SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
10 ta’ Jannar 2008 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Sanzjoni pekunjarja”
Fil-kawża C-70/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, imressaq fis-7 ta’ Frar 2006,
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, A. Caeiros u P. Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, P. Fragoso Martins u J. de Oliveira, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenuta
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano (Relatur), R. Schintgen, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Il-kuntest ġuridiku
|
2 |
It-tielet, ir-raba’ u s-sitt premessi tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/CEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti għal provvista pubblika u għal xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/665”) jgħidu dan li ġej: “Billi l-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni; billi, biex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi; Billi f’ċerti Stati Membri l-assenza ta’ rimedji effettivi jew l-inadegwatezza ta’ rimedji eżistenti jżommu lil intrapriżi Komunitarji milli jissottomettu offerti fl-Istat Membru li fih l-awtorità kuntrattwali hija stabbilita; billi, għalhekk, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jirrimedjaw din is-sitwazzjoni; […] Billi huwa neċessarju li jiġi assigurat li proċeduri adegwati jeżistu fl-Istati Membri kollha sabiex jippermettu t-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment u l-kumpens ta’ persuni milquta minn ksur.” |
|
3 |
L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jiddisponi: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE u 77/62/KEE, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun […] fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi.” |
|
4 |
Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex: […]
|
Il-fatti li wasslu għall-kawża
Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall
|
5 |
Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u qalet: “Billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, tal-21 ta’ Novembru 1967, li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplimentawh, għall-prova ta’ ħtija jew aġir intenzjonat, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 1(1) u 2(1)c) tad-Direttiva 89/665[…]”. |
Il-proċedura prekontenzjuża
|
6 |
B’ittra ta’ l-4 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Portugiża tikkomunikalha liema miżuri kienet adottat jew kellha l-intenzjoni tadotta sabiex temenda l-liġi interna u, b’hekk, tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
7 |
Fir-risposta tagħha tad-19 ta’ Novembru 2004, ir-Repubblika Portugiża sostniet, sostanzjalment, li bidla reċenti fil-gvern kienet ikkawżat dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. Dan l-Istat Membru ttrażmetta wkoll lill-Kummissjoni abbozz ta’ liġi li jħassar id-Drigriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u li jipprevedi sistema ġuridika ġdida ta’ responsabbiltà ċivili extrakuntrattwali ta’ l-Istat Portugiż u ta’ l-entitajiet pubbliċi kkonċernati, filwat li talabha tindikalha jekk is-soluzzjonijiet adottati f’dan l-abbozz kinux konformi ma’ l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni korretta u kompleta tad-Direttiva 89/665. |
|
8 |
Fil-21 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Portugiżi ittra ta’ intimazzjoni li biha hija sostniet, minn naħa, li l-bidla fil-gvern ma kinitx tiġġustifika, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi u tat-termini preskritti mid-Direttiva 89/665. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrilevat, f’din l-ittra, li, f’kull każ, l-abbozz ta’ liġi indikat, li, sadanittant, kien għadu ma’ ġiex approvat mill-Assembleia da República (il-Parlament), ma kienx konformi mad-Direttiva 89/665. |
|
9 |
Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta mogħtija fil-25 ta’ Mejju 2005 mir-Repubblika Portugiża, il-Kummissjoni indirizzat li din ta’ l-aħħar, fit-13 ta’ Lulju 2005, opinjoni motivata li fiha hija kkonstatat li, billi kienet għadha ma adottatx il-miżuri neċessarji li jirrigwardaw l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 228(1) KE. Il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu ma din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. |
|
10 |
Fir-risposta tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2005 għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika Portugiża spjegat li l-abbozz tal-liġi Nru 56/X, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar ir-responsabbiltà ċivili ta’ l-Istat u ta’ entitajiet pubbliċi oħra (iktar ’il quddiem l-“abbozz ta’ liġi Nru 56/X”), li jħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, kien diġà ġie mressaq quddiem il-parlament għall-approvazzjoni finali u li kienet intalbet l-iskrizzjoni prijoritarja kif ukoll urġenti fl-ordni tal-ġurnata ta’ din il-kamra. |
|
11 |
Peress li qieset li r-Repubblika Portugiża kienet għadha ma eżegwixxietx is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, fis-7 ta’ Frar 2006, ressqet il-preżenti rikors. |
Fuq in-nuqqas ikkontestat
L-argumenti tal-partijiet
|
12 |
Il-Kummissjoni tqis li, peress li ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. Il-gvern Portugiż fil-fatt sempliċement, sabiex jikkonforma ruħu ma din is-sentenza, adotta l-abbozz ta’ liġi Nru 56/X. Issa, dan ta’ l-aħħar għadu ma ġiex approvat mill-parlament u l-kontenut tiegħu, f’kull każ, mhuwiex konformi ma’ l-eżiġenzi ta’ traspożizzjoni korretta u kompleta tad-Direttiva 89/665. |
|
13 |
Ir-Repubblika Portugiża ssostni, min-naħa l-oħra, li r-rikors huwa nieqes minn kull fundament sa fejn is-sistema li tidher fl-abbozz ta’ liġi Nru 56/X, minkejja li għadha ma ġietx approvata b’mod definittiv mill-parlament, huwa traspożizzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665 u jiggarantixxi l-eżekuzzjoni integrali ta’ l-obbligi li joħorġu mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
14 |
Dan l-Istat Membru jsostni, barra minn hekk, li huwa dejjem kellu l-“intenzjoni qawwija” li jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà ċivili ta’ l-entitajiet ta’ dritt pubbliku skond l-eżiġenzi tad-Direttiva 89/665, imma li diffikultajiet ta’ natura kostituzzjonali, li n-natura u l-importanza tagħhom għandhom almenu jimmitigaw ir-responsabbiltà tiegħu, żammewh milli jilħaq dan ir-riżultat. |
|
15 |
Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li, f’kull każ, l-Artikoli 22 u 271 tal-Kostituzzjoni tagħha kif ukoll il-kodiċi ġdid tal-proċedura tat-tribunali amministrattivi jiżguraw b’mod suffiċjenti l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn diġà jipprevedu l-possibbiltà ta’ responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati mill-atti mwettqa mill-uffiċjali u l-aġenti tiegħu. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
16 |
Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset mill-obbligi li għandha skond l-Artikoli 1(1) u 2(1)c) tad-Direttiva 89/665. |
|
17 |
Fil-kuntest tal-preżenti proċedura għal nuqqas, sabiex jiġi kkonstatat jekk ir-Repubblika Portugiża adottatx il-miżuri ta’ eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza, għandu jiġi stabbilit jekk id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 ġiex abrogat. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-data ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat nuqqas skond l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata maħruġa bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 30; tat-18 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-119/04, Ġabra p. I-6885, punt 27, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 19). |
|
19 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata nnotifikata lilha fit-13 ta’ Lulju 2005, ir-Repubblika Portugiża kienet għadha ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051. |
|
20 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi konkluż li, billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Portugiża naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE. |
|
21 |
Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju mill-argument invokat mir-Repubblika Portugiża, li jgħid li diffikultajiet ta’ natura kostituzzjonali żammewha milli tasal għall-approvazzjoni definittiva ta’ test li jħassar id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 u, b’hekk, teżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq. |
|
22 |
Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet ta’ natura ġuridika interna sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligi li joħorġu mid-dritt komunitarju (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
23 |
Bl-istess mod, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-Repubblika Portugiża li jgħid li r-responsabbiltà ta’ l-Istat għad-danni kkawżati minn atti mwettqa mill-uffiċjali u l-aġenti tiegħu huma diġà previsti minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali tiegħu. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 33 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għan-nuqqas li bih jitħalla fis-seħħ id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 fl-ordinament ġuridiku intern. L-eżistenza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma tistax, għaldaqstant, tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza. |
|
24 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma abrogatx id-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ ħtija jew aġir intenzjonat, ir-Repubblika Portugiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, u naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 228(1) KE. |
Fuq is-sanzjoni pekunjarja
L-argumenti tal-partijiet
|
25 |
Fuq il-bażi tal-metodu ta’ kalkolu stabbilit fil-Komunikazzjoni tagħha 96/C 242/07 tal-21 ta’ Awwissu 1996 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [228] KE, (ĠU C 242, p. 6, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni ta’ l-1996”), u l-Komunikazzjoni 97/C 63/02 tat-28 ta’ Frar 1997 fuq il-metodu għall-kalkolu tal-penalità prevista mill-Artikolu [228] KE (ĠU C 63, p. 2, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni ta’ l-1997”), il-Kummissjoni tipproponi li l-Qorti timponi fuq ir-Repubblika Portugiża l-ħlas ta’ penalità ta’ EUR 21450 għal kull ġurnata ta’ dewmien bħala sanzjoni talli ma eżegwietx is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, mid-data ta’ meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża sad-data meta n-nuqqas ikkonstatat jitwaqqaf. |
|
26 |
Il-Kummissjoni tqis li l-ħlas ta’ penalità huwa l-iktar mezz xieraq biex jinġieb fit-tmiem malajr kemm jista’ jkun il-ksur stabbilit. Penalità ta’ EUR 21450 għal kull ġurnata ta’ dewmien hi proporzjonata għas-serjetà u t-tul tal-vjolazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tieħu debitament in kunsiderazzjoni l-bżonn li jiġi aċċertat li s-sanzjoni hija effettiva. Skond il-Kummissjoni, din is-somma għandha tiġi kkalkulata bil-moltiplikazzjoni ta’ bażi uniformi ta’ EUR 500 għal koeffiċjent ta’ 11 (fuq skala minn 1 sa 20) għas-serjetà tal-vjolazzjoni, koeffiċjent ta’ 1 għat-tul tal-vjolazzjoni u koeffiċjent ta’ 3,9, ibbażat fuq il-Prodott Gross Domestiku tal-Portugall (PGD) u n-numru ta’ voti tiegħu fil-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, li jirrifletti l-ħila tal-Portugall li jħallas. |
|
27 |
Ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-ammont tal-penalità proposta mill-Kummissjoni huwa manifestament sproporzjonat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u li mhuwiex konformi mal-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-materja. |
|
28 |
L-obbjezzjonijiet magħmula minn dan l-Istat Membru jsemmu, b’mod partikolari, żewġ aspetti tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-penalità. Fl-ewwel lok, il-koeffiċjenti ta’ serjetà applikat mill-Kummissjoni huwa eċċessiv għal sanzjoni ta’ allegat nuqqas parzjali ta’ Stat membru fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi peress li fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas f’oqsma iktar sensittivi minnu, bħal b’mod partikolari dak tas-saħħa pubblika (sentenza ta’ 4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047) jew dak ta’ l-ambjent (sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-278/01, Ġabra p. I-14141), il-Kummissjoni kienet ipproponiet koeffiċjenti ta’ serjetà rispettivament ta’ 6 u 4. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kawża preżenti, tistabbilixxi penalità fuq il-bażi ta’ koeffiċjenti ta’ serjetà li ma jaqbiżx 4. Fit-tieni lok, skond il-punt 13.3 tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 228 tat-Trattat KE [SEC(2005) 1658, iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni ta’ l-2005”], il-perijodu ta’ żmien ta’ referenza li għandu jiġi segwit, f’dan il-każ, biex tiġi eżaminata l-konformità mad-Direttiva 89/665, għandu jkun fuq bażi annwali u mhux, kif propost mill-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kuljum. |
|
29 |
Ir-Repubblika Portugiża ssostni, barra minn hekk, li indipendentement mit-tnaqqis ta’ l-ammont ta’ l-imsemmija penalità u l-istabbiliment tal-perjodiċitià tagħha fuq bażi annwali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tordna s-sospensjoni ta’ l-applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni sakemm jidħol fis-seħħ l-abbozz ta’ liġi Nru 56/X. Din il-possibbiltà kienet fil-fatt prevista fil-punt 13.4 tal-komunikazzjoni ta’ l-2005, li billi teħodha in kunsiderazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’każijiet eċċezzjonali, tordna s-sospensjoni tal-penalità meta Stat Membru jkun diġà adotta l-miżuri neċesarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ sentenza li tikkonstata nuqqas, imma li ċertu żmien ikollu inevitabbilment jgħaddi qabel ma’ r-riżultat mixtieq jintlaħaq. Issa, ir-Repubblika Portugiża tqis li dan huwa hekk f’dan il-każ. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
30 |
Peress li kkonstatat li r-Repubblika Portugiża ma kkonformatx ruħha mas-sentenza tagħha Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 228(2) KE, timponi fuq dak l-Istat Membru ħlas ta’ somma f’daqqa u/jew penalità. |
|
31 |
F’ dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu deċiżi (sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 58). |
|
32 |
F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 25 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Ġustizzja li timponi penalità fuq ir-Repubblika Portugiża. |
|
33 |
Din il-proposta hija bbażata fuq il-metodu ta’ kalkolu li l-Kummissjoni stabbilixxiet fil-komunikazzjonijiet tagħha ta’ l-1996 u ta’ l-1997. Għandu jiġi ppreċiżat, barra minn hekk, li dawn iż-żewġ komunikazzjonijiet ġew issostitwiti bil-komunikazzjoni ta’ l-2005 li, skond il-punt 25 tagħha, hija applikabbli għad-deċiżjonijiet, li bihom tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 228 KE, meħuda mill-Kummissjoni mill-1 ta’ Jannar 2006. |
|
34 |
F’dan ir-rigward, hemm lok, fl-ewwel nett, li jiġi rrilevat li l-proposti tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 80, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 41). Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, imma jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali ta’ l-azzjoni mibdija minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 85, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 70). |
|
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-kundanna għal ħlas ta’ somma f’daqqa u/jew penalità tfittex li teżerċita fuq Stat membru li qed iwettaq nuqqas li jeżegwixxi sentenza għal nuqqas piż ekonomiku li jinċentivah iwaqqaf in-nuqqas ikkonstatat. Is-sanzjonijiet pekunjarji imposti għandhom għaldaqstant jiġu deċiżi skond il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru in kwistjoni jbiddel l-aġir tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 91, kif ukoll ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 59 u 60). |
|
36 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat lil, matul is-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Lulju 2007, l-aġent tar-Repubblika Portugiża kkonferma li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051 kien għadu fis-seħħ f’dik id-data. |
|
37 |
Peress li hemm lok li jitqies li n-nuqqas in kwistjoni kien għadu jissussisti fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti, għandu jiġi kkonstatat lil, hekk kif ipproponiet il-Kummissjoni, il-kundanna tar-Repubblika Portugiża għal ħlas ta’ penalità jikkostitwixxi mezz adattat sabiex jinċentiva lil dan ta’ l-aħħar jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 31; ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 21, u tat-18 ta’ Lulju 2006, u Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-119/04, Ġabra p. I-6885, punt 33). |
|
38 |
Fir-rigward, wara dan, tal-modalitajiet ta’ kalkolu ta’ din il-penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ evalwazzjoni, li għandha tistabbilixxi din il-penalità b’mod li tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi, u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ikkonstatat kif ukoll għall-ħila ta’ ħlas ta’ l-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 103, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 61). |
|
39 |
F’din il-perspettiva, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi assigurata n-natura koerċitiva tal-penalità fid-dawl ta’ l-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt komunitarju huma, bħala prinċipju, it-tul tan-nuqqas, il-grad tiegħu ta’ serjetà, u l-ħila ta’ ħlas ta’ l-Istat membru in kwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi kif ukoll l-urġenza mixtieqa li jġiegħel lill-Istat Membru jikkonforma ruħu ma l-obbligi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 104, u ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 62). |
|
40 |
Għal dak li għandu x’jaqsam, fl-ewwel lok, mas-serjetà tal-ksur u, b’mod partikolari, mal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, fuq l-interessi privati u pubbliċi, għandu jiġi mfakkar li, skond it-tielet premessa tad-Direttiva 89/665, il-ftuħ ta’ l-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni mill-Komunità jeħtieġ żieda sostanzjali fil-garanziji ta’ trasparenza u non diskriminazzjoni. Issa, sabiex ikun hemm effetti tanġibbli, rimedji effettivi u rapidi għandhom ikunu disponibbli fil-każ ta’ ksur tal-liġi tal-Komunità fil-kamp ta’ l-akkwist pubbliku jew regoli nazzjonali li jimplementaw din il-liġi. |
|
41 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1) ta’ l-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membru l-obbligu li jiżguraw li deċiżjonijiet illegali ta’ l-awtoritajiet kuntrattwali jkunu jistgħu jiġu rriveduti effettivament u malajr kemm jista’ jkun, filwaqt li l-Artikolu 2(1)c) tiegħu jitfa’ l-enfażi fuq il-fatt li huwa importanti li jkunu previsti proċeduri nazzjonali li jippermettu li jingħata kumpens lill-persuni milquta minn dan il-ksur. |
|
42 |
Issa, in-nuqqas ta’ abrogazzjoni, mir-Repubblika Portugiża, tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 48 051, li jissuġġetta l-għoti ta’ kumpens lill-persuni li sofrew ħsara minħabba ksur tad-dritt Komunitarju dwar il-kuntratti pubbliċi, jew tal-liġijiet nazzjonali li jimplementawh, għall-prova ta’ ħtija jew aġir intenzjonat, għandu jitqies li huwa serju sa fejn, minkejja li ma jirrendix impossibbli l-azzjoni ġudizzjarja mill-individwi, jikkonkorri, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jirrendi dawn l-azzjonijiet iktar diffiċli u għaljin billi jostakola b’hekk il-politika Komunitarja fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. |
|
43 |
Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-koeffiċjenti ta’ 11 (fuq skala gradwata ta’ bejn 1 sa 20) propost mill-Kummissjoni jidher, f’dan il-każ, eċċessiv, filwaqt li koeffiċjent ta’ 4 jirrifletti, min-naħa l-oħra, b’mod iktar xieraq il-grad ta’ serjetà tal-ksur in kwistjoni. |
|
44 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-koeffiċjent dwar it-tul tal-ksur, il-proposta tal-Kummissjoni, li titlob li dan jiġi stabbilit għal 1, ma għandhiex tintlaqa’. Jirriżulta fil-fatt mill-inkartament li dan il-koeffiċjent ġie kkalkolat fuq il-bażi ta’ perijodu ta’ żmien bejn id-data tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, u dik tal-preżentata ta’ dan ir-rikors. |
|
45 |
Issa, hemm lok li jiġi mfakkar li t-tul tal-ksur għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux meta din tiġi adita mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 71). |
|
46 |
F’dan il-każ, in-nuqqas tar-Repubblika Portugiża ta’ obbligu ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, għadu għaddej iktar minn tliet snin fid-dawl taż-żmien kunsiderevoli li għadda mill-14 ta’ Ottubru 2004, data ta’ l-imsemmija sentenza. |
|
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, koeffiċjent ta’ 2 (fuq skala gradwata ta’ bejn 1 sa 3) jidher iktar xieraq biex jieħu in kunsiderazzjoni t-tul tal-ksur. |
|
48 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, il-proposta tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-moltiplikazzjoni ta’ ammont bażi b’koeffiċjent ibbażat fuq il-prodott gross domestiku ta’ l-Istat Membru kkonċernat u fuq in-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill, dan huwa mod, bħala regola, xieraq li jirrifletti l-ħila ta’ ħlas ta’ dan l-Istat Membru filwaqt li jżomm distanza raġonevoli bejn il-varji Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 88; Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 59, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 109). |
|
49 |
Madankollu, f’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ 3,9 propost mill-Kummissjoni ma jirriflettix b’mod xieraq l-iżvilupp tal-fatturi li huma l-bażi ta’ l-evalwazzjoni tal-ħila ta’ ħlas tar-Repubblika Portugiża, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda ż-żieda tal-prodott gross domestiku. Għaldaqstant, kif jirriżulta mill-punt 18.1 tal-komunikazzjoni ta’ l-2005, dan il-koeffiċjent għandu jitla’ minn 3,9 għal 4,04. |
|
50 |
Bl-istess mod, l-ammont bażi li lilu jiġu applikati l-koeffiċjenti moltiplikaturi għandu jiġi stabbilit f’EUR 600, skond l-indiċizzazzjoni ta’ l-ammont ta’ EUR 500 maħdum mill-Kummissjoni fil-punt 15 ta’ din l-istess komunikazzjoni, sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-iżvilupp ta’ l-inflazzjoni wara l-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ l-1997. |
|
51 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, il-moltiplikazzjoni ta’ ammont bażi ta’ EUR 600 bil-koeffiċjenti stabbiliti għal 4, skond is-serjetà tal-ksur, għal 2, skond it-tul tiegħu, u għal 4,04, skond il-ħila ta’ ħlas ta’ l-Istat Membru kkonċernat, jirriżulta f’ammont ta’ EUR 19392 kull jum ta’ dewmien. Dan l-ammont għandu jitqies li huwa xieraq fid-dawl tal-finalitajiet tal-penalità kif imsemmija fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. |
|
52 |
Fir-rigward għall-perjodiċità tal-penalità, fil-kawża preżenti li tirrigwarda l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-adozzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ta’ emenda, għandha tintgħażel penalità imposta fuq bażi ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77). |
|
53 |
Fl-aħħar nett, l-argumenti tar-Repubblika Portugiża dwar il-possibbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tordna, f’dan il-każ, is-sospensjoni tal-penalità, fis-sens tal-punt 13.4 tal-komunikazzjoni ta’ l-2005, ma għandhomx jintlaqgħu. Fil-fatt, indipendement miċ-ċirkustanza li, kif ġie mfakkar fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, din il-komunikazzjoni ma għandhiex torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’kull każ, bil-kontra ta’ dak li huwa mitlub fl-imsemmi punt 13.4 sabiex tiġi deċiża din is-sospensjoni, il-miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, ma ġewx adottati. |
|
54 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li r-Repubblika Portugiża tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunita’ Ewropea”, penalità ta’ EUR 19392 kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, mid-data tal-preżenti sentenza sa’ l-eżekuzzjoni ta’ l-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall. |
Fuq l-ispejjeż
|
55 |
Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.