Kawża C-19/05

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Renju tad-Danimarka

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Riżorsi proprji tal-Komunitajiet — Dazji doganali legalment dovuti li ma jkunux ġew irkuprati minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali nazzjonali — Responsabbiltà finanzjarja ta’ l-Istati Membri”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali C. Trstenjak, ippreżentati fl-10 ta’ Lulju 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-18 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, Artikolu 17(2), u Nru 2913/92, Artikolu 220(2)(b); Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 94/728,Artikoli 2 u 8)

2.     Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Eżami tal-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja — Nuqqas ta’ konsegwenzi negattivi tal-ksur allegat — Nuqqas ta’ rilevanza

(Artikolu 226 KE)

1.     L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikollhom id-dettalji neċessarji u, b’hekk, ikunu f’pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta’ dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxi d-debitur, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, humiex issodisfati u għaldaqstant jekk jistgħux jiġu effettwati jew le d-dħul fil-kontijiet u l-irkupru sussegwenti tad-dazji doganali kkonċernati.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari skond l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, Stat Membru li ma jistabbilixxix id-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji u ma jqegħidx l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376 dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet infushom.

(ara l-punt 32 u d-dispożittiv)

2.     Peress li n-nuqqas ta’ rispett ta’ obbligu impost minn regola tad-dritt Komunitarju jikkostitwixxi, minnu nnifsu, nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu, il-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta’ rispett ma nissilx konsegwenzi negattivi huwa nieqes minn kull rilevanza.

(ara l-punt 35)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Riżorsi proprji tal-Komunitajiet – Dazji doganali legalment dovuti li ma jkunux ġew irkuprati minħabba żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali nazzjonali – Responsabbiltà finanzjarja ta’ l-Istati Membri”

Fil-kawża C‑19/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta’ Jannar 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Rasmussen, G. Wilms u H.-P. Hartvig, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn J. Molde, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li billi r-Renju tad-Danimarka ma qiegħedx għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta’ DKK 18 687 475 bħala riżorsi proprji u bl-imgħax ikkalkulati mis-27 ta’ Lulju 2000, huwa naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, l-Artikolu 10 KE kif ukoll l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 293, 1994, p. 9).

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-sistema tar-riżorsi proprji

2       Jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 94/728, li ssostitwixxiet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE Euratom, ta’ l-24 ta’ Ġunju 1988, dwar is-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet innifishom (ĠU L 185, p. 24) li, jikkostitwixxu riżorsi proprji mdaħħla fil-baġit tal-Komunitajiet, b’mod partikolari:

–       ir-riżorsi msejħa “tradizzjonali” [Artikolu 2(1)(a) u (b)], ġejjin minn:

–       imposti, premji, ammonti addizzjonali jew kumpensatorji, ammonti jew fatturi addizzjonali u dazji oħra stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet fuq il-kummerċ ma’ pajjiżi li mhumiex membri fi ħdan il-politika agrikola komuni;

–       dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet fuq il-kummerċ mal-pajjiżi li mhumiex membri;

–       ir-riżors imsejjaħ “taxxa fuq il-valur miżjud” [Artikolu2(1)(c)], li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-valur miżjud ;

–       ir-riżors imsejjaħ “prodott gross nazzjonali” jew “addizzjonali” [Artikolu 2(1)(d)], li joriġina mill-applikazzjoni ta’ rata, li għandha tiġi stabbilita fil-kuntest tal-proċedura tal-baġit, fid-dawl tad-dħul l-ieħor kollu, fuq is-somma tal-prodott gross nazzjonali ta’ l-Istati Membri kollha (prodott gross nazzjonli) ta’ l-Istati Membri kollha.

3       L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 94/728 jiddisponi li:

“1.      Ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a) u (b) għandhom jinġabru mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi li għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu emendati biex jissodisfaw il-leġiżlazzjoni Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha, teżamina, f’intervalli regolari, id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tittrażmetti lill-Istati Membri l-emendi li tikkunsidra li huma meħtieġa biex tassigura li huma jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja u tirrapporta lill-awtorità tal-baġit. L-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi pprovduti fl-Artikolu 2(1)(a) sa (d).

2.      […]il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi implementata din id-deċiżjoni kif ukoll dawk dwar il-kontroll ta’ l-irkupru, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-ħlas tad-dħul imsemmi fl-Artikoli 2 u 5.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Id-dispożizzjonijiet li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 94/728 kienu jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89 tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376 (ĠU L155, p.1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1355/96, tat-8 ta’ Lulju 1996 (ĠU L 175, p. 3, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Nru 1552/89”), li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 1996.

5       It-tieni premessa tar-Regolament Nru 1552/89 tistipula li “l-Komunità għandha jkollha disponibbli r-riżorsi proprji li hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 88/376 […] fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li, għal dan il-għan, hemm lok li jiġu stabbiliti l-proċeduri li bihom l-Istati għandhom iqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni r-riżorsi proprji allokati lill-Komunitajiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-Artikolu 2(1) u (1a) ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dritt tal-Komunità għar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2 (1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 88/376 […] jiġi stabbilit malli l-kundizzjonijiet stipulati fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul ta’ l-ammont tad-dazju fil-kontijiet u l-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur jitwettqu.

1a.      Id-data li għandha titqies għall-konstatazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-data tad-dħul fil-kontijiet prevista mir-regolamenti doganali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1552/89:

“Kull dewmien biex isir id-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas ta’ imgħax, mill-Istat Membru kkonċernat, bir-rati ta’ imgħax għad-dewmien applikabbli fis-suq monetarju ta’ dak l-Istat għal self għal żmien qasir, miżjud b’żewġ punti perċentwali. Din ir-rata għandha tiżdied b’0,25 punt perċentwali għal kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata kif miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 17(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti skond l-Artikolu 2 jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa mill-obbligu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għad-drittijiet stabbiliti biss jekk, għal raġunijiet ta’ forza maġġuri, dawn l-ammonti ma setgħux jiġu rkuprati. Minbarra dan, l-Istati Membri jistgħu jinjoraw l-obbligu li jqiegħdu dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi jekk, wara studju komplet taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali, ikun jidher li l-irkupru jkun impossibli għal żmien fit-tul minħabba raġunijiet li ma jkunux jistgħu jiġu attribwiti lilhom. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2913/92

9       Skond l-Artikolu 204(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”):

“1.      Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz

(a)      tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ wieħed mill-obbligi li jinqalgħu, fir-rigward ta’ merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni, mill-ħażna temporanja tagħhom jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha jkunu tqiegħdu, jew

(b)      tan-nuqqas ta’ konformità ma’ kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt dik il-proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni [minħabba] l-użu finali tal-merkanziji.

f’każijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 203 ħlief meta jiġi stabbilit li dawk in-nuqqasijiet m’għandhom ebda effett sinifikanti fuq l-operazzjoni korretta tal-ħażna temporanja jew [tal-]proċedura doganali konċernata.

2.      Id-dejn doganali għandu jiġi inkors jew fil-mument meta l-obbligazzjoni li n-nuqqas ta’ l-eżekuzzjoni tagħha tagħti lok għad-dejn doganali ma tiġix issodisfata jew fil-mument meta l-merkanziji jitqiegħdu taħt il-proċedura doganali involuta fejn jiġi stabbilit sussegwentement li kondizzjoni li tirregola t-tqegħid tal-merkanziji taħt l-imsemmija proċedura jew l-għoti ta’ rata mnaqqsa jew mingħajr żieda ta’ dazju fuq l-importazzjoni [minħabba] l-użu finali tal-merkanziji ma ġietx fil-fatt issodisfata”.

10     Għal dak li jikkonċerna d-dħul fil-kontijiet u l-komunikazzjoni ta’ l-ammont tad-dazju lid-debitur, l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali jistipula li:

“1.      Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kkalkulat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew [f’]kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]

L-awtoritajiet doganali jistgħu [ma jdaħħlux fil-kontijiet] ammonti ta’ dazju li, taħt l-Artikolu 221 (3), ma [jistgħux] jiġu kkomunikati lid-debitur wara l-għeluq taż-żmien permess.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-ammonti tad-dazju. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skond jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom ikun ġie inkors id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li l-imsemmija ammonti jkunu ser jitħallsu.”

11     Skond l-Artikolu 218 ta’ l-istess Kodiċi:

“1.      Fejn dejn doganali jiġi inkors bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-merkanziji għal proċedura doganali oħra barra importazzjoni temporanja [b’eżenzjoni] parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew kull att ieħor li jkollu l-istess effett legali bħal dik l-aċċettazzjoni, l-ammont li jikkorrispondi għal dak id-dejn doganali għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet malli jkun ġie kalkulat u, l-aktar tard, fit-tieni jum wara dak li fih il-merkanziji jkunu nħelsu.

[…]

3.      Fejn dejn doganali jiġi inkors taħt kundizzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1, l-ammont ta’ dazju relevanti għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jkunu f’pożizzjoni li:

a)      jikkalkulaw l-ammont ta’ dazju kkonċernat,  u

b)      jistabilixxu d-debitur.”

12     L-Artikolu 220 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi li:

“1.      Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219.

2.      […], daħliet sussegwenti fil-kontijiet m’għandhomx isiru fejn:

[…]

b)      l-ammont ta’ dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta’ żball min-naħa ta’ l-awtoritajiet doganali liema żball ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta’ l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mil-leġislazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

[…]”

13     L-Artikolu 221 ta’ l-imsemmi Kodiċi jiddisponi li:

“1.      Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.      Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri [quddiem il]-qorti kriminali, li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-disposizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin.”

14     L-Artikolu 239 ta’ dan il-Kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Dazji fuq l-importazzjoni jew dazji fuq l-esportazzjoni jistgħu jitħallsu lura jew jintbagħtu f’sitwazzjonijiet oħra barra dawk li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 236, 237, u 238:

–       li għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura tal-kumitat;

–       li jirriżultaw minn ċirkostanzi li fihom ebda ingann jew traskuraġni ovvja ma jistgħu jiġu attribwiti lill-persuna interessata. Is-sitwazzjonijiet li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti għal dak il-għan għandhom jiġu definiti skond il-proċedura tal-Kumitat. Ħlas lura jew remissjoni jistgħu jsiru bla ħsara għal kondizzjonijiet speċjali.

2.      Dazji għandhom jitħallsu lura jew jintbagħtu għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 1 malli tiġi preżentata applikazzjoni lill-uffiċċju doganali xieraq fi żmien 12-il xahar mid-data li fiha l-ammont tad-dazji kien ġie komunikat lid-debitur.

Iżda, l-awtoritajiet doganali jistgħu jippermettu li dan il-perjodu jinqabeż f’każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif jixraq.”

15     L-Artikolu 869 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1677/98 tad-29 ta’ Lulju 1998 (ĠU L 212, p. 18, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2454/93”), jipprovdi:

“L-awtoritajiet doganali għandhom huma stess jiddeċiedu li ma jagħtux kas a posteriori [jdaħħlux sussegwentement fil-kontijiet] dazji li ma jkunux inġabru:

[…]

b)      f’każijiet li jikkunsidraw li fihom il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi [Doganali] jkunu sodisfatti, sakemm l-ammont mhux miġbur mill-operatur ikkonċernat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ operazzjoni waħda jew aktar ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni imma b’konsegwenza ta’ żball wieħed, ikun anqas minn 2 000 [EUR];

[…]”

16     L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 871 tar-Regolament Nru 2454/93 jiddisponi li:

“F’każijiet apparti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 869, meta l-awtoritajiet doganali jew jikkunsidraw li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi jkunu mwettqa jew ikollhom dubju dwar il-kamp ta’ l-applikazzjoni preċiża tal-kriterji ta’ dik id-disposizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ każ partikolari, dawk l-awtoritajiet għandhom jissottomettu l-każ lill-Kummissjoni, sabiex deċiżjoni tkun tista’ tittieħed bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 872 sa 876. […]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

17     Matul is-sena 1990, l-awtoritajiet Daniżi awtorizzaw impriża (iktar ’il quddiem l-“impriża importatriċi”) timporta, bid-dazju doganali sospiż, merkanzija għall-kostruzzjoni ta’ kontenituri, skond is-sistema ta’ l-“użu finali” applikabbli għal “oġġetti intiżi biex ikunu inkorporati f’vapuri, dgħajjes jew bastimenti oħrajn […] għall-għanijiet tal-kostruzzjoni, tiswija, [manutenzjoni] jew konverżjoni tagħhom, [kif ukoll] għal oġġetti intiżi li jitwaħħlu fuq u jarmaw vapuri” skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima II ta’ l-Anness I, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2886/89 tat-2 ta’ Awwissu 1989 (ĠU L 282, p. 1).

18     Wara li ġie effettwat kontroll mill-25 sad-29 ta’ Marzu 1996, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Daniżi li l-awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni ta’ din il-merkanzija b’eżenzjoni tad-dazji doganali kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-leġiżlazzjoni applikabbli, billi dawn il-kontenituri ma kellhomx jiġu inkorporati fil-bastimenti. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet iġibu fit-tmiem din il-prassi u kkonstatat li huma, minħabba n-negliġenza tagħhom, kienu responsabbli għall-ammont ta’ riżorsi proprji li ma ġewx irkuprati mill-Komunità.

19     Fit-30 ta’ Diċembru 1997, l-awtoritajiet Daniżi informaw lill-impriża importatriċi bil-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta’ merkanzija għall-kostruzzjoni ta’ kontenituri skond is-sistema ta’ użu finali, għalkemm ma qablux magħha, u ta’ l-applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 1998, tad-dazji fuq din il-merkanzija. Madankollu, dawn l-awtoritajiet ippermettew li din l-awtorizzazzjoni tibqa’ fis-seħħ wara din id-data, bil-kundizzjoni li l-impriża importatriċi tbati r-riskju li tara d-dazji doganali jiġu imposti skond l-Artikolu 204 tal-Kodiċi Doganali. L-awtoritajiet Daniżi ddeċidew, skond l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali, li ma jiħdux in kunsiderazzjoni a posteriori l-importazzjonijiet dovuti sa dik id-data, mingħajr ma l-Kummissjoni ġiet ikkonsultata f’dan ir-rigward.

20     Mit-3 ta’ Frar 1998, l-awtortitajiet Daniżi neħħew lill-impriża importatriċi l-benefiċċju tas-sistema ta’ użu finali, li ssostitwew bis-sistema magħrufa bħala ta’ “pproċessar tad-dħul”. Għaldaqstant, l-impriża importatriċi setgħet tkompli timporta, b’eżenzjoni ta’ dazju doganali, il-merkanzija għall-kostruzzjoni ta’ kontenituri għall-użu marittimu għat-tagħmir intern tal-bastimenti għal ġarr ta’ kontenituri li sussegwentement jiġu esportati.

21     Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar 1998, il-Kummissjoni, b’ittra tat-22 ta’ Lulju 2004, talbet lir-Renju tad-Danimarja l-ħlas ta’ l-ammont ta’ DKK 1 479 016, li jikkorrispondi għall-ammont ta’ dazji doganali li l-impriża importatriċi ġiet eżentata minnhom skond is-sistema ta’ l-użu finali. Bid-Deċiżjoni REC 12/03, tad-19 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 12/03”), hija kkonkludiet li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni a posteriori d-dazji doganali, iżda li l-impriża importatriċi setgħet tiġi eżentata mill-ħlas tagħhom skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Doganali. Billi ma ġie kkonstatat l-ebda żball mill-awtoritajiet Daniżi matul dan il-perijodu, il-Kummissjoni indikat, b’ittra tal-21 ta’ Frar 2005, li ma kkunsidratatx iktar ir-Renju tad-Danimarka responsabbli għar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet mhux mibgħuta għal dan il-perijodu.

22     Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni, b’ittra tad-9 ta’ Novembru 1998, talbet lill-awtoritajiet Daniżi l-ħlas tad-dazji doganali li kellha tirċievi, għall-importazzjoni mill-impriża importatriċi tal-merkanzija meħtieġa għall-kostruzzjoni ta’ kontenituri, jiġifieri l-ammont ta’ DKK 18 687 475, mingħajr imgħaxijiet. Wara skambju ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE. Wara li, b’ittra tal-31 ta’ Jannar 2002, hija tat l-opportunita’ lir-Renju tad-Danimarka jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, hija, fil-31 ta’ Ottubru ta’ wara, bagħtet lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata fejn stidnietu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-opinjoni.

23     Peress li ma kinitx sodisfatta bir-risposta tar-Renju tad-Danimarka għall-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

24     Il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tad-Danimarka, billi bbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tar-regoli doganali sabiex jeżenta mid-dazji għall-importazzjoni l-impriża importatriċi skond is-sistema ta’ użu finali matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, naqas mill-obbligi tiegħu li jikkonstata u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Komunità l-ammont ta’ DKK 18 687 475 bħala riżorsi proprji. F’dan ir-rigward, hija tinvoka s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02, Ġabra p. I‑9811).

25     Hija tirrileva li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu r-riżorsi proprji tal-Komunitajiet, anki jekk jikkontestaw il-krediti ta’ din ta’ l-aħħar (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). L-awtoritajiet Daniżi aġixxew b’riskju tagħhom meta baqgħu jsostnu l-interpretazzjoni tagħhom tas-sistema ta’ użu finali wara li l-Kummissjoni kienet ikkontestatha matul is-sena 1996. Huma ma avżawx lill-impriża importatriċi qabel it-30 ta’ Diċembru 1997 u naqsu mill-obbligi tagħhom, skond l-Artikolu 871 tar-Regolament Nru 2454/93, li jitolbu lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni fuq l-applikazzjoni eventwali ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

26     Il-Kummissjoni tfakkar li m’għadhiex tikkunsidra r-Renju tad-Danimarka responabbli għar-riżorsi proprji mhux mibgħuta għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar 1998. Safejn id-Deċiżjoni 12/03 tirreferi għal dan il-perijodu, hija għalhekk nieqsa minn kull rilevanza għal din il-kawża.

27     Fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997, il-Kummissjoni tqis li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża mhumiex differenti minn dawk li taw lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq. B’mod partikolari, hija tikkontesta t-teżi li l-impriża importatriċi setgħet tibbenefika mill-bidu ta’ dan il-perijodu mis-sistema ta’ pproċessar tad-dħul, li jeskludi kull dannu subit mill-Komunità. Hija fil-fatt tqis li din it-teżi hija biss ibbażata fuq kunsiderazzjoni purament ipotetika, u tinsisti fuq il-fatt li l-kundizzjonijiet sabiex tintuża s-sistema ta’ pproċessar tad-dħul, prevista fl-Artikoli 114 sa 129 tal-Kodiċi Doganali, huma ħafna differenti minn dawk tas-sistema ta’ użu finali. Il-Kummissjoni żżid li, f’kull każ, kien eskluż, fiż-żmien tal-fatti, li tingħata l-awtorizzazzjoni li tintuża’ b’mod retroattiv is-sistema ta’ pproċessar tad-dħul. Għalhekk hija tikkunsidra li r-Renju tad-Danimarka ma jistax, sabiex jevita r-responsabbiltà, sempliċement isostni li l-impriża importatriċi setgħet tibbenefika minn din is-sistema mill-1 ta’ Jannar 1994.

28     Ir-Renju tad-Danimarka jammetti li l-awtoritajiet doganali bbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni żbaljata tal-liġi rilevanti meta taw il-benefiċċju tas-sistema ta’ użu finali lill-impriża importatriċi. Minkejja dan l-iżball, dan l-Istat Membru jqis li din il-kawża hija differenti minn dik li kienet tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, fuq punt fundamentali. Il-Komunità ma tilfet l-ebda riżors minħabba fi żball imwettaq mill-awtoritajiet Daniżi, safejn l-impriża importatriċi, f’kull każ, setgħet tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji skond is-sistema ta’ pproċessar tad-dħul.

29     Ir-Renju tad-Danimarka jfakkar li, f’din is-sentena, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ bilanċ baġitarju li jgħid li dħul insuffiċjenti għandu jiġi kkumpensat jew permezz ta’ riżors proprju ieħor, jew permezz ta’ rettifika ta’ l-infiq (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54). F’dan il-każ, dan il-bilanċ ma ġiex ikkontestat, hekk kif l-istess Kummissjoni kkunsidrat. B’mod partikolari, id-Deċiżjoni 12/03 turi li l-Komunità ma batiet l-ebda dannu għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar 1998 jew għal dak bejn l-ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997.

30     Ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-impriża importatriċi kienet talbet, matul is-sena 1990, li tibbenefika mis-sistema ta’ pproċessar mid-dħul li kienet eleġibbli għaliha. L-awtoritajiet doganali stiednuha titlob il-benefiċċju tas-sistema ta’ użu finali, abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet regolamentari rilevanti. Minkejja li s-sistemi ta’ użu finali u ta’ pproċessar tad-dħul huma differenti, skond dan l-Istat Membru jibqa’ l-fatt li l-impriża importatriċi kienet kisbet eżenzjoni mid-dazju.

31     F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi l-iżball imwettaq mill-awtoritajiet doganali baqa’ mingħajr rilevanza fuq il-baġit tal-Komunità, ir-Renju tad-Danimarka jqis li ma naqasx mill-obbligi tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32     L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jistabbilixxu d-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji malli l-awtoritajiet doganali tagħhom ikollhom id-dettalji neċessarji u, b’hekk, ikunu f’pożizzjoni li jikkalkulaw l-ammont ta’ dazju li jirriżulta minn dejn doganali u li jistabbilixxu d-debitur, indipendentement mill-kwistjoni jekk il-kriterji għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali humiex sodisfatti u għaldaqstant jekk jistgħux jiġu effettwati jew le d-dħul fil-kontijiet u l-irkupru sussegwenti tad-dazji doganali kkonċernati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru li ma jistabbilixxix id-dritt tal-Komunitajiet għar-riżorsi proprji u ma jqegħidx l-ammont korrispondenti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, mingħajr ma jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1552/89, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari skond l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728 (sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).

33     F’din il-kawża, huwa paċifiku li l-awtoritajiet Daniżi naqsu milli jiġbru d-dazji dovuti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 1997 minħabba żball attribwit lilhom. Dan l-iżball wassalhom li ma jiħdux in kunsiderazzjoni u ma jirkuprawx a posteriori dawn id-dazji, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 220(2)(b) tal-Kodiċi Doganali.

34     Safejn jidher li a posteriori waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti sabiex tintuża s-sistema ta’ użu finali ma ġietx sodisfatta, l-Artikolu 204(2) tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxi l-bidu ta’ dan id-dejn doganali mill-impriża importatriċi għall-mument fejn il-merkanzija tkun tqegħdet taħt din is-sistema. Ware t-tneħħija, mill-31 ta’ Diċembru 1997, ta’ l-awtorizzazzjoni mogħtija lilha matul is-sena 1990 taħt din is-sistema, l-impriża importatriċi ma setgħetx tikseb rettroattivament awtorizzazzjoni għas-sistema ta’ pproċessar tad-dħul. Għaldaqstant, il-kwistjoni jekk, fl-1990, din l-impriża setgħetx tissodisfa l-kundizzjonijiet mitluba għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni skond din is-sistema u, jekk dan ikun il-każ, jekk kienx fondat li l-Komunità titlob it-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji fin-nuqqas ta’ kull preġudizzju għall-interessi finanzjarji tagħha, huwa nieqes minn kull rilevanza.

35     F’dan ir-rigward, f’kull każ, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ rispett ta’ obbligu impost minn regola tad-dritt Komunitarju jikkostitwixxi, minnu nnifsu, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta’ rispett ma nissilx konsegwenzi negattivi huwa nieqes minn kull rilevanza (sentenzi tal-11 ta’ April 1978, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, 95/77, Ġabra p. 863, punt 13; tas-27 ta’ Novembru 1990, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑209/88, Ġabra p. I‑4313, punt 14, u ta’ l-1 ta’ Frar 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑333/99, Ġabra p. I‑1025, punt 37).

36     Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 10 KE, li wkoll ġie invokat mill-Kummissjoni, mhemmx lok li jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi ġenerali inklużi fid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, li huwa differenti min-nuqqas ikkonstatat ta’ twettiq ta’ l-obbligi Komunitarji iktar speċifiċi li r-Renju tad-Danimarka kien marbut li jwettaq skond, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728.

37     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi l-awtoritajiet Daniżi ma qegħdux għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammont ta’ DKK 18 687 475 bħala riżorsi proprji u l-imgħax għad-dewmien korrispondenti kkalkulati mis-27 ta’ Lulju 2000, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 94/728.

 Fuq l-ispejjeż

38     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tad-Danimarka tilef, hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi ma qiegħedx għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej l-ammont ta’ DKK 18 687 475 bħala riżorsi proprji, bl-imgħax ikkalkulati mis-27 ta’ Lulju 2000, ir-Renju tad-Danimarka naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE Euratom, tal-31 ta’ Ottubru 1994, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej.

2)      Ir-Renju tad-Danimarka huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.