Kawża C-242/07 P
Ir-Renju tal-Belġju
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell — Terminu għal rikors — Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Oriġinal tar-rikors ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit — Inammissibbiltà — Kunċett ta’ ‘żball skużabbli’ — Kunċett ta’ ‘każ fortuwitu’”
Sommarju tad-digriet
1. Proċedura — Terminu għal rikors — Dekadenza — Każ fortuwitu jew forza maġġuri — Kunċett
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45)
2. Proċedura — Motivazzjoni tas-sentenzi — Portata
3. Proċedura — Terminu għal rikors — Dekadenza — Żball skużabbli — Kunċett
4. Proċedura — Terminu għal rikors — Rikors ippreżentat b’faks — Terminu għall-preżentata ta’ l-oriġinal iffirmat
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 43(6))
5. Proċedura — Rikors promotur — Regolarizzazzjoni — Kundizzjonijiet
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(6))
1. Tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fir-rigward tat-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu t-tnejn li huma element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi ta’ l-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti. Mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tirrimedja n-nuqqas ta’ diliġenza ta’ rikorrent.
(ara l-punti 16-17, 23)
2. L-obbligu għall-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li kienet marbuta twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mir-rikorrent fl-ewwel istanza, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati.
(ara l-punti 20, 34)
3. L-għarfien sħiħ tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni kif ukoll tat-terminu ta’ rikors applikabbli skond l-Artikolu 230 KE ma jeskludix, fih innifsu, li individwu jkun jista’ jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-fatt li r-rikors tiegħu jkun ġie ppreżentat tard peress li tali żball jista’ jsir, b’mod partikolari, ladarba l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba tali, waħedha jew b’mod determinanti, li tipprovoka konfużjoni ammissibbli fl-individwu in bona fide u li juri d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment informat dwar il-fatt.
(ara l-punt 29)
4. Il-kliem stess ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Qorti tal-Prim’Istanza meta din ta’ l-aħħar tapplika din id-dispożizzjoni. Il-possibbiltà għal rikorrent li, għall-finijiet ta’ l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, jibbaża ruħu fuq id-data li fiha r-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirċievi faks hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-oriġinal tar-rikors iffirmat, li tkun intbagħtet kopja tiegħu, jasal fl-imsemmi Reġistru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara. Barra minn hekk, ladarba il-faks tasal iktar minn għaxart ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhomx l-effett li jżidu dan it-terminu.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, l-inammissibbiltà ta’ rikors toriġina minn nuqqas ta’ attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jwassal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-att oriġinali ffirmat fit-terminu tar-rikors in kwistjoni, u mhux mill-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kieku kienet tapplika l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, dispożizzjoni li tintroduċi fl-imsemmija regoli t-teknoloġija moderna ta’ komunikazzjoni, u li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha ma kinitx issodisfata.
(ara l-punti 38-40)
5. Jekk rikorrent ikollu, bis-saħħa ta’l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-possibbiltà li jirregolarizza r-rikors tiegħu, b’mod partikolari billi jibgħat l-annessi li jkunu neqsin, din ir-regolarizzazzjoni hija possibbli biss safejn, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kundizzjoni essenzjali sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun adita hija ssodisfata, jiġifieri l-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, ir-rikors jikkostitwixxi att promotur li fih il-partijiet għandhom l-obbligu jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, u ħdejh l-annessi għandhom biss funzjoni purament probatorja u strumentali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ l-annessi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala preżentata parzjali tar-rikors.
(ara l-punt 41)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
8 ta’ Novembru 2007 (*)
“Appell – Terminu għal rikors – Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza – Oriġinal tar-rikors ippreżentat wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ ‘żball skużabbli’ – Kunċett ta’ ‘każ fortuwitu’”
Fil-kawża C‑242/07 P,
li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fis-16 ta’ Mejju 2007,
Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn L. Van den Broeck, bħala aġent, assistita minn J.-P. Buyle u C. Steyaert, avukati,
appellant,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
appellata,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn K. Schiemann, li jaġixxi fil-funzjoni ta’ President tas-Sitt Awla, P. Kūris u C. Toader (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz ta’ l-appell tiegħu, ir-Renju tal-Belġju jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (T-5/07, li mhuwiex ippubblikat fil-Ġabra, aktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”), li permezz tiegħu hija ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tiegħu sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fl-ittra tat-18 ta’ Ottubru 2006, li tirrifjuta li tħallas lura l-ammont imħallas minnu prinċipalment flimkien ma’ l-imgħaxijiet tal-kreditu tal-Fond Soċjali Ewropew, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni in kwistjoni”), minħabba li dan ir-rikors tressaq wara li skada t-terminu stabbilit u ċ-ċirkustanzi invokati ma kinux jikkostitwixxu każ fortuwitu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sar japplika fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut.
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-digriet ikkontestat
2 Mid-digriet ikkontestat jirriżulta li r-Renju tal-Belġju ġie nnotifikat bid-deċiżjoni in kwistjoni fid-19 ta’ Ottubru 2006 u li kellu terminu li kien jiskadi fit-2 ta’ Jannar 2007 sabiex iressaq rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni skond l-Artikolu 230 KE.
3 Fil-21 ta’ Diċembru 2006, ir-Renju tal-Belġju bagħat, permezz ta’ faks, kopja tar-rikors tiegħu ffirmat, flimkien ma’ l-annessi, lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Skond l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din id-data setgħet tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal tar-rikors iffirmat jiġi ppreżentat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara.
4 Madankollu, mid-digriet ikkontestat jirriżulta li kien biss fis-27 ta’ Diċembru 2006 li l-Qorti tal-Prim’Istanza rċeviet l-annessi oriġinali, filwaqt li kien biss fil-5 ta’ Jannar 2007 li l-oriġinal tar-rikors iffirmat, mibgħut bi żball lill-ambaxxata tal-Belġju fil-Lussemburgu bil-borża diplomatika, wasal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza.
5 Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant ikkunsidrat li, minħabba l-iżball tar-Renju tal-Belġju li jibgħat l-att oriġinali ffirmat fl-għaxart ijiem wara li bagħat il-kopja tiegħu bil-faks, hija biss id-data li fiha ġie ppreżentat l-att oriġinali ffirmat, jiġifieri l-5 ta’ Jannar 2007, li setgħet tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-terminu għal rikors. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-att ġie ppreżentat wara t-terminu stabbilit.
6 F’ittra tat-2 ta’ Frar 2007, ir-Renju tal-Belġju sostna madankollu li ma rrispettax it-terminu in kwistjoni minħabba li kien hemm żball skużabbli u invoka każ fortuwitu skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.
7 Fl-imsemmija ittra, dan l-Istat Membru sostna li s-servizzi tiegħu kienu wrew id-diliġenza meħtieġa billi bagħtu, bil-faks, il-kopja tar-rikors iffirmat sew qabel id-data li fiha skada t-terminu għal rikors u kien biss fil-5 ta’ Jannar 2007, meta ġew informati mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li saru jafu bl-iżball fir-rigward ta’ fejn intbagħat ir-rikors oriġinali biss meta r-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza informathom, fil-5 ta’ Jannar 2007. Barra minn hekk, l-imsemmi Stat enfasizza li wieħed ma jistax jikkunsidra bħala null rikors iffirmat, mibgħut bil-faks, minħabba li l-oriġinal ma wasalx fit-terminu ta’ għaxart ijiem.
8 Fid-digiret ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fakkret il-ġurisprudenza Komunitarja dwar il-kunċett ta’ każ fortuwitu, ikkunsidrat li l-preżentata tardiva ta’ l-oriġinal tar-rikors kien ir-riżultat tal-fatt li l-Ministeru kkonċernat bagħtu lill-ambaxxata tal-Belġju fil-Lussemburgu, li finalment ippreżentatu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Jannar 2007. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ukoll li l-ebda prova oħra ma tressqet sabiex tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jew avvenimenti mhux normali li ma kellhomx x’jaqsmu ma’ l-istituzzjonijiet tar-Renju tal-Belġju u li taw lok għall-allegat każ fortuwitu. Fl-aħħar nett, hija kkunsidrat, fir-rigward ta’ l-iżball skużabbli li invoka dan l-Istat Membru, li l-kwistjonijiet marbuta ma’ kif jaħdmu s-servizzi ta’ l-appellant ma setgħux, waħedhom, irendu l-iżball li sar skużabbli.
Fuq l-appell
9 Fl-appell tiegħu, li in sostenn tiegħu huwa jinvoka erba’ aggravji, ir-Renju tal-Belġju jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
– tannulla d-digriet ikkontestat;
– tikkunsidra r-rikors tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni bħala ammissibbli u tilqa’ t-talbiet tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;
– jekk ikun il-każ, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex din tagħti deċiżjoni fuq il-mertu;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura ta’ l-appell u tal-proċedura ta’ l-ewwel istanza.
10 Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob li l-appell jiġi miċħud u li r-Renju tal-Belġju jiġi ordnat ibati l-ispejjeż.
11 Skond l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun, totalment jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull waqt, wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell, totalment jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet ikkontestat
Argumenti tal-partijiet
12 Ir-Renju tal-Belġju jikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli rriproduċiet il-ġurisprudenza Komunitarja mingħajr ma indikat fil-motivazzjoni tad-digriet ikkontestat għaliex ma ddeduċietx, miċ-ċirkustanzi in kwistjoni, li kien jeżisti każ fortuwitu jew żball skużabbli.
13 Huwa jqis, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ każ fortuwitu billi kienet sodisfatta bil-konstatazzjoni ta’ l-iżball li sar mis-servizzi tiegħu u billi sostniet żbaljatament li l-ebda prova oħra ma tressqet mir-Renju tal-Belġju. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx motivazzjoni għaliex ma ddeduċietx li kien jeżisti każ fortuwitu minn ċerti elementi għaldaqstant invokati, bħall-fatt li fil-perijodu madwar is-27 ta’ Diċembru 2006, wieħed mill-aġenti Ministerjali tiegħu, li kien inkarigat mill-kawża C‑227/06 pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kellu kuntatt bit-telefon mar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ikkonfermawlu li kienu rċevew żewġ enveloppi u assigurawh li kollox kien sew, kif ukoll il-fatt li kien biss fil-5 ta’ Jannar 2007 li l-Qorti tal-Prim’Istanza informatu dwar il-fatt li ma rċevietx ir-rikors oriġinali, flimkien ma’ l-annessi li effettivament irċeviet fis-27 ta’ Diċembru 2006.
14 Fir-rigward ta’ l-iżball skużabbli, ir-Renju tal-Belġju jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx għaliex il-fatt eċċezzjonali u li qatt ma kien seħħ qabel li l-oriġinal tar-rikors, bid-differenza ta’ l-annessi, ma wasalx fit-terminu stabbilit fir-Reġistru, ma kienx jippermetti li jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li kien hemm żball skużabbli. Għaldaqstant, hija għamlet ukoll kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.
15 Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa tagħha, li d-digriet kien motivat b’mod suffiċjenti skond il-liġi u li huwa jippermetti lir-Renju tal-Belġju jkun jaf ir-raġunijiet li għalihom ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
16 Għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li tista’ ssir eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji fir-rigward tat-termini tal-proċedura fil-każ biss ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, każijiet fortuwiti jew forza maġġuri, skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 45 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u l-bżonn li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il-Kummissjoni, 42/85, Ġabra p. 3749, punt 10, kif ukoll id-digrieti tal-5 ta’ Frar 1992, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑59/91, Ġabra p. I‑525, punt 8, u tas-7 ta’ Mejju 1998, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑239/97, Ġabra p. I‑2655, punt 7).
17 Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha wkoll l-okkażjoni tippreċiża li l-kunċetti ta’ forza maġġuri u ta’ każ fortuwitu jinvolvu element oġġettiv, li jirrigwarda ċirkustanzi mhux normali u li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ l-operatur, u element suġġettiv li jinvolvi l-obbligu, mill-persuna kkonċernata, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi ta’ l-avveniment mhux normali billi tieħu miżuri xierqa mingħajr ma jkollha tagħmel sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, l-operatur għandu jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, juri diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑195/91 P, Ġabra p. I‑5619, punt 32).
18 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li fakkret il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, ikkunsidrat, fil-punt 16 tad-digriet ikkontestat, li għall-oriġini tal-preżentata tardiva ta’ l-oriġinal tar-rikors kien hemm il-fatt li r-Renju tal-Belġju bagħat dan l-oriġinal bil-borża diplomatika.
19 Fir-rigward ta’ l-elementi l-oħra invokati mir-Renju tal-Belġju, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dan ta’ l-aħħar semma għall-ewwel darba, fil-fażi ta’ appell, allegata komunikazzjoni bit-telefon mar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn ikkonfermawlu li kollox kien sew. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress li dan l-element ma ġiex invokat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, din ta’ l-aħħar ma tistax tiġi kkritikata li ma semmithiex fil-motivazzjoni tad-digriet ikkontestat.
20 Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li kien biss fil-5 ta’ Jannar 2007 li mir-Reġistru indikawlu li l–oriġinal tar-rikors ma kienx wasal għandhom, għandu jiġi mfakkar li l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li din kienet marbuta li twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mill-appellant, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentment ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C‑404/04 P, Ġabra p. I-1, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm huwa ċertament sostnut, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2007 iċċitata iktar ’il fuq, li l-fatt li r-Reġistru m’għamilx immedjatament dikjarazzjoni ta’ riċevuta ta’ dak li bagħat ir-Renju tal-Belġju jikkostitwixxi element relatat ma’ ċirkustanzi esterni, dan l-Istat Membru lanqas ħa ħsieb jispjega din l-affermazzjoni b’mod li jrendiha suffiċjentement ċara u preċiża sabiex ikun jista’ jibbaża fuq ir-rilevanza tagħha għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ allegat każ fortuwitu.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rikonoxxut li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, mingħajr ma tagħmel kunsiderazzjoni żbaljata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, tiddeċiedi, fil-punt 16 tad-digriet ikkontestat, li l-ebda element ieħor ma tressaq sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali jew avvenimenti mhux normali li ma kinux jiddependu mill-istituzzjonijiet tar-Renju tal-Belġju u li taw lok għall-allegat każ fortuwitu.
23 Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Belġju ma jistax isostni li mir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza informaw tardivament dwar l-iżball fir-rigward ta’ fejn intbagħat ir-rikors oriġinali peress li kien l-appellant biss li kien marbut jissorvelja bir-reqqa l-iżvolġiment tal-proċedura u, b’mod partikolari, li juri ċerta diliġenza sabiex josserva t-termini stabbiliti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32) u li, għaldaqstant, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tirrimedja n-nuqqas ta’ diliġenza ta’ rikorrent.
24 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-fatt li l-oriġinal tar-rikors ma wasalx fit-terminu stabbilit fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, meta l-annessi, ġew ippreżentati fit-terminu għal rikors in kwistjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ittra tat-2 ta’ Frar 2007 iċċitata iktar ’il fuq, ir-Renju tal-Belġju ma ħax ħsieb jispjega għaliex dan il-fatt kien ta’ natura eċċezzjonali tant li jiġġenera żball skużabbli.
25 Barra minn hekk, jingħad li fi kwalunkwe każ fatt bħal dan la huwa eċċezzjonali fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjari u, f’dan il-każ, lanqas huwa estern għall-istituzzjonijiet tar-Renju tal-Belġju.
26 Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ żball skużabbli
Argumenti tal-partijiet
27 Skond ir-Renju tal-Belġju, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta qieset, fil-punt 18 tad-digriet ikkontestat, li l-kwistjonijiet marbuta mal-ħidma tas-servizzi tiegħu ma setgħux, waħedhom, irendu l-iżball li sar skużabbli.
28 Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza żammet korrettament mal-ġurisprudenza Komunitarja u li ġustament ikkonkludiet, fil-punt 18 iċċitat iktar ’il fuq, li l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jibbaża ruħu fuq ħidma difettuża fl-organizzazzjoni interna tiegħu sabiex jagħti prova tan-natura skużabbli ta’ l-iżball li seta’ sar f’dan il-każ.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 Għandu jiġi mfakkar li l-għarfien sħiħ tan-natura definittiva ta’ deċiżjoni kif ukoll tat-terminu ta’ rikors applikabbli skond l-Artikolu 230 KE ma jeskludix, fih innifsu, li individwu jkun jista’ jinvoka żball skużabbli li jista’ jiġġustifika l-fatt li r-rikors tiegħu jkun ġie ppreżentat tard peress li, skond ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bayer vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26), tali żball jista’ jsir, b’mod partikolari, ladarba l-istituzzjoni kkonċernata tkun adottat imġiba tali, waħedha jew b’mod determinanti, li tipprovoka konfużjoni ammissibbli fl-individwu in bona fide u li juri d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur normalment informat dwar il-fatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Mejju 2003, Pitsiorlas vs Il-Kunsill u l-BĊE, C‑193/01 P, Ġabra p. I‑4837, punt 24).
30 Fid-digriet ikkontestat, il-Qorti tal-Prim’Istanza twettaq applikazzjoni korretta tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, wara li kkonstatat, fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, li l-preżentata tardiva tar-rikors kienet ir-riżultat ta’ difett fil-ħidma tas-servizzi tal-Ministeru kkonċernat, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet, ġustament, tiddeċiedi li, f’dan il-każ u fin-nuqqas ta’ elementi oħra, il-kwistjonijiet marbuta mal-ħidma tas-servizzi tar-Renju tal-Belġju ma jistgħux, waħedhom, irendu skużabbli l-iżball li twettaq peress li, f’dan il-każ, dan l-iżball jikkorrispondi preċiżament għal nuqqas ta’ diliġenza min-naħa ta’ dawn is-servizzi.
31 Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ dritt jew nuqqas ta’ motivazzjoni safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli teżamina argument
Argumenti tal-partijiet
32 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx l-argument, li huwa qajjem fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Frar 2007, u skond liema l-fatt li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ għaxart ijiem sabiex l-oriġinal tar-rikors iffirmat jintbagħat lir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza jkun suġġett għall-piena ta’ nullità jwassal għal riġidità proċedurali eċċessiva b’kuntrast ma’ l-iżvilupp attwali tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, rifless b’mod partikolari mil-leġiżlazzjoni dwar qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
33 F’dan il-każ, peress li d-data li fiha ġiet riċevuta l-faks ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet tal-ħarsien tar-Regoli tal-Proċedura, hija biss id-data li fiha ġie ppreżentat l-att oriġinali fir-Reġistru li tista’ tiġi validament aċċettata. Peress li din id-data ta’ l-aħħar hija wara t-terminu mogħti lir-Renju tal-Belġju sabiex iressaq ir-rikors tiegħu, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi biss, mhux għan-nullità tar-rikors kif isostni l-Istat Membru, iżda għall-inammissibbiltà ta’ l-imsemmi rikors minħabba li ġie ppreżentat tardivament.
34 Fil-verità, mill-qari ta’ l-ittra tat-2 ta’ Frar 2007, jidher li dan l-allegat argument ta’ l-appellant huwa simili għall-kritika ġenerali li ssir fir-rigward tar-regoli li joħorġu mir-Regoli tal-Proċedura li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, madankollu, tapplikahom strettament, kif ġie mfakkar fil-punt 16 ta’ dan id-digriet. Għalhekk, l-obbligu għall-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li kienet marbuta twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat mill-appellant, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma kienx ta’ natura suffiċjentement ċara u preċiża u ma kienx ibbażat fuq provi ddettaljati (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 121, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 81).
35 Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
Argumenti tal-partijiet
36 Ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-inammissibbiltà ta’ rikors, ladarba l-oriġinal tiegħu ma jasalx fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-għaxart ijiem wara li tkun intbagħtet kopja bil-faks fi żmien it-terminu previst fl-Artikolu 230 KE, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fin-nuqqas ta’ bżonn imperattiv marbut maċ-ċertezza legali, l-osservanza ta’ l-imsemmi prinċipju tirrikjedi li rikors li jkun intbagħat bil-faks fit-terminu għal rikors stabbilit mit-Trattat KE ma jiġix ddikjarat inammissibbli, sakemm jiġi ppreżentat fl-għaxart ijiem wara d-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit għall-preżentata tar-rikors bil-faks. Barra minn hekk, ir-rikors oriġinali seta’ jiġi kkunsidrat bħala parzjalment ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-termini stabbiliti peress li l-annessi oriġinali kienu effettivament waslu għandu fis-27 ta’ Diċembru 2006.
37 Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli safejn fil-verità jipprova jikkontesta l-legalità ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk, skond il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Belġju ma jistax validament iqajjem, inċidentalment, il-legalità ta’ dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huwa seta’ validament ikkontesta f’terminu ta’ xahrejn skond l-Artikolu 230 KE. Sussidjarjament, hija tqis li dan l-aggravju huwa infondat safejn il-leġiżlatur Komunitarju la kellu l-intenzjoni jawtorizza u lanqas jobbliga lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina, każ b’każ, in-natura proporzjonali ta’ inammissibbiltà mqajma f’kundizzjonijiet bħal dawk ta’ din il-kawża.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
38 Il-kliem stess ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Qorti tal-Prim’Istanza meta din ta’ l-aħħar tapplika din id-dispożizzjoni. Il-possibbiltà għal rikorrent li, għall-finijiet ta’ l-osservanza tar-Regoli tal-Proċedura, jibbaża ruħu fuq id-data li fiha r-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirċievi faks hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-oriġinal tar-rikors iffirmat, li tkun intbagħtet kopja tiegħu, jasal fl-imsemmi Reġistru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara.
39 Barra minn hekk, ladarba, bħal f’dan il-każ, il-faks tasal iktar minn għaxart ijiem qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit sabiex jitressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhomx l-effett li jżidu dan it-terminu (digriet tat-18 ta’ Jannar 2005, Zuazaga Meabe vs L-UASI, C‑325/03 P, Ġabra p. I‑403, punt 18).
40 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Renju tal-Belġju ma jistax jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza fid-digriet ikkontestat, l-inammissibbiltà ta’ rikors toriġina minn nuqqas ta’ attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li jwassal fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza l-att oriġinali ffirmat fit-terminu għal rikors in kwistjoni, u mhux mill-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kieku kienet tapplika l-Artikolu 43(6) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, dispożizzjoni li tintroduċi fl-imsemmija regoli t-teknoloġija moderna ta’ komunikazzjoni skond l-emendi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, bi qbil mal-Qorti tal-Ġustizzja u bl-approvazzjoni unanima tal-Kunsill, fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Diċembru 2000 (ĠU L 322, p. 4), u li waħda mill-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tagħha ma kinitx issodisfata f’dan il-każ.
41 Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Belġju ma jistax isostni li r-rikors oriġinali tiegħu ġie parzjalment ippreżentat fit-termini peress li l-annessi oriġinali effettivament waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, jekk rikorrent ikollu, bis-saħħa ta’l-Artikolu 44(6) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-possibbiltà li jirregolarizza r-rikors tiegħu, b’mod partikolari billi jibgħat l-annessi li jkunu neqsin, din ir-regolarizzazzjoni hija possibbli biss safejn, skond l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kundizzjoni essenzjali sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun adita hija ssodisfata, jiġifieri l-preżentata tar-rikors. Fil-fatt, ir-rikors jikkostitwixxi att promotur li fih il-partijiet għandhom l-obbligu jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 1979, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3, u tas-6 ta’ April 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑256/98, Ġabra p. I‑2487, punt 31), u ħdejh l-annessi għandhom biss funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 99). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżentata ta’ l-annessi ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala preżentata parzjali tar-rikors.
42 Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
43 Fid-dawl ta’ dak li ngħad preċedentement, dan l-appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
Fuq l-ispejjeż
44 Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tordna li:
1) L-appell huwa miċħud.
2) Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.