SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Jannar 2007 (*)

"Taxxi interni – Taxxa fuq il-karozzi – Dazju tas-sisa – Vetturi użati – Importazzjoni"

Fil-kawża C‑313/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2005, fil-kawża

Maciej Brzeziński

vs

Dyrektor Izby Celnej w Warszawie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, K. Schiemann (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Sztranc‑Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Brzeziński, minnu stess kif ukoll minn J. Martini, doradca podatkowy, u W. Ćwiek, doradca,

–       għall-Gvern Pollakk, minn J. Pietras u W. Bronicki kif ukoll minn E. Białas‑Giebajtow, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 25 KE, 28 KE u 90 KE, kif ukoll ta’ l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1).

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Brzeziński, u d-Dyrektor Izby Celnej w Warszawie (direttur tal-kummissjoni doganali ta’ Varsavja), dwar dazju tas-sisa impost fuqu meta xtara vettura użata fil-Ġermanja sabiex jimportaha fil-Polonja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 25 KE jipprovdi li:

"Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali."

4       L-Artikolu 28 KE jipprovdi li:

" »"Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri."

5       L-Artikolu 90 KE jaqra kif ġej:

"Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.

Barra dan, ebda Stat Membru ma għandu japplika fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra."

6       L-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 92/12 jiddisponi li:

"1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell tal-Komunità għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

–       żjut minerali,

–       alkoħol u xorb alkoħoliku,

–       tabakk maħdum.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b’dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati membri.

Bla ħsara għall-istess proviso, l-Istati Membri għandhom ukoll iżommu d-dritt li jimponu taxxi fuq il-provvista ta’ servizzi li ma jistgħux jiġu karatterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, inklużi dawk li jirrelataw ma’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7       L-Artikolu 2 tal-liġi tat-23 ta’ Jannar 2004, dwar id-dazji tas-sisa (Dz. U Nru 29, intestatura 257), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem il-liġi ta’ l-2004"), jiddisponi li:

"Għall-finijiet ta’ din il-liġi,

[…]

11)      ‘akkwist intra-Komunitarju’ għandha tfisser it-trasferiment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa mit-territorju ta’ Stat Membru lejn it-territorju nazzjonali;

[…]"

8       L-Artikolu 10(1) tal-liġi ta’ l-2004 jaqra kif ġej:

"Il-bażi taxxabbli, f’każ li r-rata tiġi espressa bħala perċentwali tal-bażi ta’ stima, hija:

1)      l-ammont dovut għall-bejgħ, fuq it-territorju nazzjonali, tal-prodotti suġġetti għas-sisa, mnaqqas bl-ammont tat-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi jew bl-ammont ta’ sisa dovuta għal dawn il-merkanziji;

2)      l-ammont li x-xerrej huwa obbligat iħallas għall-merkanziji suġġetti għas-sisa, fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju;

3)      l-ammont dovut għall-kunsinna tal-prodotti suġġetti għas-sisa fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-każ ta’ kunsinna fil-Komunità;

4)      il-valur doganali tal-prodotti suġġetti għas-sisa flimkien mad-dazji doganali dovuti, fil-każ ta’ importazzjoni, fid-dawl tal-paragrafi 6 sa 9."

9       L-Artikolu 75 tal-liġi ta’ l-2004 jipprovdi li:

"1.      Ir-rata ta’ taxxa fuq il-prodotti mhux armonizzati suġġetti għas-sisa hija ta’ 65% tal-bażi stabbilita fl-Artikolu 10, ħlief għar-rata applikabbli għall-enerġija elettrika.

[…]

3.      Il-Ministru kompetenti fil-qasam tal-finanzi pubbliċi jista’, b’digriet, inaqqas ir-rati tas-sisa stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, u jiddistingwihom skond it-tip ta’ prodott u jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħhom."

10     Skond l-Artikolu 80 tal-liġi ta’ l-2004:

"1.      Huma suġġetti għas-sisa l-karozzi mhux irreġistrati fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq.

2.      Dawn li ġejjin għandhom iħallsu dazju tas-sisa:

1)      il-persuni li jwettqu kull bejgħ ta’ karozzi qabel l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali;

2)      l-importaturi u l-persuni li jwettqu akkwisti fil-Komunità.

3.      Dazju tas-sisa fuq il-karozzi jiġi impost:

1)      fil-każ ta’ bejgħ, mill-kunsinna tal-fattura u, l-iktar tard, fi żmien sebat ijiem mill-ġurnata tal-kunsinna tal-merkanzija;

2)      fil-każ ta’ importazzjoni, mill-ġurnata meta jingħata lok għad-dejn doganali fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-liġi doganali;

3)      fil-każ ta’ akkwist fil-Komunità, mill-akkwiżizzjoni tad-dritt li l-persuna tuża l-karozza bħala proprjetarja u, l-iktar tard, mir-reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq.

4.      Il-Ministru kompetenti fil-qasam tal-finanzi pubbliċi jista’, b’digriet, jistabbilixxi l-informazzjoni li tikkonċerna l-karozzi, inkluża l-kapaċità ta’ ġarr ammissibbli tagħhom, għall-finijiet ta’ ġbir tad-dazju tas-sisa, fid-dawl tas-soluzzjonijiet applikati mid-dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi u l-bżonn li jiġi assigurat il-ġbir regolari tat-taxxi tas-sisa."

11     L-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004 jaqra kif ġej:

"Il-persuni li jwettqu fil-Komunità, akkwisti intra-Komunitarji ta’ karozzi mhux irreġistrati fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq, għandhom:

1)      jippreżentaw, meta ssir l-importazzjoni fit-territorju nazzjonali, dikjarazzjoni semplifikata fl-uffiċċju doganali kompetenti fi żmien ħamest ijiem mill-ġurnata ta’ l-akkwist fil-Komunità;

2)      iħallsu d-dazju tas-sisa l-iktar tard fid-data tar-reġistrazzjoni tal-vettura fil-pajjiż."

12     Skond l-Artikolu 82(3) tal-liġi ta’ l-2004, fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ karozza, il-bażi taxxabbli hija l-ammont li x-xerrej għandu jħallas lill-bejjiegħ.

13     L-Artikolu 7 tad-digriet tal-Ministru tal-Finanzi tat-22 ta’ April 2004, dwar it-tnaqqis tar-rata tad-dazju tas-sisa (Dz. U Nru 87, intestatura 825), fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem id-"digriet ta’ l-2004"), kif ukoll l-annessi 1 u 2 ta’ dan jindikaw li, għall-karozzi l-ġodda jew li għandhom inqas minn sentejn, ir-rata tad-dazju tas-sisa hija ta’ 3.1% jew ta’ 13.6% skond iċ-ċilindrata u li, min-naħa l-oħra, għall-vetturi ta’ iktar minn sentejn, din ir-rata, li hija ffissata skond il-formula ta’ kalkolu stabbilita fl-Artikolu 7(2) tad-digriet ta’ l-2004 u tvarja skond l-età tal-vettura u li tista’ tilħaq il-65% tal-bażi taxxabbli.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, is-Sur Brzeziński, xtara fil-Ġermanja karozza tad-ditta Volkswagen, mudell Golf II, iffabbrikata fl-1989, li wara huwa importata fil-Polonja. Fil-21 ta’ Ġunju 2004, skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004, huwa ppreżenta dikjarazzjoni semplifikata tal-formola AKC‑U dwar l-akkwist fil-Komunità ta’ din il-vettura. Fit-23 ta’ Ġunju ta’ wara, huwa ħallas ammont ta’ 855 PLN bħala dazju tas-sisa.

15     Permezz ta’ l-ittra tas-6 ta’ Lulju 2004, is-Sur Brzeziński talab il-ħlas lura tad-dazju tas-sisa li kien ħallas u li, il-fehma tiegħu, kien inġabret żbaljatament, peress illi l-ġbir ta’ taxxa bħal din imur kontra l-Artikoli 23 KE, 25 KE u 90 KE. Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2004, id-direttur ta’ l-uffiċċju doganali Nru 1 ta’ Varsavja ċaħad din it-talba.

16     Fit-2 ta’ Settembru 2004, is-Sur Brzeziński ppreżenta oġġezzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem id-Dyrektor Izby Celnej w Warszawie. Dan ta’ l-aħħar, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2005, ikkonferma d-deċiżjoni tad-direttur ta’ l-imsemmi uffiċċju doganali Nru 1 u ċaħad l-oġġezzjoni tar-rikorrent li dwarha kellu jiddeċiedi.

17     Fir-rikors tiegħu quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (Qorti Amministrattiva tal-voïvodie ta’ Varsavja) kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda, ir-rikorrent talab li din tiġi annullata u li tinħareġ inġunzjoni kontra l-amministrazzjoni tad-dwana sabiex tħallas lura l-ammont tad-dazju tas-sisa li din ġabret indebitament minnha minħabba l-inkompatibbiltà tiegħu ma’ dawn id-dispożizzjonijiet Komunitarji.

18     Bi tweġiba għall-ilmenti mqajma mir-rikorrent, id-Dyrektor Izby Celnej w Warszawie kkunsidra li r-raġuni bbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 90 KE ma kinitx fondata u talab li dan ir-rikors jiġi miċħud.

19     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 25 [KE] li jipprojbixxi d-dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni jew it-taxxi b’effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri jipprojbixxi lil Stat Membru milli japplika l-Artikolu 80 tal-[liġi ta’ l-2004] f’sitwazzjoni fejn id-dazju tas-sisa jinġabar fuq l-akkwist ta’ kull vettura indipendentement mill-post ta’ oriġini tagħha qabel l-ewwel reġistrazzjoni fit-territorju nazzjonali?

2)      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 [KE], li jiddisponi li ebda Stat Membru ma għandu jimponi direttament jew indirettament fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk imposti direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali, jawtorizza lil Stat Membru jistabbilixxi dazju tas-sisa fuq il-vetturi użati importati minn Stati Membri oħra filwaqt li fl-istess ħin jeżenta minn dawn id-dazji tas-sisa l-bejgħ ta’ vetturi użati diġà rreġistrati fil-Polonja, f’sitwazzjoni fejn id-dazju tas-sisa ġie impost fuq il-vetturi kollha mhux irreġistrati fit-territorju nazzjonali, skond l-Artikolu 80(1) tal-[liġi ta’ l-2004]?

3)      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 [KE], li jiddisponi li ebda Stat Membru ma għandu jimponi fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni ta’ tali natura li jagħtu protezzjoni indiretta lill-produzzjoni ta’ merkanzija oħra, jawtorizza lil Stat Membru jistabbilixxi dazju tas-sisa skond perċentwali li jvarjaw skond l-età tal-vettura u ċ-ċilindrata tal-mutur, indikati f’regolament ta’ implementazzjoni Pollakk ([l-Artikolu] 7 ta[d-digriet ta’ l-2004]), fuq vetturi użati importati minn Stati Membri oħra, meta huwa skond din l-istess formula li jiġu kkalkulati d-dazji fuq il-bejgħ ta’ vetturi użati fil-pajjiż li jsir qabel l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fit-territorju nazzjonali u meta dawn id-dazji sussegwentement jaffettwaw il-prezz ta’ din il-vettura meta terġa’ tinbiegħ?

4)      L-Artikolu 28 [KE], li permezz tiegħu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni kif ukoll kull miżura ta’ effett ekwivalenti huma pprojbiti bejn l-Istati Membri, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 92/12], jipprekludi Stat Membru milli jadotta d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81 tal-[liġi ta’ l-2004], li jipprovdi li l-persuni li jwettqu l-akkwist intra-Komunitarju ta’ karozzi mhux irreġistrati fit-territorju nazzjonali, skond id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tat-triq, huma obbligati, meta ssir l-importazzjoni fit-territorju nazzjonali, jippreżentaw dikjarazzjoni semplifikata fl-uffiċċju doganali kompetenti fi żmien ħamest ijiem mill-ġurnata ta’ l-akkwist intra-Komunitarju?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20     Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk dazju tas-sisa bħal dak stabbilit mil-liġi ta’ l-2004 jikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjonijiet jew taxxa li jkollha effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikolu 25 KE.

21     Taxxa bħal dik tad-dazju tas-sisa in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma.

22     Fir-rigward tal-kwistjoni jekk dazju bħal dan jaqax taħt il-kunċett ta’ taxxi b’effett ekwivalenti, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull piż pekunjarju impost unilateralment, jissejjaħ kif jissejjaħ u jkun x’ikun il-mod kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li hija taqsam il-fruntiera, meta huwa mhuwiex dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti fis-sens ta’ l-Artikoli 23 KE u 25 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 20, tat-2 ta’ April 1998, Outokumpu, C-213/96, Ġabra p. I-1777, punt 20, kif ukoll tal-5 ta’ Ottubru 2006, Nádasdi u Németh, C‑290/05 u C‑333/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

23     Dazju tas-sisa bħal dak stabbilit mil-liġi ta’ l-2004 ma jinġabarx minħabba l-qsim tal-fruntiera ta’ l-Istat Membru li stabbilixxa dan id-dazju. Fil-fatt, jirriżulta kemm mill-punt 3 ta’ l-Artikolu 80(3) ta’ l-istess liġi, kif ukoll minn preċiżazzjonijiet magħmula mill-Gvern Pollakk waqt is-seduta, li d-dazju tas-sisa jolqot il-vetturi awtomobilistiċi kollha qabel l-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fil-Polonja u li, sabiex jiġi ggarantit dan il-għan, numru ta’ fatturi jistgħu jagħtu lok għal dan id-dazju. B’hekk, jingħata lok għal dan id-dazju b’mod partikolari jew bil-bejgħ tal-vettura, jew, f’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju kif definit fil-punt 11 ta’ l-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, meta jiġi akkwistat id-dritt li l-persuna tuża l-vettura awtomobilistika bħala proprjetarju u, l-iktar tard, mir-reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali.

24     Tali dazju jaqa’ taħt is-sistema ġenerali ta’ taxxi interni fuq il-merkanzija u għandu għaldaqstant jiġi eżaminat fid-dawl ta’ l-Artikolu 90 KE.

25     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li dazju tas-sisa, bħal dak stabbilit fil-Polonja mil-liġi ta’ l-2004, li ma jaffettwax il-vetturi awtomobilistiċi minħabba l-fatt li jaqsmu l-fruntiera, ma jikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni u lanqas ma jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti fis-sens ta l-Artikolu 25 KE.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

26     Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 90 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dazju li għandu karatteristiċi bħal dawk tad-dazju tas-sisa stabbilit mil-liġi ta’ l-2004, minħabba li dan id-dazju japplika għall-akkwist ta’ vetturi użati li ġejjin minn Stati Membri oħra li mhumiex dak li stabilixxa d-dazju, iżda mhux għall-akkwist ta’ vetturi użati diġà rreġistrati f’dan l-Istat Membru ta’ l-aħħar, vetturi li għalihom diġà ġie applikat qabel ir-reġistrazzjoni inizjali tagħhom, peress li dazju bħal dan jista’ jikkostitwixxi taxxa interna fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra li teċċedi jew dik imposta direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali, fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE, jew dik imposta indirettament fuq prodotti ta’ Stati Membri oħra u hija ta’ tali natura li tipproteġi prodotti oħra, fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

27     Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 90 KE jikkompleta, fis-sistema tat-Trattat KE, id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija tad-dazji doganali u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tassigura l-moviment liberu tal-merkanzija bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 45).

28     Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-vetturi awtomobilistiċi użati importati, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 90 KE jfittex li jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u prodotti importati (ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C-387/01, Ġabra I-4981, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Nádasdi u Németh, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 46).

29     Skond ġurisprudenza ferm stabbilita, ikun hemm ksur ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE meta t-taxxa imposta fuq il-prodott importat u dik imposta fuq prodott simili nazzjonali huma kkalkolati b’mod differenti u skond modalitajiet differenti, b’mod li jwasslu, anki jekk biss f’ċerti każijiet, għal tassazzjoni ogħla tal-prodott importat (ara s-sentenza Weigel, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, skond din id-dispożizzjoni, dazju tas-sisa m’għandux jiġi impost fuq prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra b’mod iżjed oneruż minn prodotti simili nazzjonali.

30     F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali li d-domanda tal-qorti tar-rinviju, ibbażata fuq paragun bejn il-vetturi użati li diġà jinsabu fis-suq nazzjonali u dawk mixtrija fi Stat Membru ieħor, tqabbel żewġ kategoriji ta’ prodotti simili fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE. Min-naħa l-oħra, ebda element ta’ dan il-proċess ma jindika li t-tassazzjoni tal-vetturi użati mixtrija fi Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika tal-Polonja joħloq protezzjoniżmu indirett li jiffavorixxi prodotti differenti mill-vetturi bil-mutur u pprjobit mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.

31     Konsegwentement, id-iddazju tas-sisa in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi eżaminat esklużivament fid-dawl ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.

32     Sabiex tiġi ggarantita n-newtralità tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-vetturi awtomobilistiċi użati li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-vetturi simili importati minn Stat Membru ieħor li ma jkunx ir-Repubblika tal-Polonja, l-effetti tad-dazju tas-sisa impost fuq dawn il-vetturi ta’ l-aħħar għandhom jiġu mqabbla ma’ l-effetti tad-dazju tas-sisa residwu li huwa impost fuq l-ewwel vetturi, li diġà ġew suġġetti għall-istess dazju meta ġew irreġistrati l-ewwel darba.

33     Fil-kuntest ta’ tqabbil bħal dan, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li d-dazju tas-sisa in kwistjoni fil-kawża prinċipali jitħallas, għal kull vettura li hija intiża biex tiġi rreġistrata fil-Polonja, darba waħda biss, kemm fuq il-vetturi ġodda kif ukoll fuq il-vetturi użati, u indipendentement minn jekk ikunux ġew iffabbrikati fit-territorju nazzjonali jew jekk ikunux ġew importati minn Stati Membri oħra.

34     It-tieni nett, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ vetturi, jiġifieri, minn naħa, dawk li jinbigħu użati matul is-sentejn wara d-data tal-fabrikazzjoni tagħhom, fejn is-sena ta’ fabrikazzjoni tkun ikkunsidrata bħala l-ewwel sena, u, min-naħa l-oħra, dawk li jinbigħu użati wara dan il-perijodu ta’ sentejn.

35     L-ewwel nett, fir-rigward tal-vetturi awtomobilistiċi, mibjugħa ġodda jew użati matul dan il-perijodu ta’ sentejn, jirriżulta mid-digriet ta’ l-2004 li, kif intqal fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, huma ssuġġettati għal dazju tas-sisa kkalkulat skond l-istess rata.

36     Fir-rigward tal-vetturi użati ta’ inqas minn sentejn, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl, b’mod partikolari, tad-digriet ta’ l-2004, jekk effettivament humiex soġġetti, bħala dazju tas-sisa, għal piż identiku minħabba l-fatt li l-ammont residwu ta’ dan id-dazju inkluż fil-valur tas-suq tal-vetturi użati rreġistrati fil-Polonja huwa l-istess bħall-ammont ta’ l-istess dazju impost fuq il-vetturi użati simili li ġejjin minn Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika tal-Polonja.

37     Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dazju tas-sisa impost fuq il-vetturi użati mibjugħa iktar minn sentejn wara d-data tal-fabrikazzjoni tagħhom, ir-rata ta’ sisa hija kkalkulata skond il-formula prevista fl-Artikolu 7 tad-digriet ta’ l-2004. L-applikazzjoni ta’ din il-formula wasslet, kif enfasizzat il-Kummissjoni mingħajr ma ma ġiet ikkontestata mill-Gvern Pollakk, sabiex din ir-rata togħla skond l-età tal-vettura.

38     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk żieda bħal din fir-rata tolqot btaffettwax biss lill-vetturi użati li ġejjin minn Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika tal-Polonja u jekk, min-naħa l-oħra, għall-vetturi użati, irreġistrati bħala ġodda fil-Polonja, ir-rata ta’ dazju tas-sisa residwu inkluż fil-valur ta’ vettura bħal din jibqax kostanti.

39     F’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, l-argumenti ppreżentati mill-Gvern Pollakk sabiex jiġġustifika din id-differenza fit-tassazzjoni ma jistgħux jiġu aċċettati. L-ewwel nett, il-Gvern Pollakk semma’ preokkupazzjonijiet ta’ natura ambjentali, it-tieni nett, qal li jissusspetta, f’numru kbir ta’ każijiet, li l-prezz tax-xiri ddikjarati mill-awtoritajiet huwa ferm inqas mill-prezz effettivament imħallas u, fl-aħħar nett, osserva li din id-differenza ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni billi l-figuri juru li ma’ l-introduzzjoni ta’ dazju tas-sisa fuq il-vetturi użati mixtrija fl-Istati Membri l-oħra matul ix-xahar ta’ Mejju 2004 mill-ewwel kien hemm żieda ferm sinjifikattiva f’dan it-tip ta’ xiri.

40     Fil-fatt, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li li sistema ta’ tassazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli ma’ l-Artikolu 90 KE biss jekk jiġi stabbilit li topera b’mod li teskludi f’kull każ li l-prodotti importati jkunu intaxxati b’mod iżjed oneruż mill-prodotti nazzjonali u, għalhekk, li f’ebda każ, m’għandha effetti diskriminatorji (sentenzi Haahr Petroleum, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 34, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑375/95, Ġabra p. I‑5981, punt 29).

41     Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi hija li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dazju tas-sisa, safejn l-ammont tad-dazju impost fuq il-vetturi użati ta’ iktar minn sentejn mixtrija fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li stabbilixxa dazju bħal dan jaqbeż l-ammont residwu ta’ l-istess dazju inkluż fil-valur tas-suq ta’ vetturi simili rreġistrati qabel fl-Istat Membru li stabilixxa dan id-dazju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-digriet ta’ l-2004, għandhiex konsegwenza bħal din.

 Fuq ir-raba’ domanda

42     Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 28 KE u 3(3) tad-Direttiva 92/12 jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004 li tirrikjedi li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni semplifikata skond din l-aħħar dispożizzjoni fi żmien ħamest ijiem mill-ġurnata ta’ l-akkwist intra-Komunitarju.

43     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-differenza fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni, fis-sens li, skond is-Sur Brzeziński, dikjarazzjoni bħal din għandha tiġi ppreżentata fi żmien ħamest ijiem mill-ġurnata meta l-vettura tiġi akkwistata fil-Ġermanja u li, skond il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni, dan iż-żmien jibda jiddekorri mid-data tad-dħul effettiv tal-vettura fil-Polonja fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, m’għandha ebda influwenza fuq il-kwistjoni jekk dan ir-rekwiżit jikkostitwixxix ostakolu.

44     B’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skond li tistipula li miżura nazzjonali f’qasam li ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tad-dritt primarju (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32, u ta’ l-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 81), għandu jiġi eżaminat l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni semplifikata, l-ewwel nett fid-dawl tad-Direttiva 92/12 u, b’mod partikolari, tal-projbizzjoni ta’ tali formalità fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tiegħu, filwaqt li għalissa ma tiġi trattata l-kwistjoni jekk id-dazju tas-sisa effettivament ġiex armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell Komunitarju.

45     Hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 jista’ japplika biss jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni hija kkunsidrata bħala "formalità marbuta mal-qsim ta’ fruntiera" li tagħti lok għall-ġbir tad-dazju tas-sisa.

46     Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jqisu li dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali. Huma jsostnu, essenzjalment, li l-obbligu previst fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004 iqum wara l-importazzjoni fit-territorju nazzjonali tal-vettura suġġetta għad-dazju tas-sisa u għalhekk wara l-qsim tal-fruntiera. Il-Kummissjoni żżid li t-terminu li fih din il-formalità trid titwettaq jibda jiddekorri mill-ġurnata ta’ l-akkwist intra-Komunitarju tal-vettura, jiġifieri wara li din taqsam il-fruntiera.

47     F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni kollha in kwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi interpretata fis-sens li taha l-Gvern Pollakk. Fil-fatt, jekk id-dikjarazzjoni semplifikata għandha tkun ippreżentata meta jseħħ l-akkwist intra-Komunitarju tal-vettura, u għalhekk meta tinqasam il-fruntiera, tali formalità madankollu hija marbuta mhux ma’ dan il-qsim fis-sens ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12, iżda ma’ l-obbligu li jitħallas id-dazju tas-sisa.

48     Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, peress li l-għan tad-dikjarazzjoni semplifikata huwa li jiġi assigurat il-ħlas tad-dejn li jikkorrispondi għad-dazju tas-sisa, formalità bħal din hija marbuta ma’ l-avveniment li jagħti lok għad-dazju tas-sisa. Għalhekk, jekk tingħata din l-interpretazzjoni, dan id-dazju jkun dovut, kif jirriżulta mill-punt 3 ta’ l-Artikolu 80(3) tal-liġi ta’ l-2004, mill-akkwiżizzjoni tad-dritt li l-persuna tuża l-vettura awtomobilistika bħala proprjetarju u, l-iktar tard, mir-reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq.

49     Konsegwentement, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 ma japplikax għall-kawża prinċipali u għalhekk ma jistax jipprekludi l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni semplifikata f’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju.

50     Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita li obbligu bħal dan lanqas ma jista’ jiġi evalwat fid-dawl ta’ l-Artikolu 28 KE. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu ma jinkludix l-ostakoli koperti minn dispożizzjonijiet oħra partikolari u l-ostakoli ta’ natura fiskali jew li għandhom effett ekwivalenti għad-dazji doganali koperti mill-Artikoli 23 KE, 25 KE u 90 KE ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 28 KE (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias, C‑228/98, Ġabra p. I‑577, punt 39, u tas-17 ta’ Ġunju 2003, De Danske Bilimportører, C‑383/01, Ġabra p. I‑6065, punt 32).

51     Min-naħa l-oħra, peress illi ma jikkostitwixxix ostakolu veru ta’ natura fiskali, l-obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni semplifikata skond il-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004, huwa marbut b’mod strett mal-ħlas effettiv tad-dazju tas-sisa. Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li dan b’mod partikolari huwa intiż biex jassigura l-irkupru ta’ dan id-dazju.

52     F’dawn iċ-ċirkustanzi, obbligu bħal dak previst fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004 huwa biss il-korollarju ta’ l-issuġġettar tad-dazju tas-sisa tax-xerrej tal-vettura awtomobilistika u, konsegwentement, l-Artikolu 28 KE ma jistax ikun applikabbli.

53     Għaldaqstant, jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li lil-Artikolu 28 KE ma japplikax għal dikjarazzjoni semplifikata bħal dik prevista fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi ta’ l-2004 u li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 ma jipprekludix dikjarazzjoni bħal din meta l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha ssir malli jiġi akkwistat id-dritt li persuna tuża l-vettura awtomobilistika bħala proprjetarju u, l-iktar tard, mir-reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq.

 Fuq il-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ din is-sentenza fiż-żmien

54     Fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub il-Gvern Pollakk talab lill-Qorti tal-Ġustizzja li, f’każ li fis-sentenza li għandha tagħti tiddeċiedi li l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE jipprekludi l-ġbir ta’dazju tas-sisa bħal dak stabbilit mil-liġi ta’ l-2004, hija tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha fiż-żmien.

55     Skond ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, jekk ikun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel is-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li tiġi mressqa kontroversja dwar l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 27; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 141, kif ukoll ta’ l-10 ta’ Jannar 2006, Skov u Bilka, C-402/03, Ġabra p. I-199, punt 50).

56     Għaldaqstant, huwa biss f’każijiet għal kollox eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarja, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija interpretat sabiex tqajjem dubju fir-rigward ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tista’ tiġi stabbilita, huwa neċessarju li żewġ kriterji essenzjali jkunu sodisfatti, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Vroege, C-57/93, Ġabra p. I-4541, punt 21; tat-12 ta’ Ottubru 2000, Cooke, C-372/98, Ġabra p. I-8683, punt 42, kif ukoll ta’ Skov u Bilka, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 51).

57     Il-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament irrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, b’mod partikolari meta kienet teżisti probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward ta’ l-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ April 2006, Richards, C‑423/04, Ġabra p. I‑3585, punt 42).

58     Ukoll skond ġurisprudenza stabbilita, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien (sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 52, u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 68).

59     Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, il-Gvern Pollakk, waqt is-seduta, ipproduċa data li tirrigwarda l-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja ma’ l-Unjoni Ewropea, sat-30 ta’ April 2006, jiġifieri perijodu ta’ sentejn u li turi li t-total tad-dazji tas-sisa imposti fuq il-vetturi ta’ turiżmu kien ta’ 1.16% tad-dħul tal-baġit previst għas-sena 2006. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx analiżi ta’ dawn il-figuri, li tippermetti li jiġi evalwat il-proporzjon ta’ dan it-total li jista’ jagħti lok għal rimbors. Għandu jingħad ukoll li għandu jitħallas lura biss l-ammont ta’ dazju tas-sisa li jeċċedi dak li jikkorispondi għad-dazju residwu inkluż f’vettura użata simili li toriġina mill-Istat Membru kkonċernat.

60     GħaldaqstantGħaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza, ta’ natura li tiġġustifika limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ din is-sentenza fiż-żmien ma tistax tiġi kkunsidrata bħala stabbilita.

61     F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhuwiex neċessarju li jiġi vverifikat jekk huwiex sodisfatt il-kriterju relattiv għall-bona fide tal-persuni kkonċernati.

62     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li mhemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

63     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Dazju tas-sisa, bħal dak stabbilit fil-Polonja mil-liġi tat-23 ta’ Jannar 2004 dwar id-dazji tas-sisa, li ma jaffettwax il-vetturi awtomobilistiċi minħabba l-fatt li jaqsmu l-fruntiera, ma jikkostitwixxix dazju doganali fuq l-importazzjoni u lanqas ma jikkostitwixxi taxxa b’effett ekwivalenti fis-sens ta l-Artikolu 25 KE.

2)      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dazju tas-sisa, safejn l-ammont tad-dazju impost fuq il-vetturi użati ta’ iktar minn sentejn mixtrija fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak li stabbilixxa dazju bħal dan jaqbeż l-ammont residwu ta’ l-istess dazju inkluż fil-valur tas-suq ta’ vetturi simili rreġistrati qabel fl-Istat Membru li stabilixxa dan id-dazju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-digriet tal-Ministru tal-Finanzi tat-22 ta’ April l-2004, dwar it-tnaqqis tad-dazju tas-sisa, għandhiex konsegwenza bħal din

3)      L-Artikolu 28 KE ma japplikax għal dikjarazzjoni semplifikata bħal dik prevista fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 81(1) tal-liġi tat-23 ta’ Jannar 2004, dwar id-dazji tas-sisa, u l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, ma jipprekludix dikjarazzjoni bħal din meta l-leġiżlazzjoni in kwistjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija dikjarazzjoni għandha ssir malli jiġi akkwistat id-dritt li persuna tuża l-vettura awtomobilistika bħala proprjetarju u, l-iktar tard, mir-reġistrazzjoni tagħha fit-territorju nazzjonali skond il-kodiċi tat-triq.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.