2005, ir-Repubblika Franċiża kienet għadha ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03.

26.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li tiġi eżegwita s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

VI — Penalitajiet finanzjarji

A — Kunsiderazzjonijiet preliminari

27.

Peress li l-Kummissjoni qed tipprova tikseb, inter alia, l-impożizzjoni, fuq ir-Repubblika Franċiża, ta’ pagament ta’ penalità, għandu jiġi stabbilit jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi kompliex sa l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 8 ). Huwa għalhekk neċessarju li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Franċiża ppersistietx fin-nuqqas tagħha milli tittrasponi l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 19 u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18.

B — Portata tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03

1. L-Argumenti tal-partijiet

28.

Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Franċiżi, fil-proċeduri prekontenzjużi li seħħew qabel dawn il-proċeduri, iddikjaraw li kien jeħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18 jiġu trasposti permezz ta’ leġiżlazzjoni u mhux permezz ta’ strument regolatorju. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-Artikoli L531-1 sa L537-1 tal-Kodiċi jistabbilixxu l-ordinament legali applikabbli għall-GMOs u b’hekk jinsabu fit-taqsima leġiżlattiva tal-Kodiċi. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Gvern Franċiż naqas milli jindika fid-difiża tiegħu għaliex kien sussegwentement possibbli li d-Direttiva 2001/18 tiġi trasposta permezz ta’ strument regolatorju u mhux permezz ta’ leġiżlazzjoni u ssostni li l-Gvern Franċiż għandu jiġġustifika din il-bidla fl-approċċ.

29.

Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jittrasponu korrettement l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18. Il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi, li ma ġiex emendat u li jidħol fis-seħħ indipendentement minn kwalunkwe miżura ta’ applikazzjoni, inkluż, b’mod partikolari, l-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358, jikkonferixxi fuq l-awtoritajiet amministrattivi setgħat iktar wiesgħa ta’ intervent mis-setgħat ipprovduti mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18. Filwaqt li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi jagħti lill-awtoritajiet amministrattivi s-setgħa li jadottaw il-miżuri pprovduti mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18, dawk il-miżuri jistgħu jiġu adottati fl-ewwel lok, mingħajr ma l-pubbliku jiġi infurmat dwarhom u fit-tieni lok, fuq il-bażi ta’ sempliċi evalwazzjoni mill-ġdid tar-riskji u mhux fuq il-bażi ta’ informazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi sinjifikanti fir-rigward tar-riskji għas-saħħa pubblika u l-ambjent, kif ipprovdut mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18.

30.

Il-Kummissjoni ssostni li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jittrasponu totalment u b’mod korrett l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw GMOs fil-Komunità kollha. Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi jirreferi speċifikament għall-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 90/220 u b’hekk ma jiħux inkunsiderazzjoni l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 2001/18.

31.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jittrasponu korrettement il-klawżola ta’ salvagwardja kontenuta fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 li tawtorizza lil Stat Membru, taħt ċerti kundizzjonijiet, proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ GMOs fit-territorju tiegħu. Il-Kummissjoni tisħaq dwar il-fatt li sabiex tiġi invokata l-klawżola ta’ salvagwardja kontenuta fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, għandha tkun disponibbli informazzjoni ġdida jew addizjonali mid-data tal-kunsens jew irid ikun hemm informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali li jeħtieġ eżami mill-ġdid tal-informazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet korrispondenti taħt il-liġi Franċiża għandhom portata usa’ minn dik tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18. B’hekk l-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi, li jikkonċerna awtorizzazzjonijiet konċessi minn Stati Membri oħra, jippermetti l-limitazzjoni jew projbizzjoni tal-użu jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għal ‘raġunijiet validi’. L-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi li jikkonċerna l-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti Franċiżi, jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, “[f]’kull każ fejn evalwazzjoni ġdida tar-riskji kkawżati mill-preżenza ta’ organiżmi modifikati ġenetikament għas-saħħa pubblika jew l-ambjent tiġġustfika dan”, jissospendu awtorizzazzjoni, jimponu modifiki għall-kundizzjonijiet ta’ rilaxx intenzjonat, jirrevokaw awtorizzazzjoni jew, inter alia, jordnaw li l-GMOs jinqerdu. Minbarra dan, l-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-359 jippermetti evalwazzjoni mill-ġdid tar-riskji għall-ambjent fejn ma jkunx hemm informazzjoni ġdida jew addizzjonali u fejn ma jkunx hemm għarfien xjentifiku ġdid jew addizzjonali.

32.

Il-Gvern Franċiż isostni li skont l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2001/18 u l-Artikolu 249 KE, l-għażla dwar jekk direttiva għandhiex tiġi trasposta bl-adozzjoni ta’ strument leġiżlattiv jew regolatorju hija kwistjoni li taqa’ taħt l-ordinament legali intern ta’ kull Stat Membru. Skond il-Gvern Franċiż, il-Conseil constitutionnel ikkunsidra li liġi li fiha dispożizzjonijiet ta’ natura regolatorja mhijiex antikostituzzjonali. Minbarra dan, id-Digriet Nru 2007-358 u d-Digriet Nru 2007-359 ġew adottati in segwitu ta’ u f’konformità ma’ opinjoni tal-Conseil d’État.

33.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18 ġie traspost korrettement mill-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358 li jistabbilixxi, skont l-Artikolu L537-1 tal-Kodiċi, il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi. L-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358 jipprovdi, skont il-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18, li fejn l-awtorità amministrattiva kompetenti jkollha informazzjoni dwar elementi ġodda li jista’ jkollhom konsegwenzi sinjifikanti fir-rigward tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, dik l-awtorità għandha tagħmel evalwazzjoni ġdida tar-riskji u tagħmel dawk l-elementi disponibbli għall-pubbliku. F’ċirkustanzi bħal dawn, l-awtorità inkwistjoni tista’, skont l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi, timmodifika l-kundizzjonijiet ta’ rilaxx jew tissospendi jew tirrevoka l-awtorizzazzjoni għar-rilaxx u tinforma lill-pubbliku dwar dan.

34.

Il-Gvern Franċiż isostni li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18 ġie traspost korrettement. Minkejja l-fatt li l-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi jirreferi għar-rikonoxximent ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 90/220, dak l-artikolu tal-Kodiċi għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi wkoll għad-Direttiva 2001/18, peress li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi li referenzi li jsiru għad-Direttiva 90/220, li ġiet abrogata, għandhom jitqiesu li jkunu saru fir-rigward tad-Direttiva 2001/18. Minbarra dan, b’mod konformi mal-ġurisprudenza Franċiża, fejn att regolatorju jirreferi għal liġi li tkun ġiet irrevokata u sostitwita minn liġi li għandha l-istess suġġett, l-imħallef nazzjonali għandu jisosstitwixxi r-referenza għall-ewwel liġi permezz ta’ referenza għat-tieni liġi. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État, l-awtoritajiet amministrattivi huma meħtieġa jinterpretaw il-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-direttivi Komunitarji. Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li numru ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 2001/18 ġew rikonoxxuti fi Franza.

35.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra wkoll li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 ġie traspost korrettement. Il-Gvern Franċiż isostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mhemmx żewġ klawżoli ta’ salvagwardja taħt il-liġi Franċiża. Huwa jsostni li kulma jagħmel l-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi hu li jagħti lill-awtorità kompetenti s-setgħa li tissospendi awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru ieħor, filwaqt li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi jipprovdi l-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi imposta sospensjoni bħal din fir-rigward ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi skont l-Artikolu L533-5 tal-Kodiċi jew mogħtija minn Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha żball meta tikkunsidra li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi għandu portata wiesa’ wisq. Filwaqt li l-Artikolu L-535-2 ma jeħtieġx li ssir evalwazzjoni mill-ġdid fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida jew addizzjonali jew fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku addizzjonali, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li fin-nuqqas ta’ informazzjoni bħal din ir-riżultat ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ma jistax ikun differenti mill-evalwazzjoni inizjali li b’riżultat tagħha tkun ingħatat awtorizzazzjoni. Fir-rigward tal-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-359, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li d-dispożizzjoni tinkludi l-obbligu impost mill-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġu informati dwar il-miżuri adottati u jingħataw ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, filwaqt li jipprovdi l-evalwazzjoni mill-ġdid tiegħu tar-riskji ambjentali, jindika jekk il-kundizzjonijiet tal-kunsens għandhomx jiġu emendati jew jekk il-kunsens għandux jiġi tterminat, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata.

2. Evalwazzjoni

36.

Skond ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jirreferi għal dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet li jeżistu fl-ordinament legali domestiku tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mil-liġi Komunitarja ( 9 ). Għalhekk, nikkunsidra li l-argumenti mqajma mill-Gvern Franċiż fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tiegħu dwar problemi interni li kien hemm meta ġiet ippromulgata leġiżlazzjoni fuq GMOs ma jistgħux jiġu aċċettati sabiex jiġġustifikaw nuqqas milli jikkonforma ruħu mal-liġi Komunitarja u, b’mod partikolari, li jittrasponi korrettement id-Direttiva 2001/18 u jeżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03.

37.

Fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Gvern Franċiż għandu jindika għaliex jikkunsidra li l-adozzjoni ta’ strumenti regolatorji hija mezz adegwat ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 meta l-Gvern Franċiż preċedentement ikkunsidra li d-direttiva għandha tiġi trasposta kemm permezz ta’ leġiżlazzjoni kif ukoll permezz ta’ strument regolatorju.

38.

Skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’effett kjarament vinkolanti u bl-ispeċifiċità, preċiżjoni u ċarezza meħtieġa ( 10 ). Id-dispożizzjonijiet intiżi sabiex tiġi trasposta direttiva għalhekk għandhom joħolqu sitwazzjoni legali li hija suffiċjentement ċara, preċiża u trasparenti sabiex l-individwi jkunu jistgħu jindividwaw id-drittijiet u l-obbligi kollha tagħhom u, fejn xieraq, jinvokaw dawk id-drittijiet quddiem il-qrati nazzjonali ( 11 ).

39.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċeduri taħt l-Artikolu 228 KE, bl-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit il-livell sa fejn l-Istat Membru jkun eżegwixxa sentenza li tiddikjara li huwa qed jikser l-obbligi tiegħu ( 12 ). Minbarra dan, fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat evidenza suffiċjenti sabiex turi li l-ksur tal-obbligi jkun ippersista, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jikkontesta, b’mod sostanzjali u ddettaljat, l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi tagħha ( 13 ).

40.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-rimarki ġenerali magħmula mill-Kummissjoni dwar l-għażla tal-istrument legali wżat mill-awtoritajiet Franċiżi sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2001/18 mhumiex fihom infushom suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li t-traspożizzjoni kienet inadegwata skont il-ġurisprudenza kif spjegata fil-punt 38 iktar ’il fuq u li r-Repubblika Franċiża b’hekk naqset milli teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustiuzzja mogħtija fil-Kawża C-419/03. Minbarra dan, ma nikkunsidrax li l-Kummissjoni ppreżentat evidenza suffiċjenti fil-proċeduri preżenti, minbarra l-allegat bdil fl-approċċ tal-Gvern Franċiż dwar l-għażla tal-istrument legali għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18, sabiex dak il-Gvern ikun meħtieġ jiġġustifika fid-dettall għaliex l-adozzjoni ta’ strumenti regolatorji minflok leġiżlazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2001/18. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-pretensjonijiet imqajma mill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni inadegwata taħt il-liġi Franċiża ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2001/18.

41.

Għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas tal-awtoritajiet Franċiżi li jittrasponu b’mod adegwat l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18, nikkunsidra li l-Kummissjoni wriet li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi, li bla dubju għandu portata usa’ mill-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18, mhuwiex limitat b’mod ċar mit-termini iktar restrittivi tal-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358.

42.

Filwaqt li l-Artikolu L537-1 tal-Kodiċi jipprovdi li miżuri għall-applikazzjoni ta’, inter alia, il-kapitolu tal-kodiċi li jinkludi l-Artikolu L535-2 huma adottati b’digriet u l-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358 fil-fatt jirriproduċi ħafna mit-termini tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18 u fil-fatt jagħmel referenza speċifika għall-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi, minix persważ, meta naqra d-dispożizzjonijiet inkwistjoni u fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi hu neċessarjament limitat mill-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358 u li l-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi b’hekk ma jistax jiġi applikat totalment u indipendentement mit-termini tal-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358. Għalhekk, minkejja t-termini restrittivi tal-Artikolu 16 tad-Digriet Nru 2007-358, ma nikkunsidrax li l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2001/18 ġie implementat b’mod suffiċjentement ċar, ċert u vinkolanti.

43.

Nikkunsidra wkoll li r-Repubblika Franċiża naqset milli tittrasponi korrettement l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18 peress li l-liġi Franċiża ma tirrikonoxxix speċifikament awtorizzazzjonijiet konċessi minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 2001/18. In-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika li tirrikonoxxi awtorizzazzjonijiet bħal dawn fl-opinjoni tiegħi tintroduċi ċerta inċertezza legali fir-rigward ta’ tali rikonoxximent. Il-fatt li l-Artikolu L533-6 tal-Kodiċi jirreferi għar-rikonoxximent ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 90/220 u li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi li referenzi għad-Direttiva 90/220 għandhom jitqiesu bħallikieku saru għad-Direttiva 2001/18, mhuwiex suffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika taħt il-liġi Franċiża dwar ir-rikonoxximent ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija skont id-Direttiva 2001/18. Minbarra dan, fl-opinjoni tiegħi, il-Gvern Franċiż ma wriex li skont il-ġurisprudenza Franċiża, referenza, f’test nazzjonali leġiżlattiv jew regolatorju, għal direttiva, li sussegwentement tkun ġiet abrogata u sostitwita b’direttiva oħra fuq l-istess suġġett, tiġi sostitwita b’referenza għad-direttiva sussegwenti. Minbarra dan, il-fatt li, skont il-ġurisprudenza Franċiża, l-awtoritajiet amministrattivi huma meħtieġa jinterpretaw leġiżlazzjoni nazzjonali skont id-direttivi Komunitarji ( 14 ), u li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 2001/18 fil-fatt ġew rikonoxxuti fi Franza, mhuwiex suffiċjenti sabiex tiġi eliminata l-inċertezza legali li tikkonċerna r-rikonoxximent tal-awtorizzazzjonijiet inkwistjoni fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni nazzjonali speċifika dwar dan.

44.

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża naqset milli tittrasponi b’mod korrett l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23(1) ( 15 ). Skond l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18, Stat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ GMO bħala jew fi prodott li jkun ġie nnotifikat kif meħtieġ u li jkun irċieva kunsens bil-miktub skont id-Direttiva 2001/18, biss fejn l-Istat Membru jkollu raġunijiet dettaljati għalfejn għandu jiġi kkunsidrat, fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida jew addizzjonali li tkun saret disponibbli wara li dak il-kunsens ingħata jew għarfien xjentifiku eżistenti jew addizzjonali, li l-GMO bħala jew f’prodott jikkostitwixxi riskju għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent. Iżda, nikkunsidra, kif ġie argumentat mill-Kummissjoni, li huwa ċar minn qari tal-Artikolu L535-2 tal-Kodiċi li miżuri ta’ salvagwardja jistgħu jiġu adottati skont dik id-dispożizzjoni taħt kundizzjonijiet ħafna inqas stretti minn awtoritajiet amministrattivi nazzjonali, prinċiplament, fejn evalwazzjoni ġdida tar-riskji kkawżati mill-preżenza ta’ GMOs għas-saħħa pubblika jew l-ambjent tiġġustifika dan. Għalhekk minix persważ mill-pretensjoni tal-Gvern Franċiż li evalwazzjoni ġdida bħal din tista’ fil-fatt isseħħ biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida jew addizzjonali jew fuq il-bażi ta’ għarfien xjentifiku ġdid jew addizzjonali.

45.

Għalhekk nikkunsidra li, fid-data tas-seduta fil-proċeduri preżenti, ir-Repubblika Franċiża naqset milli tittrasponi korrettement l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 19 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18 u b’hekk milli teżegwixxi għal kollox is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03.

C — Penalità perjodika

1. L-argumenti tal-partijiet

46.

Fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li timplementa l-Artikolu 228 tat-Trattat KE (SEC(2005)1658, iktar ’il quddiem, il-“Komunikazzjoni 2005”), il-Kummissjoni tipproponi fir-rikors tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq ir-Repubblika Franċiża pagament ta’ penalità ta’ EUR 366744 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-419/03, mill-ġurnata li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ s-sentenza fil-każ preżenti sal-ġurnata li fiha tiġi eżegwita s-sentenza fil-Kawża C-419/03. L-ammont ta’ dik il-penalità huwa kkalkulat billi bażi uniformi ta’ EUR 600 tiġi mmultiplikata b’koeffiċjent ta’ 10 (fuq skala minn 1 sa 20) skont il-gravità tal-ksur, b’koeffiċjent ta’ 2.8 (fuq skala minn 1 sa 3), li jikkorrispondi għat-28 xahar li għaddew bejn l-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-419/03 u t-12 ta’ Diċembru 2006, id-data li fiha l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha sabiex tipproponi pagament ta’ penalità u b’koeffiċjent ta’ 21.83 ikkalkulat fuq il-bażi tal-prodott gross domestiku tar-Repubblika Franċiża u n-numru ta’ voti tagħha fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jirrifletti l-kapaċità ta’ Franza li tħallas.

47.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li d-Direttiva 2001/18 hija element essenzjali tal-qafas legali Komunitarju fuq ir-rilaxx u t-tqegħid fis-suq ta’ GMOs. Id-Direttiva 2001/18 għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp sigur u kkontrollat tal-bijoteknoloġiji fil-Komunità, li tiggarantixxi l-moviment ħieles tal-GMOs awtorizzati skont dik id-direttiva u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Dawn l-għanijiet huma ppreġudikati min-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi partijiet minn dik id-direttiva. Il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas jaffettwa l-interessi privati u pubbliċi u jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li n-nuqqas milli jiġu trasposti partijiet mid-Direttiva 2001/18 iwassal għal inċertezza legali kbira fil-qasam tal-GMOs u jipperikola l-interessi tal-produtturi tal-GMOs u r-riċerka bijoteknika fuq il-GMOs. Dik l-inċertezza tista’ ttellef ukoll lill-Komunità fir-relazzjonijiet internazzjonali.

48.

Il-Gvern Franċiż jikkunsidra li d-Direttiva 2001/18 ġiet trasposta għal kollox bl-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq u li mhemmx bżonn li jiġi impost pagament ta’ penalità.

2. Evalwazzjoni

49.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li r-Repubblika Franċiża ma eżegwietx is-sentenza tagħha mogħtija fil-Kawża C-419/03, il-Qorti tista’, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 228(2) KE u fid-dawl tas-sentenza tagħha mogħtija fil-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza timponi fuq dak l-Istat Membru somma f’daqqa u/jew penalità. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa f’kull każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-penalitajiet finanzjarji li għandhom jiġu imposti ( 16 ). F’dan ir-rigward, il-proposti tal-Kummissjoni fuq il-penalitajiet finanzjarji ma jorbtux lill-Qorti iżda jikkostitwixxu biss punt utili ta’ referenza. Minbarra dan, il-Komunikazzjoni 2005, li wkoll ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkontribwixxi sabiex tiżgura li l-azzjoni mressqa mill-istituzzjoni tkun trasparenti, prevedibbli u konsistenti maċ-ċertezza legali ( 17 ).

50.

Il-penalità għandha tkun stabbilita b’mod li tkun adatta għaċ-ċirkustanzi u proporzjonata kemm mal-ksur li ġie stabbilit kif ukoll mal-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas. Barra minn hekk, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-penalitajiet jkollhom saħħa koerċitiva u li l-liġi Komunitarja tkun applikata b’mod uniformi u effettiv huma, bħala regola, il-gravità tal-ksur, id-dewmien tiegħu u l-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi u l-urġenza li l-Istati Membri kkonċernati jkunu mġiegħla jwettqu l-obbligi tagħhom ( 18 ).

51.

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur fil-proċeduri preżenti, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni inizjalment issuġġeriet koeffiċjent ta’ 10 (fuq skala minn 1 sa 20) fuq il-bażi li hija kkunsidrat li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tittrasponi għal kollox numru kbir ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18 ( 19 ). Għandu jingħad, iżda, li fid-data tas-seduta f’dawn il-proċeduri, l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet tirrigwarda biss tliet dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, is-suġġeriment inizjali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur f’dawn il-proċeduri, ftit hu rilevanti u utli.

52.

Meta tkun qed tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur li jikkonċerna n-nuqqas milli tiġi trasposta direttiva, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra li teżamina l-importanza ġenerali tad-direttiva inkwistjoni fi ħdan l-isfera legali Komunitarja, għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-kontenut u l-importanza relattiva tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dik id-direttiva li l-Istat Membru jkun naqas milli jittrasponi.

53.

Skond ir-raba’ premessa tal-preambolu tad-Direttiva 2001/18, organiżmi ħajjin, rilaxxati fl-ambjent għal skopijiet sperimentali jew bħala prodotti kummerċjali, jistgħu jirriproduċu fl-ambjent u jaqsmu fruntieri nazzjonali. Minbarra dan, l-effetti ta’ dan ir-rilaxx fl-ambjent jistgħu jkunu irriversibbli. Id-Direttiva 2001/18 b’hekk għandha l-għan li tapprossima l-liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ GMOs u li tiżgura l-iżvilupp sigur ta’ prodotti industrijali li jużaw GMOs billi jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv sħiħ u trasparenti ( 20 ). Minbarra dan, id-Direttiva 2001/18 għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li jiġu osservati l-ħtiġijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena fuq il-Biosigurtà għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ( 21 ).

54.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni sostniet li l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18, dwar id-dimensjoni Komunitarja ta’ kunsens għat-tqegħid fis-suq ta’ GMO bħala jew fi prodott mogħti skont dik id-direttiva, u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, li jistabbilixxi klawżola ta’ salvagwardja, huma l-“pilastri” ta’ dik id-direttiva. Fl-opinjoni tiegħi, din id-dikjarazzjoni hija kkonfermata, inter alia, mit-termini tal-Artikoli 19 u 23 tad-Direttiva 2001/18 u mis-56 premessa tal-preambolu ta’ dik id-direttiva. L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdi għal rikonoxximent reċiproku fil-Komunità kollha ta’ GMOs, bħala jew fi prodott, awtorizzat skont dik id-direttiva u l-Artikolu 23 intitolat “klawżola ta’ salvagwardja” jirregola u jarmonizza b’mod preċiż ħafna l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi, b’mod proviżorju, l-użu u/jew il-bejgħ ta’ GMOs bħala jew fi prodott fit-territorju tiegħu. In-nuqqas min-naħa tar-Repubblika Franċiża li tittrasponi korrettement l-Artikolu 19 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18 jintroduċi, fl-opinjoni tiegħi, inċertezza legali kunsiderevoli f’dak l-Istat Membru dwar aspetti fundamental tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq u l-limitazzjoni tal-GMOs awtorizzati skont dik id-direttiva, u b’hekk tippreġudika l-moviment ħieles tagħhom. L-inċertezza legali introdotta min-nuqqas tar-Repubblika Franċiża li tittrasponi dawn id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva 2001/18 hija fl-opinjoni tiegħi partikolarment ta’ ħsara fid-dawl tal-inċertezza xjentifika li ċertament teżisti fir-rigward tal-GMOs. Nikkunsidra li l-fatt, kif sostnut mir-Repubblika Franċiża, li l-Istat Membru jista’ jkun, inter alia, wieħed mill-produtturi Komunitarji ewlenin ta’ GMOs jew jista’ jkun irrikonoxxa awtorizzazzjonijiet mogħija minn Stati Membri oħra skont id-Direttiva 2001/18, ma jirrimedjax għal jew ineħħi l-inċertezza legali kkreata min-nuqqas tar-Repubblika Franċiża li tittrasponi d-Direttiva 2001/18 għal kollox.

55.

Għalhekk nikkunsidra li koeffiċjent ta’ 6 (fuq skala minn 1 sa 20) jirrefletti l-gravità tan-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 19 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18.

56.

Fir-rigward tal-koeffiċjent li jikkonċerna d-dewmien tal-ksur, il-proposta tal-Kummissjoni li dan ikun ta’ 2.8 (fuq skala minn 1 sa 3) ibbażat fuq dewmien ta’ 28 xahar, fl-opinjoni tiegħi, m’għandhiex tkun applikata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Mid-dokumenti li tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-koeffiċjent propost mill-Kummissjoni ġie kkalkulat fuq il-bażi taż-żmien li għadda bejn id-data tal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-419/03 u t-12 ta’ Diċembru 2006, id-data meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha li tipproponi pagament ta’ penalità. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dewmien ta’ ksur għandu jkun evalwat b’referenza għad-data tal-għoti tas-sentenza inizjali li tistabbilixxi l-ksur fuq il-bażi tal-Artikolu 226 KE u ż-żmien meta l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti fil-proċeduri sussegwenti skont l-Artikolu 228 KE ( 22 ).

57.

Barra minn hekk, huwa ċar li l-Kummissjoni bbażat il-proposta tagħha ta’ koeffiċjent ta’ 2.8 fuq il-paragrafu 17 tal-Komunikazzjoni 2005 li jipprovdi li “[i]d-dewmien tal-ksur jaffettwa l-ammont standard b’rata fissa b’multiplikatur bejn 1 u 3, ikkalkolat b’rata ta’ 0.10 kull xahar mid-data li tingħata s-sentenza skont l-Artikolu 226[KE]”. Nikkunsidra li d-dispożizzjoni inkwistjoni tal-Komunikazzjoni 2005 mhijiex koerenti u b’hekk ma tistax tintuża peress li tidher li tistabbilxxi limitu ta’ 3 fuq il-koeffiċjent li jikkonċerna d-dewmien minkejja l-fatt li ksur jista’ jseħħ għal iktar minn 30 xahar. Nixtieq ngħid ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet fis-sentenza C-177/04 Il-Kummissjoni vs Franza li ma kenitx marbuta bl-iskala minn 1 sa 3 proposta mill-Kummissjoni f’dik il-kawża ( 23 ).

58.

Fil-każ preżenti, għaddew kważi erba’ snin minn meta ngħatat is-sentenza fil-Kawża C-419/03 fil-15 ta’ Lulju 2004 u mis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008 fil-proċeduri preżenti ( 24 ). Għalhekk, nikkunsidra li, fid-dawl tal-prattika preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, koeffiċjent ta’ 3 hu iktar xieraq sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni d-dewmien tal-ksur fil-proċeduri preżenti. F’dan ir-rigward, ninnota li koeffiċjent ta’ 3 għad-dewmien kien ġie adottat għal dewmien identiku ta’ kważi erba’ snin għal nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-sentenza C-177/04 Il-Kummissjoni vs Franza ( 25 ). Minbarra dan, fis-sentenza C-278/01 Il-Kummissjoni vs Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li kunsiderazzjonijiet tekniċi li jagħmluha diffiċli li, fi żmien qasir, tiġi eżegwita s-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 KE jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għal dewmien ta’ ksur ( 26 ). Fl-opinjoni tiegħi, il-problemi interni li ltaqgħat magħhom r-Repubblika Franċiża meta ttrasponiet id-Direttiva 2001/18 kienu ta’ natura politika u mhux teknika u b’hekk m’għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi stabbilit il-koeffiċjent għad-dewmien.

59.

Fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li ammont bażiku jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ibbażat fuq il-prodott gross domestiku tal-Istat Membru kkonċernat u fuq in-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill, dik il-proposta hija, bħala regola, mezz xieraq li bih tiġi riflessa l-kapaċità ta’ Stat Membru li jħallas, filwaqt li tinżamm varjazzjoni raġonevoli bejn l-Istati Membri ( 27 ). Nikkunsidra wkoll li huwa xieraq, fil-proċeduri preżenti, li l-koeffiċjenti għad-dewmien, gravità u l-kapaċità ta’ Stat Membru li jħallas jiġu mmultiplikati bl-ammont bażiku ta’ EUR 600 kif suġġerit mill-Kummissjoni ( 28 ).

60.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, il-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku ta’ EUR 600 b’koeffiċjenti, stabbiliti bħala 6 għall-gravità tal-ksur, 3 għad-dewmien tal-ksur, u 21.83 għall-kapaċità tar-Repubblika Franċiża li tħallas tammonta, fil-każ preżenti, għal total ta’ EUR 235764 għal kull ġurnata ta’ dewmien. F’każ bħal dan, li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinvolvi l-adozzjoni ta’ emenda leġiżlattiva, fl-opinjoni tiegħi għandha tintgħażel penalità imposta fuq bażi ta’ kuljum ( 29 ).

D — Somma f’daqqa

1. L-argumenti tal-partijiet

61.

Il-Kummissjoni tipproponi li fil-proċeduri preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha timponi l-ħlas ta’ somma f’daqqa fuq ir-Repubblika Franċiża. Fil-każ li Stat Membru jonqos milli jeżegwixxi sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li sistematikament tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa f’proċeduri skont l-Artikolu 228 KE ( 30 ). Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni wkoll tipproponi l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa minkejja l-fatt li matul il-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tkun ġiet eżegwita s-sentenza preċedenti skont l-Artikolu 226 KE.

62.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, penalitajiet finanzjarji għandhom l-għan mhux biss li jġiegħlu lil Stat Membru jeżegwixxi sentenza skont l-Artikolu 226 KE, iżda għandhom ukoll għan preventiv jew dissważiv. L-għan ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa huwa li jiġi sanzjonat l-aġir fil-passat ta’ Stat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza skont l-Artikolu 226 KE, sabiex jipprevjeni jew jiddisswadi lil Stati Membri milli jaġixxu b’mod simili fil-futur. Is-somma f’daqqa għalhekk għandha tkun pagabbli irrispettivament minn jekk Stat Membru jkunx eżegwixxa sentenza skont l-Artikolu 226 KE waqt li jkunu pendenti l-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE jew immedjatament wara s-sentenza f’dawk il-proċeduri.

63.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-prattika preċedenti tagħha li tipproponi biss l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità skont l-Artikolu 228 KE kienet tiżgura li eżekuzzjoni tardiva tas-sentenza preċedenti skont l-Artikolu 226 KE li tkun seħħet qabel ma tingħata s-sentenza fil-proċeduri sussegwenti skont l-Artikolu 228 KE ma kenitx tiġi sanzjonata u b’hekk ma kenitx effettivament skuraġġuta. Il-Kummissjoni tikkunsidra li kull nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal żmien twil idgħajjef serjament il-prinċipju ta’ legalità u ta’ ċertezza legali f’Komunità bbażata fuq l-istat tad-dritt. Il-Kummissjoni ssostni li l-importanza ta’ sentenzi skont l-Artikolu 226 KE hija mnaqqsa serjament mit-tattiċi ta’ dewmien adottati b’mod sistematiku ħafna minn ċerti Stati Membri. Għal dak li jirrigwarda r-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni, f’risposta għal domanda bil-miktub li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, indikat li bejn Diċembru tal-1996 u Ottubru tal-2005, 50 (minn total ta’ 296 — 16,89 %) ittra ta’ intimazzjoni u 25 opinjoni motivata (minn total ta’ 125 — 20 %) kienu ntbagħtu lir-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 228 KE. Fl-istess perijodu, il-Kummissjoni ressqet proċeduri skont l-Artikolu 228 KE quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sitt darbiet kontra r-Repubblika Franċiża (minn total ta’ 21 — 28,57 %). Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa hija neċessarja sabiex jiġu skoraġġuti tattiċi bħal dawn ta’ dewmien u sabiex jiġi evitat reċidiviżmu min-naħa tal-Istati Membri.

64.

Fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni 2005 tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ħlas ta’ somma f’daqqa għandu jiġi kkalkulat fil-proċeduri preżenti billi l-bażi uniformi ta’ EUR 200 tiġi mmultiplikata bil-koeffiċjenti 10 (għall-gravità) u 21.83 (għall-kapaċità li tħallas), kalkolu li jammonta għal EUR 43660 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 mid-data ta’ dik is-sentenza jew sa meta tkun ġiet eżegwita għal kollox is-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 jew sa meta tingħata s-sentenza tal-proċeduri preżenti. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Franċiża naqset milli tikkoopera fil-proċeduri prekontenzjużi li seħħew qabel din il-kawża u ssostni li r-Repubblika Franċiża lanqas osservat il-pjan tagħha għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18 li dak l-Istat Membru fassal wara li ħarġet l-opinjoni motivata f’dan il-każ. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għan-nuqqas, għal żmien twil, tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi d-Direttiva 2001/18 li kellha tiġi kompluta sas-17 ta’ Ottubru 2002. Fil-fatt, erba’ snin wara dik id-data, bl-eċċezzjoni tad-Digriet Nru 2005-51, li huwa biss ta’ ftit rilevanza, l-ebda miżuri ma kienu ġew adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġi eżegwita s-sentenza tal-Qorti mogħtija fil-Kawża C-419/03. Il-Kummissjoni ssostni li kien hemm inċertezza legali kunsiderevoli f’dan il-qasam sensittiv minħabba n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni min-naħa tar-Repubblika Franċiża. Hija tenfasizza wkoll l-importanza tad-Direttiva 2001/18 li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u li tippromwovi l-iżvilupp tal-bijoteknoloġiji u l-moviment ħieles tal-GMOs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Franċiża naqset f’numru ta’ okkażjonijiet milli tittrasponi għal kollox il-leġiżlazzjoni Komunitarja fuq GMOs. F’dak ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li fis-sentenzi C-296/01 ( 31 ) u C-429/01 ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li r-Repubblika Franċiża kienet naqset milli tittrasponi ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 90/220 u d-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE ( 33 ) rispettivament. Minbarra dan, il-Kummissjoni sussegwentement ressqet azzjoni skont l-Artikolu 228 KE kontra r-Repubblika Franċiża għan-nuqqas tagħha milli teżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-429/01. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-azzjoni inkwistjoni, li ġiet irreġistrata bin-numru tal-Kawża C-79/06, meta r-Repubblika Franċiża eżegwiet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-429/01 ( 34 ).

65.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-eżekuzzjoni parzjali fil-21 ta’ Marzu 2007 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03 ( 35 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tnaqqas l-ammont tal-ħlas tas-somma f’daqqa ssuġerita mill-Kummissjoni minn dik id-data jew sa meta s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 tkun ġiet eżegwita għal kollox ( 36 ) jew sa meta tingħata s-sentenza fil-proċeduri preżenti ( 37 ).

66.

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li peress li eżegwiet is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03, it-talba tal-Kummissjoni li fil-proċeduri preżenti jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bla skop. Filwaqt li l-Kummissjoni indikat fil-Komunikazzjoni 2005 tagħha li hija kellha l-intenzjoni, fil-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE, l-ewwel nett, li titlob b’mod sistematiku l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa u t-tieni nett, li ma tirrinunzjax għal proċeduri bħal dawn anki fejn Stat Membru jkun temm il-ksur qabel ma tingħata s-sentenza, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li dan l-approċċ imur kontra l-Artikolu 228 KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwaru. Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li b’mod konformi mas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, l-għan tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 228(2) KE huwa li l-Istat Membru li jkun naqas minn dmirijietu, jiġi mħeġġeġ jeżegwixxi s-sentenza skont l-Artikolu 226 KE malajr kemm jista’ jkun u b’hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-liġi Komunitarja. Is-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE mhumiex immirati sabiex jipprevjenu ksur ieħor simili.

67.

Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ dik is-somma f’daqqa mhumiex sodisfatti f’dan il-każ. Ir-Repubblika Franċiża ssostni li ċ-ċirkustanzi tal-Kawża C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, l-uniku każ sa llum li fih penalità ta’ somma f’daqqa ġiet imposta mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk tal-kawża preżenti peress li l-ksur fil-Kawża C-304/02 seħħ għal 11-il sena u kien ta’ theddida għar-riżervi ta’ ħut tal-Komunità. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li għaddew inqas minn tliet snin bejn meta ngħatat is-sentenza fil-Kawża C-419/03 u l-preżentata tar-rikors fil-proċeduri preżenti, dewmien li huwa simili jew inferjuri għad-dewmien fis-sentenzi C-387/97 Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-278/01 Il-Kumissjoni vs Spanja, C-177/04 Il-Kummissjoni vs Franza u C-119/04 Il-Kumissjoni vs L-Italja, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma imponietx il-ħlas ta’ somma f’daqqa. Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, ir-Repubblika Franċiża ssostni li ma ġiex stabbilit fis-sentenza C-419/03 li kienet naqset milli tittrasponi d-Direttiva 2001/18 fl-intier tagħha iżda biss dawk id-dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mid-Direttiva 90/220. Minbarra dan, ir-Repubblika Franċiża temmet il-ksur inkwistjoni f’Marzu tal-2007, xahar wara li tressqu l-proċeduri fil-kawża preżenti.

68.

B’mod alternattiv, ir-Repubblika Franċiża ssosstni li l-ammont tas-somma f’daqqa ssuġġerita mill-Kummissjoni huwa eċċessiv. Il-koeffiċjent ta’ 10 issuġġerit mill-Kummissjoni għall-gravità huwa eċċessiv peress li l-ksur fil-kawża preżenti kellu konsegwenzi limitati ħafna. F’dak ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-parti l-kbira tat-talbiet għal awtorizzazzjoni fl-Ewropa jikkonċernaw ikel modifikat ġenetikament. Iżda, l-ikel modifikat ġenetikament għall-konsum mill-bniedem mhuwiex kopert mid-Direttiva 2001/18 u dik id-direttiva tikkonċerna biss ikel modifikat ġenetikament għall-konsum mill-annimali sat-18 ta’ April 2004. Barra minn dan, ir-Repubblika Franċiża ssostni li minkejja n-nuqqas tagħha milli tittrasponi ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/18, l-awtoritajiet Franċiżi stabbilixxew proċedura ta’ awtorizzazzjoni li fir-realtà kienet tikkonforma ma’ dik id-direttiva billi adottaw żewġ gwidi fl-2005 fuq pjanti modifikati ġenetikament li stipulaw il-proċedura ta’ investigazzjoni segwita mill-Ministeru tal-Agrikoltura, il-ħtiġijiet ta’ talba għal awtorizzazzjoni u konsultazzjoni pubblika. Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra wkoll li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq iċ-ċirkustanzi tal-Kawża C-79/06. Il-Kummissjoni rrinunzjat għar-rikors tagħha f’dak il-każ peress li r-Repubblika Franċiża kienet eżegwiet is-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-429/01.

2. Evalwazzjoni

69.

L-argumenti mqajma mill-partijet fil-kawża preżenti li jikkonċernaw l-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa mill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 228 KE ma jpoġġux fid-dubju l-possibbiltà għall-Qorti tal-Ġustizzja li timponi kemm pagament ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa fil-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE, peress li dik il-possibbiltà kienet ġiet speċifikament rikonoxxuta u fil-fatt eżerċitata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza ( 38 ).

70.

Fis-sentenza C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li s-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE għandhom għan komuni li jħeġġu lil Stat Membru li jkun qed jonqos minn dmirijietu biex jeżegwixxi sentenza li tistabbilixxi ksur ta’ obbligi, u b’hekk jiġi żgurat li l-liġi Komunitarja tiġi fil-fatt osservata. Minbarra dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi, skont il-livell ta’ persważjoni u skuraġġiment meħtieġ, il-penalitajiet finanzjarji xierqa sabiex jiġi żgurat li tiġi eżegwita s-sentenza fil-proċeduri preċedenti skont l-Artikolu 226 KE malajr kemm jista’ jkun u sabiex ksur simili tal-liġi Komunitarja ma jerġax iseħħ ( 39 ).

71.

B’hekk fl-opinjoni tiegħi, is-sanzjonijiet tal-Artikolu 228 KE, jaġixxu mhux biss bħala mezz sabiex jiġu eżegwiti s-sentenzi skont l-Artikolu 226 KE iżda wkoll bħala miżuri ġenerali ta’ prevenzjoni ( 40 ).

72.

Minkejja l-għan komuni tas-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, sostniet ukoll li l-pagament ta’ penalità u s-somma f’daqqa t-tnejn għandhom funzjoni separata tagħhom ( 41 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità hija adattata b’mod partikolari sabiex Stat Membru jiġi mħeġġeġ itemm malajr kemm jista’ jkun il-ksur tal-obbligi li, fin-nuqqas ta’ miżura bħal din, għandu t-tendenza li jkompli jseħħ. Iżda l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, hija bbażata iktar fuq stima tal-effetti fuq l-interessi pubbliċi u privati tan-nuqqas tal-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu, b’mod partikolari fejn il-ksur ikun baqa’ jseħħ għal perijodu twil ta’ żmien mis-sentenza li inizjalment stabbilietu ( 42 ).

73.

Minbarra dan, minkejja l-għan komuni tas-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet imponiet sanzjoni ta’ somma f’daqqa f’każ wieħed biss, fis-senstenza C-304/02 Il-Kummissjoni vs Franza, minn mindu tat l-ewwel sentenza tagħha skont l-Artikolu 228 KE fl-4 ta’ Lulju 2000 fil-każ Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ( 43 ). Fl-opinjoni tiegħi, huwa ċar mill-prattika tal-Qorti tal-Ġusizzja ta’ kważi tmien snin li l-impożizzjoni kemm ta’ pagament ta’ penalità kif ukoll ta’ somma f’daqqa f’każ partikolari ta’ ksur skont l-Artikolu 228 KE mhux bilfors ikun neċessarju sabiex jinkiseb l-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi Komunitarja.

74.

Għalhekk nikkunsidra li l-approċċ sistematiku għall-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ somma f’daqqa sostnut mill-Kummissjoni, mhux biss fis-sottomissjonijiet tagħha fil-proċeduri preżenti iżda wkoll fil-Komunikazzjoni 2005, jista’ jkun sproporzjonat fid-dawl taċ-ċirkustanzi preżenti f’każ partikolari u b’hekk għandu jiġi respint. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ssegwi l-prattika tagħha stabbilita li timponi s-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE b’mod ikkalkulat u selettiv, fejn meħtieġ, sabiex tikkumbatti b’mod effettiv il-ksur tal-liġi Komunitarja.

75.

F’dak ir-rigward u fid-dawl tal-ġurisprudenza, nikkusidra li meta l-Qorti tal-Ġustizzja timponi l-pagament ta’ penalità f’każ speċifiku, ikollha l-għan li tiskoraġixxi n-nuqqas kontinwu ta’ Stat Membru, u b’hekk futur, milli jeżegwixxi sentenza partikolari skont l-Artikolu 226 KE mid-data tas-sentenza fil-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE ( 44 ).

76.

Meta timponi sanzjoni ta’ somma f’daqqa, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-għan, fl-opinjoni tiegħi, li tissanzjona Stat Membru għall-aġir tiegħu fil-passat fejn naqas milli jeżegwixxi sentenza partikolari skont l-Artikolu 226 KE fejn dak l-aġir ikun ikkaratterizzat minn ċirkustanzi aggravanti addizzjonali li jaggravaw in-nuqqas tal-Istat Membru milli jeżegwixxi fil-pront u b’mod sħiħ dik is-sentenza. Fl-opinjoni tiegħi, is-sanzjoni ta’ somma f’daqqa hija b’hekk meħtieġa biss f’każijiet fejn ċirkustanzi aggravanti addizzjonali bħal dawn jiġu stabbiliti b’mod konvinċenti. Filwaqt li ċirkustanzi aggravanti addizzjonali bħal dawn ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti bil-quddiem, huma għandhom fl-opinjoni tiegħi jinkludu n-nuqqas ta’ Stat Membru milli jikkoopera mal-Kummissjoni b’mod ġenwin sabiex itemm il-ksur malajr kemm jista’ jkun. Barra minn dan, sanzjoni ta’ somma f’daqqa tista’ tkun meħtieġa fejn l-interessi pubbliċi u privati huma affettwati b’mod inaċċettabbli mill-ksur ta’ Stat Membru ( 45 ). Minbarra dan, fejn ksur jaffettwa b’mod negattiv kwistjoni ta’ interess partikolari għall-Komunità jew jikkomprometti prinċipju Komunitarju fundamentali, ċirkustanzi aggravanti addizzjonali bħal dawn jistgħu jiġu identifikati iktar faċilment mill-Qorti tal-Ġustizzja u b’hekk tiġi imposta sanzjoni ta’ somma f’daqqa.

77.

Nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola għandha tillimita l-analiżi tagħha ta’ kemm huwa xieraq li tiġi imposta sanzjoni ta’ somma f’daqqa għaċ-ċirkustanzi speċifiċi prevalenti fil-każ inkwistjoni. Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja meta tkun qed tikkunsidra jekk għandhiex timponi somma f’daqqa fuq Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni ksur ieħor mill-Istat Membru biss fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi, permezz tal-produzzjoni ta’ evidenza konvinċenti, li hemm nuqqas strutturat jew sistematiku min-naħa tal-Istat Membru inkwistjoni li jeżegwixxi sentenzi skont l-Artikolu 226 KE. F’dak ir-rigward, nikkunsidra li s-sempliċi produzzjoni mill-Kummissjoni ta’ statistiċi dwar in-nuqqas tal-Istat Membru li jeżegwixxi s-sentenzi skont l-Artikolu 226 KE fiha nfisha mhijiex suffiċjenti.

78.

Peress li s-sanzjoni ta’ somma f’daqqa hija mmirata, fl-opinjoni tiegħi, sabiex tissanzjona Stat Membru għan-nuqqas tiegħu milli jeżegwixxi sentenza skont l-Artikolu 226 KE li huwa kkaratterizzat minn ċirkustanzi aggravanti addizzjonali, nikkunsidra li l-ammont tas-sanzjoni għandu jiġi stabbilit sabiex jirrefletti dawk iċ-ċirkustanzi speċifiċi. B’hekk nikkunsidra li l-metodoloġija għall-kalkolu tas-sanzjoni tas-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni fil- proċeduri preżenti u fil-fatt il-Komunikazzjoni 2005 ( 46 ), li hija bbażata, inter alia, fuq l-istess koeffiċjenti għall-gravità bħall-pagament ta’ penalità u n-numru ta’ ġranet li fih jippersisti l-ksur, ma tirriflettix ċirkustanzi speċifiċi bħal dawn.

79.

Fir-rigward ta’ kemm huwa xieraq li tiġi imposta sanzjoni ta’ somma f’daqqa fil-proċeduri preżenti, nixtieq ngħid preliminarjament li, fid-dawl tar-raġunament imsemmi fil-punti 36 sa 45 iktar ’il fuq, nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża naqset fiż-żmien tas-seduta tal-kawża preżenti milli teżegwixxi għal kollox is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-419/03. Fl-opinjoni tiegħi, l-argumenti tal-partijiet f’dawn il-proċeduri dwar jekk l-eżekuzzjoni, min-naħa tar-Repubblika Franċiża, tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 fil-proċeduri preżenti tistax tneħħi l-iskop tal-impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa huma b’hekk irrilevanti.

80.

Fi kwalunkwe każ, peress li s-sanzjoni tas-somma f’daqqa hija sanzjoni ta’ darba mmirata sabiex tissanzjoni aġir ( 47 ) ta’ Stat Membru li fl-opinjoni tiegħi jkun seħħ qabel ma bdew il-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE, il-fatt li l-Istat Membru jeżegwixxi s-sentenza skont l-Artikolu 226 KE qabel l-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE huwa irrilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ f’ċirkustanzi bħal dawn timponi sanzjoni ta’ somma f’daqqa fejn il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-Istat Membru naqas milli jeżegwixxi s-sentenza skont l-Artikolu 226 KE fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata f’proċeduri skont l-Artikolu 228 KE, kif imsemmi fil-punti 76 sa 78, sakemm jiġi stabbilit li seħħew ċirkustanzi aggravanti addizzjonali li jirrikjedu dik is-sanzjoni.

81.

Nikkunsidra li fil-każ preżenti l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ xi ċirkustanza aggravanti addizzjonali li tirrikjedi l-impożizzjoni tas-sanzjoni ta’ somma f’daqqa.

82.

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li r-Repubblika Franċiża naqset milli tikoopera magħha jew għamlet użu minn ‛tattiċi ta’ dewmien’ waqt il-proċeduri prekontenzjużi li seħħew qabel din il-kawża, nikkunsidra li l-Kummissjoni ma rnexxiliex tressaq evidenza ċara ta’ aġir bħal dan. Huwa evidenti li r-Repubblika Franċiża naqset milli teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03 f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, fatt li għandu jiġi kkundannat ( 48 ). Iżda, fid-dawl tal-korrispondenza bejn il-partijiet riprodotta fil-punti 15 sa 17 iktar ’il fuq, nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża rrispondiet għat-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni waqt il-proċeduri prekontenzjużi li seħħew qabel din il-kawża b’mod tollerabbli u wriet li kienet qed tieħu passi konkreti, għalkemm tardivi u fl-aħħar mill-aħħar inadegwati, sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-419/03.

83.

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi għal kollox id-Direttiva 2001/18 affettwax interessi pubbliċi u privati b’tali mod li kien jirrikjedi l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa, nikkunsidra li l-Kummissjoni stabbilixxiet li n-nuqqas ħalaq ambjent ta’ inċertezza legali f’qasam diġà affettwat minn inċertezza xjentifika kunsiderevoli ( 49 ). Bl-eċċezzjoni però tal-allegazzjoni tagħha fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti amministrattiva ta’ Clermont-Ferrand ( 50 ), ma nikkunsidrax li l-Kummissjoni ressqet evidenza suffiċjenti dwar il-kwistjoni li n-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tittrasponi d-Direttiva 2001/18 u li teżegwixxi s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 affettwa b’mod daqstant inaċċetabbli l-interessi pubbliċi u privati sabiex jirrikjedi l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa. Ir-Repubblika Franċiża sostniet fil-proċeduri preżenti, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, li n-nuqqas tagħha li tittrasponi għal kollox id-Direttiva 2001/18 ma kienx jippreġudika r-riċerka bijoteknoloġika fuq il-GMOs. Minbarra dan, ir-Repubblika Franċiża argumentat li hija rreġistrat iktar talbiet għal awtorizzazzjoni għar-rilaxx sperimentali ta’ GMOs skont il-parti B ta’ dik id-direttiva fl-2003, l-2005 u l-2006, minn kwalunkwe Stat Membru ieħor bl-eċċezzjoni ta’ Spanja u bejn l-2004 u l-2006 Franza kienet it-tieni produttriċi, għal finijiet kummerċjali, ta’ GMOs fl-Ewropa. Minbarra dan, ir-Repubblika Franċiża sostniet, anki hawnhekk mingħajr ma ġiet kontradetta, li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ dak l-Istat Membru milli jittrasponi d-Direttiva 2001/18, ma ppreġudikax ir-relazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità fil-qasam tal-GMOs peress li t-traspożizzjoni mhux kompleta ta’ dik id-direttiva qatt ma tqajmet f’negozjati internazzjonali.

84.

Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza minbarra l-istatistiċi riprodotti fil-punt 63 iktar ’il fuq u l-proċeduri miġjuba mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Franċiża għal nuqqas ta’ traspożizzjoni għal kollox tal-leġiżlazzjoni fuq GMOs kif imsemmi fil-punt 64 iktar ’il fuq, nikkunsidra li fil-każ preżenti l-Kummissjoni ma stabbilixxietx nuqqas, min-naħa tar-Repubblika Franċiża, ta’ twettiq tal-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE tali li għandu jiġi sanzjonat bl-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa jew li l-impożizzjoni ta’ dik is-sanzjoni hija neċessarja għall-finijiet ta’ prevenzjoni.

85.

Għalhekk nikkunsidra li r-Repubblika Franċiża m’għandhiex tiġi ordnata tħallas somma f’daqqa.

VII — Spejjeż

86.

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, nikkunsidra li din għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż. Kif mitlub mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika Ċeka għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

VIII — Konklużjoni

87.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li:

tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004 mogħtija fil-Kawża C-419/03 Il-Kummissjoni vs Franza dwar in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE li huma differenti jew li jmorru lil hinn minn dawk tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE tat-23 ta’ April 1990 fuq ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE;

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea” pagament ta’ penalità ta’ EUR 235764 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex teżegwixxi għal kollox is-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03 Il-Kummissjoni vs Franza, mill-ġurnata meta l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza tagħha f’dan il-każ sal-ġurnata meta s-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03, Il-Kummissjoni vs Franza, tkun ġiet eżegwita għal kollox;

tordna lir-Repubblika Franċiża tħallas l-ispejjeż;

tordna lir-Repubblika Ċeka tbati l-ispejjeż tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) C-419/03 (ĠU 2004 C 228, p. 15).

( 3 ) ĠU 2001 L 106, p. 1.

( 4 ) ĠU 1990 L 117, p. 15.

( 5 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/18.

( 6 ) Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tliet digrieti u t-tliet ordnijiet imsemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Marzu 2007.

( 7 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 30); tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-119/04, Ġabra p. I-6885, punt 27); tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 19); u tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-70/06, Ġabra p. I-1, punt 18).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza C-304/02, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 31.

( 9 ) Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001 Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, Ġabra p. I-4923, punt 34), u tad-9 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-195/02, Ġabra p. I-7857, punt 82).

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, inter alia, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-354/99, Ġabra p. I-7657, punt 27).

( 11 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-131/88, Ġabra p. I-825, punt 6).

( 12 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (C-387/97, Ġabra p. I-5047, punt 73).

( 13 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (C-304/02, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 7, punt 56).

( 14 ) Għandu jiġi nnotat li din l-asserzjoni bl-ebda mod ma ġiet stabbilita mill-Gvern Franċiż fil-proċedura preżenti. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tagħha, il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern Franċiż, rreferiet għal sentenza tal-qorti amministrattiva ta’ Clermont-Ferrand tal-4 ta’ Mejju 2006, fejn dik il-qorti, minflok ma interpretat il-liġi nazzjonali skont id-Direttiva 2001/18, annullat ċerti awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-liġi Franċiża peress li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li abbażi tagħhom kienu ngħataw l-awtorizzazzjonijiet kienu jmorru kontra t-termini tad-Direttiva 2001/18. Il-Qorti ġiet infurmata li bħalissa s-sentenza qed tiġi appellata. Minbarra dan, il-Gvern Franċiż enfasizza fis-sottomissjonijiet tiegħu li s-sentenza inkwistjoni kienet inċident iżolat.

( 15 ) Nikkunsidra li l-Artikolu 16 ta Digriet Nru 2007-359 jittrasponi fil-Liġi Franċiża l-kliem tat-tieni u tat-tielet inċiżi tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2001/18.

( 16 ) Sentenzi C-304/02, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 86; tal-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 58); u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 31.

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 34.

( 18 ) Ara s-setnenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 38 u 39.

( 19 ) L-Artikoli 3(1), 6(2), 6(4), 7, 8(2), 9, 13(2), 13(6), 14(1), 15(2), 16, 17, 18, 19, 20, 23, 26, 35 u l-Annessi II, III, IV, V, VI u VII.

( 20 ) Li fih il-pubbliku huwa kkonsultat dwat ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ GMOs. Ara l-Artikolu 2 u s-seba u l-għaxar premessi fil-preambolu tad-Direttiva 2001/18.

( 21 ) Ara l-ħames u tlettax-il premessa tal-preambolu tad-Direttiva 2001/18.

( 22 ) Ara s-sentenza C-177/04, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 71.

( 23 ) Ara l-punt 71 li fih il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li ‘is-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex limitata mill-iskala ta’ 1 sa’ 3 proposta mill-Kummissjoni’ (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16).

( 24 ) Minbarra dan, minkejja l-eżekuzzjoni parzjali tar-Repubblika Franċiża tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-419/03, li seħħet wara dewmien kunsiderevoli u biss wara li ġie ppreżentat ir-rikors fil-proċeduri preżenti, għaddew kważi tliet snin minn mindu ngħatat is-sentenza fil-Kawża C-419/03 fil-15 ta’ Lulju 2004 u l-istrumenti legali li saret referenza għalihom fil-punt 21 iktar ’il fuq ġew ippublikati fl-20 ta’ Marzu 2007.

( 25 ) Ara l-punti 73 u 74 (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 16).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-278/01, Ġabra p. I-14141, punti 53 u 54).

( 27 ) Ara s-sentenza C-278/01 Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 26, paragrafu 59, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 7, paragrafu 48.

( 28 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 50, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja approvat l-użu tal-ammont bażiku ta’ EUR 600 kif stabbilit mill-Komunikazzjoni 2005.

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi C-177/04, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 77, u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 52.

( 30 ) Ara wkoll l-ispjegazzjoni fil-paragrafu 10 tal-Komunikazzjoni 2005.

( 31 ) Il-Kummissjoni vs Franza tal-20 ta’ Novembru 2003 (Ġabra p. I-13909).

( 32 ) Il-Kummissjoni vs Franza tas-27 ta’ Novembru 2003 (Ġabra p. I-14355),.

( 33 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/219/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar l-użu fil-magħluq ta’ mikro-organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU 1990 L 117, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 94/51/KE, tas-7 ta’ Novembru 1994, li tadatta għall-progress tekniku d-Direttiva 90/219/KEE (ĠU 1994 L 297, p. 29).

( 34 ) Ara d-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2007, mhux ippubblikat fil-Ġabra (ĠU 2007 C 82, p. 27).

( 35 ) Minħabba l-adozzjoni tal-miżuri msemmija fil-punt 21 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni tikkunsidra li daħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Marzu 2007.

( 36 ) Jekk dan iseħħ qabel ma tingħata s-sentenza fil-proċeduri preżenti.

( 37 ) Jekk f’dak iż-żmien ma tkunx ġiet eżegwita għal kollox is-sentenza mogħtija fil-K awża C-419/03.

( 38 ) Ara l-punt 82 fejn il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-użu taż-żewġ tipi ta’ sanzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 228(2) KE mhuwiex ipprojbit.

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 80, 91 u 97. Il-Qorti għamlitha ċara ħafna li s-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE mhumiex intiżi li jikkumpensaw għad-danni kkawżati minn Stat Membru. Ara l-punt 91.

( 40 ) Mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-Kawża C-304/02, Il-Kummissjoni vs Franza, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), jirriżulta b’mod ċar li filwaqt li s-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228 KE għandhom għan wieħed ġenerali li huwa li jiġi żgurat li l-liġi Komunitarja tiġi osservata kemm jista’ jkun, dawk is-sanzjonijiet għandhom l-għan li jiksbu dak l-għan b’żewġ modi. Billi japplikaw pressjoni ekonomika suffiċjenti fuq Stat Membru partikolari f’każ partikolari, is-sanzjonijiet skont l-Artikolu 228 KE għandhom l-għan li jrażżnu n-nuqqas speċifiku ta’ dak l-Istat Membru li eżegwixxi sentenza skont l-Artikolu 226 KE u b’hekk jiskoraġixxu jew jimpedixxu fuq livell iktar ġenerali tali ksur minn Stati Membri fil-futur.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 84.

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 81.

( 43 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), C-278/01, Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26), C-177/04, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16) u Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7) ma imponietx sanzjoni ta’ somma f’daqqa fuq l-Istati Membri inkwistjoni li naqsu minn dmirhom minkejja l-fatt li dawk l-Istati Membri kienu naqsu fiż-żmien tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċeduri skont l-Artikolu 228 KE li jeżegwixxu s-sentenzi preċedenti skont l-Artikolu 226 KE. Din il-prattika konsistenti min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni tiegħi tenfasiżża n-natura awtonoma tas-sanzjonijiet ipprovduti mill-Artikolu 228(2) KE. Fl-opinjoni tiegħi, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ somma f’daqqa fuq Stat Membru b’hekk ma tiddependix mill-impożizzjoni fuqu ta’ pagament ta’ penalità.

( 44 ) B’hekk, b’mod ġenerali, l-Istati Membri kollha jiġu skuraġġuti milli jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont it-Trattat KE. Huwa l-prospett ta’ proċeduri skont l-Artikolu 228 KE u l-possibbiltà ta’, inter alia, li jiġi impost pagament ta’ penalità li jwaqqaf lill-Istati Membri milli jiksru l-obbligi tagħhom.

( 45 ) F’dak ir-rigward, nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-304/02, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7), imponiet sanzjoni ta’ somma f’daqqa fuq ir-Repubblika Franċiża peress li l-ksur f’dak il-każ kien seħħ għal perijodu estensiv ta’ żmien u l-interessi pubbliċi u privati fir-riżervi ta’ ħut kienu affettwati b’mod kunsiderevoli f’dak il-perijodu. Minbarra dan, in-nuqqas tar-Repubblika Franċiża milli tikoopera mal-Kummissjoni biex ittemm il-ksur huwa evidenti mill-fatti ta’ dak il-każ.

( 46 ) Ara l-paragrafi 17 sa 24 tal-Komunikazzjoni 2005. Għandu jiġi nnotat li l-Komunikazzjoni 2005 tipprovdi wkoll għal somma minima f’daqqa li fil-każ tar-Repubblika Franċiża hija ta’ EUR 10915000.

( 47 ) Fejn nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza skont l-Artikolu 226 KE ikun ikkaratterizzat minn ċirkustanzi aggravanti addizzjonali.

( 48 ) Barra minn hekk, m’għandux jintesa li l-fatt li l-Kummissjoni tkun obbligata tibda proċeduri skont l-Artikolu 228 KE u l-Artikolu 226 KE jammonta għal ħala tar-riżorsi tal-Komunità.

( 49 ) Ara l-punt 54 iktar ’il fuq.

( 50 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, iktar ’il fuq.