Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża C‑116/06,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tampereen käräjäoikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Frar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Frar 2006, fil-proċeduri
Sari Kiiski
vs
Tampereen kaupunki,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, J. Malenovský (Relatur) u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2007,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– Għal S. Kiiski, minn A. Vainio, asianajaja,
– għat-Tampereen kaupunki, minn T. Kyöttilä, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn E. Bygglin u J. Himmanen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u M. Huttunen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Marzu 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU L 269, p. 15, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/207”), kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, p. 1).
2. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Kiiski u t-Tampereen kaupunki (il-belt ta’ Tampere) dwar ir-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tikkonċedi lir-rikorrenti bidla fit-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li hija tgawdi minnu.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3. Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207:
“1. Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni tkun xi tkun fuq bażi ta’ sess sew direttament kif ukoll indirettament b’referenza b’mod partikolari għall-istatus konjugali jew tal-familja.
2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:
– diskriminazzjoni diretta: meta persuna waħda hija ttrattata anqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn [kif persuna] oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli,
– diskriminazzjoni indiretta: meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali tista’ tqiegħed persuni ta’ sess minnhom fi żvantaġġ partikolari meta pparagunati ma’ persuni tas-sess l-ieħor, kemm-il darba dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika ma tkunx ġustifikata b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex tintlaħaq din il-mira ma jkunux xierqa u meħtieġa,
[...]
7. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tan-nisa, b’mod partikolari rigward tqala u maternità.
Mara bil-leave ta’ maternità għandha tkun intitolata, wara t-tmiem tal-perjodu ta’ leave ta’ maternità tagħha, li tmur lura għax-xogħol tagħha jew għall-post ekwivalenti skond it-termini u kondizzjonijiet li mhumiex anqas favorevoli għaliha u li tibbenefika minn kull titjib fil-kondizzjonijiet tax-xogħol li għalihom kienet tkun intitolata waqt l-assenza tagħha.
Trattament anqas favorevoli ta’ mara relatat mat-tqala jew leave ta’ maternità fis-sens tad-Direttiva 92/85/KEE għandu jikkostitwixxi diskriminazzjoni fis-sens ta’ din id-Direttiva.
[...]”
4. Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Leave tal-Maternità”:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2 huma intitolati għal żmien kontinwu ta’ leave tal-maternità ta’ mill-inqas 14-il ġimgħa, allokati qabel u/jew wara l-ħlas skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali.
2. Il-leave tal-maternità stipulat fil-paragrafu 1 għandu jinkludi leave tal-maternità obbligatorju ta’ mill-inqas ġimagħtejn qabel u/jew wara l-ħlas skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali. ”
5. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Drittijiet marbuta mal-kuntratt ta’ l-impjieg”, jipprovdi:
“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom kif rikonoxxuti f’dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:
1. fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 5, 6 u 7, id-drittijiet ta’ impjieg relatati mal-kuntratt ta’ l-impjieg, inkluż il-ħarsien ta’ ħlas ta’, u/jew l-intitolament għal benefiċċju adegwata għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, għandhom jiġu żgurati skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;
2. fil-każ imsemmi fl-Artikolu 8, dan li ġej għandu jiġi żgurat:
(a) id-drittijiet konnessi mal-kuntratt ta’ l-impjieg tal-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, barra minn dawk imsemmija f’punt (b) hawn taħt;
(b) il-manteniment ta’ ħlas ta’, u/jew intitolament, għal allowance xierqa għal, ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2;
3. l-allowance msemmija fil-punt 2(b) għandha titqies bħala xierqa jekk tiggarantixxi dħul mill-inqas ekwivalenti għal dak li l-ħaddiema kkonċernata kienet tirċievi kieku waqfet temporanjament mill-attivitajiet tagħha għal raġunijiet ta’ saħħa, soġġetta għal kull limitu stabbilit taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;
4. L-Istati Membri jistgħu jissoġġettaw id-dritt għall-ħlas jew għall-allowance msemmija fil-punti 1 u 2(b) għall-kundizzjoni li l-ħaddiema kkonċernata tissoddisfa l-kondizzjonijiet ta’ eliġibilità għal dawn il-benefiċċji skond il-leġislazzjoni nazzjonali.
Dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanza jipprovdu għal perijodi ta’ impjieg preċedenti iktar minn 12-il xahar immedjatament qabel id-data preżunta tal-ħlas. ”
6. Id-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u […] ETUC (ĠU L 145, p. 4), timplementa l-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 minn dawn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali ta’ l-industrija [organizzazzjonijiet interprofessjonali ta’ natura ġenerali] (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”).
7. Skond il-ftehim qafas:
“[...]
9. Billi l-ftehim preżenti huwa il-ftehim qafas li jistabilixxi l-ħtiġiet minimi u disposizzjonijiet għal leave tal-genituri, kif distinti mill-leave tal-maternità, […]
[...]
Il-Klawsola 1 : L-Iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni
1. Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.
2. Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.
Il-Klawsola 2 : Il-Leave tal-ġenituri
1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave tal-ġenituri għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.
2. Biex jippromwovu opportunitajiet u trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, il-partijiet għal dan il-ftehim jikkunsidraw li d-dritt għall-leave tal-ġenituri previst taħt il-klawsola 2.1 għandu, in prinċipju, jingħata fuq bażi non-trasferibbli.
3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave tal-ġenituri għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u /jew l-imsieħba soċjali jistgħu, in partikulari:
[...]
d) jiffissaw perjodi ta’ avviż li għandhom jingħataw mill-ħaddiem lil min ikun qed iħaddmu meta jeżerċita d-dritt tal-leave tal-ġenituri, fejn jispeċifika il-bidu u tmiem tal-perijodu tal-leave;
[...]
[...]
7. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri.
[...]”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8. Skond il-paragrafu 3 tal-Kapitolu 4 tal-Liġi dwar il-kuntratti ta’ impjieg [Työsopimuslaki (26.1.2001/55)], il-ħaddiem jista’, għal raġuni leġittima, jibdel id-data u t-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal billi jażva lil min iħaddmu mhux iktar tard minn xahar qabel it-tibdil.
9. Skond l-Artikoli 11 u 12 tat-Titolu V tal-ftehim kollettiv komunali li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ l-uffiċjali u tal-membri tal-persunal bil-kuntratt għas-snin 2003-2004 [Kunnallinen yleinen virka- ja työehtosopimus 2003-2004, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”], l-uffiċjal għandu d-dritt, għal raġuni imprevedibbli u leġittima, li, fuq talba tiegħu, jikseb bidla fid-data u fit-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li jkun ingħatalu. Kull bidla imprevedibbli u essenzjali fil-possibbiltajiet prattiċi li wieħed jieħu ħsieb wild, liema bidla l-uffiċjal ma setax jieħu in kunsiderazzjoni fil-mument meta talab leave għall-edukazzjoni tat-tfal, hija meqjusa bħala raġuni leġittima.
10. Skond ir-regoli għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv, ir-raġunijiet leġittimi jinkludu, per eżempju, il-fatt li l-wild jew il-ġenitur l-ieħor jimrad serjament jew imut u d-divorzju. Min-naħa l-oħra, it-trasferiment tar-residenza f’lokalità oħra, il-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol oħra jew tqala ġdida, mhumiex, bħala regola, meqjusa bħala raġunijiet leġittimi. L-interruzzjoni tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal teżiġi li l-uffiċjal jerġa’ lura għall-funzjonijiet tiegħu.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11. S. Kiiski hija għalliema fit-Tampereen Lyseon Lukio (skola sekondarja f’Tampere). Hija taħdem mat-Tampereen kaupunki, li impjegatha f’relazzjoni ta’ impjieg irregolata bid-dritt pubbliku u li hija soġġetta għall-ftehim kollettiv. Fit-3 ta’ Mejju 2004, id-direttur ta’ l-iskola sekondarja taha l-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li hija kienet talbet sabiex tkun tista’ tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha, li twieled fl-2003, għall-perijodu mill-11 ta’ Awwissu 2004 sa l-4 ta’ Ġunju 2005.
12. Billi reġgħet ħarġet tqila, S. Kiiski, fl-1 ta’ Lulju 2004, talbet bidla fid-deċiżjoni relattiva għall-imsemmi leave għall-edukazzjoni tat-tfal, sabiex dan issa jkopri l-perijodu mill-11 ta’ Awwissu 2004 sat-22 ta’ Diċembru 2004.
13. Id-direttur madankollu għarraf lill-persuna kkonċernata li t-talba tagħha ma semmietx raġuni imprevedibbli u leġittima li tippermetti li jinbidel it-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal skond il-ftehim kollettiv. Fid-9 ta’ Awwissu 2004, S. Kiiski kkompletat it-talba tagħha billi indikat li hija kienet fil-ħames ġimgħa tat-tqala u li t-tqala tagħha kienet ħolqot bidla essenzjali fil-possibiltajiet prattiċi li hija tieħu ħsieb it-tifel tagħha. Hija għarrfet l-intenzjoni tagħha li terġa’ tidħol għax-xogħol mit-23 ta’ Diċembru 2004, għaliex dehrilha li l-leave għall-edukazzjoni tat-tfal ma setax jiġi annullat fit-totalità tiegħu. Missier it-tifel kellu l-ħsieb li huwa stess jieħu tali leave fir-rebbiegħa ta’ l-2005.
14. Id-direttur ċaħad din it-talba b’deċiżjoni tad-19 ta’ Awwissu 2004 li fiha sostna, billi rrefera għar-regoli għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv u għall-ġurisprudenza Finlandiża, li tqala ġdida ma kinitx tikkostitwixxi raġuni leġittima biex jinbidel it-tul ta’ leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
15. Missier it-tifel ma ngħatax leave għall-edukazzjoni tat-tfal għar-rebbiegħa ta’ l-2005, billi, skond il-ftehim kollettiv ġenerali konkluż bejn l-Istat u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal bil-kuntratt tiegħu (valtion yleinen virka-ja työehtosopimus), ġenitur wieħed biss jista’ f’ħin wieħed ikollu dritt għalih. Għaldaqstant, S. Kiiski ddikjarat li riedet ittemm il-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal fil-31 ta’ Jannar 2005 u tieħu l-leave tal-maternità minn dik id-data, sabiex ir-raġel tagħha jkun jista’ jieħu leave għall-edukazzjoni tat-tfal huwa wkoll. Madankollu, fl-10 ta’ Diċembru 2004, id-direttur ta’ l-iskola sekondarja ċaħad din it-talba ġdida, għar-raġuni li d-deċiżjoni ta’ min iħaddem lir-raġel tagħha li jirrifjuta li jagħtih il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal ma kinitx tikkostitwixxi raġuni leġittima fis-sens tal-ftehim kollettiv jew tal-liġi Finlandiża.
16. Billi dehrilha li sofriet diskriminazzjoni illegali, S. Kiiski ppreżentat rikors quddiem it-Tampereen käräjäoikeu (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Tampere) kontra min iħaddimha, bil-għan li tikseb kumpens għad-dannu materjali u morali li hija dehrilha li ġarrbet. In sostenn tar-rikors tagħha, hija invokat, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C-320/01, Ġabra p. I-2041). Hija fil-fatt ikkunsidrat li kienet sofriet diskriminazzjoni diretta u indiretta fuq b ażi ta’ sess minħabba t-tqala ġdida tagħha, meta min iħaddimha, filwaqt li ma rrikonoxxiex it-tqala ġdida tagħha bħala raġuni suffiċjenti, irrifjuta li jwettaq kwalunkwe bidla fil-perijodu tal-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal u, b’dan il-mod, żammha milli terġa’ tidħol għax-xogħol jew milli tibbenefika mil-leave tal-maternità.
17. Fil-fehma tat-Tampereen kaupunki, l-interruzzjoni tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal ma ġietx irrifjutata minħabba t-tqala ġdida, iżda għaliex din ta’ l-aħħar, skond il-ftehim kollettiv u l-ġurisprudenza Finlandiża applikabbli, ma kinitx tikkostitwixxi raġuni imprevedibbli u leġittima li tiġġustifika tali interruzzjoni. It-tqala ġdida ma ġabitx magħha bidliet essenzjali u imprevedibbli fil-possibbiltajiet prattiċi li S. Kiiski tieħu ħsieb l-ewwel tifel tagħha b’mod li hija kienet ser tinżamm milli tieħu ħsiebu għal żmien twil.
18. Barra minn hekk, it-Tampereen kaupunki kkunsidrat li s-sentenza Busch, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx rilevanti f’dan il-każ. F’kull każ, anki kieku kellu jkun hemm preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni, ir-reazzjoni tagħha kienet immotivata minn raġunijiet oġġettivi u leġittimi. Fl-opinjoni tagħha, il-fatt li ħaddiem li jkun qed igawdi minn leave għall-edukazzjoni tat-tfal jerġa’ jidħol għax-xogħol qabel il-waqt dejjem ikollu effett fuq il-ħaddiema l-oħra u, b’mod partikolari, fuq is-sostitut tiegħu.
19. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tampereen käräjäoikeus iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jressaq id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:
“1) Ir-rifjut ta’ min iħaddem li jibdel id-data ta’ leave għall-edukazzjoni tat-tfal mogħti lil ħaddiema jew li jinterrompi dan il-leave minħabba tqala ġdida li l-ħaddiema saret taf biha qabel ma ħarġet bl-imsemmi leave, b’applikazzjoni ta’ interpretazzjoni konsistenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li skondha tqala ġdida ġeneralment ma titqiesx li hija raġuni imprevedibbli u leġittima li fuq il-bażi tagħha jistgħu jinbidlu d-data u t-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tmur kontra l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 [...]?
2) Min iħaddem jista’ jiġġustifika b’mod suffiċjenti l-aġir tiegħu, deskritt [fl-ewwel domanda], li possibbilment jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta b’referenza għad-Direttiva [76/207], għar-raġuni li l-bidla fl-organizzazzjoni tax-xogħol ta’ l-għalliema u l-kontinwità tat-tagħlim jagħtu lok għal problemi li joħolqu inkonvenjenzi ordinarji iżda mhux gravi jew għar-raġuni li min iħaddem ikollu l-obbligu, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jikkumpensa t-telf ta’ salarju li jsofri s-sostitut ta’ l-għalliema li tkun ħarġet bil-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, jekk din ta’ l-aħħar terġa’ tidħol għax-xogħol qabel it-tmiem tal-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal?
3) Hija applikabbli d-Direttiva 92/85 […], u fl-affermattiv, l-aġir ta’ min iħaddem deskritt [fl-ewwel domanda] imur kontra l-Artikoli 8 u 11 ta’ l-imsemmija Direttiva, jekk, billi tkompli bil-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, il-ħaddiema titlef il-possibbiltà li tgawdi mill-benefiċċji tas-salarju tal-leave tal-maternità fuq il-bażi tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha fis-settur pubbliku?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tielet domanda
20. Preliminarjament, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, skond l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, huwa r-rifjut minn naħa ta’ min iħaddem lil S. Kiiski li jinterrompi l-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li minnu hija kienet tgawdi li ċaħħad lil din ta’ l-aħħar mill-benefiċċji marbuta mal-leave tal-maternità previsti fid-Direttiva 92/85. Min-naħa l-oħra, jekk min iħaddem lil S. Kiiski kellu l-intenzjoni li ma jilqax, għal diversi raġunijiet, it-tliet talbiet li hija ressqet waħda wara l-oħra, ir-rifjut tiegħu dejjem kien ibbażat, għall-inqas indirettament u impliċitament, fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li ġeneralment jeskludu t-tqala mir-raġunijiet leġittimi li jawtorizzaw bidla fil-perijodu ta’ dan il-leave. Fl-aħħar nett, l-atti ta’ l-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li l-imsemmi leave għall-edukazzjoni tat-tfal mhuwiex leave li jaqa’ taħt is-sistema ta’ leave tal-ġenituri prevista bil-ftehim qafas.
21. F’dan il-kuntest, għandu jinftiehem li, bl-ewwel u bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ sess f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/85, relattivi għal-leave tal-maternità, jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li ġeneralment jeskludu t-tqala, inkluża l-aħħar parti tagħha li tikkorrispondi għall-perijodu tal-leave tal-maternità, mir-raġunijiet leġittimi li jawtorizzaw bidla fil-perijodu ta’ l-imsemmi leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
22. Ir-risposta hekk mitluba tippresupponi li l-persuna li, bħal S. Kiiski, tippretendi li tibbenefika mid-drittijiet inerenti għal-leave tal-maternità taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/85, jiġifieri li tkun “ħaddiema tqila” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(a) ta’ din id-Direttiva.
23. Skond din id-dispożizzjoni, “ħaddiema tqila” hija definita bħala “ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali”.
24. Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/85, il-leġiżlatur Komunitarju ried jagħti definizzjoni Komunitarja lill-kunċett ta’ “ħaddiema tqila”, anki jekk, għal wieħed mill-aspetti ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri dak li jirrigwarda l-mod kif il-ħaddiema tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, huwa jirreferi għal-liġi u/jew prattika nazzjonali.
25. Fir-rigward tal-kunċett ta’ ħaddiem, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, dan il-kunċett ma jistax jingħata interpretazzjoni differenti skond il-liġijiet nazzjonali, iżda għandu tifsira Komunitarja. Dan il-kunċett għandu jiġi definit skond kriterji oġġettivi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ xogħol fid-dawl tad-drittijiet u tad-dmirijiet tal-persuni kkonċernati. Issa l-karatteristika essenzjali ta’ relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt id-direzzjoni tagħha, servizzi li bħala korrispettiv għalihom hija tirċievi rimunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17; tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, Ġabra p. I‑2681, punt 45; tat-23 ta’ Marzu 2004, Collins, C‑138/02, Ġabra p. I‑2703, punt 26; tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C‑456/02, Ġabra p. I‑7573, punt 15, u tas-26 ta’ April 2007, Alevizos, C‑392/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67).
26. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li n-natura ġuridika sui generis tar-relazzjoni ta’ impjieg fid-dritt nazzjonali ma jista’ jkollha ebda effett fuq l-istatus ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 16; tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punti 15 u 16; tad-19 ta’ Novembru 2002, Kurz, C-188/00, Ġabra p. I-10691, punt 32; u Trojani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).
27. Għalkemm huwa paċifiku li, qabel ma bbenefikat mil-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal, S. Kiiski kienet f’relazzjoni ta’ xogħol li għandha l-karatteristika msemmija fil-punt 25 ta’ din is-sentenza u għalhekk kellha l-istatus ta’ ħaddiema fis-sens tad-dritt Komunitarju, jinħtieġ ukoll, sabiex hija tkun tista’ titlob id-drittijiet mogħtija bid-Direttiva 92/85, li l-benefiċċju tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal ma jtellifhiex dan l-istatus.
28. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 92/85 ma teskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-sitwazzjoni tal-ħaddiema li diġà jgawdu minn leave bħal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
29. Huwa minnu li, skond l-ewwel, il-ħames u s-sitt premessi tagħha, id-Direttiva 92/85 tfittex li tinkoraġġixxi t-titjib fl-ambjent tax-xogħol biex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari n-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, skond l-erbatax-il premessa ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur Komunitarju dehrlu li l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu kienet tirrendi neċessarju għalihom li jingħataw id-dritt għal leave tal-maternità.
30. Għalkemm il-leġiżlatur Komunitarju b’hekk ried, b’mod partikolari, jipproteġi lill-ħaddiema tqal, b’mod ġenerali, kontra r-riskji li jistgħu jinkorru bit-twettiq ta’ l-attivitajiet tax-xogħol tagħhom, billi jagħtihom id-dritt għal leave tal-maternità li jippermettilhom jieqfu għal ftit żmien mix-xogħol tagħhom, huwa paċifiku li huwa ma ssoġġettax dan id-dritt għall-kundizzjoni li l-mara tqila li titlob li tingħata dan il-leave tkun neċessarjament qiegħda personalment f’sitwazzjoni li tesponiha għal tali riskju.
31. Għaldaqstant, il-fatt li l-għan tad-Direttiva 92/85 huwa t-titjib fil-protezzjoni tan-nisa tqal fuq il-post tax-xogħol, minnu nnifsu ma jistax jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-leġiżlatur Komunitarju ried jeskludi, mill-benefiċċju ta’ dan il-leave, lil ħaddiema li, fil-mument meta hija tixtieq tingħata dan il-leave, diġà tkun waqfet temporanjament mit-twettiq ta’ l-attivitajiet tax-xogħol tagħha għaliex tkun qiegħda tgawdi minn leave ieħor.
32. Fir-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, skond il-Klawżola 2(7) tal-ftehim qafas, l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ impjieg jew ir-relazzjoni ta’ xogħol għall-perijodu tal-leave tal-ġenituri previst b’dan il-ftehim. Minn dan jirriżulta li meta l-leġiżlatur Komunitarju adotta d-Direttiva 96/34 li timplementa l-imsemmi ftehim, huwa kkunsidra li, matul il-perijodu ta’ dan il-leave, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-ħaddiem u min iħaddmu kienet miżmuma. Għaldaqstant, il-benefiċjarju ta’ tali leave jibqa', matul dan il-perijodu, ħaddiem fis-sens tad-dritt Komunitarju.
33. Barra minn hekk, mhuwiex ikkontestat li, fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 2004 li kellha l-effett, skond il-qorti tar-rinviju, li ċaħħdet parzjalment lil S. Kiiski mid-dritt għall-ħlas jew għall-allowance xierqa previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/85, il-persuna kkonċernata kienet informat lil min iħaddimha bit-tqala tagħha skond il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali. F’dik id-data, hija għalhekk kienet taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
34. Għandu għalhekk jiġi vverifikat jekk ir-regoli relattivi għal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, b’mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jinbidel il-perijodu ta’ dan il-leave, setgħux iċaħħdu lil S. Kiiski mid-drittijiet inerenti għal-leave tal-maternità.
35. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar lil-Klawżola 2(1) tal-ftehim qafas tagħti lill-ħaddiema, irġiel u nisa, dritt individwali għal leave ta’ mill-inqas tliet xhur. Dan il-leave jingħata lill-ġenituri sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom. L-imsemmi leave jista’ jittieħed sa età stabbilita ta’ dan il-wild li tista’ tlaħħaq it-tmien snin (ara s-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑519/03, Ġabra p. I‑3067, punti 31 u 32).
36. Għandu jiġi mfakkar ukoll li, kif intqal fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, il-ftehim qafas iħalli f’idejn l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali l-kompitu li jiddefinixxu l-istatus tal-kuntratt ta’ impjieg jew tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-perijodu tal-leave previst b’dan il-ftehim qafas.
37. Billi l-għoti ta’ tali leave għandu effett fuq l-organizzazzjoni ta’ l-impriża jew tas-servizz li l-ħaddiem li jgawdi minn dan il-leave jagħmel parti minnu u jista’ jeħtieġ, b’mod partikolari, ir-reklutaġġ ta’ sostitut, huwa leġittimu għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi b’mod ristrettiv il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tingħata bidla fil-perijodu ta’ l-imsemmi leave.
38. Madankollu, fid-dawl ta’ l-għan tal-ftehim qafas li jagħti lill-ħaddiema, irġiel u nisa, minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild, dritt individwali għal-leave sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild tagħhom, huwa wkoll leġittimu li l-ġrajjiet li, wara li tkun saret it-talba jew wara li jkun ingħata dan il-leave, iqiegħdu inkontestabbilment lill-ħaddiem ikkonċernat fl-impossibbiltà li jieħu ħsieb il-wild fiċ-ċirkustanzi oriġinarjament previsti, jistgħu jiġu invokati mill-persuna kkonċernata sabiex tikseb bidla fil-perijodu ta’ l-imsemmi leave.
39. Fil-kawża prinċipali, minn naħa, il-ftehim kollettiv jagħti lill-uffiċjal ikkonċernat id-dritt, għal raġuni imprevedibbli u leġittima, li, fuq talba tiegħu, jikseb bidla fid-data u fit-tul tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li ngħatalu. Min-naħa l-oħra, dan l-istess ftehim iqis kull bidla imprevedibbli u essenzjali fil-possibbiltajiet prattiċi li wieħed jieħu ħsieb wild, u li ma setgħetx tittieħed in kunsiderazzjoni fil-mument meta ntalab il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, bħala raġuni leġittima.
40. F’dak li jirrigwarda r-regoli għall-applikazzjoni tal-ftehim kollettiv, dawn isemmu, bħala tali raġunijiet leġittimi, ġrajjiet bħall-fatt li l-wild jew il-ġenitur l-ieħor jimrad serjament jew imut u d-divorzju. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija regoli jqisu li t-trasferiment tar-residenza f’lokalità oħra, il-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol oħra jew tqala ġdida mhumiex, bħala regola, tali raġunijiet imprevedibbli u leġittimi.
41. Għandu jiġi rrilevat li, jekk it-trasferiment tar-residenza f’lokalità oħra jew il-bidu ta’ relazzjoni ta’ xogħol oħra, li jiddependu biss mir-rieda tal-persuni kkonċernati, jistgħu ġustament jitqiesu li mhumiex imprevedibbli, tqala ma tistax tiġi pparagunata, minn din il-perspettiva, għal tali ġrajjiet.
42. L-imprevedibbiltà li hija essenzjalment marbuta mat-tqala tirrendiha iktar paragunabbli ma’ ġrajjiet bħalma huma l-fatt li l-wild jew il-ġenitur l-ieħor jimrad serjament jew imut, u, id-divorzju.
43. Dawn il-ġrajjiet, li r-regoli in kwistjoni fil-kawża prinċipali iqisu bħala imprevedibbli, kollha jirriflettu bidliet essenzjali li jkunu seħħew fil-familja u fir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri, minn naħa, u bejn il-ġenituri u l-wild, min-naħa l-oħra, li huma kkaratterizzati mit-telf jew mit-tnaqqis kbir tad-disponibbiltà ta’ wieħed mill-membri ta’ din il-familja, jew mit-telf jew mit-tnaqqis kbir tal-possibbiltajiet reali għall-ġenitur ikkonċernat li jeduka l-wild jew, għal dan ta’ l-aħħar li jiġi edukat. F’dan ir-rigward, l-imsemmija ġrajjiet jikkostitwixxu ostakolu sabiex wieħed jieħu ħsieb il-wild fiċ-ċirkustanzi li kienu previsti, konformement ma’ l-għan tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, fil-mument meta ntalab il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
44. F’dak li jirrigwarda t-tqala, ma jistax jiġi kkontestat li din tbiddel ir-relazzjonijiet fi ħdan il-familja u li r-riskji marbuta magħha kemm għall-omm kif ukoll għall-fetu fil-ġuf jaffettwaw id-disponibbiltà tal-persuna kkonċernata u l-possibbiltajiet tagħha li teduka wild matul il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal. Madankollu, ma jidhirx li t-tqala, fiha nfisha, toħloq, bħala regola, bidliet essenzjali jew li huma tant sinjifikattivi li jikkostitwixxu ostakolu sabiex wieħed jieħu ħsieb il-wild fiċ-ċirkustanzi li kienu previsti fil-mument meta ntalab il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
45. Madankollu, ma jistax jiġi injorat li t-tqala ssegwi l-kors inevitabbli tagħha u li fil-fażi finali li tippreċedi l-ħlas u fl-ewwel ġimgħat wara l-ħlas il-mara kkonċernata sejra neċessarjament iġġarrab bidliet tant sinjifikattivi fil-kundizzjonijiet ta’ l-għixien tagħha li ser jikkostitwixxu ostakolu għall-possibbiltà li hija tieħu ħsieb l-ewwel wild.
46. Huwa preċiżament dan l-iżvilupp fil-kors tat-tqala li l-leġiżlatur Komunitarju ħa in kunsiderazzjoni meta ta dritt speċjali lill-ħaddiema tqal, jiġifieri d-dritt għal leave tal-maternità kif previst fid-Direttiva 92/85, li huwa intiż, minn naħa, għall-ħarsien tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara matul u wara t-tqala tagħha u, min-naħa l-oħra, għall-ħarsien tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u t-tarbija matul il-perijodu li jsegwi t-tqala u l-ħlas, billi jiġi evitat li dawn ir-relazzjonijiet jiġu disturbati mill-akkumulazzjoni ta’ piżijiet li jirriżultaw mill-eżerċizzju simultanju ta’ attività professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra p. I-9383, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C-342/01, Ġabra p. I-2605, punt 32; u Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
47. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/85, jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu intitolati għal leave tal-maternità ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa.
48. F’dan ir-rigward, mill-ħames u mis-sitt premessi ta’ din id-Direttiva jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried jikkonforma ruħu ma’ l-għanijiet tal-Karta Komunitarja dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasburgu fid-9 ta’ Diċembru 1989. L-Artikolu 136 KE jirreferi wkoll għall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Turin fit-18 ta’ Ottubru 1961 u riveduta fi Strasburgu fit-3 ta’ Mejju 1996, li l-Istati Membri kollha huma partijiet fiha billi aderixxew magħha fil-verżjoni oriġinali tagħha, fil-verżjoni riveduta tagħha jew fiż-żewġ verżjonijiet tagħha. L-Artikolu 8 tal-Karta Soċjali Ewropea, li jirrigwarda d-dritt tal-ħaddiema għall-ħarsien tal-maternità, ifittex li jagħti lil dawn ta’ l-aħħar dritt għal leave tal-maternità għal perijodu minimu ta’ tnax-il ġimgħa, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, u ta’ erbatax-il ġimgħa, fil-verżjoni riveduta tiegħu.
49. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt għal leave tal-maternità mogħti lill-ħaddiema tqal għandu jitqies bħala mezz ta’ importanza partikolari għall-ħarsien tad-drittijiet soċjali. Għalhekk, il-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li l-bidliet essenzjali fil-kundizzjonijiet ta’ l-għajxien tal-persuni kkonċernati matul il-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi l-ħlas kienu jikkostitwixxu raġuni leġittima sabiex jiġi sospiż it-twettiq ta’ l-attivitajiet tax-xogħol tagħhom, mingħajr ma jista’ jiġri li l-leġittimità ta’ din ir-raġuni titqiegħed fid-dubju, bi kwalunkwe mod, mill-awtoritajiet pubbliċi jew minn min iħaddem.
50. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha saret referenza fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-ħarsien mogħti lill-mara fil-forma ta’ leave tal-maternità huwa intiż sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-piżijiet tagħha. Issa l-attenzjoni li għandha tingħata lill-ewwel wild skond l-għan tal-leave tal-ġenituri previst bil-ftehim qafas tirrappreżenta għall-omm fil-fażi finali tat-tqala tagħha, piż akkumulat ta’ natura u ta’ portata simili. Huwa għalhekk leġittimu li jinħtieġ li tali akkumulazzjoni tiġi evitata, billi l-persuna kkonċernata titħalla, minħabba t-tqala tagħha, tibdel il-perijodu ta’ l-imsemmi leave.
51. Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi l-ħlas għandu jitqies bħala sitwazzjoni li, fid-dawl ta’ l-għan tal-leave tal-ġenituri previst bil-ftehim qafas, tikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ dan il-għan, u għalhekk bħala raġuni leġittima li tawtorizza bidla fil-perijodu ta’ dan il-leave.
52. Madankollu, dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġeneralment jeskludu t-tqala mil-lista ta’ dawn ir-raġunijiet leġittimi filwaqt li jsiru l-fatt li l-wild jew il-ġenitur l-ieħor jimrad serjament jew imut, u, id-divorzju, bħala tali raġunijiet leġittimi li jawtorizzaw bidla fil-perijodu tal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal.
53. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi ma jittrattawx b’mod identiku sitwazzjoni li, fid-dawl ta’ l-għan tal-leave tal-ġenituri previst bil-f tehim qafas u ta’ l-ostakoli li jistgħu jikkompromettu t-twettiq tiegħu, hija madankollu paragunabbli ma’ dik li tirriżulta mill-mard serju tal-wild jew tar-raġel/tal-mara, mill-mewt ta’ dawn ta’ l-aħħar, jew mid-divorzju, tali dispożizzjonijiet jirriżultaw li huma diskriminatorji, sakem tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat.
54. Skond ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni tirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun, C-248/04, Ġabra p. I-10211, punt 72, u tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56).
55. Billi trattament diskriminatorju li jirriżulta minn dispożizzjonijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jikkonċerna biss lin-nisa, l-imsemmija dispożizzjonijiet, li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tar-relazzjoni ta’ xogħol matul il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal, jikkostitwixxu diskriminazzjoni diretta fuq bażi ta’ sess ipprojbita bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207 (ara, f’dan is-sens is-sentenza Busch, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).
56. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leave ggarantit bid-dritt Komunitarju ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit b’dan id-dritt (sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, u tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-124/05, Ġabra p. I‑3423, punt 24).
57. Minn dan jirriżulta li d-dritt Komunitarju jipprekludi deċiżjoni ta’ min iħaddem, bħal dik li ttieħdet fil-kawża prinċipali fl-10 ta’ Diċembru 2006, li l-konsegwenzi tagħha jkunu li ħaddiema tqila ma titħalliex tikseb, fuq talba tagħha, bidla fil-perijodu tal-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal fil-mument meta hija titlob il-leave tal-maternità tagħha u li għaldaqstant iċċaħħadha mid-drittijiet inerenti għal dan il-leave tal-maternità li jirriżultaw mill-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/85.
58. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/207, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ sess f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva 92/85 relattivi għal-leave tal-maternità, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li, inkwantu ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-bidliet li ġġib magħha t-tqala għall-ħaddiema kkonċernata fil-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi l-ħlas, ma jippermettux lill-persuna kkonċernata li, fuq talba tagħha, tikseb bidla fil-perijodu tal-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal fil-mument meta hija teżerċita d-drittijiet tagħha għal leave tal-maternità u għaldaqstant iċaħħduha mid-drittijiet marbuta ma’ dan il-leave tal-maternità.
Fuq it-tieni domanda
59. It-tieni domanda tressqet biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkontjenu diskriminazzjoni indiretta.
60. Mill-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta li dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali jikkontjenu diskriminazzjoni diretta u mhux diskriminazzjoni indiretta fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 76/207.
61. Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.
Fuq l-ispejjeż
62. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, kif emendata bid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002, li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta fuq bażi ta’ sess f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll l-Artikoli 8 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), li jirregolaw il-leave tal-maternità, jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali relattivi għal-leave għall-edukazzjoni tat-tfal li, inkwantu ma jiħdux in kunsiderazzjoni l-bidliet li ġġib magħha t-tqala għall-ħaddiema kkonċernata fil-perijodu limitat ta’ mill-inqas erbatax-il ġimgħa li jippreċedi u jsegwi l-ħlas, ma jippermettux lill-persuna kkonċernata li, fuq talba tagħha, tikseb bidla fil-perijodu tal-leave tagħha għall-edukazzjoni tat-tfal fil-mument meta hija teżerċita d-drittijiet tagħha għal leave tal-maternità u għaldaqstant iċaħħduha mid-drittijiet marbuta ma’ dan il-leave tal-maternità.