SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Diċembru 2007
Kawża C-135/06 P
Roderich Weißenfels
vs
Il-Parlament Ewropew
“Appell – Remunerazzjoni – Allowance għat-tfal dipendenti – Tnaqqis ta’ l-ammont ta’ allowance ta’ l-istess natura mħallsa minn sorsi oħra – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kawżi ta’ natura pekunjarja”
Suġġett: Appell ippreżentat mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-25 ta’ Jannar 2006, Weißenfels vs Il-Parlament Ewropew (T‑33/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
Sommarju
1. Uffiċjali – Appell – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni konfermattiva – Ammissibbiltà fin-nuqqas ta’ dekadenza għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni konfermattiva
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Uffiċjali – Appell – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 91(1))
3. Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – Allowance doppja għat-tfal dipendenti
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 67(2) u (3))
1. Appell minn deċiżjoni konfermattiva huwa inammissibbli biss jekk id-deċiżjoni konfermattiva tkun saret definittiva fir-rigward tal-persuna interessata, sakemm ma tkunx is-suġġett ta’ appell kontenzjuż ippreżentat fit-terminu stabbilit. Fil-każ kuntrarju, din il-persuna jkollha d-dritt li tikkontesta kemm id-deċiżjoni konfermattiva, jew id-deċiżjoni ta’ konferma, jew iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien.
Barra minn hekk, ikun kontra l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li rikorrent jiġi obbligat jippreżenta appell ġdid quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kontra deċiżjoni li tirrigwarda l-istess kwistjoni bħal deċiżjoni preċedenti. B’hekk, talba intiża għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ġdida mressqa fl-istadju tar-replika hija ammissibbli.
2. Il-“kwistjonijiet ta’ natura pekunjarja”, skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma mhux biss l-azzjonijiet għal responsabbiltà magħmula mill-uffiċjali kontra Istituzzjoni, iżda wkoll dawk l-azzjonijiet kollha li huma intiżi għall-ħlas min-naħa ta’ Istituzzjoni lil uffiċjal, ta’ somma li dan iqis li hija dovuta lilu skond ir-Regolamenti tal-Persunal jew skond att ieħor li jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom.
Minn dan jirriżulta li t-talba ta’ l-uffiċjal intiża sabiex l-Istituzzjoni konċernata tħallsu s-somom li, skond huwa, ġew imnaqqsa b’mod mhux korrett mill-paga tiegħu, flimkien ma’ l-imgħax bir-rata legali, tikkostitwixxi kwistjoni ta’ natura pekunjarja skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.
Il-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lill-qorti Komunitarja mill-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi li jitressqu quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi fuq id-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ l-uffiċjal, ħlief li tirrinvija lill-Istituzzjoni in kwistjoni, u taħt l-istħarriġ tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li tistabbilixxi l-Qorti.
B’hekk, il-qorti Komunitarja għandha kompetenza tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, kontra Istituzzjoni, dwar kundanna ta’ ħlas ta’ somma li r-rikorrent għandu dritt għaliha skond ir-Regolamenti tal-Persunal jew skond att ġuridiku ieħor.
3. L-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss dawk l-allowances paragunabbli u li għandhom l-istess għan bħall-allowances tal-familja tar-Regolament tal-Persunal li huma ta’ l-istess natura, skond din id-dispożizzjoni.
Skond l-Artikolu 67(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance għat-tfal dipendenti tista’ tiġi rduppjata meta t-tifel ikollu diżabbiltà mentali jew fiżika u meta din is-sitwazzjoni toħloq spejjeż kbar għall-uffiċjal. Minn dan jirriżulta li allowance paragunabbli tista’ biss titnaqqas minn dik il-parti ta’ l-allowance għat-tfal dipendenti li tiżdied, minħabba l-irduppjar, ma’ dik li l-uffiċjal għandu f’kull każ jibbenifika minnha.
L-allowance speċjali Lussemburgiża għall-persuni b’diżabbiltà hija b’mod ċar differenti mill-allowance skond ir-Regolamenti tal-Persunal, taħt diversi aspetti.
L-allowance Lussemburgiża, li tingħata biss abbażi tar-residenza fit-territorju Lussemburgiż u li mhijiex marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg, hija intiża li, permezz ta’ miżuri xierqa, wieħed jaffronta diżabbiltà li l-liġi tiddefinixxi bi preċiżjoni. Din tingħata lil persuni li diversi funzjonijiet fiżiċi jew mentali tagħhom huma, minkejja trattament, taħriġ jew edukazzjoni mill-ġdid xierqa, u minkejja l-użu ta’ apparat adegwat, imnaqqsa b’tali mod li l-persuna in kwistjoni ma tistax tgħix mingħajr l-assistenza jew il-kuri ta’ terza persuna. Fil-fatt, b’mod evidenti, din l-allowance għandha tgħin sabiex jintlaħqu l-ispejjeż li huma meħtieġa minħabba l-użu tas-servizzi, għall-inqas għal żmien parzjali, ta’ terza persuna, ħaġa li ma tistax issir permezz tal-parti ta’ l-allowance tar-Regolamenti tal-Persunal li tikkorrispondi għall-irduppjar tagħha u li minnha jista’ jiġi assorbit l-ammont, b’mod partikolari, minn spejjeż bħal dawk tal-kura, ta’ l-edukazzjoni mill-ġdid, ta’ apparat, ta’ edukazzjoni speċjalizzata jew ta’ bidliet fil-post ta’ għejxien.
Minn dan jirriżulta li l-parti ta’ l-allowance tat-tfal dipendenti mogħtija skond l-Artikolu 67(3) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-allowance tal-Lussemburgu m’għandhom la l-istess suġġett u lanqas l-istess għan, u b’hekk, mhumiex ta’ l-istess natura skond l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.