Kawża C-240/06

Proċeduri mressqa minn

Fortum Project Finance SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)

“Artikolu 56(1) KE — Direttiva 69/335/KEE — Artikolu 12(1)(a) u (c) — Deroga għall-projbizzjoni ta’ tassazzjoni doppja ta’ kontribuzzjonijiet — Kontribuzzjoni ta’ kapital lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor — Skambju ta’ ishma — Taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fil-5 ta’ Lulju 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital — Taxxa kapitali fuq il-kumpanniji ta’ kapital

(Direttiva tal-Kunsill 69/335, Artikolu 12(1)( a) u (ċ))

Id-Direttiva 69/335, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-Artikolu 12(1)(c) tagħha ma japplikax għall-impożizzjoni ta’ taxxa, bħalma hija t-taxxa Finlandiża fuq it-trasferiment ta’ proprjetà, meta jiġu ttrasferiti sigurtajiet bħala kontribuzzjoni lil kumpannija ta’ kapital li tagħti l-ishma ġodda tagħha bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment. L-impożizzjoni ta’ din it-taxxa hija awtorizzata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12(1)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva.

Għalkemm il-punti (a) (b) ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 69/335 jirigwardaw kategoriji speċifiċi ta’ proprjetà, minn naħa s-sigurtajiet u, min-naħa l-oħra, il-proprjetà immobbli u n-negozji, il-punt (c) ta’ dan l-istess Artikolu 12(1) japplika għal proprjetà in ġenerali, jiġifieri “assi [proprjetà] ta’ kull tip”, u jissuġġetta, barra dan, l-impożizzjoni tad-dazji ta’ trasferiment sa fejn din il-proprjetà hija trasferita “għal konsiderazzjoni ta’ xort’oħra minn ishma fil-kumpannija”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond il-prinċipju ta’ effett utli, il-kunċett ta’ “assi [proprjetà] ta’ kull tip” li hemm fl-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335 jista’ jinftiehem biss għal proprjetà ta’ kwalità oħra li mhijiex dik imsemmija f’dan l-Artikolu 12(1)( a) u (b), jiġifieri, rispettivament it-“titoli” u n-“negozji jew proprjetà immobbli”. Fil-fatt, il-fatt li tinterpreta l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, inkwantu jirrigwarda “assi [proprjetà] ta’ kull tip”, inklużi fih dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ l-istess Artikolu 12(1), ikollu l-konsegwenza li jassorbi għal kollox il-kontenut ta’ l-imsemmija punti, b’tali mod li l-eżistenza ta’ dawn il-punti ma jkollha l-ebda sens jew utilità.

(ara l-punti 37-39, 43 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-EWWEL AWLA)

25 ta’ Ottubru 2007(*)

“Artikolu 56(1) KE– Direttiva 69/335/KEE – Artikolu 12(1)(a) u (c) – Deroga għall-projbizzjoni ta’ tassazzjoni doppja ta’ kontribuzzjonijiet – Kontribuzzjoni ta’ kapital lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor – Skambju ta’ ishma – Taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà”

Fil-kawża C‑240/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Mejju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2006, fil-proċeduri mressqa minn

Fortum Project Finance SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ April 2007,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Fortum Project Finance SA, minn M. Tunturi, u T. Kanervo, asiamiehet,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u J. Heliskoski, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u P. Aalto, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 56(1) KE u 12(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335 /KEE tas-17 ta’ Lulju 1969 li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (ĠU L 249, p. 25), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 (ĠU L 156, p. 23, aktar ’il quddiem id-“Direttiva 69/335”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Fortum Project Finance SA (aktar ’il quddiem “Fortum Project Finance”), kumpannija rreġistrata fil-Lussemburgu, u l-Uudenmaan verovirasto (ċentru ta’ taxxi ta’ Uusimaa, il-Finlandja) dwar l-applikazzjoni tat-taxxa Finlandiża fuq it-trasferiment ta’ proprjetà (varainsiirtovero, aktar ’il quddiem it-“taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà”) għas-sehem kollu illi Fortum Oyj (aktar ’il quddiem “Fortum”), kumpannija rreġistrata fil-Finlandja, għandha fil-kapital ta’ Fortum Heat and Gas Oy (aktar ’il quddiem “Fortum Heat and Gas”), kumpannija oħra rreġistrata fil-Finlandja, u li hija ttrasferiet bħala kontribuzzjoni lil Fortum Project Finance illi tat ishma ġodda bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment.

 Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 56(1) KE jistipula :

“Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri […] tkun projbita”

4       Kif jirriżulta mill-ewwel u t-tieni premessi tad-Direttiva 69/335 din tfittex li tippromwovi l-moviment liberu ta’ kapital, ħelsien fundamentali meqjus li huwa essenzjali għall-ħolqien ta’ suq intern. Għal din ir-raġuni, hija tfittex li tneħħi l-ostakli fiskali fil-qasam tal-ġbir tal-kapital, fosthom, b’mod partikolari, il-kontribuzzjonijiet ta’ kapital lill-kumpanniji, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet magħmula minn soċji jew azzjonisti għall-kumpanniji tal-kapital tagħhom.

5       Għal dan il-għan, l-Artikoli 1 sa 9 tad-Direttiva 69/335 jipprovdu għall-impożizzjoni ta’ dazju armonizzat fuq il-kontribuzzjonijiet tal-kapital lil kumpanniji (iktar ’il quddiem id-“dazju kapitali”).

6       L-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva jistabbilixxi l-lista ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għad-dazju kapitali, fosthom hemm imniżżel fis-subparagrafu (c), iż-“żieda fil-kapital ta’ kumpannija kapitali bil-kontribuzzjoni ta’ assi [proprjetà] ta’ kull tip”.

7       Skond l-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija Direttiva, din it-tranżazzjoni ta’ kontribuzzjoni ta’ proprjetà tista’ tiġi suġġetta għal rata unika li ma taqbiżx il-1 %.

8       L-Artikolu 10 tad-Direttiva 69/335 jiddisponi li, barra d-dazju kapitali, l-Istati Membri m’għandhom jimponu ebda taxxa, fir-rigward ta’ kumpanniji, ditti, assoċjazzjonijiet jew persuni ġuridiċi li jaħdmu bi qliegħ, taħt kwalunkwe forma, b’mod partikolari għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva 69/335.

9       Skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 69/335 :

“[L]-Istati Membri m’għandhom ikunu soġġetti [jissuġġettaw] għal ebda forma ta’ tassazzjoni:

a) il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għall-kwotazzjoni fil-borża, li jagħmlu disponibbli fis-suq jew li jittrattaw fi stocks, ishma jew sigurtajiet oħrajn ta’ l-istess tip, jew taċ-ċertifikati li jirrapreżentaw dawn is-sigurtajiet, maħruġa minn min ikun;

b) self, inklużi bonds tal-gvern, miġbura bil-ħruġ ta’ debentures jew titoli negozzjabbli oħrajn, maħruġa minn min ikun, jew xi formalitajiet li jirrelataw għalihom, jew il-ħolqien, il-ħruġ, l-ammissjoni għal kwotazzjoni fil-borża, li jsiru disponibbli fis-suq jew l-ittrattar f’dawn id-debentures jew titoli negozjabbli oħra.”

10     Madankollu, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 69/335 jippreċiża li, b’deroga għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan, l-Istati Membri jistgħu jimponu b’mod partikolari:

“a) dazji fuq it-trasferiment ta’ titoli, kemm jekk imposti b’rata uniformi u kemm jekk le;

b)       dazji ta’ trasferiment, inklużi taxxi fuq ir-reġistrazzjoni ta’ l-art, fuq it-trasferriment, lil kumpannija, ditta, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li taħdem għal profitt, ta’ negozji jew proprjetà immobbli lokalizzata fit-territorju tagħhom;

c)       dazji ta’ trasferiment fuq assi [proprjetà] ta’ kull tip trasferiti lil kumpannija, dita, assoċjazzjoni jew persuna ġuridika li topera għal profitt, sa fejn din il-proprjetà hija trasferita għal konsiderazzjoni ta’ xort’oħra minn ismha fil-kumpannija;

[…]”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Skond l-Artikolu 15 tal-liġi Finlandiża fuq it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà [varainsiirtoverolaki (931/1996)], għandha titħallas taxxa lill-Istat minn min jittrasferixxi waqt it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq sigurtajiet.

12     Skond l-Artikolu 20(1) ta’ l-imsemmija liġi, it-taxxa hija, għal trasferimenti ta’ sigurtajiet, 1,6 % tal-prezz tax-xiri jew, inkella, tal-valur tal-korrispettiv.

13     Skond l-Artikolu 9(1), punt 1, tal-liġi Finlandiża dwar it-taxxa fuq id-dħul [tuloverolaki (1535/1992)], tat-30 ta’ Diċembru 1992, il-persuna taxxabbli hija l-persuna fiżika jew morali, in-negozju bi sħab jew il-proprjetà li ġejja minn suċċessjoni stabbilita jew miftuħa fil-Finlandja waqt is-sena ta’ taxxa, għad-dħul kollu, fil-Finlandja u barra minnha.

14     L-Istat Finlandiż ma jimponix dazju kapitali skond id-Direttiva 69/335.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15     Fortum Oyj ittrasferiet is-sehem kollu li kellha fil-kapital ta’ Fortum Heat and Gas Oy lil Fortum Project Finance. Din ta’ l-aħħar, wara li żiedet il-kapital tagħha b’ammont daqs il-valur ta’ ishma li rċeviet, tat ishma ġodda lil Fortum.

16     Wara din it-tranżazzjoni, Fortum Project Finance kellha tħallas, fil-Lussemburgu, fuq il-kapital li akkwistat permezz ta’ skambju ta’ ishma, dazju kapitali ta’ 1 %.

17     Peress li ma kinitx ċerta li hija, għal dan l-akkwist, kienet ukoll suġġetta għat-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà, Fortum Project Finance marret b’din il-kwistjoni quddiem l-Uudenmaan verovirasto li tat deċiżjoni preliminari (aktar ’il quddiem id-“deċiżjoni preliminari”), li fiha kkonfermat illi din il-kumpannija kellha tħallas l-imsemmija taxxa ta’ 1,6 % tal-valur ta’ l-ishma ta’ Fortum Heat and Gas Oy li rċeviet bħala kontribuzzjoni.

18     Fortum Project Finance talbet l-annullament ta’ din l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (Tribunal Amministrattiv ta’ Helsinki). Hija sostniet, b’mod partikolari, illi l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà kellha bħala effett li tissuġġetta l-akkwist ta’ kapitali għal tassazzjoni doppja, li tmur kontra l-Artikolu 56(1) KE, kif ukoll id-Direttiva 69/335.

19     Fuq talba tal-Helsingin hallinto-oikeus, il-Ministeru tal-Finanzi Finlandiż ta’ opinjoni li fiha kkunsidra, minn naħa, illi d-Direttiva 69/335 ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu taxxa matul it-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà fuq is-sigurtajiet, u, min-naħa l-oħra, illi skambju ta’ ishma jimplika trasferiment, li dan jinvolvi din it-taxxa. Huwa żied li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1)(c) ta’ din id-Direttiva huwa, skond is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 1997, Immobiliare SIF (C-42/96, Ġabra p. I-7089), u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Codan (C-236/97, Ġabra p. I‑8679), delimitat strettament.

20     Fortum Project Finance sostniet f’replika li s-sentenza Codan, iċċitata aktar ’il fuq, la tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335 lanqas il-kwistjoni tal-kontribuzzjonijiet. F’dak li jikkonċerna s-sentenza Immobiliare SIF, iċċitata aktar ’il fuq, hija sostniet illi l-fatt illi t-taxxa hija espressa f’perċentwali ma jikkostitwixxix fih innifsu prova assoluta tan-natura fiskali tagħha.

21     Il-Helsingin hallinto-oikeus ċaħdet ir-rikors ta’ Fortum Project Finance u ddeċidiet li t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà, illi ma tapplikax għas-sottoskrizzjoni ta’ ishma minn Fortum Oyj fil-kuntest ta’ l-għoti li sar minn Fortum Project Finance u għaż-żieda fil-kapital ta’ kumpannija, iżda għat-trasferiment ta’ ishma ta’ Fortum Heat and Gas, ma tistax, għalhekk, titqies li tmur kontra l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335.

22     Din il-qorti kkunsidrat illi, meta t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà tapplika għat-trasferiment ta’ ishma u mhux għat-trasferiment ta’ kapitali ta’ Stat Membru lil ieħor, l-imsemmija taxxa m’għandhiex titqies li tmur kontra l-Artikolu 56(1)KE, u li m’hemmx għalfejn tbiddel d-deċiżjoni preliminari.

23     Fl-appell tagħha, Fortum Project Finance talbet lill-qorti tar-rinviju tannulla s-sentenza tal-Helsingin hallinto-oikeus u li tiddeċiedi li t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà ma tapplikax għal ishma li hija rċeviet bi ħlas ta’ prezz ta’ sottoskrizzjoni.

24     Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni li hija għandha tagħti fil-kawża prinċipali teħtieġ interpetazzjoni ta’ l-Artikoli 56(1) KE, u 12 (1)(c) tad-Direttiva 69/355.

25     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto oikeus (Qorti amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“L-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335/KEE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li tinġabar taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà […] meta jiġu ttrasferiti sigurtajiet kif deskritt fid-domanda preliminari bħala kontribuzzjoni għal kumpannija ta’ ishma li tagħti l-ishma tagħha bħala korrispettiv?”

 Fuq id-domanda preliminari

26     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 56(1) KE u 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335 jipprekludux l-impożizzjoni ta’ taxxa, bħalma hija t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà, meta sigurtajiet immobbli jiġu trasferiti bħala kontribuzzjoni lill-kumpannija ta’ ishma li tagħti l-ishma tagħha ġodda bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment.

27     Għandu, preliminarjament, jiġi rrilevat illi m’hemmx lok li jiġi interpretat, f’din il-kawża, l-Artikolu 56(1) KE, peress li l-liġi dwar it-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà tiprrevedi regoli ta’ taxxa identiċi għat-trasferiment ta’ sigurtajiet li saru fil-kuntest nazzjonali u lil hinn mill-fruntiera, hekk li din id-dispożizzjoni m’għandhiex, kif jista’ jiġi dedott mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, effetti diskriminatorji diretti jew indiretti.

28     F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-Direttiva 69/335 f’din il-kawża, il-Gvern tar-Renju Unit isostni, preliminarjament, illi tranżazzjoni bħalma hi dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, safejn din issemmi biss it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ kapitali li jsaħħu l-potenzjal ekonomiku tal-parteċipanti. Issa, f’din il-kawża, l-iskambju ta’ ishma in kwistjoni ma jistax jagħti lok għal dan it-tisħiħ tal-grupp Fortum meqjus kollu kemm hu.

29     Din l-argumentazzjoni ma tistax madankollu tintlaqa’. Fil-fatt, it-tranżazzjoni in kwistjoni, li tikkonsisti f’żieda tal-kapital wara kontribuzzjoni ta’ ishma, taqa’ b’mod ċar fl-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335, li tissuġġetta għad-dazju kapitali armonizzat iż-żieda tal-kapital ta’ kumpannija permezz tal-kontribuzzjoni ta’ proprjetà ta’ kull kwalità mingħajr ma jsir riferiment bl-ebda mod għall-effetti ekonomiċi ta’ din it-tip ta’ tranżazzjoni għal dawk li ħadu sehem.

30     Dwar dan, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Marzu 2006, Aro Tubi Trafilerie (C-46/06, Ġabra p.1-3009), iddefiniet iż-“żieda fil-kapital ta’ kumpannija” skond l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva 69/335 bħala żieda formali fil-kapital ta’ kumpannija kemm permezz tal-ħruġ ta’ ishma ġodda, kemm permezz taż-żieda fil-valur nominali ta’ l-ishma li diġà jeżistu (sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, C- 46/04, Ġabra p. I-3009, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31     Peress li d-Direttiva 69/335 hija applikabbli għal tranżazzjoni bħal dik in kwistjoni f’din il-kawża prinċipali, din it-tranżazzjoni hija suġġetta fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu għall-ħlas ta’ dazju kapitali, għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk l-awtoritajiet tat-taxxa Finlandiżi jistgħux jiimponu t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà jew jekk, bil-kontra, l-impożizzjoni ta’ din it-taxxa tkun, kif sostnew Fortum Project Finance u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ipprojbita skond l-Artikolu 12(1)(c) ta’ din id-Direttiva.

32     F’dan ir-rigward, il-Gvern Finlandiż u dak tar-Renju Unit isostnu illi t-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali tkun aċċettata skond il-punt (a) ta’ l-imsemmi Artikolu 12(1)(a), li japplika għad-dazji miġbura fuq it-trasferiment ta’ sigurtajiet bħal dawk ta’ ishma. Skond dawn il-Gvernijiet, l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335 għandu jinftiehem li tapplika għal dazji fuq it-trasferiment ta’ proprjetà barra dawk koperti mill-Artikolu 12(1)(a) jew (b) ta’ l-imsemmija direttiva, jiġifieri proprjetà li la hija ta’ sigurtajiet la ta’ proprjetà mobbli u lanqas proprjetà immobbli jew negozji. In sostenn ta’ din l-argumentazzjoni, dawn il-Gvernijiet jinvokaw is-sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Immobiliare SIF u Codan, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja m’għamlitx, f’ċirkustanzi li jixtiebhu mal-kawża prinċipali, interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335, iżda interpretat restrittivament il-punti (a) u (b) ta’ din id-dispożizzjoni.

33     Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt minn Fortum Project Finance, issostni bil-kontra li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jikkostitwixxi r-regola bażika dwar it-tassazzjoni li hija imposta fuq it-trasferiment ta’ sigurtajiet, tant illi l-Artikolu 12(1)(c), ta’ l-istess direttiva jistabbilixxi regola aktar dettaljata dwar l-intaxxar ta’ trasferimenti ta’ sigurtajiet u ta’ proprjetà oħra magħmula lil kumpannija bħala kontribuzzjoni. Is-sentenzi Immobiliare SIF u Codan, iċċitati aktar ’il fuq, ma jkunux tali li jpoġġu fid-dubju din l-analiżi, safejn il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn is-sentenzi, interpretat il-punt (c) ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 69/335.

34     L-argumentazzjoni tal-Kummissjoni u ta’ Fortum Project Finance madankollu ma tistax tiġi milqugħa.

35     Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-problema essenzjali, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju preliminari, huwa li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335 jawtorizzax lill-Istati Membri jintaxxaw it-trasferiment ta’ sigurtajiet, fosthom fil-każ fejn kumpannija li għandha tirċievi dawn is-sigurtajiet tagħti l-ishma tagħha bħala korrispettiv, mingħajr ma jkun hemm ksur ta’ l-Artikolu 12(1)(c) ta’ din id-Direttiva. Fi kliem ieħor, jirrigwarda li tiddetermina jekk il-punt (a) ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 69/335 għandux jitqies li jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali meta mqabbel mal-punt (c) ta’ l-istess Artikolu 12(1), hekk illi l-ewwel dispożizzjoni tirbaħ fuq it-tieni fis-sitwazzjoni li hija intiża speċifikament li tirregola.

36     F’dan ir-rigward, għandu mill-ewwel jiġi mfakkar illi, skond ġurisprudenza kostanti, meta dispożizzjoni ta’ dritt komunitarju tista’ tingħatalha aktar minn interpretazzjoni waħda, trid tingħata prijorità lil dik l-interpretazzjoni li għandha n-natura li tissalvagwarda l-effett utli tagħha (sentenza ta’ l-24 ta’ Frar 2000, Il-Kummisjoni vs Franza, C-434/97, Ġabra. p. I‑1129, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37     Issa, għandu jiġi kkonstatat illi, għalkemm il-punti (a) (b) ta’ l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 69/335 jirigwardaw kategoriji speċifiċi ta’ proprjetà, minn naħa s-sigurtajiet u, min-naħa l-oħra, il-proprjetà immobbli u n-negozji, il-punt (c) ta’ dan l-istess Artikolu 12(1) japplika għal proprjetà in ġenerali, jiġifieri “assi [proprjetà] ta’ kull tip”, u jissuġġetta, barra dan, l-impożizzjoni tad-dazji ta’ trasferiment sa fejn din il-proprjetà hija trasferita “għal konsiderazzjoni ta’ xort’oħra minn ismha fil-kumpannija”.

38     F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond il-prinċipju ta’ effett utli mfakkar fil-punt 36 tal-preżenti sentenza, il-kunċett ta’ “assi [proprjetà] ta’ kull tip” li hemm fl-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335 jista' jinftiehem biss għal proprjetà ta’ kwalità oħra li mhijiex dik imsemmija f’dan l-Artikolu 12(1)( a) u (b), jiġifieri, rispettivament it-“titoli” u n-“negozji jew proprjetà immobbli”.

39     Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li tinterpreta l-Artikolu 12(1)(ċ) tad-Direttiva 69/335, inkwantu jirrigwarda “assi [proprjetà] ta’ kull tip”, inklużi fih dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ l-istess Artikolu 12(1), ikollu l-konsegwenza li jassorbi għal kollox il-kontenut ta’ l-imsemmija punti, b’tali mod li l-eżistenza ta’ dawn il-punti ma jkollha l-ebda sens jew utilità.

40     Għalhekk għandu jiġi kkonstatat illi, f’sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali fejn hemm il-kwistjoni, minn naħa, tat-trasferiment ta’ sigurtajiet u, min-naħa l-oħra, tal-kumpens tagħhom b’ishma, l-Artikolu 12(1)(c) tad-Direttiva 69/335 ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ taxxa, bħalma hija t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà.

41     Bil-kontra, it-tranżazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 69/335, hekk li l-ġbir ta’ taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà f’din il-kawża jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

42     Barra minn hekk, għar-raġunijiet spjegati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 67 sa 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija konformi mas-sentenza Codan, iċċitata aktar ‘il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi, f’ċirkustanzi identiċi għal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 65/335 jippermetti l-impożizzjoni, fil-każ ta’ trasferiment ta’ ishma, ta’ taxxa barra d-dazju kapitali applikabbli wara ż-żieda fil-kapital ta’ kumpannija.

43     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula li d-Direttiva 69/335 għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-Artikolu 12(1)(c), ma japplikax għall-impożizzjoni ta’ taxxa, bħalma hija t-taxxa fuq it-trasferiment ta’ proprjetà, meta jiġu ttrasferiti sigurtajiet bħala kontribuzzjoni lil kumpannija ta’ kapital li tagħti l-ishma ġodda tagħha bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment. L-impożizzjoni ta’ din it-taxxa hija awtorizzata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12(1)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

44     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja(L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 85/303/KEE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985, għandha tiġi interpretata fis-sens illi l-Artikolu 12(1)(c) tagħha ma japplikax għall-impożizzjoni ta’ taxxa, bħalma hija t-taxxa Finlandiża fuq it-trasferiment ta’ proprjetà (varainsiirtovero), meta jiġu ttrasferiti sigurtajiet bħala kontribuzzjoni lil kumpannija ta’ kapital li tagħti l-ishma ġodda tagħha bħala korrispettiv ta’ dan it-trasferiment. L-impożizzjoni ta’ din it-taxxa hija awtorizzata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 12(1)(a) ta’ l-imsemmija Direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.