SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
29 ta’ Novembru 2007
Kawża C-7/06 P
Beatriz Salvador García
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjoni prevista fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ ‘xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor’”
Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2005, Salvador García vs Il-Kummissjoni (T‑205/02, Ġabra SP p. I-A-285 u II-1311), u li huwa intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Ċaħda ta’ l-appell.
Sommarju
1. Appell – Aggravji – Preżentazzjoni mill-ġdid ta’ argument – Ammissibbiltà – Limiti
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 113(2))
2. Uffiċjali – Remunerazzjoni – Benefiċċju ta’ l-espatrijazzjoni – Kundizzjonijiet għall-għoti
(Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 4(1)( a))
1. Mid-dispożizzjonijiet, meqjusa flimkien, ta’ l-Artikolu 58 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u ta’ l-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, fil-kuntest ta’ appell, l-appellant jista’ jinvoka kwalunkwe argument li huwa rilevanti bl-unika kundizzjoni li l-appell ma jibdilx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
2. Minkejja li t-tqassim tal-kompetenzi fuq livell intrastatali jvarja skond l-istruttura istituzzjonali ta’ kull Stat, dan għandu jiġi kkunsidrat, fid-dritt internazzjonali pubbliku, bħala suġġett ta’ natura unitarja. Fir-rigward ta’ dan il-kunċett, huma meħtieġ li l-Istat ikun rappreżentat, quddiem l-Istati l-oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali, minn sistema ta’ rappreżentanza diplomatika waħda; dan il-fatt jirrifletti l-uniċità, fuq livell internazzjonali, ta’ l-Istat ikkonċernat.
3. Għalkemm mhuwiex essenzjali, sabiex l-uffiċjal ikkonċernat ikun jista’ jiġi kkunsidrat li wettaq xogħol għal “Stat ieħor”, li huwa jkun impjegat mill-amministrazzjoni ċentrali ta’ dan l-Istat l-ieħor, l-integrazzjoni funzjonali tiegħu fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ dan ta’ l-aħħar tikkostitwixxi element determinanti.
4. F’dan ir-rigward, kemm l-aġenti li jaħdmu għall-Istat, permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ l-amministrazzjoni ċentrali, kif ukoll dawk li jaħdmu għal komunità awtonoma, permezz ta’ l-amministrazzjoni ta’ din il-komunità, għandhom jiġu kkunsidrati li qegħdin fi stat ta’ espatrijazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bil-kundizzjoni madankollu li jkunu integrati formalment fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ l-imsemmi Stat.
5. Għaldaqstant, għall-finijiet ta’ l-interpretazzjoni ta’ l-espressjoni “xogħol li sar fi [għal] Stat ieħor”, imsemmija fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 4(1)(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jitqies bħala rilevanti biss il-fatt li x-xogħol sar fi ħdan rappreżentanza permanenti ta’ Stat. Għalhekk, ix-xogħol ipprovdut għall-gvernijiet tas-suddiviżjonijiet politiċi ta’ l-Istati ma jistax jiġi kkunsidrat bħala xogħol li sar għal Stat jekk l-interessat ma kienx integrat formalment fi ħdan ir-rappreżentanza permanenti ta’ l-Istat. Għall-istess raġuni, ix-xogħol magħmul għal kumpanniji ta’ kapital pubbliċi li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji ta’ kumpannija kummerċjali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala xogħol li sar għal Stat.