Kawża C-441/06

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Franċiża

“Għajnuna mill-Istat — Obbligu ta’ rkupru — Dmir ta’ kooperazzjoni”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Nuqqas ta’ osservanza ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat — Motivi ta’ difiża

(Artikolu 10 KE u 88 (2) KE)

2.     Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha

(Artikolu 88(2) KE)

3.     Stati Membri — Obbligi — Obbligu ta’ kooperazzjoni leali ma’ l-istituzzjonijiet Komunitarji

(Artikolu 10 KE)

1.     L-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni. Diffikultajiet ta’ implementazzjoni tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-irkupru ta’ għajnuna mingħand numru kbir ta’ kumpanniji f’korrelazzjoni ma’ numru ta’ fatturi individwali ta’ kalkolu ma jikkostitwixxux impossibbiltà assoluta.

Stat Membru li, matul l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, isib diffikultajiet li ma kinux previsti u li ma setgħux jiġu previsti jew isir jaf dwar konsegwenzi mhux previsti mill-Kummissjoni, għandu jissuġġetta dawn il-problemi għall-evalwazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, filwaqt li jipproponi emendi adegwati għad-deċiżjoni in kwistjoni. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 27-28)

2.     Ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma teżiġi li, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont huwa stess.

(ara l-punt 29)

3.     Stat Mambru, li jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li għajnuna mogħtija minnu hija inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna, jonqos mill-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 10 KE jekk jibqa’ lura milli jipprovdi lill-Kummissjoni, wara li din tkun talbithom, l-elementi neċessarji sabiex jiġi ffissat l-ammont definittiv li għandu jiġi rkuprat u jekk ma jieħu l-ebda azzjoni sabiex jirkupra dan l-ammont billi jargumenta li mhuwiex possibbli li tiġi ddeterminata metodoloġija affidabbli sabiex jiġi kkalkulat l-imsemmi ammont.

(ara l-punti 45-52)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Għajnuna mogħtija mill-Istat – Obbligu ta’ rkupru – Dmir ta’ kooperazzjoni”

Fil-kawża C-441/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 88(2) KE, imressaq fil-25 ta’ Ottubru 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi ma eżegwitx, fit-terminu previst, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/709/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mogħtija minn Franza favur France Télécom (ĠU L 269, 2005, p. 30, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li tagħha skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE u kif ukoll skond l-Artikolu 10 KE.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2       France Télécom (iktar ’il quddiem “FT”) teżerċita attività ta’ operatur kif ukoll ta’ fornitur ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni. FT topera, b’mod partikolari, fis-swieq segwenti: telefonija fissa, telefonija mobbli, Internet u servizzi oħra ta’ informazzjoni, servizzi lill-impriżi, xandir bit-televiżjoni u televiżjoni bil-kejbil.

3       B’deroga mis-sistema ta’ taxxa professjonali tad-dritt ordinarju applikabbli fi Franza (l-Artikoli 1447 et seq tal-code général des impôts, iktar ’il quddiem il-“CGI”), li tipprovdi li t-taxxa professjonali hija dovuta kull sena minn persuni fiżiċi jew ġuridici li jeżerċitaw abitwalment attività professjonali għal rashom, żewġ sistemi fiskali suċċessivi li jidderogaw mid-dritt ordinarju applikabbli ġew stabbiliti favur FT, jiġifieri sistema tranżitorja, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 1991 sal-31 ta’ Diċembru 1993, segwita minn sistema definittiva, applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994. Din l-aħħar sistema ġiet revokata b’effett mil-31 ta’ Diċembru 2002.

4       Is-sistema tranżitorja (1991-1993) kienet tipprovdi li, skond l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 90-568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990. p. 8069), matul dan il-perijodu, FT, l-istess bħal l-Istat, ma kinitx suġġetta għat-taxxa, bħal per eżempju, it-taxxa professjonali, it-taxxa fuq l-art jew it-taxxa fuq il-kumpanniji.

5       Is-sistema definittiva (1994-2002) kienet tipprovdi li, abbażi ta’ l-Artikolu 18 ta’ l-imsemmija liġi u ta’ l-Artikolu 1654 tal-CGI, FT kienet suġġetta għas-sistema fiskali tad-dritt ordinarju applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, bl-eċċezzjoni tat-taxxi diretti lokali li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi applikabbli jipprovdu kundizzjonijiet partikolari dwar ir-rata, il-bażi u l-modalitajiet ta’ l-intaxxar.

6       Dawn iż-żewġ sistemi kienu s-suġġetti ta’ proċedura formali ta’ eżami skond l-Artikolu 88(2) KE, u b’mod konformi mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni nnotifikata lir-Repubblika Franċiża fil-31 ta’ Jannar 2003 (ĠU C 57, p. 5).

7       Fil-punti 33 u 53 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema tranżitorja ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat. Min-naħa l-oħra, fil-punti 42 u 60 ta’ dawn il-motivi, hija kkunsidrat li d-differenza bejn it-taxxa professjonali attwalment imħallsa minn FT u dik li kienet dovuta skond id-dritt ordinarju bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2002 kienet tikkostitwixxi għajnuna mogħtija mill-Istat li kienet implementata illegalment bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) KE.

8       L-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat ma kienx indikat fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, fil-punt 59 tal-motivi ta’ din ta’ l-aħħar, il-Kummissjoni qieset li l-ammont prinċipali kkonċernat kellu jkun fi skala bejn EUR 798 miljun sa EUR 1140 miljun, bl-interessi b’effett mid-data li fiha l-għajnuna in kwistjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ meta din tiġi rkuprata. F’dan ir-rigward, hemm indikat fl-istess punt li l-ammont eżatt ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għandu jiġi stabbilit mill-Kummissjoni, bil-kooperazzjoni ta’ l-awtoritajiet Franċiżi fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, u mhux iktar tard mill-1 ta’ Novembru 2004.

9       Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi kif ġej :

“Artikolu 1

L-għajnuna mogħtija mill-Istat, li ġiet mogħtija illegalment minn Franza, bi ksur ta’ l-Artikolu 88(3) [KE], favur France Télécom permezz tas-sistema tat-taxxa professjonali applikabbli għal din l-impriża bejn l-1 ta’ Jannar 1994 sal-31 ta’ Diċembru 2002 [prevista mil-Liġi Nru 90-568 (Artikolu 18) u Artikolu 1654 CGI] hija inkompatibbli mas-suq komuni .

Artikolu 2

1.      Franza għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand France Télécom l-għajnuna mogħtija ddefinita fl-Artikolu 1.

2.      L-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien skond il-proċeduri tad-dritt nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-eżekuzzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.

3.      L-għajnuna mogħtija li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi b’effett mid-data li fiha l-għajnuna in kwistjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ meta tiġi rkuprata.

4.      L-interessi huma kkalkolati skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat KE [ĠU L 140, p. 1].

Artikolu 3

Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija għandha l-ħsieb tadotta u dawk li diġà adottat sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni. Sabiex tagħmel dan, Franza għandha tuża l-kwestjonarju li jinsab anness ma’ din id-deċiżjoni.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10     Bejn is-17 ta’ Settembru 2004 u l-10 ta’ Awwissu 2006, kien hemm numru ta’ ittri li ntbagħtu bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi rigward il-miżuri li kellhom jittieħdu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, seħħew diversi laqgħat bejn il-Kummissjoni u dawn l-awtoritajiet.

11     Matul din il-korrispondenza, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Diċembru 2005, ipproponiet li tistabbilixxi l-ammont ta’ l-għajnuna li bbenefikat minnha FT kif ġej :

–       għall-perijodu 1994-1999, l-ammont ta’ EUR 635 miljun mingħajr interessi, u

–       għall-perijodu 2000-2002, l-ammont ta’ EUR 293 miljun mingħajr interessi.

12     Għalhekk, skond il-Kummissjoni, l-ammont ta’ din l-għajnuna kien ta’ EUR 928 miljun mingħajr interessi. Fl-istess ittra, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Franċiżi jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw din is-somma u l-interessi rispettivi mingħand il-benefiċjarja u sabiex jinformawha b’dan sa l-20 ta’ Jannar 2006.

13     Fl-imsemmija ittra, il-Kummissjoni indikat ukoll lill-awtoritajiet Franċiżi li, jekk huma riedu jipproponu preċiżjonijiet jew emendi konkreti u kostruttivi għall-proposta magħmula, huma kellhom jinformawha b’dawn sa dik id-data.

14     Peress li ma kinitx sodisfatta mill-azzjoni li l-awtoritajiet imsemmija ħadu fir-rigward tat-talba tagħha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Gustizzja.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

15     Il-Kummissjoni tikkonstata li iktar minn sentejn għaddew mid-deċiżjoni kkontestata, u li l-għajnuna mogħtija ma ġietx irkuprata. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni fuq livell nazzjonali, anki jekk fir-rigward biss ta’ l-ammont li jikkorrispondi għal-limitu inferjuri fl-iskala msemmija fil-punt 59 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri dak ta’ EUR 798 miljun miżjud bl-interessi, ma nbdietx.

16     Il-Kummissjoni tfakkar li n-nuqqas ta’ rkupru ta’ l-għajnuna ma jistax ikun ġustifikat mid-diffikultajiet prattiċi li kien hemm matul id-determinazzjoni ta’ l-ammont li kellu jiġi rkuprat. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom, skond l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 10 KE, jikkoperaw in bona fede sabiex jegħlbu diffukultajiet bħal dawn.

17     Il-Kummissjoni ssostni li fformulat il-proposti dwar l-ammont ta’ għajnuna li għandu jiġi rkuprat billi stiednet l-awtoritajiet Franċiżi jressqu suġġerimenti utli f’dan ir-rigward. Madankollu, dawn l-awtoritajiet illimitaw rwieħhom li jikkontestaw l-approċċ tagħha mingħajr qatt ma ppreżentaw xi proposti li setgħu jieħdu post dawk tal-Kummissjoni.

18     Il-Kummissjoni tippreċiża li l-iskala msemmija fil-punt 59 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata hija ġġustifikata mill-fatt li l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jista’ jkun biss wieħed bejn l-ammont ta’ EUR 798 miljun u dak ta’ EUR 1140 miljun, li huma rispettivament l-ammonti minimi u massimi li bejniethom għandu jiġi stabbilit l-ammont definittiv.

19     Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa biss l-irkupru ta’ ammont minimu ekwivalenti għal-limitu inferjuri fl-iskala, jiġifieri EUR 798 miljun, li jitqies aċċettabbli sabiex jiġi assigurat irkupru effettiv ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat li bbenefikat minnha FT.

20     Abbażi ta’ dan il-Kummissjoni tikkonkludi li r-Repubblika Franċiża ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tassigura eżekuzzjoni korretta, immedjata u effettiva tad-deċiżjoni kkontestata. Aġir bħal dan imur kontra l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE. Fil-fatt, l-awtoritajiet ikkonċernati ta’ dan l-Istat Membru qatt ma wrew attitudni kostruttiva li setgħet tippermetti li jiġi stabbilit l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

21     Ir-Repubblika Franċiża tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma ddeterminatx l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata u lanqas ma stabbilixxiet il-kriterji jew il-parametri ta’ kalkolu. Fil-fatt, fil-punt 59 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni rriżervat il-kompetenza sabiex tistabbilixxi l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

22     Dan l-Istat Membru jsostni li, f’kull każ, il-Kummissjoni kellha tipprovdi metodu ta’ kalkolu li jkun suffiċjentement preċiż u affidabbli, li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tingħata lura. Peress li din naqset milli tagħmel hekk, ma kienx possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jirkupraw din l-għajnuna.

23     Fil-fehma tar-Repubblika Franċiża, din l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex ikkontestata mill-fatt li, skond l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jirkupraw l-għajnuna in kwistjoni. Fil-fatt, id-dispożittiv ta’ l-imsemmija deċiżjoni huwa inseparabbli mill-motivazzjoni tagħha u għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni tagħha.

24     F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jippreċiża li, anki l-ammont li jikkorrispondi għal-limitu inferjuri fl-iskala msemmija fil-punt 59 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata mhuwiex rilevanti, peress li l-iskala hija biss indikattiva, b’tali mod li ma kienx possibbli li jintużaw l-ammonti stabbiliti f’din l-iskala għall-finijiet ta’ l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

25     Ir-Repubblika Franċiża tfakkar li, wara suġġeriment tal-Kummissjoni, hija kienet ftiehmet ma’ FT sabiex tqiegħed taħt sekwestru somma ta’ flus kbira, jiġifieri EUR 500 miljun, x’aktarx EUR 600 miljun. Dan is-sekwestru kellu jċaħħad lil FT milli tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv allegatament mogħti mill-għajnuna in kwistjoni. Madankollu, il-Kummissjoni rrifjutat din is-soluzzjoni.

26     Dan l-Istat Membru jżid jgħid li l-awtoritajiet nazzjonali identifikaw in-nuqqasijiet tal-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, bejn Settembru 2004 u Awwissu 2006, kien hemm numru ta’ bdil ta’ ittri u nżammu diversi laqgħat bejn dawn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni. Konsegwentement, ebda ksur ta’ l-obbligu tal-kooperazzjoni leali prevista fl-Artikolu 10 KE ma jista’ jiġi rrilevat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata

27     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-uniku motiv ta’ difiża li jista’ jiġi invokat minn Stat Membru kontra rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 88(2) KE huwa dak ibbażat fuq impossibbiltà assoluta ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-4 ta’ April 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-348/93, Ġabra p. I-673, punt 16 ; tat-22 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-261/99, Ġabra p. I-2537, punt 23 u tat-2 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-499/99, Ġabra p. I-6031, punt 21).

28     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li Stat Membru li, matul l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, isib diffikultajiet li ma kinux previsti u li ma setgħux jiġu previsti, u kemm jekk ikunu ta’ natura politika, ġuridika jew prattika, jew isir jaf dwar konsegwenzi mhux previsti mill-Kummissjoni, għandu jisuġġetta dawn il-problemi għall-evalwazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar, filwaqt li jipproponi emendi adegwati għad-deċiżjoni in kwistjoni. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jikkollaboraw in bona fede sabiex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, u, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw l-għajnuna mogħtija mill-Istat (ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, tat-3 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-378/98, Ġabra p. I -5107, punt 31, u Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 24 u 25).

29     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma teżiġi li, meta tordna l-irkupru ta’ għajnuna li ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont eżatt ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju tagħha jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont huwa stess (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-480/98, Ġabra p. I-8717, punt 25, u tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-415/03, Ġabra p. I-3875, punt 39).

30     Għaldaqstant, huwa f’dan il-kuntest ġuridiku li għandhom jiġu evalwati l-argumenti tar-Repubblika Franċiża.

31     Fir-rigward ta’ l-argument li l-Kummissjoni rriżervat il-kompetenza sabiex tiddetermina l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarja, għandu jiġi mfakkar li fil-punt 59 tal-motivi tagħha d-deċiżjoni kkontestata tindika li dan l-ammont għandu jkun ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1140 miljun.

32     Mill-punt 54 tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-aħħar wieħed minn dawn l-ammonti ġie stabbilit mill-Kummissjoni wara waħda mill-ittri li ntbagħtet mill-awtoritajiet Franċiżi, dik tal-15 ta’ Mejju 2003, relatata mat-tassazzjoni baxxa ta’ FT skond is-sistema tat-taxxa professjonali bejn 1994 u 2002. Skond il-punt 58 ta’ dawn il-motivi, l-ewwel wieħed minn dawn l-ammonti rriżulta minn ittra li l-imsemmija awtoritajiet bagħtu fis-16 ta’ Lulju 2004. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tabelli li jinsabu fl-imsemmija punti, dawn iż-żewġ ammonti ġew maqsuma f’ammonti fis-sena għal perijodu ta’ bejn l-1994 u l-2002.

33     Minn dan isegwi li l-ammont ta’ EUR 798 miljun għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi l-ammont minimu ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, skond l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, id-dispożittiv ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat ma jistax jiġi separat mill-motivazzjoni tagħha, b’tali mod li għandha tiġi interpretata, jekk ikun neċessarju, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju, TWD vs Il-Kummissjoni, C-355/95 P, Ġabra p. I-2549, punt 21).

34     Huwa stabbilit li, fil-punt 59 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet effettivament ippreċiżat li l-ammont eżatt ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata kellu jiġi stabbilit minnha. Madankollu, fl-istess punt ġie ppreċiżat ukoll li dan l-ammont kellu jiġi stabbilit b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet Franċiżi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, u mhux iktar tard mill-1 ta’ Novembru 2004. Għaldaqstant, l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru ma kinitx suġġetta għall-iffissar ta’ l-imsemmi ammont. Għalhekk, il-fatt li l-ammont eżatt ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma kienx ġie stabbilit b’mod definit la kien jostakola l-implementazzjoni, min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, tal-proċedura ta’ l-irkupru ta’ l-ammont minimu ta’ l-għajnuna u lanqas ma kien jipprekludihom milli jikkoperaw b’mod utli għad-determinazzjoni ta’ l-ammont definittiv tagħha.

35     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-Repubblika Franċiża li l-ammonti stabbiliti fil-punt 59 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata huma biss indikattivi, u mingħajr ebda forza ġuridika vinkolanti, lanqas ma jista’ jiġi milqugħ.

36     Fir-rigward ta’ l-argument li l-Kummissjoni ma pprovdietx metodu ta’ kalkolu affidabbli li jippermetti li jiġi stabbilit l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, għandu jiġi kkonstatat li l-paragun bejn, minn naħa, it-taxxa li għaliha kienet ġiet effettivament suġġetta FT u, min-naħa l-oħra, it-taxxa li kellha tiġi applikata lilha skond ir-regoli tad-dritt ordinarju li jirregola t-taxxa professjonali, kien is-suġġett ta’ analiżi dettaljati b’effett mill-ftuħ tal-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 88(2) KE.

37     Fil-fatt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni elaborat il-parametri li jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet Franċiżi jagħmlu proposta definittiva dwar l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

38     L-indikazzjonijiet neċessarji f'dan ir-rigward ġew ipprovduti b’mod partikolari mill-Kummissjoni fil-punti 25 sa 38, 60 sa 67 u 72 sa 80 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura formali ta’ eżami tal-31 ta’ Jannar 2003 u, b’mod partikolari, fil-punti 34 sa 44 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

39     Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali kellhom l-elementi neċessarji li jippermettulhom jipproponu lill-Kummissjoni ammont eżatt li jiżvela l-ammont ta’ taxxa baxxa li kienet ibbenefikat minnha FT bejn l-1994 u l-2002. Fil-fatt, huma dawn l-awtoritajiet li kienu jinsabu fl-aħjar pożizzjoni, mhux biss sabiex jiddefinixxu l-proċeduri adegwati bil-għan li tiġi rkuprata l-għajnuna illegalment mogħtija mill-Istat, iżda wkoll sabiex jiddeterminaw l-ammonti eżatti li kellhom jingħataw lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punti 50 u 51).

40     Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi l-indikazzjonijiet adegwati li jippermettu lir-Repubblika Franċiża tiddetermina, hija stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, l-ammont definittiv ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, dan l-ammont kellu jinsab fl-iskala stabbilita mill-Kummissjoni.

41     Minn dan isegwi li l-argument ta’ dan l-Istat Membru li l-Kummissjoni ma pprovdietx metodu ta’ kalkolu suffiċjentement affidabbli sabiex tiddetermina l-ammont ta’ l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata, ma jistax jiġi milqugħ.

42     Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument ta’ l-imsemmi Stat Membru li, huwa impossibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, f’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-irkupru ta’ għajnuna mingħand numru kbir ta’ kumpanniji f’korrelazzjoni ma’ numru ta’ fatturi individwali ta’ kalkolu, iddeċidiet li dawn id-diffikultajiet ta’ implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ma kinux jikkostitwixxu impossibbiltà assoluta, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-280/95, Ġabra p. I-259, punti 18 u 23, u Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42). Mid-dokumenti tal-fajl ma jirriżultax li, il-problemi li jqumu f’dan il-każ fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, huma iżjed importanti minn dawk fis-sitwazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi ċċitati.

43     Għandu jiġi osservat ukoll li l-biża ta’ diffikultajiet interni, fil-kuntest ta’ l-implementazzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mogħtija mill-istat, ma tiġġustifikax il-fatt li Stat Membru ma jirrispettax l-obbligi li huwa għandu skond id-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 1995, Il-Kummissjoni vs Franza, C-52/95, Ġabra p. I-4443, punt 38 ; tad-9 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-265/95, Ġabra p. I-6959, punt 55, u tad-29 ta’ Jannar 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

44     Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li r-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

Fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 10 KE

45     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 10 KE jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiffaċilitaw lill-Komunità t-twettiq tal-missjoni tagħha u li jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq ta’ l-għanijiet tat-Trattat KE (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-433/03, Ġabra p. I-6985, punt 63).

46     F'dak li jirrigwarda l-ilment imressaq mill-Kummissjoni f’din il-kawża, għandu jiġi osservat li, matul il-korrispondenza ma’ l-awtoritajiet Franċiżi, li seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni talbet, f’bosta ittri, numru ta’ indikazzjonijiet sabiex tasal, bi ftehim ma’ dawn l-awtoritajiet, għall-iffissar ta’ l-ammont definittiv ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

47     Għandu jingħad ukoll li, fil-kuntest tat-taħdidiet ma’ l-awtoritajiet Franċiżi, intiżi għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni f’ittra tat-23 ta’ Diċembru 2005, stabbilixxiet li l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata għal EUR 928 miljun mingħajr interessi.

48     Issa, l-awtoritajiet Franċiżi ma qisux li kien utli li jieħdu pożizzjoni ċara fuq dan il-punt u lanqas li jissottomettu kontra-proposta b’ammont konkret.

49     Barra minn hekk, għalkemm matul il-korrispondenza li hija kellha mal-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża kienet tal-fehma li kellha tikkontesta l-mertu ta’ din id-deċiżjoni, u b’mod partikolari, il-kwalifikazzjoni ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat tas-sistema fiskali applikabbli għal FT bejn l-1994 u l-2002, madankollu dan il-fatt ma jimplikax li hija setgħat tonqos milli teżegwi l-imsemmija deċiżjoni.

50     Ir-Repubblika Franċiża qajmet ukoll diversi dubji dwar il-parametri ta’ kalkolu neċessarji għad-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Barra minn hekk, hija ddikjarat kemm il-darba li kien teknikament impossibbli li tiġi identifikata metodoloġija affidabbli u preċiża u, konsegwentement, li jiġu stabbiliti b’mod eżatt u inkontestabbli l-ammonti tat-taxxa professjonali li kellha tħallas FT li kieku kienet suġġetta għas-sistema ta’ taxxa professjonali tad-dritt ordinarju. Dan l-Istat Membru wasal għal konklużjoni, ripetuta f’diversi ittri miktuba bejn l-2005 u l-2006, li ma kienet teżisti ebda bażi legali suffiċjentement konvinċenti li setgħat tippermetti li jingħata bidu għal proċedura ta’ rkupru mingħajr riskju kbir li tinfetaħ kawża.

51     B’kunsiderazzjoni għal dawn l-affermazzjonijiet u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kien hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tar-Repubblika Franċiża, fir-rigward tal-Kummissjoni, sabiex tiġi pprovduta l-għajnuna neċessarja għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

52     Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-aġir ta’ l-imsemmija awtoritajiet għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 10 KE.

53     Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat fl-intier tiegħu.

54     Minn dan isegwi li għandu jiġi kkonstatat li, billi ma eżegwitx, fit-terminu preskritt, id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE u kif ukoll skond l-Artikolu 10 KE.

 Fuq l-ispejjeż

55     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Franċiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li :

1)      Billi ma eżegwitx, fit-terminu previst, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/709/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar għajnuna mogħtija minn Franza favur France Télécom, ir-Repubblika Franċiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ inċiż ta’ l-Artikolu 249 KE u kif ukoll skond l-Artikolu 10 KE.

2)      Ir-Repubblika Franċiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.