SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta’ Settembru 2007 (*)

“Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS – Privattivi – Terminu minimu ta’ protezzjoni – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi perijodu inqas – Artikolu 234 KE – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Effett dirett”

Fil-kawża C-431/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-5 ta’ Diċembru 2005, fil-proċedura

Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos, Ldª

vs

Merck & Co., Inc.,

Merck Sharp & Dohme, Ldª

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans (Relatur), A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász u J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, G. Arestis, U. Lõhmus, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Merck Genéricos – Produtos Farmacêuticos Ldª, minn F. Bívar Weinholtz, advogado,

–       għal Merck & Co., Inc. u Merck Sharp & Dohme, Lda, minn R. Subiotto, solicitor, u minn R. Sampaio, advogado,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u J. Negrão, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn A. Dashwood, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Martenczuk u M. Afonso, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Jannar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 33 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPS”), li jinsab fl-Anness I C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KEE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p.1, iktar il-quddiem il-“Ftehim WTO”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Merck Genéricos - Produtos Farmacêuticos Ldª (iktar ’il quddiem “Merck Genéricos”) u Merck & Co. Inc (iktar ’il quddiem “M & Co.”) flimkien ma Merck Sharp & Dohme Ldª (iktar ’il quddiem “MSL”), dwar ksur li wettqet Merck Genéricos fir-rigward ta’ privattiva li l-proprjetarju tagħha fil-Portugall huwa M & Co.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim WTO u TRIPS

3       Il-Ftehim WTO u l-Ftehim TRIPS, li huwa parti integrali mill-ewwel wieħed, daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995. Madankollu, skond l-Artikolu 65(1) tal-Ftehim TRIPS, il-membri ta’ l-WTO ma kellhomx l-obbligu japplikaw id-dispożizzjonijiet tiegħu qabel ma jiskadi perijodu ġenerali ta’ sena mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jiġifieri qabel l-1 ta’ Jannar 1996.

4       L-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS, intitolat “It-Terminu ta’ Protezzjoni”, li jinsab fit-Taqsima 5 dwar il-privattivi, tal-Parti II ta’ dan il-Ftehim, li jirrigwarda regoli li jikkonċernaw l-eżistenza, il-portata u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, jipprovdi:

“It-terminu ta’ protezzjoni disponibbli m’għandux jintemm qabel ma jiskadi perjodu ta’ 20 sena li jibda jgħodd mid-data tar-reġistrazzjoni.”

 Id-dritt nazzjonali

5       L-Artikolu 7 tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali (Código de Propriedade Industrial), approvat permezz tad-Digriet Nru 30.679 ta’ l-24 ta’ Awwissu 1940 (iktar ‘il quddiem il-“kodiċi tal-proprjetà industrijali ta’ l-1940”), kien jipprovdi li l-privattiva taqa’ taħt id-dominju pubbliku wara perijodu ta’ ħmistax-il sena li jibda’ jgħodd mill-għoti tagħha.

6       Kodiċi ġdid tal-proprjetà industrijali, approvat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 16/95, ta’ l-24 ta’ Jannar 1995 (iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-proprjetà industrijali ta’ l-1995”), daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 1995.

7       L-Artikolu 94 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi li t-terminu ta’ validità tal-privattiva huwa ta’ għoxrin sena li jibda japplika mid-data li fiha t-talba tkun ġiet ippreżentata.

8       Madankollu, l-Artikolu 3 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 16/95 kien jinkludi d-dispożizzjoni tranżitorja segwenti:

“Il-privattivi li għalihom saret applikazzjoni qabel ma dan id-Digriet leġiżlattiv daħal fis-seħħ ser iżommu t-terminu ta’ validità li kien ingħatalhom fl-Artikolu 7 tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali [ta’ l-1940].”

9       Sussegwentement, l-imsemmi Artikolu 3 ġie mħassar mingħajr effett retroattiv, permezz ta’ l-Artikolu 2 tad-Digriet Leġżilattiv Nru 141/96, tat-23 ta’ Awwissu 1996, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 1996.

10     Skond l-Artikolu 1 ta’ dan id-Digriet leġiżlattiv :

“Il-privattivi li għalihom saret applikazzjoni qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet leġiżlattiv Nru 16/95 ta’ l-24 ta’ Jannar 1995 u li kienu validi fl-1 ta’ Jannar 1996 jew li ngħataw wara din id-data, għandhom jiġu rregolati mill-Artikolu 94 tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali [ta’ l-1995].”

11     Il-kodiċi tal-proprjetà intellettwali li huwa attwalment fi-seħħ kien ġie approvat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 36/2003, tal-5 ta’ Marzu 2003. L-Artikolu 99 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Terminu

It-terminu ta’ validità tal-privattiva hija ta’ 20 sena mid-data li fiha l-applikazzjoni korrispondenti kienet ġiet ippreżentata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     Il-fatti tal-kawża prinċipali, kif jirriżultaw mill-inkartament ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

13     Merck & Co. hija l-proprjetarja tal-privattiva Portugiża Nru 70.542, li l-applikazzjoni tagħha ġiet ippreżentata fl-4 ta’ Diċembru 1979 u li ngħatat fit-8 ta’ April 1981. Din il-privattiva, intitolata “Proċess ta’ preparazzjoni ta’ derivattivi ta’ aċidi amminiċi bħala ipertensivi”, tikkonċerna proċess ta’ preparazzjoni ta’ kompożizzjoni farmaċewtika li tinkludi l-element attiv Enalapril. Il-mediċina in kwistjoni ilha kkummerċjalizzata sa mill-1 ta’ Jannar 1985 taħt it-trade mark RENITEC. Liċenzja li tippermetti l-użu ta’ l-imsemmija privattiva, li tinkludi d-dritt ta’ protezzjoni, ġiet mogħtija lil MSL.

14     Fl-1996, Merck Genéricos, introduċiet prodott fis-suq taħt it-trade mark ENALAPPRIL MERCK li hija qegħdet fis-suq bi prezzijiet li kienu sostanzjalment inqas minn dawk tal-prodott mediċinali tat-trade mark Retinec u għamlet promozzjoni ta’ l-użu tiegħu mit-tobba, filwaqt li sostniet li kien l-istess prodott.

15     M & Co. U MSL ressqu rikors kontra Merck Genéricos, fejn talbu li din ta’ l-aħħar għandha tiġi ordnata li ma timportax, ma tikkummerċjalizzax fil-Portugall jew ma tesportax il-prodott in kwistjoni bit-trade mark ENALAPRIL MERCK jew permezz ta’ kull isem kummerċjali ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni espliċita u formali ta’ M & Co. u ta’ MSL kif ukoll li tħallas kumpens lil dawn ta’ l-aħħar għad-dannu materjali u morali kkawżat mill-aġir illegali tagħha.

16     Fid-difiża tagħha, Merck Genéricos sostniet b’mod partikolari, li t-terminu ta’ protezzjoni tal-privattiva Nru 70.542 kien intemm peress li l-perijodu ta’ ħmistax-il sena previst fl-Artikolu 7 tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali ta’ l-1940, applikabbli skond is-sistema tranżitorja stabbilita bl-Artikolu 3 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 16/95, kien skada fid-9 ta’ April 1996.

17     M & Co. U MSL irreplikaw li, skond l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS, il-privattiva in kwistjoni kienet skadiet fl-4 ta’ Diċembru 1999.

18     It-talbiet ta’ M & Co. u MSL ġew miċħuda fl-ewwel istanza. Madankollu, fl-appell, it-Tribunal da Relação de Lisboa (Qorti ta’ l-Appell ta’ Liżbona) ordnat lil Merck Genéricos tikkumpensa lil M & Co. u MSL għal ksur tal-privattiva Nru 70.542, għar-raġuni li, skond l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS, li għandu effett dirett, din il-privattiva skadiet fid-9 ta’ April 2001, u mhux fid-9 ta’ April 1996.

19     Merck Genéricos appellat kontra din is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal de Justiça (Qorti Suprema), fejn sostniet, b’mod partikolari, li l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS ma kellux effett dirett.

20     Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kodiċi tal-proprjeta industrijali ta’ l-1995, u b’mod partikolari, l-Artikolu 94 tiegħu, li jistabbilixxi l-perijodu minimu ta’ validità tal-privattivi għal 20 sena, ma jistax japplika fil-kawża preżenti.

21     Konsegwentement, skond l-Artikolu 7 tal-kodiċi tal-proprjetà industrijali ta’ l-1940, għandu jiġi deċiż li l-privattiva in kwistjoni skadiet fit-8 ta’ April 2006.

22     Madankollu, skond din il-qorti, jekk l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS, li jipprovdi li l-perijodu minimu ta’ protezzjoni tal-privattivi huwa ta’ 20 sena, kien applikabbli, is-soluzzjoni dwar il-kwistjoni hija oħra, peress li M & Co. u MSL ibbażaw rwieħhom fuq talba għal protezzjoni tal-privattiva fil-kawża prinċipali.

23     F’dan ir-rigward, is-Supremo Tribunal de Justiça tirrileva li, skond il-prinċipji tad-dritt Portugiż li jirregolaw l-interpretazzjoni tal-ftehim internazzjonali, l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS għandu effett dirett fis-sens li individwu jista’ jinvokah kontra individwu ieħor fil-kuntest ta’ kawża.

24     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS fil-qasam tat-trade marks, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni fil-każijijet meta dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal sitwazzjonijiet li jaqgħu kemm taħt id-dritt nazzjonali kif ukoll taħt id-dritt Komunitarju (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 1998, Hermès, C-53/96, Ġabra. p. I-3603, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Dior et, C-300/98 u C-392/88, Ġabra. p. I-11307).

25     F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li, fil-qasam tal-privattivi, il-leġiżlatur Komunitarju adotta d-dispożizzjonijiet segwenti:

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplementari għal prodotti mediċinali (ĠU L 182, p. 1);

–       ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, p. 1), qasam li huwa espliċitament imsemmi fl-Artikolu 27(3)(b) tal-Ftehim TRIPS, u

–       id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/44/KE, tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L 213, p. 13).

26     Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha wkoll ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS dwar il-privattivi, b’mod partikolari, l-Artikolu 33 ta’ dan il-Ftehim.

27     Madankollu, hija tammetti li din il-fehma tista’ tiġi kkontestata peress li, kuntrarjament għad-dritt Komunitarju dwar it-trade marks, l-atti Komunitarji fil-qasam tal-privattivi jikkonċernaw biss ċerti materji preċiżi.

28     Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal de Justiça ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja :

“1)      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS?

2)      Fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-ewwel domanda, il-qrati nazzjonali għandhom japplikaw dan l-Artikolu ex officio jew fuq talba tal-partijiet f’kawżi pendenti quddiemhom?”

 Fuq id-domandi preliminari

29     Permezz taz-zewġ domandi tagħha, li huwa meħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt Kommunitarju jipprekludi li l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS jiġi direttament applikat minn qorti nazzjonali f’kawża pendenti quddiemha.

30     Fl-ewwel lok, għandu jiġi mfakkar li skond l-Artikolu 300(7) KE, «[k]ull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jkun jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri».

31     Il-Ftehim WTO, li jagħmel parti minnu l-Ftehim TRIPS, ġie ffirmat mill-Komunità u wara approvat permezz tad-Deċiżjoni 94/800. Madankollu, skond ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS issa jagħmlu parti integrali mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra. p. I-403, punt 36, u tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-459/03, Ġabra. p. I-4635, punt 82). Fil-kuntest ta’ din is-sistema ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1974, Haegeman, 181/73, Ġabra. p. 449, punti 4 sa 6, u tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra. p. 3719, punt 7).

32     Il-Ftehim WTO ġie konkluż mill-Komunità u mill-Istati Membri kollha tagħha abbażi ta’ ġurisdizzjoni kondiviża, u kif diġà osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 24 tas-sentenza Hermès, iċċitata iktar ‘il fuq, mingħajr ma ġew maqsuma bejniethom l-obbligi rispettivi tagħhom lejn il-partijiet kontraenti l-oħra.

33     Minn dan jirriżulta li, peress li l-Ftehim TRIPS kien ġie konkluż mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond ġurisdizzjoni kondiviża, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija mitluba tiddeċiedi skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’mod partikolari skond l-Artikolu 234 KE, għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddefinixxi l-obbligi li l-Komunità assumiet u sabiex tinterpreta għal dan il-għan id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim TRIPS (ara f’dan is-sens, is-sentenza Dior et, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).

34     Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ qasam li dwaru għad mhemmx leġiżlazzjoni Komunitarja, u li, b’konsegwenza, jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri meħuda għal dan il-għan mill-awtoritajiet ġudizzjarji ma jaqgħux taħt id-dritt Komunitarju, b’tali mod li dan ma jirregolax u lanqas ma jeskludi li s-sistema legali ta’ l-Istati Membri tirrikonoxxi lill-individwi id-dritt li jibbażaw ruħhom direttament fuq regola li tinsab fil-Ftehim TRIPS jew li timponi lill-qorti nazzjonali li tapplika din ir-regola ex officio (ara s-sentenza Dior, et, iċċitata, punt 48).

35     Min-naħa l-oħra, jekk huwa stabbilit li leġiżlazzjoni Komunitarja teżisti fil-qasam ikkonċernat, huwa d-dritt Komunitarju li japplika, u dan jimplika, safejn huwa possibbli, l-obbligu li tingħata interpretazzjoni konformi mal-Ftehim TRIPS (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dior et., iċċitata iktar ‘il fuq, punt 47), mingħajr madankollu ma jingħata effett dirett lid-dispożizzjoni in kwistjoni ta’ dan il-Ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dior et., iċċitata, punt 44).

36     Madankollu, ir-risposta għad-domanda dwar liema miż-żewġ ipoteżi msemmija fil-punti preċedenti tas-sentenza preżenti hija applikabbli, fir-rigward tal-qasam rilevanti li taqa’ fih id-dispożizzjoni tal-Ftehim TRIPS fil-kawża prinċipali, timplika l-eżami tal-kwistjoni ta’ l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri.

37     Din id-domanda ta’ l-aħħar teħtieġ risposta uniformi fuq livell Komunitarju li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija fil-pożizzjoni li tagħti.

38     B’hekk jeżisti interess Komunitarju ċert inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja titqies li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS sabiex tiddetermina jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix li effett dirett jiġi rrikonoxxut lil din id-dispożizzjoni, kif il-qorti tar-rinviju titlobha li tagħmel.

39     Għaldaqstant, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 34 u 35 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi eżaminat jekk fil-qasam partikolari li jaqa’ fih l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS, jiġifieri dak tal-privattivi, teżistix leġiżlazzjoni Komunitarja.

40     Madankollu, għandu jiġi stabbilit li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, dan mhuwiex il-każ.

41     Fil-fatt, fost l-atti Komunitarji ċċitati mill-qorti tar-rinviju, hija biss id-Direttiva 98/44 li tikkonċerna l-qasam proprju tal-privattivi. Madankollu, din id-Direttiva tirregola biss element limitat u iżolat ta’ dan il-qasam, jiġifieri il-jedd għall-privattiva ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, li barra minn hekk, hija totalment distinta mill-għan ta’ l-Artikolu 34 tal-Ftehim TRIPS.

42     Fir-rigward tar-Regolament Nru 2100/94, dan jistabbilixxi sistema ta’ protezzjoni Komunitarja dwar il-varjetà ta’ pjanti li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistgħux jiġu mqabbla mal-privattivi, kif sostniet ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. B’hekk, l-Artikolu 19 ta’ l-imsemmi Regolament jipprovdi terminu ta’ protezzjoni ta’ 25 sena, jew ta’ 30 sena, li jibda japplika mill-għoti tal-protezzjoni tagħha,

43     Fl-aħħar nett, fir-rigward ir-Regolament Nru 1768/92, li miegħu jista’ jiġi miżjud ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1610/96, tat-23 ta’ Lulju 1996, dwar il-ħolqien ta’ kull ċertifikat supplimentari ta’ ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 198, p. 30), għandu jiġi mfakkar li tali ċertifikat għandu l-għan li jikkumpensa l-perijodu fit-tul li jgħaddi bejn il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal privattiva u l-awtorizzazzjoni sabiex il-prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, billi jipprovdi, f’ċerti każijiet, perijodu supplementari ta’ protezzjoni tal-privattiva (ara, f’dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1768/92, is-sentenza tal-21 ta’ April 2005, Novartis et, C-207/03 u C-253/03, Ġabra. p. I-3209, punt 2).

44     Madankollu, iċ-ċertifikat supplementari ma jaffettwax il-portata nazzjonali, u għalhekk eventwalment differenti, mill-protezzjoni li tagħti l-privattiva, u lanqas, aktar speċifikament, il-perijodu nnifsu tal-privattiva, li jibqa’ rregolat mid-dritt nazzjonali,li permezz tiegħu kien inkiseb.

45     Dan jirriżulta mill-Artikolu 5 taż-żewġ Regolamenti msemmija iktar ‘il fuq, li jipprovdi li “iċ-ċertifikat għandu jagħti l-istess drittijiet bħal dawk mogħtija minn privattiva bażika u għandu jkun soġġett għall-istess limitazzjonijiet u l-istess obbligazzjonijiet.”, kif ukoll l-Artikolu 13(1) ta’ dawn ir-Regolamenti, li jipprovdi li “[i]ċ-ċertifikat jidħol fis-seħħ fit-tmiem tat-terminu leġittimu tal-privattiva bażika”.

46     Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li peress illi l-Komunità għadha ma eżerċitatx il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-privattivi jew, ta’ l-anqas, fuq il-livell intern, sa llum dan l-eżerċizzju baqa’ sinjifikattiv b’mod mhux suffiċjenti sabiex jista’ jiġi kkunsidrat li, fl-istat attwali, dan il-qasam huwa rregolat mid-dritt Komunitarju.

47     Fid-dawl tal-prinċipju mfakkar fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi deċiż li, peress li l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS jaqa’ taħt il-qasam li fih, f’dan l-istadju ta’ l-iżvilupp tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri jibqgħu prinċipalment kompetenti, huma għandhom dritt li jirrikonoxxu jew le effett dirett lil din id-dispożizzjoni.

48     F’dawn il-kundizzjonijiet ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-privattivi, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-Artikolu 33 tal-Ftehim TRIPS jiġi direttament applikat minn qorti nazzjonali fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

49     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijijet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam tal-privattivi, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-Artikolu 33 tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, li jinsab fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/400/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-ġurisdizzjoni tagħha, fuq il-ftehim milħuqa fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) jiġi direttament applikat minn qorti nazzjonali fil-kundizzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.