SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Politika soċjali — Protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddem — Direttiva 80/987/KEE emendata bid-Direttiva 2002/74/KE — L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 u Artikolu 10(a) — Kumpens għal sensja inġusta miftiehem f’konċiljazzjoni extraġudizzjarja — Ħlas assigurat mill-istituzzjoni ta’ garanzija — Ħlas suġġett għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja — Prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni”

Fil-kawża C-498/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Único de Algeciras (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2006, fil-proċedura

Maira María Robledillo Núñez

vs

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez Cárcamo u B. Plaza Cruz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 270, p. 10, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 80/987”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sinjura Robledillo Núñez u l-Fondo de Garantía Salarial (Fond ta’ Garanzija tal-Paga, iktar ’il quddiem il-“Fogasa”) fir-rigward tar-rifjut min-naħa ta’ dan l-aħħar li jħallas, abbażi tar-responsabbiltà sussidjarja tiegħu, kumpens lill-persuna kkonċernata minħabba s-sensja inġusta li kienet suġġetta għaliha, peress li l-ħlas ta’ dan il-kumpens kien previst minn ftehim ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja bejn is-Sinjura Robledillo Núñez u min iħaddimha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 80/987 jiddisponi li “[d]in id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1)”.

4

L-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess direttiva jippreċiża li din ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali rigward id-definizzjoni ta’ l-espressjonijiet “impjegat”, “min iħaddem”, “paga”, “dritt li jagħti titolu immedjat” u “dritt li jagħti titolu prospettiv”.

5

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg.”

6

L-Artikolu 10(a) u (b) tad-Direttiva 80/987 jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffetwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:

a)

li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

b)

li ma jaċċettawx jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 jew l-obbligazzjoni ta’ garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher li ma jkunx ġustifikat li wieħed jissodisfa l-obbligazzjoni minħabba li jkun hemm irbit speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom.”

7

Skond l-Artikolu 3, id-Direttiva 2002/74 daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2002.

Il-leġiżlazzjoni Spanjola

Il-pretenzjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-Fogasa

8

L-Artikolu 33(1) tad-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/1995, dwar l-approvazzjoni tat-test rivedut tal-liġi li tistabbilixxi l-Istatut tal-Ħaddiema (Estatuto de los Trabajadores), ta’ l-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654); fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, […] għandu jħallas lill-ħaddiema l-ammont tal-pagi li huma dovuti lilhom f’każ ta’ insolvenza, ta’ sospensjoni tal-pagamenti, ta’ falliment jew ta’ amministrazzjoni ta’ min iħaddimhom taħt il-kontroll tal-qorti.

Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, huwa kkunsidrat bħala paga l-ammont rikonoxxut bħala tali fl-att ta’ konċiljazzjoni jew fid-deċiżjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ l-elementi kollha li għalihom jirreferi l-Artikolu 26(1), kif ukoll is- ‛salarios de tramitación’ [paga matul il-proċedura], mogħti fil-każijiet previsti mil-liġi […]”

9

L-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi 60/1997, tad-19 ta’ Diċembru 1997 (BOE Nru 304, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1997, p. 37453), kien jipprovdi:

“Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga, fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, għandu jħallas il-kumpens stabbilit b’sentenza jew deċiżjoni amministrattiva favur impjegati minħabba s-sensja tagħhom jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom skond l-Artikoli 50, 51 u 52(c) tal-preżenti liġi, sal-limitu massimu ta’ sena paga, b’dan li l-paga ta’ kuljum, li tintuża bħala bażi għall-kalkolu, ma tistax taqbeż id-doppju tal-paga minima interprofessjonali.

[…]”

10

L-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, fil-verżjoni li tirriżulta mil-Liġi 43/2006 tad-29 ta’ Diċembru 2006, għat-titjib tat-tkabbir u ta’ l-impjiegi (BOE Nru 312, tat-30 ta’ Diċembru 2006, p. 46586), li ġiet introdotta permezz tad-Digriet Irjali 5/2006 (Real Decreto Ley 5/2006), tad-9 ta’ Ġunju 2006 (BOE Nru 141, ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006, p. 22670), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2006, jgħid:

“Fil-każijiet previsti fil-paragrafu preċedenti, il-Fond ta’ Garanzija għandu jħallas il-kumpens stabbilit b’sentenza, digriet, att ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja jew deċiżjoni amministrattiva favur impjegati minħabba s-sensja tagħhom jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tagħhom skond l-Artikoli 50, 51 u 52 tal-preżenti liġi u skond l-Artikolu 64 tal-Liġi 22/2003 tad-9 ta’ Lulju 2003, fuq il-falliment […]”

11

Skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, sensja irregolari, rikonoxxuta bħala tali minn min iħaddem f’att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja jew ġudizzjarja jew stabbilita b’deċiżjoni tal-qorti, tobbliga lil min iħaddem iħallas lill-impjegat ikkonċernat, minn naħa, is-“salarios de tramitación”, jiġifieri l-paga dovuta matul il-kontestazzjoni tas-sensja, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol.

Il-konċiljazzjoni extraġudizzjarja

12

Id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 2/1995, li japprova t-test rivedut tal-Liġi dwar il-Proċedura tax-Xogħol (Ley de Procedimiento laboral), tas-7 ta’ April 1995 (BOE Nru 86, tal-11 ta’ April 1995, p. 10695, iktar ’il quddiem l-“LPL”), jipprovdi, b’mod partikolari, r-regoli għal konċiljazzjoni extraġudizzjarja jew prekontenzjuża.

13

L-Artikolu 67 ta’ l-LPL, li jsemmi r-regoli għall-kontestazzjoni tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni, jipprovdi:

“1.   Il-ftehim ta’ konċiljazzjoni jista’ jiġi kkontestat mill-partijiet u minn dawk li jistgħu jiġu ppreġudikati minnu, quddiem qorti kompetenti biex tiddeċiedi l-kawża li kienet is-suġġett tal-konċiljazzjoni, permezz ta’ l-azzjoni għal annullament għal każijiet li jinvalidaw il-kuntratti.

2.   L-azzjoni tiskadi 30 jum wara l-adozzjoni tal-ftehim. Għall-partijiet eventwalment leżi, it-terminu jiddekorri mill-jum li fih saru jafu dwar il-ftehim.”

14

Il-ħidma tas-servizzi ta’ konċiljazzjoni hija rregolata bid-Digriet Irjali 2756/1979, tat-23 ta’ Novembru 1979 (BOE Nru 291, tal-5 ta’ Diċembru 1979, p. 28015), li jirregola r-rwol ta’ l-Instituto de Mediación, Arbitraje y Conciliación (Ċentru ta’ Medjazzjoni, ta’ Arbitraġġ u ta’ Konċiljazzjoni). L-Artikoli 5, 8, 10 u 11 ta’ l-imsemmi digriet irjali jipprovdu:

Artikolu 5

1.   L-att ta’ konċiljazzjoni jiżvolġi quddiem l-organi taċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni, ta’ Arbitraġġ u ta’ Konċiljazzjoni tal-post li fih jiġu pprovduti s-servizzi jew tar-residenza tal-persuni kkonċernati, skond kif jagħżel l-applikant.

2.   L-att ta’ konċiljazzjoni jsir quddiem id-direttur, il-president tat-Tribunal ta’ arbitraġġ, is-segretarju jew kull uffiċjal ieħor taċ-Ċentru, bil-kundizzjoni li jkollhom liċenzja (“Licenciatura”) fil-liġi.

Il-partijiet fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandu jkollhom l-istess kapaċità bħal dik li hija meħtieġa mill-partijiet f’kawża rregolata mil-liġi tax-xogħol.

[…]

Artikolu 8

1.   Ladarba tiġi rċevuta u rreġistrata, l-applikazzjoni tiġi eżaminata, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet mitluba humiex issodisfati. L-ispeċifikazzjonijiet neċessarji jintalbu, jekk ikun il-każ, sabiex iċ-ċitazzjonijiet tal-persuni kkonċernati jsiru korrettement. Kopja debitament datata u ttimbrata tingħata, suġġetta għall-firma, lill-komparenti, li jiġi infurmat dwar il-post, il-jum u s-siegħa tal-konċiljazzjoni, li għandha ssir fit-termini legali. Fil-każ fejn il-komparenti mhuwiex l-applikant u jirrifjuta ċ-ċitazzjoni, din tiġi nnotifikata bl-istess mod bħall-partijiet l-oħra kkonċernati.

[…]

Artikolu 10

Meta jingħata bidu għas-seduta, wara li jissejħu l-partijiet, li jistgħu jiġu akkumpanjati minn persuna ta’ kunfidenza tagħhom, il-konċiljatur jivverifika l-identità tagħhom, il-kapaċità tagħhom u s-setgħa tagħhom ta’ rappreżentanza u, wara li l-applikant ikun ta l-kunsens tiegħu, jagħtihom il-kelma, sabiex jesponu l-pretenzjonijiet u l-motivi tagħhom, fejn il-preżentazzjoni ta’ dokumenti u provi oħra mhijiex obbligatorja.

Wara dan, il-konċiljatur jistieden lill-persuni kkonċernati sabiex jaslu għal ftehim, mgħejjuna, jekk ikun il-każ, mill-persuni ta’ kunfidenza tagħhom, billi jagħtuhom il-kelma skond kemm ikun neċessarju u billi eventwalment jissuġġerulhom soluzzjonijiet ekwi. Huwa jżomm l-ordni matul id-diskussjoni u għandu l-jedd li jinterrompiha, fil-każ ta’ disturbanzi jew jekk jirriżulta li huwa impossibbli li jintlaħaq ftehim: fiż-żewġ każijiet il-proċedura titqies bħala konkluża mingħajr ftehim.

Il-konċiljatur għandu jieħu l-minuti tas-seduta u jiġbor bl-iktar mod ċar possibbli l-kontenut tal-ftehim bejn il-persuni kkonċernati. Jekk l-ebda ftehim ma jiġi konkluż, huwa għandu jikkonstata dan b’mod espliċitu.

L-att għandu jiġi ffirmat mill-persuni kkonċernati u mill-konċiljatur u jekk wieħed minnhom ma jafx jew ma jistax jiffirma, dan għandu jiġi indikat u l-persuna ta’ kunfidenza tista’ tiffirma minnfloku. Bl-istess mod, fil-każ li jkun hemm rifjut ta’ firma, dan ir-rifjut u l-motivi tiegħu, jekk huma magħrufa, għandhom jiġu indikati b’mod espliċitu, u l-proċedura tiġi għaldaqstant meqjusa bħala konkluża mingħajr ftehim.

Immedjatament wara l-att ta’ konċiljazzjoni, il-konċiljatur għandu jgħaddi kopja ċertifikata tal-minuti lill-persuni kkonċernati.

Artikolu 11

Deċiżjoni matul il-konċiljazzjoni quddiem iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni, ta’ Arbitraġġ u ta’ Konċiljazzjoni hija eżekutorja u torbot il-qrati industrijali.

[…]”

Il-konċiljazzjoni ġudizzjarja

15

Il-konċiljazzjoni ġudizzjarja hija regolata mill-Artikolu 84 ta’ l-LPL, li jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-organu ġudizzjarju, li jiddeċiedi f’seduta pubblika, jipprova l-konċiljazzjoni billi jindika lill-partijiet id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, bla ħsara għall-kontenut tad-deċiżjoni eventwali. Jekk l-organu ġudizzjarju jqis li l-kontenut tal-ftehim ta’ konċiljazzjoni jikkostitwixxi preġudizzju serju għal waħda mill-partijiet, evażjoni frawdolenta tal-liġi jew ta’ abbuż tad-dritt, huwa ma japprovax dan il-ftehim.

2.   Huwa jista’ japprova l-ftehim f’kull mument qabel ma jagħti d-deċiżjoni tiegħu.

[…]”

16

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Fogasa fil-proċeduri ġudizzjarji tad-dritt industrijali, l-Artikolu 23 ta’ l-LPL jgħid:

“1.   Il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga jista’ jidher bħala parti, f’kull mument, fi proċedura li tista’ tagħti lok għall-ħlas mill-imsemmi Fond ta’ Garanzija tal-Paga, ta’ pagi jew kumpens lill-ħaddiema; il-proċeduri la jiġu mtawwla u lanqas sospiżi minħabba l-intervent tiegħu.

[…]”

Id-drittijiet u l-obbligi tal-Fogasa

17

Skond l-Artikoli 274 u 275 ta’ l-LPL, li jirregolaw il-parteċipazzjoni tal-Fogasa fil-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ insolvenza ta’ l-impriżi:

Artikolu 274

1.   Qabel id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza, jekk il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga ma ssejjaħx qabel, huwa jinstema’ sa terminu massimu ta’ ħmistax-il jum, sabiex ikun jista’ jitlob l-adozzjoni tal-miżuri opportuni u jistabbilixxi l-proprjetà tad-debitur prinċipali li dwarhom kellu għarfien.

2.   Fit-tletin jum ta’ wara l-adozzjoni tal-miżuri mitluba mill-Fond ta’ Garanzija tal-Pagi, il-qorti adita bil-każ għandha toħroġ digriet li jiddikjara, jekk hemm lok, l-insolvenza totali jew parzjali tal-persuna li tħaddem, u tiffissa għaldaqstant il-valur li bih il-proprjetà ssekwestrata hija evalwata. L-insolvenza titqies għall-finijiet kollha bħala provviżorja, sakemm issir magħrufa l-proprjetà tal-persuna li tħaddem jew sakemm il-beni ssekwestrati jinbiegħu.

[…]

Artikolu 275

1.   Meta l-proprjetà li tsita’ tiġi ssekwestrata tagħmel parti mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ l-impriża debitriċi u din tkompli bl-attività tagħha, il-Fond ta’ Garanzija tal-Paga jista’ jitlob is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni, għal terminu ta’ tletin jum […]

2.   Ladarba l-Fond ta’ Garanzija tal-Paga jikkonstata l-impossibbiltà li jitħallsu l-pagi dovuti, […]huwa jgħarraf dan, flimkien mal-motivi, billi jitlob id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza biss għall-finijiet li tiġi rikonoxxuta l-provvista ta’ garanzija tal-paga.”

18

L-Artikolu 28(3) tad-Digriet Irjali 505/1985, tas-6 ta’ Marzu 1985, li jipprovdi għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tal-Paga (BOE Nru 92, tas-17 ta’ April 1985, p. 10203), jipprovdi r-regoli dwar it-trattament tat-talbiet sabiex il-Fogasa tagħmel tajjeb kif ġej:

“Fl-iskadenza, jekk hemm lok, tal-perijodu ta’ investigazzjoni msemmi fil-punt 2 iktar ’il fuq, is-Segretarjat Ġenerali jagħti deċiżjoni qabel ħamest ijiem, li fiha jilqa’, totalment jew parzjalment, jew jiċħad it-talbiet. Għandhom jiġu miċħuda t-talbiet ta’ provvista ta’ benefiċċji li jkunu abbużivi jew frawdolenti u dawk fejn il-ħlas huwa inġustifikat minħabba l-eżistenza ta’ interess komuni bejn l-impjegati u min iħaddimhom sabiex joħolqu apparenza ta’ insolvenza legali bil-għan li jiksbu vantaġġi mill-Fond ta’ Garanzija tal-Paga.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Is-Sinjura Robledillo Núñez, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet tagħmel parti mill-persunal tal-kumpannija Linya Fish SL (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Linya Fish”) matul il-perijodu ta’ bejn l-4 ta’ Ottubru 2001 u t-28 ta’ Jannar 2003, data li fiha rċeviet is-sensja minn din il-kumpannija.

20

Wara talba għal konċiljazzjoni mressqa minn Robledillo Núñez quddiem iċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni, ta’ Arbitraġġ u ta’ Konċiljazzjoni, ta’ Algeciras, il-partijiet ikkonkludew, fit-2 ta’ April 2003, ftehim ta’ konċiljazzjoni minħabba l-irregolarità tas-sensja, skond liema l-kumpannija Linya Fish irrikonoxxiet li kellha tagħti lil Robledillo Núñez is-somma ta’ EUR 1237 (iktar ’il quddiem il-“kumpens għas-sensja”), minkejja li, skond il-qorti tar-rinviju, dan il-kumpens ma jista’ fl-ebda każ jaqbeż l-ammont ta’ EUR 1186.

21

Fil-5 ta’ Mejju 2004, fil-kuntest tad-deċiżjoni eżekutorja mogħtija mill-imsemmija qorti fuq rikors ta’ Robledillo Núñez kontra l-kumpannija Linya Fish, ingħatat deċiżjoni ta’ insolvenza provviżorja. Fis-26 ta’ Novembru 2004, abbażi ta’ din l-aħħar deċiżjoni, Robledillo Núñez talbet lill-Fogasa tħallsilha s-somma korrispondenti għall-kumpens għas-sensja li din il-kumpannija ma kinitx ħallsitilha.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2005, il-Fogasa ċaħdet kompletament din it-talba, minħabba li l-kumpens għas-sensja ma kienx ġie rrikonoxxut minn ebda deċiżjoni tal-qorti jew minn deċiżjoni amministrattiva.

23

Fil-5 ta’ Mejju 2006, Robledillo Núñez ressqet, quddiem il-Juzgado de lo Social Único de Algeciras, rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Fogasa. Hija tikkontesta r-rifjut minn din ta’ l-aħħar li tħallsilha l-kumpens għas-sensja previst mill-ftehim ta’ konċiljazzjoni.

24

Il-qorti nazzjonali tippreċiża, fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, li d-dritt Spanjol jipprovdi, fl-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel il-15 ta’ Ġunju 2006, għall-ħlas tal-kumpens dovut minħabba t-tmiem ta’ relazzjoni ta’ xogħol, iżda biss meta dan jiġi rikonoxxut minn deċiżjoni tal-qorti jew minn deċiżjoni amministrattiva favur ħaddiema minħabba s-sensja tagħhom jew minħabba t-terminazzjoni ta’ kuntratt. Peress li ma jissemmewx fl-imsemmija dispożizzjoni ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, il-kumpensi rikonoxxuti waqt proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja ma jagħmlux parti, skond din l-istess qorti, minn dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Fogasa.

25

Filwaqt li rreferiet għad-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2005, Guerrero Pecino (C-177/05, Ġabra p. I-10887), dwar kumpens stabbilit matul proċedura ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja, il-qorti tar-rinviju tippreċiża d-differenza bejn il-konċiljazzjoni extraġudizzjarja u l-konċiljazzjoni ġudizzjarja, fis-sens li din ta’ l-aħħar issir quddiem tribunal, li jista’ għalhekk jirrifjuta li japprovah skond l-Artikolu 84(1) ta’ l-LPL, filwaqt li l-konċiljazzjoni extraġudizzjarja ssir quddiem organu inkarigat speċifikament minn din il-ħidma, li m’għandhu l-ebda possibbiltá li jistħarreġ il-kontenut tal-ftehim u lanqas kompetenza sabiex japprova jew jiddiżapprova dan il-ftehim. Din id-differenza legali bejn dawn iż-żewġ metodi ta’ konċiljazzjoni hija intiża sabiex twaqqaf aġir frawdolenti possibbli. Madankollu, skond l-istess qorti, il-Fogasa tista’ fil-fatt tirrifjuta l-ħlas tal-kumpens għas-sensja ffissat skond il-proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja billi tibbaża ruħha fuq il-frodi kkonstatati fil-kuntest tal-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex jinkisbu benefiċċji minn dan l-organu fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Juzgado de lo Social Único de Algeciras iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni, għandu jiġi kkusidrat li d-differenza fit-trattament li jopera l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut […] tal-Ħaddiema, fil-verżjoni attwali tagħha u f’dik preċedenti li baqgħet fis-seħħ sa l-14 ta’ Ġunju 2006, hija oġġettivament nieqsa minn ġustifikazzjoni u li konsegwentement huwa meħtieġ li l-kumpensi għas-sensja li jkunu dovuti lill-impjegat minħabba konċiljazzjoni extraġudizzjarja, jiġu inklużi fil-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 80/987 […], fil-verżjoni li tirriżulta mid-Direttiva 2002/74 […], meta l-Artikolu 33(1) ta’ l-imsemmi Statut tal-Ħaddiema jammetti dan it-tip ta’ konċiljazzjoni għall-finijiet tal-ħlas mill-Istitut ta’ Garanzija ta’ ‘salarios de tramitación’ dovuti bħala konsegwenza ta’ l-istess sensja?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tibbaża ruħha fuq id-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq, tistaqsi jekk l-esklużjoni tal-kumpensi mogħtija minħabba sensja irregolari mill-garanzija ta’ ħlas iggarantit mill-istituzzjonijiet ta’ garanzija previsti mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 hijiex oġġettivament ġustifikata, bħala miżura neċessarja sabiex jiġu evitati l-abbużi adottata abbażi ta’ l-Artikolu 10(a) ta’ din l-istess direttiva, meta l-imsemmija kumpensi huma rikonoxxuti minn att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja.

28

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond l-ewwel paragafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ garanzija jiggarantixxu, b’riżerva għall-Artikolu 4 ta’ l-istess direttiva, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta’ xogħol jew minn relazzjonijiet ta impjieg, inkluż, meta l-liġi nazzjonali hekk tipprovdi, id-danni għall-waqfien tar-relazzjoni tax-xogħol.

29

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 80/987, peress li tinkorpora l-ħlas ta’ danni għall-waqfien mir-relazzjoni tax-xogħol fil-kuntest tal-protezzjoni mogħtija mill-istituzzjoni ta’ garanzija kompetenti, u dan anke meta hija mhijiex marbuta tagħmel dan skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3, ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 31, u tas-17 ta’ Jannar 2008, Velasco Navarro, C-246/06, Ġabra p. I-105, punt 32).

30

Għalhekk, il-kompetenza li l-imsemmija direttiva tagħti lid-dritt nazzjonali li jindika l-benefiċċji li minnhom hija inkarigata l-istituzzjoni ta’ garanzija hija suġġetta għall-eżiġenzi li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punti 29 sa 33, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2004, Olaso Valero, C-520/03, Ġabra p. I-12065, punti 34 u 35).

31

Peress li l-ħaddiema ssensjati b’mod irregolari jinsabu f’sitwazzjoni kumparabbli safejn għandhom dritt għal kumpens fil-każ fejn ma jerġgħux jiġu integrati mill-ġdid (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rodríguez Caballero, punt 33, u Olaso Valero, punt 35), jirriżulta li l-kumpensi għas-sensja rikonoxxuti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja ma jistgħux jiġu trattati b’mod differenti minn kumpensi oħra dovuti, billi jiġu esklużi mill-kumpensi li jaqgħu taħt l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, f’dan is-sens, id-digriet Guerrero Pecino, iċċitat iktar ’il fuq, punti 26 u 28, kif ukoll is-sentenza Olaso Valero, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 36).

32

Fir-rigward tat-tali ġustifikazzjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 80/987 jagħti lill-Istati Membri l-kompetenza li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiġu evitati l-abbużi (ara s-sentenza Rodríguez Caballero, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Għal dan il-għan, id-dritt Spanjol jipprovdi li l-kumpensi għas-sensja mogħtija wara proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċji li minnhom hija inkarigata l-Fogasa.

33

Esklużjoni ta’ dan it-tip ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jinkiseb l-għan imfittex mill-imsemmi Artikolu 10(a) meta istituzzjoni ta’ garanzija jkollha elementi suffiċjenti sabiex tkun f’pożizzjoni li tevita l-abbużi. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-konċiljazzjoni tiġi sorveljata minn organu ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rodríguez Caballero, punti 36 u 37, kif ukoll Olaso Valero, punt 37).

34

F’dan ir-rigward, il-Gvern Spanjol iqis li l-konċiljazzjoni extraġudizzjarja mhijiex kumparabbli mal-konċiljazzjoni ġudizzjarja minħabba l-fatt li ma tinkludix biżżejjed garanziji li jippermettu li jiġi evitat l-abbuż. Bil-kontra ta’ dan, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tqis li t-trattament differenti evidenzjat mid-deċiżjoni tar-rinviju huwa nieqes minn kull ġustifikazzjoni oġġettiva. Il-Fogasa għandha mezzi adegwati u suffiċjenti biex tikkonstata u timpedixxi l-frodi f’każijiet konkreti.

35

Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li, skond id-deċiżjoni ta’ rinviju, ftehim magħmul fuq kumpens għas-sensja konkluż matul proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja jsir fin-nuqqas ta’ kull organu ġudizzjarju. B’mod partikolari, l-elaborazzjoni ta’ ftehim bħal dan mhijiex issorveljata minn Imħallef. Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 10 tad-Digriet Irjali 2756/1979, il-konċiljatur mhuwiex investit bis-setgħat li jippermettilu li jkollu influwenza fuq il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

36

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 23 ta’ l-LPL ma jipprovdix l-intervent tal-Fogasa matul il-proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja. B’differenza għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni ġudizzjarja, l-istituzzjoni ta’ garanzija mhijiex awtorizzata tipparteċipa fi proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja. Konsegwentement, il-Fogasa mhijiex f’pożizzjoni, fil-prattika, li tittratta ċirkustanzi li jikkostitwixxu abbuż jew frodi.

37

Bl-istess mod, il-parteċipazzjoni ta’ Fogasa fil-proċedura ta’ dikjarazzjoni ta’ insolvenza tal-persuna li tħaddem ikkonċernata lanqas ma tippermetti lil dan l-organu li jikkontesta pretensjoni relatata ma’ kumpens għas-sensja li huwa jissuspetta li jkun ġie stabbilit b’mod abbużiv. Fil-fatt, mill-Artikoli 274 u 275 ta’ l-LPL jirriżulta li din il-proċedura tirrigwarda biss l-eżistenza ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddem u d-dikjarazzjoni ta’ din l-insolvenza. Min-naħa l-oħra, ladarba l-insolvenza tkun ġiet iddikjarata, l-imsemmija proċedura m’għandhiex bħala għan li tistħarreġ il-legalità tal-pretensjonijiet li minnhom hija inkarigata l-Fogasa.

38

Fit-tieni lok, skond id-Digriet Irjali 2756/1979, l-att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja li jwassal għal ftehim fuq il-kumpensi għas-sensja jiżvolġi quddiem l-organi taċ-Ċentru ta’ Medjazzjoni, ta’ Arbitraġġ u ta’ Konċiljazzjoni. Il-ftehim hekk konkluż mhuwiex suġġett għall-approvazzjoni ta’ organu ġudizzjarju, peress li l-konċiljatur mhuwiex kompetenti sabiex jistħarreġ il-kontenut tal-ftehim kif għandu l-kompetenza li jagħmel l-organu ġudizzjarju, skond l-Artikolu 84 ta’ l-LPL, matul konċiljazzjoni ġudizzjarja.

39

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-possibbiltà li l-istituzzjoni ta’ garanzija tirrifjuta, permezz ta’ deċiżjoni motivata, il-ħlas ta’ kumpens għas-sensja, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Rodríguez Caballero, punt 36), mill-Artikolu 28(3) tad-Digriet Irjali 505/1985 jirriżulta li istituzzjoni bħal tista’ tiċħad effettivament it-talba ta’ ħlas biss jekk hija tkun f’pożizzjoni, per eżempju f’ eventwali proċeduri ġudizzjarji ulterjuri, li tressaq il-prova ta’ ċirkustanzi li jippermettu li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ każ ta’ abbuż fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Issa, fil-prattika, huwa diffiċli li jiġi mifhum il-mod li bih l-istituzzjoni ta’ garanzija kkonċernata tista’, jekk ikun il-każ, tistabbilixxi u tipprova ċirkustanzi bħal dawn, peress li din ta’ l-aħħar mhijiex ammessa tipparteċipa fil-proċedura ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tas-setgħa ta’ l-istituzzjoni ta’ garanzija li tressaq rikors skond l-Artikolu 67(1) ta’ l-LPL.

40

Għandu jiġi konkluż li l-kumpensi għas-sensja rikonoxxuti minn att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja ma joffrux garanziji suffiċjenti sabiex jiġu evitati l-abbużi, bil-kontra ta’ dawk li huma ffissati matul proċedura ta’ konċiljazzjoni li tkun saret fil-preżenza ta’ organu ġudizzjarju u fejn l-istituzzjoni ta’ garanzija għandha d-dritt tintervjeni.

41

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mir-regoli dwar is-“salarios de tramitación” li jinsabu fl-Artikolu 33(1) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, li ma jipprovdux protezzjoni ekwivalenti għal dik relatata mal-kumpensi mogħtija skond il-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu 33 sabiex jiġu evitati l-abbużi. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li d-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali hija intiża wkoll sabiex isir magħruf jekk, għall-kumpensi previsti fl-imsemmi Artikolu 33(2), il-mużura ta’ protezzjoni in kwistjoni hijiex effettivament neċessarja fis-sens ta’ l-Artikolu 10(a) tad-Direttiva 80/987.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, minnhom infushom, pretensjonijiet bħas-“salarios de tramitación” mhumiex, b’mod ġenerali, tali li jistgħu jiġu stabbiliti taħt kundizzjonijiet abbużivi ladarba jkunu ġew rikonoxxuti minn att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja. Peress li dawn il-pretensjonijiet huma kkalkolati u stabbiliti skond kriterji oġġettivi, dawn ma jagħtux lill-partijiet, b’differenza għal kumpensi kkalkolati skond l-Artikolu 33(2) ta’ l-Istatut tal-Ħaddiema, marġini ta’ diskrezzjoni suffiċjenti li jinċentiva l-abbużi fil-mument tad-determinazzjoni tagħhom.

43

In-neċessità li l-kumpensi rikonoxxuti f’att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja jiġu esklużi mill-garanzija ta’ ħlas ta’ pretensjonijiet li baqgħu ma tħallsux mill-istituzzjoni ta’ garanzija ma tistax għaldaqstant tiġi kkonfutata fid-dawl tat-trattament li minnhom jibbenefikaw pretensjonijiet bħal tas-“salarios de tramitación”.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu l-kompetenza li jeskludi kumpensi mogħtija għas-sensja irregolari mill-garanzija ta’ ħlas iggarantita mill-istituzzjoni ta’ garanzija skond din id-dispożizzjoni meta dawn ikunu ġew rikonoxxuti minn att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja u meta din l-esklużjoni, oġġettivament ġustifikata, tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jiġu evitati l-abbużi, fis-sens ta’ l-Artikolu 10(a) ta’ l-istess direttiva.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE, ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980, dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ insolvenza ta’ min iħaddimhom, kif emendata bid-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Settembru 2002, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu l-kompetenza li jeskludi kumpensi mogħtija għas-sensja irregolari mill-garanzija ta’ ħlas iggarantita mill-istituzzjoni ta’ garanzija skond din id-dispożizzjoni meta dawn ikunu ġew rikonoxxuti minn att ta’ konċiljazzjoni extraġudizzjarja u meta din l-esklużjoni, oġġettivament ġustifikata, tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex jiġu evitati l-abbużi, fis-sens ta’ l-Artikolu 10(a) ta’ l-istess direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.