Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C‑314/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2006, fil-kawża
Société Pipeline Méditerranée et Rhône (SPMR)
vs
Administration des douanes et droits indirects
Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières (DNRED),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta’ l-Awla, L. Bay Larsen, K.Schiemann, P. Kūris u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, kap ta’ diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2007,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal société Pipeline Méditerranée et Rhône (SPMR), minn H. Hazan, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-Ch. Gracia, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J.‑P. Keppenne u W. Mölls, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 365 p. 46, iktar’il quddiem id-“Direttiva 92/12”).
2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-société Pipeline Méditerranée et Rhône (SPMR) (iktar’il quddiem, “SPMR”) minn naħa waħda, u l-Administration des douanes et droits indirects (l-amministrazzjoni tad-dwana u t-taxxi indiretti, iktar’il quddiem l-“amministrazzjoni”) u d-Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières (id-dipartiment nazzjonali ta’ l-informazzjoni u l-investigazzjonijiet doganali) (DNRED) min-naħa l-oħra, dwar id-dazji tas-sisa mitluba mill-amministrazzjoni lil SPMR fuq fjuwil li ħareġ minn pipeline li fih dan il-prodott kien qiegħed jiġi ttrasportat taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa, wara l-ħruġ tal-fjuwil u l-fqugħ sussegwenti ta’ dan il-pipeline.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt komunitarju
3. Skond l-ewwel premessa tad-Direttiva 92/12, “is-suq intern li jkun stabbilit u l-iffunzjonar tiegħu jeħtieġ il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti, inklużi dawk soġġetti għad-dazju tas-sisa”. Ir-raba’ premessa ta’ din id-direttiva tgħid ukoll li, “sabiex jiġi żgurat l-istabbiltà u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri [kollha]”.
4. Hekk kif jispeċifika l-Artikolu 1(1), id-Direttiva 92/12 “tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità”.
5. L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:
– żjut minerali,
[...]”
6. L-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija direttiva jgħid li, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“a) magazzinier awtorizzat : persuna naturali jew legali awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li tipproduċi, tipproċessa, iżżomm, tirċievi jew tibgħat prodotti fil-kors tan-negozju tagħha, bid-dazju tas-sisa jiġi sospiż taħt arranġament ta’ magazzinaġġ tat-taxxa;
b) maħżen tat-taxxa : lok fejn oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa huma prodotti, proċessati, miżmuma, riċevuti jew mibgħuta taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju minn magazzinier awtorizzat fil-kors tan-negozju tiegħu, bla ħsara għal ċerti kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn icon [ikun] jinsab il-maħżen tat-taxxa;
ċ) arranġament ta’ sospensjoni : arranġament ta’ taxxa applikat għall-produzzjoni, proċessar, żamma u ċaqliq ta’ prodotti, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż;
[...]”
7. L-Artikolu 5 tad-Direttiva 92/12 jipprovdi:
“1. Il-prodotti riferiti fl-Artikolu 3(1) għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa fiż-żmien tal-produzzjoni tagħhom ġewwa t-territorju tal-Komunità kif definit fl-Artikolu 2 jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dak it-territorju.
’Importazzjoni ta’ prodott soġġett għad-dazju tas-sisa’ għandha tfisser id-dħul ta’ dak il-prodott fit-territorju tal-Komunità [...]
Iżda, meta l-prodott jitqiegħed taħt proċedura tad-dwana tal-Komunità mad-dħul fit-territorju tal-Komunità, l-importazzjoni għandha titqies li seħħ meta jkun għadda mill-proċedura tad-dwana tal-Komunità.
2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali jew tal-Komunità dwar kwistjonijiet tad-dwana, meta prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa:
– ikunu ġejjin minn, jew sejrin lejn, pajjiżi mhux membri [...] u jkunu jaqgħu taħt waħda mill-proċeduri sospensivi ta’ dwana elenkati fl-Artikolu 84(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 [...] jew f’żona ħielsa jew f’warehouse ħielsa,
[...]
id-dazju tas-sisa fuqhom għandu jitqies li jkun sospis.
[...]”
8. L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jgħid:
“Id-dazju tas-sisa għandu jsir dovut fiż-żmien tar-rilaxx għall-konsum jew meta jiġu rekordjati nuqqasijiet li għandhom ikunu soġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3).
Rilaxx għall-konsum ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandha tfisser:
a) kull tluq, inkluż tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni;
[...]”
9. L-Artikolu 12 ta’ l-imsemmija Direttiva jgħid:
“Il-ftuħ u t-tħaddim ta’ l-imħażen tat-taxxa għandhom ikunu bla ħsara għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri”.
10. Skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 92/12:
“Magazzinier awtorizzat għandu jkun meħtieġ li:
a) jipprovdi garanzija, jekk meħtieġ, li tkopri l-produzzjoni, l-ipproċessar u z-zamma tal-merkanzija u garanzija tassattiva li tkopri l-moviment, soġġetta għall-Artikolu 15(3),
[…]
b) jikkonforma mal-ħtiġijiet imniżżla mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-maħżen tat-taxxa;
[…]
e) jagħti l-kunsens tiegħu għall-verifiki ta’ immonitorjar u ħażniet.
[…]”
11. L-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva jgħid:
“1. Il-magazziniera awtorizzati għandhom ikunu eżentati mid-dazju dwar it-telf li jseħħ taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni li huma attribwibbli għal ġrajjiet aċċidentali jew ta’ force majeure u stabbiliti mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru konċernat. Għandhom ukoll ikunu eżentati, taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni, dwar xi telf inerenti fin-natura tal-prodott matul il-produzzjoni u l-ipproċessar, il-ħażna jew it-trasport. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom għandhom jingħataw dawn l-eżenzjonijiet. Dawn l-eżenzjonijiet għandhom jgħoddu b’mod ugwali għan-negozjanti kif riferit fl-Artikolu 16 matul it-trasport tal-prodotti taħt l-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa.
[...]
3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, id-dazju fuq in-nuqqasijiet barra min-nuqqasijiet riferiti fil-paragrafu 1, u n-nuqqasijiet li dwarhom l-eżenzjonijiet riferiti fil-paragrafu 1 ma’ jingħatawx għandu jiġi mpost fuq il-bażi tar-rati applikabbli fl-Istati Membri konċernati fiż-żmien li fih seħħ in-nuqqas, debitament stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, jew fejn meħtieġ fiż-żmien li fih kien rekordjat in-nuqqas.
[...]”
12. L-Artikolu 15(3) ta’ l-imsemmija Direttiva jgħid:
“Ir-riskji ta’ moviment ta’ oġġetti ġewwa l-Komunità għandhom ikunu koperti bil-garanzija mogħtija mill-warehousekeeper tal-kunsinni awtorizzat, kif provdut fl-Artikolu 13 […]
Jekk żjut minerali soġġetti għat-taxxa tas-sisa jkunu trasportati ġewwa l-Komunità bil-baħar jew permezz tal-pipeline, l-Istati Membri jistgħu jirrilaxxaw lill-warehousekeepers tal-kunsinni awtorizzati mill-obbligazzjoni li jipprovdi l-garanzija msemmija fl-ewwel subparagrafu.
[…]”
Id-dritt nazzjonali
13. L-Artikolu 158 C tal-kodiċi doganali, li jittrasponi l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 fid-dritt Franċiż, jipprovdi:
“It-telf tal-prodotti li jinsabu taħt arranġamenti ta’ magazzinaġġ tat-taxxa għal prodotti taż-żejt mhux raffinat mhuwiex suġġett għal taxxa jekk tingħata prova lill-awtorità amministrattiva:
1. li jirriżulta minn ġrajjiet aċċidentali jew ta’ każ ta’ forza maġġuri;
2. jew li huwa inerenti fin-natura tal-prodotti. Il-Ministru tal-Finanzi jista’ jadotta regolamenti li jistabbilixxu għal dan il-għan limitu fiss għat-telf eżenti mid-dazju għal kull tip ta’ prodott u għal kull mezz ta’ trasport”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
14. SPMR, li hija magazzinier awtorizzat, topera pipeline li fih jiġi ttrasportat fjuwil taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa lejn l-Iżvizzera. Wara li kkonstatat li kien qed joħroġ xi fjuwil, imbagħad fl-1 ta’ Jannar 1997, il-fqugħ ta’ dan il-pipeline, SPMR talbet li tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji tas-sisa mitluba mill-amministrazzjoni fuq is-795 201 1 tal-prodotti taż-żejt li kienu intilfu, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 158 C tal-kodiċi doganali. Peress li sostniet li l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-forza maġġuri ma kinux sodisfatti, l-amministrazzjoni baqgħet titlob il-ħlas tad-dazji tas-sisa fuq il-kwantitajiet mitlufa, u naqqset biss il-kwantitajiet li jikkorrispondu għas-sustanzi li jniġġsu rkuprati mill-art.
15. L-amministrazzjoni fetħet kważa kontra SPMR għall-ħlas tad-dazji quddiem it-tribunal d’instance de Neuilly-sur-Seine. Madankollu, dan iddikjara din l-azzjoni preskritta.
16. Fl-appell, il-cour d’appel de Versailles, permezz tas-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 2002 u tat-23 ta’ Marzu 2004, annullat id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza, billi kkunsidrat li t-talba ta’ l-amministrazzjoni kienet ammissibbli u li SPMR ma setgħetx tirrikorri għall-forza maġġuri, kunċett li huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, li ma jistgħux jiġu evitati u li joriġinaw minn kawża indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat.
17. SPMR appellat quddiem il-Cour de cassation kontra dawn is-sentenzi. Hija kkontestat b’mod partikolari l-fatt li l-qorti ta’ l-appell iddeċidiet li ma setgħetx tirrikorri għal “ġrajjiet aċċidentali” jew għal “każ ta’ forza maġġuri” skond l-Artikolu 158 C tal-kodiċi doganali u, konsegwentement, li ddikjarat li hi marbuta tħallas id-dazji u t-taxxi fuq il-prodotti taż-żejt mitlufa, u invokat, f’dan ir-rigward, żewġ motivi sabiex issostni l-appell tagħha.
18. Minn naħa, SPMR sostniet li, billi rrikjediet li t-telf tal-prodotti taż-żejt kellu jirriżulta minn ċirkustanzi imprevedibbli u indipendenti mir-rieda tagħha, u billi rrifjutat li tfittex jekk il-ħruġ tal-fjuwil u l-fqugħ tal-pipeline li kienu kkawżaw dan it-telf setgħux jiġu evitati, il-cour d’appel kisret l-Artikolu 158 C tal-kodiċi doganali. SPMR affermat, għall-kuntrarju, li skond din id-dispożizzjoni, il-“ġrajjiet aċċidentali” jew il-“każ ta’ forza maġġuri” huma kkaratterizzati biss mill-fatt li ċ-ċirkustanzi jkunu inevitabbli.
19. Min-naħa l-oħra, SPMR sostniet li hija setgħet tibbenefika mill-eżenzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 158 C ukoll għar-raġuni li t-telf tal-prodotti taż-żejt ittrasportati mill-pipeline difettuż kien inerenti għan-natura fluwida, tagħhom. Il-fatt li l-amministrazzjoni aċċettat li ma tintaxxax is-sustanzi li jniġġsu rkuprati mill-art jimplika, fid-dawl ta’ l-imsemmija natura fluwida tal-prodotti taż-żejt, li dawk li ma setgħux jiġu rkuprati minħabba n-natura ta’ l-art, lanqas ma jmisshom jiġu intaxxati.
20. Wara li stabbiliet li l-kodiċi doganali jittrasponi fid-dritt Franċiż id-Direttiva 92/12, u wara li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-kunċett ta’ forza maġġuri mhuwiex identiku fl-oqsma differenti ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju u t-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita abbażi tal-kuntest legali li fih huwa jkun qed jintuża, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Il-kunċett ta’ każ ta’ forza maġġuri li jikkawża telf li jseħħ taħt arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju, skond l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 [...], għandu jiġi interpretat fis-sens ta’ ċirkustanzi imprevedibbli, li ma jistgħux jiġu evitati u li joriġinaw minn kawża indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat li juża ċirkustanzi bħal dawn in sostenn tat-talba tiegħu għal eżenzjoni jew huwa suffiċjenti li l-magazzinier awtorizzat ma setax jevita dawn iċ-ċirkustanzi?
2) It-telf ta’ parti mill-prodotti li ħarġu minn pipeline minħabba n-natura fluwida tagħhom u l-karatteristiċi ta’ l-art li fuqha waqgħu, li ostakolaw l-irkupru tagħhom u kkawżaw it-tassazzjoni tagħhom, jista’ jiġi kkunsidrat bħala inerenti għan-natura tal-prodotti, skond l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 [...]?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda, dwar il-kunċett ta’ “forza maġġuri” skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12
21. Hemm lok li jiġi mfakkar li s-sistema legali Komunitarja bħala regola m’għandhiex l-għan li tiddefinixxi l-kunċetti billi tispira ruħha minn sistema legali nazzjonali jew minn bosta sistemi legali mingħajr dispożizzjoni espressa li tipprovdi dan (ara s-sentenzi ta’ l-14 ta’ Jannar 1982, Corman, 64/81, Ġabra p. 13, punt 8; tat-2 ta’ April 1998, EMU Tabac et , C-296/95, Ġabra p. I‑1605, punt 30 u tat-22 ta’ Mejju 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-103/01, Ġabra p. I‑5369, punt 33). Safejn l-Artikolu 14(1) ta’ l-imsemmija Direttiva 92/12 jipprovdi, fit-tielet sentenza tiegħu, li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-eżenzjonijiet previsti fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jingħataw, din ir-referenza għad-dritt nazzjonali ma tikkonċernax il-kontenut jew il-portata tal-kunċett tal-“forza maġġuri” li jissemma’ f’din l-ewwel sentenza.
22. Fil-fatt, skond ir-raba’ premessa tad-Direttiva 92/12, sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-iffunzjonar tas-suq intern, il-ħlas tad-dazji tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri kollha. Safejn il-kontenut tal-kunċett ta’ forza maġġuri huwa fattur li jista’ jikkontribwixxi, skond il-każ, għad-determinazzjoni tal-kwistjoni jekk id-dazji tas-sisa humiex eżiġibbli, dan il-kunċett huwa inevitabbilment ta’ natura awtonoma u l-uniformità ta’ l-interpretazzjoni tiegħu fl-Istati Membri kollha għandha tiġi ggarantita.
23. Skond ġurisprudenza kostanti, stabbilit f’kuntesti differenti bħal dak tal-leġiżlazzjoni agrikola jew tar-regoli dwar it-termini li fih jista’ jiġi ppreżentat rikors stipulati fl-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ forza maġġuri mhuwiex limitat għal dak ta’ l-impossibbiltà assoluta, iżda għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi indipendenti mir-rieda ta’ l-operatur, mhux normali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, puint 31, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2002, Parras Medina, C‑208/01, Ġabra p. I‑8955, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
24. Minn dan jirriżulta li, hekk kif il-Qorti tal-Ġusitzzja diġà speċifikat, il-kunċett ta’ forza maġġuri jinkludi element oġġettiv, relattiv għaċ-ċirkustanzi mhux normali u indipendenti mir-rieda ta’ l-operatur, u element suġġettiv, relattiv għall-obbligu, fil-konfront tal-parti kkonċernata, li tipproteġi ruħha kontra l-konsegwenzi ta’ l-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma tagħmel sagrifiċċji eċċessivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punt 32, u d-digriet tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs L-UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 25).
25. Madankollu, jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li, peress li l-kunċett ta’ forza maġġuri mhuwiex identiku fl-oqsma differenti ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, it-tifsira tiegħu għandha tiġi stabbilita skond il-kuntest legali li fih jopera (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 1993, An Bord Bainne Co-operative u Compagnie Inter-Agra, C‑124/92, Ġabra p. I‑5061, punt 10, kif ukoll tad-29 ta’ Settembru 1998, First City Trading et , C‑263/97, Ġabra p. I‑5537, punt 41).
26. Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “forza maġġuri” skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, l-istruttura u l-għan ta’ din id-direttiva jimponux li l-elementi kostituttivi tal-forza maġġuri hekk kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti ċċitata fil-punt 23 ta’ din is-sentenza jiġu interpretati u applikati b’xi mod partikulari.
27. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ewwel u mir-raba’ premessi tad-Direttiva 92/12, li din għandha l-għan li tassigura l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern għall-merkanzija suġġetta għad-dazji tas-sisa u, għal dan il-għan, tistabbilixxi sistema ġenerali li fiha l-ħlas tad-dazju tas-sisa għandu jkun identiku fl-Istati Membri kollha.
28. Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/12, huma suġġetti għall-ħlas tad-dazju tas-sisa, il-prodotti koperti mill-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, fosthom iż-żjut minerali, fiż-żmien tal-produzzjon tagħhom fit-territorju tal-Komunità jew ta’ l-importazzjoni tagħhom f’dan it-territorju. Filwaqt li l-fatt li jagħti lok għall-ħlas tad-dazju tas-sisa huwa l-produzzjoni jew l-importazzjoni fl-imsemmi territorju tal-prodotti kkonċernati, din it-taxxa hija dovuta biss, skond l-Artikolu 6(1) ta’ l-imsemmija direttiva, meta l-prodotti jiġu rilaxxati għall-konsum jew meta jiġu kkonstatati ammonti neqsin li għandhom ikunu suġġetti għad-dazju tas-sisa skond l-Artikolu 14(3) ta’ din id-direttiva. Huwa wkoll ikkunsidrat bħala rilaxx għall-konsum skond dan l-imsemmi Artikolu 6(1) kull ħruġ, anki dak irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni.
29. L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 20, id-dazju fuq in-nuqqasijiet barra mit-telf imsemmi fil-paragrafu 1, u n-nuqqasijiet li dwarhom l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jingħatawx għandu jiġi impost fuq il-bażi tar-rati applikabbli fl-Istati Membri kkonċernati fiż-żmien li fih seħħ it-telf, debitament stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, jew fejn meħtieġ fiż-żmien li fih ġie kkonstatat in-nuqqas.
30. Jirriżulta mill-qari tad-dispożizzjonijiet kollha msemmija fiż-żewġ punti preċedenti ta’ din is-sentenza li ż-żjut minerali huma suġġetti għad-dazju tas-sisa minħabba l-fatt biss tal-produzzjoni tagħhom jew ta’ l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità u li d-dazji tas-sisa huma, bħala regola, dovuti wkoll fil-każ ta’ nuqqasijiet u ta’ telf li għalihom ma tkunx ingħatat eżenzjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1), tad-Direttiva 92/12 għat-telf dovut għal każijiet ta’ forza maġġuri tammonta għal deroga għal din ir-regola ġenerali, li b’hekk, hekk kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, għandha tingħata interpretazzjoni stretta.
31. L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ forza maġġuri mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju, imfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, għandha b’hekk tiġi applikata wkoll fil-kuntest ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12. Magazzinier awtorizzat b’hekk jista’ jistenna li jibbenefika mill-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni biss jekk huwa juri l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li huma indipendenti mir-rieda tiegħu, li mhumiex normali u li huma imprevedibbli, u fejn il-konsegwenzi ma setgħux ikunu evitati minkejja d-diligenza kollha użata.
32. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi kkunsidrat li, hekk kif sostniet il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet fil-kuntest ta’ l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 m’għandhiex twassal għall-impożizzjoni ta’ responsabbiltà assoluta fuq il-magazzinier awtorizzat għat-telf tal-prodotti li jinsabu taħt arranġamenti sospensivi.
33. B’mod partikolari, il-kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi ta’ telf bħal dan għandhom ikunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat mhijiex limitata għal ċirkustanzi esterni għalih, f’sens materjali jew fiżiku. Din il-kundizzjoni għandha pjuttost tiġi interpretata bħala li tirreferi għal ċirkustanzi li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-magazzinier awtorizzat jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu (ara, fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1987, Denkavit, 145/85, Ġabra p. 565, punt 16).
34. Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jirriżulta mill-atti ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li SPMR allegat quddiem il-qrati nazzjonali li l-ħruġ ta’ fjuwil li ssubixxa l-pipeline kkonċernat u, imbagħad, il-fqugħ tiegħu, li kkawża t-telf li għalih din il-kumpannija qed tippretendi li tikseb eżenzjoni, huma attribwibbli għal qsim ikkawżat minn korrużjoni, ħaġa li ma kinitx magħrufa fiż-żmien meta ġraw il-fatti u li b’hekk ma setgħetx tiġi skoperta permezz ta’ tagħmir tekniku disponibbli dak iż-żmien.
35. Anki jekk in-nuqqasijiet tekniċi ta’ installazzjoni jaqgħu, bħala regola, taħt ir-responsabbiltà ta’ dak li joperaha, ma jistax jiġi eskluż li fenomenu ta’ korrużjoni bħal dak deskritt fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jammonta għal “każ ta’ forza maġġuri” skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, peress li bl-ebda mod ma seta’ jiġi previst li dan kien ser jiġri, meta jitqies il-livell ta’ konoxxenzi teknoloġiċi disponibbli f’dak iż-żmien, u, konsegwentment, u peress li l-magazzinier awtorizzat ma kellu ebda mod kif jikkontrollah. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivvverifikaw jekk dawn il-kundizzjonijiet kollha humiex sodisfatti fil-każ fil-kawża prinċipali.
36. Fir-rigward tal-kundizzjoni li l-magazzinier awtorizzat għandu jressaq il-prova tad-diliġenza meħtieġa, SPMR u l-Kummissjoni jsostnu li din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta jiġi stabbilit li l-operatur ikkonċernat ikkonforma ruħu mal-leġiżlazzjoni teknika applikabbli.
37. Għalkemm l-osservanza tar-rekwiżiti tekniċi relattivi għall-kwalità, il-kostruzzjoni, il-manteniment u l-użu tal-pipeline tista’ tiġi kkunsidrata bħala kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi kkonstata l-eżistenza ta’ aġir diliġenti, din l-osservanza fiha nnfisha, mhijiex deċiżiva. Fil-fatt, diliġenza suffiċjenti tippresupponi wkoll aġir attiv kontinwu, dirett lejn l-identifikazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali, kif ukoll il-kapaċità li jittieħdu miżuri adegwati u effikaċi sabiex jiġi evitat li jseħħu dawn ir-riskji.
38. Barra minn hekk, la l-fatt li, skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 92/12, il-ftuħ u l-operat ta’ imħażen tat-taxxa, bħal pipeline f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, huma suġġetti għall-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri, la l-fatt li magazzinier awtorizzat huwa suġġett għall-obbligi elenkati fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari dak li jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe kontroll, u lanqas il-fatt li jista’ jiġi dedott mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(3), ta’ l-imsemmija direttiva, dwar il-possibbiltà ta’ eżenzjoni, għat-trasport taż-żjut minerali permezz tal-kanali, mill-obbligu li tingħata garanzija sabiex jiġu koperti r-riskji inerenti għaċ-ċirkulazzjoni intrakomunitarja, li l-leġiżlatur Komunitarju jikkunsidra t-trasport permezz tal-pipeline bħala mhux perikoluż ma jikkostitwixxu fatturi rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri humiex sodisfatti. Fil-fatt, hekk kif issostni l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tagħha, minn naħa, l-approvazzjoni tal-magazzinier awtorizzat kif ukoll il-kontrolli li għalihom huwa suġġett, hekk kif previst mill-imsemmi Artikolu 13, għandhom l-għan biss li jiggarantixxu li dan il-magazzinier ikollu l-livell ta’ affidabiltà meħtieġ għall-arranġamenti ta’ sospensjoni u, min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għall-ftuħ u l-operat ta’ maħżen tat-taxxa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ma jrendihx responsabbli konġuntament għad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti li ntilfu minħabba difett tekniku fil-mezz tat-trasport awtorizzat.
39. Fl-aħħar nett, ma jistax jingħad li d-dazju tas-sisa mhuwiex dovut għall-prodotti mitlufa peress li dawn qatt ma ġew rilaxxati għall-konsum kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/12 bħala kundizzjoni ta’ l-obbligu li titħallas it-taxxa. Fil-fatt, hekk kif intqal fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, iż-żjut minerali huma suġġetti għad-dazju tas-sisa minħabba l-fatt biss tal-produzzjoni tagħhom jew ta’ l-importazzjoni tagħhom fit-territorju tal-Komunità u d-dazji tas-sisa huma, bħala regola, xorta dovuti f’każ ta’ nuqqasijiet u ta’ telf li għalih eżenzjoni ma ngħatatx mill-awtoritajiet kompetenti. Minn dan jirriżulta li r-rilaxx għall-konsum mhuwiex determinanti sabiex jingħata lok għad-dejn fiskali.
40. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-kunċett ta’ “forza maġġuri” skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 jirreferi għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu. Il- kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi għandhom ikunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat mhijiex limitata għal ċirkustanzi esterni għalih f’sens materjali jew fiżiku, iżda tirreferi wkoll għal ċirkustanzi li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-magazzinier awtorizzat jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu.
Fuq it-tieni domanda, dwar il-kunċett tat-“telf inerenti fin-natura tal-prodotti” skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12
41. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tipprova tistabbilixxi jekk it-telf relattiv għal parti mill-prodotti taż-żejt li ħarġu minn pipeline minħabba n-natura fluwidu tagħhom u minħabba l-karatteristiċi ta’ l-art li fuqha waqgħu, li ostakolaw l-irkupru tagħhom, jistax jiġi kkunsidrat bħala “telf inerenti fin-natura tal-prodotti” skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12.
42. Skond il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, din tapplika biss għal telf inerenti fin-natura tal-prodotti li jseħħ fil-kuntest ta’ ċerti operazzjonijiet indikati b’mod eżawrjenti, fosthom it-trasport. Filwaqt li l-kunċett ta’ telf inerenti fin-natura tal-prodotti jista’, hekk kif sostna l-Gvern Taljan, jinkludi telf imsejjaħ “tekniku”, huwa ma jistax jiġi estiż għal telf aċċidentali.
43. Minbarra dan, peress li l-eżenzjoni prevista għal telf naturali bħal dan hija distinta minn dik prevista fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12 għal telf dovut għal ġrajjiet aċċidentali u għal każijiet ta’ forza maġġuri, l-ewwel eżenzjoni ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet li fihom il-kundizzjonijiet li jippermettu li tiġi pretiża t-tieni eżenzjoni ma jkunux sodisfatti.
44. Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hi li t-telf relattiv għal parti mill-prodotti li ħarġu minn pipeline minħabba n-natura fluwida tagħhom u minħabba l-karatteristiċi ta’ l-art li fuqa waqgħu, li ostakolaw l-irkupru tagħhom, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “telf inerenti fin-natura tal-prodotti” skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12.
Fuq l-ispejjeż
45. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja(It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Il-kunċett ta’ “forza maġġuri” skond l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, jirreferi għal ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat, mhux normali u imprevedibbli, u li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata minnu. Il- kundizzjoni li ċ-ċirkustanzi għandhom ikunu indipendenti mir-rieda tal-magazzinier awtorizzat mhijiex limitata għal ċirkustanzi esterni għalih f’sens materjali jew fiżiku, iżda tirreferi wkoll għal ċirkustanzi li jidhru oġġettivament bħala li ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-magazzinier awtorizzat jew li ma jaqgħux taħt l-isfera tar-responsabbiltà tiegħu.
2) It-telf relattiv għal parti mill-prodotti li ħarġu minn pipeline minħabba n-natura fluwida tagħhom u minħabba l-karatteristiċi ta’ l-art li fuqa waqgħu, li ostakolaw l-irkupru tagħhom, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “telf inerenti fin-natura tal-prodotti” skond it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 92/12, kif emendata mid-Direttiva 94/74.