Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑259/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Rechtbank te Rotterdam (l-Olanda), permezz ta’ Deċiżjoni tat-8 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2005, fil-proċedimenti kriminali kontra

Omni Metal Service ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Settembru 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

– għal Omni Metal Service, minn R. Sinke u B. Veldhoven, advocaten,

– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u M. de Mol, kif ukoll minn P. van Ginneken, bħala aġenti,

– għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u M. Ribes, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Konstantinidis, bħala aġent, assistit minn P. Kugel, T. Ormond u P. Kuypers, advocaten,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal domada preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU L 30, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 tat-28 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 349, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament Nru 259/93”).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mibdija kontra Omni Metal Service talli esportat skart ta’ kejbils ta’ l-elettriku minn Spanja lejn iċ-Ċina, permezz ta’ tranżitu mit-territorju ta’ l-Olanda, mingħajr ma tat notifika ta’ dan it-trasferiment minn qabel lill-awtoritajiet Olandiżi.

Il-Kuntest Ġuridiku

3. L-Artikolu 1 tar- Regolament Nru 259/93 jiddisponi:

“1. Dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli għal vjaġġi bil-baħar ta’ skart fil-, ‘il ġewwa lejn u ‘l barra mill-Komunità.

[…]

3. a) Vjaġġi bil-baħar ta’ skart iddestinati għal irkupru biss u mniżżel fl-Anness II għandu wkoll ikunu eskluż mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ħlief kif hemm ipprovdut dwar dan fis-sub-paragrafi (b), (ċ), (d) u (e), fl-Artikolu 11 u fl-Artikolu 17(1), (2) u (3) [...]”

4. Skond it-termini ta’ l-Anness II tar- Regolament Nru 259/93, intitolat “Lista Ħadra ta’ Skart”:

“Indipendentament mill-inklużjoni tagħhom f’din il-lista, l-iskart ma jistax jiġi trasferit bħala skart suġġett għall kontrolli tal-lista ħadra jekk jirriżulta li jkun ikkontaminat minn sustanzi oħra b’mod li a) il-perikli relatati ma’ l-iskart jiżdiedu tant li jiġġustifikaw l-inklużjoni tagħhom fil-lista ambra jew ħamra, jew b) ma jkunx possibbli li dan l-iskart ikun irkuprat b’mod ekoloġikament razzjonali.

A. Skart tal-metal u lega tal-metal f’għamliet metalliċi, mhux dispersibbli

[…]

L-iskart li ġej minn u fdalijiet ta’ metalli mhux tal-ħadid u l-legi tagħhom:

GA 120 7404 00 Skart u fdalijiet tar-ramm

[…]

GC. Skart ieħor li jkun fih il-metall

GC 010 Muntaturi elettriċi li jikkonsistu biss f’metalli jew ligi..

GC 020 Ruttam ta’ l-elettronika (eż. bord taċ-ċirkuwitu stampati, komponenti elettroniċi, wajer, eċċ.) u komponenti elettroniċi li jerġgħu jinġabru adattati għall-bażi u ġbir mill-ġdid ta’ metall prezzjuż

[…]

GH. Solid Plastik Skart

Li jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal:

GH 010 3915 Skart, ċana u trufijiet tal-plastik:

[…]

GH 013 ex 3915 30 – Ta’ polymers tal-vinyl chloride

[...]”

5. Skond l-Artikolu 17 tar- Regolament Nru 259/93 :

“1. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ skart imniżżel fl-Anness II, il-Kummissjoni għandha tinnotifika qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lil kull pajjiż li għalih id-Deċiżjoni ta’ l-OECD ma tkunx tapplika l-lista ta’ skart inkluża f’dak l-Anness u titlob konferma bil-miktub li skart bħal dak ma jkunx suġġett għal kontroll fil-pajjiż tad-destinazzjoni u li dan ta’ l-aħħar jaċċetta kategoriji ta’ skart bħal dak li jkun ikkonsenjat mingħajr rikors għal proċeduri ta’ kontroll li japplikaw għall-Anness III jew IV jew li dan jindika meta dan l-iskart għandu jkun suġġett għal xi waħda mill-proċeduri provduti fl-Artikolu 15.

[...]

2. Meta l-iskart imniżżel fl-Anness II jkun esportat, dan għandu jkun iddestinat għal ħidmiet ta’ rkupru ġewwa faċilità li taħt il-liġi domestika tkun topera jew li tkun awtorizzata li topera fil-pajjiż li jimporta. [...]

[…]

8. Meta l-iskart għal irkupru mniżżel fl-Anness III u IV u skart għal irkupru li jkun għandu ma ġiex assenjat lill-Annessi II, III jew IV jkun esportat lil u ġewwa pajjiżi li dwarhom id-Deċiżjoni ta’ l-OECD ma tkunx tapplika:

– L-Artikolu 15, ħlief għall-paragrafu 3, għandu jkun applikabbli b’analoġija,

– oġġezzjonijiet raġjonevoli jistgħu jitqajmu skond l-Artikolu 7(4) biss,

ħlief fejn hemm provdut mod ieħor fi ftehim bilaterali jew multilaterali li jkun sar skond l-Artikolu 16(1)(b) u fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ kontroll jew tal-paragrafu 4 jew 6 ta’ dan l-Artikolu jew ta’ l-Artikolu 15”.

6. L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 259/93 jiddetermina l-proċedura applikabbli fl-esportazzjoni ta’ skart iddestinat għar-rimi. Din il-proċedura timplika b’mod partikolari notifika lill-awtorità kompetenti ta’ tranżitu.

7. L-Artikolu 26(1)(a) ta’ dan ir- Regolament jipprovdi:

“Kull konsenja ta’ skart magħmula:

a) mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompteneti konċernati kollha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

għandhom ikunu meqjusa bħala traffiku illegali.

[…]”

8. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/1999 tat-12 ta’ Lulju 1999, li jistabilixxi l-proċeduri ta’ kontroll skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 li għandhom japplikaw għat-trasport ta’ ċertu tipi ta’ skart lejn ċerti pajjiżi li għalihom ma tapplikax id-Deċiżjoni finali ta’ l-OECD C(92)39 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 185, p. 1), kif emendat permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2118/2003 (ĠU L 318, p. 5), jipprovdi, kif ukoll jirriżulta mill-Anness D tiegħu, li ċ-Ċina taċċetta, mingħajr ma jkun hemm bżonn tal-proċeduri ta’ kontroll previsti mir- Regolament Nru 259/93, iżda wara li ssir spezzjoni obbligatorja minn qabel miċ-China National Import and Export Commodities Inspection Corporation, trasferimenti ta’ skart li jidhru taħt l-intestatura GA 120 740400, GC 020, kif ukoll taħt is-sezzjoni GH ta’ l-Anness II tar- Regolament Nru 259/93 .

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9. Il-kumpannija Omni Metal Service, stabbilita fi Franza, tressqet quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 10.60 tal-liġi dwar il-ġestjoni ta’ l-ambjent (Wet milieubeheer) u ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 26 tar- Regolament Nru 259/93 .

10. Hija qed tiġi akkużata bil-ksur tad-dispożizzjonijiet tar- Regolament Nru 259/93 billi esportat, bejn wieħed u ieħor fil-15 ta’ Marzu 2004, minn Spanja lejn iċ-Ċina, bi tranżitu minn Rotterdam, 17-il kontenitur li kien fih fdalijiet ta’ kejbils elettroniċi (li jikkonsistu f’nukleu miksi bil-PVC b’dijametri varji b’wiesgħa ta’ mhux iktar minn 15-il ċentimetru) iddestinati għall-irkupru sabiex jintużaw mill-ġdid, mingħajr ma tat notifika ta’ dan it-trasferiment lill-awtoritajiet kompetenti.

11. Skond l-Openbaar Ministerie (il-prosekuzzjoni), tali skart ma jikkostitwix wajers u kejbils għal użu domestiku iżda kejbils għal użu taħt l-art u ta’ dijametru kbir intiżi għat-trasport ta‘ l-elettriku, u għaldaqstant ma jikkostitwixxix skart ta‘ tagħmir elettroniku fis-sens ta‘ l-intestatura GC 020 tal-Lista Ħadra ta’ Skart. L-għaqda mhux separata ta’ ramm u PVC ma tidhirx bħala tali fuq din il-lista u lanqas fil-listi previsti fl-Annessi III u IV tar- Regolament Nru 259/93, u peress li t-trasferiment tagħhom kellu jseħħ lejn Stat li mhuwiex membru ta’ l-OCDE, kien hemm il-ħtieġa ta’ notifika, b’mod partikolari lejn l-awtorità Olandiża, fil-kwalitŕ tagħha ta’ awtoritŕ ta’ tranżitu, kif ukoll jirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikoli 15 u 17(8) ta’ l-imsemmi Regolament.

12. Fl-opinjoni ta’ l-Openbaar Ministerie, l-interpretazzjoni proposta hija neċessarja fid-dawl, minn naħa, tal-bżonn ta’ l-interpretazzjoni tal-kategoriji ta’ skart li t-trasferiment tagħhom mhuwiex irregolat mir- Regolament Nru 259/93 biss, u min-naħa l-oħra, tad-duttrina li tirriżulta mis-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 1998, Beside u Besselsen, (C‑192/96, Ġabra p. I 4029, punti 32 u 34).

13. Min-naħa l-oħra, Omni Metal Service tqis li l-iskart in kwistjoni fil-kawża prinċipali ċertament jaqa’ taħt l-intestatura GC 020, imsemmija iktar ‘il fuq, peress li l-kompożizzjoni tal-kejbils hija l-uniku fattur determinanti għall-finijiet ta’ tali kwalifika, mhux id-djametru jew il-provenjenza tagħhom. Barra minn hekk, il-prattika segwita minn Spanja, il-pajjiż minn fejn intbagħtu, tikkonsisti, fil-preżenza ta’ taħlita ta’ skart differenti li jidhru fil-lista ħadra, f’li jitqiesu li jaqgħu taħt din il-lista, u konsegwentement li ssegwi l-proċedura rilevanti għaliha. Il-politika taċ-Ċina hija analoga, peress li dan l-Istat terz, fir-rigward ta’ kombinazzjoni ta’ ramm u PVC, sempliċement jissuġġetta l-importazzjoni għal spezzjoni miċ-China National Import and Export Commodities Inspection Corporation, fl-Istat minn fejn tintbgħat.

14. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank te Rotterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1) Jistgħu fdalijiet ta’ kejbils bħal dawk in kwistjoni (x’uħud minnhom b’dijametru ta’ 15-il ċentimetru) jitqiesu bħala ‘fdal elettroniku (eż. [...] wajer, etc.)’ fis-sens ta’ l-intestatura GC 020 tal-lista l-ħadra?

2) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb fin-negattiv għall-ewwel domanda, tista’ jew għandha kombinazzjoni ta’ sustanzi tal-lista l-ħadra, li ma tinsabx bħala tali fl-imsemmija lista, tiġi kkunsidrata bħala sustanza tal-lista l-ħadra u tista’ din it-taħlita ta’ sustanzi tiġi ttrasportata għal finijiet ta’ rkupru, mingħajr ma tkun applikabli l-proċedura ta’ notifika?

3) F’dan ir-rigward, huwa neċessarju li l-materjali ta’ skart jiġu offruti jew ittrasportati separatament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

15. Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li meta l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari, ir-rwol tagħha huwa li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-portata tar-regoli Komunitarji sabiex tippermettilha twettaq applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli għall-fatti mressqa quddiemha, sabiex ma tipproċedix hija stess għal tali evalwazzjoni, iktar milli tikklassifikhom hi stess, speċjalment meta l-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward.

16. Fil-fatt, il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 234 KE tistabbilixxi kooperazzjoni stretta bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq it-tqassim ta’ funzjonijiet bejniethom u tikkostitwixxi strument li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lill-qrati nazzjonali interpretazzjoni tal-partijiet tad-dritt Komunitarju li jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C 260/00 sa C 263/00, Ġabra p. I 10045, punt 27).

17. Bil-kontra, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex il-kompetenza tiddeċiedi dwar il-fatti tal-kawża prinċipali, jew tapplika r-regoli Komunitarji li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dan jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro, C 175/98 u C 177/98, Ġabra p. I 6881, punt 38, u tat-22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et , C 318/98, Ġabra p. I 4785, punt 32).

18. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża li jsir magħruf jekk l-intestatura GC 020 tal-Lista Ħadra ta’ Skart għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tkopri, u jekk dan huwa l-każ f’liema kundizzjonijiet, il-wajers tal-kejbils elettriċi.

19. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-kliem ta’ l-imsemmija intestatura li l-iskart li jkopri huwa l-iskart ta’ tagħmir elettriku kif ukoll il-komponenti elettroniċi rkuprati li minhomm huwa possibbli li jiġi estratt il-metal. Kif ukoll enfasizza l-Gvern Olandiż, il-wajers tal-kejbil huma msemmija minn naħa tagħhom bħala eżempju ta’ skart ta’ tagħmir elettroniku.

20. Isegwi, kif ukoll l-imsemmi Gvern u l-Kummissjoni sostnew ġustament, u kontra dak li ssostni Omni Metal Service, li l-intestatura GC 020 tipprevedi esklużivament il-wajers tal-kejbil meħuda mit-tagħmir elettroniku. Min-naħa l-oħra, din l-intestatura ma tapplikax fil-preżenza ta’ tipi oħra ta’ kejbil, b’mod partikolari dawk meħuda mill-apparat jew tagħmir elettroniku, peress li l-intestatura GC 010 tal-Lista Ħadra ta’ Skart tispeċifika barra minn hekk fir-rigward ta’ l-iskart meħud minn tali apparat li ma jaqax taħt din l-intestatura ħlief meta jikkonsisti f’metall jew legi biss.

21. Anki jekk id-deskrizzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li tirrigwarda l-kejbils in kwistjoni fil-kawża prinċipali tidher ta’ natura li tissuġġerixxi li ma tirrigwardax wajers tal-kejbil li kienu parti minn tagħmir elettroniku, Omni Metal Service sostniet, waqt is-seduta, li l-kejbils ma kienu bl-ebda mod iddestinati għat-trasport taħt l-art ta’ l-elettriku, hekk kif sostna l-Gvern Olandiż, iżda kienu fil-fatt ġejjin minn tali tagħmir elettroniku.

22. Kif ukoll ġie mfakkar fil-punti 15 sa 17 tal-kawża preżenti, il-konstatazzjoni tal-fatti meħtieġa f’dan ir-rigward taqa’ madankollu taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju.

23. Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-intestatura GC 020 tal-Lista Ħadra ta’ Skart li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 259/93 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix il-wajers tal-kejbil ħlief meta dawn jiġu minn tagħmir elettroniku.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

24. Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-esportazzjoni tal-kejbils elettroniċi magħmula minn nukleu tar-ramm miksi bil-PVC u mhux ramm u PVC li ġew isseparati minn qabel.

25. F’dawn iċ-ċirkustanzi t-tieni u t-tielet domandi tal-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu bħala intiżi essenzjalment sabiex isir magħruf jekk ir- Regolament Nru 259/93 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ trasferiment stabbilit skond dan ir-Regolament f’dak li jirrigwarda l-iskart li jidher fil-Lista Ħadra ta’ Skart japplikax fir-rigward ta’ tip ta’ skart kompost li, anki jekk mhux imsemmi f’din il-lista, ikun kombinazzjoni ta’ żewġ sustanzi li t-tnejn jidhru fuq l-istess lista.

26. Skond il-Gvern Olandiż u l-Gvern Portugiż, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Bil-kontra, Omni Metal Service żżomm l-argument żviluppat minnha quddiem il-qorti tar-rinviju li jgħid li tali skart kompost għandu jaqa’ taħt is-sistema applikabbli fil-Lista Ħadra ta’ Skart.

27. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk kombinazzjoni ta’ sustanzi li jidhru fil-Lista Ħadra ta’ Skart tista’ tiġi ttrasferita mingħajr notifika minn qabel jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ. Fl-opinjoni tagħha, nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu ta’ notifika jkun partikolarment ammissibbli fil-każ fejn il-pajjiż destinatarju jaċċetta l-iskart fid-dawl ta’ l-irkupru tagħhom, safejn is-sustanzi kkonċernati jidhru fil-Lista Ħadra ta’ Skart u li l-grad ta’ kontaminazzjoni ta’ l-iskart in kwistjoni ma jqajjem l-ebda oġġezzjoni.

28. B’mod kuntrarju, għandu jiġi dedott mill-introduzzjoni ta’ l-Anness II tar- Regolament Nru 259/93 li l-issuġġettar għas-sistema tal-Lista Ħadra ta’ Skart jiġi eskluż kull darba li jinstab riskju qawwi għall-ambjent jew impossibbiltà ta’ rkupru razzjonali tas-sustanzi diversi kkonċernati. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni għandha tal-fehma li notifika hija meħtieġa fil-każ fejn il-PVC ma jkunx dejjem bla perikolu għall-ambjent.

29. Kif sostniet qabel il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta b’mod partikolari mis-sitt u d-disa’ premessi tar- Regolament Nru 259/93 li s-sistema implementata għas-sorveljanza u l-kontroll tat-trasferimenti ta’ skart bejn Stati Membri stabbilita mill-imsemmi Regolament tissodisfa l-bżonn ta’ preżervazzjoni, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent u hija intiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent (ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑187/93, Ġabra p. I 2857, punt 18).

30. Il-ħdax u t-tnax-il premessa tar- Regolament Nru 259/93, jikkonfermaw minn naħa tagħhom li l-kontroll u s-sorveljanza stabbiliti minn dan ir-Regolament huma intiżi għall-protezzjoni ta’ l-ambjent mhux biss fil-Komunitŕ, iżda wkoll fil-pajjiżi terzi li lejhom jiġi esportat l-iskart mibgħut minn din ta’ l-aħħar.

31. Fir-rigward tal-fatt li t-trasferiment ta’ l-iskart intiż għall-irkupru u li jidher fil-Lista Ħadra ta’ Skart huwa, bħala eċċezzjoni, ġeneralment eskluż mill-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti mir- Regolament Nru 259/93 permezz ta’ l-Artikolu 1(3)(a) tiegħu, dan jiġi spjegat, kif tenfassizza ukoll l-erbatax-il premessa ta’ l-imsemmi Regolament, miċ-ċirkustanza fejn l-iskart normalment ma jippreżentax riskji għall-ambjent jekk l-irkupru tiegħu jsir skond ir-regoli nazzjonali tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Jirriżulta minn din il-preċiżazzjoni li l-elenkar ta’ tip ta’ skart fuq din il-lista u l-issuġġettar sussegwenti tiegħu għas-sistema ta’ kontroll u ta’ sorveljanza implementat mir- Regolament Nru 259/93 huwa r-riżultat ta’ eżami minn qabel fit-terminu li fih ġie konkluż tali nuqqas ta’ riskju.

32. Fir-rigward ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-sistema l-iktar flessibbli applikabbli għall-iskart li jidher fuq l-imsemmija Lista Ħadra ta’ Skart, jiġifieri n-nuqqas ta’ l-issuġġettar tagħhom għall-parti essenzjali tal-proċeduri ta’ kontroll u sorveljanza stabbiliti mir- Regolament Nru 259/93, m’għandiex, bħala prinċipju, tinftiehem li tapplika għall-iskart li ma jidhirx fuq din il-lista.

33. B’mod partikolari, ċirkustanza fejn tali skart ikun magħmul minn żewġ elementi li, meta intiżi b’mod separat jistgħu jikkostitwixxu skart li jidher fil-Lista Ħadra ta’ Skart, m’għandiex tkun konsegwenza awtomatika li tali kombinazzjoni ta’ skart taqa’ taħt din il-lista. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jiġi bbażat it-trattament ta’ l-iskart u r-riskji ambjentali eventwali marbuta mal-manipulazzjoni tiegħu ma tkunx neċessarjment identika skond jekk l-iskart ikkonċernat jikkonsistix f’għaqda komposta magħmula minn diversi elementi jew jekk kull wieħed mill-imsemmija elementi jikkostitwixxu skart distint.

34. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taħlita ta’ skart li tirrileva mil-Lista Ħadra ta’ Skart tista’ tagħmel parti mill-kategorija “AD 160 skart muniċipali/dimestiku” fis-sens tal-lista oranġjo tar- Regolament Nru 259/93, u żiedet li biss ġabra separata jew għażla korretta ta’ l-imsemmi skart tippermetti li dawn jaqgħu taħt din il-lista ħadra (ara f’dan is-sens, Beside u Besselsen, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 30 u 31).

35. A fortiori , skart uniku li jirriżulta minn kombinazzjoni permanenti u mhux taħlita inċidentali sempliċi, iż-żewġ sustanzi prinċipali msemmija fil-Lista Ħadra ta’ Skart ma jaqgħux taħt l-imsemmija lista, mingħajr id-dikjarazzjoni espressa tagħha stess.

36. F’dak li jirrigwarda l-approċċ tal-Kummissjoni, dan ma jistgħax jiġi segwit.

37. Fl-ewwel lok, dan l-approċċ mhuwiex kompatibbli ma’ l-għanijiet li jipprova jilħaq ir- Regolament Nru 259/93 safejn jipprevedi, kif deskritt fil-punti 28 sa 33 tal-kawża preżenti, li ma jissuġġettax it-trasferimenti ta’ tip ta’ skart għall-proċeduri ta’ kontroll u ta’ sorveljanza stabbiliti minnu billi jinkludi dan it-tip ta’ skart fil- Lista Ħadra ta’ Skart biss wara eżami preliminarju dwar ir-riskji ambjentali marbuta mat-trattament u l-manipulazzjoni ta’ l-imsemmi skart.

38. Fit-tieni lok, u kif ukoll ġie enfassizzat ġustament mill-Gvern Olandiż, approċċ ta’ każ b’każ kif propost mill-Kummissjoni jkun ta’ natura li joħloq inċertezza legali kemm fost l-operaturi ekonomiċi li jkunu msejħa sabiex jiddeċiedu f’dan ir-rigward u li jieħdu responsabbiltà għar-riskji, kif ukoll fost l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

39. Fir-rigward ta’ l-inċertezzi li joħloq, tali approċċ huwa wkoll ta’ natura li jinvalida l-għan tal-leġiżlatur Komunitarju li, billi rrikorra għall-forma ta’ regolament sabiex joħloq leġiżlazzjoni fir-rigward tat-trasferiment ta’ l-iskart, kellu speċifikament l-intenzjoni li jiggarantixxi applikazzjoni simultanja u konkordanti ta’ din il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri kollha, fejn tali armonizzazzjoni tirrigwarda mhux biss it-trasferimenti li jistgħu jitwettqu iżda wkoll il-proċedura applikabbli għalihom (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Daimler Chrysler, C‑324/99, Ġabra p. I-9897, punti 34 u 67).

40. Fit-tieni lok, it-teżi li l-Kummissjoni tiddefendi ma ssib l-ebda sostenn fit-test tar- Regolament Nru 259/93 . B’mod partikolari u kuntrarju għal dak li tipproponi l-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ l-Anness II tar- Regolament Nru 259/93 mhijiex ta’ natura li tkun il-bażi tal-konklużjoni li tgħid li skart li huwa kombinazzjoni ta’ żewġ sustanzi li jidhru fil-Lista Ħadra ta’ Skart għandha tiġi applikata fir-rigward tiegħu s-sistema prevista għall-iskart imsemmi f’din il-lista sakemm ma jirriżultax riskju qawwi għall-ambjent jew impossibbiltà ta’ rkupru razzjonali tad-diversi sustanzi kkonċernati.

41. Ma tistax issir assimilazzjoni pura u sempliċi ta’ l-ipoteżi prevista fl-imsemmija sentenza introduttiva li tirrigwarda l-każ fejn skart huwa “ikkontaminat” minn materjal “ieħor” mal-każ fejn skart jikkonsisti minn żewġ materjali li t-tnejn fihom komponenti intrinsiċi essenzjali. .

42. Fir-rigward ta’ dak kollu li ntqal qabel, ir-risposta għat-tieni u għall-ewwel domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 259/93 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza fejn skart kompost huwa kombinazzjoni ta’ żewġ sustanzi li huma mniżżla t-tnejn fil-Lista Ħadra ta’ Skart imsemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, m’għandhiex bħala konsegwenza li s-sistema stabbilita mill-imsemmi Regolament, safejn tirrigwarda l-iskart li jidher fuq din il-lista, tapplika fir-rigward ta’ tali skart kompost.

Fuq l-ispejjeż

43. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1) L-intestatura GC 020 tal-Lista Ħadra ta’ Skart li tidher fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93 ta’ l-1 ta’ Frar 1993 dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2557/2001 tat-28 ta’ Diċembru 2001, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tkoprix il-wajers tal-kejbil ħlief meta dawn jiġu minn tagħmir elettroniku.

2) Ir-Regolament Nru 259/93, kif emendat mir-Regolament Nru 2557/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza fejn skart kompost ikun kombinazzjoni ta’ żewġ sustanzi li huma mniżżla t-tnejn fil-Lista Ħadra ta’ Skart imsemmija fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, m’għandhiex bħala konsegwenza li s-sistema stabbilita mill-imsemmi regolament, safejn tirrigwarda l-iskart li jidher fuq din il-lista, tapplika fir-rigward ta’ tali skart kompost.