Kawża C-162/06

International Mail Spain SL, li qabel kienet TNT Express Worldwide Spain SL

vs

Administración del Estado u Correos

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo)

“Direttiva 97/67/KE — Regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali — Liberalizzazzjoni tas-servizzi postali — Possibbiltà li posta transkonfinali taqa’ taħt fornitur ta’ servizz postali universali ‘safejn dan hu meħtieġ sabiex jinżamm is-servizz universali’”

Sommarju tas-sentenza

1.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja — Limiti — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali

(Artikolu 234 KE)

2.        Domandi preliminari — Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

(Artikolu 234 KE)

3.        Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Servizzi postali tal-Komunità — Direttiva 97/67/KE — Servizzi li jiġu rriżervati lill-fornituri tas-servizz postali universali

(Artikolu 86(2) KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67, Artikolu 7(2))

1.        Fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, minħabba li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

(ara l-punt 23)

2.        Is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tesprimi ruħha bi kliem astratti u ġenerali ma jistax ikollu bħala effett li jagħti lok għall-inammissibbiltà ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, waħda mill-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 234 KE timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta bi kliem pjuttost astratti u ġenerali għal domanda għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li ssir lilha, fejn imbagħad hija l-qorti tar-rinviju li għandha taqta’ l-kontroversja li tressqet quddiemha billi tieħu in kunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(ara l-punt 24)

3.        L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, li jipprovdi li tista’ tkompli tiġi rriżervata fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi Artikolu l-posta transkonfinali u l-posta diretta, sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw il-posta transkonfinali għal fornitur ta’ servizz universali biss safejn jiġi stabbilit.

-       li, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, tintilef il-kisba ta’ dan is-servizz universali, jew

-      li din ir-riżerva hija meħtieġa sabiex dan is-servizz ikun jista’ jinkiseb taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

L-għan ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 huwa li jiggarantixxi ż-żamma tas-servizz postali universali, b’mod partikolari billi jagħtih ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikun jista’ jaħdem f’kundizzjonijiet ta’ ekwilibriju finanzjarju. Madankollu, il-kundizzjoni msemmija fl-imsemmija dispożizzjoni ma tistax tiġi ridotta għal dan l-aspett finanzjarju biss, in kwanti ma jistax jiġi eskluż li jeżistu raġunijiet oħra li għalihom, skond l-Artikolu 86(2) KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirriżervaw posta transkonfinali biex jiżguraw ruħhom li titwettaq il-missjoni partikolari mogħtija lill-fornitur ta’ servizz postali universali. B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet, bħall-opportunità, relatati mas-sitwazzjoni ġenerali tas-settur postali, inkluża dik marbuta mal-livell ta’ liberalizzazzjoni tiegħu meta tittieħed deċiżjoni rigward il-posta transkonfinali, mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw il-fatt li din tiġi rriżervata, sakemm, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, ma tintilifx il-kisba ta’ servizz postali universali jew li din ir-riżerva tkun meħtieġa sabiex dan is-serizz ikun jista’ jiġi pprovdut taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

(ara l-punti 31, 40-41, 50 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Novembru 2007 (*)

“Direttiva 97/67/KE – Regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali – Liberalizzazzjoni tas-servizzi postali – Possibbiltà li posta transkonfinali tiġi rriżervata lill-fornitur tas-servizz postali universali ‘safejn dan hu meħtieġ sabiex jinżamm is-servizz universali’”

Fil-kawża C‑162/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2006, fil-proċedura

International Mail Spain SL, li qabel kienet TNT Express Worldwide Spain SL,

                                                      vs

Administración del Estado,

Correos,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Tizzano, R. Schintgen, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal International Mail Spain SL, minn R. Ballesteros Pomar, avukat,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Vidal Puig u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Mejju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU 1998, L 15, p. 14).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kontroversja bejn International Mail Spain SL (iktar ’il quddiem “International Mail”), li qabel kienet iġġib l-isem TNT Express Worldwide Spain SL, u l-Administración del Estado u Correos fir-rigward tad-deċiżjoni tas-Secretaría General de Comunicaciones (Ministerio de Fomento) (Amministrazzjoni Ġenerali tal-Komunikazzjonijiet tal-Ministeru ta’ l-Infrastrutturi u tal-Komunikazzjonijiet, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni ġenerali tal-komunikazzjonijiet”) tas-16 ta’ Ġunju 1999, li tippenalizza lil International Mail talli pprovdiet, mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ l-operatur fornitur ta’ servizz postali universali, servizzi postali riżervati għal dan l-operatur.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Id-Direttiva 97/67 tistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tagħha, regoli Komunitarji b’mod partikolari l-provvista ta’ servizz postali universali fil-Komunità u l-kriterji li jiddefinixxu s-servizz li jista’ jiġi rriżervat għall-fornituri ta’ servizz universali.

4        Skond l-Artikolu 3(1) ta’ l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi l-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha. Dan is-servizz universali jinkludi, skond is-subartikolu 7 ta’ l-imsemmi artikolu, kemm is-servizzi nazzjonali kif ukoll dawk bejn fruntieri oħra.

5        L-Artikolu 7 ta’ l-istess direttiva, li jinsab taħt il-Kapitolu 3 tagħha, intitolat “Armonizzazzjoni tas-servizzi li jistgħu jiġu riżervati”, jipprovdi:

“1.      Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, is-servizzi li jistgħu jiġu riżervati minn kull Stat Membru għall-fornitur/i ta’ servizz universali għandhom ikunu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika, kemm b’kunsinna mgħaġġla u kemm jekk le, li l-prezz tagħhom ikun anqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standardl-aktar mgħaġġla fejn teżisti dik il-kategorija, kemm-il darba jkunu jiżnu anqas minn 350 gramma. […]

2.      Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, posta bejn fruntiera u oħra u posta diretta tista’ tkompli tiġi riżervata fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti fil-paragrafu 1.

3.      Bħala pass ieħor lejn il-prestazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jiddeċiedu mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2000 u mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Kummissjoni, dwar aktar liberalizzazzjoni bil-mod u kontrollata tas-suq postali, b’mod partikolari bil-ħsieb tal-liberalizzazzjoni tal-posta bejn fruntiera u oħrau dik diretta, kif ukoll dwar aktar revizjoni tal-limiti tal-prezz u tal-piż, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2003, waqt li jiġu meqjusa l-iżviluppi, b’mod partikolari l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi, li jkun ġraw sa dik id-data, u waqt li jitqies ukoll l-ekwilibriuju finanzjarju tal-fornitur/i ta’ servizz universali, bil-għan li jintlaħqu aktar l-iskopijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]”

6        Is-sittax u d-dsatax-il premessa tad-Direttiva 97/67 jgħidu li:

“(16) Billi ż-żamma ta’ firxa ta’ dawk is-servizzi li tista’ tiġi riżervata, b’konformità mar-regoli tat-Trattat u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, tidher ġustifikata fuq il-bażi li jiġi żgurat it-tħaddim ta’ servizz universali taħt kundizzjonijiet finanzjarjament bilanċjati;

[…]

(19)      Billi huwa raġonevoli li wieħed jippermetti, fuq bażi temporanja, li l-posta diretta u l-posta bejn fruntiera u oħrajkomplu jistgħu jiġu riżervati fil-limiti tal-prezz u l-piż provduti; […]”.

7        Id-Direttiva 97/67 daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Frar 1998 u t-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha skada fl-10 ta’ Frar 1999, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 24 tagħha.

8        Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/39/KE ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67 fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, p. 21), issostitwixxiet l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 bl-Artikolu 1(1) tagħha bit-test iċċitat hawn taħt:

“1. Sa fejn neċessarju sabiex jiġi assigurat il-manteniment ta’ servizz universali, Stati Membri jistgħu ikomplu jirriżervaw servizzi għall-provditur(i) [fornitur(i)] tas-servizz universali. Dawk is-servizzi għandhom ikunu llimitati għal clearance, organizzazzjoni, trasport u kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika u korrispondenza għal ġewwa trans fruntiera, kemm b’kunsinn aċċelerata u kemm jekk le, fil-limiti ta’ kemm il-piż u kemm il-prezz li ġejjin. Il-limitu tal-piż għandu jkun 100 gramma mill-1 ta’ Jannar 2003 u 50 gramma mill-1 ta’ Jannar 2006. Dawn il-limiti tal-piż m’għandhomx japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2003 jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, tliet darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel livell tal-piż tal-kategorija l-iktar mgħaġġla, u, mill-1 ta’ Jannar 2006, jekk il-prezz huwa ugwali għal, jew iktar minn, darbtejn u nofs din it-tariffa.

[…]

Sa fejn neċessarju sabiex tiġi assigurata provvista ta’ servizz universali, posta diretta tista’ tibqa’ tiġi rriżervata fl-istess limiti tal-piż u tal-prezz.

Sa fejn neċessarju sabiex tiġi assigurata provvista ta’ servizz universali, per eżempju meta ċerti setturi ta’ attività postali diġà ġew liberalizzati jew minħabba l-karatteristiċi speċifiċi partikolari għas-servizzi postali fi Stat Membru, posta għal barra transfruntiera tista’ tibqa’ tiġi rriżervata fl-istess limiti ta’ piż u ta’ prezz.

[...]

3.      Il-Kummissjoni għandha tiffinalizza studju prospettiv li jistima, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq postali intern fl-2009. Billi tibbaża fuq il-konklużjonijiet ta’ l-istudju, il-Kumissjoni għandha tissottometti sal-31 ta’ Diċembru 2006 rapport lill-Parlament Ewropew u lil-Kunsill li miegħu ikun hemm proposta li tikkonferma, jekk approprjat, id-data ta’ l-2009 għat-tlestija tas-suq postali intern jew li tiddetermina kull pass ieħor fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ l-istudju.”

9        Il-ħmistax sas-sbatax, l-għoxrin, it-tnejn u għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2002/39 jgħidu li ġej:

“(15) Huwa approprjat li jiġi assigurat li l-fażijiet li jmiss tal-ftuħ tas-suq huma [ikunu] kemm sostanzjali in-natura kemm li jistgħu jintlaħħqu fil-prattika għall-Istati Membri waqt li wkoll jassiguraw il-kontinwazzjoni ta’ servizz universali.

(16)      Tnaqqis ġenerali sa 100 gramma fl-2003 u 50 gramma fl-2006 fil-limitu tal-piż tas-servizzi li jistgħu jiġu rriżervati għall-provdituri tas-servizz universali, kumbinat bil-ftuħ komplet għal kompetizzjoni ta’ posta transfruntiera għal barra, b’eċċezzjonijiet possibbli sal-limitu neċessarju sabiex tiġi assigurata disposizzjoni ta’ servizz universali, jirrappreżentaw fażijiet ulterjuri relattivament sempliċi u kkontrollati li madankollu huma sinifikanti.

(17)      […] [O]ġġetti ta’ korrispondeza trans-fruntiera għal barra taħt il-limitu ta’ piż ta’ 50 gramma jirrappreżentaw bejn wieħed u ieħor 3 % oħra, fuq medja, tad-dħul postali totali tal-provdituri tas-servizz universali.

[…]

(20)      Posta għal barra transfruntiera tirrapreżenta fuq medja 3 % tad-dħul postali totali. Il-ftuħ ta’ din il-parti tas-suq fl-Istati Membri kollha, b’eċċezzjonijiet li kienu jkunu neċessarji sabiex tiġi assigurata l-provvista ta’ servizz universali, ikun jippermetti operaturi postali differenti li jiġbru, jorganizzaw u jittrasportaw il-posta kollha għal barra trans-fruntiera.

[…]

(22)      Li tiġi stabbilita skeda issa, li timmira lejn passi ulterjuri lejn li jseħħ kompletament suq intern għal servizzi postali, huwa importanti kemm għall-vijabbiltà għal żmien twil tas-servizz universali u kemm għall-iżvilupp li jkompli ta’ posta moderna u effiċjenti.

(23)      Huwa approprjat li jibqa’ jkun hemm provvediment għall-possibiltà għal Stati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi postali għall-provditur(i) universali tagħhom tas-servizz. Dawn l-arranġamenti jippermettu lill-provedituri universali tas-servizz li jikkompletaw il-proċess ta’ adattament ta’ l-operazzjonijiet u r-riżorsi umani tagħhom għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni akbar mingħajr ma jitħawwad l-ekwilibriju finanzjarju tagħhom u għalhekk mingħajr ma tiġi pperikolata s-salvagwardja ta’ servizz universali.”

10      Id-Direttiva 2002/39 daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2002 u t-terminu mogħti lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni tagħha skada fil-31 ta’ Diċembru 2002.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11      Id-Direttiva 97/67 ġiet trasposta fis-sistema ġuridika Spanjola permezz tal-liġi relattiva għas-servizz postali universali u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali (Ley 24/1998 del Servicio Postal Universal y de Liberalización de los Servicios Postales), tat-13 ta’ Lulju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 24/1998”). Skond l-Artikolu 18(1)(C) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data li fiha seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali:

“Skond l-Artikolu 128(2) tal-Kostituzzjoni u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-kapitolu ta' wara, is-servizzi li ġejjin, li jaqgħu taħt is-servizzi postali universali huma rriżervati esklużivament għall-operatur li jipprovdi servizz postali universali, jiġifieri:

[…]

C)       is-servizzi postali transkonfinali ta’ dħul u ta’ ħruġ ta’ ittri u kartolini, bil-limiti tal-piżijiet u l-prezzijiet iffissati fil-punt B). Għall-finijiet ta’ din il-liġi, servizzi postali transkonfinali jfisser servizzi postali minn jew lejn Stati Membri oħra .”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      International Mail Spain SL ipprovdiet servizzi postali transkonfinali għal barra ta’ kartolini miġbura mill-postijiet turistiċi prinċipali Spanjoli. Għal dan il-għan, kienu tpoġġew kaxxi ta’ l-ittri f’lukandi, siti ta’ l-ikkampjar, residenzi, supermarkets, eċċ, għall-ġbir tal-kartolini ddestinati għal pajjiżi barranin, li fuqhom kellhom jitwaħħlu bolol speċjali li kienu jinbiegħu mill-istess postijiet bħall-kartolini.

13      L-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Komunikazzjonijiet ikkunsidrat li dan is-servizz kien jikkostitwixxi ksur amministrattiv serju, skond id-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 41(3)(a) u2(b) tal-Liġi 24/1998, li jikkonsisti fil-“provvista ta’ servizzi postali riżervati għall-operatur fornitur ta’ servizz postali universali mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu, li jippreġudika l-għotja ta’ servizz ta’ dan l-operatur”.

14      Permezz tad-deċiżjoni tagħha tas-16 ta’ Ġunju 1999, l-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Komunikazzjonijiet ikkundannat lil International Mail għal multa li tammonta għal ESP 10 000 000 u imponitilha li toqgħod lura milli tipproponi u tipprovdi servizzi postali ta’ l-istess tip bħal dawk riżervati għall-operatur awtorizzat li jiżgura l-provvista ta’ servizz postali universali kif ukoll li tneħħi l-kaxxi ta’ l-ittri kollha u l-informazzjoni li jikkonċernaw l-imsemmi servizz.

15      Peress li t-Tribunal Superior de Justicia de Madrid ċaħad ir-rikors imressaq minn International Mail kontra l-imsemmija deċiżjoni, billi qieset b’mod partikolari li l-Liġi 24/1998 hija konformi mad-Direttiva 97/67, din il-kumpannija appellat għal kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

16      Skond din ta’ l-aħħar, is-soluzzjoni tal-kontroversja fil-kawża prinċipali tiddependi ħafna mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 18(1)(C) tal-Liġi 24/1998 ma jirrispettax il-kundizzjonijiet imsemmija fid-dispożizzjoni Komunitarja msemmija iktar ’il fuq, il-kunsiderazzjoni żbaljata ta’ din il-liġi nazzjonali mill-operaturi privati ma tistax tiġġustifika penali amministrattiva bħal dik mogħtija lil International Mail. Id-dubji li tqajjem l-imsemmija qorti rigward l-interpretazzjoni korretta ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 jirriżultaw b’mod partikolari mill-intestatura ġdida li d-Direttiva 2002/39 tat lil dan l-artikolu.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi t-Tribunal Supremo ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 […] li jawtorizza lill-Istati Membri jinkludu l-posta transkonfinali fost is-servizzi postali riżervati, jippermetti lill-imsemmija Stati Membri jistabbilixxu din ir-riżervazzjoni fil-każ biss li jkunu jistgħu jagħtu prova li mingħajrha l-istabbilità ekonomika titqiegħed f’riskju, jew, għall-kuntrarju, dawn l-Istati Membri jistgħu jżommuha abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet oħrajn fosthom l-opportunità, li jirrigwardaw is-sitwazzjoni ġenerali fis-settur postali, inkluż il-grad ta’ liberalizzazzjoni ta’ l-imsemmi settur fil-mument li fih tittieħed id-deċiżjoni dwar l-imsemmija riżervazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

18      Il-Gvern Spanjol iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, in kwantu din tikkonċerna fil-verità l-validità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u mhux l-interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja. Fil-fatt, billi ressqet l-imsemmija domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali qegħda fil-verità titlobha tevalwa jekk l-Artikolu 18(1)(C) tal-Liġi 24/1998 hijhiex konformi mad-Direttiva 97/67 jew jekk din id-dispożizzjoni nazzjonali teċċedix il-limiti imposti minn din id-direttiva.

19      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippronunzja ruħha, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 1994, Lamaire, C‑130/93, Ġabra p. I‑3215, punt 10 u tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C-506/04, Ġabra p. I-8613, punt 34). Barra minn hekk, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-Artikolu, huma l-qrati ta’ l-Istati Membri u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jinterpretaw dispożizzjonijiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, Ġabra p. I‑4947, punt 7, kif ukoll Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

20      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettulha tevalwa l-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Lamaire, punt 10, u Wilson, punt 35).

21      Għaldaqstant, l-argument tal-Gvern Spanjol għandu jiġi miċħud, u dan wisq iżjed meta d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tikkomporta espliċitament l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komnunitarju.

22      Il-Gvern Spanjol isostni li d-domanda għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli in kwantu hija żnaturata minn effett utli u fformulata ipotetikament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tesprimi ruħha biss b’mod astratt u ġenerali fuq il-mertu tar-riżervazzjoni tal-posta transkonfinali għall-operatur inkarigat mill-provvista ta’ servizz postali universali, iżda hija ma tistax tevalwa l-kwistjoni dwar jekk din ir-riżervazzjoni, li għaliha jipprovdi l-Artikolu 18(1)(C) tal-Liġi 24/1998 hijiex fondata jew jekk, bil-kontra, teċċedix il-limiti imposti mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67, peress li t-tali evalwazzjoni ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tagħha.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, minħabba li d-domandi mressqa jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini Siderurgica, C‑119/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tesprimi ruħa bi kliem astratti u ġenerali ma jistax ikollu bħala effett li jagħti lok għall-inammissibbiltà ta’ domanda għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, waħda mill-karatteristiċi essenzjali tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 234 KE timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta bi kliem pjuttost astratti u ġenerali għal domanda għall-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li ssir lilha, fejn imbagħad hija l-qorti tar-rinviju li għandha taqta’ l-kontroversja li tressqet quddiemha billi tieħu in kunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Għaldaqstant, id-domanda għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

26      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw il-posta transkonfinali għall-fornitur ta’ servizz postali universali biss safejn dawn jistabbilixxu li, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, l-ekwilibriju finanzjarju ta’ dan ta’ l-aħħar jiġi pperikolat jew jekk kunsiderazzjonijiet oħra relatati mas-sitwazzjoni ġenerali tas-settur postali, inkluża s-sempliċi opportunità, ikunux biżżejjed biex jiġġustifikaw l-imsemmija riżerva.

27      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri jkomplu jirriżervaw lill-fornitur tas-servizz postali universali, taħt ċerti limiti ta’ prezz u ta’ piż, il-posta transkonfinali “[s]al-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali”. L-istess kundizzjoni tapplika, barra minn hekk, skond is-subartikoli 1 u 2 ta’ l-imsemmi artikolu, għall-possibbiltà li jiġi rriżervat lill-fornitur tas-servizz postali universali, taħt ċerti limiti ta’ prezz u ta’ piż, l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna tal-posta li tintbagħat internament kif ukoll il-posta diretta.

28      Għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-użu tal-kelma “meħtieġ” tipprekludi li l-imsemmija riżerva tiġi ġġustifikata minn sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità.

29      Ir-raġunijiet li ħajru lil-leġiżlatur Komunitarju jipprovdi għall-possibbiltà ta’ din ir-riżerva jissemmew fis-sittax-il premessa tad-Direttiva 97/67, li tgħid li “ż-żamma ta’ firxa ta’ dawk is-servizzi li tista’ tiġi riżervata, b’konformità mar-regoli tat-Trattat u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, tidher ġustifikata fuq il-bażi li jiġi żgurat it-tħaddim ta’ servizz universali taħt kundizzjonijiet finanzjarjament bilanċjati”.

30      Fir-rigward, f’dan il-kuntest, ta’ posta diretta u l-posta transkonfinali b’mod partikolari, hija fil-premessa 19 tad-Direttiva 97/67 li l-leġiżlatur Komunitarju enfasizza li “huwa raġonevoli li wieħed jippermetti, fuq bażi temporanja, li l-posta diretta u l-posta bejn fruntiera u oħra jkomplu jistgħu jiġu riżervati […]”.

31      L-għan ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 huwa għaldaqstant li jiggarantixxi ż-żamma tas-servizz postali universali, b’mod partikolari billi jagħtih ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikun jista’ jaħdem taħt kundizzjonijiet ta’ ekwilibriju finanzjarju.

32      Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, sostnuta mill-fatt li l-ekwilibriju finanzjarju ta’ fornitur tas-servizz postali universali huwa wieħed mill-kriterji essenzjali li, skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-imsemmija direttiva, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill meta jieħdu deċiżjoni ulterjuri li tikkonċerna l-għan tal-liberalizzazzjoni progressiva u kkontrollata tas-suq tas-servizzi postali, b’mod partikolari fid-dawl tal-liberalizzazzjoni tal-posta transkonfinali.

33      Il-kriterju ta’ l-ekwilibriju finanzjarju diġà ttieħed in kunsiderazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-servizzi postali qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 97/67 u relattiva b’mod partikolari għall-Artikolu 90 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 86 KE).

34      Skond l-imsemmija ġurisprudenza, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lil fornitur ta’ servizz postali universali, fil-funzjoni tagħha bħala impriża inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, drittijiet esklużivi li jistgħu jillimitaw, jew saħansitra jeskludu, il-kompetizzjoni inkwantu dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-missjoni tiegħu ta’ interess ġenerali u, b’mod partikolari, li jibbenefika minn kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, Ġabra p. I‑2533, punti 14 sa 16).

35      F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-istess ġurisprudenza li mhuwiex neċessarju li l-ekwilibriju finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika ta’ l-impriża inkarigata mill-amministrazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu mhedda. Huwa sempliċement meħtieġ li, fin-nuqqas tad-drittijiet kontenzjużi, ma jitwettqux il-missjonijiet partikolari mogħtija lill-impriża jew li ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet tkun neċessarja sabiex min għandu dawn id-drittijiet ikun jista jikseb il-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali fdati lilu taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C‑340/99, Ġabra p. I‑4109, punt 54).

36      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-obbligu, għal min għandu din il-missjoni, li jiżgura s-servizzi tiegħu taħt kundizzjonijiet ta’ ekwilibriju ekonomiku jippreżupponi l-possibbiltà ta’ kumpens bejn is-setturi ta’ attivitajiet vijabbli u setturi inqas vijabbli u tiġġustifika, għalhekk, limitazzjoni tal-kompetizzjoni, min-naħa ta’ l-imprendituri partikolari, fuq il-livell tas-setturi ekonomikament vijabbli (sentenza Corbeau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

37      Din il-ġurisprudenza relattiva għad-dritt primarju hija wkoll rilevanti fil-kuntest tal-kawża prinċipali, u dan iktar meta d-Direttiva 97/67 tfakkar espliċitament u numru ta’ drabi li r-regoli tat-Trattat għandhom jiġu rrispettati meta jingħata dritt esklużiv.

38      Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 97/67 jipprovdi li “[k]ull Stat Membru għandu jistabbilixxi skond il-liġi tal-Komunità l-obbligi u d-drittijiet assenjati lill-fornitur/i ta’ servizz universali u għandu jippublikahom”. Bl-istess mod, is-sittax-il premessa ta’ din l-istess direttiva kif ukoll il-wieħed u erbgħin premessa tagħha, li tgħid li din id-direttiva “ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat, u b’mod partikolari r-regoli tiegħu dwar il-kompetizzjoni u l-libertà li jiġu provduti servizzi”, jenfasizzaw li dawn ir-regoli, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, għandhom jiġu rrispettati.

39      Jirriżulta mill-ġurisprudenza relatata mad-dritt primarju, imsemmija fil-punti 33 sa 36 ta’ din is-sentenza, li l-kriterju ta’ l-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz postali universali jista’ validament jittieħed in kunsiderazzjoni minn Stat Membru ladarba dan jiddeċiedi li jirriżerva l-posta transkonfinali u li dan il-kriterju għandu bħala prinċipju, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 sa 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi applikat billi jittieħdu biss in kunsiderazzjoni servizzi li jikkostitwixxu s-servizz postali universali u mhux attivitajiet oħra li l-fornitur jista’, jekk ikun il-każ, jeżerċita. Fil-fatt, jista’ jkun li dan ta’ l-aħħar jeżerċita wkoll attivitajiet ekonomiċi oħra, li għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna relatata li tiġi mis-servizzi riżervati.

40      Madankollu, jirriżulta wkoll mill-imsemmija ġurisprudenza li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 ma tistax tiġi ridotta għal dan l-aspett finanzjarju biss, in kwanti ma jistax jiġi eskluż li jeżistu raġunijiet oħra li għalihom, skond l-Artikolu 86(2) KE, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jirriżervaw posta transkonfinali biex jiżguraw ruħhom li titwettaq il-missjoni partikolari mogħtija lill-fornitur ta’ servizz postali universali.

41      B’hekk, il-kunsiderazzjonijiet, bħall-opportunità, relatati mas-sitwazzjoni ġenerali tas-settur postali, inkluża dik marbuta mal-livell ta’ liberalizzazzjoni tiegħu meta tittieħed deċiżjoni rigward il-posta transkonfinali, mhumiex biżżejjed biex jiġġustifikaw il-fatt li din tiġi rriżervata, sakemm, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, ma tintilifx il-kisba ta’ servizz postali universali jew li din ir-riżerva tkun meħtieġa sabiex dan is-serizz ikun jista’ jiġi pprovdut taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

42      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li kemm l-intestatura ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 kif ukoll l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jmorru kontra li d-deċiżjoni li l-posta transkonfinali tiġi rriżervata għall-fornitur ta’ servizz postali universali huwa ġustifikat minħabba sempliċi kunsiderazzjonijiet ta’ opportunità.

43      L-emenda ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 mid-Direttiva 2002/39 (iktar `il quddiem id-“Direttiva 97/67 emendata”), li għaliha l-qorti tar-rinviju tirreferi espliċitament sabiex timmotiva d-deċiżjoni tagħha li tirreferi domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tinvalidax din l-interpretazzjoni.

44      Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 emendata jipprovdi li, “[s]a fejn neċessarju sabiex tiġi assigurata provvista ta’ serviz universali, per eżempju meta ċerti setturi ta’ attività postali diġà ġew liberalizzati jew minħabba l-karatteristiċi speċifiċi partikolari għas-servizzi postali fi Stat Membru, posta għal barra transfruntiera tista’ tibqa’ tiġi rriżervata fl-istess limiti ta’ piż u ta’ prezz”.

45      Kif issostni l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fl-osservazzonijiet bil-miktub tagħha, jirriżulta b’mod partikolari mit-tnejn u għoxrin u t-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 2002/39 li raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 emendata għandu bħala għan, l-istess bħall-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67, li ma jiġix ippreġudikat l-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz postali universali u għalhekk li l-provvista ggarantita ta’ dan is-servizz universali ma tiġix kompromessa.

46      Barra minn hekk, kif issostni wkoll il-Kummissjoni, imur kontra l-għan tad-Direttiva 2002/39, li hu li jinkiseb il-ftuħ progressiv u kkontrollat tas-servizzi postali għall-kompetizzjoni, li r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 kif emendata, jiġi interpretat fis-sens li jwessa’ l-marġini ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri.

47      Fil-verità, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sittax-il premessa tad-Direttiva 2002/39, li jgħid li “ftuħ komplet għal kompetizzjoni ta’ posta transfruntiera għal barra, b'eċċezzjonijiet possibbli sal-limitu neċessarju sabiex tiġi assigurata disposizzjoni ta’ servizz universali, [jikkostitwixxi fażi] ulterjuri relattivament sempliċi u kkontrollat[a] li madankollu [hija] sinifikanti”, fid-dawl tal-ħmistax, is-sbatax u l-għoxrin premessa ta’ din l-istess direttiva, tistabbilixxi kjarament in-natura eċċezzjonali tal-possibbiltà li l-posta transkonfinali għal barra tiġi rriżervata, kif jipprovdi r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 kif emendata.

48      Għalhekk, l-eżempji li jagħti r-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 kif emendata jikkostitwixxu biss, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, indikazzjonijiet li jistgħu jiggwidaw l-evalwazzjoni relattiva għall-attribuzzjoni tad-drittijiet speċjali lill-fornitur ta’ servizz postali universali, bħar-riżerva ta’ provvista tal-posta transkonfinali, mingħajr ma jkunu tali li jkollhom effett fuq l-interpretazzjoni li għandha ssir ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67.

49      Fir-rigward ta’ l-oneru tal-prova tan-neċessità, għaż-żamma tas-servizz postali universali, li l-posta transkonfinali tiġi rriżervata għall-fornitur tas-servizz, jirriżulta mill-intestatura ta’ l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67, li huwa l-Istat Membru li jagħmel użu mill-possibbiltà li japplika t-tali riżerva jew, jekk ikun il-każ, it-tali fornitur. Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-fatt li, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 86(2) KE, huwa l-Istat Membru jew l-impriża li tinvoka din id-dispożizzjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ġew issodisfati (sentenza TNT Traco, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 59).

50      Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw il-posta transkonfinali għal fornitur ta’ servizz postali universali biss safejn jiġi stabbilit

–        li, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, tintilef il-kisba ta’ dan is-servizz universali, jew

–        li din ir-riżerva hija meħtieġa sabiex dan is-servizz ikun jista’ jinkiseb taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 97/67/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jirriżervaw il-posta transkonfinali għal fornitur ta’ servizz postali universali biss safejn jiġi stabbilit

–        li, fin-nuqqas ta’ din ir-riżerva, tintilef il-kisba ta’ dan is-servizz universali, jew

–        li din ir-riżerva hija meħtieġa sabiex dan is-servizz ikun jista’ jinkiseb taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.